Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0122

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Annwali tal-Politika għall-2007 - Nagħtu spinta ’l fiduċja permezz ta’ l-azzjoni

    /* KUMM/2006/0122 finali */

    52006DC0122

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Annwali tal-Politika għall-2007 - Nagħtu spinta ’l fiduċja permezz ta’ l-azzjoni /* KUMM/2006/0122 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 14.3.2006

    KUMM(2006) 122 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOċJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Strateġija Annwali tal-Politika għall-2007 Nagħtu spinta ’l fiduċja permezz ta’ l-azzjoni

    WERREJ

    Nagħtu spinta ’l fiduċja permezz ta’ l-azzjoni 3

    Parti I. Azzjonijiet ta’ prijorità fl-2007 6

    1. Prosperità 6

    2. Solidarjetà 8

    3. Sigurtà u Libertà 10

    4. L-Ewropa bħala msieħba dinjija 11

    5. Amministrazzjoni Ewropea u Regolamentazzjoni Aħjar fi tħaddim 14

    Parti II Qafas ġenerali għal riżorsi umani u finanzjarji għall-2007 15

    1. Riżorsi umani 15

    1.1. Rinfurzar relatat mat-tkabbir 15

    1.2. Kontribuzzjoni għal grupp ċentrali 15

    1.3. Total ta' riżorsi umani disponibbli għall-erba' prijoritajiet 15

    2. Riżorsi finanzjarji 16

    NAGħTU SPINTA ’L FIDUċJA PERMEZZ TA’ L-AZZJONI

    L-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha għaddejjin minn perjodu ta’ sfidi iebsa. Sabiex tittrattahom, l-azzjoni hija l-aqwa għażla ta’ l-Ewropa. Il-kunfidenza taċ-ċittadini fix-xogħol ta’ l-Unjoni jistrieħ fuq dak li tagħmel l-Unjoni u l-mod kif l-Unjoni ġġib ruħha. Il-Kummissjoni poġġiet it-twettiq effettiv ta’ politika fil-qalba ta’ l-għanijiet tagħha. Iżda biex dan tagħmlu possibbli, l-Unjoni Ewropea teħtieġ li taħdem permezz ta’ partenarjat veru sabiex tiżgura li l-iżvilupp, id-determinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej jistrieħu fuq pedamenti ta’ konsensus politiku qawwi.

    Is-sena 2007 se tara l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, sakemm dawn jilħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jimplimentaw b’mod sħiħ l- acquis ma’ l-adeżjoni tagħhom. Bl-issuktar tad-dibattitu dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa u l-abbozz tat-Trattat Kostituzzjonali, u bil-50 anniversarju tat-Trattat ta’ Ruma, l-attenzjoni se tiffoka b’mod naturali fuq il-valuri u l-għanijiet usa’ ta’ l-Unjoni Ewropea, u l-mod kif Unjoni modernizzata tista’ tirreaġixxi għall-aspirazzjonijiet ta’ l-Ewropej tal-lum. It-tnedija tal-programmi ġodda li jaqgħu taħt il-qafas finanzjarju 2007-2013 se tkun eżempju tanġibbli tar-risposta għal dawn il-kwistjonijiet. Għandha tkun sinjal għall-ġejjieni tad-dibattitu Ewropew sabiex l-ewwel jikkonċentra fuq dak li l-Ewropa għandha tkun qiegħda tagħmel, bl-appoġġ tal-Pjan D għal Demokrazija, Dibattitu u Djalogu. Komunikazzjoni effettiva ta’ l-affarijiet Ewropej u djalogu ġenwin maċ-ċittadini huma essenzjali sabiex jirbħu l-fiduċja tagħhom mill-ġdid. Attivitajiet ta’ komunikazzjoni se jakkwistaw impetu fl-2007, bil-biċċa l-kbira tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ewropa li Tikkomunika tkun twettqet u bil-konsultazzjoni fuq il- White Paper dwar il-Politika Ewropea ta’ Komunikazzjoni msarrfa f’azzjonijiet.

    L-Għanijiet Strateġiċi ta’ prosperità, solidarjetà u sigurtà adottati fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni joffru qafas politiku koerenti għall-azzjoni ta’ l-UE. Huma relevanti bħalma dejjem kienu sabiex jilħqu l-isfidi u l-aspetattivi attwali. Jagħmlu sejħa għal Ewropa b’saħħitha u jiddefinixxu d-direzzjoni għall-azzjoni. Permezz li jaħdmu flimkien lejn dawn l-għanijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jiksbu valuri miżjuda reali u joffru riżultati tanġibbli lill-popli ta’ l-Ewropa.

