Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AE0990

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Programm Indikattiv Nukleari, imressaq taħt l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew COM(2006) 844 finali

ĠU C 256, 27.10.2007, p. 51–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 256/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Programm Indikattiv Nukleari, imressaq taħt l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”

COM(2006) 844 finali

(2007/C 256/11)

Nhar l-10 ta' Jannar 2007, il-Kumissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Programm Indikattiv Nukleari, imressaq taħt l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-19 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Sirkeinen.

Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'81 vot favur, 28 vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Sinteżi

1.1

Fl-2004, fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-kwistjonijiet involuti fl-użu ta' l-enerġija nukleari għall-produzzjoni ta' l-elettriku”, il-KESE ppropona li “għandhom isiru sforzi sabiex jiġi pprovdut tagħrif dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' l-industrija nukleari — is-sigurtà tal-provvista, it-tneħħija ta' l-emissjonijiet tas-CO2, il-prezzijiet kompetittivi u s-sigurtà u l-ġestjoni tal-karburant użat — bil-għan li s-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' twettaq analiżi kritika tad-dibattiti dwar dawn il-kwistjonijiet”. Il-Programm Indikattiv Nukleari (PINC) il-ġdid jipprovdi dan it-tagħrif. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-biċċa l-kbira ta' l-aspetti essenzjali ta' l-enerġija nukleari huma indirizzati fih u, fil-fehma tagħna, huma deskritti b'mod tajjeb. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn ċerti aspetti ta' l-enerġija nukleari li għandhom jiġu kkunsidrati.

1.2

L-enerġija nukleari, li tirrappreżenta 31 % ta' l-elettriku u 15 % tal-konsum globali ta' l-enerġija primarja ta' l-UE fl-2004, taqdi rwol kruċjali fis-suq ta' l-enerġija. L-enerġija nukleari tissodisfa wkoll l-objettivi kollha tal-politika ta' l-enerġija ta' l-UE. Il-prezz ta' l-enerġija nukleari llum huwa tassew kompetittiv. Id-dipendenza esterna hija żgħira u s-sorsi ta' karburant huma diversifikati u sikuri. Dan jissodisfa l-eżiġenzi tas-sigurtà tal-provvista. L-enerġija nukleari hija attwalment l-ikbar sors ta' enerġija prattikament ħielsa mid-dijossidu tal-karbonju fl-Ewropa.

1.3

Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-objettivi għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-2020 u lil hinn, huwa evidenti li kull mezz addizzjonali ta' produzzjoni ta' l-enerġija b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi — is-sorsi rinnovabbli, l-enerġija nukleari jew il-karbonju potenzjalment nadif — għandhom jissostitwixxu mezzi li jarmu s-CO2 u b'hekk jikkontribwixxu għal produzzjoni globali ta' l-elettriku bi proporzjoni baxxa ta' karbonju. Fi kliem ieħor, jekk ma tinżammx minn ta' l-inqas il-proporzjoni attwali ta' l-enerġija nukleari sakemm ikunu disponibbli soluzzjonijiet ġodda ta' enerġija nadifa, l-objettivi tal-politiki tal-klima u l-enerġija m'humiex ser jintlaħqu.

1.4

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti ta' l-UE fl-iżvilupp addizzjonali ta' l-iktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu l-enerġija nukleari, b'konformità ma' l-ogħla standards fl-oqsma tas-sigurtà, is-sikurezza u n-non proliferazzjoni, hekk kif meħtieġ mit-Trattat Euratom.

1.5

L-iktar biċċa xogħol importanti hija li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-iskart radjuattiv, b'mod speċjali r-rimi tal-karburant nukleari wżat. Teżisti teknoloġija għal dan iżda hemm nuqqas ta' deċiżjonijiet politiċi. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet l-oħra li għadhom jeħtieġu l-attenzjoni ta' l-UE bħas-sigurtà nukleari u l-protezzjoni radjuloġika, oqsma fejn l-Ewropa kisbet riżultati tajbin ħafna, kif ukoll il-finanzjament sikur fuq perijodu fit-tul għall-iżmuntaġġ ta' l-impjanti.

1.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn ċerti aspetti addizzjonali ta' l-enerġija nukleari li ma ġewx trattati fl-abbozz tal-PINC. Dawn huma t-theddida tat-terroriżmu u, f'ċerti impjanti, il-kwisjtjoni tad-disponibilità suffiċjenti ta' ilma ta' tkessiħ.

1.7

Tista' tfeġġ il-problema ta' kemm dan is-settur huwa attraenti għall-ħaddiema u bħala suġġett tar-riċerka fl-Istati Membri li jixtiequ jkomplu jagħmlu użu mill-enerġija nukleari. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa kruċjali li l-Ewropa jkollha għarfien espert dwar il-protezzjoni radjuloġika u t-teknoloġija nukleari, u għalhekk l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka f'dawn l-oqsma jeħtieġu attenzjoni kbira.

1.8

Fl-aħħar, il-KESE jenfasizza li kull Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel it-taħlita ta' enerġija tiegħu, inkluż l-użu ta' l-enerġija nukleari kif imsemmi fil-PINC.

2.   Introduzzjoni

2.1

B'konformità ma' l-Artikolu 40 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tippubblika programm nukleari indikattiv fuq bażi regolari, b'mod partikulari dwar l-objettivi tal-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari u kull tip ta' investiment meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar dan it-tip ta' programmi qabel ma jiġu ppubblikati. Mill-1958 lil hawn ġew ippubblikati 4 programmi indikattivi ta' din ix-xorta u aġġornament wieħed. L-aħħar pubblikazzjoni saret fl-1997.

2.2

L-abbozz attwali tal-Programm Indikattiv Nukleari (PINC) ġie ppubblikat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-pakkett ta' l-enerġija u l-klima, “Politika ta' l-Enerġija għall-Ewropa”, 10 ta' Jannar 2007. Il-verżjoni finali ser titħejja u tiġi ppubblikata malli l-Kummissjoni tirċievi l-Opinjoni tal-KESE.

2.3

Il-partijiet l-oħra tal-pakkett jindirizzaw fl-ewwel lok il-proposta dwar l-objettivi fl-ambitu tat-tibdil fil-klima li jinkludu tnaqqis ta' 30 % mil-livell ta' l-1990 tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-pajjiżi żviluppati sa l-2020, jew fi kwalunkwe każ ta' 20 % għall-UE biss. Il-pakkett jittratta wkoll is-suq intern għall-gass u l-elettriku, l-interkonnessjonijiet fin-netwerks ta' l-elettriku u l-gass, proposti għall-promozzjoni tal-produzzjoni sostenibbli ta' l-enerġija mill-karburanti fossili; pjan ta' direzzjoni għall-promozzjoni tas-sorsi rinnovabbli, li jinkludi l-objettiv vinkolanti ta' 20 % sa l-2020 għall-proporzjoni ta' sorsi rinnovabbli fit-taħlita globali ta' l-enerġija u t-tfaddil ta' enerġija ta' l-UE, bl-objettiv ta' żieda fl-effiċjenza ta' 20 % sa l-2020 u, fil-ġejjieni, Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija. Fid-9 ta' Marzu 2007 il-Kunsill Ewropew appoġġja l-objettivi u l-kontenut politiku ewlieni tal-pakkett.

