Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0666

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament ewropew, il-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar it-Tieni Valutazzjoni Temporanja Esterna tal-Programm Kultura 2000

    /* KUMM/2006/0666 finali */

    52006DC0666

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament ewropew, il-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar it-Tieni Valutazzjoni Temporanja Esterna tal-Programm Kultura 2000 /* KUMM/2006/0666 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 8.11.2006

    KUMM(2006) 666 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Rapport dwar it-Tieni Valutazzjoni Temporanja Esterna tal-Programm Kultura 2000

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Rapport dwar it-Tieni Valutazzjoni Temporanja Esterna tal-Programm Kultura 2000

    WERREJ

    1. Introduzzjoni 4

    2. Sfond għall-valutazzjoni esterna 4

    3. Valutazzjoni esterna 4

    3.1. Kondizzjonijiet tal-valutazzjoni 4

    3.2. Metodoloġija 5

    3.3. Sejbiet ta’ l-evalwatur 5

    3.3.1. Aspetti finanzjarji 5

    3.3.2. Fokus annwali fuq is-settur kulturali 5

    3.3.3. Valur miżjud Ewropew 6

    3.3.4. Rilevanza 6

    3.3.5. Effettività u impatt 6

    3.3.6. Effiċjenza u effettività fl-infiq 7

    3.3.7. Utilità, valur miżjud u sostenibilità 7

    4. Rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-valutazzjoni esterna u kummenti mill-Kummissjoni 8

    5. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni 10

    SOMMARJU EŻEKUTTIV

    Kultura 2000 kien l-istrument ta’ finanzjament u pprogrammar prinċipali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni kulturali matul il-perjodu 2000-2006, b’baġit ta’ madwar €236 miljun.

    Dan ir-rapport hu bbażat fuq it-Tieni Valutazzjoni Temporanja tal-Programm, imwettqa minn konsulenza indipendenti. Fih jinsabu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-konsulenza kif ukoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar dawn ta’ l-aħħar.

    L-evalwatur jikkonkludi li l-Programm wettaq l-għanijiet tiegħu u pprovda mekkaniżmu adegwat biex jiġu indirizzati kemm il-ħtiġijiet oriġinali u kif ukoll attwali li jirrigwardaw il-kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa. Jikkonferma wkoll li hemm ħtieġa għal programm li jkollu x’jaqsam speċifikament mas-settur kulturali, aktar milli l-kultura tiġi inkluża fi programmi oħra.

    Skond l-evalwatur, Kultura 2000 jindirizza b’mod ċar in-nuqqasijiet fit-trawwim ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-Ewropa u jiġġenera kooperazzjoni ġdida sostanzjali permezz ta’ rabtiet ġodda jew rinforzati bejn l-operaturi kulturali Ewropej.

    Numru ta’ benefiċċji għall-organizzazzjonijiet li qed jieħdu sehem f’Kultura 2000 ġew identifikati: akkwist ta’ esperjenza fil-qasam kulturali f’livell Ewropew; aktar professjonaliżmu permezz ta’ tisħiħ fil-kapaċitajiet maniġerjali; kapaċità mtejba ta’ organizzazzjoni u individwali; żieda fid-djalogu fost l-atturi kulturali. Ta’ min jinnota li l-parteċipanti rrappreżentaw l-ispektrum sħiħ artistiku u ġew minn organizzazzjonijiet ta’ kull tip u daqs, b’nofs tal-benefiċjarji b’anqas minn għaxar impjegati.

    Skond l-evalwatur, dawn il-kisbiet u d-dimensjoni Ewropea tal-Programm wasslu għal rabtiet kuturali rinforzati fost il-pajjiżi, għal perċezzjoni miżjuda ta’ l-identità Ewropea u għal integrazzjoni aħjar ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

    Bħala eżempju, nofs ir-rispondenti ma kinux lanqas biss jikkonċepixxu l-proġett tagħhom mingħajr Kultura 2000. Il-Programm kien għalhekk katalizzatur importanti għall-ideat.

