Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE1000

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru

    ĠU C 256, 27.10.2007, p. 114–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 256/114


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru”

    (2007/C 256/21)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew irċieva ittra, bid-data tat-13 ta' Frar 2007, mill-futura Presidenza Portugiża dwar: Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali – ir-rwol tas-soċjetà ċivil, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Pariza Castaños.

    Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (sessjoni tal-11 ta' Lulju 2007), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'141 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Il-proposti tal-KESE fil-qosor

    1.1

    L-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fid-dinja tan-negozju u fis-suq tax-xogħol hija problema serja tas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, għall-kumpaniji, għall-ħaddiema rġiel u nisa, għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili. Il-KESE jikkunsidra li wasal il-waqt li jingħata impuls ġdid lill-politiki ta' l-ugwaljanza, permezz ta' miżuri attivi fis-suq tax-xogħol, fl-inizjattiva intraprenditorjali u fl-organizzazzjoni tal-ħajja soċjali.

    1.2

    L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija sfida kruċjali għall-ġejjieni ta' l-Ewropa, u għalhekk il-Kumitat jipproponi li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ġeneru fl-aġenda ta' Lisbona u li l-aspetti li ġejjin jiġu inklużi fir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-linji gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol kif ukoll fl-aġenda soċjali u fil-pjanijiet nazzjonali ta' riforma.

    1.2.1

    L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw b'mod deċiżiv il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jaħtru uffiċjal nazzjonali għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas tal-pjanijiet nazzjonali ta' riforma.

    1.2.2

    Għandu jkun hemm objettivi ġodda speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tax-xogħol, b'indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, peress li huwa importanti ħafna li jkun hemm iktar intraprendituri nisa, li n-nisa jkollhom impjieg u li tittejjeb il-kwalità ta' dan l-impjieg.

    1.2.3

    Għandhom jiġu determinati objettivi speċifiċi sabiex jitneħħew (speċjalment fil-qasam ta' l-edukazzjoni) l-istereotipi marbutin mal-ġeneru li jillimitaw l-ispirtu intraprenditorjali tan-nisa.

    1.2.4

    Għandha tittejjeb il-gvernanza billi jkun hemm parteċipazzjoni adegwata ta' l-imsieħba soċjali u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment fuq il-livelli lokali u reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-pjanijiet nazzjonali ta' riforma.

    1.2.5

    Għandha tittejjeb it-trasparenza tas-servizzi pubbliċi għall-impjieg u ta' l-aġenziji privati sabiex tiġi promossa l-ugwaljanza u titneħħa d-diskriminazzjoni mill-proċeduri ta' reklutaġġ.

    1.2.6

    L-istituzzjonijiet li jissorveljaw lis-settur tas-servizzi finanzjarji għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex meta jiġu eżaminati t-talbiet għall-kreditu tan-nisa intraprendituri dawn ta' l-aħħar ma jkunux il-vittmi ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru. Jeħtieġ li jkun hemm ukoll għajnuniet pubbliċi għall-aċċess għall-kreditu fuq kollox għan-nisa li qegħdin jieħdu l-pass ta' attività ekonomika għall-ewwel darba.

    1.2.7

    Għandu jkun hemm objettivi preċiżi għall-promozzjoni ta' l-edukazzjoni universitarja u t-taħriġ vokazzjonali u l-aċċess tan-nisa u l-irġiel għall-professjonijiet kollha, mingħajr stereotipi kulturali.

    1.2.8

    Għandhom jiġu pprovduti appoġġ u assistenza lill-imsieħba soċjali, b'mod speċjali fuq il-livelli settorali u reġjonali sabiex jitneħħew, permezz tan-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali, l-iżbilanċji bejn is-sessi li jpoġġu lin-nisa f'sitwazzjoni inferjuri fil-kumpaniji.

    1.2.9

    Il-pjanijiet ta' ugwaljanza u l-miżuri ta' azzjoni pożittiva li l-imsieħba soċjali jinnegozjaw u jimplimentaw f'ħafna kumpaniji u setturi, għandhom jiġu żviluppati u għandhom jiġu appoġġjati mill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll mir-riżorsi Komunitarji tal-Fond Soċjali Ewropew.

    1.2.10

    Il-linji gwida ta' l-UE għandhom jinfurzaw l-objettivi nazzjonali għall-paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz ta' indikaturi preċiżi.

    1.2.11

    Fuq il-livelli lokali u reġjonali, għandhom jiġu implimentati programmi speċifiċi mmirati lejn l-aċċess għax-xogħol u l-ħolqien ta' intrapriżi min-nisa immigranti u gruppi minoritarji.

    1.2.12

    Hemm ukoll bżonn ta' programmi u objettivi speċifiċi għan-nisa b'diżabilità.

    1.2.13

    Il-pjanijiet nazzjonali ta' riforma tas-sistema ta' kalkolu tal-pensjoni għandhom jagħmlu mezz li jiġi evitat li ħafna nisa jitilfu l-pensjoni tagħhom jew li l-pensjoni tan-nisa tonqos b'mod drastiku minħabba li għandhom impjieg part time jew minħabba interruzzjonijiet fil-karriera kkawżati fost affarijiet oħra minn obbligazzjonijiet familjali. In-nisa ko-intraprendituri miżżewġin għandu jkollhom status legali adegwat.

    1.2.14

    L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jikkollaboraw mal-kumpaniji u mal-ħaddiema sabiex jassiguraw ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali u l-ħajja tax-xogħol.

    1.2.15

    Minħabba t-tixjiħ tal-ġenerazzjoni attwali tal-kapijiet ta' l-intrapriżi, il-kwistjoni tat-trasferiment ta' ħafna intrapriżi, b'mod partikulari l-SMEs, toffri opportunità għall-aċċess tan-nisa għal postijiet tax-xogħol fil-ġestjoni ta' l-intrapriżi. Huwa kruċjali li dan it-trasferiment jitħejja permezz ta' miżuri nazzjonali jew lokali li jiffaċilitaw it-trasferiment ta' dawn l-intrapriżi lin-nisa. Fuq livell Ewropew, huwa xieraq li ssir analiżi tas-sitwazzjoni u li jkun hemm ġabra ta' miżuri ta' appoġġ li jservu ta' inċentiv.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-futura Presidenza Portugiża ta' l-UE talbet lill-KESE sabiex jipprepara Opinjoni esploratorja dwar “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru” bil-għan li tħejji l-ħidma tal-Presidenza.

    2.2

    Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Presidenza Portugiża għat-tisħiħ tal-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-linji gwida integrati ġodda għat-tkabbir u għax-xogħol (2008-2010) permezz ta' l-integrazzjoni tal-perespettiva tal-ġeneru u l-applikazzjoni tagħha min-naħa tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali, kif ukoll min-naħa tal-gvernijiet, għaliex l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija sfida għas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi.

