Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006SC1044

Dokument ta’ hidma mill-persunal tal-Kummissjoni - Stimi ta’ l-Impatt fil-Qosor Dwar il-pakkett ta’ agenti tat-titjib ta’ l-ikel {KUMM(2006) 425 finali}{SEG(2006) 1045}

/* SEK/2006/1044 */

52006SC1044

Dokument ta’ hidma mill-persunal tal-Kummissjoni - Stimi ta’ l-Impatt fil-Qosor Dwar il-pakkett ta’ agenti tat-titjib ta’ l-ikel {KUMM(2006) 425 finali}{SEG(2006) 1045} /* SEK/2006/1044 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.7.2006

SEG(2006) 1044

DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Stimi ta’ l-Impatt fil-Qosor Dwar il-pakkett ta’ aġenti tat-titjib ta’ l-ikel {KUMM(2006) 425 finali}{SEG(2006) 1045}

WERREJ

Stimi ta’ l-Impatt fil-Qosor dwar il-pakkett ta’ aġenti tat-titjib ta’ l-ikel.li jikkonsisti fi: 3

1. Introduzzjoni 3

2. Addittivi ta’ l-ikel 3

2.1. L-ebda azzjoni 3

2.2. Azzjoni mhux leġiżlattiva 4

2.3. Deregolizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-addittivi 4

2.4. Azzjoni leġiżlattiva 5

3. Enzimi fl-ikel 5

3.1. L-ebda azzjoni 6

3.2. Azzjoni mhux leġiżlattiva 6

3.3. Azzjoni leġiżlattiva 6

4. Ħwawar 7

4.1. L-ebda azzjoni 7

4.2. Azzjoni mhux leġiżlattiva 8

4.3. Deregolizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħwawar 8

4.4. Direttiva tal-Kunsill li Temenda 88/388/KEE 8

4.5. Azzjoni leġiżlattiva (Proposta għal Regolament ġdid) 9

5. Konklużjoni 10

Stimi ta’ l-Impatt fil-Qosor

dwar il-pakkett ta’ aġenti tat-titjib ta’ l-ikel.li jikkonsisti fi:

( abbozz ta' proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l- Addittivi ta’ l-Ikel ( SANCO/802/2006 Rev.3 );

( abbozz ta’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Enzimi ta’ l-Ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE ( SANCO/804/2006 Rev.4 );

( abbozz ta’ proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Ħwawar u Ċerti Ingredjenti ta’ l-Ikel bi Proprjetajiet ta’ Taħwir għall-użu fl-Ikel u fuq l-Ikel li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1576/89, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1601/91, ir-Regolament (KE) Nru. 2232/96 u d-Direttiva 2000/13/KE ( SANCO/813/2006 Rev. 3 )

( abbozz ta' proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni uniformi għall-addittivi, l-enżimi u l-ħwawar ta’ l-ikel (SANCO/814/2006) .

INTRODUZZJONI

Dan il-pakkett ta’ proposti jikkontribwixxi għall-programm ta' seplifikazzjoni tal-Kummissjoni: ma jistipulax biss l-armonizzazzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom imma jippromwovi wkoll il-konsistenza bejn it-tliet taqsimiet relatati tagħhom. Dawn qegħdin jiġu ppreżentati bħala pakkett ta' tliet proposti vertikali. Madankollu, l-aspetti li huma komuni ġew żviluppati b’mod konsistenti u proposta addizzjonali fi ħdan il-pakkett tistabbilixxi proċedura komuni waħdiena għall-approvazzjoni ta’ dawn is-sustanzi. Il-possibilitajiet li ġejjin tqiesu għal kull qasam rispettiv.

Addittivi ta’ l-ikel

Impatt ambjentali

Ma jkun hemm l-ebda impatt ambjentali mill-ebda mill-possibilitajiet ta’ politika meqjusa, peress li l-industrija kkonċernata hija involuta fil-proċess sekondarju jew terzjarju tal-prodotti ta' l-ikel. L-addittivi huma diġà disponibbli u użati ħafna.

