Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0786

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika

    /* KUMM/2006/0786 finali */

    52006DC0786

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika /* KUMM/2006/0786 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 12.12.2006

    KUMM(2006) 786 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

    Dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. SFOND

    Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2004 talab għat-tħejjija ta' strateġija ġenerali li tipproteġi l-infrastruttura kritika. Fl-20 ta' Ottubru 2004 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika fil-Ġlieda kontra t-Terroriżmu li ressqet 'il quddiem suġġerimenti dwar x'jista' jistimola l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons Ewropew quddiem l-attakki terroristiċi li jinvolvu l-Infrastrutturi Kritiċi (Critical Infrastructures (CI)) .

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-"Prevenzjoni, it-Tħejjija u r-Rispons għall-Attakki Terroristiċi" u l-"Programm ta' Solidarjetà ta' l-UE dwar il-Konsegwenzi tat-Theddid u l-Attakki Terroristiċi" adottati mill-Kunsill f'Diċembru 2004 approvaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika (European Programme for Critical Infrastructure Protection (EPCIP)) u qabel mat-twaqqif mill-Kummissjoni ta' Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (Critical Infrastructure Warning Information Network (CIWIN)) .

    F'Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika (EPCIP) li pprovdiet għażliet ta' politika dwar kif il-Kummissjoni tista' twaqqaf EPCIP u CIWIN.

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet tal-Ġustizzja u ta' l-Intern (JHA) ta' Diċembru 2005 dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika sejħu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika.

    Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-prinċipji, il-proċessi u l-istrumenti proposti sabiex ikun implimentat l-EPCIP. L-implimentazzjoni tal-EPCIP għandha tkun issupplimentata fejn rilevanti minn Komunikazzjonijiet speċifiċi għas-settur li juru l-approċċ tal-Kummissjoni dwar setturi partikolari ta' l-infrastruttura kritika[1].

    2. GħAN, PRINċIPJI U KONTENUT TAL-EPCIP

    2.1. L-għan tal-EPCIP

    L-għan ġenerali tal-EPCIP hu li jtejjeb il-ħarsien ta' l-infrastrutturi kritiċi fl-UE. Dan l-għan għandu jitlaħaq bil-ħolqien ta' qafas Ewropew rigward il-ħarsien ta' infrastrutturi kritiċi li huwa stabbilit f'din il-Komunikazzjoni.

    2.2. Tipi ta' theddid li għandhom ikunu indirizzati mill-EPCIP

    Filwaqt li t-theddida mit-terroriżmu tiġi rikonoxxuta bħala prijorità, il-ħarsien ta' infrastruttura kritika għandha tkun ibbażata fuq approċċ għal kwalunkwe theddida. Jekk il-livell ta' miżuri protettivi f'settur partikolari tas-CI jitqies bħala xieraq, il-partijiet interessati għandhom jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq theddid li huma vulnerabbli għalih.

    2.3. Il-Prinċipji

    Il-prinċipji importanti li ġejjin għandhom ikunu ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-EPCIP:

    - Sussidjarjetà – L-isforzi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ħarsien ta' l-Infrastrutturi Kritiċi (Critical Infrastructure Protection (CIP)) għandhom jiffokaw fuq infrastruttura li hija kritika minn perspettiva Ewropea, iktar milli minn perspettiva nazzjonali jew reġjonali. Għalkemm il-Kummissjoni qed tiffoka fuq l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej ( European Critical Infrastructures (ECI) ), din tista', fejn hu mitlub, u waqt li tieħu f'kunsiderazzjoni tal-kompetenzi eżisteniti tal-Komunità u r-riżorsi disponibbli, tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali ( National Critical Infrastructures (NCI) ).

    - Kumplimentarjetà – il-Kummissjoni għandha tevita li tirrepeti l-isforzi eżistenti, kemm fuq il-livell ta' l-UE, nazzjonali jew reġjonali, fejn dawn l-isforzi urew li huma effettivi fil-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika. L-EPCIP għalhekk għandu jikkumplimenta u jibni fuq miżuri settorjali eżistenti.