    L-għan ta’ l-Istrateġija Annwali ta’ Politika huwa li tidentifika projoritajiet ewlenin li se jiżviluppaw f’azzjonijiet prinċipali għall-2007. Dan jeħtieġ li jsir b’sens ċar ta’ kontinwità minn sena għall-oħra. Azzjonijiet ta’ prijorità għall-2007 ma jridux idumu aktar minn tnax-il xahar. Uħud se jimplimentaw id-deċiżjonijiet meħuda u l-konsultazzjonijiet li tniedu fl-2005 u l-2006. Bosta azzjonijiet se jkunu ffinalizzati jew implimentati aktar tard. Għalhekk huwa importanti li wieħed iħares lejn dawn l-azzjonijiet bħala parti minn proċess koerenti u interistruttiv ta’ l-iżvilupp tal-politika, bl-azzjonijiet individwali fid-diversi oqsma, ġewwa l-Ewropa u 'l barra minnha, li jikkostitwixxu l-passi fundamentali lejn l-għanijiet usa’ ta’ l-Ewropa.

    Is-sena 2007 se tkun il-punt fejn din il-Kummissjoni tkun waslet f'nofs il-mandat tagħha. Uħud mill-ewwel inizjattivi tagħha ta’ politika se jkunu twasslu sa l-implimentazzjoni. Direzzjonijiet ġodda se jiddeterminaw ix-xena għat-tieni nofs tal-mandat tal-Kummissjoni. Se tkun sena kritika għat-twettiq ta' l-għanijiet strateġiċi mifruxa fuq ħames snin. Iż-żmien qiegħed jagħfas u s-sena 2007 trid tagħti riżultati konkreti. Progress tanġibbli huwa essenzjali għall-kredibilità ta’ l-istrateġiji multiannwali diversi ta’ l-Ewropa. L-għan ewlieni jrid jibqa’ t-tkabbir, sabiex jinħolqu aktar impjiegi u li jkunu ta’ kwalità ogħla. Iċ-ċittadini huma fuq kollox inkwetati dwar xogħolhomm, u għandhom jibqgħu l-prijorità ewlenija ta’ l-Ewropa. Għan wieħed fundamentali ta’ l-operat għal din il-Kummissjoni naturalment se jibqa’ dak tat-tħaddim adattat ta’ l-Ewropa mkabbra u l-applikazzjoni sħiħa tal-politiki u r-regoli tal-Komunità fi ħdan l-Istati Membri kollha. Dawn l-attivitajiet prinċipali huma s-sisien li fuqhom jistgħu jinbnew il-prijoritajiet ġodda ta’ politika.

    Il-qafas għall-azzjoni

    Sa mit-twaqqif tagħha, il-Kummissjoni u l-imsieħba tagħha ta' l-UE taw bidu għal direzzjonijiet ewlenija ġodda għal politika Ewropea, filwaqt li żammew ukoll l-isforzi sabiex jikkonkludu dwar dossiers ewlenin li jifirxu fit-tul taż-żmien. Issa dawn iservu bħala sfond għal inizjattivi ġodda fl-2007.

    - L- istrateġija mġedda ta’ Liżbona tat ċarezza u konċentrazzjoni ġdida għall-mira ta’ l-Ewropa ta’ tkabbir u l-impjiegi. Din ħalliet il-frott ma’ l-ewwel Programmi Nazzjonali ta’ riforma fl-2006, bħala l-kontributi nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-riforma ekonomika, kif ukoll ma’ l-azzjoni fil-livell ta’ l-UE permezz tal-Programm ta’ Liżbona tal-Komunità. Dan kien sostnut bir-reviżjoni tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, l-Aġenda Soċjali riveduta u r-reviżjoni ta’ l-Istrateġija ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli. Il-politika ġdida ta' koeżjoni u l-fond rurali ġdid jiffukaw ukoll b'mod ċar ħafna fuq il-mira ta' tkabbir u l-impjiegi.

    - F’Ottubru 2005, is-Samit informali ta’ Hampton Court wkoll ħareġ konsensus fost il-mexxejja ta’ l-UE fuq sett ta’ kwistjonijiet ewlenin għall-azzjoni ta’ l-UE f’dinja li qiegħda tigglobalizza ruħha : riċerka u żvilupp, universitajiet, sfidi demografiċi, enerġija, emigrazzjoni u sigurtà. Dawn it-temi raw inizjattivi ġodda fix-xhur li ġejjin, inklużi dawk għall-ħolqien ta’ Istitut Ewropew għat-Teknoloġija, it-twaqqif ta’ Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ Green Paper dwar l-Enerġija, iżda dawn jeħtieġ li jsiru azzjonijiet prinċipali Ewropej.

    - Ladarba n-negozjati fuq il- Perspettivi Finanzjarji ġodda jiġu konklużi, dawn se joffru l-bażi għal azzjoni ta' għoti ta' fondi għall-Unjoni matul is-seba' snin li ġejjin, filwaqt li jżommu l-mira tagħhom fuq il-prijoritajiet ta' politika li jifirxu fit-tul.

