EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0992

Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID)

ĠU C 256, 27.10.2007, p. 66–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/66


Opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID)”

(2007/C 256/13)

F'ittra datata s-26 ta' Frar 2007, il-Kumissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li titlob lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex ifassal opinjoni dwar l-Identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kien is-Sur Morgan.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju (seduta tal-11 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'138 vot favur, 1 vot kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-identifikazzjoni permezz tal-frekwenza tar-radju (RFID) hija teknoloġija sinifikanti li ser issir importanti ħafna fil-futur. L-applikazzjonijiet tagħha attwali u futuri għandhom il-potenzjal li jtejbu b'mod pożittiv medda wiesa' ta' proċessi ta' kummerċ fis-settur pubbliku u dak privat u sabiex iġġib benefiċċji sinifikanti lill-individwi u l-intrapriżi. Għandha wkoll il-potenzjali li tqanqal żvilupp enormi fl-applikazzjonijiet ta' l-internet, li tagħmilha possibbli għal dak li Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti ddeskriviet bħala l-“Internet ta' l-Affarijiet”. Madankollu, jekk l-RFID ma tkunx ikkontrollata bir-reqqa, għandha l-potenzjal ukoll li tikser il-privatezza personali, li teqred il-libertajiet ċivili u li thedded is-sigurtà ta' l-individwi u l-intrapriżi.

1.2

It-titlu sħiħ ta' din il-Komunikazzjoni hija “Identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju fl-Ewropa: passi lejn qafas ta' politika/politiku.” Il-Kummissjoni diġà żammet konsultazzjoni wiesgħa li pprovdiet il-bażi għall-Komunikazzjoni. Il-KESE issa huwa mistieden iħejji Opinjoni esploratorja. Fuq il-bażi tat-tweġibiet lill-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ser tagħmel Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri fi tmiem is-sena. Kwalunkwe leġislazzjoni, li tieħu iżjed żmien sabiex titħejja, ser tiġi iktar tard. B'hekk, din l-Opinjoni għandha tiffoka fuq il-kontenut ta' dik ir-Rakkomandazzjoni.

1.3

Sabiex tgħin bil-formulazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf Grupp ta' Partijiet Interessati bħala forum ta' reazzjonijiet għall-ideat (sounding board). Il-KESE jilqa' opportunità sabiex jippreżenta din l-Opinjoni lill-Grupp ta' Partijiet Interessati.

1.4

Il-KESE japprova l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fl-oqsma ta' l-Ispettru tar-Radju, l-Istandards, is-Saħħa, is-Sigurtà u l-Ambjent. Nenfasizzaw l-urġenza tat-twaqqif ta' kontribuzzjoni industrijali effettiva lill-forum ta' l-Istandards.

1.5

Peress li l-Kummissjoni ser tippubblika r-Rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri fi tmiem din is-sena huwa loġiku li nistennew li ser taċċetta l-infrastruttura tas-sigurtà u l-privatezza tad-data kif inhi llum. B'mod partikulari, dan jissuġerixxi li l-korpi tal-Protezzjoni tad-Data li jeżistu diġà f'kull Stat Membru ser isiru l-Awtorità responsabbli għall-kwistjonijiet ta' privatezza u protezzjoni tad-data għall-RFID. Dawn il-kwistjonijiet huma l-punt fokali ta' din l-Opinjoni.

1.6

It-theddid lill-privatezza u l-libertajiet ċivili mill-RFID huwa profond.

L-RFID tags jistgħu jitpoġġew f'/fuq oġġetti u dokumenti mingħajr l-għarfien ta' l-individwu li jakkwista dawn l-oġġetti. Peress li s-sinjali tar-radju jivvjaġġaw faċilment u mingħajr ħoss fil-fibra, il-plastik u materji oħra, huwa possibbli li jinqraw RFID tags meħjutin ġol-ħwejjeġ jew imwaħlin ma' oġġetti ġo basktijiet, bagalji u iktar.

Il-Kodiċi Elettroniku tal-Prodott jista' jippermetti li kull oġġett fid-dinja jkollu l-identifikazzjoni unika tiegħu. L-użu ta' numri uniċi ta' identifikazzjoni jista' jwassal għall-ħolqien ta' sistema globali ta' reġistrazzjoni ta' l-affarijiet li fiha kull oġġett fiżiku jiġi identifikat u marbut ma' min ikun xtrah jew mal-propretarju tiegħu fil-punt tal-bejgħ jew trasferiment.

L-użu ta' l-RFID jeħtieġ il-ħolqien ta' bażijiet tad-data enormi li jkollhom data unika tat-tags. Dawn ir-reġistri jistgħu jintrabtu ma' data ta' identifikazzjoni personali, speċjalment kif qegħdin jespandu l-memorja tal-kompjuters u l-kapaċitajiet tagħhom ta' proċessar.

It-tags jistgħu jinqraw minn distanza, m'humiex ristretti għal-linja tal-viżjoni, minn qarrejja li jistgħu jiġu inkorporati fi kważi kull ambjent fejn jinġabru l-persuni. Il-qarrejja jistgħu jitpoġġew fil-madum ta' l-art, jintisġu fit-twapet, jinsatru fl-għatbiet u jinħbew fl-ixkaffar, li jagħmilha virtwalment impossibli sabiex individwu jkun jaf jekk hux qiegħed jiġi skennjat.

Jekk l-identità personali tintrabat ma' numri uniċi ta' tags RFID, ikun possibbli li individwi jiġu segwiti jew jitħejja l-profil tagħhom mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tagħhom.

Huwa possibbli li timmaġina dinja fejn il-qarrejja ta' l-RFID jifformaw netwerk globali li jinsab kullimkien. Netwerk bħal dan ma jkollux bżonn ta' qarrejja kullimkien. F'Londra, is-sistema taż-żona ta' traffiku li huwa ntaxxat tista' ssegwi l-karozzi kollha deħlin Londra grazzi għal numru relattivament baxx ta' kameras imqiegħda b'mod strateġiku. Netwerk ta' qarrejja ta' l-RFID tags jista' jinbena bl-istess mod. Dan ma jistax jitħalla jitwettaq.

