This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0684
Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council banning the placing on the market and the import of or export from the Community of cat and dog fur and products containing such fur
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li għandhom pil ta’ din ix-xorta {SEG(2006) 1448} {SEG(2006) 1449}
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li għandhom pil ta’ din ix-xorta {SEG(2006) 1448} {SEG(2006) 1449}
/* KUMM/2006/0684 finali - COD 2006/0236 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 20.11.2006 KUMM(2006) 684 finali 2006/0236 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li għandhom pil ta’ din ix-xorta (preżentata mill-Kummissjoni){SEG(2006) 1448}{SEG(2006) 1449} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA ( Raġunijiet għall-proposta u għanijietha Din il-proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hi intenzjonata li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni u l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u l-klieb u tal-prodotti tiegħu. Hi tistabbilixxi wkoll rekwiżiti ta’ informazzjoni li l-għan tagħhom hu li jkun żgurat li informazzjoni dwar metodi ġodda ta’ detezzjoni jsiru disponibbli għall-Kummissjoni u skambjati fost l-Istati Membri, bl-iskop tat-twaqqif possibbli ta’ metodoloġiji komuni ta’ detezzjoni fil-livell ta’ l-UE biex tiġi identifikata l-ispeċi ta’ l-oriġini tal-pil u l-prodotti tal-pil importati jew mqegħdin fis-suq. Il-projbizzjonijiet huma intenzjonati li jieħdu post id-diversi miżuri eżistenti stabbiliti f’diversi Stati Membri biex tiġi implimentata projbizzjoni ta’ produzzjoni u/jew ta’ kummerċ ta’ pil mill-qtates u l-klieb, u għandhom l-għan li jipprevjenu ostakoli għall-iffunzjonar tas-Suq Intern u għalhekk b’mod ġenerali jiżguraw il-moviment ħieles tal-pil u tal-prodotti tal-pil. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-abbozz ta’ regolament għandu l-għan ukoll li jiżgura li l-pil tal-qtates u tal-klieb u l-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta (il-pil użat ukoll bħala inforra jew ornament fuq il-ħwejjeġ, jew fuq il-ġugarelli) li l-produzzjoni tagħhom issir barra mill-Komunità ma jkunux jistgħu jiġu importati fiha jew ma jitħallewx jiġu esportati barra mill-Komunità. Teżisti evidenza li pil tal-qtates u tal-klieb u prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta qed attwalment jiddaħħlu fl-UE u jiġu kkummerċjalizzati fi ħdanha, mhux iddikjarati bħala tali, anke jekk hu diffiċli li jiġi kkwantifikat il-porzjon tal-pil tal-qtates u tal-klieb miċ-ċifri ġenerali li jirrigwardaw il-kummerċ tal-pil b’mod ġenerali. L-evidenza disponibbli tissuġġerixxi li l-parti l-kbira ta’ dawn il-prodotti joriginaw minn pajjiżi terzi, peress li ma teżisti ebda drawwa ta’ trobbija tal-qtates u l-klieb għal finijiet ta’produzzjoni tal-pil fl-Istati Membri. Għal diversi snin il-konsumaturi kienu kkonċernati dwar il-possibbiltà li huma setgħu kien qed jixtru pil jew prodotti tal-pil magħmula mill-qtates jew mill-klieb. Peress li dawn l-annimali meqjusin bħala annimali ħbieb tal-bniedem, il-pil u l-prodotti tal-pil tagħhom meqjusa b’mod ġenerali li mhumiex aċċettabbli għal raġunijiet etiċi. Il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri rċevew matul dawn l-aħħar snin numru kbir ta’ ittri u petizzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u l-klieb, dawn esprimew l-istmerrija u d-diżgust profond tagħhom rigward il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti tal-pil. Dawn is-sentimenti kienu mqanqla permezz ta’ xeni ppreżentati fuq l- internet u mxandra fuq it-televiżjoni fejn intwera kif il-qtates u l-klieb esplojtjati għal produzzjoni tal-pil qed jiġu ttrattati fl-Asja. Il-filmat juri l-mod krudili li bih l-annimali jinqatlu u jitqaxxru ħajjin. Il-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi huma parzjalment spjegati mill-fatt li l-pil tal-qtates u tal-klieb mhux faċli li jingħaraf minn pil ieħor u minn materjal sintetiku magħmul biex jimita l-pil. Peress li l-pil tal-qtates u tal-klieb hu wkoll anqas għoli minn tipi oħra ta’ pil u jista’ jintuża bħala sostitwent għal tipi ta’ pil li jiswew aktar, jeżisti inċentiv għal prattiċi inġusti u frodulenti fl-esplojtazzjoni ta’ prodotti tal-pil, inklużi tikketti frodulenti u qarrieqa u prattiċi oħra li l-għan tagħhom hu li jaħbu n-natura vera jew l-oriġini tal-prodott. Minħabba l-preokkupazzjonijiet espressi mill-konsumaturi u miċ-ċittadini, diversi Stati Membri adottaw (jew għaddejjin bil-proċess ta’ adozzjoni jew ta’ eżaminazzjoni) leġiżlazzjoni li l-għan tagħha hu li tillimita jew tipprojbixxi l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni tal-pil mill-qtates u mill-klieb. Il-leġiżlaturi nazzjonali qed jittrattaw il-kwistjoni permezz ta’ diversi miżuri, li jvarjaw mill-projbizzjoni ta’ trobbija tal-qtates u l-klieb għal finijiet tal-produzzjoni tal-pil, għall-projbizzjoni tal-produzzjoni u/jew ta’ l-importazzjoni tal-pil prodott minn dawn l-annimali jew