2.4

Il-Kumitat ħejja Opinjonijiet dwar kull PINC, hekk kif jeħtieġ it-Trattat. Il-Kumitat indirizza l-enerġija nukleari f'ħafna Opinjonijiet oħra wkoll, b'mod partikulari fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja reċenti dwar ir-rwol ta' l-enerġija nukleari fl-2004, fejn fil-konklużjonijiet tiegħu ddikjara li l-KESE jikkunsidra li l-enerġija nukleari għandha tkun wieħed mill-elementi ta' politika ta' l-enerġija diversifikata, bilanċjata, ekonomika u sostenibbli għall-UE. Minħabba l-kwistjonijiet li tqajjem, l-enerġja nukleari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-uniku sors ta' enerġija; mill-banda l-oħra, il-KESE jikkunsidra li abbandun totali ta' l-enerġija nukleari jista' jfixkel it-twettiq ta' l-impenji ta' l-UE fir-rigward tal-klima.

3.   Id-dokument tal-Kummissjoni

3.1

Id-dokument tal-Kummissjoni jikkunsidra l-investimenti fl-enerġija nukleari li saru matul l-aħħar għaxar snin u jiddeskrivi l-proċess ekonomiku tal-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari, l-impatti tagħha fuq it-taħlita ta' l-enerġija u l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni soċjali. Il-kontenut f'iktar detall huwa dan li ġej.

3.2

Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi jridx jiddependi mill-enerġija nukleari għall-produzzjoni ta' l-elettriku jew le. Dan l-aħħar, il-Finlandja u Franza ddeċidew li jkabbru s-settur nukleari tagħhom. Id-dibattitu dwar il-politika ta' l-enerġija nukleari reġa' tnieda fl-Olanda, fil-Polonja, fl-Isvezja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Litwanja, fl-Estonja, fil-Latvja, fis-Slovakkja, fir-Renju Unit, fil-Bulgarija u fir-Rumanija. Il-Ġermanja, Spanja u l-Belġju qegħdin ikomplu — minkejja l-fatt li d-dibattitu għaddu għaddej — bil-politiki tagħhom ta' tneħħija progressiva ta' l-enerġija nukleari. 12 mis-27 Stat Membru ma jipproduċux l-enerġija nukleari.

3.3

B'152 reatturi mxerrdin mas-27 Stat Membru ta' l-UE, l-enerġija nukleari attwalment qiegħda tikkontribwixxi 30 % ta' l-elettriku ta' l-Ewropa. Madankollu, jekk il-politika ta' tneħħija progressiva mħabbra f'ċerti Stati Membri ta' l-UE tinżamm, din il-proporzjoni ser tonqos b'mod sinifikattiv. Bil-għan li tiġi sodisfatta d-domanda għall-enerġija u titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq l-importazzjonijiet, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-investimenti ġodda jew l-estensjoni fiż-żmien ta' ċerti impjanti.

3.4

Skond il-Kummissjoni, it-tisħiħ tal-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari jista' jirrappreżenta possibbiltà ta' tnaqqis ta' l-emissjonijiet tas-CO2 u jaqdi rwol ewlieni sabiex jiġi indirizzat it-tibdil globali fil-klima. L-enerġija nukleari hija prattikament ħielsa mill-emissjonijiet tal-karbonju u tifforma parti mill-programm tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-karbonju, inkluż l-objettiv li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Din tista' tkun kunsiderazzjoni importanti fid-diskussjoni dwar l-iskemi futuri għall-iskambju ta' l-emissjonijiet.

3.5

L-iktar fattur kruċjali għall-prospetti tat-tkabbir ta' l-enerġija nukleari huwa l-proċess ekonomiku li dan jimplika. Impjant nukleari jinvolvi investiment antiċipat li jmur minn EUR 2 biljun sa EUR 3.5 biljun. Il-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari ġġarrab spejjeż ta' kostruzzjoni ikbar meta mqabbla mal-karburanti fossili, iżda l-ispejjeż operattivi jsiru konsiderevolment iktar baxxi wara l-investimenti tal-bidu. Preċiżament, il-Kummissjoni qiegħda tistqarr li:

3.5.1

Ir-riskji ekonomiċi ta' l-impjanti nukleari huma marbutin ma' l-investiment inizjali u jimponu tħaddim prattikament perfett fl-ewwel 15-20 sena ta' użu, b'ċiklu ta' ħajja ta' 40-60 sena sabiex ikun hemm ritorn fuq il-kapital inizjali. Barra minn hekk, it-trattament u l-ġestjoni ta' l-iskart jirrikjedu riżorsi finanzjarji disponibbli għal 50-100 sena wara l-għeluq ta' l-impjant nukleari.

3.5.2

Attwalment hemm 152 impjant nukleari fl-UE-27 (1) li jinsabu fi 15-il Stat Membru. L-“età” medja ta' l-impjanti nukleari hija ta' madwar 25 sena (2). Fil-każ ta' Franza, li għandha l-ikbar numru ta' impjanti (59), li jipprovdu 80 % ta' l-elettriku tagħha, u tal-Litwanja, fejn impjant nukleari wieħed jiġġenera 70 % tal-produzzjoni ta' l-elettriku, l-“età” medja ta' l-impjanti hija ta' 20 sena. It-23 impjant tar-Renju Unit għandhom “età” medja ta' 30 sena filwaqt li l-“età” medja ta' l-impjanti Ġermaniżi (17) hija ta' 25 sena.

3.5.3

L-enerġija nukleari tradizzjonalment tinvolvi spejjeż għoljin għall-bini u spejjeż baxxi għat-tħaddim meta mqabbla mal-produzzjoni ta' l-elettriku minn karburanti fossili, li jqumu inqas f'termini ta' kapital imma iktar f'termini ta' tħaddim u li huma iktar sensittivi għall-varjazzjonijiet fil-prezz tal-karburant.

3.6

Il-produzzjoni ta' l-enerġija nukleari ma tintlaqatx minn bidliet fil-prezz tal-provvista tar-riżorsi primarji, peress li ammont żgħir ta' uranju, li jiġi fil-biċċa l-kbira minn reġjuni stabbli tad-dinja, jista' jżomm reattur għaddej għal għexieren ta' snin. Ir-riżorsi ta' l-uranju li nafu bihom u li huma garantiti u jistgħu jiġu aċċessati b'mod raġonevoli għal prezz kompetittiv jistgħu jissodisfaw l-eżiġenzi ta' l-industrija nukleari minn ta' l-inqas għall-85 sena li ġejjin, bil-livelli attwali ta' konsum. Għalhekk, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi industrijalizzati, impjanti nukleari ġodda joffru mezz ekonomiku ta' kif jista' jiġi ġġenerat ammont fiss ta' elettriku li jinxtara bi prezz kuntrattwali.

3.7

L-industrija nukleari wettqet diversi investimenti konsiderevoli mill-1997 lil hawn. Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza li tinżamm pożizzjoni teknoloġika minn ta' quddiem fis-settur ta' l-enerġija nukleari u tappoġġja l-iżvilupp addizzjonali ta' l-iktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari, li jinkludi n-non proliferazzjoni, il-ġestjoni ta' l-iskart u l-iżmuntaġġ ta' l-impjanti. Minn mindu ġie ffirmat it-Trattat Euratom, għall-Komunità Ewropea s-sigurtà nukleari u l-ħarsien radjuloġiku tal-pubbliku huma suġġetti prijoritarji. Dawn il-kwistjonijiet kisbu importanza ikbar fid-dawl tat-tkabbir li sar u li qiegħed isir.

3.8

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti ta' l-UE fl-iżvilupp addizzjonali ta' l-iktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu l-enerġija nukleari, b'konformità ma' l-ogħla standards fl-oqsma tas-sigurtà, tas-sikurezza u tan-non proliferazzjoni, hekk kif meħtieġ mit-Trattat Euratom. Dan għandu jinkludi l-ġestjoni ta' l-iskart nukleari u l-iżmuntaġġ ta' l-impjanti.