    - Kunfidenzjalità – Kemm fuq il-livell ta' l-UE u fuq il-livell ta' l-Istati Membri, l-Informazzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika (Critical Infrastructure Protection Information (CIPI)) għandha tiġi kklassifikata kif xieraq u għandu jingħata aċċess għaliha biss fuq il-bażi ta' informazzjoni meħtieġa. It-tqassim ta' l-informazzjoni rigward is-CI għandu jseħħ f'ambjent ta' fiduċja u sigurtà.

    - Kooperazzjoni bejn il-Partijiet Interessati – Il-partijiet interessati kollha għandhom, kemm jista' jkun, ikunu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-EPCIP. Din għandha tinkludi l-proprjetarji/operaturi ta' infrastrutturi kritiċi magħżula bħala ECI kif ukoll bħala awtoritajiet pubbliċi u entitajiet rilevanti oħra.

    - Proporzjonalità – il-miżuri għandhom ikunu proposti biss fejn jiġi identifikat bżonn wara analiżi ta' nuqqasijiet fis-sigurtà eżistenti u għandhom ikunu proporzjonati mal-livell ta' riskju u t-tip ta' theddida involuta.

    - Approċċ settur b'settur – Peress li setturi varji għandhom esperjenza partikolari, l-għarfien espert u l-ħtiġiet rigward is-CIP, l-EPCIP għandu jiġi żviluppat fuq bażi ta' settur b'settur u implimentat wara qbil dwar lista ta' setturi tas-CIP.

    2.4. Il-qafas tal-EPCIP

    Il-qafas għandu jikkonsisti fi:

    - Proċedura għall-identifikazzjoni u l-għażla ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej, u approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-bżonnijiet biex jitjieb il-ħarsien ta' tali infrastrutturi. Din għandha tiġi implimentata permezz ta' Direttiva.

    - Miżuri mfasslin biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-EPCIP inkluż Pjan ta' Azzjoni EPCIP, in-Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN), l-użu ta' gruppi ta' esperti dwar is-CIP fuq il-livell ta' l-UE, proċessi ta' tqassim ta' informazzjoni dwar is-CIP u l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' interdipendenzi.

    - Appoġġ lill-Istati Membri rigward Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali (NCI) li jistgħu jintużaw b'mod fakultattiv minn Stat Membru partikolari. F'din il-Komunikazzjoni huwa stabbilit approċċ bażiku biex tkun protetta l-NCI.

    - Ippjanar ta' kontinġenza

    - Dimensjoni esterna

    - Miżuri finanzjarji ta' akkumpanjament u b'mod partikolari l-programm propost ta' l-UE dwar il-"Prevenzjoni, it-Tħejjija u l-Ġestjoni tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u Riskji oħra relatati mas-Sigurtà" għall-perjodu 2007-2013, li għandu jipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament għall-miżuri relatati mas-CIP b'potenzjal ta' trasferibbiltà ta' l-UE.

    Kull waħda minn dawn il-miżuri hija indirizzata hawn isfel.

    2.5. Il-Grupp ta' Kuntatt tas-CIP

    Huwa meħtieġ mekkaniżmu fuq il-livell ta' l-UE biex iservi bħala l-koordinazzjoni strateġika u l-pjattaforma ta' kooperazzjoni kapaċi li jmexxu 'l quddiem xogħol dwar l-aspetti ġenerali tal-EPCIP u azzjonijiet speċifiċi għas-settur. B'konsegwenza ta' dan, għandu jinħoloq Grupp ta' Kuntatt dwar is-CIP.