għall-inforzar tar-rekwiziti ta’ dawn it-tikketti. F’ċerti każijiet, ir-restrizzjonijiet jinvolvu biss il-qtates u l-klieb, filwaqt li oħrajn ikopru wkoll annimali domestiċi oħra. Żieda fl-għarfien u fil-pressjoni mill-pubbliku fuq il-leġiżlaturi nazzjonali se tirriżulta probabbilment f’aktar inizjattivi leġiżlattivi fl-Istati Membri li l-għan tagħhom hu li jwieġbu għall-preokkupazzjoni mifruxa maħluqa mill-informazzjoni u d- data li qed tkun disponibbli dwar il-qtil ta’ annimali ħbieb tal-bniedem għal finijiet ta’ produzzjoni tal-pil. 15-il Stat Membru għandhom leġiżlazzjoni għall-effett tar-restrizzjoni tal-produzzjoni ta’ pil tal-qtates u tal-klieb jew tal-kummerċ ta’ prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta. Filwaqt li jidher li hemm kunsens wiesa’ ħafna fost l-Istati Membri kollha dwar l-inaċċettabilità tal-kummerċ u l-importazzjonijiet tal-pil tal-qtates u tal-klieb fil-Komunità, il-koeżistenza ta’ diversi strumenti leġiżlattivi li kollha kemm huma għandhom l-għan li jirrimedjaw l-istess problema, jimplika li n-negozjanti qed jiffaċċjaw sett ta’ diversi rekwiżiti legali fid-diversi Stati Membri li fihom jew minnhom jixtiequ jikkummerċjalizzaw, jimportaw jew jesportaw. Bħala konsegwenza, is-suq intern tal-pil jista’ jiġi fframmentat: (a) peress li l-ko-eżistenza ta’ varjetà ta’ rekwiżiti legali timpedixxi pil “normali” importat jew prodott fil-Komunità b’mod leġittimu milli jiċċirkola b’mod ħieles fil-limiti tal-konfini tagħha, il-flussi kummerċjali intra-Komunitarji jiġu suġġetti għal numru ta’ diversi restrizzjonijiet inforzati fil-livell nazzjonali; (b) peress li n-negozjanti jeħtiġilhom jaġġustaw il-prattiċi kummerċjali tagħhom għad-diversi dispożizzjonijiet fis-seħħ f’kull Stat Membru, huma jkunu b’hekk qed jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali pereżempju minħabba n-neċessità li jakkwistaw kompetenza legali speċifika jew tal-ħtieġa li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti dwar it-tikketti; (c) peress li l-konsumaturi tal-prodotti tal-pil b’mod ġenerali qed ikunu skoraġġuti milli jixtru bejn il-fruntieri, minħabba l-inċertezza fir-rigward tal-qafas legali applikabbli f’pajjiż ieħor li mhux dak tagħhom. Inċertezza ta’ din ix-xorta topera bħala fattur dissważiv għal dawk il-konsumaturi li jixtiequ jevitaw li jixtru pil tal-qtates u tal-klieb jew li jikkontribwixxu f’kwalunkwe mod għal kummerċ ta’ din ix-xorta. It-Trattat ma jippermettix lill-Komunità li tilleġiżla abbażi ta’ preokkupazzjonijiet etiċi. Mill-banda l-oħra xi Stati Membri kkunsidraw dawn il-preokkupazzjonijiet biex jilleġiżlaw f’oqsma bħal dan li qed jiġi ttrattat bħalissa. Madankollu, it-Trattat jattribwixxi lill-Komunità li tadotta miżuri li l-għan tagħhom hu li jipprevjenu ostakoli li jistgħu jaffettwaw it-tħaddim tas-Suq Intern. Il-kummerċ tal-pil mill-annimali hu kummerċ leġittimu skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għalhekk ostakoli għal kummerċ ta’ din ix-xorta għandhom jiġu opponuti. Jirriżulta mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li fejn jeżistu diffikultajiet bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li huma tali mod li jostakolaw il-libertajiet fondamentali u b’hekk għandhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern, miżuri Komunitarji huma ġġustifikati sabiex ostakoli ta’ din ix-xorta ma jitħallewx iseħħu. Kif il-Qorti indikat fis-sentenza tagħha fl-14 ta’ Diċembru 2004 fil-kawża C-434/02 ( Arnold André ), “fejn jeżistu ostakoli għall-kummerċ jew fejn hu probabbli li ostakoli ta’ din ix-xorta se jitfaċċaw fil-futur minħabba li l-Istati Membri ħadu jew se jieħdu miżuri diverġenti fir-rigward ta’ prodott jew klassi ta’ prodotti b’tali mod li jiżguraw diversi livelli ta’ protezzjoni u b’hekk ma jħallux li l-prodott jew prodotti kkonċernati milli jiċċirkolaw b’mod ħieles fi ħdan il-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza l-leġiżlatura Komunitarja biex tintervjeni billi jiġu adottati miżuri xierqa, skond l-Artikolu 95(3) KE u skond il-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati fil-ġurisprudenza, b’mod partikulari l-prinċipju tal-proporzjonalità. Skond iċ-ċirkostanzi, dawn il-miżuri xierqa jistgħu jikkonsistu f’[…]li jipprojbixxu s-suq b’mod proviżorju jew definittiv mill-prodott jew prodotti”. Wara li jiġi wkoll ikkunsidrat l-għarfien u l-anzjetà tal-pubbliku bil-preżenza ta’ pil tal-qtates u tal-klieb fis-suq tal-pil u fil-prodotti tal-pil hu probabbli li aktar ostakoli għall-moviment ħieles ta’ dawn il-prodotti se jitfaċċaw bl-adozzjoni ta’ regoli ġodda fl-Istati Membri biex ma jitħallix it-tqegħid fis-suq tal-pil tal-qtates u tal-klieb. L-armonizzazzjoni tad-diversi projbizzjonijiet u/jew miżuri restrittivi oħra attwalment fis-seħħ hu l-aktar mod sempliċi u ħafif li ma jitħallewx ostakoli fis-suq tal-pil ta’ l-annimali. L-evidenza magħmula disponibbli għall-Kummissjoni twassal li jiġi kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-prodotti tal-pil tal-qtates u tal-klieb preżenti fil-Komunità toriġina minn