3.9

Il-Kummissjoni tipproponi li d-diskussjoni dwar l-iżviluppi futuri għandha tiffoka fuq:

id-determinazzjoni ta' livelli ta' referenza għas-sigurtà nukleari mmirati lejn l-implimentazzjoni fl-UE, fuq il-bażi ta' l-opinjoni esperta wiesgħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sigurtà nukleari fl-Istati Membri;

it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sigurtà u s-Sikurezza Nukleari bil-mandat li progressivament jiġi żviluppat fehim komuni, u eventwalment, regoli Ewropej addizzjonali dwar is-sigurtà u s-sikurezza nukleari;

l-assigurazzjoni li l-Istati Membri ser iħejju pjanijiet nazzjonali għall-ġestjoni ta' l-iskart radjuattiv;

waqt il-fażi bikrija tas-seba' programm ta' qafas, l-istabbiliment ta' pjattaformi teknoloġiċi sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tar-riċerka fil-programmi nazzjonali, industrijali u Komunitarji fl-oqsma tal-fissjoni nukleari sostenibbli u r-rimi ta' l-iskart ġeoloġiku;

is-segwiment tar-rakkomandazzjoni dwar l-armonizzazzjoni ta' l-approċċi nazzjonali għall-ġestjoni tal-fondi għall-iżmuntaġġ ta' l-impjanti sabiex jiġi assigurat li jitħejjew ir-riżorsi adegwati;

is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' l-għotja ta' permess, bis-saħħa ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bil-għan li jinżammu l-ogħla standards ta' sigurtà possibbli;

l-assigurazzjoni li l-fondi mislufa taħt il-programm Euratom jkunu iktar disponibbli, bil-kundizzjoni li l-limiti jkunu aġġornati skond il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, kif diġà propost mill-Kummissjoni;

it-tfassil ta' skema ta' responsabilità armonizzata u mekkaniżmi li jassiguraw id-disponibilità tal-fondi fl-eventwalità ta' ħsara kkawżata minn inċident nukleari;

l-għotja ta' impuls ġdid lill-kooperazzjoni internazzjonali permezz ta' kollaborazzjoni aħjar ma' l-IAEA, l-NEA, ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi mhux membri ta' l-UE u assistenza mġedda lill-pajjiżi ġirien.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa' l-abbozz tal-Programm Indikattiv Nukleari ġdid tal-Kummissjoni. Is-settur ta' l-enerġija evolva ħafna mill-aħħar pubblikazzjoni lil hawn li saret għaxar snin ilu. B'mod partikulari l-iżviluppi ġodda u drammatiċi ta' dawn l-aħħar ftit snin ġibdu l-attenzjoni lejn it-tliet aspetti tal-politika ta' l-enerġija — is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-prezzijiet raġonevoli kif ukoll l-ambjent, b'mod partikulari t-tibdil fil-klima. L-UE wieġbet għall-problemi u l-sfidi li tfaċċaw permezz ta' proposti għal Politika Ewropea ta' l-Enerġija. F'dan il-kuntest hemm bżonn ta' analiżi u proposti dwar l-enerġija nukleari. Tali politika tiddefinixxi l-pożizzjoni ta' l-enerġija nukleari fuq ix-xena globali ta' l-enerġija u tipprovdi t-tagħrif meħtieġ għad-diskussjoni u d-definizzjoni ta' politika ta' l-enerġija għall-Ewropa.

4.2

Fl-2004, fl-Opinjoni tieghu dwar “Il-kwistjonijiet involuti fl-użu ta' l-enerġija nukleari għall-produzzjoni ta' l-elettriku”, il-KESE ppropona li għandhom isiru sforzi sabiex jiġi pprovdut tagħrif dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' l-industrija nukleari — is-sigurtà tal-provvista, it-tneħħija ta' l-emissjonijiet tas-CO2, il-prezzijiet kompetittivi u l-ġestjoni tal-karburant użat — bil-għan li s-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' twettaq analiżi kritika tad-dibattiti dwar dawn il-kwistjonijiet. Il-PINC il-ġdid jipprovdi tali tagħrif u l-KESE jaqbel ma' l-analiżi u d-deskrizzjoni ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Il-biċċa l-kbira ta' l-aspetti essenzjali ta' l-enerġija nukleari huma indirizzati fih u, fil-fehma tagħna, huma deskritti b'mod tajjeb. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn ċerti aspetti ta' l-enerġija nukleari li għandhom jiġu kkunsidrati.

4.3

L-enerġija nukleari, li tirrappreżenta 31 % ta' l-elettriku u 15 % tal-konsum globali ta' l-enerġija primarja ta' l-UE fl-2004, taqdi rwol kruċjali fis-suq ta' l-enerġija. L-enerġija nukleari tissodisfa wkoll l-objettivi kollha tal-politika ta' l-enerġija ta' l-UE. Il-prezz ta' l-enerġija nukleari llum huwa tassew kompetittiv, b'mod partikulari meta din l-enerġija tintuża bħala għajn ta' enerġija kontinwa. Id-dipendenza esterna hija żgħira u s-sorsi ta' karburant huma diversifikati u sikuri. Dan jissodisfa l-eżiġenzi tas-sigurtà tal-provvista. L-enerġija nukleari hija attwalment l-ikbar sors ta' enerġija prattikament ħielsa mid-dijossidu tal-karbonju fl-Ewropa (ara punt 4.8 hawn isfel).

4.4

Effiċjenza enerġetika aħjar, li tinkludi l-koġenerazzjoni tas-sħana u ta' l-elettriku, u għalhekk it-tnaqqis tad-domanda, hija l-objettiv ewlieni fuq l-aġenda tal-politika ta' l-enerġija. Madankollu, għad hemm bżonn ta' ammont kbir ta' investimenti fil-produzzjoni ta' l-enerġija fl-UE sabiex jiġu sostitwiti impjanti qodma u possibilment ukoll sabiex jiġi sodisfatt it-tkabbir fid-domanda, billi l-iżviluppi tas-suq u tat-teknoloġija jistgħu jwasslu għal sehem ikbar ta' l-elettriku fid-domanda sħiħa għall-enerġija.

4.4.1

Fuq perijodu medju jew fit-tul huwa possibbli li t-teknoloġiji ġodda ta' l-enerġija bħat-teknoloġija ta' l-idroġenu, il-pompi tas-sħana, il-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku, eċċ., ser iwasslu għal żieda fid-domanda għall-elettriku, bħala parti mid-domanda globali għall-enerġija, b'pass iktar imgħaġġel minn dak li jissuġġerixxu l-previżjonijiet attwali tagħna. Minħabba f'dan it-tip ta' żvilupp, ir-rwol ta' l-enerġija nukleari fil-firxa ta' l-enerġija ta' l-UE jista' jsir ħafna iktar importanti milli huwa bħalissa.

4.5

Il-Kumitat jinnota l-pjanijiet immirati lejn l-estensjoni ta' l-attività ta' l-impjanti nukleari li diġà marru lil hinn mill-perijodu ta' użu kummerċjali tagħhom, li għandu jkun ta' 30-40 sena. Fid-dokument tagħha l-Kummissjoni ma daħlitx f'iktar dettall fir-rigward tal-problema tat-“tixjiħ” ta' l-impjanti nukleari Ewropej; jeħtieġ li t-tagħrif dwar dan jiġi kkompletat. Billi l-Kummissjoni ssostni li ċerti riskji finanzjarji u ekoloġiċi kienu u għadhom f'idejn il-gvernijiet nazzjonali f'ċerti Stati Membri, per eżempju r-responsabilità għall-faċilitajiet tar-rimi u l-ħażna ta' l-iskart, fil-ġejjieni hemm bżonn ta' regoli f'dan ir-rigward.