L-ebda azzjoni

Impatt ekonomiku

Il-proċess biex jiġu emendati l-awtorizzazzjonijiet ta’ l-addittivi xorta jkunu jeħtieġu l-proċedura twila tal-kodeċiżjoni inkluż id-dewmien biex l-Istati Membri jimplimentaw l-awtorizzazzjoni. Dan kieku jkompli jaġixxi bħala barriera għall-innovazzjoni mill-industrija, u minħabba f’hekk, l-iżviluppi teknoloġiċi ma jkunux imħeġġa.

Impatt soċjali

L-EFSA ma tkunx meħtieġa twettaq reviżjoni li tirrivaluta l-addittivi kollha attwalment approvati u l-konsumaturi ma jibbenefikawx mill-kontrolli addizzjonali fuq l-użu ta’ addittivi użati f’addittivi ta’ l-ikel u fl-enzimi.

Azzjoni mhux leġiżlattiva

Impatt ekonomiku

Il-proċess biex jiġu emendati l-awtorizzazzjonijiet ta’ l-addittivi xorta jkunu jeħtieġu l-proċedura twila tal-kodeċiżjoni inkluż id-dewmien biex l-Istati Membri jimplimentaw l-awtorizzazzjoni. Dan kieku jkompli jaġixxi bħala barriera għall-innovazzjoni mill-industrija, u għalhekk l-iżviluppi teknoloġiċi ma jkunux imħeġġa. L-Istati Membri u l-partijiet interessati jkollhom jelaboraw u jiftiehmu fuq kodiċi ta' prassi dwar l-użu ta' l-addittivi f'addittivi u f’enzimi.

Impatt soċjali

Il-konsumaturi ma jibbenefikawx minn iżjed ċertezza dwar is-sigurtà ta’ l-ikel.

Deregolizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-addittivi

Impatt ekonomiku

Id-deregolizzazzjoni tista’ tirriżulta f’li jsiru valutazzjonijiet tar-riskju differenti għall-addittivi mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw ukoll proċeduri differenti għall-awtorizzazzjoni. Mossa bħal din għalhekk ikollha impatt fuq il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fit-teħid ta’ dan ix-xogħol addizzjonali. Il-konsegwenza tkun li dan iwassal ukoll għal piż amministrattiv konsiderevoli fuq il-manifatturi ta' l-addittivi ta’ l-ikel minħabba li jkun hemm bżonn li tapplika għal awtorizzazzjoni individwali fl-Istati Membri kollha fejn jixtiequ jużaw l-addittiv. Dan ikollu wkoll effett fuq l-industrija ta' l-ikel u l-kummerċ internazzjonali.

Impatt soċjali

Għalkemm il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-ikel japplikaw, id-deregolizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-addittivi xorta tista’ twassal għal deterjorazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur dwar l-addittivi ta’ l-ikel. Dan jista’ jiġri minħabba gradi differenti ta’ twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju fl-Istati Membri flimkien ma’ differenzi potenzjali fl-interpretazzjoni ta’ valutazzjonijiet bħal dawn. Id-diverġenza li tirriżulta fl-awtorizzazzjonijiet ta' l-addittivi tikkomplika wkoll il-proċeduri għall-istima u t-tqabbil tat-teħid ta’ addittivi ta’ l-ikel awtorizzati madwar l-Unjoni Ewropea u fi ħdan Stati Membri individwali fejn ikel impurtat ikun suġġett għal awtorizzazzjonijiet ta’ addittivi differenti.

Azzjoni leġiżlattiva

Leġiżlazzjoni dwar l-addittivi hija diġà armonizzata madwar il-Komunità Ewropea, u għalhekk ħafna aspetti ta' l-azzjoni leġiżlattiva proposta se jkollhom impatt limitat. L-azzjoni madankollu se taffettwa l-manifatturi ta’ l-addittivi ta’ l-ikel kollha u se tħalli impatt b’konsegwenzi fuq l-industrija ta’ l-ikel.