    - Ir-rwol speċjali ta’ l-Unjoni fil-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja kien rikonoxxut fil- Programm ta’ l-Aja li spjega fid-dettall programm multiannwali għall-Unjoni f’dan il-qasam. Dan jibqa’ l-gwida prinċipali għall-azzjoni ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam li se tkun diretta mill-ġdid fl-2007 bħala reazzjoni għall-ewwel tabella tal-punteġġi annwali li għandha tiġi ppreżentata f’Ġunju ta’ din is-sena.

    - L-Unjoni stipulat ir-rotta lejn sett ta’ għanijiet komplementari sabiex tkattar il-prosperità, is-solidarjetà u s-sigurtà fuq livell globali, filwaqt li tfittex li tiżgura li swieq miftuħa, kompetizzjoni akbar u sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli joffru opportunitajiet ġodda u dinamiżmu aqwa lokalment kif ukoll fl-esteru. Il-politika tal-viċinat hija llum stabbilita bħala għodda ta’ politika estera flimkien mal-proċess ta’ tkabbir, bin-negozjati ta’ adeżjoni li nfetħu għall-Kroazja u t-Turkija. Il-konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp joffri l-ewwel qafas ġenwin ta’ politika bejn l-istituzzjonijiet kollha.

    Il-mistoqsijiet diretti lejn l-Unjoni permezz tal-ġejjieni tad-dibattitu ta’ l-Ewropa jistgħu jitwieġbu biss fl-isfond ta' Unjoni dinamika li ġġib bidla reali lill-Ewropa fi ħdan dawn l-oqsfa ta' politika.

    Inqiegħdu fil-prattika l-għanijiet

    Fl-2007, il-Kummissjoni timmira li dawn id-dmirijiet tagħmilhom realtà – u twassal it-twettiq tagħhom għal pass mexxej. Se timplimenta politiki li diġà sar qbil dwarhom, tiżviluppa inizjattivi sabiex iżżomm ir-ritmu ħalli jintlaħqu dawn il-miri, u se toħloq il-kuntest għat-tieni nofs tal-mandat.

    L-għanijiet strateġiċi ta’ prosperità, solidarjetà u sigurtà, ġewwa l-Unjoni u madwar id-dinja, se jibqgħu l-aktar punt importanti ta’ l-azzjoni tal-Kummissjoni. F’dawn l-oqsma kollha, l-Unjoni Ewropea għandha impatt dirett fuq il-kwistjonijiet ta’ tħassib primarju għaċ-ċittadini Ewropej. Se jibqa’ l-għan aħħari globali ta’ aktar tkabbir għal aktar impjiegi u li huma ta’ kwalità ogħla. L-Istrateġija ta’ L-Liżbona trid tagħmel impatt tanġibbli jekk l-Ewropa trid li tibqa’ kredibbli : u l-perspettiva makroekonomika aktar pożittiva trid tintuża sabiex twitti t-triq għall-bidla. l-Ewropa trid taħtaf kull opportunità sabiex tħaffef il-pass tar-riformi u tpoġġihom fil-prattika.

    L-2007 se tara wkoll direzzjonijiet ġodda għat-tieni nofs tal-mandat tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkun qiegħda tħejji l-ġejjieni, bi preparazzjoni intensiva tar-reviżjoni komprensiva tal-baġit ta’ l-Unjoni li twassal għall- White Paper fl-2008-2009.

    Din l-Istrateġija Annwali ta’ Politika tfassal l-azzjonijiet ta’ prijorità maħsuba għal kull wieħed mit-tliet għanijiet speċifiċi u l-mod ta’ kif jissarfu fl-estern u hija pass ieħor ’il quddiem fit-triq lejn il-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Dawn l-inizjattivi ġodda se jitressqu ’l quddiem b’mod parallel max-xogħol għal konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki li dwarhom diġà sar qbil u li jinsabu fi triqithom. Is-suċċess f’dar ir-rigward jirrikjedi li l-politiki attwali ta’ l-Unjoni jissuktaw li jkunu ġestiti u implimentati b’mod tajjeb. Taqsima finali tistipula r-riżorsi meħtieġa għal ġestjoni ta’ dawn il-politiki u sabiex nadattaw għall-ħtiġijiet ta’ Ewropa mkabbra.

    L-inizjattivi l-ġodda se jitressqu ’l quddiem b’rispett sħiħ tal-ħtieġa għal standards ta’ kwalità għolja għal azzjoni Ewropea. Inizjattivi Ewropej jridu jkunu koerenti, iffukati u vvalutati kif adattat. Il-Kummissjoni ntrabtet li twettaq valutazzjonijiet ta’ l-impatt fuq inizjattivi tagħha stess sabiex tikkonferma li l-azzjoni tkun iġġustifikata. Ir-responsabilità għal regolamentazzjoni aħjar hija maqsuma bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u l-istituzzjonijiet kollha għandhom sehem mir-responsabilità li jsarrfu d-deċiżjonijiet f’riżultati tanġibbli.