    2.3

    It-Trattat jispjega b'mod ċar li l-objettivi ta' l-UE jinkludu l-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali, livell għoli ta' impjieg u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

    2.4

    L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, iggarantita mit-Trattat u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE għandhom l-obbligazzjoni li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni li huma vittmi tagħha n-nisa u jippromovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-leġislazzjoni u l-politiki pubbliċi.

    2.5

    L-UE għandha acquis konsiderevoli ta' politiki għall-ugwaljanza. Fir-rigward tal-politiki ta' l-impjieg u tal-leġislazzjoni tax-xogħol, ta' min isemmi d-Direttivi 2002/73/EC dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ u l-promozzjoni, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; u d-Direttiva 2004/113/EC dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fl-ambitu ta' l-aċċess għall-prodotti u għas-servizzi u l-proviżjoni tagħhom.

    2.6

    Il-KESE ħejja diversi Opinjonijiet f'dawn l-aħħar snin (1) u permezz tagħhom qiegħed jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-aquis tal-Komunità, it-titjib tal-leġislazzjoni u l-kwalità tal-politiki ta' l-ugwaljanza. Il-Kumitat approva l-istrateġija Ewropea għall-impjieg u enfasizza l-isforz pożittiv li sar sabiex jiġu solvuti l-problemi nazzjonali u lokali, permezz ta' azzjoni konġunta u kkoordinata fuq il-livell Ewropew. Il-Kumitat jikkunsidra li huwa neċessarju li dan l-isforz jiġi appoġġjat permezz ta' numru ikbar ta' azzjonijiet u koordinazzjoni mtejba

    2.7

    Il-KESE jixtieq jevalwa l-politiki li ġew adottati s'issa, jenfasizza l-prattika tajba u jipproponi xi inizjattivi ġodda sabiex in-nisa Ewropej jiżviluppaw l-ispirtu intraprenditorjali tagħhom u jkunu iktar attivi fis-suq tax-xogħol. Din l-Opinjoni tikkontribwixxi għad-dibattitu dwar l-evoluzzjoni u r-riforma ta' l-aġenda ta' Lisbona, u l-proposti jistgħu jiġu żviluppati fil-qafas tar-reviżjoni ta' l-istrateteġija integrata għat-tkabbir u għax-xogħol fil-pjanijiet nazzjonali ta' riforma futuri.

    3.   L-Aġenda ta' Lisbona

    3.1

    L-Istrateġija ta' Lisbona ssejjaħ għal impjieg sħiħ fl-Ewropa, permezz tat-tisħiħ tal-kwalità u l-produttività fix-xogħol, il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, flimkien ma' gvernanza aħjar, fil-kuntest ta' soċjetà ta' l-għarfien adattata għall-għażliet personali tan-nisa u ta' l-irġiel. Għall-ewwel darba, qiegħda tiġi stabbilita bażi għall-kejl kwantitattiv ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-ambitu ekonomiku, bil-għan li l-impjieg tan-nisa jilħaq is-60 % sa l-2010.

    3.2

    Fuq it-talba tal-Kunsill Ewropew, il-KESE qiegħed jikkollabora ma' l-imsieħba nazzjonali għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Lisbona (2).

    3.3

    Minkejja r-riżultati tajbin li nkisbu, l-esperjenza wriet li jeħtieġ li jsiru riformi ikbar fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, sabiex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħtu joħolqu l-intrapriżi bl-istess kundizzjonijiet u jkollhom aċċess ugwali għall-impjieg.

    3.4

    Fl-Ewropa n-nisa għad m'għandhomx l-istess opportunitajiet intraprenditorjali bħall-irġiel u lanqas l-istess possibilitajiet fis-suq tax-xogħol. B'konsegwenza ta' l-istereotipi soċjali u kulturali li ntwirtu mill-passat, ir-rata ta' attività tan-nisa hija globalment iktar baxxa minn dik ta' l-irġiel u għad hemm segregazzjoni okkupazzjonali fis-suq tax-xogħol. B'mod ġenerali, in-nisa għandhom xogħlijiet inqas stabbli u ta' kwalità iktar baxxa, b'salarji iktar baxxi, u jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ikbar meta jiġu biex jiżviluppaw il-kwalifiki professjonali tagħhom. In-nisa intraprendituri jiltaqgħu ma' numru ikbar ta' ostakoli fl-aċċess għall-finanzjament.

    3.5

    Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ġeneru fl-Istrateġija ta' Lisbona, billi ssir reviżjoni ta' l-objettivi Komunitarji u nazzjonali, sabiex in-numru ta' nisa intraprendituri jikber, jiġi assigurat l-impjieg u sabiex l-impjieg tan-nisa jkun ta' kwalità itjeb. Kwalità hawn tfisser diversifikazzjoni professjonali ikbar, ugwaljanza salarjali, stabbiltà ikbar u aċċess itjeb għat-taħriġ u l-promozzjoni fix-xogħol.

    3.6

    Wara r-reviżjoni tiegħu ta' nofs it-term, f'Marzu 2005 il-Kunsill approva it-“Tnedija mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Lisbona”, li kellha l-objettiv ewlieni li ma tikkonċentrax l-attenzjoni kollha fuq l-objettivi kwantitattivi biss iżda pjuttost fuq il-politiki u l-inizjattivi prattiċi li għandhom jiġu implimentati sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Il-prijoritajiet huma: il-ħolqien ta' numru ikbar ta' impjiegi ta' kwalità ogħla billi numru ikbar ta' persuni jiġu attratti lejn u miżmuma fis-suq tax-xogħol; il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' ħarsien soċjali; it-titjib ta' l-adattabilità u s-sigurtà tas-swieq tax-xogħol; iż-żieda fil-flessibilità u s-sigurtà tas-swieq tax-xogħol; u ż-żieda fl-investimenti fil-kapital uman permezz ta' titjib fl-edukazzjoni u l-kwalifiki (3).

    3.7

    Din l-Aġenda ta' Lisbona riveduta tenfasizza wkoll l-importanza ta' gvernanza tajba permezz ta' approċċ politiku iktar effiċjenti, li jgħaqqad lill-partijiet interessati kollha, l-Istati Membri, iċ-ċittadini, il-Parlamenti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, flimkien ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji, f'viżjoni komuni għall-progress u l-opportunitajiet għall-ġejjini. Il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju li tittejjeb il-gvernanza ta' l-aġenda ta' Lisbona permezz ta' parteċipazzjoni iktar attiva tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-korpi lokali u reġjonali.

    3.8

    Il-KESE jenfasizza li huwa importanti li l-imsieħba soċjali jipparteċipaw fl-iktar fażi bikrija possibbli tat-tħejjija tal-linji gwida, u li għandhom ikunu kkonsultati dwar l-aspetti li jikkonċernaw l-integrazzjoni tal-kriterji tal-ġeneru.

    3.9

    Il-linji gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol (2005-2008), li jiffurmaw bażi għat-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta' riforma ta' l-Istati Membri, jinfurzaw il-bżonn ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet stabbiliti billi jiġu kkombinati miżuri speċifiċi dwar l-impjieg tan-nisa ma' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza fl-inizjattivi meħuda kollha (4).