    Inkiseb ukoll livell għoli ta’ sostenibilità. Kważi żewġ terzi mir-rispondenti tas-servej indikaw li huma kienu se jkomplu għaddejjin bir-rabtiet mal-partenarjati li huma kienu fformaw. Ugwalment, żewġ terzi tar-rispondenti indikaw li huma kienu se jkomplu attivitajiethom wara t-tmiem tal-proġett tagħhom.

    Finalment, l-evalwatur għamel xi rakkomandazzjonijiet, li l-biċċa l-kbira tagħhom diġà ġew parzjalment jew totalment implimentati, jew se jiġu adotti fil-Programm Kultura l-ġdid[1], li se jieħu post Kultura 2000 mill-2007 ’l quddiem. Dan japplika partikularment għar-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-ħtieġa ta’ għarfien u promozzjoni akbar tal-kisbiet tal-proġett permezz ta’ strateġija attiva ta’ tixrid, biex b’hekk tiżdied il-viżibilità kemm tal-Programm kif ukoll tal-proġetti ffinanzjati bis-saħħa tiegħu. Hu biss bl-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi għolja u effettivi ta’ tixrid li l-benefiċċji tal-Programm jistgħu jinqasmu u jiżviluppaw, speċjalment peress li Kultura 2000 - minħabba l-baġit relattivament żgħir tiegħu - mhux intenzjonat li jkun programm b’volum għoli.

    1. INTRODUZZJONI

    Dan ir-rapport hu ppreżentat skond il-kondizzjonijiet tal-ħames premessa tad-Deċiżjoni 626/2004/KE[2] li testendi Kultura 2000 għas-snin 2005 u 2006. Hu jesponi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tat-Tieni Valutazzjoni Temporanja tal-Programm li tista’ tkun akkwistata permezz tal- link misjub hawn taħt:

    http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/evalreports/index_en.htm

    2. SFOND GħALL-VALUTAZZJONI ESTERNA

    Kultura 2000 ġie stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2000[3] (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni”). Hu intenzjonat li jsostni l-kooperazzjoni kulturali bl-għan li jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ spazju kulturali komuni għall-ġnus Ewropej. B’dan l-iskop, tmien għanijiet speċifiċi huma stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

    Is-sostenn jinkiseb permezz ta’ tliet tipi ta’ azzjonijiet. L-Azzjoni 1 ssostni proġetti annwali, implimentati minn operaturi kulturali[4] minn ta’ l-anqas tliet pajjiżi, kif ukoll proġetti ta’ traduzzjoni li ma jeħtiġux partenarjat. L-Azzjoni 2 ssostni proġetti multi-annwali koperti bi ftehimiet ta’ kooperazzjoni, li jinvolvu operaturi[5] minn ta’ l-anqas ħames pajjiżi. Finalment, l-Azzjoni 3 tippromwovi avvenimenti kulturali speċjali b’dimensjoni Ewropea u/jew internazzjonali.

    Kultura 2000 hu programm ċentralizzat li jiġbor fih netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Kulturali (CCPs) fil-pajjiżi parteċipanti. Is-CCPs huma prinċipalment risponsabbli għal promozzjoni tal-Programm, billi jiffaċilitaw l-aċċess għalih u jikkonnettjawh ma’ setturi kulturali fil-livell nazzjonali.

    3. Valutazzjoni esterna

    3.1. Kondizzjonijiet tal-valutazzjoni

    Wara sejħa għall-offerti[6], il-kumpanija Ecotec Research and Consulting Ltd intgħażlet biex twettaq il-valutazzjoni. Din il-valutazzjoni kienet intenzjonata li ssegwi l-forma u l-komplement ta’ l-ewwel valutazzjoni, li r-rapport dwarha ġie ppreżentat fl-2003. Konsegwentement, din tkopri prinċipalment is-snin 2002-2004 għall-Azzjonijiet 1 u 3 u l-2000-2001 għall-Azzjoni 2.