1.7

L-implikazzjonijiet ta' dan it-theddid huma dawn li ġejjin:

L-utenti ta' l-RFID jridu jippubblikaw il-politiki u l-prattiċi tagħhom u m'għandu jkun hemm l-ebda bażi ta' data sigrieta ta' informazzjoni personali.

L-individwi għandhom dritt li jkunu jafu meta oġġetti fl-ambjent tal-bejgħ bl-imnut ikollhom tags jew qarrejja ta' l-RFID. Kwalunkwe qari tat-tags li jseħħ f'ambjent ta' bejgħ bl-imnut irid ikunu trasparenti għall-partijiet kollha.

L-utenti ta' l-RFID iridu jinfurmaw lill-pubbliku għal liema raġunijiet qegħdin jintużaw it-tags u l-qarrejja. Il-ġabra ta' informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju għall-iskop attwali.

L-utenti ta' l-RFID huma responsabbli għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija u huma responsabbli li joperaw skond il-liġijiet u l-linji gwida tas-sigurtà tad-data. Huma responsabbli wkoll għas-sigurtà u l-integrità tas-sistema u l-bażi tad-data tagħha.

1.8

Kif dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati fil-prattika huwa punt ta' kontroversja. Idealment, kwalunkwe intrapriża involuta fi transazzjonijiet bejn il-konsumatur u l-intrapriża, bħall-bejgħ bl-imnut, qtugħ ta' biljetti, kontroll għall-aċċess, jew servizzi tat-trasport jagħtu lill-klijenti tagħhom forma ta' garanzija li dawn il-prinċipji ser jiġu segwiti, tip ta' karta għall-klijenti. Bħala kunċett, din il-karta tista' tinkorpora il-prinċipji kollha tal-protezzjoni tad-data għall-prattiċi tajba deskritti f'punt 4.5. B'żieda ma' dan, il-KESE jipproponi l-linji gwida li ġejjin:

a)

Il-kummerċjanti għandhom ikunu pprojbiti milli jisforzaw jew jobbligaw lill-klijenti jaċċettaw tags mixgħulin jew mitfijin fil-prodotti li jixtru. L-għażliet jistgħu jinkludu li t-tags jiġu mehmuża ma' l-ippakkjar jew l-użu ta' tags li jistgħu jitneħħew bħal dawk tal-biljetti tal-prezzijiet.

b)

Il-klijenti għandhom ikunu ħielsa li jneħħu jew jitfu kwalunkwe tags fil-pussess tagħhom.

ċ)

L-RFID m'għandux, fil-prinċipju, jintuża sabiex jiġu segwiti l-individwi. Is-segwitu tal-persuni m'huwiex xieraq, kemm jekk isir, per eżempju, permezz ta' ħwejjeġ biljetti, merkanzija jew prodotti oħra.

d)

L-RFID m'għandu qatt jintuża b'tali mod li jista' jelimina jew inaqqas l-anonimità.

e)

L-awtorità responsabbli għandha tagħti parir ċar li (ċ) u (d) ser ikunu permessi biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali b'notifikazzjoni formali minn qabel lill-Awtorità.

1.9

Ċerti eċċezzjonijiet għal-linji gwida msemmija hawn fuq jistgħu jitqiesu meta

Individwi privati jagħżlu li jżommu t-tags mixgħulin għall-konvenjenza personali tagħhom.

Individwi privati jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jiġu segwiti f'ambjenti kritiċi bħal stabbilimenti u istituzzjonijiet pubbliċi u privati li għandhom livell għoli ta' sigurtà.

Individwi privati jagħżlu li jużaw applikazzjonjiet li jsibuhom u jidentifikawhom bl-istess mod li huma diġà jistgħu jinsabu u jiġu identifikati bl-użu tat-telefons ċellulari, karti ta' l-ATMs, indirizzi ta' l-internet, eċċ.

Eċċezzjonijiet ta' dan it-tip għandhom jiġu notifikati lill-awtorità responsabbli.

1.10

L-RFID m'hijiex teknoloġija matura b'hekk għadna ma nifhmux il-potenzjal sħiħ tagħha. Minn naħa tista' twassal benefiċċji li għadna ma nistgħux nikkonċepuhom liċ-ċivilazzjoni teknoloġika tagħna, min-naħa l-oħra tista' tkun l-ikbar theddida li t-teknoloġija qatt tefgħet fuq il-privatezza u l-libertà. Il-KESE jemmen li l-applikazzjonijiet ta' l-RFID għandhom jiġu żviluppati skond kodiċi ta' etika stretta fir-rigward tal-privatezza, il-libertà u s-sigurtà tad-data iżda li, fid-dawl tal-protezzjoni meħtieġa, l-iżvilupp ta' l-applikazzjonijiet għandu jkompli.

1.11

Bħala konklużjoni, fejn l-applikazzjonijiet ta' l-RFID huma permessi, l-implimentazzjoni għandha tkun trasparenti għal kull persuna involuta. Applikazzjonijiet sabiex titjieb il-ġestjoni tal-merkanzija huma ġeneralment aċċettabbli. Applikazzjonijiet li jinvolvu s-segwitu tal-persuni ġeneralment m'humiex aċċettabbli barra f'ambjenti transitorji. Applikazzjonijiet li jorbtu lill-persuni ma' merkanzija jistgħu jkunu aċċettabbli għal skopijiet ta' marketing. Applikazzjonijiet li jidentifikaw persuni permezz tal-merkanzija li jkunu xtraw huma ġeneralment inaċċettabbli. B'żieda ma' dan, xi applikazzjonijiet m'humiex xierqa f'soċjetà ħielsa u m'għandhom qatt jiġu permessi. Il-ħtieġa urġenti ħafna li jiġu mħarsa l-privatezza u l-anonimità għandha tkun fil-qalba tar-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

2.   L-RFID x'inhi u għaliex hija importanti?

2.1

L-RFID hija teknoloġija li tippermetti l-identifikazzjoni awtomatika u l-ġbir ta' data permezz tal-frekwenzi tar-radju. Il-karatteristiċi ewlenin ta' din it-teknoloġija huma li jippermettu li identifikatur uniku u informazzjoni oħra jiġu assoċjati — permezz ta' tag elettroniku — ma' kwalunkwe oġġett, annimal jew saħansitra persuna, u li jaqraw din l-informazzjoni permezz ta' strument mingħajr fil.