pajjiżi terzi. Għalhekk, il-projbizzjoni kummerċjali għandha tkun akkumpanjata bi projbizzjoni ekwivalenti fuq l-importazzjonijiet ta’ l-istess prodotti fil-Komunità. Il-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni, filwaqt li tirrinforza l-projbizzjoni fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, twieġeb ukoll għall-preokkupazzjonijiet etiċi espressi mill-konsumaturi ta’ l-UE fir-rigward ta’ introduzzjoni possibbli fil-Komunità ta’ pil minn annimali li jitbiċċru b’mod inuman. Il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjonijiet għandha tiżgura li pil tal-qtates u tal-klieb u prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta ma jkunux prodotti fil-Komunità għal finijiet ta’ esportazzjoni. ( Kuntest ġenerali Hemm talba politika qawwija biex jiġi projbit il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb jew tal-prodotti tal-pil. L-Istati Membri talbu diversi drabi lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattiva ħalli jiġi projbit il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb jew tal-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta fil-Kominità. F’Diċembru 2003, il-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar il-projbizzjoni tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb li titlob lill-Kummissjoni biex tabbozza regolament bis-saħħa tal-poteri tas-suq intern biex jiġu projbiti l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ u l-produzzjoni tal-pil u ġlud tal-qtates u tal-klieb, sabiex tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozjanti li jbigħu bl-imnut u biex jintemm dan il-kummerċ. Il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikultura f’Novembru 2003 u għal darb’oħra f’Mejju 2005 talab b’maġġoranza kbira inizjattiva fil-livell Komunitarju biex jitwaqqaf il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti tal-pil. Dawn enfasizzaw li projbizzjoni fil-livell Komunitarju għandha tkun aktar effettiva minn projbizzjonijiet nazzjonali li ma jistgħux ikunu effettivi. Xi Stati Membri diġà introduċew projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb. ( Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Il-projbizzjonijiet proposti huma konsistenti mal-prattiċi normali tal-biedja fil-Komunità u huma mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità applikabbli fis-settur ta’ l-agrikultura. Bil-projbizzjoni mis-suq ta’ prodotti li joġġezzjonaw għalihom il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi, din il-proposta se tikkontribwixxi biex tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumaturi fl-aċċettabilità tal-prodotti li t-tqegħid tagħhom fis-suq hu rregolat fil-livell Komunitarju. Barra minn dan, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ l-importazzjoni, din hi wkoll konformi ma’ l-Artikolu XX(a) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ u t-Tariffi (GATT), li bis-saħħa tiegħu l-adozzjoni jew ir-rinforz minn kull parti kontraenti ta’ miżuri neċessarji għal protezzjoni tal-moralitajiet pubbliċi jitħallew isiru bil-kundizzjoni li miżuri ta’ din ix-xorta ma jiġux applikati b’mod li jista’ jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux iġġustifikata. L-adozzjoni kontestwali tal-projbizzjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju tiżgura konformità mar-rekwiżiti tal-GATT. 2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT ( Konsultazzjoni mal-partijiet interessati L-Istati Membri esprimew ix-xewqa tagħhom għal projbizzjoni tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb waqt il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikultura f’Novembru 2003 u f’Mejju 2005, billi indikaw li projbizzjonijiet nazzjonali ta’ kummerċ mhumiex effettivi daqs kemm hi inizjattiva fil-livell Komunitarju. Diversi Membri tal-Parlament Ewropew wettqu b’mod attiv kampanja favur inizjattiva Komunitarja. Kwantità kbira ta’ ittri ntbagħtu lill-Kummissjoni matul dawn l-aħħar snin minn ċittadini preokkupati li esprimew stmerrija u diżgust profondi fir-rigward ta’ dan il-kummerċ. Il-Kummissjoni kienet f’kuntatt mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Pil, li enfasizzat li l-membri tagħha, li fil-parti l-kbira tagħhom jimmiraw is-sezzjoni għolja tas-suq, mhumiex qed jikkummerċjalizzaw pil tal-qtates u tal-klieb, filwaqt li ammettiet li l-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb hu diffiċli li jiġi ttraċċat. Il-Federazzjoni esprimiet ukoll il-preokkupazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ aktar inizjattivi possibbli li l-għan tagħhom ikun il-projbizzjoni b’mod ġenerali mis-suq ta’ l-UE, peress li dawn jisfrattaw għal kollox il-kummerċ tagħhom. L-iskop ta’ din il-proposta u l-ġustifikazzjoni tagħha jwieġbu għal preokkupazzjonijiet ta’ din ix-xorta. ( Ġbir u użu ta’ għarfien espert Data dwar il-kummerċ tal-pil miġbura mill-EUROSTAT u li tipprovdi ċ-ċifri li ġejjin IMPORTAZZJONI TOTALI TA’ PIL MHUX MAĦDUM FL-UE 25 (tunnellati) Sena | Importazzjoni totali | Miċ-Ċina | Sors prinċipali | 1998 | 1101,5 | 22,1 | In-Norveġja 383,1 | 2005 | 1254,9 | 39,3 | Il-Kanada 288,7 | IMPORTAZZJONI TOTALI TA’ PIL FL-UE 25 (tunnellati) Sena | Importazzjoni totali | Miċ-Ċina | Sors prinċipali | 1998 | 3780,4 | 531,5 | Iċ-Ċina | 2005 | 4051,8 | 1295,6 | Iċ-Ċina | IMPORTAZZJONI TOTALI TA’ ĦWEJJEĠ, TA’ AĊĊESSORJI TAL-ĦWEJJEĠ U TA’ OĠĠETTI OĦRA TAL-PIL skond il-kodiċi 4303 fl-EU 25 (tunnellati) Sena | Importazzjoni totali | Miċ-Ċina | Sors prinċipali | 1998 | 1985,5 | 890,2 | Iċ-Ċina | 2005 | 3001,6 | 2128 | Iċ-Ċina | Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, mhemm ebda data uffiċjali disponibbli dwar il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb. Kwestjonarju immirat biex jiġbor informazzjoni dwar leġiżlazzjoni eżistenti u prevista dwar il-kwistjoni u dwar il-metodi ta’ traċċar użati biex jiġu inforzati l-projbizzjonijiet nazzjonali ntbagħat lill-Istati Membri (ara r-riżultati li jidhru fl-analiżi ta’ l-impatt). ( Valutazzjoni ta’ l-impatt L-għażliet identifikati ta’ politika kienu kif ġej: Ebda azzjoni Din l-għażla tħalli s-sitwazzjoni attwali kif inhi u għalhekk ma tweġibx għall-ostakoli eżistenti għat-tħaddim tas-suq intern għal prodotti tal-pil. Lanqas mhi se tindirizza l-isfrattar ġdid li se jolqot probabbilment lis-suq minħabba l-adozzjoni imminenti ta’ miżuri leġiżlattivi ġodda mid-diversi Stati Membri. Il-preokkupazzjoni tal-pubbliku li dejjem tiżdied dwar il-pil tal-qtates u l-klieb jew tal-prodotti tal-pil li jitqegħdu fis-suq intern minkejja sentiment mifrux ta’ stmerrija għal prodotti ta’ din ix-xorta se tibqa’ wkoll mhux indirizzata. Projbizzjonijiet nazzjonali u miżuri restrittivi oħra adottati fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb mhumiex kapaċi jneħħu l-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi. Projbizzjoni tal-kummerċ, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pil tal-qtates u l-klieb u tal-prodotti li jinkluduh Din l-għażla tindirizza b’mod dirett il-qofol tal-kwistjoni li qed tiġi ttrattata b’varjetà ta’ strumenti differenti fil-livell ta’ l-Istati Membri (il-preżenza mhix mixtieqa tal-pil tal-qtates u tal-klieb fis-suq tal-pil jew fil-prodotti tal-pil), biex b’hekk telimina l-ħtieġa li l-pil u n-negozjanti tal-prodotti tal-pil jaġġustaw l-imġiba kummerċjali tagħhom għad-diversi rekwiżiti fis-seħħ fid-diversi Stati Membri. Fl-istess waqt, din l-għażla għandha twieġeb għax-xewqat tal-pubbliku li l-pil mill-qtates u l-klieb jew minn prodotti ta’ din ix-xorta ma jiġux importati u/jew mqegħdin aktar fis-suq intern. Din se tevita li l-konsumaturi jiġu skoraġġuti milli jixtru l-pil jew il-prodotti tal-pil minħabba li ma jkunux ċerti li l-pil li jkunu qed jixtru hux ta’ annimali li tradizzjonalment huma mrobbija għal dan l-iskop. Hemm ftit wisq data disponibbli dwar il-kummerċ jew l-importazzjonijiet tal-pil tal-qtates u tal-klieb jew dwar il-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta, għalkemm wieħed jista’ jassumi minn evidenza aneddottali disponibbli li prodotti ta’ din ix-xorta jirrappreżentaw parti marġinali tal-volum globali tal-pil u tal-prodotti tal-pil li qed jiġu kkummerċjalizzati jew importati fil-Komunità. Għalhekk, hu impossibbli li jiġu kkwantifikati b’mod eżatt l-effetti ta’ projbizzjoni li ma tħallix li jseħħu kummerċ u importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ din ix-xorta. Għal din ir-raġuni wieħed jista’ jassumi li l-volum tal-kummerċ tal-pil u tal-prodotti tal-pil meħudin minn annimali li normalment jitrabbew għal produzzjoni tal-pil mhux se jiġi probabbilment affettwat bl-inforzar tal-projbizzjoni proposta. Evidentement, din l-istqarrija ma tapplikax għal kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta li mhumiex iddikjarati bħala tali, b’dan il-kummerċ jibqa’ illegali f’ħafna Stati Membri. Awto-regolamentazzjoni Jeżistu diġà skemi volontarji ta’ tikketti li l-għan tagħhom hu li jidentifikaw l-ispeċi tal-pil. Dawn l-inizjattivi ġew approvati minn assoċjazzjonijiet tal-pil fl-Italja, il-Ġermanja, in-Normandija u r-Renju Unit. F’Settembru 2003, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Pil, federazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet u ta’ orġanizzazzjonijiet tal-kummerċ li tirrappreżenta s-setturi kollha tal-kummerċ tal-pil fi 30 pajjiż mifruxa mad-dinja kollha[1], ippreżentat inizjattiva għal tikketta ġdida biex titjib l-informazzjoni mogħtija lill-konsumatur. Din it-tikketta tagħti l-isem xjentifiku bil-Latin kif ukoll l-isem ta’ l-ispeċi kemm bil-lingwa lokali u/jew traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż. L-iskema ġiet approvata fl-Italja mill-Organizzazzjoni Taljana għall-Istandardizzazzjoni[2] (UNI). Din l-iskema ta’ tikketti hi l-aktar użata għal pil ta’ kwalità għolja. Minħabba n-natura partikulari tal-kummerċ, skemi volontarji ta’ tikketti mhumiex normalment osservati minn negozjanti li jikkummerċjalizzaw il-pil tal-qtates u tal-klieb jew prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta. Barra minn hekk, skemi li jeżistu diġà mhux dejjem jinkludu tikketta dwar