    3.2. Metodoloġija

    Il-metodoloġija inkludiet intervisti mal-membri tal-Kumitat Maniġerjali, ir-rappreżentanti tas-CCP, l-esperti, il-mexxejja tal-proġetti, il-koorganizzaturi u l-istaff tal-Kummissjoni. Tnieda e-servej, li jimmira l-mexxejja tal-proġetti u l-koorganizzaturi, u studji tal-każijiet twettqu fuq il-post.

    3.3. Sejbiet ta’ l-evalwatur

    Fuq nota ġenerali, l-evalwatur sab li Kultura 2000 kien mekkaniżmu adegwat biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa.

    Matul il-perjoud 2000-2004, 1072 proġett irċevew finanzjament: kważi 40% ta’ l-applikanti ta’ l-Azzjoni 1 u 18% ta’ dawk ta’ l-Azzjoni 2 irċevew finanzjament[7].

    Il-parteċipanti ta’ Kultura 2000 jikkostitwixxu firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet, fir-rigward tal-qasam kulturali, tad-daqs u tal-forma legali (l-NGOs, l-istituzzjonijiet kulturali nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-intrapriżi privati, eċċ.). Ta’ min isemmi li l-biċċa l-kbira ta’ l-operaturi kulturali li jirċievu finanzjament kienu relativament żgħar f’termini ta’ kapaċità ta’ organizzazzjoni; nofs ir-rispondenti ta’ l-e-servej kellhom anqas minn għaxar impjegati, u l-biċċa l-kbira tagħhom kellhom anqas minn sitta.

    Safejn hu kkonċernat l-aspett ta’ kooperazzjoni, madwar żewġ terzi tal-proġetti bnew partenarjati ġodda[8].

    3.3.1. Aspetti finanzjarji

    Biex tiġi żgurata kooperazzjoni vera tal-proġett, regola ta’ 5% kienet introdotta fl-2001, li teħtieġ kontribuzzjoni minima għal baġit totali mingħand il-mexxejja tal-proġetti u l-koorganizzaturi. L-evalwatur ma sab ebda evidenza li organizzazzjonijiet mill-Istati Membri l-ġodda (NMS) jew operaturi żgħar (ara 3.3 hawn fuq) ġew esklużi bħala riżultat ta’ dan ir-rekwiżit. Safejn l-NMS huma kkonċernati, l-ispjegazzjoni tista’ tkun li nħoloq finanzjament komplementari nazzjonali/reġjonali f’sebgħa minnhom, kif ukoll fir-Rumanija. Permezz ta’ dawn il-fondi, applikanti ta’ Kultura 2000 li kellhom suċċess irċevew ko-finanzjament nazzjonali/reġjonali. L-evalwatur stqarr li hemm każ b’saħħtu ta’ ħtieġa ta’ livell minimu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-koorganizzaturi kollha bħala mezz li jiġi żgurat livell konkret ta’ impenn[9].

    Fl-2004 l-finanzjament tal-proġetti ta’ l-Azzjoni 1 tbiddel, minn 50% bħala self u 50% wara l-aċċettazzjoni tar-rapport finali mill-Kummissjoni, għall-ħlas parzjali ta’ 70/30. 60% tar-rispondenti kkunsidraw li dan tejjeb il-likwidità[10].

    3.3.2. Fokus annwali fuq is-settur kulturali

    Matul l-2002, l-2003 u l-2004 ġew applikati, prijoritajiet annwali fir-rigward tas-setturi kulturali (arti viżwali, arti ta’ l-ispettaklu u wirt kulturali). La l-valutazzjoni preċedenti u lanqas dik attwali ma japprovaw il-mudell – l-avviċinament ġenerali fil-qasam kulturali hu transsettorjali.