    Dan il-Grupp ta' Kuntatt għandu jgħaqqad flimkien il-Punti ta' Kuntatt tas-CIP minn kull Stat Membru u għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jaħtar Punt ta' Kuntatt għas-CIP li għandu jikkoordina kwistjonijiet relatati mas-CIP fi ħdan l-Istat Membru u ma' Stati Membri oħra, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-ħatra tal-Punt ta' Kuntatt għas-CIP m'għandux jipprekludi awtoritajiet oħra fl-Istat Membru milli jkun involut fi kwistjonijiet dwar is-CIP.

    3. INFRASTRUTTURI KRITIċI EWROPEJ (ECI)

    L-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej jikkonsistu f'dawk l-infrastrutturi kritiċi magħżula li huma ta' l-ogħal importanza għall-Komunità u li jekk jiġu interrotti jew jinqerdu jaffettwaw tnejn jew iktar Stati Membri, jew Stat Membru wieħed jekk l-infrastruttura kritika tkun tinsab fi Stat Membru ieħor. Dan jinkludi effetti li jaqsmu l-fruntieri li jirriżultaw minn interdipendenzi bejn infrastrutturi interkonnessi madwar setturi varji. Il-proċedura għall-identifikazzjoni u l-għażla ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (ECI), u approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-bżonnijiet biex jitjieb il-ħarsien ta' tali infrastrutturi għandha tiġi stabbilita permezz ta' Direttiva.

    4. MIżURI INTIżI BIEX JIFFAċILITAW L-IżVILUPP U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-EPCIP

    Għandhom jintużaw numru ta' miżuri mill-Kummissjoni biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-EPCIP u biex titkompla l-ħidma tal-Ħarsien tas-CI fuq il-livell ta' l-UE.

    4.1. Pjan ta' Azzjoni EPCIP

    L-EPCIP għandu jkun proċess li dejjem għaddej u għandu jitwettaq eżami b'mod regolari f'forma ta' Pjan ta' Azzjoni EPCIP. Il-Pjan ta' Azzjoni għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet li għandhom jinkisbu flimkien ma' l-iskadenzi rilevanti. Il-Pjan ta' Azzjoni (Anness) għandu jkun aġġornat regolarment fuq il-bażi tal-progress li jkun sar.

    Il-Pjan ta' Azzjoni EPCIP jorganizza attivitajiet reltatai mas-CIP madwar tliet flussi ta' ħidma:

    - Influss ta' Ħidma 1 li għandu jindirizza l-aspetti strateġiċi tal-EPCIP u l-iżviluppi tal-miżuri orizzontali applikabbli għall-ħidmiet kollha tas-CIP;

    - Influss ta' Ħidma 2 li għandu jindirizza l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej u li għandu jkun implimentat fuq livell settorjali

    - Influss ta' Ħidma 3 li għandu jappoġġja l-Istati Membri fl-attivitajiet tagħhom rigward l-Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali

    Il-Pjan ta' Azzjoni EPCIP għandu jkun implimentat billi jingħata kont ta' l-ispeċifiċitajiet tas-settur u billi jinvolvi partijiet interessati oħra, kif ikun xieraq.

    4.2. Netwerk ta' Informazzjoni ta' Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN)

    In-Netwerk ta' Informazzjoni ta' Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN) għandu jitwaqqaf permezz ta' proposta separata tal-Kummissjoni u għandha tingħata attenzjoni biex ma jkunx hemm xogħol ripetut. Dan għandu jipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta' l-aħjar prassi b'mod sikur. Is-CIWIN għandu jikkumplimenta n-netwerks eżistenti u jista' jipprovdi wkoll pjattaforma fakultattiva għall-iskambju ta' twissijiet rapidi marbuta mas-sistema ARGUS tal-Kummissjoni. L-akkreditazzjoni tas-sigurtà neċessarja tas-sistema għandha ssir skond il-proċeduri rilevanti.