Impatt ekonomiku

L-introduzzjoni ta' komitoloġija għall-approvazzjonijiet ta' l-addittivi se tħalli impatt pożittiv fuq l-industrija peress li l-proċeduri biex jiġu permessi addittivi ġodda se tkun iktar mgħaġġla. Dan għandu l-potenzjal biex jistimula l-investiment fl-iżvilupp ta’ addittivi ġodda billi jneħħi ħafna mid-dewmien attwalment marbut mar-realizzazzjoni tal-benefiċċji ta’ żviluppi ġodda. Se jkun hemm impatt ekonomiku ta’ l-estensjoni ta’ l-ambitu biex ikopri addittivi f’addittivi u f’enzimi, fejn xi sustanzi ġodda jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni, madankollu l-għadd ta’ dawn is-sustanzi huwa maħsub li hu baxx. Se jkun hemm ukoll impatt żgħir bħala riżultat ta’ l-aġġornament ta’ dokumenti ta’ data teknika u wkoll minn bidliet żgħar fl-ittikettar minħabba li l-enzimi tneħħew mill-ambitu. Madankollu, dawn ikunu spiża ta’ darba u l-effett għandu jixxerred bl-użu ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni xierqa inklużi biex jagħtu l-ħin għall-adattazzjoni ta' dawn il-bidliet. Bidliet bħal dawn mhux probabbli li jaffettwaw il-prezz ta’ l-oġġetti mibjugħa lill-konsumaturi.

Impatt soċjali

Il-konsumaturi se jibbenefikaw minn iżjed ċertezza dwar il-kompożizzjoni u s-sigurtà ta' l-ikel li jixtru. L-għaqdiet tal-konsumatur, madankollu, urew tħassib li l-introduzzjoni ta’ komitoloġija tista’ tnaqqas it-trasparenza ġenerali tal-proċess, fejn l-awtorizzazzjonijiet ma jibqgħux jiġu skrutinizzati u dibattuti bl-istess mod mill-Parlament Ewropew. L-użu tal-komitoloġija huwa madankollu xieraq peress li l-leġiżlazzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel huwa wieħed mill-ftit oqsma fil-liġi ta' l-ikel fejn il-kodeċiżjoni għadha meħtieġa għal emendi li huma fil-parti l-kbira tekniċi. Il-bżonnijiet tal-konsumatur u l-benefiċċji teknoloġiċi se jibqgħu parametri importanti biex jitqiesu mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri meta l-awtorizzazzjonijiet ikunu diskussi skond il-proċedura tal-komitoloġija. Barra mill-proċeduri formali tal-komitoloġija u l-pubblikazzjoni ta’ rutina ta’ l-aġendi għal-laqgħat tal-kumitat permanenti fuq l-internet, metodi oħra ta' konsultazzjoni se jissoktaw. Dawn se jinkludu d-diskussjoni ta' l-emendi għal-leġiżlazzjoni fi gruppi ta' ħidma ta' esperti jew fora oħra li l-gruppi tal-konsumatur u partijiet interessati oħra jkunu normalment mistiedna jattenduhom.

Enzimi fl-ikel

L-impatti mistennija fuq il-possibilitajiet differenti għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti ekonomiċi u soċjali. Mhux mistennija li jkun hemm impatti ambjentali mill-possibilitajiet meqjusa, peress li l-industrija kkonċernata - l-industrija ta’ l-ikel - hija involuta fil-proċess sekondarju jew terzjarju tal-prodotti ta' l-ikel. L-enzimi huma diġà użati ħafna.

L-ebda azzjoni

Impatt ekonomiku

L-inċertezza legali attwali minħabba l-approċċi regolatorji differenti fost l-Istati Membri jibqgħu, flimkien mad-distorsjonijiet attwali fis-suq fil-kummerċ ta’ l-enzimi ta’ l-ikel. Il-produtturi ta’ l-enzimi jkomplu jitolbu l-awtorizzazzjoni għall-istess enzima f’iktar minn Stat Membru wieħed li huwa piż amministrattiv u finanzjarju għall-industrija.

Impatt soċjali

Id-differenzi fil-perċezzjoni tar-riskju, il-valutazzjoni tas-sigurtà u r-regolazzjoni ta' l-enzimi ta' l-ikel fost l-Istati Membri jwasslu għal livelli differenti ta' ħarsien soċjali. Enzimi prodotti mill-GMO li mhumiex koperti mir-Regolament 1829/2003, bħall-enzimi mikrobiċi, ma jkunux valutati għas-sigurtà tagħhom.

Azzjoni mhux leġiżlattiva

Impatt ekonomiku

Awto-regolazzjoni tipprovdi flessibilità; min-naħa l-oħra, l-enzimi ta’ l-ikel ikunu diġà regolati mil-liġi Komunitarja meta jintużaw bħala addittivi ta’ l-ikel u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala għajnuna għall-ipproċessar. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni kontradittorja u konfuża għall-industrija u impatt ekonomiku negattiv.