4.6

Dawn l-investimenti ġodda għandhom idealment jimxu id f'id ma' l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fid-dawl tal-karatteristiċi u l-potenzjal tal-forom l-oħra ta' produzzjoni ta' l-enerġija, wieħed jistenna estensjoni fiż-żmien ta' l-impjanti nukleari eżistenti kif ukoll investimenti ġodda. Fuq dan il-punt naqblu mal-Kummissjoni.

4.7

Skond il-Kummissjoni, ir-riżorsi ta' l-uranju ser iservu għall-inqas għal 85 sena bir-rata attwali ta' konsum. It-tagħrif dwar dan ivarja bejn 85 u 500 sena, skond il-fonti ta' informazzjoni. Billi d-disponibilità tal-karburant huwa importanti għas-sigurtà ta' l-enerġija, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif iktar iddettaljat dwar id-disponibilità tal-karburant nukleari.

4.8

Meta wieħed iqabbel l-impatt ambjentali ta' diversi sorsi ta' enerġija, huwa importanti li wieħed jevalwa l-impatt ambjentali globali tal-proċess kollu kemm hu, mill-provvista tal-materja prima, il-produzzjoni, it-trasport u l-produzzjoni ta' l-enerġija sar-riċiklaġġ u r-rimi ta' l-iskart. Il-Kunsill Dinji ta' l-Enerġija (WEC) ippubblika rapport intitulat “It-tqabbil tas-sistemi ta' enerġija skond l-evalwazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja” (WEC, Lulju 2004), fejn ġew identifikati u evalwati numru ta' studji ta' evalwazzjoni eżistenti dwar iċ-ċiklu tal-ħajja. Ir-rapport iġib il-prova li l-emissjonijiet tas-CO2 għal kull kWh ta' elettriku ġġenerat mill-enerġija nukleari huma baxxi u fuq l-istess livell ta' l-enerġija ġġenerata mir-riħ, mill-biomassa u mill-enerġija idroloġika, livell li huwa bejn 1 u 5 % ta' l-emissjonijiet iġġenerati mill-impjanti li jaħdmu bil-faħam.

4.9

Għalhekk hemm bżonn li wieħed jikkunsidra l-kontribuzzjoni li tagħti l-enerġija nukleari sabiex jiġu evitati l-gassijiet b'effett ta' serra. L-użu ta' l-enerġija nukleari fl-UE jiffranka madwar 600 miljun tunnellata ta' CO2 fis-sena, taħt it-taħlita ta' enerġija attwali. Fuq skala dinjija, ġew evitati bejn wieħed u ieħor 2 biljuni tunnellata ta' CO2. Dan huwa l-ekwivalenti tal-volum totali ta' l-emissjonijiet ta' CO2 ta' Franza, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit f'daqqa. Jekk it-tneħħija progressiva tinżamm f'ċerti Stati Membri, numru kbir ta' impjanti nukleari Ewropej attwali għandhom jiġu sostitwiti b'sorsi oħra ta' enerġija li ma jarmux CO2. Barra minn hekk, jekk l-impjanti nukleari ma jiġux sostitwiti minn impjanti ġodda meta ma jibqgħux jintużaw, l-enerġija nukleari kollha trid tiġi sostitwita b'enerġija li ma tarmix CO2 fuq perijodu medju.

4.10

Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-objettivi għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-2020 u lil hinn, huwa evidenti li kull mezz addizzjonali ta' produzzjoni ta' l-enerġija b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi — is-sorsi rinnovabbli, l-enerġija nukleari jew il-karbonju potenzjalment nadif — għandhom jissostitwixxu mezzi li jarmu s-CO2 u b'hekk jikkontribwixxu għal produzzjoni globali ta' l-elettriku b'emissjoni baxxa ta' karbonju. Fi kliem ieħor, jekk ma tinżammx minn ta' l-inqas il-proporzjoni attwali ta' enerġija nukleari sakemm ikunu disponibbli soluzzjonijiet ta' enerġija nadifa ġodda, l-objettivi tal-politiki tal-klima u l-enerġija m'humiex ser jintlaħqu. Mill-banda l-oħra, huwa evidenti li sehem ikbar ta' l-enerġija nukleari flimkien mas-sorsi rinnovabbli għandu jtejjeb ir-rapport bejn il-prezz u l-effettività fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.11

Il-KESE jappoġġja l-objettiv għall-inklużjoni ta' l-ispejjeż esterni fil-prezzijiet ta' l-attivitajiet ta' l-enerġija kollha u attivitajiet oħra tas-suq. Skond l-Istudju dwar l-Ispejjeż Esterni (ExternE) (3) tal-Kummissjoni, l-ispejjeż esterni għall-enerġija nukleari huma madwar 0.4 cents/kWh. L-ispejjeż esterni korrispondenti għall-produzzjoni ta' l-enerġija bl-użu tal-faħam huma stmati bħala 10 darbiet ogħla, għall-biomassa xi ftit darbiet ogħla, għar-riħ iktar baxxi u għall-enerġija idroloġika fuq l-istess livell tan-nukleari.

4.12

Il-Kummissjoni tinnota li mistoqsija ewlenija hija jekk l-enerġija nukleari għandhiex bżonn ta' intevenzjoni ta' politika. It-teknoloġiji ta' l-enerġija nadifa kollha għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Għandhom jinstabu mekkaniżmi li jħeġġu r-riċerka dwar il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' l-impjanti u ċ-ċiklu tal-karburant nukleari relatat. Jistgħu jiġu kkunsidrati sussidji għal żviluppi (proġetti pilota) totalment ġodda. Iżda l-enerġija nukleari konvenzjonali ma teħtieġ l-ebda sussidji u m'għandhiex tingħata sussidji.

4.13

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-opinjoni pubblika u l-perċezzjoni ta' l-enerġija nukleari huma kruċjali għall-ġejjieni tal-politika nukleari. Aħna naqblu ma' dan u nfakkru li l-aċċettazzjoni tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. L-aċċess tal-pubbliku għat-tagħrif għandu jittejjeb, u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu iktar trasparenti, billi s-servejs juru li l-pubbliku Ewropew m'huwiex informat sewwa dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija nukleari. Il-Kummissjoni tista' taqdi rwol importanti f'dan il-kuntest. Iżda hemm ukoll bżonn ta' miżuri konkreti sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-pubbliku, kif il-KESE diġà stqarr bosta drabi.

4.14

Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti ta' l-UE fl-iżvilupp addizzjonali ta' l-iktar qafas avvanzat għall-enerġija nukleari f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu l-enerġija nukleari, b'konformità ma' l-ogħla standards fl-oqsma tas-sigurtà, tas-sikurezza u tan-non proliferazzjoni, hekk kif meħtieġ mit-Trattat Euratom.

