Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0776

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 84 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

/* KUMM/2006/0776 finali */

52006PC0776

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 84 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra /* KUMM/2006/0776 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.12.2006

KUMM(2006) 776 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 84 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jiffurmaw il-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li għandhom sehem fil-Proċess ta’ Barċellona.

2. Il-kumplessità teknika dejjem tikber tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, imnissla mit-twettiq tal-Ftehimiet Ewro-Mediterranji kif ukoll mit-twettiq tal-Politika tal-Viċinat titlob li t-tħaddim ta' l-istituzzjonjiet ta' dawn il-Ftehimiet jiġi adattat għal din l-evoluzzjoni. Għaldaqstant, twaqqfu sottokumitati fi ħdan il-Kumitati ta’ Assoċjazzjoni fil-qafas tal-Ftehimiet Ewro-Mediterranji, bil-ħsieb li jitkompla l-monitoraġġ tal-prioritajiet tas-sħubija u t-tqarrib tal-leġiżlazzjonijiet.

3. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. Diġà twaqqfu sitt Sottokumitati : "Suq intern", "Industrija, Kummerċ u Servizzi", "Trasport, Ambjent u Enerġija", "Riċerka u Innovazzjoni", "Agrikoltura u Sajd" u "Ġustizzja u Sigurtà". Minbarra dan, twaqqfu wkoll kumitati ta' kooperazzjoni tad-dwana u grupp ta' ħidma fil-qasam ta' l-affarijiet soċjali.

4. Id-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet fundamentali huma parti integrali u essenzjali mill-qafas li fuqu huma msejsa r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Mediterranji tagħha, kemm fil-kuntest reġjonali tal-proċess ta' Barċellona/tas-sħubija Ewro-Mediterranja u kif ukoll permezz tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bilaterali mal-pajjiżi msieħba Mediterranji.

5. F'din il-perspettiva u f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika tal-Viċinat miftiehem bejn l-UE u t-Tuneżija, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien formali ta' sottokumitat ġdid "Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija" flimkien mas-sottokumitati jew gruppi diġà previsti jew maħluqa mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

6. F'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni, is-sottokumitat se jkun presjedut, min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea, skond l-istess regoli previsti għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. F'każ ta' diskussjoni ta' suġġetti relevanti għat-titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Presidenza tas-Sottokumitat għandha tkun eżerċitata mill-Presidenza tal-Kunsill li tesprimi wkoll il-pożizzjoni ta' l-Istati Membri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata bis-sħiħ mal-ħidmiet maħsuba biex jiddefinixxu d-direzzjoni li għandha tittieħed kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu waqt il-laqgħa tas-Sottokumitat.

7. L-għan, is-suġġetti indirizzati mis-sottokumitat u l-modalitajiet tat-twettiq jinsabu fir-regoli ta’ proċedura mehmuża. Il-missjoni u r-regoli ta' proċedura tas-sottokumitat ġew diskussi b'mod informali ma' l-awtoritajiet Tuneżini.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 84 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,[1]

Billi:

(1) Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, ġie konkluż fis-17 ta' Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.

(2) L-Artikolu 84 tal-Ftehim jiddikjara li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jwaqqaf kull grupp ta' ħidma jew entità li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Komunità fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mwaqqaf mill-Ftehim Ewro-Mediterranju konkluż bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 84 tal-Ftehim, għandu jkun ibbażat fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Sottokumitat għandu jkun jikkonsisti f'rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija u l-presidenza għandha talterna bejn iż-żewġ partijiet. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għandu jippresjedi s-Sottokumitat f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u jitkellem dwar suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Komunità. Għal materji li jaqgħu taħt it-Titoli V u VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni ta' l-UE tiġi espressa minn rappreżentant tal-Presidenza tal-Kunsill. Il-konsistenza sħiħa tal-pożizzjoni ta' l-UE għandha tkun assigurata. L-Istati Membri għandhom ikunu infurmati bil-laqgħat tas-Sottokumitat u mistiedna għalihom.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

Proġett ta' l-1.6.2006

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE/TUNEŻIJA

Li joħloq Sottokumitat dwar “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni”.

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra,

Billi:

(1) Ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma parti integrali u essenzjali mill-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Mediterranji tagħha.

(2) Minħabba l-importanza tagħhom bħala element essenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, dawn il-materji se jkunu diskussi fl-organi differenti stabbiliti mill-Ftehim.

(3) Il-Politika tal-Viċinat tistabbilixxi għaliha nnifisha miri ambizzjużi, ibbażati fuq l-impenn, rikonoxxut reċiprokament, għal valuri komuni li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

(4) Il-kumplessità teknika tar-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, imnissla mit-twettiq tal-Ftehimiet Ewro-Mediterranji u kif ukoll mit-tkomplija tas-sħubija Ewro-Mediterranja, qiegħda dejjem tikber.

(5) It-twettiq tal-prijoritajiet tas-sħubija u t-tqarrib tal-leġiżlazzjonijiet għandu jinżamm taħt osservazzjoni. Il-kompetenzi ta’ l-UE jwaqqfu qafas li fih ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi Mediterranji jistgħu jiżviluppaw billi jitqiesu l-koerenza u l-ekwilibriju ġenerali tal-Proċess ta’ Barċellona.

(6) Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni diġà ddeċieda li joħloq Sottokumitat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni sabiex jipprovdi qafas istituzzjonali xieraq għat-twettiq u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni.

(7) L-Artikolu 84 tal-Ftehim jipprevedi t-twaqqif ta' gruppi ta’ ħidma jew organi meħtieġa għat-twettiq tal-Ftehim.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Huwa b'dan imwaqqaf is-Sottokumitat "Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija" fi ħdan il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija, u r-regoli ta’ proċedura tiegħu li jinsabu fl-Anness 1 huma b'dan adottati.

