This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006PC0420(01)
Proposal for a Council Decision on the signature on behalf of the Community of an additional Protocol to the Europe Agreement establishing an Association between the European Communities and their Member States, of the one part, and Romania, of the other part, on Conformity Assessment and Acceptance of Industrial Products
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-firma f’isem il-Komunità ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-firma f’isem il-Komunità ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali
/* KUMM/2006/0420 finali - ACC 2006/0137 */
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-firma f’isem il-Komunità ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali /* KUMM/2006/0420 finali - ACC 2006/0137 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.7.2006 KUMM(2006)420 finali 2006/0137(ACC) 2006/0138(ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma f’isem il-Komunità ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali- PEKA - (preżentati mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI I. MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fuq il-bażi ta’ direttivi tan-negozjati adottati mill-Kunsill fil-21.9.1992 u ta’ deċiżjoni speċifika maħruġa mill-Kunsill f’Ġunju 1997 li tindirizza l-linji ta’ gwida lill-Kummissjoni għan-negozju ta’ Ftehimiet Ewropej għall-Valutazzjoni tal-Konformità mal-Pajjiżi Ewropej Ċentrali u tal-Lvant, il-Kummissjoni nnegozjat u bdiet protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa mar-Rumanija ( P rotokoll għall-Ftehim ta’ l- E wropa dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u A pprovazzjoni tal-prodotti industrijali, minn hawn ’il quddiem imsemmija “ PEKA ”). It-test ta’ dan il-Protokoll hu mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi valutazzjoni tal-Protokoll fid-dawl tad-direttivi tan-negozjati approvati mill-Kunsill, u tipproponi li l-Kunsill jawtorizza l-firma tal-Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa u tiddeċiedi li tapprova l-konklużjoni tiegħu f’isem il-Komunità. Din il-valutazzjoni u dawn il-proposti jixbhu d-dokumenti relevanti għall-PEKAs konklużi mill-Kunsill mar-Repubblika Ċeka, ma’ l-Ungerija, mas-Slovenja, mas-Slovakkja, ma’ l-Estonja, mal-Latvja, u mal-Litwanja qabel l-adeżjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea. I.1 VALUTAZZJONI TAL-FTEHIM Peress li dan il-ftehim huwa maħsub biex jgħodd biss tul il-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, u li ġie offrut qafas legali xieraq mill-Ftehim ta’ l-Ewropa, ġie deċiż f’konsultazzjoni mal-Kumitat 133, sabiex dan il-ftehim jiġi adottat bħala Protokoll għall-Ftehim ta’ l-Ewropa. L-abbozz ta’ PEKA jsegwi l-prinċipji ġenerali stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Komunità dwar il-Kummerċ Estern fil-qasam ta’ l-istandards u l-Valutazzjoni tal-Konformità [1] skond il-paragrafu 49 tiegħu. Il-PEKA hu ftehim tranżizzjonali, u b’hekk se jintemm ma’ l-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati. Il-PEKA jipprevedi l-estenzjoni ta’ ċerti benefiċċji tas-Suq Intern f’setturi li diġà ġew armonizzati. B'hekk, il-PEKA jħaffef l-aċċess għas-suq billi jneħħi x-xkiel tekniċi għan-negozju b’ħarsien tal-prodotti industrijali. Għal dan il-għan, il-PEKA jipprovdi żewġ mekkaniżmi, (a) għall-approvazzjoni reċiproka tal-prodotti industrijali li jissodisfaw il-ħtiġijiet sabiex jitqiegħdu legalment fuq is-suq f’waħda mill-Partijiet, u (b) l-għarfien reċiproku tar-riżultati tal-Valutazzjoni tal-Konformità tal-prodotti industrijali suġġetti għal-liġi Komunitarja u għal-liġi nazzjonali ekwivalenti. L-ewwel mekkaniżmu, jiġifieri, l-approvazzjoni reċiproka tal-prodotti industirjali, jikkonferma li l-Artikoli 10.3 u 11.4 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa mar-Rumanija japplikaw mingħajr restrizzjoni oħra kif imsemmi fl-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa. Din id-dispożizzjoni żżid it-tbassir meħtieġ għall-manufatturi u esportaturi, li tikkonferma bil-quddiem li l-prodotti industrijali skond dan il-mekkaniżmu jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles bejn il-Partijiet. L-Annessi li jħaddmu dan il-mekkaniżmu għad iridu jiġu nnegozjati. It-tieni mekkaniżmu hu tip partikolari ta’ ftehim ta’ għarfien reċiproku (MRA) fejn l-għarfien reċiproku jaħdem fuq is-sisien ta’ l- acquis communautaire. Jippermetti li prodotti industrijali ċertifikati mill-Entitajiet Notifikati fl-Unjoni Ewropea jitqiegħdu fuq is-suq Rumen mingħajr ma jkollhom jgħaddu minn proċeduri oħra ta’ approvazzjoni, u viċi versa. Fil-bidu, dan is-settur biss kien kopert: tagħmir ta’ pressjoni. Ir-Rumanija ħadet f’idejha l-leġiżlazzjoni teknika Komunitarja fis-settur kopert mill-Protokoll u tieħu sehem fl-organizzazzjonijiet Ewropej fil-qasam ta’ l-istandards, il-metroloġija, il-laboratorji ta’ riċerka u l-akkreditament. Il-PEKA fih ftehim ta' qafas u annessi kif imsemmija hawn fuq. Deċiżjoni Komunitarja unilaterali li tistieden lir-rappreżentattivi Rumeni għal-laqgħat ta’ esperti u kumitati stabbiliti taħt il-liġi Komunitarja msemmija fl-Annessi hi mehmuża ma’ l-Att Finali, li tagħmilha ċara li dan mhux se jirrikjedi xi sehem fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Komunità. Fil-paragrafi li jmiss saret valutazzjoni tal-PEKA. I.1.1 Il-Ftehim Qafas Hawn taħt tinsab valutazzjoni ta’ kull artikolu: Il-Preambolu . Dan jistabbilixxi l-mira bażika tal-PEKA li hu li, peress li l-applikazzjoni għas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ l- acquis communautaire mill-pajjiż applikant, tipprovdi l-opportunità li testendi ċerti benefiċċji tas-Suq Uniku f’ċerti setturi diġà armonizzati minn qabel. Artikolu 1 Għan Dan l-Artikolu li jistabbilixxi l-għan tal-PEKA, b’mod partikolari