2.2

It-tags innifishom jikkonsistu f'ċirkuwitu elettroniku li jaħżen id-data, u antenna li tikkomunika d-data permezz tas-sinjali tar-radju. Qarrej ta' l-RFID jinterroga t-tags sabiex jikseb l-informazzjoni maħżuna. Meta l-qarrej ixandar il-frekwenza tar-radju, it-tags kollha f'dik il-medda ser jikkomunikaw magħha. Huwa meħtieġ software sabiex jikkontrolla l-qarrej u jiġbor u jiffiltra l-informazzjoni.

2.3

Hemm tipi differenti ta' sistemi RFID disponibbli. It-tags jistgħu jkunu jew attivi jew passivi. It-tags attivi jista' jkollhom batterija ġo fihom stess sabiex imexxu ċ-ċirkuwitu intern u sabiex jiġġeneraw frekwenzi tar-radju, jistgħu jxandru saħansitra fin-nuqqas ta' qarrej RFID. It-tags passivi jitħaddmu permezz ta' l-enerġija tal-frekwenza tar-radju mxandra mill-qarrej u m'għandhomx sors ta' enerġija tagħhom stess. It-tags jistgħu jkunu tat-tip li jinqraw biss (“read-only”) jew li jistgħu jinqraw u jaħżnu d-data (“read-write”). It-tags tat-tip “read-only” huwa irħas sabiex jiġu prodotti u huma wżati fil-maġġoranza ta' applikazzjonijiet attwali.

2.4

Il-medda ta' sistema RFID tiddependi fuq il-frekwenza tar-radju, is-saħħa tal-qarrej u l-materja bejn it-tag u l-qarrej. Tista' tkun sa ftit metri għal sistemi passivi iżda 'l fuq minn 100 metru għal sistemi attivi.

2.5

L-RFID hija l-iktar livell baxx fil-ġerarkija tat-teknoloġija mingħajr fil. Jekk wieħed jirreferi għad-distanza li jivvjaġġaw is-sinjali, il-pożizzjoni ewlenija hija okkupata minn sistemi ta' komunikazzjoni bis-satellita bħall-GPS. Din hija segwita mit-teknoloġiji tat-telefons ċellulari ta' medda wiesa' bħall-GSM u l-GPRS, imbagħad sinjali ta' medda iqsar fil-bini bħall-Wi-Fi, imbagħad netwerks personali bħall-Bluetooth u, fl-aħħar, l-RFID. Kull waħda minn dawn it-teknoloġiji hija diskreta u kompluta fiha nnifisha, per eżempju, m'hemm l-ebda riskju li s-sistemi tas-satellita jaqraw it-tags ta' l-RFID. Madankollu, id-data tista' tiġi trasferita bejn is-sistemi varji permezz ta' strumenti bħat-telefons ċellulari.

2.6

Dawn li ġejjin huma xi eżempji tal-benefiċċji potenzjali ta' l-applikazzjonijiet RFID.

għall-individwu dan jista' jfisser sigurtà (eż. sigurtà ta' l-ikel, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar), konvenjenza (kjus iqsar għaċ-checkout, ġestjonar imtejjeb għall-bagalji ġo l-ajruport, ħlas awtomatiku) u kura imtejba għall-pazjenti, speċjalment għal mard kroniku bħad-dimenzja;

fit-trasport huwa mistenni li titjieb l-effiċjenza, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz għal persuni u l-merkanzija;

fil-kura tas-saħħa, l-RFID għandha l-potenzjal li żżid il-kwalità tal-kura u s-sigurtà tal-pazjent, u li ttejjeb il-konformità medika u l-loġistika. Qiegħed isir xogħol sabiex jitqiegħdu tags fuq pilloli individwali;

fil-bejgħ bl-imnut dan jista' jgħin fit-tnaqqis ta' l-iskarsezza, tal-livelli ta' l-inventorju u tas-serq;

f'ħafna industriji fejn l-iffalsifikar huwa komuni ħafna, l-użu ta' l-RFID jista' jgħin fl-identifikazzjoni ta' fejn il-prodotti illegali jidħlu fil-katina tal-provvista;

it-tagging ta' l-RFID jista' wkoll jgħin fit-titjib ta' l-issortjar u tar-riċiklaġġ ta' partijiet ta' prodotti u materjali b'riżultati pożittivi għall-ġestjoni ta' l-iskart u l-iżvilupp sostenibbli.

2.7

Ħafna aspetti ta' l-użu ta' l-RFID jintwerew mill-applikazzjoni tagħha għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-kotba. In-numru enormi ta' kotba pprintjati joħloq problema loġistika għall-pubblikaturi, id-distributuri, il-libreriji u l-bejjiegħa bl-imnut. Apparti mil-loġistika tal-katina tal-provvista, hemm bżonn li l-kotba jiġu segwiti ladarba jitqiegħdu fuq l-ixkaffa sabiex jistgħu jiġu identifikati u sostitwiti. B'żieda ma' dan, il-libreriji għandhom bżonn jikkontrollaw iċ-ċiklu tas-self filwaqt li x-xerrejja jistgħu jsibu diffikultajiet sabiex isegwu l-kotba tagħhom stess. It-tags ta' l-RFID fuq il-kotba jipprovdu soluzzjoni għal dawn il-problemi kollha. Il-kontroll ta' self tal-libreriji ser ikollu analogu fi kwalunkwe applikazzjoni oħra fejn l-oġġetti huma riċiklati jew mikrija.

2.8

Sabiex nispjegaw aħjar in-natura tat-theddid inerenti f'din it-teknoloġija, hawn ser issib s-sommarju ta' applikazzjoni għal brevett ta' l-IBM (20020615758) minn Novembru 2002. Dan jikkonċerna l-identifikazzjoni u s-segwitu ta' persuni permezz ta' oġġetti li għandhom l-RFID tag ġo fihom.