    3.3.3. Valur miżjud Ewropew

    Ħafna mill-intervisti enfasizzaw li Kultura 2000 hu l-uniku mekkaniżmu għas-sostenn tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-Ewropa, peress li kull pajjiż għandu l-prijoritajiet domestiċi tiegħu[11]. U, skond l-evalwatur[12], it-tlaqqigħ flimkien ta’ parteċipanti minn diversi ambjenti u kulturi fih innifsu jiġġenera kunċetti ġodda u jservi ta’ impetu għal aktar kollaborazzjoni. It-tisħiħ ta’ l-irbit kulturali fost il-pajjiżi, perċezzjoni miżjuda ta’ l-identità Ewropea u integrazzjoni aħjar ta’ l-Istati Membri l-ġodda ssemmew bħala eżempji oħra ta’ kontribuzzjonijiet.

    3.3.4. Rilevanza [13]

    Skond il-valutazzjoni, Kultura 2000 jipprovdi bażi adegwata biex jiġu indirizzati kemm il-ħtiġijiet oriġinali kif ukoll attwali fir-rigward tal-kooperazzjoni kulturali (98% tar-rispondenti), u l-oqsma kulturali li hu japplika [14] b’mod adegwat jirriflettu n-natura tal-qasam tal-kultura (97% tar-rispondenti). Hemm opinjoni mxerrda ħafna li l-programm hu ffokat tajjeb f’termini ta’ miri u għanijiet.

    Hemm ukoll perċezzjoni mxerrda ħafna tal-ħtieġa ta’ programm li b’mod speċifiku jsostni s-settur kulturali (aktar milli jinkludi l-kultura fi programmi oħra).

    Madankollu, Kultura 2000 jimla’ b’mod ċar lakuna fil-finanzjament għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-Ewropa, li mhux indirizzat mill-programmi ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali. Il-Programm iġġenera wkoll kooperazzjoni sostanzjali tranżnazzjonali ġdida. Ħafna mir-rabtiet ta’ partenarjati u mill-attivitajiet komplew wara t-tmiem tal-finanzjament ta’ Kultura 2000 u f’ċerti każijiet rabtiet wasslu għal attività ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali addizzjonali li mhumiex relatati ma’ Kultura 2000.

    3.3.5. Effettività u impatt [15]

    Permezz ta’ l-eżistenza proprja tiegħu, Kultura 2000 qed jikkontribwixxi għall-għanijiet ċentrali biex jitkabbru l-kooperazzjoni, id-djalogu u l-iskambji fost l-operaturi kulturali fl-Ewropa.

    Jista’ wkoll jingħad li t-tmien għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni twettqu b’mod ġenerali, xi ftit minnhom f’miżura aktar minn oħrajn, b’mod partikulari f’termini ta’ għarfien imtejjeb tal-kulturi u l-wirt Ewropej u ta’ titjib tal-komprensjoni tad-diversità kulturali Ewropea.

    L-evalwatur identifika ostakoli possibbli għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, b’mod partikulari: in-nuqqas ta’ qbil bejn l-għanijiet wiesgħa tal-Programm u r-riżorsi limitati tiegħu; il-komplessità tar-rekwiżiti amministrattivi u ta’ organizzazzjoni; in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar partners potenzjali; il-kapaċitajiet dgħajfa min-naħa ta’ l-operaturi kulturali u n-nuqqas ta’ esperjenza fil-proġetti Ewropej kif ukoll in-nuqqas tar-riżorsi fi ħdan is-settur kulturali in ġenerali.

    3.3.6. Effiċjenza u effettività fl-infiq [16]

    B’mod ġenerali, ir-riżorsi amministrattivi u maniġerjali disponibbli għat-tħaddim tal-programm huma tassew ftit. L-evalwatur ikkonkluda li dan jidher li jirriżulta f’effiċjenza f’termini ta’ twettiq. Madankollu, instab ukoll li hemm nuqqas ta’ nfiq fl-ispejjeż amministrattivi u nfiq aktar milli suppost[17] għal proġetti. Skond l-evalwatur, riżorsi amministrattivi miżjuda għandhom iwasslu għal effiċjenza akbar jekk jintefqu fuq it-titjib tar-rispons ta’ l-applikanti, fuq il-ġbir ta’ database u fuq strateġija attiva ta’ tixrid.