il-pil użat bħala ornament u għal inforra jew ġugarelli. Skemi volontarji ta’ tikketti mhumiex sodisfaċenti bħala tweġiba għal tikketti qarrieqa jew kummerċ illeġali u pprovaw lilhom infusuhom inutli milli jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ pil tal-qtates u tal-klieb fil-Komunità. Il-konsumaturi huma preokkupati dwar ix-xiri ta’ pil tal-qtates u tal-klieb anki jekk il-prodott ikollu tikketta peress li kien hemm rapporti ppubblikati fil-gazzetti u mxandra fuq it-televiżjoni li pil tal-qtates u tal-klieb qed jinbiegħ b’tikketta frodulenti taħt l-isem ta’ speċi oħra jew taħt isem immaġinarju. Skema obbligatorja ta’ tikketti Din l-għażla se twassal għall-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ tikketti obbligatorji għal pil kollu u għal prodotti li għandhom il-pil, fejn il-prodotti kollha ta’ din ix-xorta għandhom juru tikketta b’tali mod li tiġi identifikata l-ispeċi li minnhom il-pil (jew il-komponent tal-pil) ikun ġie akkwistat. Rekwiżit ġenerali ta’ din ix-xorta għandu jimponi piż konsiderevoli fuq in-negozjanti tal-pil (inklużi dawk li ma jikkummerċjalizzawx fil-pil tal-qtates u tal-klieb), li mhux proporzjonat mar-riżultat mixtieq, peress li l-pil mill-qtates u l-klieb jirrappreżenta biss porzjon żgħir tal-kummerċ tal-pil fis-suq Ewropew. Tikketti obbligatorji se jkunu partikularment ta’ piż u jqumu ħafna fil-każ ta’ prodotti żgħar u/jew ta’ valur baxx li għandhom fihom il-pil, fejn il-preżenza miniskuli ta’ komponent ta’ pil se tobbliga l-identifikazzjoni ta’ l-oriġini tal-pil użat. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA ( Sommarju ta’ l-azzjoni proposta Ir-Regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta u jirrikjedi li l-Istati Membri jgħarrfu lil xulxin dwar metodi analitiċi użati biex jiġi identifikat il-pil tal-qtates u tal-klieb. ( Bażi legali Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 95 u 133 tat-Trattat. Fl-abbozzar ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod xieraq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn il-Qorti stabbilit il-kundizzjonijiet għar-rikors ta’ l-Artikolu 95 (Sentenzi dwar Arnold André ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, C-434/02, il-punt 34 u dwar Swedish March , C-210/03, il-punt 33; British American Tobacco and Imperial Tobacco , C-491/01 ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, il-punti 60 u 61 ; C-66/04 ta’ Diċembru 2005, il-punt 41 u C-154/04 u C-155/04 ( Alliance for Natural Health ), il-punt 32). Peress li l-proposta għandha wkoll l-għan li tipprojbixxi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti in kwistjoni minn barra mill-Komunità, meħtieġa wkoll referenza għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 133. Il-proposta għandha fil-fatt żewġ komponenti peress li ssegwi simultanjament żewġ għanijiet differenti (il-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju u l-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet u ta’ esportazzjonijiet) li huma marbuta b’mod inseparabbli fejn ebda wieħed minnhom mhu sekondarju u indirett fir-rigward ta’ l-ieħor. Il-proċeduri stabbiliti għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja respettivament skond l-Artikoli 95 u 133 mhumiex inkompatibbli ma’ xulxin. ( Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta għandha l-għan li tarmonizza l-liġijiet li jikkonċernaw il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb jew ta’ prodotti ta’ pil. Din l-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju hi meħtieġa biex ma tħallix iseħħu ostakoli fis-suq għal produzzjoni tal-pil minn pil ta’ annimali fil-Komunità. Dan it-tip ta’ riżultat jista’ biss jiġi akkwistat permezz ta’ miżuri meħudin fil-livell Komunitarju. Miżuri nazzjonali, inklużi projbizzjonijiet totali, teoretikament rinforzati biss f’partijiet tas-suq intern, wrew lilhom infushom ineffettivi u qed jikkawżaw il-frammentazzjoni tas-suq tal-pil. L-Istati Membri esprimew l-opinjoni tagħhom li projbizzjoni tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti li għandhom il-pil fil-livell Komunitarju hi neċessarja peress li l-projbizzjonijiet nazzjonali mhumiex daqstant effettivi. L-Istati Membri li diġà introduċew projbizzjoni nazzjonali indikaw li meħtieġa projbizzjoni uniformi fil-livell Komunitarju li tipprojbixxi l-pil tal-qtates u l-klieb mis-suq intern. Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. ( Il-Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. It-tikketti tal-pil u tal-prodotti tal-pil mhumiex alternattiva għal projbizzjoni tal-kummerċ tal-pil tal-qtates u l-klieb jew tal-prodotti tal-pil. Tikketti ta’ din ix-xorta jneħħu l-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi rigward il-fatt li qtates u klieb jistgħu jiġu mbiċċra għal finijiet ta’ produzzjoni tal-pil u li għalhekk f’każ ta’ tikketti frodulenti jew qarrieqa jista’ jkunu qed jixtru pil tal-qtates u tal-klieb. Madankollu, fl-istadju preżenti, l-għażla li jiġi stabbilit rekwiżit obbligatorju ġenerali għall-pil kollu u għal prodotti tal-pil se timponi piż addizzjonali u sproporzjonat fuq l-industrija. Filwaqt li piż ta’ din ix-xorta se jkun bla dubju ta’ xejn għażla li trid tiġi kkunsidrata jekk avviċinament aktar orizzonatali għal kummerċ tal-pil kellu jkun investigat, jidher li din mhix meħtieġa fil-każ in kwistjoni peress li l-problema li trid tiġi solvuta hi l-preżenza (meqjusa b’mod komuni mhix mixtieqa) fis-suq ta’ pil akkwistat minn speċijiet ta’ annimali ħbieb tal-bniedem bħall-qtates u l-klieb. Madankollu, din qed tiġi proposta biex tiġi pprovduta possibbiltà limitata li tingħata deroga mill-projbizzjoni ġenerali għal pil tal-qtates u tal-klieb u għal prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta jekk jista’ jiġi żgurat li dawn joriġinaw mill-qtates u mill-klieb li ma kinux imrobbija jew maqtula għal produzzjoni tal-pil, u jekk dawn juru tikketti bħala tali, kif ukoll għal pil introdott jew esportat biss mill-Komunità għal użu personali. Fiċ-ċirkostanzi, il-projbizzjoni ta’ dan il-pil tikkostitwixxi miżura li għandha l-anqas toqol. ( Għażla ta’ strumenti Strument propost: Regolament. Dan joffri l-vantaġġi li jkollu applikazzjoni ġenerali u uniformi, li jkun ta’ natura li torbot fl-intier tiegħu u li jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha fl-istess jum, mingħajr il-piż amministrattiv addizzjonali ta’ att nazzjonali neċessarju sabiex jiġi traspost. Jekk meħtieġa biss għall-inforzar uniformi tar-Regolament, regoli komuni rigward il-metodi analitiċi li jridu jintużaw għal finijiet ta’ kontroll jistgħu jiġu stabbiliti bil-proċedura ta’ komitoloġija. Mezzi oħra mhux se jkunu adegwati. Direttiva teħtieġ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni u żżid ir-riskju ta’ applikazzjoni diverġenti. L-inforzar ta’ projbizzjoni jiddependi mill-Istati Membri filwaqt li dawn iżommu l-libertà ta’ kif jiżguraw li l-pil tal-qtates u l-klieb u l-prodotti tal-pil ma jitqegħdux aktar fis-suq, importati u esportati u biex jiżviluppaw il-metodi ta’ kif tiġi rinforzata l-projbizzjoni. ( Inforzar tal-projbizzjoni L-inforzar tal-projbizzjoni jeħtieġ id-disponibilità u l-miljorament tal-metodi biex jintgħaraf pil tal-qtates u tal-klieb minn dak ta’ speċijiet oħra (b’mod partikulari tal-volpi u tal-lupu). Peress li l-parti l-kbira tal-pil tal-qtates u tal-klieb jiġi prodott u proċessat f’pajjiżi terzi u jidħol fil-Komunità bħala parti minn ħwejjeġ jew ġugarell, il-metodi analitiċi għandhom jippermettu l-identifikazzjoni tal-pil tal-qtates u tal-klieb anki fejn il-pil ġie ttrattat (e.ż. miżbugħ, peress li ż-żebgħa tista’ teqred l-istruttura naturali tal-pil u anki teqred id-DNA). Diversi metodi huma disponibbli attwalment u rrapportati li qed jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri fejn projbizzjoni tal-kummerċ, l-importazzjoni u l-esportazzjoni hi diġà fis-seħħ. Il-metodi li joffru l-aktar riżultati li wieħed jista’ joqgħod fuqhom skond il-valutazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri huma: il-mikroskopija, l-analiżi tad-DNA u l-Ispettrometru tal-Massa MALDI-TOF. Dawn il-metodi jipprovdu diversi livelli ta’ kredibilità. B’mod partikulari l-Ispettrometru tal-Massa MALDI-TOF jista’ b’mod ġenerali jagħraf il-pil minn qtates u klieb domestiċi u riżultati reċenti jissuġġerixxu li dan hu probabbilment il-każ għal pil ittrattat. Fl-UE hemm ta’ l-anqas attwalment laboratorju wieħed li joffri din l-analiżi għal pil fuq skala kummerċjali. Il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa li t-teknoloġija meħtieġa biex jitwettaq l-Ispettrometru tal-Massa MALDI-TOF hi disponibbli f’diversi laboratorji fl-Istati Membri. Meta projbizzjoni mifruxa fl-UE kollha tkun fis-seħħ laboratorji oħra se jkunu jistgħu jwettqu din l-analiżi jekk huma jiżviluppaw il-bażi tad- data neċessarja. Minkejja l-użu ta’ diversi tekniċi għall-ittraċċar tal-pil tal-qtates u tal-klieb attwalment id-dħul fis-seħħ ta’ projbizzjoni mifruxa fl-UE kollha għandha twassal fil-futur għall-effett pożittiv ta’ l-applikazzjoni ta’ avviċinament komuni għall-inforzar mill-Istati Membri. Għalhekk xieraq li l-informazzjoni li tirrigwarda tekniċi ta’ din ix-xorta tiġi skambjata fost l-Istati Membri u tkun disponibbli għall-Kummissjoni, sabiex entitajiet ta’ rinforzar jinżammu aġġornati bl-innovazzjonijiet f’dan il-qasam. 4. IMPLIKAZZJONI BAġITARJA Il-proposta ma għandha ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità. 5. AKTAR TAGħRIF ( Klawsola ta’ eżami/reviżjoni/soppressjoni awtomatika Il-proposta ma tinkludi ebda waħda minn dawn il-klawsoli. ( Tabella ta’ korrelazzjoni Mhux applikabbli ( Iż-Żona Ekonomika Ewropea Din il-proposta tikkonċerna kwistjoni rilevanti għaż-ŻEE, u għalhekk għandha testendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. 