    3.10

    Il-KESE, kif diġà stqarr fl-Opinjoni tiegħu dwar il-linji gwida għax-xogħol, huwa sorpriż li minkejja l-fatt li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ambitu ta' l-impjieg hija waħda mit-temi ewlenin ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, m'hemm l-ebda linja gwida speċifika dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (5).

    3.11

    L-evalwazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Lisbona u tal-programmi nazzjonali ta' riforma (6) tenfasizza l-bżonn li jissaħħu l-politiki għall-opportunitajiet ugwali għall-irġiel u għan-nisa, billi jiġu stabbiliti miżuri li jikkontribwixxu għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata.

    3.12

    Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2006-2007 laqa' b'mod pożittiv iż-żieda mgħaġġla fir-rati ta' impjieg tan-nisa u kkunsidra li dawn jirrappreżentaw pass 'il quddiem fit-triq lejn l-objettiv ta' Lisbona (7). Madankollu, jenfasizza li fil-biċċa l-kbira tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri m'hemm l-ebda referenza għall-miżuri speċifiċi mmirati lejn il-promozzjoni ta' l-impjieg tan-nisa jew għat-tnaqqis tad-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, bl-eċċezzjoni tal-miżuri mmirati lejn titjib ta' l-aċċess għall-faċilitajiet għall-kura tat-tfal. Ċerti Stati Membri (AT, BE, DK, DE, ES, IE, IT, LU, PT u UK) stabbilixxew objettivi nazzjonali dwar il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, iżda ftit ħabbru progress lejn l-objettiv Ewropew f'dan l-ambitu. Il-progress lejn dan l-objettiv għadu qiegħed isir bil-mod. Fl-AT, DK, FI, IE, MT u NL biss jeżistu miżuri li għandhom l-objettiv li iktar nies ikollhom aċċess għal dawn il-faċilitajiet permezz ta' prezzi massimi jew spejjeż imnaqqsa. Ma jissemmiex il-bżonn li jkun imsaħħaħ ir-rwol ta' l-irġiel fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja familjali. SI niedet kampanja sabiex l-irġiel jaqdu rwol iktar attiv fil-ħajja familjali; LT introduċiet possibilitajiet ġodda għall-leave mħallas tal-missier u CZ, DE u EL ser jestendu l-opportunità sabiex il-missirijiet jieħdu l-leave parentali.

    4.   Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel

    4.1

    Il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (8) approvat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2006, jirrapreżenta progess kwalitattiv, billi jagħti lill-Istati Membri kollha l-objettiv komuni li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    4.2

    Il-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010 adottat mill-Kummissjoni, jistabbilixxi sitt oqsma prijoritarji għall-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea: indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel; rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u professjonali; rappreżentazzjoni indaqs fit-teħid ta' deċiżjonijiet; it-tneħħija ta' kull forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; it-tneħħija ta' l-istereotipi sessisti u l-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u dawk ta' żvilupp (9).

    4.3

    Bil-għan li tittejjeb il-gvernanza fl-ambitu ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-Pjan jistabbilixxi wkoll serje ta' azzjonijiet tassew rilevanti u l-Kummissjoni timpenja ruħha li ssegwi mill-qrib il-progress li jsir f'dan il-qasam.

    4.4

    Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010, il-KESE jilqa' r-rieda politika tal-Kummissjoni li tkompli tikkunsidra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala prijorità fil-programm ta' rotta tagħha għall-perijodu 2006-2010 u jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-partijiet interessati kollha fl-applikazzjoni ta' l-attivitajiet tagħha (10).

    4.5

    Il-KESE appoġġja wkoll il-ħolqien ta' l-Istitut Ewropew tal-Ġeneru (11).

    4.6

    Il-KESE jikkunsidra li wasal il-waqt li jingħata impuls ġdid lill-politiki ta' l-ugwaljanza, permezz ta' miżuri attivi fis-suq tax-xogħol, fil-ħolqien ta' l-intrapriżi u fl-organizzazzjoni tal-ħajja soċjali. Ħafna Stati Membri qegħdin jadottaw leġislazzjoni ġdida sabiex jassiguraw l-ugwaljanza effettiva tan-nisa u ta' l-irġiel fil-politika, fl-organizzazzjonijiet soċjali u fil-kumpaniji, fuq il-livelli tal-ħaddiema, tal-ġestjoni u ta' l-amministrazzjoni. B'mod ġenerali, il-KESE jappoġġja dawn ir-riformi, li jinkludu politiki attivi bbażati fuq leġislazzjoni razzjonali li tiggarantixxi ħarsien ġenwin għall-impjieg u li tipprovdi l-istabilità u s-sigurtà indispensabbli.

    5.   Proposti tal-KESE: It-tisħiħ tad-dimensjoni tal-ġeneru fl-Aġenda ta' Lisbona

    5.1

    L-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fid-dinja tan-negozju u fis-suq tax-xogħol hija problema serja għas-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, għall-intrapriżi, għall-ħaddiema rġiel u nisa, għall-gvernijiet, għall-imsieħba soċjali u għas-soċjetà ċivili. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija sfida kruċjali għall-ġejjieni ta' l-Ewropa.

    5.2

    Il-KESE japprova r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2007 (12) dwar il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010, b'mod partikulari punt 17 li “jitlob lill-Istati Membri biex iżidu jew isaħħu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali sabiex jiġu inklużi miżuri biex jgħinu lin-nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol fuq bażi ta' dinjità ugwali u pagi ugwali għal xogħol ugwali, miżuri biex jippromovu l-attività intraprenditorjali fost in-nisa” u punt 20 li “jitlob lill-Istati Membri biex jinnominaw uffiċjal nazzjonali responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi rigward l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Lisbona bl-inkarigu li jipparteċipa fit-tfassil u r-reviżjoni tal-pjanijiet nazzjonali differenti u biex jimmoniterja l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru in ġenerali u b'mod partikulari fil-baġit fir-rigward ta' politiki u objettivi stabbiliti f'dawn il-pjanijiet.”

    5.3

    Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-pjanijiet nazzjonali ġodda għar-riforma jinkludu l-obbligazzjoni li l-Istati Membri jaħtru uffiċjal nazzjonali responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi.

    5.4

    Il-linji gwida għax-xogħol għandhom jistabbilixxu objettivi konkreti u jtejbu l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi meħtieġa għall-evalwazzjoni komparattiva tal-progress li jsir fl-Istati Membri fl-ambitu ta' l-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u fl-inizjattivi intraprenditorjali.

    5.5

    Il-KESE jikkunsidra li l-UE għandha tagħti attenzjoni ikbar lin-nisa li jaħdmu f'żoni rurali li jiddependu mill-agrikoltura, fejn l-edukazzjoni m'hijiex prijorità, u tappoġġja l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    5.6

    F'isem is-sussidjarjetà, ċerti gvernijiet qegħdin jippruvaw ibaxxu l-livell ta' l-eżiġenzi Komunitarji fir-rigward tal-pjanijiet nazzjonali għar-riforma. Madankollu, il-KESE jikkunsidra li globalment il-linji gwida integrati huma flessibbli biżżejjed sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu s-soluzzjonijiet li jaqdu l-bżonnijiet tagħhom bl-aqwa mod.