    L-Istrateġija Annwali ta’ Politika tipprovdi opportunità sabiex inħarsu ’l quddiem. Id-djalogu li kebbset bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej huwa essenzjali sabiex jitħejja x-xogħol futur b’mod adattat fl-2007 fuq il-bażi ta’ perspettiva komuni ta’ dak li l-Ewropa għandha twassal u tal-mod kif twasslu. Il-Kummissjoni tressaq din l-istrateġija fi spirtu ta’ partenarjat, u tistenna bil-ħeġġa l-perspettivi tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar fejn għandha tiddedika l-enerġiji tagħha l-Ewropa fl-2007.

    PARTI I. AZZJONIJIET TA’ PRIJORITÀ FL-2007

    1. Prosperità

    L-Istrateġija tal-qalba tal-Komunità għall-promozzjoni ta’ tkabbir u l-impjiegi li jifirxu fit-tul illum hija stabbilita sewwa. Fl-2005, l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona tħaddnet mill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew. Fl-2006, Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma se jieħdu l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija f’fażi ġdida u se jindikaw lejn fejn għandha tkun ikkonċentrata l-azzjoni fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni se tissokta bl-appoġġ ta’ l-azzjoni nazzjonali u taġixxi fejn adattat fil-livell ta’ Komunità sabiex tgħin ħalli l-2007 tagħmilha sena li fiha l -Istrateġija ta’ Liżbona tibda turi riżultati tanġibbli fil-prattika. Huma enfasizzati erba’ oqsma ta’ prijorità :

    - Għarfien, b’miri ċari għat-titjib tal-qafas ta’ l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni ta’ l-Ewropa bħala l-muturi għat-tkabbir

    - Intrapriża, b’mod partikolari l-SMEs, sabiex jiġi żgurat ambjent u aċċess għal finanzjament li jgħinu sabiex jintlaħaq il-potenzjal ta’ negozju ta’ l-Ewropa

    - Impjiegi u xjuħija, sabiex jintużaw il-ħiliet ta’ l-Ewropej fl-aqwa mod f’kull stadju ta’ ħajjithom

    - Enerġija, sabiex tiġi promossa strateġija ġenwina komuni sabiex jiġi żgurat il-forniment ta’ l-enerġija u l-użu effiċjenti tagħha.

    Dawn se jkunu l-punti l-aktar importanti għall-inizjattivi l-ġodda fl-2007. Il-politiki ta’ l-UE jeħtieġu li jkunu koerenti fl-appoġġ tagħhom għall-Istrateġija ta’ Liżbona. Għalhekk il-Kummissjoni se tkompli l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ għajnuna Statali. Il-Kummissjoni se tfittex li tilħaq bilanċ ġust bejn il-flessibilità ta’ l-impjieg u s-sigurtà ta’ l-impjieg. Se tagħmel ukoll segwitu tal- Green Paper fuq l-enerġija bi proposti aktar iddettaljati sabiex ittejjeb is-suq ta’ l-enerġija fl-Ewropa. Fl-istess waqt, il-prestazzjoni taż-żona ta’ l-euro se tkun kritika għal forniment ta’ pedamenti għat-tkabbir. Minħabba li ż-żona ta’ l-euro tista’ titkabbar sa mill-2007, il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri kkonċernati b’mod attiv sabiex tiżgura bidla mingħajr skossi u li tkun ippjanata tajjeb. Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta wkoll l-istrateġiji li diġà jinsabu fi triqithom fl-oqsma differenti ta’ politika, filwaqt li tibqa’ bid-determinazjoni tagħha tas-suq uniku, speċjalment fl-oqsma ewlenin tas-servizzi u tat-trasport.. In-normalizzazzjoni ta’ l-istrateġija regolatorja għas-suq intern għall-prodotti, inkluż il-ħolqien ta’ sistema effettiva u uniformi ta’ kontroll, se jiżguraw livell ekwivalenti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l- acquis madwar l-Ewropa kollha. Barra minn dan, ġestjoni effettiva ta’ l-emigrazzjoni legali hija kontribut essenzjali għall-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