Impatt soċjali

Valutazzjoni tas-sigurtà, li mhix imwettqa minn entità indipendenti, ma jkollhiex l-istess livell ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku. It-trasparenza tal-proċeduri mibnija f’sistema awto-regolatorja tkun limitata. Sitwazzjoni legali mhux ċara tirrużulta f'telf tal-kunfidenza tal-konsumatur, speċjalment fir-rigward ta' enzimi miksuba mill-GMOs.

Azzjoni leġiżlattiva

Impatti ekonomiċi

L-armonizzazzjoni tal-valutazzjoni tas-sigurtà u l-awtorizzazzjoni ta' l-enzimi ta' l-ikel, tista' tirriżulta f’investimenti ogħla bil-quddiem qabel l-introduzzjoni fis-suq ta’ l-enzimi ta’ l-ikel minħabba l-ispiża ta’ l-awtorizzazzjoni, stmata li tkun fil-marġni ta’ 150-250k € għal kull enzima. Madankollu, xi Stati Membri diġà għandhom proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ li jġarrbu spejjeż simili għall-kumpaniji li jbigħu l-prodotti tagħhom f'dawk l-Istati Membri. B’din il-proposta l-industrija se tgawdi minn proċedura Komunitarja armonizzata bi skadenzi definiti, minflok bosta skadenzi nazzjonali differenti.

Il-proposta teżenta l-ittikkettar ta’ dawk l-enzimi ta’ l-ikel użati bħala għajnuniet ta’ l-ipproċessar. L-enzimi ta’ l-ikel użati bħall-addittivi ta' l-ikel, biex joħorġu funzjoni teknoloġika fl-ikel finali għandhom ikunu ttikkettati mal-funzjoni tagħhom (eż. stabbilizzatur eċċ.) u isem speċifiku. Din id-dispożizzjoni mhux probabbli li tħalli impatt ekonomiku fuq in-negozji peress li huwa biss għadd limitat ta’ enzimi (bħalissa 2 biss u fil-ġejjieni mhux iktar minn tużżana) li jrid jiġi ttikkettat. Dan ma jimplika l-ebda bidla ewlenija fil-qagħda attwali.

Din il-proposta se jkollha impatt limitat ħafna fuq il-familji. Għalkemm l-ispejjeż tal-valutazzjoni jidhru għoljin mhux probabbli li dawn l-ispejjeż jirriżultaw f’żidiet sinjifikanti fil-prezz li l-konsumaturi jħallsu għall-ikel.

Impatt soċjali

Wieħed jista’ jistenna li s-sistema komprensiva proposta ta’ valutazzjoni tas-sigurtà ta’ l-enzimi ta’ l-ikel se tħalli impatti pożittivi fuq is-saħħa pubblika u l-kunfidenza tal-konsumatur.

Ħwawar

L-impatti mistennija fuq il-possibilitajiet differenti għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti ekonomiċi u soċjali. Mhux mistennija li jkun hemm impatti ambjentali mill-possibilitajiet meqjusa, peress li l-industrija kkonċernata - l-industrija ta’ l-ikel - hija involuta fil-proċess sekondarju jew terzjarju tal-prodotti ta' l-ikel. Il-ħwawar huma diġà użati ħafna.

L-ebda azzjoni

Impatt ekonomiku

Il-qagħda ekonomika se ssir negattiva:

( Żviluppi teknoloġiċi ġodda mhumiex imħeġġa.

( Dispożizzjonijiet ċari jqisu l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi meħiteġa biex jiġu evitati barrieri għall-kummerċ ma’ pajjiżi terzi.

L-industrija Ewropea tista’ titlef il-post tagħha fuq quddiem tas-suq globali.

Impatt soċjali

Is-saħħa tal-konsumaturi mhix imħarsa sew:

( Livelli massimi ta’ sustanzi ta’ tħassib tossikoloġiku ma jqisux l-aħħar opinjonijiet xjentifiċi.

( Livelli massimi ta’ sustanzi ta’ tħassib tossikoloġiku fl-ikel u x-xorb b'mod ġenerali ma jippermettux kontroll ibbażat fuq ir-riskju.