    5.7

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li fir-rigward tas-sussidjarjetà jeħtieġ li jiġi msaħħaħ l-aspett Komunitarju ta' l-Aġenda ta' Lisbona u tal-linji gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol. Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2006-2010), il-Kumitat stqarr li hemm bżonn ta' prijoritajiet komuni fl-ambitu tal-koordinazzjoni tal-politiki ta' l-impjieg bil-għan li tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa. Meta tiġi biex tevalwa l-programmi nazzjonali ta' riforma, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa u tiggarantixxi l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji (13).

    5.8

    Il-gvernanza ttejbet fil-qafas ta' l-istrateġija Ewropea għall-impjieg, iżda l-KESE jikkunsidra li s-sitwazzjoni attwali m'hijiex sodisfaċenti għal kollox. Huwa neċessarju li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet attivi fl-ambitu ta' l-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi ggarantita parteċipazzjoni adegwata fuq il-livelli kollha u fil-fażijiet kollha ta' l-azzjoni.

    5.9

    Il-KESE jikkunsidra li huwa neċessarju li tittejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-istrateġija Ewropea għall-impjieg. L-implikazzjoni ta' l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandha tiġi ffaċilitata u għalhekk huwa importanti li jkunu jistgħu jipparteċipaw permezz ta' proċeduri adegwati fuq il-livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali. Sabiex jiġi assigurat is-suċċess ta' l-istrateġija ta' Lisbona, għandha tittejjeb il-gvernanza u l-valur miżjud mill-parteċipazzjoni attiva ta' l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u l-korpi lokali u reġjonali.

    5.10

    Fir-rigward ta' l-impjieg, il-livell lokali huwa l-livell fejn jinħass l-iktar l-impatt ta' l-applikazzjoni tal-politiki; għalhekk, ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien ma' l-imsieħba soċjali, huwa kruċjali għall-applikazzjoni tal-politiki. L-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet ugwali titlob għarfien sħiħ u mill-qrib ta' l-eżiġenzi u l-bżonnijiet tan-nisa u tal-kuntest ekonomiku u soċjali taż-żona kkunsidrata. Għaldaqstant, il-korpi lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fl-analiżi, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet.

    5.11

    Għalkemm huwa minnu li f'dawn l-aħħar snin sar progress fl-aċċess tan-nisa għall-università (59 % tal-gradwati universitarji huma nisa) (14), l-oqsma ta' studju għad għandhom stereotipi qawwija marbutin magħhom. Mara waħda biss minn kull għaxra tiggradwa f'suġġett tekniku, kontra erbgħa minn kull għaxra fil-każ ta' l-irġiel. Iktar min-nofs in-nisa gradwati għandhom lawrja fit-tagħlim, l-istudji umanistiċi u x-xjenza ta' l-arti u tas-saħħa filwaqt li inqas minn kwart ta' l-irġiel jiggradwaw f'dawn is-suġġetti. Il-KESE jipproponi li l-awtoritajiet edukattivi jieħdu miżuri ġenerali ta' promozzjoni sabiex jingħelbu l-istereotipi sessisti bil-għan li n-nisa u l-irġiel jagħżlu professjonijiet fejn il-livell ta' rappreżentazzjoni tagħhom huwa baxx wisq.

    5.12

    Il-politiki ta' rikonċiljazzjoni jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nisa u ta' l-irġiel. Dawn il-politiki jgħinu lin-nies sabiex jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jibqgħu fih. B'hekk jintuża l-potenzjal sħiħ tal-forza tax-xogħol. Il-politiki ta' rikonċiljazzjoni għandhom ikunu disponibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.

    5.13

    Il-KESE (15) jfakkar lill-Istati Membri fl-impenni tagħhom fil-qafas tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jipproponi li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri li jinkludu impenni ikbar fil-pjanijiet nazzjonali ta' riforma għat-titjib tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali u dik professjonali ta' l-irġiel u tan-nisa. Il-KESE jfakkar ukoll li billi dan huwa dmir tas-soċjetà kollha kemm hi, għandha tiġi ggarantita l-ko-responsabilità tal-partijiet kollha, inklużi l-kumpaniji.

    5.14

    Wieħed m'għandux ifixkel ir-rikonċiljazzjoni ma' ċerti miżuri ta' politika familjali li huma ta' ostakolu għall-impjieg minħabba li jipprovdu inċentivi qawwija għall-ħruġ mis-suq tax-xogħol għal perijodi twal, bir-riżultat li jonqsu l-opportunitajiet għal min jixtieq jerġa' jintegra dan is-suq.

    5.15

    Hemm bżonn ta' miżuri iktar effettivi li jippromovu l-integrazzjoni mill-ġdid tan-nisa u ta' l-irġiel fis-suq tax-xogħol — mingħajr tnaqqis fil-kwalifiki jew fis-salarji — wara assenza marbuta mat-twelid tat-tfal jew mal-kura ta' persuni dipendenti. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu mudelli flessibbli għat-taħriġ vokazzjonali waqt il-perijodu ta' assenza u l-kontinwazzjoni ta' l-impjieg b'ħinijiet imnaqqsa. F'dan il-kuntest, ta' min isemmi l-Qafas ta' Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol mid-Dar (CES, UNICE/UEAPME u CEEP), li jiddefinixxi l-isfera ta' applikazzjoni tax-xogħol mid-dar, l-aspett volontarju tiegħu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ħarsien tad-data, il-ħajja privata, it-tagħmir, is-saħħa u s-sigurtà, l-organizzazzjoni tax-xogħol, it-taħriġ u d-drittijiet kolletivi, kif ukoll l-implimentazzjoni u s-segwitu ta' dan il-qafas ta' ftehim.

    5.16

    L-ONG jaqdu rwol importanti ħafna għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-Ewropa, billi jorganizzaw kampanji dwar l-ideat politiċi u l-valuri kulturali u attivitajiet soċjali li jiffavorixxu t-titjib ta' l-opportunitajiet ta' ħafna nisa. Bosta nisa huma involuti f'għadd kbir ta' ONG u jirrappreżentaw diversi gruppi ta' nisa quddiem l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali; dawn għandhom jiġu appoġġjati.

    5.17

    In-nisa li ġejjin mill-immigrazzjoni jew li jiffurmaw parti minn minoranzi jġarrbu diffikultajiet partikulari meta jiġu biex joħolqu kumpaniji ġodda jew jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet ugwali, u għalhekk huwa neċessarju li l-linji gwida ġodda għax-xogħol jinkludu objettivi speċifiċi.