    Rigward il-kontribuzzjonijiet u r-riżultati, l-evalwatur stqarr li, minħabba l-baġit komparattivament baxx tiegħu, hemm limitu ta’ kemm proġetti jistgħu jiġu sostnuti minn Kultura 2000. Il-kwalità u l-viżibilità huma, madankollu, valuri b’saħħithom u l-evalwatur isemmi l- impatt potenzjali kruċjali tal-programm bħala xi ħaġa li wieħed irid iħabbrek għaliha u jesplojtja.

    3.3.7. Utilità, valur miżjud u sostenibilità [18]

    Hemm evidenza ta’ firxa ta’ benefiċċji għal organizzazzjonijiet u individwi involuti f’Kultura 2000, inklużi: akkwist ta’ esperjenza usa’ fil-qasam kulturali u l-parteċipazzjoni fi proġetti Ewropej; professjonaliżmu miżjud minħabba l-kapaċitajiet maniġerjali meħtieġa; kapaċità mtejba ta’ organizzazzjoni u kompetenza ta’ l-istaff; żieda fid-djalogu fost l-atturi kulturali.

    Kultura 2000 iġġenera b’mod ċar momentum: il-biċċa l-kbira tar-rispondenti tas-servej indikaw li ma kinux jibdew mingħajr il-programm, iżda forsi aktar sinifikanti nofshom lanqas biss kienu jikkonċepixxu l-proġett tagħhom. Il-programm kien għalhekk katalizzatur importanti għall-ideat.

    20% tal-proġetti rrapportaw li qabel huma qatt ma kienu ħadmu ma ebda wieħed mill-partners tagħhom u 50% rrapportaw li huma kienu ħadmu biss ma’ xi ftit minnhom. 25% rrapportaw irbit ġdid, filwaqt li 33% indikaw irbit aktar b’saħħtu ma’ operaturi kulturali f’pajjiżi oħra. Ħafna mir-rispondenti tas-servej indikaw ukoll li huma se jkomplu b’xi mod l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, u kważi 67% tagħhom qalu li se jżommu rbit ma’ partenarjati li kienu fformaw.

    Skond l-evalwatur, hu improbabbli li xi strument ieħor seta’ kien aktar utli minn Kultura 2000 biex tiġi promossa l-kooperazzjoni kulturali. Id-diversità ta’ l-għanijiet toffri firxa wiesgħa lill-parteċipanti, filwaqt li l-iffokar fuq l-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni jinkuraġġixxi l-kreattività u forom ġodda ta’ espressjoni kulturali.

    4. RAKKOMANDAZZJONIJIET PRINċIPALI TAL-VALUTAZZJONI ESTERNA U KUMMENTI MILL-KUMMISSJONI

    Ir-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta’ l-evalwatur qed jintwerew b’tipi grassi, filwaqt li t-tweġiba tal-Kummissjoni qed tintwera b’tipi korsivi.

    L-allokazzjoni ta’ finanzjament disponibbli għal kull qasam u azzjoni kulturali għandha tiġi ppreżentata fis-sejħa annwali għal proposti, sabiex tiżdied it-trasparenza fil-proċess ta’ għażla.

    Id-distribuzzjoni tar-riżorsi bejn l-Azzjonijiet 1 u 2 hi fil-fatt diġà indikata fis-sejħiet għal proposti f’termini ta’ persentaġġ, flimkien mad-distribuzzjoni fost l-oqsma kulturali (permezz ta’ numri approssimattivi tal-proġetti f’kull qasam). Il-Programm Kultura tal-futur ma jsemmix b’mod espliċitu xi settur kulturali speċifiku, peress li kollha huma inklużi mingħajr restrizzjoni. Madankollu, se jkun hemm diversi tipi ta’ azzjonijiet (is-sostenn għal proġetti; is-sostenn lill-entitajiet kulturali Ewropej u s-sostenn għall-analiżi u l-informazzjoni) u l-allokazzjoni ta’ riżorsi baġitarji bejn il-linji ta’ żvilupp se tiġi indikata b’mod ċar.

