Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006SC0926

Commission staff working paper - Executive Summary - Impact assessment of policy options in relation to a Commission proposal for a Regulation of the EuropeanParliament and of the Council on roaming on public mobile networks within the Community {COM(2006) 382 final} {SEC(2006) 925}

52006SC0926




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.7.2006

SEG(2006) 926

DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI - Sommarju Eżekuttiv -

EVALWAZZJONI TA’ L-IMPATT TA’ GĦAŻLIET POLITIĊI MARBUTA MA’ PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR IR-ROAMING FIN-NETWERKS PUBBLIĊI MOBBLI FI ĦDAN IL-KOMUNITÀ {KUMM(2006) 382 finali} {SEG(2006) 925}

Sommarju Eżekuttiv

Sfond

Dan ir-rapport ta’ l-evalwazzjoni ta' l-impatt (EI) jeżamina l-għażliet biex jitnaqqsu sostanzjalment il-prezzijiet tar- roaming internazzjonali fl-UE, u l-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi, l-utenti u l-industrija. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN), l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-konsumaturi u l-utenti huma mħassba dwar il-fatt li dawn il-prezzijiet huma għolja mingħajr ġustifikazzjoni. Hemm ftit evidenza li turi li s-suq waħdu jista’ jagħti r-riżultati.

Il-Kummissjoni ilha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-prezzijiet għar- roaming internazzjonali għal xi żmien. Il-Kummissjoni qed twettaq investigazzjonijiet dwar il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81 ( ex-officio ) u taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat. Is-suq tal-bejgħ bl-ingrossa għar- roaming internazzjonali huwa kopert mill-qafas regolatorju fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq rilevanti. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-ARN biex iħaffu l-proċess ta’ l-analiżi tas-suq f’Ottubru 2004. Il-pożizzjoni komuni adottata wara mill-Grupp tar-Regolaturi Ewropej (GRE) indikat li l-prezzijiet għolja tal-bejgħ bl-imnut jidhru li jirriżultaw minn prezzijiet għolja tal-bejgħ bl-ingrossa u awmenti ( mark-ups ) għolja fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, u t-tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa ftit li xejn ikun rifless fil-prezzijiet bl-imnut. F’Diċembru 2005, il-GRE għarraf lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-qafas regolatorju biex jiġi solvut dan il-każ fejn il-konsumatur huwa żvantaġġat.

Il-Kummissjoni ġibdet ukoll l-attenzjoni lejn il-prezzijiet għoljin tar- roaming f'għadd ta’ okkażjonijiet u ppubblikat websajt li turi l-prezzijiet għoljin mingħajr ġustifikazzjoni madwar l-UE.

Il-Konsultazzjonijiet

Fl-ewwel ġabra ta’ konsultazzjonijiet dwar din il-kwistjoni, l-attenzjoni li l-Kummissjoni tat lir- roaming internazzjonali ntlaqgħet tajjeb b’mod wiesa’ mill-Ministeri, l-ARN, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u ta' l-utenti u xi operaturi iżgħar tal-mowbajls. Il-gruppi ta’ operaturi u l-biċċa l-kbira mill-operaturi individwali ma qablux ma’ l-intervenzjoni regolatorja, u enfasizzaw il-kompetittività effettiva tas-swieq tar- roaming .

It-tieni sensiela ta’ konsultazzjonijiet introduċiet kunċett konkret għar-regolazzjoni (il-‘prinċipju ta’ l-ipprezzar domestiku’) li jinvolvi l-irbit tal-prezzijiet bl-imnut tar- roaming mal-prezzijiet ta’ pajjiż il-konsumatur għal servizzi tal-mobajl domestiċi komparabbli. B'hekk il-klijent ma jħallasx meta jirċievi telefonata. Fit-tieni sensiela ta’ konsultazzjonijiet, ħafna mill-atturi tas-suq ma qablu ma l-ebda għamla ta' regolazzjoni. Madankollu, sitt operaturi kienu favur ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa. Il-GRE appoġġa l-għanijiet tal-Kummissjoni iżda ma qabilx mal-metodu kif stipulat fid-dokument ta’ konsultazzjoni. Huwa qabel ma’ regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa, b’approċċ ta’ ‘nistennew u naraw’ lejn ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-imnut. L-10 Stati Membri li wieġbu qablu ma’ l-istess linja tal-GRE.