    5.18

    Il-KESE ħejja diversi Opinjonijiet bil-għan li l-UE jkollha politika komuni dwar l-immigrazzjoni u sabiex il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-politika ta' integrazzjoni jkunu objettivi prijoritarji tal-gvernijiet Ewropej. Dawn il-politiki għandhom jinkludu l-perspettiva tal-ġeneru, sabiex in-nisa immigranti jew li jiffurmaw parti minn minoranza etnika jew kulturali jkunu jistgħu jiżviluppaw il-proġetti intraprenditorjali tagħhom u jintegraw is-suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet ugwali.

    5.19

    In-nisa b'diżabilità wkoll iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ikbar meta jiġu biex jintegraw is-suq tax-xogħol u joħolqu l-intrapriżi. Il-KESE jipproponi li l-linji gwida ġodda u l-pjanijiet nazzjonali ta' riforma jsaħħu l-objettiv ta' l-integrazzjoni ta' dawn in-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta' indikaturi speċifiċi.

    5.20

    Il-KESE jipproponi wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu politiki mmirati lejn l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet għan-nisa b'diżabilità; u li l-imsieħba soċjali, fil-qafas tal-ftehimiet kollettivi u l-prattiki tax-xogħol, jadottaw strateġiji għall-ugwaljanza.

    5.21

    Permezz ta' l-inizjattiva EQUAL u fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, il-FSE implimenta approċċi importanti u innovattivi bil-għan li jagħti impuls lill-ispirtu intraprenditorjali u l-kapaċità għall-impjieg tan-nisa li jbatu minn diskriminazzjoni ikbar. Dawn l-esperjenzi jistgħu jkunu utli, b'mod partikulari għal żvilupp addizzjonali mill-gvernijiet lokali u reġjonali, fil-qafas ta' l-attivitajiet tal-FSE ippjanati għall-ewwel fażi tal-programm 2007-2013, bil-għan li jiġu adottati inizjattivi ġodda mmirati lejn il-promozzjoni ta' l-aċċess għall-impjieg għan-nisa b'diffikultajiet partikulari.

    6.   Kapaċità għall-impjieg

    6.1

    Mit-tnedija ta' l-Istrateġija ta' Lisbona lil hawn, sitt miljuni mit-tmien miljun post tax-xogħol maħluqa fl-UE ttieħdu min-nisa. Fl-2005 ir-rata ta' impjieg tan-nisa laħqet is-56.3 % (+1.1 %), kontra 71 % (+0.06 %) għall-irġiel. Ir-rata ta' l-impjieg tan-nisa 'il fuq minn 55 sena ukoll żdiedet b'mod iktar mgħaġġel minn dik ta' l-irġiel, u laħqet it-33.7 % (16).

    6.2

    Il-qgħad qiegħed jonqos: 8.8 % fl-2005, b'9.9 % għan-nisa u 7.9 % għall-irġiel. Minkejja t-tendenza pożittiva tar-rata globali ta' l-impjieg tan-nisa fl-Ewropa, għadna mhux qegħdin nibbenifikaw bis-sħiħ mill-kontribuzzjoni tan-nisa. Prova ta' dan huma r-rati inferjuri ta' attività u okkupazzjoni tan-nisa, il-perċentaġġ ogħla ta' qgħad, in-nuqqas ta' stabbiltà tal-kuntratti tax-xogħol, u d-diffikultajiet tan-nisa u ta' l-irġiel fil-qasam tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja familjali.

    6.3

    Il-KESE jfakkar li għalkemm ir-rata stabbilita għall-impjieg tan-nisa (60 % sa l-2010) tista' tintlaħaq (għalkemm mhux fil-pajjiżi kollha), wieħed m'għandux jinsa' li dan il-perċentaġġ jinkludi x-xogħol part time, ix-xogħol flessibbli u x-xogħol temporanju, li fil-biċċa l-kbira jsir min-nisa, u mhux dejjem b'mod voluntarju, iżda pjuttost bħala konsegwenza tat-tqassim inugwali tar-responsabilitajiet familjali bejn in-nisa u l-irġiel.

    6.4

    Għad hemm differenzi kbar ħafna bejn ir-rwol ta' l-irġiel u dak tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u għad hemm segmentazzjoni kbira, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-arranġamenti tax-xogħol, is-setturi fejn jaħdmu n-nisa u l-professjonijiet tagħhom. Dawn id-differenzi jolqtu kemm lin-nisa b'impjieg kif ukoll dawk li qegħdin ifittxu xogħol. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu promossi politiki ġodda mmirati lejn tnaqqis tal-kawżi ewelenin ta' l-iżbilanċ li jolqot lin-nisa fis-suq tax-xogħol.

    6.5

    In-nisa jiltaqgħu wkoll ma' iktar problemi mill-irġiel meta jiġu biex isibu xogħol li jaqbel mal-kwalifiki tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li jridu jlaħħqu max-xogħol u mal-familja jikkomplika l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol kif ukoll iż-żamma ta' l-impjieg, sitwazzjoni li għadha iktar diffiċli għan-nisa milli għall-irġiel.

    6.6

    Il-KESE jilqa' l-pjanijiet ta' ugwaljanza adottati mill-imsieħba soċjali f'ħafna kumpaniji bil-għan li jtejbu l-integrazzjoni u ż-żamma tan-nisa fil-kumpaniji, il-kwalifiki u l-karriera professjonali tagħhom u sabiex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet ħadu miżuri ta' azzjoni pożittiva. L-awtoritajiet pubbliċi, b'mod speċjali fuq il-livelli lokali u reġjonali, għandhom jappoġġjaw il-pjanijiet ta' ugwaljanza.

    6.7

    Id-djalogu soċjali Ewropew, li huwa f'idejn l-imsieħba soċjali, għandu rwol importanti x'jaqdi għall-iżvilupp tal-perspettiva tal-ġeneru ta' l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-KESE jenfasizza u jappoġġja l-importanza tal-Qafas ta' Azzjonijiet għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li ġie adottat mill-imsieħba soċjali fl-2005 (17) u li qiegħed jiġi żviluppat fuq il-livelli settorjali u nazzjonali.

    6.8

    Il-qafas ta' ftehim reċenti dwar il-fastidju sesswali u l-vjolenza fix-xogħol (18) huwa eżempju tal-prattika tajba li l-KESE jixtieq jappoġġja. Barra minn hekk, ċerti kumitati ta' djalogu settorjali qegħdin jadottaw approċċ ibbażat fuq il-ġeneru. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkollabora b'mod iktar attiv ma' l-imsieħba soċjali sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

    6.9

    In-negozjar kolletiv skond il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali huwa waħda mill-karatteristiċi tal-mudell soċjali Ewropew. L-imsieħba soċjali fid-diversi setturi jwettqu negozjati u jilħqu ftehimiet bil-għan li jtejbu s-sigurtà u l-flessibilità ta' l-impjieg billi jaġġornaw is-salarji u l-organizzazzjoni tax-xogħol, it-taħriġ u l-kwalifiki professjonali.