    4.3. Gruppi ta' Esperti

    Id-djalogu bejn il-partijiet interessati huwa kruċjali għat-titjib tal-ħarsien ta' l-infrastrutturi kritiċi fl-UE. Fejn hemm bżonn ta' għarfien espert, il-Kummissjoni tista' għalhekk twaqqaf gruppi ta' esperti għas-CIP fuq il-livell ta' l-UE biex tindirizza kwistjonijiet definiti b'mod ċar u biex ikun faċilitat id-djalogu pubbliku-privat rigward il-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika. Il-gruppi ta' esperti għandhom jappoġġjaw l-EPCIP billi jiffaċilitaw l-iskambju ta' l-opinjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mas-CIP fuq bażi konsultattiv. Dawn il-gruppi ta' esperti jikkostitwixxu mekkaniżmu volontarju fejn ir-riżorsi pubbliċi u privati jitħalltu biex jinkiseb għan jew sett ta' għanijiet meqjusa li huma ta' benefiċċju reċiproku kemm għaċ-ċittadini u għas-settur privat.

    Il-gruppi ta' esperti għas-CIP mhux se jieħdu post gruppi eżistenti oħra diġà stabbiliti jew li jistgħu jkunu adattati biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-EPCIP, lanqas m'huma se jinterferixxu ma' skambji diretti ta' informazzjoni bejn l-industrija, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    Fuq il-livell ta' l-UE il-grupp ta' esperti għas-CIP għandu jkollu għan ċar dikjarat, qafas ta' żmien li fih għandu jitwettaq l-għan u sħubija identifikata b'mod ċar. Il-Gruppi ta' Esperti għas-CIP għandhom ikunu xolti wara li jiksbu l-għanijiet tagħhom.

    Funzjonijiet speċifiċi tal-gruppi ta' esperti għas-CIP jistgħu ivarjaw fis-setturi tas-CI skond il-karatteristiċi uniċi ta' kull settur. Dawn il-funzjonijiet jistgħu jinkludu dawn il-missjonijiet:

    - Assistenza fl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet, interdipendenzi u l-aqwa prassi settorjali;

    - Assistenza fl-iżvilupp ta' miżuri biex jitnaqsu u/jew ikunu eliminati nuqqasijiet sinifikanti u l-iżvilupp tar-rendiment tal-metriċi;

    - Iffaċilitar tat-tqassim ta' l-informazzjoni dwar is-CIP, it-taħriġ u l-bini tal-fiduċja;

    - L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' "każijiet tan-negozju" biex jintwera l-valur tal-parteċipazzjoni fil-pjanijiet u l-inizjattivi fil-ħarsien ta' l-infrastruttura lill-pari settorjali.

    - Għoti ta' għarfien espert speċifiku għas-settur u parir dwar suġġetti bħar-riċerka u l-iżvilupp.

    4.4. Il-proċess tat-tqassim ta' l-informazzjoni dwar is-CIP

    Il-proċess tat-tqassim ta' l-informazzjoni dwar is-CIP bejn il-partijiet interessati rilevanti jinħtieġ relazzjoni ta' fiduċja, biex il-patentat, l-informazzjoni sensitiva jew personali li kienu maqsuma b'mod volontarju ma jkunux żvelati pubblikament u biex id- data sensittiva tkun protetta kif xieraq Għandha tingħata attenzjoni biex ikunu rispettati d-drittijiet tal-privatezza.

    Il-partijiet interessati għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu l-informazzjoni rigward dawn il-kwistjonijiet bħas-sigurtà ta' l-infrastrutturi kritiċi u s-sistemi ta' informazzjoni, studji ta' interdipendenza u valutazzjonijiet tal-vulnerabilità relatata mas-CIP, tat-theddid u tar-riskji. Tali informazzjoni għandha tintuża biss għar-raġuni tal-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika. Kwalunkwe pproċessar personali ta' informazzjoni klassifikata għandu jkollu livell xieraq ta' sorveljanza u kontroll mill-Istat Membru li l-persuna kkonċernata hija ċittadin tiegħu.

    Barra minn dan, l-iskambju ta' l-informazzjoni dwar is-CIP għandu jirrikonoxxi li ċertu informazzjoni dwar is-CIP, għalkemm mhux klassifikata, tista' tkun sensittiva u għalhekk għandha tkun trattata b'attenzjoni.