4.15

L-iktar biċċa xogħol importanti hija li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-iskart radjuattiv, b'mod speċjali r-rimi tal-karburant nukleari wżat. Teżisti teknoloġija għal dan iżda hemm nuqqas ta' deċiżjonijiet politiċi. Din hija kwistjoni ewlenija fir-rigward ta' l-impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u l-aċċettazzjoni pubblika ta' l-enerġija nukleari. Il-PINC jinnota li s'issa l-ebda pajjiż ma implimenta s-soluzzjoni finali proposta. Madankollu, sar progress fil-Finlandja fejn intgħażel post għar-rimi ta' l-iskart nukleari kif ukoll fl-Isvezja u fi Franza, fejn saru passi kbar fl-għażla ta' post b'dan l-iskop.

4.16

Naqblu wkoll mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet l-oħra li għadhom jeħtieġu l-attenzjoni ta' l-UE bħas-sigurtà nukleari u l-protezzjoni radjuloġika, oqsma fejn l-Ewropa kisbet riżultati tajbin ħafna, kif ukoll l-iżgurar ta' finanzjament għall-iżmuntaġġ ta' l-impjanti.

4.17

Il-PINC ma jsemmix it-theddida ġdida tat-terroriżmu. Hija theddida serja għall-impjanti nukleari kif ukoll għal kull impjant industrijali u bini pubbliku fid-dinja kollha. L-impjanti nukleari kollha għandhom jiġu ppjanati b'tali mod li ma jkunx hemm emissjonijiet radjuattivi barra mill-impjant fil-każ li ajruplan kbir jikkraxxja fih. Is-sistemi ta' sigurtà tekniċi u umani għandhom ukoll ikunu ppjanati u implimentati b'mod li jimpedixxu kull forma ta' attakki terroristiċi ġewwa l-impjant nukleari stess. Il-Kummissjoni għandha tniedi inizjattivi, bil-kollaborazzjoni ta' l-awtoritajiet u l-operaturi responsabbli, sabiex tassigura li l-miżuri adegwati għall-prevenzjoni tat-terroriżmu jkunu applikati f'kull impjant nukleari.

4.18

Reċentement, is-sjuf sħan u xotti ġibdu l-attenzjoni lejn id-disponibilità suffiċjenti ta' ilma ta' tkessiħ li jittieħed mix-xmajjar għall-impjanti tal-kondensazzjoni. S'issa din il-problema kienet lokalizzata ħafna u mhux frekwenti u lanqas ta' dewmien twil, iżda jista' jkun li f'ċerti każijiet issir problema iktar serja biż-żmien. Dan għandu jiġi kkunsidrat fit-tħejjija u l-għażla tal-lok fejn jinbnew l-impjanti.

4.19

Ta' min jitħasseb ukoll dwar kemm dan is-settur huwa attraenti għall-ħaddiema u bħala suġġett tar-riċerka wara 20 sena ta' (kważi) moratorju fl-Ewropa. In-nuqqas ta' interess ta' l-istudenti u l-esperti li rriżulta minn dan huwa ta' tfixkli għall-iżvilupp ġenerali ta' l-enerġija nukleari u jista' wkoll joħloq riskju għas-sigurtà. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa kruċjali li l-Ewropa jkollha għarfien espert dwar il-protezzjoni radjuloġika u t-teknoloġija nukleari, u għalhekk l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka f'dawn l-oqsma jeħtieġu attenzjoni kbira. L-istess jgħodd għall-ħarsien u għat-trasferiment ta' għarfien mill-ġenerazzjoni ta' xjenzjati u inġiniera li bnew l-impjanti eżistenti fl-Ewropa, filwaqt li f'ħafna pajjiżi l-ebda esperti żgħażagħ ma daħlu fis-settur għal ħafna snin.

4.20

Il-Kummissjoni tfakkarna li kull Stat Membru għandu l-għażla jużax l-enerġija nukleari jew le. Il-KESE jappoġġja l-fatt li kull Stat Membru għandu d-dritt li jagħżel it-taħlita ta' enerġija li jixtieq hu, inkluża l-enerġija nukleari. Dan id-dritt għandu jiġi rrispettat mhux biss mill-UE iżda wkoll mill-Istati Membri. Madankollu, id-deċiżjonijiet ta' Stat Membru jinfluwenzaw is-sitwazzjoni ta' oħrajn f'ħafna modi, u din l-interdipendenza ser tiżdied hekk kif is-swieq interni jinfetħu iktar.

5.   Kummenti dwar il-proposti għal miżuri

5.1

Fil-kapitolu 6.5 tal-PINC “It-triq 'il quddiem”, il-Kummissjoni tressaq proposti għal miżuri, prinċipalment fuq il-livell ta' l-UE, bil-għan li jitħejja dibattitu (ara punt 3.9). Il-fehma tal-KESE dwar il-proposti mressqa hija:

5.1.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma attwali tal-Kummissjoni li l-livelli ta' referenza komuni għas-sigurtà nukleari u l-implimentazzjoni adegwata tagħha għandhom ikunu bbażati fuq l-opinjoni esperta ta' l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sigurtà nukleari fl-Istati Membri, fil-qafas ta' kollaborazzjoni fil-WENRA. (4) Kull tip ta' approċċ ieħor jista' jipperikola f'ċerti Stati Membri l-istandards għoljin attwali ta' sigurtà.

5.1.2

It-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli għas-Sigurtà u s-Sikurezza Nukleari kompost mir-rappreżentanti ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jista' jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-proċess u jgħin sabiex tittejjeb il-konsistenza ma' konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà nukleari.

5.1.3

Il-KESE jara li hemm bżonn urġenti li l-Istati Membri li jużaw l-enerġija nukleari jimplimentaw pjanijiet nazzjonali għall-ġestjoni tal-karburant nukleari u ta' l-iskart radjuattiv. Il-pjanijiet nazzjonali jistgħu jinkludu approċċ purament nazzjonali, multinazzjonali jew taħlita tat-tnejn. Jekk dan ma jsirx, l-Istati Membri jkunu qegħdin jgħaddu l-obbligazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali lill-ġenerazzjonijiet futuri b'mod tassew irresponsabbli.

5.1.4

Intwera li l-pjattaformi tat-teknoloġija huma strumenti siewja ħafna għall-ħolqien ta' inizjattivi ta' sħubija bejn is-settur privat u dak pubbliku mmirati lejn l-istabbiliment ta' Aġendi Ewropej għar-Riċerka Strateġika. Il-KESE jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li dan l-istrument jintuża fis-settur tal-fissjoni nukleari u r-rimi ta' l-iskart ġeoloġiku. Dan jista' jkun strument utli sabiex jiġbed lix-xjenzjati żgħażagħ lejn din l-industrija.

5.1.5

Bil-għan li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż operattivi kollha għad-dewmien kollu tal-proġett u b'kundizzjonijiet ugwali, huwa kruċjali li l-operaturi jagħmlu mezz li r-riżorsi adegwati jkunu disponibbli permezz ta' fondi għall-iżmuntaġġ ta' l-impjanti fuq il-livell ta' l-UE kif ukoll fuq livell dinji. Madankollu, il-Kumitat ma jemminx li hemm bżonn ta' armonizzazzjoni sħiħa tal-ġestjoni ta' dawn il-fondi, qabel ma jkunu sodisfatti l-prinċipji tal-kopertura sħiha u sikura kif ukoll tat-trasparenza.

5.1.6

Hemm bżonn li jinżammu l-ogħla standards ta' sigurtà u li fl-istess ħin jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta' l-għojta tal-permessi kif ukoll l-armonizzazzjoni progressiva tagħhom, permezz ta' kooperazzjoni bejn l-awtorijajiet nazzjonali regolatorji, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-previżjoni tad-dewmien totali tal-proġetti tal-bini u konsegwentement sabiex it-tħejjija u l-kalkoli ta' l-ispejjeż jkunu iktar preċiżi. Is-sigurtà qatt m'għandha tkun ipperikolata.