    6.10

    In-negozjar kollettiv fil-kumpaniji u fis-setturi għandu jintuża sabiex jiġi eliminat l-iżbilanċ li jpoġġi lin-nisa f'pożizzjoni inferjuri. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali huma strumenti fundamentali għall-estenzjoni tal-pjanijiet ta' ugwaljanza fil-kumpaniji Ewropej. Huwa importanti għall-Ewropa, għall-Istati Membri, għall-kumpaniji u għas-soċjetà kollha kemm hi li d-diskriminazzjoni li jbatu biha ħafna nisa minħabba stereotipi kulturali u soċjali tisparixxi għal kollox mill-ambitu tax-xogħol.

    6.11

    Il-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa, imsemmi fl-Artikolu 141 tat-Trattat (“prinċipju ta' paga ugwali”), jimplika li għandha tinqered kull forma ta' diskriminazzjoni marbuta mal-ġeneru għal kull xogħol ugwali, jew xogħol li jingħata l-istess valur, fir-rigward ta' l-aspetti u kundizzjonijiet kollha ta' ħlas. Madankollu, in-nisa jaqilgħu medja ta' 15 % inqas mill-irġiel għal kull siegħa maħduma (differenza relattiva tal-paga medja gross fis-siegħa bejn l-irġiel u n-nisa (19)). Din id-diskriminazzjoni salarjali tolqot lis-setturi kollha ta' attività, b'mod speċjali l-ogħla kategoriji professjonali.

    6.12

    Il-KESE jemmen li l-ugwaljanza salarjali bejn l-irġiel u n-nisa, li diġà tifforma parti mil-linji gwida Komunitarji integrati, għandha tissaħħaħ permezz ta' evalwazzjoni ta' indikaturi preċiżi.

    6.13

    Sabiex titneħħa d-diskriminazzjoni salarjali, hemm bżonn ta' kollaborazzjoni attiva ta' l-imsieħba soċjali fid-diversi oqsma. L-Opinjoni dwar il-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2006-2010) tirrakkomanda li l-gvernijiet nazzjonali, il-korpi nazzjonali għall-ħarsien ta' l-ugwaljanza u l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri kollha jkollhom l-obbligazzjoni ċara li jevitaw li s-sistemi ta' ħlas tagħhom jagħtu lok lil diskriminazzjoni salarjali bejn in-nisa u l-irġiel (20).

    6.14

    Is-servizzi pubbliċi għall-impjieg huma istituzzjonijiet kruċjali għall-operazzjoni tajba tas-swieq tax-xogħol u għandhom jimpenjaw ruħhom għall-promozzjoni ta' politiki attivi bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa għall-impjieg permezz ta' programmi ta' taħriġ u ta' orjentazzjoni tax-xogħol. Sabiex il-leġislazzjoni eżistenti tiġi applikata b'mod adegwat, il-KESE jipproponi li s-servizzi pubbliċi għall-impjieg u l-aġenziji privati jelaboraw kodiċi ta' prattika tajba bil-għan li l-offerti tax-xogħol u l-proċeduri ta' reklutaġġ ma jkunux ta' diskriminazzjoni għan-nisa.

    6.15

    Huwa fis-swieq tax-xogħol l-iktar trasparenti li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija l-aħjar; per eżempju, ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur pubbliku hija ogħla, fost affarijiet oħra, minħabba l-fatt li l-proċeduri ta' reklutaġġ jevalwaw il-ħiliet tal-persuni u b'hekk ineħħu b'mod iktar effettiv il-preġudizzji diskriminatorji bbażati fuq stereotipi tal-ġeneru.

    6.16

    Ħafna drabi s-sistemi ta' kalkolu tal-pensjonijiet huma ta' preġudizzju għan-nisa billi huma marbutin ma' karrieri professjonali. Ħafna nisa b'xogħol part time jew li għandhom perijodi ta' impjieg interrotti jew mhux stabbli jsibuha bi tqila li jiksbu pensjoni jew inkella jirċievu biss parti żgħira ħafna ta' din. Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni għar-riformi tas-sistemi tal-pensjoni, jiġu kkunsidrati dawn is-sitwazzjonijiet li huma ta' ħsara għall-ugwaljanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jinstabu soluzzjonijiet iktar ġusti.

    6.17

    It-taħriġ vokazzjonali huwa fundamentali sabiex l-irġiel u n-nisa jiżviluppaw l-attivitajiet professjonali tagħhom b'mod sostenibbli. Il-KESE jipproponi li l-korpi lokali u reġjonali, flimkien ma' l-imsieħba soċjali, iħejju programmi ta' taħriġ vokazzjonali għan-nisa intraprendituri u ħaddiema fil-qafas tal-politiki ta' l-impjieg u ta' l-opportunitajiet ugwali.

    6.18

    Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol attiv li jaqdu l-imsieħba soċjali sabiex jiġu solvuti d-diffikulatjiet li jiltaqgħu magħhom in-nisa fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Ħafna nisa qegħdin isiru membri ta' trade unions u organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u jippromovu “minn ġewwa” politiki attivi u pjanijiet ta' ugwaljanza; madankollu, in-numru tagħhom għadu baxx u jridu jegħlbu ħafna diffikultajiet sabiex jilħqu il-livell maniġerjali.

    7.   Spirtu intraprenditorjali

    7.1

    S'issa n-nisa intraprendituri jikkostitwixxu perċentaġġ żgħir: 30 % ta' l-intraprendituri fl-UE u 37 % tal-ħaddiema indipendenti (21).

    7.2

    In-nisa jiltaqgħu wkoll ma' iktar problemi mill-irġiel fil-qasam tal-ħolqien ta' l-intrapriżi, minħabba stereotipi u barrieri kulturali u soċjali, l-orjentazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ u d-diffikultajiet miżjuda għall-għotja tal-finanzjament li jeħtieġu l-proġetti intraprenditorjali. Madankollu, ġaladarba jinħolqu l-intrapriżi, m'hemm l-ebda ħjiel li n-nisa jkollhom inqas suċċess mill-irġiel sabiex isaħħuhom.

    7.3

    Il-KESE jipproponi li l-atturi politiċi u soċjali kollha jsaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jippromovu l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa Ewropej u jneħħu mis-soċjetà l-istereotipi soċjali antiki li għadhom jeżistu, fi kliem ieħor li d-dinja tan-negozju hija dinja ta' l-irġiel, b'ħinijiet inkompatibbli mal-ħajja familjali, eċċ. Dawn l-istereotipi soċjali joħolqu ħafna diffikultajiet kulturali u soċjali għan-nisa li jaħdmu għal rashom jew li jiftħu negozju.

    7.4

    Il-pjan ta' azzjoni dwar l-aġenda għall-ispirtu intraprenditorjali (22) jipproponi serje ta' miżuri dwar il-promozzjoni ta' l-ispirtu intraprenditorjali, li għandhom jiġu implimentati mill-UE u l-politiċi fl-Istati Membri kollha. Fost kwistjonijiet oħra, il-pjan jenfasizza l-bżonn li tingħata għajnuna personalizzata lin-nisa. Madankollu, ir-rapporti ta' progress dwar l-implimentazzjoni ta' l-objettivi u l-azzjonijiet ewlenin tal-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar (23) ma jinkludu l-ebda referenza għal din il-kwistjoni. Il-KESE jikkunsidra li r-rapporti annwali għandhom jinkludu tagħrif konkret dwar il-progress miksub fuq il-livell Ewropew u fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-appoġġ li jingħata lin-nisa intraprendituri, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' prattika tajba u għarfien.