It-talba tal-konsumaturi għal ittikkettar iżjed informattiv mhix milħuqa.

Azzjoni mhux leġiżlattiva

Impatt ekonomiku

Bħalissa ninsabu f'sitwazzjoni fejn teżisti leġiżlazzjoni fuq il-ħwawar. Linji gwida ma jistgħux jannullaw leġiżlazzjoni eżistenti. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni kontradittorja u konfuża għall-industrija bil-kosegwenza ta’ impatt ekonomiku negattiv.

Impatt soċjali

Linji gwida jistgħu jkunu f’kontradizzjoni ma’ leġiżlazzjoni eżistenti u għalhekk mhumiex l-iżjed mod effiċjenti biex tħares is-saħħa tal-konsumatur. Sitwazzjoni legali mhux ċara tirrużulta f'telf tal-kunfidenza tal-konsumatur fl-użu tal-ħwawar.

Deregolizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħwawar

Impatt ekonomiku

Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn kull Stat Membru jagħmel ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Peress li l-perċezzjoni tar-riskji tista’ tkun differenti bejn l-Istati Membri dan jirriżulta f’funzjonament ineffettiv tas-suq intern.

Impatt soċjali

Differenzi fl-approċċ bejn l-Istati Membri għall-valutazzjoni tas-sigurtà jwasslu għal sitwazzjoni konfuża għall-konsumaturi, b’livelli differenti ta’ ħarsien u telf fil-kunfidenza f’ċerti Stati Membri u fis-suq intern.

Direttiva tal-Kunsill li Temenda 88/388/KEE

Impatt ekonomiku

L-introduzzjoni ta’ l-emendi neċessarji fid-Direttiva nnifisha jkollhom impatt ekonomiku ta’ benefiċċju kif spjegat fil-punt 5. Bdil fl-Annessi I u II u dispożizzjonijiet oħra għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u l-kummerċ xorta jridu jiġu introdotti permezz ta’ kodeċiżjoni. Proċedura ta’ awtorizzazzjoni iżjed effiċjenti hija madankollu meħtieġa għat-tmexxija ta’ lista pożittiva li fiha 2600 sustanza ta’ ħwawar biex jintuża fl-ikel u fuqu. L-ammont ta’ bidliet meħtieġa jista’ jwassal għal leġiżlazzjoni mhux ċara.

Impatt soċjali

Impatti pożittivi fuq is-saħħa pubblika huma mistennija minħabba sistema komprensiva għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-ħwawar, għall-adattazzjoni ta' livelli massimi ta' sustanzi ta' tħassib tossikoloġiku għall-aħħar opinjoni xjentifika u billi tippermetti kontrolli ta' dawk is-sustanzi għal ikel ta’ l-ogħla riskju.

Azzjoni leġiżlattiva (Proposta għal Regolament ġdid)

Impatt ekonomiku

Impatt fuq ir-rekwiżiti amministrattivi imposti fuq in-negozju:

( L-eliminazzjoni tad-distinzjoni bejn sustanzi ta' ħwawar Identiċi għan-Naturali u Artifiċjali, it-tnejn sintetizzati kimikament, twassal għal inqas rekwiżiti amministrattivi permezz ta’ l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri kollha.

( Se jkun hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali biex ikun hemm konformità mal-bidliet proposti għall-ittikkettar tal-ħwawar. Madankollu dawn se jkunu temporanji, sakemm it-tikketti jinġabu konformi mar-rekwiżiti l-ġodda. Madankollu, l-isforzi huma limitati meta mqabbla mat-trasparenza addizzjonali miksuba u ġġudikati b’mod pożittiv mill-konsumatur.

( Sabiex tillimita l-isforzi u l-ispejjeż involuti, perjodu tranżitorju għal adattazzjoni ta’ rekwiżiti ġodda ta’ ttikkettar proposti.

Impatt fuq l-innovazzjoni u r-riċerka:

( Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-awtorizzazzjoni tal-ħwawar jiċċaraw meta s-sigurtà tal-ħwawar trid tiġi vvalutata. Ċerti ħwawar huma mid-definizzjoni tagħhom eżenti mill-valutazzjoni. Dan se jippermetti lill-industrija biex tistima b'mod iktar korrett l-ispejjeż ta' żvilupp ta' ħwawar ġodda.