In-natura tal-problema

Il-prezzijiet għar- roaming madwar l-UE kollha fil-livelli kemm ta’ bejgħ bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut mhumiex iġġustifikati mill-prezzijiet sottostanti ta’ l-għoti tas-servizz. Dan huwa kkumplikat aktar minn nuqqas ta’ trasparenza fil-prezzijiet bl-imnut u ma jistax jissolva billi jintużaw għodod regolatorji eżistenti. Is-suq ta’ l-UE għar- roaming internazzjonali huwa stmat għal madwar €8.5 biljun, li huma 5.7% mid-dħul totali ta’ l-industrija tal-mowbajls stmat għal madwar €150 biljun.

Il-prezzijiet tar-roaming għandhom impatt fuq għallinqas 147 miljun ċittadin Ewropew, li minnhom 110 miljun huma klijenti fin-negozju, filwaqt li 37 miljun jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ divertiment. Il-gruppi tal-konsumaturi jemmnu li l-benefiċċji ta' prezzijiet irħas għar- roaming jintlaqgħu tajjeb minn sezzjoni wiesgħa tal-konsumaturi, inkluż l-SMEs.

Is-servizzi internazzjonali tar- roaming huma differenti minn servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni għaliex il-klijent jixtri s-servizzi ta' operaturi fi Stat Membru wieħed iżda huwa konness man-netwerk ta’ operatur barrani waqt roaming barra mill-pajjiż. Dan ta’ l-aħħar jiċċarġja lill-operatur domestiku għal dan is-servizz ‘bl-ingrossa’. Il-biċċa l-kbira mill-operaturi jgħidu li l-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa qed taħdem u qed tgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet. Madankollu, b’rata ta’ €1.15 kull minuta, il-prezz medju bl-imnut għal telefonata roaming (residenzjali) hija ħames darbiet iktar għolja mill-prezz li jitħallas għall-provvista ta' servizz bl-ingrossa u 50% iktar għolja mit-tariffa inter-operatur (IOT) medja. Il-prezzijiet bl-imnut tar- roaming huma madwar erba’ darbiet iktar għolja mit-tariffi domestiċi.

It-trasparenza għadha problema kbira. Barra minn hekk, ħafna konsumaturi mhumiex konxji mill-prezzijiet għoljin li jġarrbu meta jirċievu telefonati, li probabbilment huma għallinqas erba' darbiet iktar mill-ispiża medja ta' l-operatur.

Evoluzzjoni tat-teknoloġija u tas-suq

Għadd ta’ żviluppi teknoloġiċi jistgħu jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tar- roaming , inkluż it-telefonija bil-leħen permezz ta’ l-internet ( voice-over IP ). Madankollu, it-telefonija mobbli IP mhijiex mistennija ssir realtà fil-futur qarib. L-indirizzar tat-traffiku li jippermetti lill-operaturi jidderieġu lill-konsumaturi lejn in-netwerks magħżula tagħhom waqt ir- roaming għal madwar 80% tas-sejħiet bir- roaming ħalla xi effetti iżda l-prezzijiet bl-ingrossa għadhom għolja.

Ir-raġunijiet għal azzjoni mill-UE (it-test tas-sussidjarjetà)

L-ARN mhumiex mgħammra bis-sħiħ biex jindirizzaw din il-kwistjoni fil-livell nazzjonali. Madankollu, l-azzjonijiet li saru biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet ma rriżultawx fit-tnaqqis tal-prezzijiet. F’dawn iċ-ċirkostanzi hemm pressjoni fuq l-Istati Membri biex jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw il-prezzijiet tar- roaming . Madankollu, kwalunkwe miżura bħal din tista’ toħloq riżultati diverġenti jew tkun ineffettiva, meta wieħed iqis il-karatteristiċi internazzjonali tas-servizzi kkonċernati. Konsegwentement, il-qafas regolatorju jeħtieġ jiġi emendat biex jiġi żgurat approċċ armonizzat.

Għanijiet

L-għan ta’ azzjoni mill-UE huwa l-promozzjoni ta' l-iżvilupp tas-suq waħdieni għas-servizzi tar- roaming madwar l-UE kollha sabiex il-prezzijiet li jitħallsu għar- roaming waqt ivvjaġġar fil-Komunità ma jkunux ogħla b’mod inġustifikat mill-prezzijiet li jitħallsu għal telefonati li jsiru fil-pajjiż tal-konsumatur.