Il-materji li huma parti mill-mandat tas-Sottokumitat "Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija" jistgħu wkoll jitqajmu fuq livell aktar għoli fil-qafas tad-djalogu politiku bejn l-UE u t-Tuneżija.

Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jieħu l-miżuri kollha l-oħra meħtieġa sabiex jiżgura li s-Sottokumitat jiffunzjona sew u jinforma b’dan lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.

Magħmula fi il-

Mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

ANNESS 1

Regoli ta’ Proċedura

Sottokumitat UE-Tuneżija Nru 7

Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija

1. Kompożizzjoni u presidenza

Is-Sottokumitat għandu jkun jikkonsisti fir-rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha u fir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija. Il-presidenza tiegħu għandha talterna bejn iż-żewġ partijiet.

2. Rwol

Is-Sottokumitat jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni u għandu jirrapporta lilu wara kull laqgħa. Is-Sottokumitat m'għandux il-poter li jieħu deċiżjonijiet. Madanakollu huwa għandu l-poter li jagħmel proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

3. Suġġetti

Is-Sottokumitat għandu jeżamina t-twettiq tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-oqsma mniżżla hawn taħt. Huwa wkoll il-mekkaniżmu tekniku ewlieni ta' segwitu għat-twettiq ta' l-azzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazijia tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija tal-Politika tal-Viċinat. B'mod partikolari, huwa jevalwa l-progress f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqarrib, it-twettiq u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet. Fejn ikun relevanti, l-inizjattivi tal-kooperazzjoni f'dan il-qasam bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiġu studjati f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat. Is-Sottokumitat jevalwa l-progress milħuq u jeżamina l-problemi kollha li jistgħu jinqalgħu fl-oqsma mniżżla hawn taħt u jissuġġerixxi miżuri li jistgħu eventwalment jiġu adottati.

3. a - L-istat tad-dritt u d-demokrazija, u b’mod partikolari: it-tisħiħ tad-demokrazija u ta' l-istat tad-dritt; l-indipendenza tal-ġustizzja, l-aċċess għaliha u l-immodernizzar tagħha.

3. b - Ratifikazzjoni u twettiq tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u progress fil-proċess ta' ratifikazzjoni tal-protokolli mhux obbligatorji tal-konvenzjonijiet li t-Tuneżija hija parti għalihom.

3. c - Rinfurzar tal-kapaċità amministrattiva ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali.

Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u materji oħra f'dan il-kuntest ta' applikazzjoni, inkluż kwistjonijiet orizzontali bħall-istatistika jistgħu jiġu miżjuda mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija. Jistgħu jitqajmu wkoll każijiet individwali meta mitlub minn waħda mill-partijiet.

Laqgħa tas-Sottokumitat tista’ tiddiskuti suġġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ qasam wieħed, aktar minn wieħed jew l-oqsma kollha msemmija hawn fuq.

4. Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tat-Tuneżija għandhom jaġixxu b'mod konġunt bħala segretarji permanenti tas-Sottokumitat.

Il-komunikazzjonijiet kollha li jirrigwardaw is-Sottokumitat għandhom jiġu mgħoddija lis-segretarji tas-Sottokumitat.

5. Laqgħat

Is-Sottokumitat jiltaqa' kull meta ċ-ċirkostanzi jitolbu dan u mill-inqas darba fis-sena. Tista’ tissejjaħ laqgħa fuq bażi ta’ talba minn parti jew minn oħra, li titwassal mis-segretarju ta' dik il-parti, li jgħaddi t-talba lill-parti l-oħra. Is-segretarju tal-parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol sa minn meta tasal it-talba għal laqgħa tas-Sottokumitat.

Kull laqgħa tas-Sottokumitat issir fid-data u l-post li jaqblu dwarhom iż-żewġ naħat.

Għal kull parti, il-laqħat jissejħu mis-segretarju ta' dik il-parti bi qbil mal-President. Qabel kull laqgħa, il-President jiġi infurmat dwar min ikun ippjanat li se jieħu sehem fid-delegazzjoni ta’ kull parti.

Jekk iż-żewġ naħat jaqblu, is-Sottokumitat jista’ jistieden lil xi esperti għal-laqgħat tiegħu sabiex dawn jipprovdu tagħrif speċifiku.

6. Aġenda tal-laqgħat

It-talbiet kollha għal punti li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tas-Sottokumitat għandhom jiġu mgħoddija lis-segretarji tas-Sottokumitat.

Għandha titħejja aġenda provviżorja mill-President għal kull laqgħa. L-aġenda tiġi mgħoddija lill-parti l-oħra mis-segretarju tas-Sottokumitat sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem qabel il-bidu ta' kull laqgħa.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li għalihom is-segretarji jkunu rċevew talba sabiex dawn ikunu inklużi fl-aġenda sa mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dokumentazzjoni relatata għandha tiġi rċevuta miż-żewġ naħat mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni każijiet partikolari u/jew urġenti, dawn id-dati ta' l-għeluq jistgħu jitqassru wara qbil miż-żewġ naħat.

Għandha tiġi adottata l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa.

7. Minuti

Il-minuti għandhom jitħejjew u jiġu approvati miż-żewġ segretarji wara kull laqgħa. Kopja tal-minuti, inklużi l-proposti tas-Sottokumitat għandhom jiġu mgħoddija mis-segretarji tas-Sottokumitat lis-segretarji u lill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

8. Pubbliċità

Minbarra f'każijiet meta jiġi deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-Sottokumitat m'għandhomx ikunu pubbliċi u l-minuti tagħhom għandhom ikunu kunfidenzjali.

[1] ĠU C […], […], p. […].

Top