    Prosperità: azzjonijiet ewlenin imbassra għall-2007 L-Istrateġija ta’ Liżbona Valutazzjoni annwali tal-progress u identifikazzjoni ta’ l-oqsma għal azzjoni ulterjuri Il-bidu tal-programmi l-ġodda għall-2007-13: Is-7 Programm ta’ Qafas tar-Riċerka; Programm ta’ Qafas tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni; Galileo; Netwerks Transewropej; Marco Polo; Tagħlim li jissokta matul il-ħajja; Dwana u Fiscalis. Azzjonijiet li jagħtu spinta lill-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni mill-Istati membri u s-settur privat, b’mod partikolari permezz ta’ l-appoġġ tas-swieq għal prodotti u servizzi innovattivi, sabiex jirsistu għal suq waħdieni attraenti għar-riċerkaturi, u sabiex isaħħu r-riċerka bbażata fl-università Tnedija tal-Programm Spazjali Ewropew Impjieg Komunikazzjoni dwar “flessigurtà”: nimmiraw għal bilanċ bejn il-flessibilità u sigurtà ta' l-impjieg Amministrazzjoni ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) Monitoraġġ imsaħħaħ ta’ programmi ta’ stabilità u konverġenza u djalogu miżjud ma’ l-Istati Membri li probabbli se jikkwalifikaw għal parteċipazzjoni fiż-żona ta’ l-euro. Żvilupp ulterjuri tat-tħaddim taż-żona ta’ l-euro taħt il-Patt riformat ta’ Stabilità u Tkabbir u koordinazzjoni msaħħa ta’ politika. Enerġija u Trasport: Inħejju għat-tfassil ta’ l-Osservatorju Ewropew tas-swieq ta’ l-enerġija Miżuri għall-appoġġ tat-tlestija tas-suq intern għall-eletriku u l-gass. Pjan ta’ Azzjoni fuq il-loġistika intermodali tat-trasport, li jimmira li jtaffi l-konġestjoni tat-traffiku u jnaqqas l-ispejjeż tat-trasport. Miżuri previsti mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ NAIADES għal promozzjoni tat-trasport tax-xmajjar u għall-isfruttar tal-potenzjal kummerċjali tiegħu. Suq Waħdieni Konċessjonijiet (is-segwitu għall-Green Paper fuq Partenarjati ta’ bejn l-entitajiet Pubbliċi u dawk Privati u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet tal-KE) Industrija tas-servizzi tal-ħlas – sabiex tinħoloq Żona Unika Ewropea tal-Ħlas sa l-2010. Azzjoni ssuktata għal ħolqien ta’ suq intern veru għas-servizzi finanzjarji Proporzjonalità ta’ kapital u kontroll (sehem wieħed, vot wieħed) sabiex titkabbar il-konverġenza bejn il-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati u d-drittijiet tagħhom ta’ kontroll f’kumpaniji elenkati. Il-promozzjoni ta’ tkabbir fis-swieq, it-tagħmir u s-servizzi tal-wireless, permezz ta’ strateġija komuni ta’ l-UE għall-allokazzjoni ta’ l-ispettru tar-radju. Swieq tad-difiża, billi jitwaqqfu regoli ġodda għall-prokura tad-difiża u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għat-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża, sabiex tintrebaħ il-frammentazzjoni tas-suq u tiżdied il-kompetizzjoni fil-qasam. Emigrazzjoni Legali Proposti fuq emigrazzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari sabiex jiħfief id-dħul ta’ ħaddiema avvanzati fis-sengħa tagħhom bħala segwitu tal-Pjan ta' Politika fuq l-emigrazzjoni legali. |

    - 2. Solidarjetà

    - It-tkabbir ekonomiku għandu jimxi id f’id ma’ koeżjoni ekonomika u soċjali, ħarsien ambjentali u uman ta’ livell għoli ħafna, b’ħarsa lejn ġenerazzjonijiet futuri u b’rispett għal valuri komuni : din hija l-qalba ta' żvilupp sostenibbli. F’bosta oqsma, l-Unjoni se timxi ’l quddiem f’rotta li dwarha sar qbil, b’Aġenda Soċjali riveduta u bi ftehim sabiex iġġib dimensjoni Ewropea lill-isfida tax-xjuħija demografika. L-2007 se tara ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi ta’ solidarjetà tidħol fis-seħħ, iffukata fuq politika ġdida ta’ koeżjoni u fuq żvilupp rurali. Negozjati interistituzzjonali u implimentazzjoni sussegwenti tar-riforma ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni għal inbid, frott u ħaxix u banana kif ukoll għaz-zokkor se jħallu spazju għal ġestjoni aktar sostenibbli għal dawn il-preġji essenzjali. Fl-2007, l-Ewropa se jkollha turi li l-ħarsien ta’ koeżjoni, ta’ solidarjetà u ta’ l-ambjent jimxu id f’id ma’ l-għan ta’ tkabbir u l-impjiegi . L-assenjazzjoni ta’ parti min-nefqa ta’ koeżjoni għal dan il-għan, fil-kuntest ta’ perjodu finanzjarju ġdid, se tkun essenzjali biex tintlaħaq din il-mira. Attenzjoni speċjali se tingħata lil:

    - Il-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli u ħarsien tar-riżorsi naturali , b’iffukar partikolari fuq li tiġi limitata t-telfa tal-bijodiversità.