2006/0236 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li għandhom pil ta’ din ix-xorta (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 95 u 133 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[3], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[5], Billi: (1) Teżisti evidenza tal-preżenza fil-Komunità ta’ pil mingħajr tikketta mill-qtates u l-klieb u ta’ prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta. Bħala konsegwenza, il-konsumaturi qed jippreokkupaw ruħhom dwar il-possibbiltà li jistgħu jkunu qed jixtru pil tal-qtates u tal-klieb u prodotti li jkollhom pil ta’ din ix-xorta. Fit-18 ta’ Diċembru 2003, il-Parlament Ewropew adotta Dikjarazzjoni li esprimiet il-preokkupazzjoni tiegħu dwar dan il-kummerċ u hi titlob li dan jintemm sabiex tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozjanti Ewropej. Kif rifless fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri ta’ l-Annimali 2006-2010[6], il-ħtieġa li jiġu adottati regoli dwar il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb malajr kemm jista’ jkun possibbli ġiet enfasizzata matul il-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-Agrikultura u s-Sajd tad-19 ta’ Ġunju 2006. (2) Bi tweġiba għal preokkupazzjoni tal-konsumaturi, diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li l-għan tagħha hu li ma tħallix isseħħ il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-pil tal-qtates u tal-klieb. (3) Jeżistu differenzi fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jrieġu l-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u t-tikketti tal-pil u tal-prodotti tal-pil bl-għan li pil tal-qtates u tal-klieb ma jitħalliex jitqiegħed fis-suq jew inkella jiġi użat għal finijiet kummerċjali. Filwaqt li xi Stati Membri adottaw projbizzjoni totali tal-produzzjoni ta’ pil mill-qtates u l-klieb bil-projbizzjoni tat-trobbija jew tal-qtil ta’ annimali ta’ din ix-xorta għal skopijiet ta’ produzzjoni ta’ pil, oħrajn adottaw restrizzjonijiet għall-produzzjoni u għall-importazzjonijiet tal-pil u tal-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta. F’xi Stati Membri ġew introdotti rekwiżiti dwar it-tikketti. L-għarfien miżjud taċ-ċittadini dwar il-kwistjoni se jwassal probabbilment biex aktar Stati Membri jadottaw miżuri aktar restrittivi fil-livell nazzjonali. (4) Bħala riżultat ta’ dan, in-negozjanti tal-pil, speċjalment dawk li jikkummerċjalizzaw il-pil li l-ispeċi ta’ oriġini tiegħu mhix inkluża u mhux traċċabbli faċilment jew dawk li jixtru prodotti li għandhom il-pil, qed jiffaċċjaw ir-riskju li l-prodotti in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati leġittimament f’wieħed jew f’aktar mill-Istati Membri, jew li kummerċ f’wieħed jew f’aktar mill-Istati Membri hu soġġett għal rekwiżiti addizzjonali li l-għan tagħhom hu li ma jħallux l-użu tal-pil tal-qtates u tal-klieb. (5) Id-differenzi bejn il-miżuri nazzjonali fir-rigward tal-pil tal-qtates u tal-klieb jikkostitwixxu ostakoli għal kummerċ tal-pil in ġenerali. Dawn il-miżuri jimpedixxu l-operat mingħajr xkiel tas-suq intern peress li l-eżistenza ta’ diversi rekwiżiti legali jxekklu l-produzzjoni tal-pil b’mod ġenerali u jagħmluha aktar diffiċli għal pil importat jew importat b’mod leġittimu fil-Komunità biex jiċċirkola b’mod ħieles fi ħdan il-Komunità. Id-diversi rekwiżiti legali fid-diversi Stati Membri wasslu biex in-negozjanti tal-pil ikollhom piżijiet u spejjeż addizzjonali. (6) Madankollu, konsumaturi li normalment jixtru prodotti tal-pil huma skoraġġuti milli jixtruhom fi Stati Membri oħra, minħabba l-inċertezza fir-rigward tal-qafas legali li hu applikabbi fihom. (7) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament għandhom għalhekk jiffaċilitaw t-tqegħid fis-suq tal-pil u tal-prodotti tal-pil minn speċijiet oħrajn li mhumiex qtates jew klieb u ma jħallix li jseħħ tfixkil fis-suq intern għal pil u l-prodotti tal-pil in ġenerali. (8) Biex tiġi eliminata l-frammentazzjoni attwali fis-suq intern tal-pil u l-prodotti tal-pil meħtieġa armonizzazzjoni fejn l-istrument l-aktar effettiv u proporzjonat biex jiġu opponuti dawn l-ostakoli li jiltaqa’ magħhom il-kummerċ minħabba rekwiżiti diverġenti għandu jkun il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq fil-Komunità u ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti li għandom pil ta’ din ix-xorta. (9) Rekwiżit dwar tikketti mhux adatti biex jintlaħaq l-istess riżultat peress li dan jitfa’ biss b’mod disproporzjonat piż fuq in-negozjanti tal-pil kollha, kemm jekk involuti fin-negozju tal-pil tal-qtates u l-klieb kemm jekk le. Ikun ukoll jiswa ħafna b’mod disproporzjonat fejn il-pil jirrappreżenta parti żgħira tal-prodott. (10) M’hemm ebda drawwa li jitrabbew qtates u klieb għal finijiet tal-produzzjoni tal-pil fil-Komunità, lanqas drawwa li jiġi mmanifatturat il-pil minn pil importat tal-qtates u tal-klieb. Fil-fatt jidher li l-maġġoranza kbira tal-prodotti tal-pil tal-qtates u tal-klieb preżenti fil-Komunità joriginaw minn pajjiżi terżi. Għalhekk, sabiex tkun aktar effettiva, il-projbizzjoni ta’ kummerċ intra-Komunitarju din għandha tkun akkumpanjata bi projbizzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ l-istess prodotti fi ħdan il-Komunità. Projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ din ix-xorta twieġeb ukoll għall-preokkupazzjonijiet etiċi espressi