5.1.7

Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward ta' l-aġġornament tal-limiti tas-self ta' l-EURATOM u l-assigurazzjoni ta' disponibilità aħjar tagħhom. L-investimenti fil-forom kollha ta' l-enerġija għandu jkollhom aċċess ugwali b'kundizzjonijiet ugwali għall-istrumenti tal-finazjament, li inkella jiġu pprovduti mill-EIB.

5.1.8

Fil-fehma tal-KESE, skema armonizzata ta' responsabilità, b'mekkaniżmu li jiggarantixxi d-disponibilità tal-fondi fil-każ ta' ħsara kkawżata minn inċident nukleari mingħajr ma jiġu użati l-fondi pubbliċi, hija kruċjali għal aċċettazzjoni ikbar ta' l-enerġija nukleari. Is-sistema attwali (assigurazzjoni ta' garanzija ta' $700 miljun) hija inadegwata għal dan il-għan. Il-problema ta' l-assigurazzjoni ta' probabbiltà baxxa ħafna ta' inċident, flimkien mal-ħsara potenzjalment serja ħafna u għalja ferm għandha tiġi indirizzata b'mod miftuħ, kostruttiv u prattiku. Possibbiltà potenzjali hija l-iskema ta' assigurazzjoni kollettiva (pool scheme).

5.1.9

Il-KESE jilqa' l-proposta għal impuls ġdid lill-kooperazzjoni internazzjonali ma' l-IAEA u l-NEA kif ukoll fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali. Għandha tkun enfasizzata b'mod partikulari l-assistenza lill-pajjiżi ġirien.

5.2

Minbarra l-proposti tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li dawn il-kwistjonijiet jistħoqqilhom attenzjoni waqt it-tħejjija tal-miżuri ġodda tal-Kummissjoni:

5.2.1

Għandha tinġibed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri lejn iż-żieda mill-ġdid tal-bżonn ta' edukazzjoni u taħriġ fis-settur wiesa' ta' l-enerġija u t-teknoloġija nukleari, b'mod partikulari fil-qasam tas-sigurtà nukleari. L-edukazzjoni m'hijiex biss mezz li jġib professjonisti ġodda fil-qasam ta' l-enerġija nukleari, iżda wkoll mezz ta' kif tista' tittejjeb il-kuxjenza pubblika li hija kruċjali għall-formazzjoni ta' l-opinjoni pubblika.

5.2.2

Għandhom jiġu eżaminati problemi potenzjali addizzjonali fir-rigward ta' l-investimenti fl-enerġija nukleari f'suq miftuħ, fil-kuntest tad-daqs u ż-żmien li tieħu l-implimentazzjoni, kif ukoll soluzzjonijiet potenzjali bbażati fuq is-suq.

5.2.3

L-industrija Ewropea tat-teknoloġija nukleari għandha pożizzjoni minn ta' quddiem fuq livell dinji u tipprovdi xogħlijiet ta' livell għoli filwaqt li fl-istess ħin hija wkoll ta' benefiċċju għas-sigurtà nukleari fid-dinja kollha, b'passat ta' eċċellenza fl-ambitu tas-sigurtà. Sabiex iżżomm din il-pożizzjoni mexxejja, peress li l-investimenti fl-enerġija nukleari huma mistennija li jiżdiedu bil-qawwi fuq livell dinji, din l-industrija u l-industrija relatata tat-tagħmir korrispondenti għandha tiġi kkunsidrata bħala objettiv ta' l-approċċ ta' politika għall-industrija settorjali tal-Kummissjoni.

5.3

Fl-aħħar, il-KESE jilqa' wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tal-Programmi Indikattivi Nukleari u b'hekk tipprovdi stampa iktar aġġornata tas-sitwazzjoni fl-UE.

Brussell, 12 ta' Lulju 2007.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Anness 2: Tagħrif ikklassifikat skond il-pajjiż dwar l-attivitajiet attwali taċ-ċiklu tal-karburant nukleari.

(2)  Anness 1: ara figuri 6 u 7 li jippreżentaw l-impjanti skond l-“età” tagħhom u t-tqassim tagħhom skond il-pajjiż.

(3)  Spejjeż esterni — Riżultati tar-riċerka dwar il-ħsara soċjo-ambjentali kkawżata mill-elettriku u mit-trasport, Kummissjoni Ewropea 2003.

(4)  Western European Nuclear Regulatory Authorities.


ANNESS

Għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li rċevew iktar minn kwart tal-voti mixħuta, ġew irrifjutati waqt id-dibattitu:

Punt 1.1

Biddel it-test kif ġej:

“Fl-2004, fl-Opinjoni tiegħu dwar ‘Il-kwistjonijiet involuti fl-użu ta' l-enerġija nukleari għall-produzzjoni ta' l-elettriku’, il-KESE ppropona li ‘għandhom isiru sforzi sabiex jiġi pprovdut tagħrif dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' l-industrija nukleari — is-sigurtà tal-provvista, it-tneħħija ta' l-emissjonijiet tas-CO2, il-prezzijiet kompetittivi u s-sigurtà u l-ġestjoni tal-karburant użat — bil-għan li s-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' twettaq analiżi kritika tad-dibattiti dwar dawn il-kwistjonijiet’. Il-Programm Indikattiv Nukleari (PINC) il-ġdid jipprovdi parti minn dan it-tagħrif. Il-KESE jaqbel bis-sħiħ ma' ċerti punti ta' l-analisi u d-deskrizzjoni ppreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni iżda wkoll li ċerti suġġetti importanti ma ġewx indirizzati (ara wkoll punt 1.6). Il-biċċa l-kbira ta' l-aspetti essenzjali ta' l-enerġija nukleari huma indirizzati fih u, fil-fehma tagħna, huma deskritti b'mod tajjeb. Il-Kumitat jenfasizza wkoll ċerti aspetti ta' l-enerġija nukleari li għandhom jitqiesu wkoll

Raġuni

Din l-emenda hija marbuta ma' l-emendi l-oħra kif ukoll ma' punt 1.6 ta' l-abbozz ta' opinjoni, li jirreferi għall-fatt li aspetti importanti (it-theddida tat-terroriżmu, l-ilma tat-tkessiħ) ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 49

Kontra: 52

Astensjonijiet: 11

Punt 1.2

Biddel it-test kif ġej:

“L-enerġija nukleari, li tirrappreżenta 31 % ta' l-elettriku u 15 % tal-konsum globali ta' l-enerġija primarja ta' l-UE fl-2004, taqdi rwol kruċjali fis-suq ta' l-enerġija. L-enerġija nukleari tissodisfa wkoll l-objettivi kollha tal-politika ta' l-enerġija ta' l-UE. Il-prezz ta' l-enerġija nukleari llum huwa tassew kompetittiv. Id-dipendenza esterna hija żgħira u s-sorsi ta' karburant huma diversifikati u sikuri.Dan jissodisfa l-eżiġenzi tas-sigurtà tal-provvista. L-enerġija nukleari hija attwalment l-ikbar wieħed mill-ikbar sorsi ta' enerġija prattikament ħielsa mid-dijossidu tal-karbonju fl-Ewropa. L-implikazzjonijiet ambjentali l-oħra tagħha huma limitati u kkontrollati.

Raġuni

Id-dokument tal-Kummissjoni ma jsemmix “l-ikbar” iżda “wieħed mill-ikbar” sorsi ta' enerġija prattikajment ħielsa mis-CO2. Għandna nikkwotaw sewwa.