    - Proposti għal politika marittima ta’ l-UE li se ġġib magħha strateġija globali għall-iżvilupp sostenibbli u l-kompetittività ta’ attivitajiet ibbażati fil-baħar.

    - Enerġija , fejn se tingħata enfasi partikolari għall-promozzjoni ta’ entitajiet ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu.

    - Inwettqu l-impenji ta’ l-UE ta’ bidla tal-klima , billi naġġornaw is-sistema ta’ l-skambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet ta’ l-UE.

    - L-2007 se tkun is-Sena Ewropea ta’ l- Opportunitajiet Indaqs għal kulħadd u se tagħmel sejħa għal azzjonijiet speċifiċi mfassla sabiex jiffaċilitaw il-ħajjiet taċ-ċittadini kkonfrontati bi problemi relatati mal-familja jew problemi relatati ma’ l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

    Fl-istess waqt, huwa importanti li tinżamm is-superviżjoni tal-liġi attwali pereżempju fil-qasam ta’ l-ugwaljanza ta’ bejn is-sessi, l-antidiskriminazzjoni, iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema u l-liġi tax-xogħol.

    Solidarjetà : azzjonijiet ewlenin imbassra għall-2007 Il-bidu ta’ programmi ġodda għall-2007-2013: Il-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali; Il-Fond ta’ Koeżjoni; Il-Fond Soċjali Ewropew; Il-Fond Ewropew ta' l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni; Il-programmi ta’ l-iżvilupp rurali; Il-Fond Ewropew tas-Sajd; Progress; Life +; Żgħażagħ fl-azzjoni, Kultura 2007; Media 2007; Ċittadini għall-Ewropa; Solidarjetà u Ġestjoni ta’ Flussi ta’ Emigrazzjoni; Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja. Solidarjetà Soċjali Direttiva Riveduta fuq it-trasferimenti ta’ impriżi. Konsultazzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali fuq it-trattativi kollettivi intrakonfinali. Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq tagħrif u konsultazzjoni tal-ħaddiema. Segwitu ta’ Green Paper dwar l-evoluzzjoni tal-liġi tax-xogħol. Strateġija Ewropea fuq it-Teknoloġiji ta’ l-Informatika u t-Telekomunikazzjoni sabiex tippromwovi inklużjoni soċjali u għajxienx indipendenti f’soċjetà li qiegħda tixjieħ. Ġustizzja u Affarijiet ta' l-Intern Segwitu għal Green Papers dwar suċċessjoni u wirt, il-ġabra ta’ kondizzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali u s-sekwestru tal-kontijiet bankarji. Green Paper u Pjan ta’ Politika dwar it-twaqqif tat-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea ta’ Kenn Politiku. Green Paper dwar l-infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Standards minimi relatati mal-ġbir u t-trattament ta’ evidenza bil-ħsieb ta’ ammissibilità reċiproka. Komunikazzjoni fuq il-politika dwar id-drogi u fuq il-mekkaniżmi sabiex jidentifikaw, jissorveljaw u jirreaġixxu għax-xejriet emerġenti fl-użu tad-droga u s-swieq tad-droga. Komunikazzjoni dwar interpretazzjoni aktar armonizzata tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data Ġestjoni u Użu Sostenibbli ta’ Riżorsi u Ħarsien ta’ l-Ambjent Reviżjoni ta’ l-Iskema ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet ta' l-UE u Proposta dwar il-Qbid u l-Ħażna Ġeoloġika tal-Karbon. Inizjattiva ġdida dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi Ambjentali bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli. Strutturi ġodda għall-iżvilupp u l-wirja ta’ teknoloġiji nodfa tal-faħam. It-twaqqif ta’ Aġenzija tal-Kimiċi ta’ l-UE f’Ħelsinki u l-implimentazzjoni tal-Leġiżlazzjoni dwar ir-regolament ġdid tal-kimiċi (REACH). Reviżjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitat u l-Għasafar, sabiex jiġu adattati għal għarfien xjentifiku ġdid. Konklużjoni tal-konsultazzjoni tal-Green Paper dwar politika futura marittima u preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni. |

    - 3. Sigurtà u Libertà

    Sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u l-ġustizzja u ġestjonati r-riskji moderni tinħtieġ dimensjoni ta' l-UE sabiex tkun effettiva. Fl-2005, Il-Programm ta’ l-Aja fassal il-mod kif jitmexxew ’il quddiem il-politiki ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja fl-Ewropa fl-2005-2009. Ewalwazzjoni primarja se ssir fit-tieni nofs ta’ l-2006.

    Fl-2007, il-mira ewlenija se tkun l-emigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri, bit- tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni ma’ l-Istati Membri l-ġodda u bejniethom u l-estensjoni taż-Żona ta’ Schengen, wara verifika li ntlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa u li ġew attwati miżuri ta’ sostenn. Barra min dan:

    - Il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-vjolenza se tkun ta’ sinifikat partikolari, b’inizjattivi sabiex inaqqsu l-ambitu għall-kriminalità li tieħu vantaġġ minn Ewropa mingħajr fruntieri.