    L-iskambju ta' informazzjoni dwar is-CIP għandu jiffaċilita dan li ġej:

    - Informazzjoni mtejba u preċiża u għarfien dwar l-interdipendenzi, it-theddid, il-vulnerabbiltajiet, l-inċidenti tas-sigurtà, kontromiżuri u l-aħjar prassi għall-ħarsien tas-CI;

    - Iktar għarfien dwar il-kwistjonijiet tas-CI;

    - Djalogu bejn il-partijiet interessati;

    - Taħriġ, riċerka u żvilupp iffukati aħjar;

    4.5. Identifikazzjoni ta' interdipendenzi

    L-identifikazzjoni u l-analżi ta' interdipendenzi, kemm ta' natura ġeografika u settorjali, għandhom ikunu element importanti biex jitjieb il-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika fl-UE. Dan il-proċess li dejjem għaddej għandu jikkontribwixxi fil-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, it-theddid u r-riskji li jikkonċernaw l-infrastrutturi kritiċi fl-UE.

    5. INFRASTRUTTURI KRITIĊI NAZZJONALI (NCI)

    Waqt li jkunu kkunsidrati l-kompetenzi tal-Komunità, ir-responsabbiltà għall-ħarsien ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali taqa' fuq il-proprjetarji/l-operaturi tal-NCI u fuq l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja lill-Istati Membri f'dawn l-isforzi meta tkun mitluba li tagħmel dan.

    Sabiex jitjieb il-ħarsien ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali kull Stat Membru huwa nkuraġġit li jistabbilixxi Programm Nazzjonali għas-CIP. L-għan ta' tali programm għandu jkun li jistabbilixxi l-approċċ ta' kull Stat Membru għall-ħarsien ta' l-Infrastruttri Kritiċi Nazzjonali li jinsabu fi ħdan it-territorju tiegħu. Tali programmi għandhom għall-inqas jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet:

    - L-identifikazzjoni u l-għażla mill-Istat Membru ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Nazzjonali skond il-kriterji nazzjonali predefiniti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu żviluppati minn kull Stat Membru waqt li jkunu meħuda f'kunsiderazzjoni dawn l-effetti kwalitattivi u kwantitattivi jekk tiġi interrotta jew tinqered infrastruttura partikolari:

    - Ambitu – L-interruzzjoni jew il-qerda ta' infrastruttura kritika partikolari għandha titkejjel skond iż-żona ġeografika li tista' tkun milquta bit-telfa jew bl-indisponibilità tagħha.

    - Severità – Il-konsegwenzi ta' l-interruzzjoni jew il-qerda ta' infrastruttura partikolari għandhom ikunu vvalutati fuq il-bażi ta':

    - L-effett pubbliku (numru tal-popolazzjoni milquta);

    - L-effett ekonomiku (l-importanza tat-telf ekonomiku u/jew degradazzjoni tal-prodotti jew servizzi);

    - L-effett ambjentali;

    - L-effetti politiċi;

    - L-effetti psikoloġiċi

    - Il-konsegwezzi għas-saħħa pubblika

    Fejn tali kriterji ma jeżistux, il-Kummissjoni għandha tassisti lil Stat Membru, fuq it-talba tiegħu, għall-iżvilupp tal-kriterji billi tipprovdi metodoloġiji rilevanti.

    - L-istabbiliment ta' djalogu mal-propretarji/l-operaturi tas-CIP.

    - L-identifikazzjoni ta' interdipendenzi ġeografiċi u settorjali.

    - It-tfassil ta' pjanijiet ta' kontinġenza relatati mal-NCI fejn jitqies li jkun meħtieġ.

    - Kull Stat Membru huwa mħeġġeġ li jibbaża l-Programm Nazzjonali tiegħu għas-CIP fuq lista komuni ta' setturi ta' CI stabbiliti għall-ECI.