Għażliet politiċi u analiżi

Ebda bidla politika

Jekk ma tiġi introdotta l-ebda politika ġdida, jibqa’ jkun hemm serħan fuq l-għodod eżistenti għal intervenzjoni regolatorja, tista’ tinżamm il-pressjoni politika u l-iżviluppi fit-teknoloġija u fis-suq jipproċedu waħidhom.

Jekk il-politika eżistenti ma tinbidilx, aktarx li ma jkunx hemm tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet tar- roaming . Minkejja attività riċenti mill-operaturi, il-konsumaturi għadhom iffaċċjati bi prezzijiet mhux ġustifikati. L-ARN diġà stqarrew li jaħsbu li l-għodod regolatorji eżistenti mhumiex biżżejjed biex tiġi indirizzata din il-problema. Barra minn hekk, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skond ir-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-UE huma applikabbli biss għal min huma indirizzati u ma għandhom l-ebda effett ġuridiku fuq operaturi oħrajn li jistgħu jimxu bl-istess mod.

Awto-regolazzjoni

L-awto-regolamentazzjoni fil-kuntest tar- roaming hija l-possibbiltà għall-operaturi jew l-assoċjazzjonijiet biex jadottaw bejniethom linji ta’ gwida komuni fil-livell Ewropew (partikolarment kodiċi ta’ prassi).

Is-servizzi tal-Kummissjoni ma rċevew l-ebda proposta ġenerali mill-industrija għall-awto-regolazzjoni. Madankollu, kwalunkwe metodu bħal dan ikollu jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. L-awto-regolazzjoni jkollha twassal għal tnaqqis sostanzjali ggarantit fil-prezzijiet b’mod globali, aktarx l-iktar fil-livelli tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. Jidher li dan huwa diffiċli biex jinkiseb meta wieħed iqis il-fatt li ħafna operaturi ma jirrikonoxxux li hemm problema bil-prezzijiet tar- roaming .

Il-ko-regolazzjoni

Dan il-metodu jimplika regolazzjoni fejn jiġi stipulat qafas globali u jiġu ddeterminati r-rwoli ta' l-operaturi u l-atturi l-oħra. Fil-kuntest tar- roaming internazzjonali, il-miri għat-tnaqqis tal-prezzijiet jistgħu jiġu stipulati bir-regolazzjoni.

B’dan il-metodu, ir-regolazzjoni fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa tista’ tingħaqqad ma' trasparenza kbira fil-prezz bl-imnut. Madankollu, huwa diffiċli li tinkiseb it-trasparenza tal-prezzijiet, u tkun faċli għall-operaturi li ma jimplimentawhiex. Barra minn hekk, il-wasla għal ftehim li jista’ jifforma l-bażi għal metodu ko-regolatorju tista’ twassal għal tħassib dwar il-kompetizzjoni.

Liġi flessibbli ( soft law )

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjoni dwar il-prezzijiet xierqa li għandhom jiġu ċċarġjati għar- roaming internazzjonali, possibbilment ibbażati fuq prezzijiet ta’ riferiment ta' prassi tajba.

Filwaqt li fil-passat metodi ta’ liġi flessibbli fl-għamla ta’ punti ta’ riferiment wrew li huma effettivi, huma involuti proċessi twal, tinħtieġ superviżjoni mill-ARN, u l-fatt li ma jorbtux legalment iffisser li ma jagħtux ċertezza ta’ riżultat.

Regolazzjoni mmirata

Ir-regolazzjoni tista' tintuża biex jiġu indirizzati prezzijiet bl-ingrossa, prezzijiet bl-imnut jew it-tnejn li huma. Ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa tista’ tkun ibbażata fuq l-orjentazzjoni ta’ l-ispiża jew trażżin tal-prezz permezz ta’ limitu. Minn perspettiva ta’ bejgħ bl-imnut, hemm għadd ta' għażliet, bħall-prezzijiet marbuta ma' dawk domestiċi, il-prezzijiet tal-pajjiż ta’ l-ivvjaġġar jew trażżin tal-prezzijiet bl-imnut (ibbażat fuq ir-rati regolati tal-bejgħ bl-ingrossa).

L-intervenzjoni regolatorja tista’ wkoll tieħu l-għamla ta’ miżuri biex jistimolaw iktar il-kompetizzjoni bl-użu ta’ kunċett simili għall-pre-selezzjoni fin-netwerks fissi.

Regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa biss

Dan huwa l-metodu ssuġġerit mill-GRE li jemmen li l-prezzijiet bl-ingrossa tar- roaming għandhom jiġu kkontrollati permezz ta’ limitu uniformi Ewropew fuq il-prezzijiet. Indiċi tal-prezzijiet bl-imnut juri jekk it-tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa ikunx qed jingħadda lill-konsumaturi li jixtru bl-imnut. Aktar tard tkun meħtieġa għamla ta’ kontroll tal-prezzijiet.

Is-servizzi tal-Kummissjoni jemmnu li l-metodu mmodifikat tal-GRE, iżda li xorta jkun ibbażat fuq l-użu ta' l-MTRs bħala punt ta' riferiment, jista' jkun rikjest f'livell tal-bejgħ bl-ingrossa. Jemmnu wkoll li l-inklużjoni ta’ mekkaniżmu ta’ twissija għar-regolazzjoni tal-bejgħ bl-imnut f’każ li l-benefiċċji ma jkunux mgħoddija lill-konsumaturi tkun kumplessa żżejjed u toħloq problemi proċedurali u ġuridiċi sinifikanti.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni, xi wħud mill-operaturi ta’ l-UE esprimew il-biża’ tagħhom li, taħt il-GATS, ikollhom joffru tariffi bl-ingrossa tar- roaming lil operaturi mhux ibbażati fil-KE f’livell li ma jaqbiżx il-livell irregolat. Skond il-GATS, għandu jingħata trattament nazzjonali lil servizzi u fornituri ta' servizzi simili.

Regolazzjoni tal-bejgħ bl-inmut biss

Din l-għażla tiddependi fuq jekk il-prezzijiet bl-ingrossa humiex fil-fatt baxxi u jekk il-profitti mill-bejgħ bl-imnut humiex tali li regolazzjoni tal-bejgħ bl-imnut biss twassal għal tnaqqis fil-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġu kkompressati l-prezzijiet għal ċerti operaturi.

Intervenzjoni fil-livell tal-bejgħ bl-imnut biss tista' tfisser li xi operaturi jkunu mġiegħla joffru servizzi tar- roaming b’telf. Regolazzjoni tal-bejgħ bl-imnut biss x’aktarx tibbenefika lill-operaturi ikbar li diġà jgawdu minn IOTs iktar baxxi mill-medja, u ma tindirizzax il-problemi ffaċati minn atturi iżgħar.

Regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut

Il-GRE jagħraf li jekk il-forzi tas-suq ma jkunux biżżejjed biex jiggarantixxu li l-benefiċċji jiġu ttrasferiti sostanzjalment lil-livell tal-bejgħ bl-imnut, ikun jeħtieġ kontroll tal-prezzijiet bl-imnut. Hemm evidenza li turi li t-tnaqqis tal-prezzijiet lill-konsumaturi mhuwiex awtomatiku. Minkejja xi żviluppi fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa, il-prezzijiet bl-imnut medji għadhom għoljin, bi profitti ’l fuq sewwa minn 200% għal sejħiet li jsiru waqt ir- roaming .

L-operaturi qegħdin jagħmlu profitt bl-imnut qrib it-300% jew l-400% għal sejħiet rċevuti waqt ir- roaming , anki jekk setgħu naqqsu l-prezzijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa. It-teoriji ekonomiċi jikkonfermaw li l-atturi mhux bilfors jeħtieġu inċentiv biex jużaw profitti ta’ monopolju li jsiru fuq livell tal-bejgħ bl-ingrossa biex jikkompetu għall-akkwist u ż-żamma ta’ konsumaturi domestiċi bl-imnut.

Għalhekk, hemm riskju serju li jekk jiġu applikati fuq livell tal-bejgħ bl-ingrossa biss, l-għan aħħari tar-regolazzjoni ma jintlaħaqx.

Il-prinċipju ta’ l-ipprezzar domestiku

Il-prezzijiet bl-imnut tar- roaming jistgħu jintrabtu mal-prezzijiet domestiċi tal-konsumaturi għal servizzi tal-mobajl domestiċi komparabbli. Tkun meħtieġa azzjoni parallela fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa fl-għamla ta’ obbligi orjentati lejn l-ispiża jew mekkaniżmu ta’ trażżin permezz ta’ limitu, inkella jkun hemm distorzjonijiet tas-suq.