t-tneħħija ta’ ostakoli tekniċi għan-negozju b’ħarsien għall-prodotti industrijali. Il-PEKA tipprovdi żewġ mekkaniżmi a) għall-approvazzjoni reċiproka tal-prodotti industrijali li jissodisfaw il-ħtiġijiet sabiex jitqiegħdu legalment fuq is-suq f’waħda mill-Partijiet, u b) l-għarfien reċiproku tar-riżultati tal-Valutazzjoni tal-Konformità tal-prodotti industrijali suġġetti għal-liġi Komunitarja u għal-liġi nazzjonali ekwivalenti. Artikolu 2 Definizzjonijiet Dan m’għandux bżonn ta’ spjegazzjoni. Definizzjonijiet ta’ prodotti industrijali, il-liġi nazzjonali u Komunitarja ġiet inkluża. Il-partijiet kollha tal-leġiżlazzjoni u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni (dispożizzjonijiet amministrattivi, linji ta’ gwida u mezzi oħra ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni) huma koperti mid-definizzjonijiet tal-liġi Komunitarja u dik nazzjonali. Artikolu 3 Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Dan fih impenn għar-Rumanija biex tieħu l-miżuri xierqa sabiex iżżomm jew ittemm it-teħid f’idejhom tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-leġiżlazzjoni teknika u għall-għan tal-PEKA. Flimkien mar-raba’ reċitazzjoni, tfisser li l-allinjament hu proċess li qiegħed jitwettaq u l-Partijiet jaqblu li jsibu tarf ta’ kwalunkwe problema ta’ transpożizzjoni li tista’ tinqala aktar tard. Artikolu 4 Approvazzjoni reċiproka tal-prodotti industrijali Il-prinċipju skond l-Artikolu 1.1) hu dettaljat f’dan l-Artikolu. Jipprevedi li l-elenkar tal-prodotti industrijali f’tali annessi jikkonferma li dawn il-prodotti jistgħu jiċċirkolaw b'mod ħieles bejn il-Partijiet. Kif diġà ġie ddikjarat, l-ebda anness għadu ma ġie negozjat. Artikolu 5 Għarfien reċiproku tar-riżultati tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità. Din id-dispożizzjoni testendi l-prinċipji skond l-Artikolu 1.2). Dan it-tip ta’ għarfien jixbah dak fil-Ftehimiet ta’ l-Għarfien Reċiproku, bl-ispeċifikazzjoni speċjali li l-leġiżlazzjoni u l-istandards kollha huma allinjati. L-anness settorjali fih ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali relevanti. Artikolu 6 Klawżola ta' salvagwardja Dan jistabbilixxi d-dritt ta’ kull Partit li jirrifjuta l-aċċess għas-suq meta tali Partit ikun jista’ juri li prodott jista’ joħloq periklu għat-tħassib leġittimu li hu mħares mil-leġiżlazzjoni mniżżla fl-annessi (b’mod partikolari s-sigurtà u/jew is-saħħa pubblika ta’ l-utenti jew persuni oħra). L-annessi jipprovdu li l-proċeduri dettaljati jintużaw għal tali każijiet. Artikolu 7 Tkabbir tal-kopertura . Il-Partijiet jistgħu jimmodifikaw l-ambitu u l-kopertura ta’ dan il-Protokoll permezz ta’ emenda ta’ l-annessi jew biż-żieda ta’ annessi ġodda malli l-kondizzjonijiet kollha ta’ allinjamenti jintlaħqu. Artikolu 8 Oriġini Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw għall-prodotti industrijali tkun xi tkun l-oriġini tagħhom. Artikolu 9 Obbligazzjonijiet tal-Partijiet rigward l-awtoritajiet u l-entitajiet tagħhom. Dan l-Artikolu jobbliga l-Partijiet sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jikkontrollaw kontinwament il-ħila teknika u l-konformità ma’ l-entitajiet innotifikati u jkollhom is-setgħa u l-perizja meħtieġa biex jaħtru, jissospendu u jirtiraw l-entitajiet tagħhom. Barra minn hekk, jobbliga lill-Partijiet sabiex jiżguraw li l-entitajiet innotifikati rispettivi tagħhom jikkonformaw kontinwament mal-ħtiġijiet tal-liġi Komunitarja jew dik nazzjonali u jżommu l-ħila teknika tagħhom biex iwettqu l-ħidmiet li ġew mgħarrfa bihom. Artikolu 10 Entitajiet notifikati Dan jiddeskrivi l-proċedura għan-notifika ta’ l-entitajiet biex jevalwaw l-konformità għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħtiġijiet legali speċifikati fl-annessi korrispondenti. Il-proċedura hi ssimplifikata u tixbah lil dik applikata fi ħdan il-Komunità. It-tieni paragrafu jistabbilixxi l-proċedura għat-tneħħija ta’ l-entitajiet innotifikati. Artikolu 11 Verifika ta’ l-entitajiet innotifikati. Dan l-Artikolu jagħti l-jedd lil wieħed mill-Partijiet sabiex jitlob verifika ta’ entità nnotifikata mill-Partit l-ieħor. Il-verifika tista’ ssir jew mill-awtoritajiet li ħatru l-entità jew flimkien mill-awtoritajiet taż-żewġ Partijiet. Jekk il-Partijiet ma jaqblux dwar passi xierqa li għandhom jittieħdu, jistgħu jgħarrfu lill-President tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni bid-disapprovazzjoni tagħhom, u jħalluha f’idejn il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni sabiex jiddeċiedi dwar azzjoni xierqa. L-entità nnotifikata mbagħad tkun sospiża min-notifika tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni finali. Artikolu 12 Skambju tat-tagħrif Dispożizzjoni ta’ trasparenza biex tiġi żugrata applikazzjoni u interpretazzjoni korretta u uniformi tal-Protokoll. Il-Partijiet huma rrakkomandati jinkoraġixxu l-entitajiet tagħhom sabiex jikkooperaw ħalli jistabbilixxu ftehimiet ta’ għarfien reċiproku fl-isfera volontarja. Artikolu 13 Kunfidenzjalità Dispożizzjoni klassika biex tevita l-kxif ta' tagħrif miksub skond dan il-Protokoll. Artikolu 14 Tmexxija tal-Protokoll Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni ser ikun responsabbli mit-tħaddim effettiv tiegħu u jista’ jiddelega l-ħidmiet tiegħu skond l-Artikoli relevanti tal-Ftehim ta’ l-Ewropa. Artikolu 15 Kooperazzjoni u għajnuna teknika Dan jikkonferma l-politika Komunitarja dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna teknika maħsuba biex timplimenta dan il-Protokoll kif xieraq. Artikolu 16 Ftehimiet ma' pajjizi oħra. Dan jikkonferma li, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-PEKA ma tinvolvix obbligi, għal Parti waħda, biex taċċetta verifiki ta’ konformità mwettqa f’pajjiż ieħor, anke jekk ikun hemm ftehim dwar l-għarfien ta’ verifika ta’ konformità bejn il-Parti l-oħra u kwalunkwe pajjiż terz