miċ-ċittadini għall-introduzzjoni possibbli fil-Komunità ta’ pil mill-qtates u mill-klieb, speċjalment peress li hemm indikazzjonijiet li dawn l-annimali jistgħu jinżammu u jitbiċċru b’mod inuman. (11) Projbizzjoni ta’ esportazzjonijiet tiżgura wkoll li l-pil tal-qtates u tal-klieb u l-prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta mhumiex prodotti fil-Komunità għall-esportazzjoni. (12) Madankollu, xieraq li tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ deroga minn din il-projbizzjoni ġenerali ta’ tqegħid fis-suq, ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni mill-Komunità tal-pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta jekk jista’ jiġi żgurat li dawn joriġinaw minn qtates u klieb li ma trabbewx jew ma nqatlux għal produzzjoni tal-pil u jekk iġorru tikketta bħala tali u għalhekk ma jkunx hemm effett negattiv fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tal-pil u l-prodotti tal-pil. Barra minn dan, xieraq li tiġi pprovduta l-possibbiltà ta’ deroga mill-projbizzjoni jekk il-pil jiġi biss introdott jew esportat mill-Komunità għall-użu personali u għalhekk jista’ jitqies li mhux qed ixekkel l-operat kif suppost tas-suq intern. (13) Il-miżuri biex jiġi projbit l-użu tal-pil tal-qtates u tal-klieb għal produzzjoni tal-fur għandhom jiġu inforzati bl-istess mod fil-Komunità kollha. Madankollu, it-tekniki użati attwalment biex jiġi identifikat il-pil tal-qtates u tal-klieb, bħalma huma l-analiżi tad-DNA, il-mikroskopija u l-Ispettrometru tal-Mass MALDI-TOF, ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Xieraq li l-informazzjoni rigward tekniki ta’ din ix-xorta tkun disponibbli għall-Kummissjoni, sabiex l-entitajiet ta’ rinforzar jinżammu aġġornati dwar l-innovazzjoni fil-qasam u tkun tista’ tiġi vvalutata l-possibbiltà li tiġi preskritta teknika uniformi. (14) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[7]. B’mod partikulari, meħtieġ li tiġi segwita l-proċedura regolatorja l-ġdida bi skrutinju għal miżuri ta’ skop ġenerali maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inkluż it-tħassir ta’ xi wħud minn dawn l-elementi jew billi jiġi ssostitwit l-istrument bl-addizzjoni ta’ elementi ġodda li mhumiex essenzjali. (15) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. (16) Peress li l-għan tal-miżuri li jridu jittieħdu, prinċipalment biex ma jħallux li jkun hemm ostakoli fit-tħaddim tas-suq intern billi jiġu armonizzati fil-livell Komunitarju l-projbizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti li għandhom pil ta’ din ix-xorta, ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jitwettaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Projbizzjonijiet It-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti oħra li għandhom pil ta’ din ix-xorta għandhom jiġu projbiti. Artikolu 2Definizzjonijiet Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: - ‘qattus’ jiġifieri kull annimal ta’ l-ispeċi felis catus ; - ‘kelb’ jiġifieri kull annimal ta’ l-ispeċi canis familiaris . Artikolu 3 Metodi għall-identifikazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-metodi analitiċi li huma jużaw biex jidentifikaw l-ispeċi ta’ oriġini tal-pil sa [t-30 ta’ Marzu 2009] u sussegwentement kull sena mhux aktar tard mit-[30 ta’ Marzu]. Artikolu 4Poteri implimentattivi Dawn li ġejjin jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2): 1. dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ metodi analitiċi biex tiġi identifikata l-ispeċi ta’ l-oriġini tal-pil; 2. dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-projbizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 1 għal pil ta’ din ix-xorta jew għal prodotti li għandhom pil ta’ dan it-tip - li għandhom tikketta li joriġinaw mill-qtates jew mill-klieb li ma trabbewx jew inqatlu għal produzzjoni tal-pil jew - li huma ħwejjeġ personali jew domestiċi introdotti fil-Komunità, jew esportati minnha. Artikolu 5Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’). 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a, paragrafi 1 sa 4, u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Artikolu 6Penali L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li jgħoddu għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġi implementat. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-[jj/xx/ssss], u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom. Artikolu 7 Dħul fis-seħħ u l-applikabilità Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea . Japplika mill-[1 ta’ Jannar 2008]. Dan ir-Regolament għandu japplika fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Fuq il- web : http://www.iftf.com/newhome.html [2] L-istandard UNI 11007. [3] ĠU C […], […], p. […]. [4] ĠU C […], […], p. […]. [5] ĠU C […], […], p. […]. [6] Id-dokument tal-Kunsill 10811/06 tat-22 ta’ Ġunju 2006. [7] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23, kif emendat l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE tas-17 ta’ Lulju 2006, ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11.