    L-introduzzjoni ta' approċċi simili għall-ħarsien tal-NCI fl-Istati Membri għandha tikkontribwixxi biex ikun żgurat li l-partijiet interessati tas-CI madwar l-Ewropa jibbenefikaw milli ma jkunux soġġetti għal oqfsa li jvarjaw li jirriżultaw fi spejjeż addizzjonali, u li s-Suq Intern ma jkunx imfixkel.

    6. IPPJANAR TA' KONTINĠENZA

    L-ippjanar ta' kontinġenza huwa element prinċipali tal-proċess għas-CIP sabiex ikunu minimizzati l-effetti potenzjali ta' interruzzjoni jew qerda ta' infrastruttura kritika. L-iżvilupp ta' approċċ koerenti għall-elaborazzjoni ta' pjanijiet ta' kontinġenza li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħall-parteċipazzjoni tal-proprjetarji/l-operaturi ta' l-infrastruttura kritika, il-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali u t-taqssim ta' l-informazzjoni bejn il-pajjiżi ġirien għandu jifforma element importanti ta' l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika.

    7. DIMENSJONI ESTERNA

    It-terroriżmu, attivitajiet kriminali oħra, ir-riskji naturali u kawżi oħra ta' inċidenti mhumiex limitat bil-fruntieri internazzjonali. It-theddid ma jistax ikun ikkunsidrat f'kuntest purament nazzjonali. B'konsegwenza ta' dan, id-dimensjoni esterna tal-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika jeħtieġ li tittieħed f'kunsiderazzjoni fl-implimentazzjoni tal-EPCIP. In-natura interkonnessa u interdipendenti ta' l-ekonomija u tas-soċjetà tal-lum tfisser li anke interruzzjoni barra l-fruntieri ta' l-UE jista' jkollha impatt serju fuq il-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Huwa minnu wkoll li, l-interruzzjoni ta' infrastruttura kritika fi ħdan l-UE tista' tkun ta' ħsara għall-imsieħba ta' l-UE. Fl-aħħarnett, il-ħidma lejn l-għan li jiżdied il-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika fi ħdan l-Unjoni Ewropea għandu jimminimizza r-riskju li l-ekonomija ta' l-UE tkun imfixkla u b'hekk dan għandu jikkontribwixxi għall-kompetittività ekonomika globali ta' l-UE.

    Għalhekk, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għas-CIP lilhinn mill-UE permezz ta' tali miżuri bħal memoranda ta' ftehim speċifiċi għas-settur (eż. dwar l-iżvilupp ta' standards komuni, it-twettiq ta' studji konġuti relatati mas-CIP, l-identifikazzjoni ta' tipi komuni ta' theddid u l-iskambju ta' l-aħjar prassi dwar il-miżuri ta' ħarsien) u l-inkuraġġiment biex jogħlew l-istandards tas-CIP barra mill-UE għandhom għalhekk ikunu element impotanti tal-EPCIP Il-kooperazzjoni esterna dwar is-CIP għandha tiffoka l-iktar fuq il-ġirien ta' l-UE. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-interkonnettività globali ta' ċerti setturi li jinkludu l-ICT (teknoloġija ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni), u s-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ approċċ iktar globali. Id-djalogu u l-iskambju ta' l-aħjar prassi għandhom għaldaqstant jinvolvu l-imsieħba rilevanti kollha ta' l-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi wkoll it-titjib tal-ħarsien ta' l-infrastrutturi kritiċi f'pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-UE billi taħdem ma' l-imsieħba tal-G8, il-Euromed u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat permezz ta' strutturi u oqsma ta' politika eżistenti, inkluż l-"Istrument għall-Istabilità".

    8. MIŻURI FINANZJARJI TA' AKKOMPANJAMENT

    Il-programm tal-Komunità dwar il-"Prevenzjoni, it-Tħejjija u l-Ġestjoni tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u Riskji oħra relatati mas-Sigurtà" għall-perjodu 2007-2013 għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EPCIP.