    7.5

    Hemm bżonn ta' promozzjoni ta' l-ispirtu intraprenditorjali fost in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa (24). Fl-2006 il-KESE adotta Opinjoni (25) dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: Promozzjoni tal-kultura intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ” li fiha jenfasizza l-importanza tan-nisa intraprendituri, tal-ħila intraprenditorjal tan-nisa u tal-fatt li l-ispirtu intraprenditorjali huwa element kruċjali tat-tkabbir, l-impjieg u l-iżvilupp personali. L-Opinjoni tistqarr li l-iżvilupp ta' kultura intraprenditorjali huwa proċess ta' tagħlim kontinwu, u għalhekk għandu jkun inkluż fil-programmi akkademiċi.

    7.6

    Il-KESE jirrakkomanda li l-programmi ta' studju nazzjonali u reġjonali jinkludu l-edukazzjoni intraprenditorjali (tekniċi ta' ġestjoni ta' l-intrapriża u tagħmir informatiku, eċċ.) fit-tieni u t-tielet livelli akkademiċi, b'mod speċjali fost in-nisa, u li jittieħdu miżuri sabiex jiżdied in-numru ta' nisa intraprendituri.

    7.7

    L-objettiv huwa li n-nisa jkollhom l-istess opportunijajiet ta' l-irġiel fir-rigward ta' l-aċċess għad-dinja tan-negozju, billi titneħħa kull forma ta' diskriminazzjoni eżistenti. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom jgħinu lin-nisa sabiex jużaw id-dritt tagħhom għall-intraprendenza, bħala element ta' l-ugwaljanza u wkoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali lokali.

    7.8

    Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' appoġġ għan-nisa intraprendituri sabiex dawn jużaw is-servizzi finanzjarji u ta' self li jeħtieġu. Il-banek għandhom joffru programmi speċifiċi ta' mikro-kreditu lin-nisa intraprendituri. L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jevitaw kull xorta ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa intraprendituri, li attwalment qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli ikbar fir-rigward tal-finanzjament tan-negozji, it-tkabbir tal-kumpaniji u l-iżvilupp ta' l-innovazzjoni, it-taħriġ u l-inizjattivi ta' riċerka mill-irġiel.

    7.9

    Jeħtieġ li jkun hemm iktar tagħrif dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament taħt il-Fondi Strutturali, sabiex jiġu kkunsidrati strateġiji innovattivi, bħal per eżempju l-ħolqien ta' strumenti finanzjarji flessibbli, li jikkombinaw is-sussidji mal-mikro-krediti u l-garanziji.

    7.10

    Il-fondi Komunitarji għall-promozzjoni ta' l-ispirtu intraprenditorjali, li huma msaħħa u organizzati mill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali, għandhom ikunu trasparenti u faċli li jintużaw għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju mmexxija min-nisa. Il-gvernijiet lokali u reġjonali, flimkien ma' l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, għandhom jipprovdu strumenti, għajnuna finanzjarja u pariri lin-nisa intraprendituri, fuq kollox fil-fażi inizjali tal-proġett intraprenditorjali tagħhom.

    7.11

    Fost l-eżempji ta' prattika tajba, il-KESE jixtieq jenfasizza li fi Franza l-Fond ta' garanzija għall-ħolqien, ix-xiri u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi maħluqa min-nisa (Fonds de garantie pour la création, la reprise ou le développement d'entreprise à l'initiative des femmes) jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament tan-nisa li jixtiequ jiftħu, jixtru jew jiżviluppaw kumpanija. Il-Fond inħoloq sabiex jgħin lin-nisa jegħlbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom meta jiġu biex jisselfu l-flus mill-banek. Il-ġestjoni tal-Fond issir minn organizzazzjoni privata, l-Institut de développement de l'économie sociale (Istitut għall-Iżvilupp ta' l-Ekonomija Soċjali), u l-finanzjament tiegħu jiġi minn diversi entitatjiet, fosthom il-Fond Soċjali Ewropew.

    7.12

    L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw b'mod iktar qawwi lill-intrapriżi ż-żgħar, peress li l-biċċa l-kbira tan-nisa intraprendituri jikkunsidraw li l-politiki fiskali huma wieħed mill-ikbar ostakoli għall-iżvilupp ta' l-intrapriżi, ostakolu li jiġi mill-inkonsistenzi fil-leġislazzjoni rilevanti.

    7.13

    Meta persuna tiftaħ kumpanija tagħha stess, fit-teorija din tikseb kontroll ikbar fuq il-ħin tagħha. Għalhekk, ħafna nisa u rġiel jagħżlu li jaħdmu għal rashom jew li jkunu intraprendituri. Fil-prattika, madankollu, ħafna nisa intraprendituri jiltaqgħu ma' ostakoli ikbar mill-irġiel fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja familjali.

    7.14

    Madwar l-Ewropa nsibu ħafna eżempji ta' prattika tajba fir-rigward tal-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fl-organizzazzjonijiet intraprenditorjali fuq diversi livelli u nħolqu wkoll assoċjazzjonijiet ta' nisa intraprendituri. Il-Kmamar (26) ta' l-Industrija u l-Kummerċ ukoll jniedu diversi inizjattivi pożittivi, li l-KESE jappoġġja.

    7.15

    Il-KESE jappoġġja l-ħidma tan-Netwerk Ewropew għall-Promozzjoni ta' l-Intrapriża tan-Nisa (WES), li għandu l-objettiv prinċipali li jżid il-viżibilità ta' l-intrapriżi, billi joħloq qafas tajjeb permezz ta' miżuri bħall-iskambju ta' tagħrif dwar il-finanzjament, it-taħriġ, in-netwerks, is-servizzi ta' parir, ir-riċerka u l-istatistika.

    7.16

    Minħabba fin-natura stess ta' l-intrapriżi ta' l-ekonomija soċjali — koperattivi, soċjetajiet mutwi, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet — ħafna drabi n-nisa jagħżlu lilhom meta jiftħu attività ta' negozju u jsibuha inqas bi tqila li jilħqu l-objettivi professjonali tagħhom f'dawn l-oqsma milli f'intrapriżi oħra.

    7.17

    Minħabba l-objettiv soċjali tagħhom, l-intrapriżi ta' l-ekonomija soċjali jippromovu b'mod speċjali l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-gvernijiet lokali u reġjonali sabiex tingħata spinta lil din l-inzjattiva soċjali importanti.

