This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0566
Communication from the Commission to the European Parliament pursuant to the second subparagraph of Article 251 (2) of the EC Treaty concerning the common position of the Council on the adoption of a Regulation of the European Parliament and of the Council on the law applicable to non-contractual obligations ("Rome II")
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”)
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”)
/* KUMM/2006/0566 finali - COD 2003/0168 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 27.9.2006 KUMM(2006) 566 finali 2003/0168 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”) 2003/0168 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251 (2) tat-Trattat tal-KE li tikkonċerna pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (“Ruma II”) 1. SFOND Data ta' trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2003) 427 finali - 2003/0168 (COD) | 22.7.2003 | Data ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 2.6.2004 | Data ta’ l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 6.7.2005 | Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: | 21.2.2006 | Data ta' l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni (b’vot mill-maġġoranza kkwalifikata) | 25.9.2006 | 2. IL-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI Il-ġurisdizzjoni internazzjonali, l-għarfien u l-infurzar fi Stat Membru tas-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor huma trattati mir-Regolament Nru. 44/2001, li japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali kemm fir-rigward ta' obbligi kuntratrattwali kif ukoll fir-rigward ta' obbligi mhux kuntrattwali. Fir-rigward tal-liġi applikabbli, ir-regoli dwar il-kuntratti kienu armonizzati bejn l-Istati Membri bil- Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Madankollu, m’hemm l-ebda regoli ġenerali armonizzati fil-Komunità biex jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali. Il-proposta tal-Kummissjoni hi intiża biex jingħeleb dan in-nuqqas. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tarmonizza r-regoli legali applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali ta’ natura ċivili u kummerċjali (inċidenti tat-traffiku, responsabilità tal-prodotti, kompetizzjoni mhux ġusta eċċ.) u tkun adottata regola fl-UE kollha biex tiddetermina l-liġi applikabbli għal dawn l-obbligi. L-għanijiet ta’ l-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli huma li toffri livell ogħla ta’ ċertezza legali lill-individwi u l-operaturi ekonomiċi u tevita “xiri f’forum” li jwassal għal riżultati sostantivi potenzjalment differenti għall-partijiet li jiddependu fuq liema qorti se tisma’ l-kwistjoni. 3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI 3.1. Kummenti ġenerali Il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill iżżomm l-essenza tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni kif modifikata mill-proposta emendata li rriflettiet numru ta' emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. Id-differenzi sostantivi fil-pożizzjoni komuni meta mqabbla mal-proposta emnedata tal-Kummissjoni u l-emenda tal-Parlament huma kkummentati f’aktar dettal hawn taħt. 3.2. Tluq sostantiv mill-proposta emendata tal-Kummissjoni L-Artikolu 1(2)(g) jirrifletti l-proposta emendata tal-Kummissjoni (l-Artikolu 1(2)(h) fejn il-Kummissjoni ssuġġeriet l-esklużjoni mill-ambitu tal-ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità meta jitwettaq mill-midja . Madankollu l-pożizzjoni komuni tagħmel aktar minn hekk. Ma tillimitax din l-esklużjoni biss għall-obbligi mhux kuntrattwali aċċettati mill-midja, imma testendiha wkoll għal kollha u għal kwalunkwe obbligu mhux kuntrattwali. Ir-raġuni