    Fi ħdan l-għanijiet ġenerali, u sakemm ma jkunx kopert minn strumenti finanzjarji oħra, il-programm għandu jistimola, jippromwovi u jiżviluppa miżuri dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni ta' konsegwenzi biex jipprevjenu jew inaqqsu ir-riskji kollha relatati mas-sigurtà, partikolarment ir-riskji relatati mat-terroriżmu, u fejn xieraq ibbażati fuq valutazzjonijiet komprensivi tat-theddid u tar-riskju.

    L-iffinanzjar taħt il-programm, permezz ta' sussidji u ta' azzjonijiet bl-inizjattiva tal-Kummissjoni, għandhom jintużaw lejn l-iżvilupp ta' strumenti, strateġiji, metodoloġiji, studji, valutazzjonijiet u attivitajiet/miżuri fil-qasam tal-ħarsien effettiv ta' l-infrastruttura kritika (kemm fuq il-livelli ta' l-UE u ta' l-Istati Membri).

    ANNESS

    Pjan ta' Azzjoni EPCIP

    Influss ta' Ħidma 1. Strateġiji konsekuttivi EPCIP

    L-Influss ta' Ħidma 1 għandu jservi bħala pjattaforma strateġika għall-koordinazzjoni ġenerali tal-EPCIP u l-kooperazzjoni bejn il-Grupp ta' Kuntatt UE għas-CIP.

    Fażi 1

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Identifikazzjoni ta' setturi prijoritarji għall-azzjoni (Is-setturi tat-trasport u l-enerġija għandhom ikunu fost l-ewwel prijoritajiet) | Il-Kummissjoni | Mill-iktar fis possibbli u minn dakinhar 'il quddiem fuq bażi annwali |

    Żvilupp ta' definizzjonijiet ta' ħidma u terminoloġija komuni tas-CI ibbażati skond is-settur | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | l-iktar tard sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-ECI |

    Elaborazzjoni ta' kriterji ġenerali li għandhom jintużaw fl-identifikazzjoni ta' l-ECI | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | l-iktar tard sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-ECI |

    Ħolqien ta' inventarju ta' programmi eżistenti nazzjonali, bilaterali u ta' l-UE dwar il-programmi ta' ħarsien ta' infrastruttura kritika | Il-Kummissjoni, Stat Membru | kontinwa |

    Ħolqien u ftehim dwar linji gwida dwar il-ġabra u l-użu ta' data sensittiva bejn il-partijiet interessati | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Ġabra ta' l-aħjar prassi relatati mas-CIP, għodod għall-valutazzjoni tar-riskju u metodoloġiji | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Kummissjonar ta' studji dwar l-interdipendenzi | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Fażi 2

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Identifikazzjoni ta' lakuni fejn inizjattivi tal-Kummissjoni jista' jkollhom valur miżjud | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Fejn relevanti, it-twaqqif ta' gruppi ta' esperti għas-CIP ibbażati skond is-settur fuq il-livell ta' l-UE | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Identifikazzjoni ta' proposti għal azzjonijiet għas-CIP li jistgħu jkunu ffinanzjati fuq il-livell ta' l-UE | Il-Kummissjoni, Stat Membru | kontinwa |

    Il-bidu ta' finanzjament ta' l-UE għal azzjonijiet għas-CIP | Il-Kummissjoni | kontinwa |

    Fażi 3

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Il-bidu ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali; | Il-Kummissjoni, Stat Membru | kontinwa |

    Influss ta' Ħidma 2. Ħarsien ta' Infrastruttura Kritika Ewropea (ECI)

    L-Influss ta' Ħidma 2 se jiffoka fuq it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà ta' l-ECI.