    - Miżuri oħra għandhom jirrelataw ma’ sforzi sabiex jiżguraw investigazzjoni kriminali ġusta u effettiva madwar l-UE kollha.

    Sforzi aqwa ta’ prevenzjoni se jiżguraw is-sigurtà u l-ħarsien taċ-ċittadini. Il-ħarsien mill-mard se jkun ta’ enfasi partikolari għall-azzjoni ta' l-UE f'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, kif se jkun l-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ reazzjoni rapida ta’ l-UE fl-eventwalità ta’ attakki terroristiċi maġġuri u diżastri oħrajn. Spezzjonijiet aktar riġidi ta’ faċilitajiet nukleari se jissegwew permezz ta’ l-istrateġija ġdida ta’ kontroll tas-sigurtà u garanziji ta’ radjuprotezzjoni.

    Sigurtà : azzjonijiet ewlenin imbassra għall-2007 Il-bidu ta’ programmi ġodda għall-2007-2013: Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet. Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja; Strument ta’ Reazzjoni Rapida u Stat ta’ Preparazzjoni ; Fond Ġdid ta’ Solidarjetà; Saħħa u ħarsien tal-konsumatur. Ġustizzja u Affarijiet ta' l-Intern Tnedija tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) u s-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Viża (VIS) inklużi l-bijometriċi u d-Deċiżjoni relatata tal-Kunsill dwar it-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri ma’ l-Istati Membri l-ġodda u bejniethom. Inizjattivi dwar Ħarsien ta’ xhieda u individwi li jikooperaw mal-proċess ġudizzjarju fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata. sistema ta’ liċenzjar ta’ importazzjoni/esportazzjoni ta’ l-armi tan-nar. Komunikazzjonijiet dwar it-trasparenza ta’ entitajiet legali sabiex inaqqsu l-vulnerabilità għal infiltrazzjoni mill-kriminalità organizzata. il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu intrakonfinali ta’ oġġetti ristretti jew ipprojbiti. il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ infurzar tal-liġi bbażata fuq l-intelligence madwar l-Unjoni kollha. Saħħa u Sigurtà Fażi tat-tnedija tas-servizzi tal-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) dwar is-superviżjoni ta’ l-użu ta’ l-art, il-ġestjoni tal-kriżi u s-superviżjoni ta’ l-oċean. Jiġi żviluppat qafas tal-Komunità għal servizzi tas-saħħa li huma bla periklu, ta' kwalità għolja u effiċjenti, billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u permezz tal-forniment ta’ ċarezza u ċertezza dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa. Jiġu msaħħa u ssimplifikati strutturi Ewropej sabiex jirreaġixxu għal theddid tas-saħħa, prinċipalment permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta’ livell għoli ta’ uffiċjali esperti fl-influwenza.. Strateġija ġdida ta’ l-UE tas-Saħħa ta’ l-Annimali, li se tinkludi polikika ta’ prevenzjoni tal-mard, it-titjib tal-koerenza ma’ politiki oħra ta’ l-UE, u użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji. |

    - 4. L-Ewropa bħala msieħba dinjija

    Lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jissuktaw jaħdmu għall-promozzjoni u l-protezzjoni prattika ta’ l-għanijiet strateġiċi tagħhom. L-ebda waħda minnhom ma tista’ tinkiseb mill-Ewropa waħidha. Id-direzzjonijiet ewlenin ta’ politika esterna ta’ l-Ewropa kollha kemm huma għandhom impatt dirett fuq it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

    - Fin-negozju, l-2007 għandha tibda tħalli l-frott tar- rawnd ta’ Doħa , li jrid jirrifletti solidarjetà mad-dinja li qed tiżviluppa filwaqt li jiżgura li jinfetħu swieq ġodda għall-oġġetti u s-servizz tal-Komunità.

    - L-2007 għandha tkun is-sena ta’ l-adeżjoni tal- Bulgarija u r-Rumanija għall-Unjoni Ewropea sakemm jikkonformaw fil-ħin adattat mal-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jimplimentaw l- acquis mill-ewwel jum ta’ l-adeżjoni. Il-Kummissjoni qiegħda tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha għal Mejju 2006 u l-Kunsill Ewropew għandu jieħu deċiżjoni finali din is-sena.

    - Il-progress fl-istabilizzazzjoni tal- Balkani tal-Punent , notevolment bi tħejjija għall-kjarifika ta’ l-istatus tal-Kosovo, u l-ftuħ ta’ kapitoli ewlenin fin-negozjati mat-Turkija u l-Kroazja se jkun ta’ kontribut kbir għas-sigurtà u l-istabilità globali ta’ l-Ewropa u għall-konsolidazzjoni tal-bażijiet għall-prosperità tagħha li tifrex fit-tul.