Fir-rigward ta' l-impatti ambjentali l-oħra: ara l-emendi l-oħra.

Riżultat tal-votazzjoni (NB: L-aħħar parti ta' l-emenda, it-tneħħija tas-sentenza, ġiet aċċettata mill-Plenarja)

Favur: 57

Kontra: 60

Astensjonijiet: 3

Punt 1.3

Biddel it-test kif ġej:

“Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-objettivi għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-2020 u lil hinn, huwa evidenti li kull mezz addizzjonali ta' produzzjoni ta' l-enerġija b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi — is-sorsi rinnovabbli, l-enerġija nukleari jew il-karbonju potenzjalment nadif — għandhom jissostitwixxu mezzi li jarmu s-CO2 u b'hekk jikkontribwixxu għal produzzjoni globali ta' l-elettriku bi proporzjoni baxxa ta' karbonju. Il-Kumitat jinnota d-dikjarazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li bħalissa iktar minn 110 impjant nukleari fl-UE jinsabu f'diversi stadji ta' żmuntaġġ. Skond l-istimi, mill-inqas terz tal-152 impjant nukleari li jeżistu bħalissa fl-Unjoni Ewropa wara t-tkabbir ser jingħalqu sa l-2025 (mingħajr m'hemm l-ebda pjan li eventwalment jittawwal iż-żmien ta' attività tagħhom). Billi s'issa l-Kummissjoni ġiet infurmata bil-bini ta' impjant ġdid wieħed biss, huwa probabbli ħafna li s-sehem ta' l-enerġija nukleari fil-produzzjoni ta' l-elettriku ser tonqos ħafna. Madankollu, skond studju tal-Kanċellerija Federali Ġermaniża dwar il-Ġermanja, l-objettivi għall-klima jistgħu jinżammu jekk isiru sforzi ikbar fl-oqsma tat-tfaddil ta' l-elettriku, l-effiċjenza u l-użu ta' l-enerġiji rinnovabbli. Fi kliem ieħ or, jekk ma tinżammx minn ta' l-inqas il-proporzjoni attwali ta l-enerġija nukleari sakemm ikunu disponibbli soluzzjonijiet ġodda ta enerġija nadifa, l-objettivi tal-politiki tal-klima u l-enerġija mhumiex ser jintlaħqu.

Raġuni

Dan joħroġ mid-dokument tal-Kummissjoni u l-istudju msemmi.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 49

Kontra: 65

Astensjonijiet: 6

Punt 1.7

Biddel it-test kif ġej:

Ta' min jitħasseb ukoll dwar Tista' tfeġġ il-problema ta' kemm dan is-settur huwa attraenti għall-ħaddiema u bħala suġġett tar-riċerka fl-Istati Membri li jixtiequ jkompli jagħmlu użu mill-enerġija nukleari wara 20 sena ta' (kważi) moratorju fl-Ewropa. Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa kruċjali li l-Ewropa jkollha għarfien espert dwar il-protezzjoni radjuloġika u t-teknoloġija nukleari, u għalhekk l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka f'dawn l-oqsma jeħtieġu attenzjoni kbira. Ir-responsabilità hawn taqa' f'idejn l-operaturi ta' l-impjanti.”

Raġuni

Wieħed ma jistax jitkellem dwar “moratorju” hawnhekk. Barra minn hekk, ir-responsabilità għat-taħriġ, eċċ. hija fuq kollox ta' l-intrapriżi u mhux ta' l-Istat/tal-Komunità.

Riżultat tal-votazzjoni (kienet biss it-tieni parti ta' l-emenda li ntefgħet għall-votazzjoni, l-ewwel parti kienet aċċettata)

Favur: 45

Kontra: 71

Astensjonijiet: 2

Punt 3.6.1

Żid punt ġdid 3.6.1:

“Fir-rigward tad-disponibilità tar-riżorsi ta' l-uranju, il-Kumitat jinnota li hemm diskrepanzi bejn il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u s-sommarju ta' l-aħħar” Red Book “ta' l-IAEA. Dan is-sommarju jgħid li skond il-previżjonijiet attwali, il-kapaċità ta' provvista ta' uranju naturali — inklużi l-impjanti ta' produzzjoni eżistenti, deċiżi, ippjanati u potenzjali li jużaw ir-riżorsi identifikati … huwa suffiċjenti sabiex ikopri l-bżonnijiet dinjin ta' uranju sas-sena 2010, dejjem jekk it-tkabbbir ta' l-impjanti u l-ftuħ ta' impjanti ġodda jsiru skond il-pjan u l-produzzjoni tkompli tkun qawwija. … Billi s-sorsi sekondarji b'mod speċjali wara l-2015 ser jonqsu, il-bżonn li r-reatturi jkomplu jitħaddmu ser ikollu jiġi sodisfatt permezz tat-tkabbir ta' l-impjanti attwali u l-ftuħ ta' impjanti ġodda jew l-użu ta' karburanti alternattivi — żewġ soluzzjonijet għaljin u li jitolbu ħafna żmien. Sabiex jitħeġġeġ l-użu fil-ħin tar-riżorsi identifikati meħtieġa, hemm bżonn li d-domanda għall-uranju tkun qawwija u kostanti. Billi t-tfittxija u l-isfruttar ta' riżervi ġodda ta' uranju hija proċess twil (normalment 10 snin jew iktar) huwa possibbli li jkun hemm diffikulatjiet fil-provvista ta' l-uranju u għalhekk — kif ukoll minħabba l-għajba progressiva tas-sorsi sekondarji — ikun hemm żjieda kontinwa fil-prezz ta' l-uranju. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni tikkjarifika dan il-punt.”

Raġuni

Id-differenzi evidenti għandhom jissemmew mhux jinħbew.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 49

Kontra: 65

Astensjonijiet: 5

Punt 4.1

Biddel it-test kif ġej:

“Il-KESE jilqa' jinnota l-abbozz tal-Programm Indikattiv Nukleari ġdid tal-Kummissjoni. Is-settur ta' l-enerġija evolva ħafna mill-aħħar pubblikazzjoni lil hawn, li saret għaxar snin ilu. B'mod partikulari l-iżviluppi ġodda u drammatiċi ta' dawn l-aħħar ftit snin ġibdu l-attenzjoni lejn it-tliet aspetti tal-politika ta' l-enerġija — is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-prezzijiet raġonevoli kif ukoll l-ambjent, b'mod partikulari t-tibdil fil-klima. L-UE wieġbet għall-problemi u l-isfidi li tfaċċaw permezz ta' proposti għal Politika Ewropea ta' l-Enerġija. F'dan il-kuntest hemm bżonn ta' analiżi u proposti dwar l-enerġija nukleari. Tali politika tiddefinixxi l-pożizzjoni ta' l-enerġija nukleari fuq ix-xena globali ta' l-enerġija u tipprovdi parti mit-tagħrif meħtieġ għad-diskussjoni u d-definizzjoni ta' politika ta' l-enerġija għall-Ewropa.”

Raġuni

Ir-rapporteur stess tgħid li ma ġewx diskussi l-aspetti kollha (eż. t-terroriżmu, eċċ).

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 50

Kontra: 69

Astensjonijiet: 2

Punt 4.5

Biddel it-test kif ġej:

“Dawn l-investimenti ġodda għandhom idealment jimxu id f'id ma' l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Fid-dawl tal-karatteristiċi u l-potenzjal tal-forom l-oħra ta' tal-produzzjoni ta' l-enerġija minn sorsi oħrajn ta' enerġija, il-KESE jinnota d-dibattiti li għaddejjin f'ċerti Stati Membri dwar wieħed jistenna l-estenzjoni fiż-żmien ta' l-impjanti nukleari eżistenti kif ukoll investimenti ġodda. Fuq dan il-punt naqblu mal-Kummissjoni.