ieħor. Artikolu 17 Id-dħul fis-seħħ. Din hi dispożizzjoni standard li tipprevedi l-ftehim għad-dħul fis-seħħ. Artikolu 18 Stat tal-Protokoll Dan jistabbilixxi l-fatt li l-PEKA tifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ l- Ewropa. I.1.2 L-Anness tal-Protokoll I.1.2.1 Annessi dwar l-Għarfien Reċiproku tar-Riżultati tal-Valutazzjoni tal-Konformità Issegwi valutazzjoni tal-kontenut ta’ l-annessi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura tagħhom, u implikazzjonijiet oħra fejn relevanti. B’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni żammet f’moħħha dawn l-elementi: a) il-konsistenza globali ma’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja fil-qasam ta’ l-istandardizzazzjoni, iċ-ċerifikazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Konformità għas-setturi u l-prodotti industrijali koperti; b) il-konsistenza globali ma’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja fil-qasam tat-tneħħija ta’ l-ostakoli tekniki għall-kummerċ; Il-valutazzjoni settorjali hi segwita bil-punt I.2 bi stima globali tal-benefiċċji tal-Protokoll. Anness dwar Tagħmir ta' Pressjoni. L-Annessi dwar l-għarfien reċiproku ta’ riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità jkopru firxa ta’ prodotti industrijali suġġetti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-parti terza skond id-Direttivi l-ġodda dwar l-Approċċ fis-setturi relevanti. Dawn l-annessi kollha jippreżentaw l-istess struttura. Il-kopertura hija ddeterminata mill-liġi Komunitarja jew nazzjonali relevanti skond it- Taqsima I ta’ l-Anness. It- Taqsima II , dwar l-awtoritajiet ta’ notifika, tniżżel l-awtoritajiet reponsabbli għall-ħatra ta’ l-entitajiet fl-Istati Membri u r-Rumanija. It- Taqsima III , dwar l-awtoritajiet ta’ notifika, tirreferi għan-notifika ta’ l-Entitajiet ta’ Valutazzjoni tal-Konformità mgħarrfa mill-Istati Membri u r-Rumanija. It- Taqsima IV , dwar l-arranġamenti speċifiċi, tistipula ż-żewġ proċeduri għall-klawżola ta’ salvagwardja li għandha x’taqsam mal-prodotti industrijali u ma’ l-istandards armonizzati. I.1.2.2 Annessi dwar l-Aċċettazzjoni Reċiproka tal-Prodotti Industrijali L-ebda anness ma ġie nnegozjat għalissa. Il-PEKA, skond il-Ftehim ta’ l-Ewropa, jipprovdi madankollu l-bażi għal tali aċċettazzjoni ta’ prodotti, li tixbah lil dik li taħdem fil-Komunità. I.1.2.3 Deċiżjoni Unilaterali Din hi mehmuża ma’ l-Att Finali u hi annessa ma’ din il-Komunikazzjoni. Id-Dikjarazzjoni Komunitarja Unilaterali rigward is-sehem tar-rappreżentanti Rumeni fil-Kumitati. Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-Rumanija hi mistiedna tibgħat osservaturi għal-laqgħat tal-Kumitati stabbiliti jew imsemmija fil-leġiżlazzjoni Komunitarja inkluża fl-annessi. Din id-dikjarazzjoni timxi fuq il-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-"Parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-programmi, l-aġenziji u l-kumitati Komunitarji”[2] I.1.3 Relazzjonijiet mal-Pajjiżi Membri ta’ l-EFTA/ŻEE Skond it-tagħrif ġenerali u l-proċeduri ta’ konsultazzjoni stabbiliti fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Protokoll 12 ta’ dak il-Ftehim, il-Kummissjoni żammet il-Pajjiżi Membri ta’ l-EFTA/ŻEE infurmati regolarment dwar il-progress tan-negozjati u għarfithom dwar ir-riżultat finali tagħhom. Il-Pajjiżi Membri ta’ l-EFTA/ŻEE jinsabu fl-ewwel stadju tan-negozju ta’ ftehim ta’ għarfien reċiproku parallel mar-Rumanija. I.2 STIMA GLOBALI Il-Kummissjoni tqis li l-PEKA propost joħloq bilanċ aċċetabbli ta’ benefiċċji għall-partijiet kollha fil-qafas ta’ qabel l-adeżjoni. Fis-setturi kollha l-Komunità żgurat l-aċċess tas-suq effettiv sigur - għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess tal-proċeduri mandatorji kollha tal-parti l-oħra. Il-PEKA kkonfermat li r-Rumanija ħadet f’idejha l-leġiżlazzjoni Komunitarja f’ċerti setturi qabel l-adeżjoni tagħha. Kemm il-benefiċċji politiki kif ukoll dawk kummerċjali huma miksuba permezz tal-PEKA. Il-Protokoll se jippermetti lill-esportaturi Komunitarji, jekk jagħżlu hekk, li jeżaminaw u jiċċertifikaw il-prodotti industrijali għall-istess rekwiżiti (alinjati) qabel l-esportazzjoni, u mbagħad ikollhom aċċess għal dak is-suq mingħajr l-ebda rekwiżiti oħra ta’ valutazzjoni tal-konformità. Il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jsiru darba biss għaż-żewġ swieq u fuq il-bażi ta’ l-istess ħtiġijiet jew standards alinjati. L-għarfien ta’ ċertifikazzjoni se jippermetti t-tfaddil u l-istimolu ta’ l-esportazzjonijiet. Federazzjonijiet Ewropej ta’ l-industrija ġew ikkonsultati u appoġġjaw il-Protokoll mingħajr tlaqliq. Il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tikkalkula l-ispejjeż jew il-ħin meħud sabiex tinkiseb il-valutazzjoni ta’ Konformità tal-prodotti industrijali fir-Rumanija. L-ammont preċiż tat-tfaddil f’terminu ta' żmien, spejjeż u opportunità tas-suq ta’ dan il-Protokoll għalhekk mhux possibbli li jiġi ddeterminat f’kull każ. Madankollu, fuq il-bażi ta’ kalkolu fuq fuq, ġie stimat [3] li dan il-Protokoll għandu joħloq opportunitajiet ta’ tfaddil ta’ l-ispejjeż ta’ madwar €8 miljun kull sena għall-industrija ta’ esportazzjoni Ewropea u għall-esportaturi Rumeni fil-KE. Xi ftit minn dan it-tfaddil se jingħadda lill-importaturi u lill-konsumaturi Ewropej. Tabilħaqq, bosta mill-benefiċċji ma jistgħux ikunu kwatifikati b’mod ċar, bħall-ħin imnaqqas għall-aċċess tas-swieq, tbassir aħjar, inqas protezzjoni u armonizzazzjoni tas-sistemi. Iżda jista’ jiġi vverifikat li kwalunkwe ftehim jipprovdi livelli reċiproki ta’ aċċess għas-suq, għal dak li għandu x’jaqsam mal-verifika tal-konformità. Rigward il-benefiċċji għar-Rumanija, il-PEKA se jħaffef l-aċċess għas-suq Komunitarju u se jagħti krettu politiku talli alinjat il-leġiżlazzjoni tagħha. Ir-Rumanija tħares lejn il-PEKA bħala mezz biex tiżviluppa relazzjonijiet