    Il-Kummissjoni għandha tistaqsi lill-mexxejja tal-proġetti (u kandidati li ma kellhomx suċċess) biex jimlew kwestjonarju qasir li jfittex jikseb l-opinjoni tagħhom dwar l-applikazzjoni u l-għażla tal-proċedura. Il-ġbir ta’ informazzjoni b’dan il-mod għandu jiffaċilita l-adozzjoni ta’ sett ta’ Indikaturi Prinċipali ta’ Prestazzjoni għal kull għan tal-programm, li miegħu jista’ jitkejjel l-impatt tal-programm.

    F’termini ġenerali l-Kummissjoni għandha l-istess preokkupazzjoni, peress li data ta’ din ix-xorta se tikkostitwixxi bażi għal statistiki konkreti rigward il-Programm u l-prestazzjoni tiegħu. Madankollu, f’termini prattiċi u fil-kuntest attwali, jista’ jkun diffiċli li jinstabu r-riżorsi umani neċessarji biex tiġi konċepita u implimentata din il-biċċa xogħol.

    Strateġija ta’ tixrid tal-programm għandha tiġi żviluppata u ppubblikata biex tippromwovi l-programm u t-twettiq tiegħu fost il-partijiet prinċipalment interessati.

    Il-Kummissjoni hi konxja tassew kemm dwar il-ħtieġa ta’ attivitajiet ta’ informazzjoni u kumunikazzjoni mmirati b’mod xieraq kif ukoll dwar esplojtazzjoni aħjar tar-riżultati u l-kontribuzzjonijiet tal-proġetti. Attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid ta’ din ix-xorta se jiġu enfasizzati b’mod qawwi fil-Programm Kultura l-ġdid (linja ta’ żvilupp 3).

    Tassew, hu vitali li tiżdied il-viżibilità tal-Programm u tal-Proġetti ffinanzjati minnu sabiex jittejjeb l-impatt kruċjali tiegħu (b’kuntrast mal-massa kruċjali). Il-Kummissjoni se tkompli tippubblika n-newsletter tagħha fuq l-Internet u se jsiru sforzi sabiex jiġu ppubblikati aktar artikli fil-pubblikazzjoni tas-settur kulturali. Madankollu, b’kollaborazzjoni ma’ l-Aġenżija Eżekuttiva Edukazzjoni, Awdjoviżwali u Kultura (EACEA), il-website Ewropa qed tiġi attwalment żviluppata bl-iskop li ssir aktar faċli għall-utent u biex jiżdied l-ispazju ddedikat għal preżentazzjoni tal-proġetti. Proġetti ta’ kwalità għolja ppreżentati fid-dettall imbagħad se jkunu jistgħu jiġu esplojtjati f’kuntesti oħra.

    Il-Kummissjoni għandha tibda database online interrogattiva għat-tfittix ta’ partners li tippermetti l-operaturi kulturali jfittxu partners potenzjali u li tipprovdi wkoll links mill-paġni tal- website ta’ Kultura 2000 għal databases simili għat-tfittix ta’ partners ipprovduti mis-CCPs.

    Il-Kummissjoni biħsiebha tistudja l-aħjar mod ta’ kif tiżviluppa u żżomm għodda sħiħa u effettiva bbażata fuq it-teknoloġija ta’ l-internet. Għodda ta’ din ix-xorta tista’ titħaddem mis-CCPs (li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jakkwistaw id-dettalji ta’ l-operaturi kulturali fil-livelli nazzjonali/reġjonali), flimkien mal-Kummissjoni u l-EACEA (li taħdem bħala organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni). Jekk jogħġbok ara wkoll il-kummenti tal-Kummissjoni dwar il-website tagħha: f’dan il-kuntest, links aktar diretti jistgħu jsiru ma’ mekkaniżmu għat-tfittix ta’ partners li diġà pprovdut mis-CCPs.