( Il-proposta tispeċifika wkoll x’tip ta’ preparazzjonijiet jistgħu jiġu aċċettati biex tkun permessa tikketta ta' naturali. Dan huwa importanti għal iżjed żvilupp u produzzjoni ta’ ħwawar naturali ġodda.

( L-introduzzjoni tal-kategorija “ħwawar oħra” hija meqjusa pożittiva għall-innovazzjoni u r-riċerka. Jekk kategoriji ġodda ta’ ħwawar ikunu żviluppati, dawn ikunu jistgħu jiġu awtorizzati ġaladarba s-sigurtà tagħhom tkun ġiet ivvalutata.

Impatt fuq il-familji:

( Il-konsumatur se jkun informat aħjar dwar in-natura tal-ħwawar preżenti fl-ikel.

( Mhux mistenni li r-Regolament propost jaffettwa l-prezzijiet ta’ l-affarijiet ta’ l-ikel.

Impatt fuq pajjiżi terzi u relazzjonijiet internazzjonali:

( Din il-proposta se tarmonizza iżjed il-leġiżlazzjoni dwar il-ħwawar u se toħloq suq uniformi fi ħdan l-UE u prevedibilità lill-importaturi.

( L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħwawar se tpoġġi l-Unjoni Ewropea f’qagħda aħjar meta tinnegozja ma’ pajjiżi terzi dwar l-introduzzjoni tal-ħwawar fis-sistema Codex Alimentarius.

( Il-Komunità Ewropea se tkun kapaċi żżomm il-post tagħha fuq quddiem bħala produttur u żviluppatur tal-ħwawar

Impatt fuq l-Awtoritajiet pubbliċi:

( Il-kontrolli mill-Istati Membri se jkunu iżjed effiċjenti peress li se jiffokaw fuq l-affarijiet ta’ l-ikel li jikkontribwixxu l-iżjed għat-teħid ta’ sustanzi ta’ tħassib tossikoloġiku.

( Leġiżlazzjoni nazzjonali se jkollha tiġi adattata f’dawk il-pajjiżi fejn jeżistu ċerti kategoriji ta’ l-ikel li magħhom jistgħu jiżdiedu biss sustanzi ta’ ħwawar naturali jew identiċi għan-naturali. Din is-semplifikazzjoni se twassal għal inqas rekwiżiti minimi.

( L-Istati Membri huma nkwetati li għall-monitoraġġ tat-teħid tas-sustanzi elenkati fl-anness II u s-sustanzi li għandhom stipulati restrizzjonijiet fuq l-użu, ikollhom bżonn iżjed riżorsi. Dan huwa madankollu essenzjali biex jiżgura li r-regolament ikun effettiv għall-ħarsien tas-saħħa tal-konsumaturi.

( L-Istati Membri ma pprovdewniex b’tagħrif dwar riżorsi meħtieġa. L-impatt għall-monitoraġġ speċifiku ta’ teħid ta’ ħwawar jista’ jonqos sinjifikatament bl-organizzazzjoni ta’ dan il-monitoraġġ flimkien mal-monitoraġġ tat-teħid ta’ l-addittivi li huwa diġà mitlub mil-leġiżlazzjoni ta' l-UE.

Impatt Soċjali

Wieħed jistenna impatti pożittivi fuq is-saħħa pubblika minħabba sistema komprensiva ta’ valutazzjoni tas-sigurtà tal-ħwawar fil-livell Komunitarju.

Il-kontroll tal-limiti għas-sustanzi ta’ tħassib tossikoloġiku se jiffoka fuq ikel ta’ l-ogħla riskju li jirriżulta f’ħarsien iżjed effiċjenti tas-saħħa tal-konsumaturi.

Il-konklużjonijiet tal-monitoraġġ tat-teħid jista' jintuża għall-adattazzjoni tal-leġiżlazzjoni meta jidher li t-teħid ikun ta' tħassib għas-sigurtà.

Konklużjoni

Abbażi ta’ din l-istima ta’ l-impatt, il-konklużjoni hi li l-objettivi politiċi jintlaħqu l-aħjar permezz ta’ azzjoni leġiżlattiva.

Top