industrijali eqreb ma’ l-UE u sabiex tintegra bis-sħiħ ċerti setturi mas-Suq Waħdieni qabel l-adeżjoni. I.3 IMPATT FINANZJARJU Din il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji. L-attivitajiet ta’ manutenzjoni tal-Protokoll huma mistennija jkunu minimi, u diġà huma koperti mill-finanzjament diġà stabbiliet għall-manutezjoni tal-Ftehim Ewropew li dan hu Protokoll għalih. I.4 IMPATT FUQ IL-KUMPANIJI Il-kumpaniji ta’ esportazzjoni, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju, il-kmamar tal- kummerċ u l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-konsumatur ġenerali se jibbenefikaw, jew ikollhom interess fil-, aċċettazzjoni reċiproka tal-prodotti industrijali u għarfien tar-riżultati taċ-ċertifikazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għanijiet speċifiċi tal-PEKA huma li tiġi evitata ċ-ċertifikazzjoni doppja mill-operaturi ekonomiċi. Il-PEKA se jippromwovi l-esportazzjonijiet, l-impjieg, il-kompetittività u l-investiment, u se jnaqqas l-ispejjeż, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u fl-aħħar nett għall-konsumatur, billi jestendi ċerti benefiċċji tas-Suq Intern għar-Rumanija, u billi jiżgura t-tħaddim effettiv tas-Suq Intern fir-Rumanija fis-setturi li dan ikopri, qabel l-adeżjoni Rumena. II. L-ABBOZZ TAD-DEċIżJONIJIET TAL-KUNSILL Proposta għal żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill hi mehmuża. It-tnejn jixbhu l-proposti tal-Kummissjoni għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar il-firma f’isem il-Komunità u l-konklużjoni tal-PEKAs mal-pajjiżi li qabel kienu fil-proċess ta’ l-adeżjoni. L-ewwel waħda għandha x’taqsam mal-firma tal-Protokoll. Il-firma tintħieġ mir-Rumanija għall-adozzjoni ta’ dan il-Protokoll. Ġie propost kif xieraq li, suġġett għal konklużjoni f’data futura, il-President tal-Kunsill jkun awtorizzat li jaħtar il-persuna li għandha s-setgħa tiffirma, f’isem il-Komunità, il-Protokoll fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 133 u 300 tat-Trattat. Il-proposta għat-tieni deċiżjoni għandha x’taqsam ma’ l-adozzjoni tal-PEKA. F’dan il-kuntest, il-Kunsill għandu, skond id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-PEKAs u l-ftehimiet ta’ għarfien reċiporku, jistabbilixxi l-proċedura Komunitarja xierqa għall-implimentazzjoni u t-tmexxija tal-Protokoll. B’mod partikolari, il-Kunsill għandu jagħti lill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, is-setgħat meħtieġa għat-tmexxija u l-implimentazzjoni tal-Protokoll. Barra minn hekk, il-Kunsill għandu jiddelega lill-Kummissjoni, li taġixxi f’konsultazzjoni mal-Kumitat speċjali, is-setgħat meħtieġa sabiex tiddetermina f’ċerti każijiet il-pożizzjoni tal-Komunità rigward dan il-Protokoll fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni, jew fejn applikabbli l-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni. Id-delegazzjoni tas-setgħat lill-Kummissjoni tinkludi d-delegazzjoni tas-setgħa li żżid Annessi ġodda, peress, kif indikat fil-Preambolu, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li r-Rumanija applikat għaliha, timplika l-implimentazzjoni effettiva ta’ l- acquis Komunitarju kollu. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-pożizzjoni tal-Komunità rigward il-Protokoll se tiġi ddeterminata mill-Kunsill, li jaġixxi permezz tal-maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjonijiet mehmuża dwar il-firma u l-konklużjoni tal-PEKA. 2006/0137(ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma f’isem il-Komunità ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 133 flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [4], Billi: (1) Il-Ftehim Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u r-Rumanija min-naħa l-oħra[5], daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995. (2) L-Artikolu 75 tal-Ftehim Ewropa jistipula li l-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità se tipprova tikseb il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku. (3) Il-Protokoll tal-Ftehim Ewropa dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali ġie nnegozjat mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità. (4) Suġġett għal konklużjoni f’data futura, il-Protokoll tal-Ftehim ta’ l-Ewropa dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali li nbeda fi Brussell fit-18 ta’ April 2006 għandu jiġi ffirmat. IDDEĊIEDA KIF GEJ: Artikolu Uniku Suġġett għal konklużjoni f’data futura, il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat li jaħtar il-persuna li għandha s-setgħa tiffirma, f’isem il-Komunità, il-Protokoll tal-Ftehim ta’ l-Ewropa mar-Rumanija dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti IndustrIjali. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President 2006/0138(ACC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll supplimentari għall-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali- PEKA - IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel sottoparagafu ta’ l-Artikolu 300(2) u ta’ l-ewwel sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) u l-Artikolu 300(4) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [6], Billi: (1) Il-Ftehim ta’ l-Ewropa li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u r-Rumanija min-naħa l-oħra[7], daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 1995. (2) L-Artikolu 75(2) tal-Ftehim ta’ l-Ewropa jistipula li l-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ l-istandardizzazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità se tipprova tikseb il-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-għarfien reċiproku. (3) L-Artikolu 110 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa jistipula li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddelega kwalunkwe mis-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni. (4) L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 