“Metodu u sistema għall-identifikazzjoni u s-segwitu ta' persuni permezz ta' oġġetti bl-RFID ġo fihom li jinġarru mill-persuni. Ir-rekords ta' xirjiet preċedenti għal kull persuna li tixtri minn ħanut tal-bejgħ bl-imnut huma miġbura minn terminals tal-punt tal-bejgħ u maħżuna f'bażi ta' data tat-transazzjonijiet. Meta persuna li qiegħda ġġorr jew liebsa oġġetti li għandhom l-RFID tags tidħol ġo ħanut jew żona oħra speċifikata, scanner ta' l-RFID tags li jinsab ġoż-żona jiskennja t-tags ta' l-RFID fuq dik il-persuna u jaqra l-informazzjoni ta' l-RFID tag. L-informazzjoni ta' l-RFID tag li tinġabar hija korrelata ma' rekords ta' transazzjonijiet maħżuna fil-bażi tad-data ta' transazzjonijiet skond algoritmi magħrufa tal-korrelazzjoni. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-korrelazzjoni, l-identità eżatta tal-persuna jew ċerti karatteristiċi dwar dik il-persuna jistgħu jiġu determinati. Din l-informazzjoni tintuża sabiex jiġi segwit il-moviment tal-persuna fil-ħanut jew żoni oħra.”

L-applikazzjoni għal brevett numru 20050038718 ta' l-American Express hija bbażata fuq l-istess prinċipji.

2.9

L-RFID hija b'mod ċar ħafna iktar minn barkowd elettroniku. Fis-sommarju ta' l-applikazzjoni tal-brevett ikkwotat hawn fuq, id-differenzi prinċipali huma:

(a)

it-tag m'għandhiex biss id-deskrizzjoni ta' l-oġġett iżda wkoll l-identifikatur diskret ta' l-oġġetti li min-naħa tiegħu jista' jidentifika x-xerrej tiegħu;

(b)

it-tag m'għandhiex għalfejn tkun mikroċipp fiżiku. Iċ-ċirkuwiti jistgħu jiġu pprintjati direttament fuq il-maġġoranza ta' materjali bħal ħwejjeġ.

(ċ)

it-tag tista' tibqa' mixgħula wara l-bejgħ sabiex tista' tinqara mill-ġdid kontinwament;

(d)

il-qarrejja tat-tags ma jinstabux biss fil-punt tal-bejgħ, jistgħu jinstabu kullimkien u mhux biss fil-bini tal-bejjiegħ bl-imnut;

(e)

il-korrelazzjoni permezz ta' bażi tad-data tintroduċi dimensjonijiet ġodda għall-ġbir tad-data, għall-privatezza u għas-sigurtà tad-data.

2.10

Jekk tag għandhiex tibqa' mixgħula wara ċ-checkout tal-bejgħ bl-imnut hija kwistjoni għad-dibattitu. Minn naħa, din hija theddida għall-privatezza. Min-naħa l-oħra, ix-xerrej jista' jibbenefika minnha. Per eżempju, il-possibilità tal-qarrejja RFID fid-djar tista' tgħin fl-organizzazzjoni ta' kantini ta' l-inbid, tal-friġġijiet, tal-gwardarobbi u tal-libreriji. Loġikament, għalhekk, l-għażla għandha tkun f'idejn l-individwu, iżda t-teknoloġija u l-applikazzjoni għandha tagħtih jew tagħtiha dik l-għażla.

2.11

L-RFID għandha ħafna iktar applikazzjonijiet mill-identifikazzjoni ta' prodott tal-bejgħ bl-imnut. Il-baġġ ta' identifikazzjoni tal-KESE hija għodda RFID. Is-sistema ta' taħt l-art ta' Londra tuża kards RFID b'mod estensiv għall-ħlas u għall-aċċess. Il-kards tal-kreditu dalwaqt ser jinkorporaw għodda RFID għall-ġestjoni ta' transazzjonijiet ta' valur baxx mingħajr pinkowd. Plakek ta' l-RFID jintużaw f'applikazzjonijiet ta' nollijiet tat-toroq u ta' l-identifikazzjoni tas-sewwieqa. L-aċċess għal-liftijiet ta' l-iski f'xi ċentri tal-vaganzi huwa kkontrollat min plakek ta' l-RFID li jinġarru f'but tal-ħwejjeġ ta' l-iski. Dan ir-rapporteur iġorr tliet kards RFID u plakka waħda ta' l-RFID kuljum. Il-kelb tiegħu huwa identifikat minn ċipp RFID taħt difrejh. Ċippijiet bħal dawn qegħdin jidħlu fl-użu wiesa' mad-dinja kollha għat-tagging ta' l-annimali sabiex ikun hemm it-traċċabilità fil-katina ta' l-ikel. Dan jista' jfisser pass żgħir sabiex jibdew jiġu taggjati l-kriminali u l-pazjenti problematiċi, bl-istess mod bħall-klieb.

2.12

Il-baġġ ta' identifikazzjoni użata mill-KESE hija applikazzjoni mhux perikoluża ta' l-RFID. L-identità tirrappreżenta sfida iktar sinifikanti meta t-tags ta' l-RFID jiġu inkorporati fil-ħwejjeġ tax-xogħol jew fl-uniformijiet sabiex il-movimenti tal-persuna bl-uniformi jistgħu jiġu segwiti kontinwament minn scanners li jinsabu fil-punti prinċipali kollha fil-bini. Madankollu, irid ikun rikonoxxut li dan jista' jkun rakkomandabbli f'ċerti każijiet, per eżempju għal finijiet ta' sigurtà. Fi kwalunkwe każ, is-segwitu tal-pożizzjoni ta' individwu, jekk mhux appoġġjat minn protezzjonijiet adattati, jista' jsir invażjoni kbira tal-privatezza li jeħtieġ ġustifikazzjoni sostanzjali u kontroll b'reqqa kbira.

2.13

Bħala ħabbar stramb ta' applikazzjonijiet futuri The Economist jirrapporta li fil-Baja Beach Club ta' Barċellona, il-biljett tad-dħul fiż-żona VIP huwa mikroċipp imdaħħal fi driegħ il-klijent. Kemmxejn ikbar minn biċċa ross u miksija bil-ħġieġ u s-silikon, iċ-ċipp jintuża sabiex jiġu identifikati l-persuni meta jidħlu jħallsu għax-xorb. Dan jiġi injettat minn ners permezz ta' anestetiku lokali. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija tag ta' l-RFID.