Il-prinċipju ta’ l-ipprezzar domestiku kien il-punt tat-tluq tal-Kummissjoni għat-tieni fażi ta’ konsultazzjoni. Meta wieħed iqis il-fatt li madwar 80% tas-sejħiet immorru lura lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini, skond dan il-prinċipju, sejħiet bħal dawn ikunu ekwivalenti għal sejħiet internazzjonali. Għaldaqstant, l-impatt fuq l-operaturi ma għandux ikun kbir ħafna meta wieħed iqis il-fatt li m'hemmx differenza kbira bejn il-prezz ta’ sejħiet internazzjonali u ta' sejħiet internazzjonali tar- roaming . Min-naħa l-oħra, il-benefiċċji għall-konsumaturi huma limitati minħabba dik l-istess raġuni. Il-prinċipju ta’ l-ipprezzar domestiku jippreżenta wkoll għadd ta’ diffikultajiet fl-implimentazzjoni.

Il-metodu tal-pajjiż ospitanti

Il-konsumaturi jkunu ċċarġjati r-rata domestika attwali biex jagħmlu sejħa fil-pajjiż li qed iżuru u rata internazzjonali ekwivalenti għal dik li abbonat f'dak il-pajjiż normalment iħallas għal sejħa internazzjonali.

Filwaqt li din l-għażla għandha l-vantaġġi tagħha, għandha għadd ta’ problemi f’dak li għandu x’jaqsam ma' l-infurzar u t-trasparenza.

Il-metodu tas-suq domestiku Ewropew

Sabiex jitqiesu l-kummenti rċevuti u l-kwistjonijiet prattiċi ta’ implimentazzjoni, jista’ jiġi kkonċepit metodu li huwa avvanz fuq il-metodu ta’ l-ipprezzar domestiku – il-metodu tas-suq domestiku Ewropew - li jfisser roaming madwar l-UE kollha b'rati komparabbli għal dawk li jitħallsu fil-pajjiż ta’ l-oriġini.

Prezzijiet bl-ingrossa massimi jkunu stipulati b'referenza għal prezz ta’ riferiment ibbażat fuq multipli tar-rati medji Komunitarji ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl (MTR - mobile termination rates ) kif stipulati għall-operaturi b’setgħa sinifikanti fis-suq. Kif stqarr il-GRE, l-MTR tipprovdi punt tat-tluq eċċellenti bħala riferiment għall-prezzijiet bl-ingrossa għax tipprovdi trasparenza, sempliċità u ċertezza.

Fil-livell tal-bejgħ bl-imnut ikun stipulat limitu bi 30% marġni ’l fuq mir-rata bl-ingrossa biex ikun żgurat li l-iffrankar jingħadda lill-konsumaturi. Marġni bħal dan huwa raġonevoli filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi t-tnaqqis tal-prezzijiet. Se jiġi pprovdut perjodu tranżitorju ta' 6 xhur sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw ruħhom. L-operaturi jkunu ħielsa biex jikkompetu f’marġni inqas minn dawn il-livelli. Jiġi stipulat prezz massimu ta’ salvagwardja biex jiġu rċevuti t-telefonati fil-livell ta’ l-MTR flimkien ma’ marġni ta’ 30%.

Dan il-metodu jegħleb id-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni identifikati mal-prinċipju ta’ pprezzar domestiku u jipprovdi iktar benefiċċji lill-konsumaturi.

It-trasparenza

It-trasparenza fil-prezzijiet għadha kwistjoni importanti ħafna għall-konsumaturi. Filwaqt li inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni u l-ARN kienu pożittivi, jeħtieġ li jsir iżjed. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu ssupplimentati b’rekwiżit għall-operaturi tal-mowbajls li jipprovdu aċċess b’xejn jew permezz ta’ SMS (servizz ta’ messaġġ qasir) jew telefonata minn fuq mobajl għal tagħrif personalizzat dwar it-tariffi tar- roaming internazzjonali waqt ir- roaming .

Impatt ekonomiku

Meta wieħed jiffoka primarjament fuq id-differenza bejn il-prezz li wieħed lest iħallas u l-prezz li filfatt iħallas ( consumer surplus ), l-għażla politika tar-regolazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa (minkejja l-effetti elastiċi differenti), toffri l-iktar benefiċċji. Iċ-ċifri indikattivi jissuġġerixxu li l- consumer surplus jista’ jkun bejn is-€5.28 u s-€5.96 biljuni, meta mqabbel maż-€2.2 u ż-€2.3 biljuni u l-€1.50 u l-€1.55 biljuni għall-għażliet ‘bl-ingrossa biss’ u ‘ebda bidla politika’ rispettivament.