94/907/KE, il-KEFA, l-Euratom tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-19 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ l-Ewropa bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra [8] jistipula l-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Komunità u l-preżentazzjoni tal-pożizzjoni tal-Komunità fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni u fil-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni. (5) L-abbozz tal-Protokoll tal-Ftehim ta’ l-Ewropa dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali, ġie ffirmat fi Brussell fil-[…], f’isem il-Komunità u għandu jiġi approvat. (6) Il-proċeduri interni xierqa għandhom jiġu stabbiliti biex jiżguraw it-tħaddim xieraq tal-Protokoll. (7) Jeħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tagħmel ċerti emendi tekniċi lil dan il-Protokoll u li tieħu ċerti deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni tiegħu, IDDEĊIEDA KIF GEJ: Artikolu 1 Il-Protokoll tal-Ftehim ta' l-Ewropa mar-Rumanija dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (mil-lum ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) kif ukoll id-dikjarazzjoni annessa ma’ l-Att Finali tiegħi, ġie hawnhekk approvat f’isem il-Komunità Ewropea. It-test tal-Protokoll, u tad-dikjarazzjoni anness ma’ l-Att Finali tiegħu, hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem il-Komunità, jagħti n-nota diplomatika stipulata fl-Artikolu 17 tal-Protokoll [9]. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, għandha: a) ddaħħal fis-seħħ l-avviżi, ir-ringrazzjamenti, is-sospensjonijiet u l-irtirar ta’ l-entitajiet, u n-nomini ta’ tim konġunt jew timijiet ta’ esperti, skond l-Artikoli 10, 11 u 14, inċiż c) tal-Protokoll; b) torganizza l-konsultazzjonijiet, l-iskambju ta’ tagħrif, it-talbiet għal verifiki u għas-sehem fil-verifiki, skond l-Artikoli 3, 12 u 14, inċiżi d) u e), u t-Taqsimiet III u IV ta’ l-Annessi tal-Protokoll. (c) jekk meħtieġ, tweġiba għat-talbiet skond l-Artikolu 11, it-Taqsimiet III u IV ta’ l-Annessi tal-Protokoll. 2. Wara konsultazzjoni tal-Kumitat speċjali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni se tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni u, fejn applikabbli, fil-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni, għal dak li għandu x’jaqsam ma’: a) l-emendi ta’ l-Annessi skond l-Artikolu 14, il-punt (a) tal-Protokoll; b) żieda ta’ Annessi ġodda skond l-Artikolu 14, il-punt (b) tal-Protokoll; (c) kwalunkwe deċiżjonijiet rigward in-nuqqasijiet ta’ ftehim tar-riżultati tal-verifiki u s-sospensjonijiet, parzjalment jew bis-sħiħ, ta’ kwalunkwe entità notifikata skond it-tieni u t-tielet sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 11 tal-Protokoll. (d) kwalunkwe miżuri meħuda skond il-klawżoli ta’ salvagwardja fit-Taqsima IV ta’ l-Annessi tal-Protokoll; (e) kwalunkwe miżuri li jikkonċernaw il-verifika, is-sospensjoni, jew l-irtirar tal-prodotti industrijali b’approvazzjoni reċiproka skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll. 3. Fil-każijiet l-oħra kollha l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Komunità fil-Kumitat ta’ l-Assoċjazzjoni u fejn applikabbli, fil-Kumitati ta’ l-Assoċjazzjoni, rigward dan il-Protokoll għandhom ikunu ddeterminati mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni. Magħmula fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ABBOZZ PROTOKOLL GĦALL-FTEHIM EWROPEW LI JISTABBILIXXI ASSOĊJAZZJONI BEJN IL-KOMUNITAJIET EWROPEJU L-ISTATI MEMBRI TAGĦHOM, MINN NAĦA,U R-RUMANIJA, MIN-NAĦA L-OĦRA,DWAR L-ISTIMA TA' KONFORMITÀ U AĊĊETTAZZJONI TAL-PRODOTTI INDUSTRIJALI (PECA) IL-KOMUNITÀ EWROPEA U R-RUMANIJA, minn issa l-quddiem imsejjħa bħala "l-Partijiet", BILLI r-Rumanija applikat għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u din is-sħubija timplika l-implimentazzjoni effettiva ta' l- acquis tal-Komunità Ewropea, JAGĦRFU li l-adozzjoni progressiva u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Komunità mir-Rumanija tipprovdi l-opportunità li testendi ċerti benefiċċji tas-suq intern u li tiżgura l-operazzjoni effettiva f’ċerti setturi qabel l-adeżjoni, JIKKUNSIDRAW li, fis-setturi koperti minn dan il-Protokoll, il-liġi nazzjonali Rumena sostanzjalment terbaħ fuq il-liġi tal-Komunità, JIKKUNSIDRAW l-impenn konġunt tagħhom għall-prinċipji tal-moviment ħieles tal-merkanzija u li jippromwovu l-kwalità tal-prodott, sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, inkluż permezz ta’ għajnuna teknika u forom oħra ta’ kooperazzjon bejniethom, JIXTIEQU jikkonkludu Protokoll għall-Ftehim Ewropew dwar l-istima tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (minn hawn 'il quddiem "dan il-Protokoll") li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ l-aċċettazzjoni reċiproka tal-prodotti industrijali li jwettqu l-ħtiġijiet talli tpoġġew legalment fis-suq f'wieħed mill-Partijiet u tar-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati ta' l-istima ta' konformità tal-prodotti industrijali li huma suġġetti għal-liġi tal-Komunità jew nazzjonali, jinnutaw li l-Artikolu 75 tal-Ftehim Ewropew jipprevedi, fejn xieraq, konklużjoni ta' ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku, JINNUTAW ir-relazzjonijiet mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li jagħmluha xierqa li titqies il-konklużjoni tal-Ftehimiet paralleli Ewropej ta’ Stima ta’ Konformità bejn ir-Rumanija u dawk il-pajjiżi ekwivalenti għal dan il-Protokoll, IŻOMMU F’MOĦĦHOM l-istatus tal-Partijiet bħal Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u konxji b’mod partikolari ta’ l-obbligi tagħhom taħt il-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ, QABLU DWAR DAN LI ĠEJ: ARTIKOLU 1 Għan L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jiffaċilita