3.   Kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni

3.1

L-RFID hija ta' interess politiku minħabba l-potenzjal tagħha li ssir mutur ġdid ta' tkabbir u impjieg u b'hekk kontributur b'saħħtu għall-Istrateġija ta' Lisbona, jekk il-barrieri għall-innovazzjoni jistgħu jingħelbu.

3.2

Fl-2006 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-RFID, li enfasizzat l-istennijiet tat-teknoloġija bbażata fuq ir-riżultati ta' dawk li adottawha minn kmieni iżda żvelat ukoll il-ħsibijiet taċ-ċittadini dwar l-applikazzjonijiet ta' l-RFID li jinvolvu l-identifikazzjoni jew is-segwitu tal-persuni.

3.3

Żvilupp addizzjonali u l-użu mferrex ta' l-RFID jista' jsaħħaħ iktar ir-rwol tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet fit-tmexxija ta' l-innovazzjoni u l-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku.

3.4

Qafas legali u ta' politika li huwa ċar u prevedibbli huwa meħtieġ sabiex din it-teknoloġija ssir aċċettabli għall-utenti. Peress li t-teknoloġija RFID hija transkonfinali b'mod inerenti, dan il-qafas għandu jassigura l-konsistenza fis-suq intern.

3.5   Sigurtà, Privatezza u Etika

3.5.1

Hemm ħsibijiet serji li din it-teknoloġija mxerrda u li tagħti l-possibilità tista' thedded il-privatezza: it-teknoloġija RFID tista' tintuża sabiex tiġbor informazzjoni li hija marbuta direttament jew indirettament ma' persuna identifikata jew li tista' tiġi identifikata u għalhekk meqjusa bħala data personali. It-tags ta' l-RFID jistgħu jaħżnu data personali; it-teknoloġija ta' l-RFID tista' tiġi użata sabiex issegwi jew tfittex il-movimenti ta' persuni jew jitħejja l-profil ta' l-imġieba tal-persuni. L-RFID għandha l-potenzjal li tkun teknoloġija intrużiva. Tqajmu ħsibijiet dwar il-ksur tal-valuri fundamentali, il-privatezza u ż-żjieda fis-sorveljanza, speċjalment fuq il-post tax-xogħol, li tirriżulta fid-diskriminazzjoni, l-esklużjoni, il-vittimizzazzjoni u possibilment it-telf ta' l-impjieg.

3.5.2

Huwa ċar li l-applikazzjoni ta' l-RFID għandha tkun soċjalment u politikament aċċettabbli, ammissibbli mil-lat etiku u permissibbli min-naħa legali. L-RFID ser tkun tista' twassal il-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tagħha jekk ikunu tnedew il-garanziji effettivi għall-protezzjoni tad-data, il-privatezza u d-dimensjonijiet etiċi assoċjati li jinsabu fil-qalba tad-dibattitu dwar l-aċċettazzjoni pubblika ta' l-RFID.

3.5.3

Il-qafas leġislattiv tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza fl-Ewropa kien iddisinjat sabiex ikun b'saħħtu fil-konfront ta' l-innovazzjoni. Il-protezzjoni tad-data personali hija koperta mid-Direttiva ġenerali għall-Protezzjoni tad-Data (1) li tapplika għat-teknoloġiji kollha inkluża l-RFID. Id-Direttiva ġenerali tal-Protezzjoni tad-Data hija komplementata mid-Direttiva tal-Privatezza elettronika (2). B'segwitu ta' dawn id-Direttivi, l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri ser ikollhom jassiguraw li l-introduzzjoni ta' l-applikazzjonijiet RFID jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Jista' għalhekk ikun neċessarju li titprovda gwida dettaljata dwar l-implimentazzjoni prattika ta' l-applikazzjonijiet RFID u li jitfasslu kodiċi assoċjati tal-kondotta.

3.5.4

Fir-rigward tas-sigurtà, ser isir sforz konġunt bejn l-industrija, l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex ikun hemm għarfien aħjar tal-kwistjonijiet sistemiċi u t-theddid relatat tas-sigurtà li huma potenzjalment assoċjati ma' l-użu enormi tat-teknoloġiji u s-sistemi ta' l-RFID. Aspett importanti tat-tweġiba lill-isfidi msemmija hawn fuq ser ikunu l-ispeċifikazzjoni u l-adozzjoni tal-kriterji tad-disinn li jevitaw ir-riskji lill-privatezza u s-sigurtà, mhux biss fil-livelli teknoloġiċi iżda wkoll f'dawk organizzazzjonali u l-proċess tan-negozju. Għalhekk, qabel ma ssir is-selezzjoni tas-sistemi RFID u l-użu ta' l-applikazzjonijiet RFID hija meħtieġa analiżi mill-qrib ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' riskji speċifiċi għas-sigurtà u dawk relatati mal-privatezza.

3.5.5

Hemm ħsibijiet dwar il-ftuħ u n-newtralità tal-bażijiet tad-data li ser jirreġistraw l-identifikaturi uniċi li jinsabu fil-qalba tas-sistema RFID, il-ħażna u l-ġestjoni tad-data miġbura u l-użu tagħha minn partijiet terzi. Din hija kwistjoni importanti peress li l-RFID ser iġġib magħha mewġa ġdida ta' żvilupp ta' l-internet li eventwalment ser tgħaqqad biljuni ta' strumenti intelliġenti u teknoloġiji sensorji sofistikati f'infrastruttura tal-komunikazzjoni b'netwerk globali. Din il-fażi l-ġdida ta' l-iżvilupp ta' l-internet hija l-“Internet ta' l-Affarijiet.”

3.5.6

Is-sistema għar-reġistrazzjoni u n-nomenklatura ta' l-identitajiet f'dan l-“Internet ta' Affarijiet” tal-futur għandha tħares kontra l-ħsara jew l-użu mhux intenzjonat li jista' jikkawża straġi. M'għandux jiġi f'idejn interessi partikulari li jistgħu jużaw dawn il-bażi ta' data u sistemi għall-finijiet tagħhom stess. Is-sigurtà, l-etika u l-ħtiġijiet tal-privatezza għandhom ikunu mħarsa għall-partijiet interessati kollha, kemm jekk huma individwi kif ukoll jekk huma kumpaniji, li l-informazzjoni kummerċjali sensittiva tagħhom tinsab fil-proċessi tan-negozju bbażati fuq l-RFID.