    Fażi 1

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Elaborazzjoni ta' kriterji speċifiċi li għandhom jintużaw għall-identifikazzjoni ta' l-ECI | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | l-iktar tard sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-ECI |

    Fażi 2

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Identifikazzjoni u verifika fuq bażi ta' settur b'settur tas-CI li jikkwalifikaw bħala ECI | Il-Kummissjoni, Stat Membru | l-iktar tard sena wara l-adozzjoni tal-kriterji relevanti u min hemm 'il quddiem fuq bażi kontinwa |

    Għażla ta' l-ECI | Il-Kummissjoni, Stat Membru | kontinwa |

    Identifikazzjoni ta' vulnerabbiltajiet, theddid u riskji għall-ECI partikolari inkluż l-istabbiliment ta' Pjanijiet ta' Sigurtà għall-Operaturi (Operator Security Plans (OSP)) | Il-Kummissjoni, Stat Membru, proprjetarji/operaturi ta' l-ECI (rapport ġeneriku lill-Kummissjoni) | l-iktar tard sena wara l-għażla ta' l-ECI |

    Valutazzjoni ta' jekk hemmx bżonn ta' miżuri ta' ħarsien u jekk hemmx bżonn ta' miżuri fuq il-livell ta' l-UE | Il-Kummissjoni, Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | l-iktar tard sena wara l-għażla ta' l-ECI |

    Valutazzjoni ta' l-approċċ ta' kull Stat Membru għal-livelli ta' twissija rigward l-infrastruttura magħżula bħala ECI. It-tnedija ta' studju dwar il-fattibbiltà dwar il-kalibrar jew l-armonizzazzjoni ta' dawn it-twissijiet. | Il-Kummissjoni, Stat Membru | kontinwa |

    Fażi 3

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Żvilupp u adozzjoni ta' proposti għal miżuri minimi ta' ħarsien rigward l-ECI | Il-Kummissjoni, Stat Membru, proprjetarji/operaturi ta' l-ECI | Wara l-valutazzjoni ta' jekk hemmx bżonn ta' miżuri ta' ħarsien u jekk hemmx bżonn ta' miżuri fuq il-livell ta' l-UE |

    Implimentazzjoni ta' miżuri minimi ta' ħarsien | Stat Membru, proprjetarji/operaturi ta' l-ECI | kontinwa |

    Influss ta' Ħidma 3. Appoġġ rigward l-NCI

    L-Influss ta' Ħidma 3 huwa influss ta' ħidma ta' bejn l-Istati Membri biex jassisti l-Istati Membri fil-ħarsien ta' l-NCI.

    Fażi 1

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Skambju ta' informazzjoni dwar il-kriterji użati għall-identifikazzjoni ta' l-NCI | Stat Membru (il-Kummissjoni tista' tassisti fejn mitlub) | kontinwa |

    Fażi 2

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Identifikazzjoni u verifika fuq bażi ta' settur b'settur tas-CI li jikkwalifikaw bħala NCI | Stat Membru u partijiet interessati oħra fejn rilevanti | kontinwa |

    Għażla tas-CI bħala NCI | Stat Membru | kontinwa |

    Analiżi ta' lakuni eżistenti fis-sigurtà b'rabta ma' l-NCI fuq bażi ta' settur b'settur | Stat Membru u partijiet interssati oħra fejn rilevanti (il-Kummissjoni tista' tassisti fejn ikun mitlub) | kontinwa |

    Fażi 3

    Azzjoni | Attur | Perjodu ta’ żmien |

    Twaqqif u żvilupp ta' Programmi Nazzjonali għas-CIP | Stat Membru (il-Kummissjoni tista' tassisti fejn mitlub) | kontinwa |

    Żvilupp ta' miżuri speċifiċi ta' ħarsien għal kull NCI | Stat Membru, NCI (il-Kummissjoni tista' tassisti fejn mitlub) | kontinwa |

    Monitoraġġ li l-proprjetarji/l-operaturi iwettqu l-miżuri ta' implimentazzjoni neċessarji | Stat Membru | kontinwa |

    [1] Il-Kummissjoni biħsiebha tressaq 'il quddiem Komunikazzjoni dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika Ewropea ta' l-Enerġija u t-Trasport.

    Top