ewlenija għal din l-istrateġija kienet l-inabilità aħħarija ta’ ftehim dwar l-ambitu (definizzjoni) tal- midja f’dan il-kuntest. Din l-esklużjoni tittaffa bil-kliem tal-klawsola tar-reviżjoni (l-Artikolu 30) li tiffoka fuq l-attenzjoni fuq dan il-qasam speċifiku ta’ obbligu mhux kuntrattwali bħala suġġett speċifiku tar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament futur. L-Artikolu 5 dwar ir-responsabbiltà tal-prodott, fl-istrateġija ta’ abbozzar tiegħu, jitbiegħed b’mod konsiderevoli mill-proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 6 tal-proposta emendata), għalkemm mhux mill-intenzjoni tagħha. Il-pożizzjoni komuni tirrifletti l-bżonn għal regola speċifika dwar ir-responsabbiltà tal-prodotti li ġġib bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-vittma u l-persuna responsabbli. Il-Kummissjoni tkompli jiddispjaċiha bl-approċċ fil-pożizzjoni komuni li jipprovdi sistema kemmxejn kumplessa ta’ serje ta’ applikazzjoni tal-fatturi li jgħaqqdu. Tibqa’ persważa li s-soluzzjoni oriġinali tagħha toffri soluzzjoni bilanċjata bl-istess mod għall-interessi involuti, filwaqt li hija espressa f’abbozz aktar sempliċi. L-Artikolu 6 jestendi wkoll l-applikazzjoni tar-regola dwar il-kompetizzjoni mhux ġusta għal atti li jirristrinġu l-kompetizzjoni mhux ħielsa, filwaqt li fl-Artikolu 7 tal-proposta emendata tal-Kummisjsoni tapplika biss għal prattiċi kummerċjali mhux ġusti. segwi mill-Memorandum ta’ Spjega għall-proposta emendata (punt 3.4., Emenda 29) in-nuqqas ta’ regola espliċita għall-kazijiet ta' kompetizzjoni fil-proposta emendata kienet minħabba l-konsultazzjoni pubblika pendenti ta’ dak iż-żmien dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “Azzjonijiet ta’ dannu għal ksur ta’ regoli tal-KE dwar l- antitrust ". Verament, il-Kummissjoni ma riditx tantiċipa dik il-konsultazzjoni billi tinkludi mill-ewwel fil-proposta emendata tagħha regola legali applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin minn ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Madankollu l-Kummissjoni stipulat fil-Memorandum ta’ Spjega li fil-proċess tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, tista’ tappoġġja soluzzjoni differenti għall-każijiet tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni żżomm id-dritt li tagħmel dan partikularment sabiex tippreserva l-effettività tad-dritt tal-persuni naturali u legali li jfittxu kumpens għat-telf kawżat minn ksur ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni. Wara li kkunsidrat il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha li tista’ tappoġġja soluzzjoni differenti għall-każijiet tal-kompetizzjoni fil-proċess ta’ kodeċiżjoni. L-Artikolu 9 jintroduċi regola speċifika dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin minn azzjoni industrijali. Id-dispożizzjoni fuq dawn il-linji kienet parti mill-emendi tal-Parlament li l-Kummisjsoni m’aċċettatx u per konsegwenza ma kinitx inkluża fil-proposta emendata tagħha. It-test tad-dispożizzjoni fil-pożizzjoni komuni hu abboz ġdid li jipprova jagħti effett lill-oġġezzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni waqt id-diskussjonijiet fil-Kunsill. L-ambitu huwa definit b'mod aktar preċiż u hu, b'mod partikulari, limitat għall-kwistjoni ta' responsabbiltà ta' min iħaddem, ħaddiema u/jew trejd unjons fil-kuntest ta' azzjoni industrijali. Madankollu t-test għadu mhux ċar dwar jekk għandux ikun estiż għal relazzjonijiet vis-à-vis partijiet terzi u l-Kummissjoni tiddeplora dan in-nuqqas ta’ ċarezza. L-Artikolu 16 jitbiegħed mill-Artikolu 13 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni li fiha paragrafu addizzjonali li jittratta l-possibilità għall-qorti li ġġib fis-seħħ ir-regoli mandatorji aktar vasti ta’ pajjiż ieħor u