3.5.7

Il-ħtiġijiet għall-partijiet involuti b'mod attiv fit-tnedija tas-sistema ta' informazzjoni ta' l-RFID (per eżempju organizzazzjonijiet tan-negozju, amministrazzjonijiet pubbliċi, sptarijiet) u l-utenti finali li huma soġġetti għas-sistema (ċittadini, konsumaturi, pazjenti, impjegati) għandhom jiġu kkunsidrati matul l-ippjanar tas-sistema. Peress li l-utenti finali m'humiex ġeneralment involuti fl-istadju tal-ħolqien, il-Kummissjoni ser tappoġġja sett ta' linji gwida speċifiċi għall-applikazzjoni (kodiċi tal-kondotta, prattiċi tajba) minn grupp nukleu ta' esperti li jirrappreżentaw il-partijiet kollha. Sa tmiem l-2007, il-Kummissjoni ser toħroġ Rakkomandazzjoni li tippreżenta l-prinċipji li l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet oħra interessati għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-użu ta' l-RFID.

3.5.8

Il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet adattati fil-proposta futura għall-emenda tad-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika u, fl-istess ħin ser tqis ideat mill-Grupp ta' Partijiet Interessati ta' l-RFID, li ser jitwaqqaf fil-ġejjieni, l-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data u inizjattivi oħra rilevanti bħall-Grupp Ewropew tal-Kummissjoni dwar l-Etika fix-Xjenza u Teknoloġiji Ġodda. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ser tevalwa l-ħtieġa għal passi leġislattivi addizzjonali għall-ħarsien tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

3.5.9

Il-Kummissjoni ser tissorvelja mill-qrib il-moviment lejn l-“Internet ta' l-Affarijiet” li l-RFID mistennija tkun element importanti tiegħu. Fi tmiem l-2008, il-Kummissjoni ser tniedi Komunikazzjoni li tanalizza n-natura u l-effetti ta' dawn l-iżviluppi, b'attenzjoni partikulari għall-kwistjonijiet tal-privatezza, il-fiduċja u l-gvernanza. Din ser tevalwa l-għażliet ta' politika, inkluża l-possibilità ta' passi leġislattivi addizzjonali sabiex titħares il-protezzjoni tad-data u l-privatezza u jiġu indirizzati objettivi ta' politika pubblika oħrajn.

3.5.10

Osservazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet ta' Sigurtà, Privatezza u Etika jidhru fis-sezzjoni 4 ta' l-Opinjoni.

3.6   Kwistjonijiet oħra ta' politika ta' l-RFID

3.6.1

Apparti mill-qasam kollu ta' sigurtà, privatezza u etika, il-kwistjonijiet l-oħra ta' politika mqajma mill-RFID jinvolvu l-ispettru tar-radju, l-istandards, is-saħħa, is-sigurtà u l-kwistjonijiet ambjentali.

3.6.2

L-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet ta' l-ispettru ta' l-użu hija importanti sabiex tippermetti l-mobilità faċli u tillimita l-ispejjeż. Il-Kummissjoni reċentement adottat deċiżjoni (2006/808/KE) għall-frekwenzi ta' l-RFID fil-medda UHF. Din l-allokazzjoni hija meqjusa bħala adegwata għal bejn tlieta u għaxar snin iżda jekk tinħass il-ħtieġa għal spettru addizzjonali, il-Kummissjoni ser taġġixxi skond dik ir-raġuni, billi tuża l-poteri tagħha konferiti lilha mid-Deċiżjoni ta' l-Ispettru tar-Radju (676/2002/KE). Il-KESE jaċċetta din il-pożizzjoni.

3.6.3

L-adozzjoni semplifikata ta' l-istandards ġodda internazzjonali ta' l-ISO u l-armonizzazzjoni ta' l-istandards reġjonali huma essenzjali għall-adozzjoni bla xkiel tas-servizzi. Il-korpi Ewropej rilevanti ta' l-istandards — CEN u ETSI — huma involuti totalment. Il-Kummissjoni qiegħda ssejjaħ lil dawn il-korpi, flimkien ma' l-industrija, sabiex jassiguraw li l-istandards ta' l-iżvilupp jilħqu l-ħtiġijiet Ewropew, b'attenzjoni partikulari għall-kwistjonijiet tal-privatezza, tas-sigurtà, tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u tal-liċenzjar. Minħabba li l-istandards ta' l-industrija u l-brevetti proprjetarji ta' sikwit javvanzaw flimkien, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel mill-aħjar li tista' sabiex iġġiegħel lill- industrija u lill-korpi ta' l-istandards sabiex jaġixxu malajr kemm jista' jkun ħalli jiġi evitat li l-applikazzjonijiet Ewropej ta' l-RFID isiru dipendenti wisq fuq proprjetà intellettwali b'sjieda x'imkien ieħor.

3.6.4

Fir-rigward ta' l-ambjent, l-istrumenti RFID huma koperti bis-sħiħ mid-Direttivi WEEE u RoHS. Dwar is-saħħa, hemm il-kwistjoni potenzjali ta' kampi elettromanjetiċi (EMF) assoċjati ma' strumenti ta' l-RFID. L-EMF relatati mal-RFID huma ġeneralment iktar baxxi mil-limiti standard attwali. Madankollu, fil-kuntest taż-żieda ġenerali fl-applikazzjonijiet mingħajr fil, il-Kummissjoni ser iżżomm il-qafas legal taħt reviżjoni. Il-KESE jaċċetta din il-pożizzjoni.

4.   Osservazzjonijiet

4.1

Peress li l-Kummissjoni ser tippubblika r-Rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Istati Membri fl-aħħar ta' din is-sena, huwa loġiku li nistennew li ser taċċetta l-infrastruttura tas-sigurtà u privatezza tad-data kif inhi llum. B'mod partikulari, dan jissuġerixxi li l-korpi tal-Protezzjoni tad-Data li jeżistu diġà f'kull Stat Membru ser isiru l-Awtorità responsabbli għall-kwistjonijiet ta' privatezza u protezzjoni tad-data għall-RFID.