l-eliminazzjoni mill-Partijiet ta’ barrieri tekniċi għal kummerċ fir-rigward ta’ prodotti industrijali. Dan se jintlaħaq permezz ta’ l-adozzjoni progressiva u l-implimentazzjoni mir-Rumanija ta’ liġi nazzjonali, li hija ekwivalenti għal-liġi tal-Komunità. Dan il-Protokoll jipprevedi: (a) l-aċċettazzjoni reċiproka ta' prodotti industrijali, imniżżla fl-Annessi dwar aċċettazzjoni reċiproka ta’ prodotti industrijali, li jwettqu l-ħtiġijiet talli jinsabu b'mod legali fis-suq f'wieħed mill-Partijiet; (b) ir-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati ta’ stima ta’ konformità ta’ prodotti industrijali soġġetti għal-liġi tal-Komunità u għal-liġi nazzjonali ekwivalenti Rumena, it-tnejn imniżżla fl-Annessi dwar rikonoxximent reċiproku tar-riżultati ta’ stima ta’ konformità. ARTIKOLU 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan il-Protokoll, (a) “prodotti industrijali” tfisser prodotti kif speċifikati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa u fil-Protokoll 2 tiegħu; (b) “Liġi tal-Komunità” tfisser kull att legali u l-prassi ta’ implimentazzjoni tal-Komunità Ewropea applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, riskju jew kategorija ta’ prodotti industrijali, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej; (c) “liġi nazzjonali” tfisser kull att legali u l-prassi ta’ implimentazzjoni li bihom ir-Rumanija terbaħ fuq il-liġi tal-Komunità kif applikabbli għal sitwazzjoni partikolari, riskju jew kategorija ta’ prodotti industrijali. It-termini użati f’dan il-Protokoll għandu jkollhom it-tifsira mogħtija fil-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali Rumena. ARTIKOLU 3 Allinjament tal-leġiżlazzjoni Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, ir-Rumanija taqbel li tieħu miżuri xierqa, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, biex iżżomm jew tlesti il-passaġġ għal-liġi tal-Komunità, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ standardizzazzjoni, metroloġija, akkreditazzjoni, stima ta’ konformità, sorveljanza tas-suq, sigurtà ġenerali tal-prodotti, u responsabilità tal-produttur. ARTIKOLU 4 Aċċettazzjoni Reċiproka tal-Prodotti Industrijali Il-Partijiet jaqblu li, għall-finijiet ta’ l-aċċettazzjoni reċiproka, il-prodotti industrijali mniżżla fl-Annessi dwar aċċettazzjoni reċiproka ta’ prodotti industrijali, li jwettqu l-ħtiġijiet talli jinsabu b'mod legali fis-suq ta’ wieħed mill-Partijiet, jista’ jitpoġġa fis-suq ta’ Parti oħra, mingħajr aktar restrizzjonijiet. Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa. ARTIKOLU 5 Rikonoxximent reċiproku tar-riżultatita’ proċeduri ta’ stima ta’ konformità Il-Partijiet jaqblu li jirrikonoxxu r-riżultati tal-proċeduri ta’ stima ta’ konformità mwettqa skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi nazzjonali mniżżla fl-Annessi dwar rikonoxximent reċiproku tar-riżultati ta’ stima ta’ konformità. Il-Partijiet m’għandhomx bżonn li l-proċeduri jiġu ripetuti, u lanqas m’għandhom bżonn jimponu ħtiġijiet addizzjonali, għall-fini li dik il-konformità tiġi aċċettata. ARTIKOLU 6 Klawżola ta' salvagwardja Fejn Parti ssib li prodott industrijali mqiegħed fis-suq fit-territorju tagħha bis-saħħa ta’ dan il-Protokoll, u użat skond l-użu li kien maħsub għalih, jista’ jikkomprometti s-sigurtà u s-saħħa ta’ l-utenti jew ta’ persuni oħra, jew kull tħassib leġittimu ieħor imħares mil-leġiżlazzjoni identifikat fl-Annessi, hija tista' tieħu miżuri xierqa biex tirtira tali prodott mis-suq, biex tipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fis-suq, li jibda jitħaddem jew li jintuża, jew biex tirrestrinġilu l-moviment ħieles. L-Annessi għandhom jipprevedu li l-proċedura tiġi applikata f'tali każijiet. ARTIKOLU 7 Estensjoni tal-kopertura Hekk kif ir-Rumanija tadotta u timplimenta aktar liġi nazzjonali li tieħu l-post tal-liġi tal-Komunità, il-Partijiet jistgħu jemendaw l-Annessi jew jikkonkludu oħrajn ġodda, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 14. ARTIKOLU 8 Oriġini Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll għandhom japplikaw għal prodotti industrijali irrispettivament mill-oriġini tagħhom. ARTIKOLU 9 L-obbligi tal-Partijiet rigward l-awtoritajiet u l-korpi tagħhom Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom li huma responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi Komunitarja u dik nazzjonali, għandhom japplikaw din il-liġi kontinwament. Barra minn hekk, għandhom jiżguraw li dawn l-awtoritajiet ikollhom il-kapaċità, fejn xieraq, li jinnotifikaw, jissospendu, ineħħu s-sospensjoni u jirtiraw in-notifika tal-korpi, biex jiżguraw il-konformità tal-prodotti industrijali mal-liġi Komunitarja jew nazzjonali u biex jiksbu l-irtirar tagħhom mis-suq. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-korpi, innotifikati taħt il-ġuriżdizzjoni rispettiva tagħhom biex jevalwaw il-konformità f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja jew nazzjonali speċifikata fl-Annessi, jikkonformaw kontinwament mar-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja jew ta’ dik nazzjonali. Barra minn hekk, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-korpi jżommu l-kompetenza meħtieġa biex iwettqu l-ħidmiet innotifikati bihom. ARTIKOLU 10 Korpi mgħarrfa Għall-bidu, il-korpi nnotifikati għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll għandhom ikunu dawk inklużi fil-listi li fihom ir-Rumanija u l-Komunità skambjaw qabel it-tmiem tal-proċeduri għad-dħul fis-seħħ Wara l-proċedura segwenti għandha tapplika għan-notifika tal-korpi biex janalizzaw konformità fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-Komunità jew liġi nazzjonali speċifikata fl-Annessi: (a) Parti għandha tressaq in-notifika tagħha lill-Parti l-oħra bil-miktub; (b) dwar l-għarfien tal-Parti l-oħra, mogħtija bil-miktub, il-korp se jitqies bħala nnotifikat u