    Il-formoli ta’ applikazzjoni għal Kultura 2007 għandhom jiġu ssimplifikati.

    Din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi kkunsidrata sal-limiti imposti mir-Regolament Finanzjarju u r-regoli ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. L-evalwatur ġie ripetutament mistoqsi mill-Kummissjoni biex jagħmel proposti konkreti għal miljorament iżda l-opinjonijiet li ta kienu ftit li xejn utli f’dan ir-rispett.

    Kull applikant għandu jirċievi informazzjoni ddettaljata bil-miktub dwar l-applikazzjoni tiegħu flimkien ma’ ittra uffiċjali li tagħti r-riżultat ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

    Sa mill-bidu ta’ Kultura 2000, saru sforzi biex tiġi ffaċċjata din l-isfida. L-isforzi se jkunu intensifikati fil-qafas tal-Programm Kultura l-ġdid. Madankollu, s’issa, il-Kummissjoni tat prijorità lill-finanzjament tan-numru massimu ta’ proġetti, li sa ċertu punt għandhom riżorsi limitati ta’ staff. Dan ifisser li hu prattikament impossibbli għall-Kummissjoni li tipprovdi annwalment lil madwar 700 applikanti bi tweġiba ddettaljata.

    In-numru ta’ staff b’kuntratt qasir ta’ l-Uffiċċju għall-Assistenza Teknika (inkarigat li jiċċekkja l-eliġibilità ta’ l-applikazzjonijiet) għandu jiżdied sabiex jitqassar iż-żmien tal-proċedura.

    M’hemmx aktar TAO. L-attivitajiet tiegħu ttieħdu mill-1 ta’ Jannar 2006 mill-EACEA, li hi responsabbli għall-immaniġġjar ta’ ċerti partijiet mill-Programm Kultura. Din l-entità speċjalizzata għandha tkun kapaċi tipprovdi lill-benefiċjarji b’servizzi mmaniġġjati aħjar u miljorati. Ta’ min isemmi wkoll li fatturi oħra bħall-proċedura tal-Kumitat Maniġerjali u d-Dritt ta’ Skrutinju sussegwenti tal-PE għandhom impatt akbar fuq il-proċess twil ta’ għażla[19].

    Kull applikazzjoni għandha tiġi vvalutata mill-esperti esterni mhux aktar minn darbtejn. Ġurnata ta’ tagħrif għall-esperti għandha tiġi organizzata qabel jew matul il-ġimgħa li fiha l-applikazzjoni tiġi vvalutata fi Brussell. L-esperti għandhom jinżammu fuq bażi multi-annwali. L-informazzjoni li tingħata mill-awtoritajiet nazzjonali għandha titfittex sabiex jiġi misjub għala l-esperti għandhom it-tendenza li ma jirritornawx fi snin sussegwenti. Ix-xogħol ta’ kull espert għandu jiġi vvalutat b’mod xieraq.

    Il-Kummissjoni hi konxja li l-użu ta’ esperti esterni hu importanti għal proċedura ta’ għażla bi kwalità għolja u trasparenti.

    Sa l-2005, sitt esperti vvalutaw kull applikazzjoni. Dan in-numru tnaqqas għal tnejn għall-għażla ta’ l-2006. Madankollu, il-karattru miftuħ tal-Programm Kultura għandu wkoll jiġi kkunsidrat; b’iffokar aktar b’saħħtu fuq l-attivitajiet transsettorjali, il-firxa tat-tagħrif (u b’hekk in-numru ta’ l-esperti) meħtieġa biex jiġi vvalutat il-konentut ta’ l-applikazzjonijiet se tiżdied.