4.2

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni stqarret li, fost affarijiet oħra, ser twaqqaf u tikkonsulta ma' Grupp ġdid ta' Partijiet Interessati. Il-KESE jixtieq jippreżenta din l-Opinjoni lill dak il-Grupp.

4.3

It-theddid lill-privatezza u l-libertajiet ċivili mill-RFID huwa profond.

(a)

L-RFID tags jistgħu jitpoġġew f'/fuq oġġetti u dokumenti mingħajr l-għarfien ta' l-individwu li jakkwista dawn l-oġġetti. Peress li s-sinjali tar-radju jivvjaġġaw faċilment u mingħajr ħoss fil-fibra, fil-plastik u f'materji oħra, huwa possibbli li jinqraw RFID tags meħjutin ġol-ħwejjeġ jew imwaħlin ma' oġġetti ġo basktijiet, bagalji u iktar.

(b)

Il-Kodiċi elettroniku tal-Prodott jista' jippermetti li kull oġġett fid-dinja jkollu l-identifikazzjoni unika tiegħu. L-użu ta' numri uniċi ta'identifikazzjoni jista' jwassal għall-ħolqien ta' sistema globali ta' reġistrazzjoni ta' l-affarijiet li fiha kull oġġett fiżiku jiġi identifikat u marbut ma' min ikun xtrah jew mal-propretarju tiegħu fil-punt tal-bejgħ jew trasferiment.

(c)

L-użu ta' l-RFID jeħtieġ il-ħolqien ta' bażijiet tad-data enormi li jkollhom data unika tat-tags. Dawn ir-reġistri jistgħu jintrabtu ma' data ta' identifikazzjoni personali, speċjalment kif qegħdin jespandu l-memorja tal-komputers u l-kapaċitajiet tagħhom ta' proċessar.

(d)

It-tags jistgħu jinqraw minn distanza, m'humiex ristretti għal-linja tal-viżjoni, minn qarrejja li jistgħu jiġu inkorporati fi kważi kull ambjent fejn jinġabru l-persuni. Il-qarrejja jistgħu jitpoġġew fil-madum ta' l-art, jintisġu fit-twapet, jinsatru fl-għatbiet u jinħbew fl-ixkaffar, li jagħmilha virtwalment impossibli sabiex individwu jkun jaf jekk hux qiegħed jiġi skennjat.

(e)

Jekk l-identità personali tintrabat ma' numri uniċi ta' tags RFID, ikun possibbli li individwi jiġu segwiti jew jitħejja l-profil tagħhom mingħajr l-għarfien jew il-kunsens tagħhom.

(f)

Huwa possibbli li timmaġina dinja fejn il-qarrejja ta' l-RFID jifformaw netwerk globali li jinsabkullimkien. Netwerk bħal dan ma jkollux bżonn ta' qarrejja kullimkien. F'Londra, is-sistema taż-żona ta' traffiku li huwa ntaxxat tista' ssegwi l-karozzi kollha deħlin Londra grazzi għal numru relattivament baxx ta' kameras imqiegħda b'mod strateġiku. Netwerk ta' qarrejja ta' l-RFID tags jista' jinbena bl-istess mod. Dan m'għandux jitħalla jitwettaq.

4.4

Fis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, il-Kummissjoni diġà tat parir dwar l-applikazzjoni etika tat-teknoloġija peress li tolqot lis-sigurtà tad-data u l-privatezza (“Gwida għall-Applikanti” għal proġetti ta' kollaborazzjoni, p. 54) (3). L-RFID hija eżempju eċċellenti tar-relazzjoni li qiegħda tevolvi bejn it-teknoloġija u d-dritt legali jew l-istennija tal-pubbliku dwar ir-rispett tal-privatezza fil-ġbir u t-tqassim tad-data. Il-problemi tal-privatezza jeżistu kulfejn hemm data li hija identifikabbli b'mod uniku li tirrelata ma' persuna jew persuni, li hija miġbura u maħżuna, f'forma diġitali jew oħra. Kontroll mhux adattat jew non-eżistenti tal-kxif ta' l-informazzjoni jista' jkun kawża għal kwistjonijiet ta' privatezza. L-iktar sorsi komuni ta' data li huma milquta minn kwistjonijiet ta' privatezza tad-data huma s-saħħa, il-ġustizzja kriminali, il-finanzi, il-ġenetika u l-lok. Il-lok huwa l-kwistjoni prinċipali għall-RFID.

4.5

Fil-parir tagħha (4) dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-protezzjoni tad-data u l-privatezza, il-Kummissjoni waqqfet tmien prinċipji infurzabbli ta' prattika tajba. Din hija d-data li għandha tkun:

proċessata b'mod ġust u legali

proċessata għal finijiet limitati

adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva

preċiża

miżmuma għal żmien mhux itwal minn dak neċessarju

proċessata skond id-drittijiet tas-suġġett tad-data

sigura

mhux trasferita lejn pajjiżi fejn m'hemmx protezzjoni adegwata

Dawn il-linji gwida huma kompletament adattati għall-kwistjonijiet ta' privatezza u sigurtà ta' data involuti ma' l-applikazzjonijiet ta' l-RFID.

4.6

Fil-fehma tal-KESE, il-prinċipji bażiċi ta' prattika tajba huma hekk:

L-utenti ta' l-RFID jridu jippubblikaw il-politiki u l-prattiċi tagħhom u m'għandu jkun hemm l-ebda bażi ta' data sigrieta ta' informazzjoni personali.

L-individwi għandhom dritt li jkunu jafu meta oġġetti fl-ambjent tal-bejgħ bl-imnut ikollhom tags jew qarrejja ta' l-RFID. Kwalunkwe qari tat-tags li jseħħ f'ambjent ta' bejgħ bl-imnut irid ikunu trasparenti għall-partijiet kollha.

L-utenti ta' l-RFID jridu jinfurmaw lill-pubbliku għal liema raġunijiet qegħdin jintużaw it-tags u l-qarrejja. Il-ġabra ta' informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju għall-iskop attwali.