Impatti usa'

Impatti dinamiċi

Sal-punt li d-dħul globali tas-sejħiet bil-mowbajl jonqsu b’riżultat tar-regolazzjoni b'xi wħud mill-għażliet politiċi, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li jkun hemm xi tnaqqis fl-investiment wara tnaqqis fil-prezzijiet tar- roaming . Madankollu, huwa wkoll raġonevoli li wieħed jassumi li jkun hemm tnaqqis immirat iktar milli tnaqqis ġenerali.

Effetti indiretti

Xi tweġibiet għall-konsultazzjoni ssuġġerew li b'reazzjoni għal tnaqqis fid-dħul tar- roaming , l-operaturi jistgħu jkunu mistennija jgħollu l-prezzijiet għal servizzi oħra. Huwa raġonevoli li wieħed jassumi li filwaqt li fil-marġni jseħħ xi bbilanċjar mill-ġdid tat-tariffi, żieda ġenerali fil-livell tal-prezz għal servizzi oħra, meta wieħed iqis il-kompetizzjoni qalila fis-swieq ewlenin, hija improbabbli.

Kwistjonijiet ta’ distribuzzjoni mill-ġdid

Il-konsumaturi li l-iktar igawdu minn tnaqqis fil-prezzijiet tar- roaming ikunu dawk li jużaw is-servizz tar- roaming ta’ spiss. Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jkunu l-istess, il-konsumaturi tan-negozju li attwalment ma għandhomx kuntratti kompetittivi fuq skala kbira (kif ikun il-każ għall-biċċa l-kbira mill-SMEs), nies li jivvjaġġaw spiss għal divertiment u nies li jgħixu f’reġjuni fuq il-fruntiera jibbenefikaw l-iktar minn tnaqqis fil-prezzijiet tar- roaming .

Effetti u konsolidazzjoni fil-livell tal-kumpaniji

L-impatt ta’ tibdiliet irregolati fil-prezzijiet fil-livell tal-kumpaniji se jvarja l-ewwelnett skond l-esponiment partikolari tal-kumpanija għad-dħul finanzjarju mir- roaming , u t-tieni, skond in-natura preċiża ta’ l-approċċ regolatorju li jittieħed.

Evalwazzjoni tal-piżijiet amministrattivi

L-għażliet regolatorji kollha ppreżentati f’din l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt jinkludu spejjeż amministrattivi iżda l-iskala tagħhom tvarja. Ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa bbażata fuq limitu tal-prezz, kif proposta mill-GRE, tkun teħtieġ sorveljanza regolari tal-prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut tal-prezzijiet tar- roaming sabiex ikun aċċertat li t-tnaqqis bl-ingrossa jitwassal sal-livell tal-bejgħ bl-imnut. Dan jimplika spejjeż amministrattivi għall-operaturi u l-ARN, iżda ma jkunux differenti sostanzjalmenti mill-qagħda attwali. Ir-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut fl-għamla ta’ limiti tal-prezzijiet timplika piż amministrattiv simili.

Evalwazzjoni u sorveljanza

Jekk tkun meħtieġa intervenzjoni regolatorja, l-ARN ikollhom jissorveljaw u jikkontrollaw il-konformità. L-indikatur ewlieni għas-sorveljanza ta’ l-implimentazzjoni tal-proposta huwa t-tariffi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. L-ARN għandhom jissorveljaw it-tariffi bl-imnut tar- roaming għal sejħiet bil-leħen, SMS u servizzi multi-medjali (MMS) u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni meta jintalbu jagħmlu hekk. Sena qabel ir-reviżjoni tat-tħaddim ta’ kwalunkwe regolament il-Kummissjoni tħejji rapport ta’ evalwazzjoni li jevalwa l-impatt tal-miżura fuq is-swieq u l-konsumaturi.

Konklużjoni

L-għażla regolatorja proposta li r-regolazzjoni tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut jingħaqdu taħt dak li s-servizzi tal-Kummissjoni jsejħu ‘l-metodu tas-suq domestiku Ewropew’ fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fl-akbar benefiċċju għall-konsumaturi. Kull wieħed mill-għażliet l-oħra evalwati kollha għandhom mertu speċifiku – minn intrużjoni minima sa flessibilità massima għall-industrija. Madankollu, huwa biss ir-regolazzjoni bil-‘metodu tas-suq domestiku Ewropew’ li jaċċerta li l-konsumaturi – ikunu fejn ikunu fiżikament fl-UE – ikollhom l-istess esperjenza ta’ l-użu tat-telefown ċellulari li jkollhom f’pajjiżhom.

Top