    7.18

    Il-biċċa l-kbira tal-ko-intraprendituri miżżewġin huma nisa li ħafna drabi jaħdmu part time. It-tħassib fir-rigward tal-leave tal-maternità, il-problema taċ-ċentri għall-kura tat-tfal u dawk marbutin mal-mewt jew is-separazzjoni tal-konjuġi huma problemi speċifiċi ħafna li huma differenti mill-problemi ta' l-irġiel. F'ħafna Stati Membri m'hemmx status legali adegwat għall-ko-intrprendituri miżżewġin.

    7.19

    L-inugwaljanzi li jirriżultaw mis-sistemi ta' sigurtà soċjali huma konsiderevoli wkoll. Huwa neċessarju li jiġu implimentati miżuri speċifiċi fl-oqsma tal-ħarsien soċjali, tat-taħriġ u ta' l-appoġġ għall-ħolqien ta' intrapriżi ġodda min-nisa. Fil-qasam tal-ħarsien soċjali tan-nisa intraprendituri u tal-ko-intraprendituri miżżewġin, ċerti pajjiżi joffru firxa ta' status differenti għan-nisa intraprendituri, per eżempju “konjuġi kollaboratur”, “konjuġi b'salarju” jew “konjuġi sieħeb”. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tippromovi dibattitu bil-għan li jittejjeb il-ħarsien soċjali tan-nisa intraprendituri.

    Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  Opinjoni tal-KESE tat-13.09.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010. Rapporteur: Is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-14.12.2005 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet indaqs għal Kulħadd (2007). Lejn soċjetà ġusta. Rapporteur: Is-Sinjura Herczog (ĠU C 65, 17.3.2006).

    Opinjoni tal-KESE tad-29.9.2005 dwar In-Nisa u l-Faqar fl-Unjoni Ewropea. Rapporteur: Is-Sinjura King (ĠU C 24, 31.1.2006).

    Opinjoni tal-KESE tat-28.9.2005 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Istitut Ewropew tal-Ġeneru. Rapporteur: Is-Sinjura Štechová (ĠU C 24, 31.1.2006).

    Opinjoni tal-KESE tat-2.6.2004 dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni li twaqqaf il-linji ta' gwida għat-tieni sessjoni ta' l-Inizjattiva tal-Komunità EQUAL dwar il-kooperazzjoni transnazzjonali biex jitmexxew 'il quddiem mezzi ġodda biex ikunu miġġielda l-għamliet kollha ta' diskriminazzjoni u inugwaljanzi b'rabta mas-suq tax-xogħol — Il-moviment ħieles ta' ideat tajbin. Rapporteur: Is-Sur Sharma (ĠU C 241, 28.9.2004).

    Opinjoni tal-KESE tal-15.12.2004 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlement Ewropew u tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali u ta' trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol. Rapporteur: Is-Sinjura Sharma (ĠU C 157, 28.6.2005).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-10.12.2003 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi Programm ta' Azzjoni Komunitarja għall-Promozzjoni ta' Organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-Livell Ewropew fil-Qasam ta' l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa. Rapporteur: Is-Sinjura Wahrolin (ĠU C 80, 30.3.2004).

    Opinjoni tal-KESE ta' l-14.2.2006 dwar ir-Rappreżentazzjoni tal-Mara fil-Korpi ta' Deċiżjoni tal-Gruppi ta' Interess Ekonomiku u Soċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Rapporteur: Is-Sur Etty (ĠU C 88,11.4.2006).

    Opinjoni tal-KESE tat-3.6.2004 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li timplimenta l-Prinċipju ta' Trattament Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel fir-rigward ta' l-Aċċess għall-Prodotti u għas-Servizzi u l-Proviżjoni tagħhom. Rapporteur: Is-Sinjura Carroll (ĠU C 241, 28.9.2004).

    (2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 u l-ħidmiet imwettqa, b'mod partikulari d-Dikjarazzjoni tal-Presidenti u s-Segretarji-Ġenerali tal-KSE nazzjonali ta' l-UE u tal-KESE, li saret f'Pariġi fil-25 ta' Novembru 2005:

    http://eesc.europa.eu/lisbon_strategy/eesc_documents/index_en.asp.

    (3)  Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi — Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Lisbona — COM(2005) 24 finali.

    (4)  Linji gwida integrati għat-tkabbir u għax-xogħol (2005-2008) — COM(2005) 141 finali.

    (5)  Opinjoni tal-KESE tal-31.05.2005 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji ta' gwida għall-politika tax-xogħol ta' l-Istati Membri (taħt l-Artikolu 128 tat-Trattat tal-KE). Rapporteur: Is-Sur Malosse (ĠU C 286, 17.11.2005).

    (6)  COM(2006) 30 finali.

    (7)  Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2006/2007, adottat mill-Kunsill (EPSCO) fit-22 ta' Frar 2007, mibgħut lill-Kunsill Ewropew għall-laqgħa tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007.

    (8)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, 7775/1/06/ REV 1.

    (9)  COM(2006) 92 finali.

    (10)  Opinjoni tal-KESE tat-13.09.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010. Rapporteur: Is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006).

    (11)  Opinjoni tal-KESE tat-28.9.2005 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Istitut Ewropew tal-Ġeneru. Rapporteur: Is-Sinjura Štechová (ĠU C 24, 31.1.2006).

    (12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2007 dwar il-Pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (2006/2132(INI)).

    http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2007-0063+0+DOC+XML+V0//MT.

    (13)  Ara punt 2.3.3.1.3 ta' l-Opinjoni tal-KESE tat-13.09.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010. Rapporteur: Is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006).

    (14)  COM(2007) 49 finali.

    (15)  Opinjoni tal-KESE tal-11 ta' Lulju 2007 dwar is-suġġett “Ir-rwol ta' l-imsieħba soċjali u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjali u privata”. Rapporteur: Is-Sur Clever.

    (16)  Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2006/2007:

    http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st06/st06706.mt07.pdf.

    (17)  http://ec.europa.eu/employment_social/news/2005/mar/gender_equality_en.pdf.

    (18)  http://ec.europa.eu/employment_social/emplweb/news/news_en.cfm?id=226.

    (19)  COM(2007) 49 finali.

    (20)  Ara punt 1.2 ta' l-Opinjoni tal-KESE tat-13.09.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010. Rapporteur: Is-Sinjura Attard (ĠU C 318, 23.12.2006).

    (21)  Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2006-2010. COM(2006) 92 finali, 1.3.2006.

    http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/mt/com/2006/com2006_0092mt01.pdf.

    (22)  Pjan ta' azzjoni: Aġenda Ewropea għall-Ispirtu Intraprenditorjali.

    http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2004/com2004_0070en01.pdf.

    (23)  http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/charter/index_en.htm.

    (24)  Il-KESE qiegħed iħejji Opinjoni dwar l-“Ispirtu Intraprenditorjali u l-Istrateġija ta' Lisbona”.

    (25)  Opinjoni tal-KESE tas-16.7.2006 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: Il-Promozzjoni ta' Kultura Intraprenditorjali permezz ta' l-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Rapporteur: Is-Sinjura Jerneck (ĠU C 309, 16.12.2006).

    (26)  Ara http://www.eurochambres.eu/women_onboard/index.htm.


    Top