    L-esperti huma mgħarrfa bil-posta minn qabel u huma mogħtija informazzjoni waqt laqgħa ta’ introduzzjoni mal-wasla tagħhom. Huma jiġu proposti mill-pajjiżi parteċipanti, u l-Kummissjoni titlob li dawn ma jiġux mistiedna aktar minn darbtejn, għal raġunijiet ta’ oġġettività. Espert/a ineffiċjenti jikser/tikser il-kuntratt li jorbtu/jorbotha mal-Kummissjoni u għandhom jittieħdu miżuri. Fil-qafas tal-Programm Kultura l-ġdid, metodi alternattivi ta’ kif jiġu rreklutati l-esperti esterni jistgħu jiġu ppjanati, li jwasslu sabiex il-proċedura timxi fuq il-linji tal-prattika segwiti minn programmi oħra tad-Direttorat-Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura.

    5. Konklużjonijiet tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni tapprova l-valutazzjoni ġenerali ta’ l-evalwatur li l-Programm ipprovda kontribuzzjoni unika għal kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa. Kultura 2000 kien strumentali fit-titjib tal-vitalità ta’ l-iskambji kulturali fl-Ewropa. Hu improbabbli li xi strument ieħor seta’ kien aktar utli minn dan il-programm biex tiġi promossa l-kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa. L-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 151 tat-Trattat twettqu għalhekk b’mod sħiħ.

    Effettivament, eluf ta’ organizzazzjonijiet kulturali ta’ kull daqs u tipi - teatri, mużewijiet, assoċjazzjonijiet professjonali, ċentri ta’ riċerka, universitajiet, istituti kulturali, awtoritajiet pubbliċi, eċċ. - mill-Ewropa kollha u li jirrappreżentaw l-ispektrum kollu ta’ l-attivitajiet kulturali ħadmu flimkien biex joħolqu u jimplimentaw proġetti kulturali u artistiċi. B’dan il-mod, numru akbar ta’ ċittadini Ewropej ingħataw l-opportunità unika li jiltaqgħu u jesploraw l-kulturi tal-konċittadini Ewropej tagħhom.

    Għalhekk hu importanti ħafna li jitkompla s-sostenn tal-Komunità għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa. Dan hu preċiżament dak li se jitwettaq mill-Programm Kultura l-ġdid. Bl-iffokar ta’ l-azzjoni ta’ l-UE fuq tliet għanijiet prinċipali li ġew identifikati li għandhom valur miżjud b’saħħtu Ewropew – il-mobilità tranżnazzjonali tal-ħaddiema fis-settur kulturali, iċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali tax-xogħlijiet ta’ l-arti kif ukoll dik ta’ proġetti artistiċi u kulturali, u d-djalogu interkulturali – dan il-programm se jmur lil hinn mill-predeċessuri tiegħu fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni kulturali fl-Ewropa.

    [1] COM(2004) 469 finali.

    [2] ĠU L 99, 03.04.2004.

    [3] ĠU L 63, 10.03.2000.

    [4] Mexxej ta’ proġett - responsabbli għal koordinazzjoni tal-programm – u minimu ta’ żewġ koorganizzaturi.

    [5] Mexxej ta’ proġett u minimu ta’ erba’ koorganizzaturi.

    [6] Sejħa għall-Offerti Nru EAC/31/04.

    [7] It-Tieni Valutazzjoni Temporanja, tabelli 3.6 u 3.9.

    [8] ibid. tabella 4.7

    [9] ibid. kapitolu 7.1.3

    [10] ibid. tabella 4.18

    [11] ibid. kapitolu 7.1.5

    [12] ibid. kapitolu 7.1.5

    [13] Kemm l-għanijiet tal-Programm huma rilevanti għas-settur kulturali fl-Ewropa llum il-ġurnata.

    [14] Għall-perjodu kopert minn din il-valutazzjoni, l-applikant intalab biex jikkategorizza l-proġett fi ħdan wieħed mis-setturi kulturali.

    [15] Kemm l-għanijiet stabbiliti twettqu.

    [16] Kemm l-effetti mixtieqa twettqu b'infiq raġonevoli.

    [17] It-Tieni Valutazzjoni Temporanja, tabella 3.4

    [18] Kemm l-effetti huma possibbili li jibqgħu jinħassu wara li attività tintemm.

    [19] COM(2003) 722, paġna 11.

    Top