mhux tal-pajjiż li l-liġi tiegħu hi applikabbli skond ir-regoli ta’ l-istrument. Id-dispożizzjoni fil-proposta tal-Kummissjoni ma tirriflettix xi interess partikulari tal-Komunità; l-għan tagħha kienet il-konsistenza li kienet ispirata minn dispożizzjoni simili fil- Konvenzjoni ta’ Ruma ta’ l-1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali. Il-Kummissjoni aċċettat dan it-tħassir. L-Artikolu 26 dwar il-politika pubblika ma tirriflettix il-kliem ta’ l-Artikolu 23 tal-proposta emendata tal-Kummissjoni, li min-naħa l-oħra kienet ir-riżultat ta' diskussjonijiet li saru qabel fil-Kunsill fejn il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal artikolu speċifiku li jittratta d-danni mhux kompensatorji kienet miċħuda. Wara d-diskussjonijiet dwar il-proposta emendata, l-idea riflessa fl-emenda tmexxiet fi premessa u fl-aħħar tneħħiet kompletament meta ma setax jintlaħaq ftehim dwar il-kontenut, filwaqt ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil li l-klawsola dwar il-politika pubblika ma kinitx toffri garanzija suffiċjenti u protezzjoni kontra effetti negattivi potenzjali tal-kumpens għal danni estremi mhux kompensatorji. L-Artikolu 27 jitbiegħed mill-Artikolu 23 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni (l-Artikolu 3 tal-proposta emendata) li kien fiha regola ħafna aktar dettaljata li tispjega r-relazzjoni bejn sorsi differenti tal-liġi Komunitarja (b'mod partikulari fir-rigward tar-relazzjoni ma' strumenti speċifiċi li jippromovu l-operat xieraq tas-suq intern). In vista ta’ l-iżviluppi reċenti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-kuntest tan-negozjati dwar proposti oħra, dispożizzjoni bħal din, imfassla b'mod speċifiku f’dan l-istrument, jidher li m’hemmx bżonnha aktar. L-Artikolu 28 dwar ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali oħra hu differenti mill-proposta emendata tal-Kummissjoni għaliex a) ma jillimitax l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għall-konvenzjonijiet multilaterali biss u għal dawk li huma konklużi fi “kwistjonijiet partikulari”, b) fih regola speċifika fil-paragrafu 2 għall-prijorità tar-Regolament dwar il-konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn l-Istati Membri, c) bħala konsegwenza ta’ dan hawn fuq, id-dispożizzjoni tagħti prijorità lill-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u l-Konvenzjoni ta' l-1973 dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodotti fiċ-ċirkostanzi kollha, anke meta l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni huma fil-Komunità. Fil-waqt li t-tluq ta’ l-ewwel tnejn t’hawn fuq, li jitbiegħdu mit-test emendat tal-proposta, fil-prinċipju ma jiġġenerax diffikultajiet għall-Kummissjoni, il-Kummissjoni tkompli turi dispjaċir għall-approċċ adottat fil-pożizzjoni komuni għaliex tagħti prijorità ġenerali lill-konvenzjonijiet multilaterali anke meta l-aspetti relevanti kollha tas-sitwazzjoni huma lokalizzati biss fil-Komunità. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Parlament Ewropew xtaq jagħti prijorità lir-regolament il-ġdid dwar il-Konvenzjoni ta’ l-Aja dwar l-Inċidenti tat-Traffiku. L-approċċ fil-Pożizzjoni Komuni xxekkel il-ġlidiet għal soluzzjonijiet armonizzati fil-Komunità. Anke jekk dan l-aspett hu daqsxejn imtaffi bir-referenza speċifika għall-kwistjonijiet ta’ l-inċidenti tat-traffiku fil-Klawsola tar-Reviżjoni (l-Artikolu 30 fil-pożizzjoni komuni), li hi intiża biex tagħti attenzjoni speċjali lill-kwistjoni ta' l-inċidenti tat-traffiku fir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament sabiex ikunu valutati l-effetti ta' l-assenza ta' regoli armonizzati bis-sħiħ dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku fil-Komunità, il-Kummissjoni xorta tippreferi t-test propost fil-proposta emendata tagħha (l-Artikolu 24(2) ta’ dik il-proposta). Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li d-dikjarazzjoni li għamlet matul l-aħħar stadju tan-negozjati fil-Kunsill[1] mhix riflessa b’mod preċiż fil-premessa 33 tal-pożizzjoni komuni. 3.3. L-emendi tal-Parlament B’mod ġenerali, il-pożizzjoni komuni tinkorpora, jew b’mod sħiħ jew fl-ispirtu, ħafna mill-emendi tal-Parlament dwar id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-proposta li kienu aċċettati mill-Kummisjsoni u riflessi fil-proposta emendata tagħha. Madankollu hemm xi diverġenzi bejn il-proposta emendata u l-pożizzjoni komuni fir-rigward l-emendi tal-Parlament li għalihom diġà saret referenza fil-punt 3.2 hawn, bħalma huma: L-Artikolu 9, fil-pożizzjoni komuni jiffirfletti l-emenda 31 tal-Parlament Ewropew li l-Kummisjsoni m’aċċettatx u ma kinitx inkluża fil-proposta emendata tagħha. L-Artikolu 27, fil-pożizzjoni komuni ma jinkorporax b’mod sħiħ l-Artikolu 3 tal-proposta emendata li rriflettiet l-emenda 24 tal-Parlament; L-Artikolu 28 fil-pożizzjoni komuni hu bbażat fuq perspettiva differenti meta mqabbel ma' l-Artikolu 24 tal-proposta emendata fir-rigward, b'mod partikulari, ir-relazzjoni mal-Konvenzjoni ta' l-Aja ta' l-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku kif ssuġġerit mill-emenda 53 tal-Palrament. 3.4. Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-Kunsill: L-Artikolu 2 hu dispożizzjoni ta’ natura teknika li għandu l-intenzjoni li jipprovdi definizzjoni ta’ ċerti kunċetti użati fir-Regolament kollu bl-intenzjoni li jkun ssimplifikat l-abbozz tad-dispożizzjonijiet individwali tiegħu. L-Artikolu 12 jintroduċi proposta speċifika dwar l-obbligi mhux kuntrattwali qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt. Dispożizzjoni speċifika bħal din ma kinitx inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni, anke jekk l-intenzjoni kienet dejjem biex tkopri dan it-tip ta’ obbligi b’dan l-istrument. Din irriflettiet il-linja meħuda fil-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ta’ l-1968 (mibdula bir-Regolament 44/2001), li biha dan it-tip ta’ obbligi għandu jitqies bħala mhux kuntrattwali[2]. Oriġinarjament il-Kummisjsoni għażlet soluzzjoni aktar flessibbli fl-Artikolu 5(3) tal-proposta emendata filwaqt li l-Kunsill jidher li jippreferi dispożizzjoni aktar dettaljata dwar il-kwistjoni. Il-kontenut tad-dispożizzjoni proposta twassal, fil-prinċipju, għall-istess riżultat maħsub mill-Kummissjoni, i.e. għall-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li hija l-aktar konnessa ma’ l-obbligu mhux kuntrattwali. 4. KONKLUŻJONI Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni komuni fid-dawl tal-fatt li tinkludi l-elementi ewlenin inklużi fil-proposta inizjali tagħha u l-emendi tal-Parlament kif inkoroporati fil-proposta emendata tiegħu. [1] Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-JHA fil-Lussemburgu (fis-27 u t-28 ta' April, 2006) il-Kummissjoni għamlet id-dikjarazzjoni li ġejja: "Il-Kummissjoni hija lesta, fil-każi fejn ikun xieraq, li tara jekk ikunx possibbli li ssir proposta lill-Kunsill biex l-Istati Membri jiġu awtorizzati jaslu għal ftehimiet internazzjonali dwar materji settorjali speċifiċi li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali. Dan jibqa’ mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Komunità tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali bħal dawn skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 300 tal-KE." [2] F’konformità ma’ l-istess raġunament, dan it-tip ta’ obbligi huma esklużi mill-ambitu tal-proposta tla-Kummisjsoni għal Regolament dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (“Ruma I”) adottat fil-15 ta’ Diċembru 2005 - COM(2005) 650 finali, 2005/0261 (COD)