Raġuni

L-awtur ta' din l-emenda ma jarax fejn il-Kummissjoni qalet li “wieħed jistenna” li jkun hemm estenzjoni fiż-żmien. Din hija purament spekulazzjoni.

Ara wkoll punt 1.5, immodifikat fil-laqgħa tas-Sezzjoni, fejn nesprimu t-tħassib tagħna fir-rigward ta' estensjoni potenzjali taż-żmien ta' operazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 50

Kontra: 67

Astensjonijiet: 6

Punt 4.6

Żid fl-aħħar:

“Skond il-Kummissjoni, ir-riżorsi ta' l-uranju ser iservu għall-inqas għal 85 sena bir-rata attwali ta' konsum. It-tagħrif dwar dan ivarja bejn 85 u 500 sena, skond il-fonti ta' informazzjoni. Billi d-disponibilità tal-karburant huwa importanti għas-sigurtà ta' l-enerġija, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tagħrif iktar iddettaljat dwar id-disponibilità tal-karburant nukleari. Fl-istess ħin wieħed għandu jerġa' jinnota li jeżistu differenzi kbar fir-rigward tad-disponibilità tar-riżorsi ta' l-uranju.”

Raġuni

M'hemmx bżonn ta' spjegazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 55

Kontra: 68

Astensjonijiet: 0

Punt 4.8

Biddel it-test kif ġej:

“Għalhekk hemm bżonn li wieħed jikkunsidra l-kontribuzzjoni li tagħti l-enerġija nukleari sabiex jiġu evitati l-gassijiet b'effett ta' serra. L-użu ta' l-enerġija nukleari fl-UE jiffranka madwar 600 miljun tunnellata ta' CO2 fis-sena, taħt it-taħlita ta' enerġija attwali. Fuq skala dinjija, ġew evitati bejn wieħed u ieħor 2 biljuni tunnellata ta' CO2. Dan huwa l-ekwivalenti tal-volum totali ta' l-emissjonijiet ta' CO2 ta' Franza, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit f'daqqa. Jekk it-tneħħija progressiva tinżamm f'ċerti Stati Membri, numru kbir ta' impjanti nukleari Ewropej attwali għandhom jiġu sostitwiti b'sorsi oħra ta' enerġija li ma jarmux CO2 u b'miżuri għall-effiċjenza ta' l-enerġija, per eżempju b'miżuri ta' tfaddil. Barra minn hekk, jekk l-impjanti nukleari ma jiġux sostitwiti minn impjanti ġodda meta ma jibqgħux jintużaw, l-enerġija nukleari kollha trid tiġi sostitwita b'enerġija li ma tarmix CO2 u miżuri ta' effiċjenza u ta' tfaddil fuq perijodu medju.”

Raġuni

Irridu mmoru lil hinn minn sempliċi riflessjoni dwar is-sostituzzjoni ta' mezz ta' produzzjoni ta' l-elettriku b'ieħor. Il-KESE qajjem din il-kwistjoni f'diversi okkażjonijiet.

Kumment ta' l-awtur ta' l-emenda: kont tlabt lir-rapporteur tagħti ċ-ċifri dwar il-kwantità ta' CO2 li tista' tiġi ffrankata, peress li fid-dokument ta' ħidma ssemmew 300 miljun tunnellata, b'sors ta' referenza. Iżda b'xorti ħażina dan ma sarx.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 61

Kontra: 61

Astensjonijiet: 2

Punt 4.9

Żid fl-aħħar:

“Fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-objettivi għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-2020 u lil hinn, huwa evidenti li kull mezz addizzjonali ta' produzzjoni ta' l-enerġija b'emissjonijiet ta' karbonju baxxi — is-sorsi rinnovabbli, l-enerġija nukleari jew il-karbonju potenzjalment nadif — għandhom jissostitwixxu mezzi li jarmu s-CO2 u b'hekk jikkontribwixxu għal produzzjoni globali ta' l-elettriku bi proporzjoni baxxa ta' karbonju. Fi kliem ieħor, jekk ma tinżammx minn ta' l-inqas il-proporzjoni attwali ta' l-enerġija nukleari sakemm ikunu disponibbli soluzzjonijiet ġodda ta' enerġija nadifa, l-objettivi tal-politiki tal-klima u l-enerġija m'humiex ser jintlaħqu. Mill-banda l-oħra, huwa evidenti li sehem ikbar ta' l-enerġija nukleari flimkien mas-sorsi rinnovabbli għandu jtejjeb ir-rapport bejn il-prezz u l-effettività fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Madankollu, skond studju tal-Kanċellerija Federali Ġermaniża dwar il-Ġermanja, l-objettivi għall-klima jistgħu jinżammu jekk isiru sforzi ikbar fl-oqsma tat-tfaddil ta' l-elettriku, l-effiċjenza u l-użu ta' l-enerġiji rinnovabbli.”

Raġuni

M'hemmx bżonn ta' spjegazzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 58

Kontra: 65

Astensjonijiet: 1

Punt 4.11.1

Żid punt ġdid 4.11.1:

“Il-Kummissjoni tisqarr li r-responsabilità għal inċidenti nukleari fl-UE-15 hija regolata mill-Konvenzjoni ta' Pariġi ta' l-1960, li ħolqot sistema internazzjonali ta' responsabilità għall-inċidenti nukleari, attwalment b'limitu ta' responsabilità għall-operaturi ta' $700 miljun f'każ ta' inċident nukleari. Il-Kumitat jikkunsidra li dan huwa sussidju għall-enerġija nukleari u jirrakkomanda li l-operaturi kollha jkollhom kuntratt ta' assigurazzjoni li jkopri r-riskji potenzjali kollha.”

Raġuni

Fil-laqgħat tal-grupp ta' ħidma r-rapporteur stqarret li “tista' u għandha tinstab soluzzjoni”. Dan m'huwiex ċar fit-test. L-għan ta' din l-emenda huwa li dan il-punt jiġi ċċarat.

Kumment: Fil-Ġermanja l-karrozzi għandhom assigurazzjoni ta' responsabilità ta' EUR 100 miljun. L-impjanti nukleari għandhom assigurazzjoni ta' $ 700 miljun biss — somma redikola meta jitqiesu r-riskji potenzjali!

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 41

Kontra: 44

Astensjonijiet: 3

Punt 4.14

Biddel it-test kif ġej:

“L-iktar biċċa xogħol importanti hija li tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-iskart radjuattiv, b'mod speċjali r-rimi tal-karburant nukleari wżat. Teżisti teknolo ġija għ al dan iżda hemm nuqqas ta ' deċ iżjonijiet politi ċi. Din hija kwistjoni ewlenija fir-rigward ta' l-impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa u l-aċċettazzjoni pubblika ta' l-enerġija nukleari. Il-PINC jinnota li s'issa l-ebda pajjiż ma implimenta s-soluzzjoni finali proposta. Madankollu, sar progress fil-Finlandja fejn intgħażel post għar-rimi ta' l-iskart nukleari kif ukoll fl-Isvezja u fi Franza, fejn saru passi kbar fl-għażla ta' post b'dan l-iskop.”

Raġuni

Din it-teknoloġija ma teżistix.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur: 55

Kontra: 69

Astensjonijiet: 4


Top