kompetenti biex janalizza l-konformità fir-rigward tal-ħtiġijiet imsemmija speċifikati fl-Anness minn dik id-data; Jekk Parti tiddeċiedi li tirtira n-notifika ta’ korp taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha, għandha tinforma lill-Parti l-oħra bil-miktub. Il-korp jieqaf janalizza l-konformità fir-rigward tal-ħtiġijiet imsemmija speċifikati fl-Annessi mid-data ta’ l-irtirar l-aktar kmieni. Madankollu, valutazzjonijiet ta' konformità mwettqa qabel dik id-data għandhom jibqgħu validi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni. ARTIKOLU 11 Il-verifika tal-korpi nnotifikati Kull Parti tista’ titlob lill-Parti l-oħra li tivverifika l-kompetenza teknika u l-konformità ta’ korp innotifikat taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha. Tali talba għandha tkun iġġustifikata sabiex tħalli l-Parti responsabbli għan-notifika biex twettaq il-verifika mitluba u tirrapporta minnufih lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet jistgħu wkoll flimkien jeżaminaw il-korp, bil-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet rilevanti. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jiżguraw il-kooperazzjoni sħiħa tal-korpi taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa, u jagħmlu użu mill-mezzi kollha disponibbli meħtieġa, bil-ħsieb li jsolvu kwalunkwe problemi li jinstabu. Jekk il-problemi ma jistgħux jissolvew għas-sodisfazzjon taż-żewġ Partijiet, jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni bin-nuqqas ta’ qbil tagħhom u jagħtu r-raġunijiet tagħhom. Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni, in-notifika tal-korpi u l-għarfien tal-kompetenzi għal valutazzjoni tal-konformità fir-rigward ta' ħtiġijiet tal-Komunità jew liġi nazzjonali speċifikata fl-Annessi għandha tkun sospiża parzjalment jew totalment mid-data li fiha n-nuqqas ta' qbil tal-Partijiet ġie nnotifikat lill-President tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni. ARTIKOLU 12 L-Iskambju tat-tagħrif u l-kooperazzjoni Biex jiżguraw applikazzjoni u interpretazzjoni retta u uniformi ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet, l-awtoritajiet tagħhom u l-korpi nnotifikati tagħhom għandhom: (a) jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-liġi u l-prattika inkluża, b'mod partikolari, dwar proċedura biex tiżgura konformità mal-korpi nnotifikati; (b) jieħdu sehem, kif xieraq, fil-mekkaniżmi rilevanti tat-tagħrif, fil-koordinazzjoni u fl-attivitajiet oħra relatati tal-Partijiet; (c) jinkoraġġixxu l-korpi biex jikkooperaw ma' l-idea li jistabbilixxu ftehimiet ta' għarfien reċiproku fi sfera volontarja. ARTIKOLU 13 Kunfidenzjalità Rappreżentanti, esperti u aġenti oħra tal-Partijiet għandhom jinħtieġu, anke wara li jkunu temmew id-doveri tagħhom, li ma jiżvelawx tagħrif miksub skond dan il-Protokoll li huwa tat-tip kopert mill-obbligu tas-sigriet professjonali. Dan it-tagħrif ma jistax jintuża għal finijiet għajr għal dawk previsti minn dan il-Protokoll. ARTIKOLU 14 Amministrazzjoni tal-Protokoll Ir-responsabilità għall-ħidma effettiva ta’ dan il-Protokoll għandha tinġarr mill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 106 tal-Ftehim ta’ l-Ewropa. B’mod partikolari għandu jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet rigward: (a) li jiġu emendati l-Annessi; (b) li jiġu miżjuda l-Annessi; (c) li jinħatar tim konġunt jew tim ta' esperti biex jivverifika l-kompetenza teknika ta' korp innotifikat u l-konformità tiegħu mal-ħtiġijiet; (d) informazzjoni skambjata dwar emendi proposti jew attwali lill-Komunità u l-liġi nazzjonali msemmija fl-Annessi; (e) li jitqiesu proċeduri ġodda jew addizzjonali ta’ valutazzjoni ta’ konformità li jaffettwaw settur kopert b’Anness; (f) li tissolva kull domanda relatata ma’ l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni jista’ jiddelega r-responsabilitajiet t'hawn fuq stipulati f’dan il-Protokoll, skond l-Artikolu 110(2) tal-Ftehim ta’ l-Ewropa. ARTIKOLU 15 Għajnuna u kooperazzjoni teknika Il-Komunità Ewropea tista’ tipprovdi kooperazzjoni u għajnuna teknika lir-Rumanija fejn meħtieġ sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni effettiva u l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll ARTIKOLU 16 Ftehim ma' pajjiżi oħrajn Ftehim dwar il-valutazzjoni tal-konformità konkluż minn kull waħda mill-Partijiet ma’ pajjiż li mhuwiex Parti minn dan il-Protokoll m’għandux jirriżulta f'obbligu fuq dik il-Parti biex taċċetta r-riżultati tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità mwettqa f’dak il-pajjiż terz, sakemm ma jkunx hemm ftehim espliċitu bejn il-Partijiet fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. ARTIKOLU 17 Id-dħul fis-seħħ Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jiskambjaw in-noti diplomatiċi li jikkonfermaw it-tlestija tal-proċeduri rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll. ARTIKOLU 18 Status tal-Protokoll Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mill-Ftehim ta' l-Ewropa. Dan il-Protokoll irid jitfassal b'kopja fil-lingwa Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Ukraina, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku. Magħmula fi Brussell, ANNESSI DWAR AĊĊETTAZZJONI REĊIPROKA TA’ PRODOTTI INDUSTRIJALI (għar-rekord) ANNESSI DWAR AĊĊETTAZZJONI REĊIPROKA TAR-RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONI TA’ KONFORMITÀ Werrej (1) Apparat ta' pressjoni ABBOZZ ANNESSI DWAR AĊĊETTAZZJONI REĊIPROKATAR-RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONI TA’ KONFORMITÀ APPARAT TA' PRESSJONI TAQSIMA 1 LIĠI NAZZJONALI U KOMUNITARJA Il-Liġi tal-Komunità: | Id-Direttiva 97/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 1997 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ apparat ta’ pressjoni | Liġi nazzjonali: | Deċiżjoni tal-Gvern nru. 584/2004 