L-utenti ta' l-RFID huma responsabbli għall-implimentazzjoni tat-teknoloġija u huma responsabbli li joperaw skond il-liġijiet u l-linji gwida tas-sigurtà tad-data. Huma responsabbli wkoll għas-sigurtà u l-integrità tas-sistema u l-bażi tad-data tagħha.

4.7

Kif dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati fil-prattika huwa punt ta' kontroversja. Idealment, kwalunkwe intrapriża involuta fi transazzjonijiet bejn il-konsumatur u l-intrapriża, bħall-bejgħ bl-imnut, qtugħ ta' biljetti, kontroll għall-aċċess, servizzi tat-trasport jagħtu lill-klijenti tagħhom forma ta' garanzija li dawn il-prinċipji ser jiġu segwiti, tip ta' karta għall-klijenti. Bħala kunċett, din il-karta tista' tinkorpora il-prinċipji kollha tal-protezzjoni tad-data għall-prattiċi tajba deskritti f'punt 4.5. B'żieda ma' dan, il-KESE jipproponi l-linji gwida li ġejjin:

a)

Il-kummerċjanti għandhom ikunu projbiti milli jisforzaw jew jobbligaw lill-klijenti jaċċettaw tags mixgħulin jew mitfijin fil-prodotti li jixtru. L-għażliet jistgħu jinkludu li t-tags jiġu mehmuża ma' l-ippakkjar jew l-użu ta' tags li jistgħu jitneħħew bħal dawk tal-biljetti tal-prezzijiet.

b)

Il-klijenti għandhom ikunu ħielsa li jneħħu jew jitfu kwalunkwe tags fil-pussess tagħhom.

ċ)

L-RFID m'għandux, fil-prinċipju, jintuża sabiex jiġu segwiti l-individwi. Is-segwitu tal-persuni m'huwiex xieraq, kemm jekk isir, per eżempju, permezz ta' ħwejjeġ, biljetti, merkanzija jew prodotti oħra.

d)

L-RFID m'għandu qatt jintuża b'tali mod li jista' jelimina jew inaqqas l-anonimità.

e)

L-awtorità responsabbli għandha tagħti parir ċar li (ċ) u (d) ser ikunu permessi biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali b'notifikazzjoni formali minn qabel lill-Awtorità.

4.8

Ċerti eċċezzjonijiet għal-linji gwida msemmija hawn fuq jistgħu jitqiesu meta

Individwi privati jagħżlu li jżommu t-tags mixgħulin għall-konvenjenza personali tagħhom.

Individwi privati jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jiġu segwiti f'ambjenti kritiċi bħal stabbilimenti u istituzzjonijiet pubbliċi u privati li għandhom livell għoli ta' sigurtà.

Individwi privati jagħżlu li jużaw applikazzjonjiet li jsibuhom u jidentifikawhom bl-istess mod li huma diġà jistgħu jinsabu u jiġu identifikati bl-użu tat-telefons ċellulari, karti ta' l-ATMs, indirizzi ta' l-internet, eċċ.

Eċċezzjonijiet ta' dan it-tip għandhom jiġu notifikati lill-awtorità responsabbli.

4.9

Klassi ta' applikazzjonijiet li jistgħu jingħataw eżenzjoni ġenerali hija s-segwitu ta' persuni jew merkanzija f'ambjenti transitorji. Fis-settur tat-trasport bl-ajru, il-bagalji jistgħu jiġu ttagjati fiċ-check-in sabiex titejjeb is-sigurtà u ċ-ċertezza ta' l-immaniġjar tal-bagalji, filwaqt li l-passiġġieri jistgħu jiġu ttagjati sabiex jitjiebu u jitħaffu l-movimenti fil-ħin ta' l-ajruplan u jiżdied it-tħaffif tal-proċess ta' sigurtà. Applikazzjoni oħra tista' tkun is-segwitu ta' pazjenti wara li jiddaħħlu l-isptar għall-operazzjonijiet. Is-soluzzjoni għall-aċċettabilità ta' din il-klassi ta' applikazzjoni tkun it-tneħħija ċerta tat-tags fi tmiem ta' l-esperjenza transitorja.

4.10

L-RFID m'hijiex teknoloġija matura b'hekk għadna ma nifhmux il-potenzjal sħiħ tagħha. Minn naħa tista' twassal benefiċċji li għadna ma nistgħux nikkonċepuhom liċ-ċivilazzjoni teknoloġika tagħna, min-naħa l-oħra tista' tkun l-ikbar theddida li t-teknoloġija qatt tefgħet fuq il-privatezza u l-libertà. Il-KESE jemmen li l-applikazzjonijiet ta' l-RFID għandhom jiġu żviluppati skond kodiċi ta' etika strett fir-rigward tal-privatezza, il-libertà u s-sigurtà tad-data iżda li, fid-dawl tal-protezzjoni meħtieġa, l-iżvilupp ta' l-applikazzjonijiet għandu jkompli.

4.11

Bħala konklużjoni, fejn l-applikazzjonijiet ta' l-RFID huma permessi, l-implimentazzjoni għandha tkun trasparenti għal kull persuna involuta. Applikazzjonijiet sabiex titjieb il-ġestjoni tal-merkanzija huma ġeneralment aċċettabbli. Applikazzjonijiet li jinvolvu s-segwitu tal-persuni ġeneralment m'humiex aċċettabbli barra f'ambjenti transitorji. Applikazzjonijiet li jorbtu lill-persuni ma' merkanzija jistgħu jkunu aċċettabbli għal skopijiet ta' marketing. Applikazzjonijiet li jidentifikaw persuni permezz tal-merkanzija li jkunu xtraw huma ġeneralment inaċċettabbli. B'żieda ma' dan, xi applikazzjonijiet m'humiex xierqa f'soċjetà ħielsa u m'għandhom qatt jiġu permessi. Il-ħtieġa urġenti ħafna li jiġu mħarsa l-privatezza u l-anonimità għandha tkun fil-qalba tar-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri.

Brussell, 11 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali.

(2)  Direttiva 2002/58/KE dwar l-iproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(3)  http://cordis.europa.eu/fp7/dc/index.cfm?fuseaction=UserSite.CooperationDetailsCallPage&call_id=11.

(4)  Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-Protezzjoni tad-Data, Artikolu 6.


Top