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex joħorġu fis-suq l-apparat tal-pressjoni, kif emendata sussegwentement. | TAQSIMA II L-AWTORITAJIET NAZZJONALI Il-Komunità Ewropea Il-Belġju: | Ministère des Affaires Economiques/Ministerie van Economische Zaken. | Ir-Repubblika Ċeka | Úřad pro technickou normalizaci, metrologii a státní zkušebnictví. | Il-Ġermanja: | Bundesministerium für Arbeit und Sozialordnung. | Il-Greċja: | Υπουργείο Ανάπτυξης. Γενική Γραμματεία Βιομηχανίας (Ministeru ta’ l-Iżvilupp. Segretarjat Ġenerali ta’ l-Industrija). | L-Estonja: | Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium | Franza: | Ministère de l’emploi et de la solidarité, Direction des relations du travail, Bureau CT 5. | L-Irlanda | Department of Enterprise, Trade and Employment | L-Italja: | Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato. | Il-Latvja: | Ekonomikas ministrija. | Malta: | Taħt l-awtorità tal-Gvern Malti: Direttorat ta' l-Affarijiet tal-Konsumatur u Industrijali ta' l-Awtorità Maltija ta' l-Istandards. | L-Ungerija: | Gazdasági és Közlekedési Minisztérium. | L-Awstrija: | Bundesministerium für Wirtschaft und Arbeit | Il-Polonja: | Ministerstwo Gospodarki, Pracy i Polityki Społecznej. | Ir-Repubblika Slovakka: | Úrad pre normalizáciu, metrológiu a skúšobníctvo Slovenskej republiky. | L-Iżvezja | Taħt l-awtorità tal-Gvern Żvediż: Styrelsen för ackreditering och teknisk kontrol (SWEDAC). | ir-Renju Unit: | Id-Dipartiment tal-Kummerċ u ta' l-Industrija. | Ir-Rumanija | Ministerul Economiei si Comertului – Ministry of Economy and Commerce. | TAQSIMA III KORPI NNOTIFIKATI Il-Komunità Ewropea Korpi li ġew innotifikati mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea skond il-liġi tal-Komunità tat-Taqsima I u nnotifikati lir-Rumanija skond l-Artikolu 10 ta’ dan il-Protokoll. Ir-Rumanija Korpi li ġew maħtura mir-Rumanija skond il-liġi nazzjonali tar-Rumanija tat-Taqsima I u nnotifikata lil Komunità Ewropea skond l-Artikolu 10 ta’ dan il-Protokoll. TAQSIMA IV ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI Klawżola ta' salvagwardja A. Klawżola ta’ salavagwardja relatata mal-prodotti industrijali: 1. Fejn Parti tieħu miżura biex tinnega aċċess ħieles lis-suq tagħha: għal prodotti industrijali soġġetti għal dan l-Anness li għandhom il-marka CE; jew, għal prodotti industrijali soġġetti għal dan l-Anness li huma msemmija fl-Artikolu 3 (3) jew l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/23/KE li jikkorrespondu għall-Artikoli 10 u l-Artikoli 17 rispettivament tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru. 584/2004, iżda li għalihom m’hemmx bżonn marka ta’ CE; għandha tinforma immedjatament lill-Parti l-oħra, u tindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u kif ġiet analizzata n-nuqqas ta' konformità. 2. Il-Partijiet għandhom iqisu din il-kwistjoni u l-evidenza li ġiet imressqa, u għandhom jirrappurtaw lil xulxin ir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet tagħhom. 3. Fil-każ ta’ qbil, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li tali prodotti ma joħorġux fis-suq. 4. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar ir-riżultat ta’ tali investigazzjonijiet il-kwistjoni se titressaq quddiem il-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni li jista' jiddeċiedi li jwettaq perizja. 5. Fejn il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni jsib li l-miżura hija: (a) mhux iġġustifikata, l-awtorità nazzjonali tal-Parti li ħadet il-miżura għandha tirtiraha; (b) iġġustifikata, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li tali prodotti ma joħorġux fis-suq. B. Klawżola ta’ salavagwardja relatata ma’ l-istadards armonizzati: 1. Fejn ir-Rumanija tikkunsidra li standard armonizzat imsemmi fil-leġiżlazzjoni ddefinit f’dan l-Anness, ma jilħaqx il-ħtiġijiet essenzjali ta’ tali leġiżlazzjoni, se tinforma lill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni u tagħti r-raġunijiet għalxiex. 2. Il-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni għandu jqis il-kwistjoni u jitlob lill-Komunità biex tipproċedi skond il-proċedura prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità identifikata f’dan l-Anness. 3. Il-Komunità għandha żżomm lill-Kunsill ta’ l-Assoċjazzjoni u lill-Parti l-oħra infurmata bil-proċeduri. 4. Ir-riżultat tal-proċedura għandu jkun innotifikat lill-Parti l-oħra. DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ DWAR L-ATTENDENZA TAR-RAPPREŻENTANZI RUMENI FIL-LAQGĦAT TAL-KUMITAT Sabiex ikun aċċertat ftehim aħjar ta’ l-aspetti prattiċi fl-applikar ta’ l- acquis communautaire , il-Komunità tistqarr li r-Rumanija hija mistiedna, skond il-kondizzjonijiet li ġejjin, għal-laqgħat tal-kumitati stabbiliti jew li jissemmew fil-liġi Komunitarja dwar is-sigurtà fl-elettriku, fil-kompatibilità elettromanjetika, fil-makkinarji u fl-apparat li jaħdem bil-gass. Il-parteċipazzjoni għandha tkun limitata għal-laqgħat jew partijiet minnhom li fihom jiġi diskuss l-applikar ta’ l- acquis ; mhux ser tinvolvi attendenza għal-laqgħat li huma maħsuba biex jippreparaw u joħorġu b’opinjonijiet dwar l-implimentazzjoni jew l-immaniġġjar tal-poteri li huma delegati lill-Kummissjoni mill-Kunsill. Din l-istedina tista’ tiġi estiża, fuq bażi ta’ każ b’każ, għall-gruppi ta’ esperti msejħa mill-Kummissjoni. [1] COM(1996)564 finali, 13.11.1996. [2] Il-Punt 4.2.b. COM(1999)710 finali, 20.12.1999. [3] Fuq l-ipoteżi li ċ-ċertifikazzjoni u spejjeż relatati oħra jammontaw għal medja ta’ 1.5% tal-kummerċ. [4] ĠU C …, …, p. … . [5] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2. [6] ĠU C …, …, p. … . [7] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2. [8] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 1. [9] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll trid tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.