    - Fil- Viċinat Ewropew , kollegamenti mal-pajjiżi msieħba se jissaħħu aktar permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni u kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali. L-enerġija se tkun tema prinċipali fi ħdan il-konverġenza ta’ l-oqsfa regolatorji sabiex jiġu ffavoriti l-kummerċ u l-investiment.

    - It-tlestija tan-negozjati tal- Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku (EPAs) mal-pajjiżi ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) se twassal ir-relazzjonijiet ta' l-Ewropa ma’ l-imsieħba tagħha ta' l-AKP f’fażi ġdida, filwaqt li ssaħħaħ id-dinamiċi ta’ integrazzjoni reġjonali u toħloq għodda qawwija ta’ żvilupp billi tgħaqqad regoli prevedibbli tal-kummerċ, il-ħolqien ta’ swieq akbar u miżuri ta’ appoġġ imfassla għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi ta’ l-AKP.

    - L-UE se teħtieġ ukoll li tissokta l-isforzi tagħha sabiex tibni reazzjoni aktar effettiva u kkonsolidata għal prevenzjoni tal-kunflitt, ġestjoni tal-kriżi u bini tal-paċi , billi timmobilizza b'mod rapidu r-riżorsi u l-għarfien espert. Attenzjoni aqwa se tingħata lil riformi mwettqa mill-pajjiżi msieħbas fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u għal osservazzjoni elettotali aktar mill-qrib.

    L-espressjoni konkreta tal-politika mkabbra ta’ koerenza u l-effettività ta’ l-għajnuna msaħħa fl-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni se tkun kritika għar-realizzazzzjoni ta’ dawn il-miri. Il-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, politiki esterni tal-Komunità u aspetti esterni tal-politiki ta’ l-intern iridu jaħdmu aħjar flimkien.

    Projezzjoni esterna: azzjonijiet ewlenin imbassra għall-2007 Il-bidu ta’ programmi ġodda għall-2007-2013: Strument għal Qabel l-Adeżjoni; Strument tal-Viċinat u l-Partenarjat Ewropew; Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Ekonomika; Strument ta’ Stabilità. It-Tkabbir, il-Viċinat u r-Russja Is-superviżjoni tal-konformità ta’ l-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja mal-kriterji ta’ Kopenħagen Reviżjoni tar-relazzjonijiet kontrattwali mas-Serbja u l-Montenegro u kjarifika ta’ l-istatus tal-Kosovo Kwistjonijiet ta’ reviżjoni ta’ appoġġ u kummerċ finanzjarju mal-komunità Turko-Ċiprijotta. Iseħħu negozjati ma’ l-Ukraijna dwar is-suċċessur tal-Ftehim ta’ Partenarjat u Kooperazzjoni attwali. Jinbdew negozjati mar-Russja dwar is-suċċessur tal-Ftehim ta’ Partenarjat u Kooperazzjoni attwali Jissokta l-kontribut lill-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani kif ukoll għal kunflitti “iffriżati” oħra Dinja Usa’ Jiġu konklużi l-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku (EPA) mas-6 reġjuni ta’ l-AKP sabiex jippermettu għall-implimentazzjoni sa mill-1 ta’ Jannar 2008. Tiżdied ir-rata ta’ appoġġ lejn il-pajjiżi ta’ l-AKP affetwati mir-riforma taz-zokkor. Jiġu ffinalizzati n-negozjati ta’ Doħa u jinbdew il-ftehimiet ta’ implimentazzjoni. Tittejjeb b’mod ulterjuri l-kapaċità tal-KE li tirreaġixxi għal kriżijiet internazzjonali, naturali jew ikkawżati mill-bniedem f’koordinazzjoni mal-Kunsill. Tissaħħaħ l-effettività ta’ l-għajnuna ta’ l-UE permezz ta’ programm konġunt ma’ l-Istati Membri. Jitkabbar il-kontribut tal-politiki interni ta’ l-UE għall-implimentazzjoni fil-livell ta’ l-UE ta’ l-aġenda l-Għanijiet ta’ l-Iżvilupp tal-Millenju (MDGs) dwar il-koerenza ta’ Politika għall-Iżvilupp. Jiġi nnegozjat Qafas ġdid ta’ Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċina. Ħames snin wara s-Samit Dinji ta’ l-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jiġi vvalutat il-progress ta’ l-UE fir-rigward ta’ l-impenji li ttieħdu u jiġu identifikati l-isfidi ewlenin għall-ħames snin li ġejjin. Jiġi implimentat fond internazzjonali għal enerġiji rinnovabbli u kkonsolidat progress fir-rigward ta’ l-azzjoni internazzjonali sabiex tiġi ttrattata l-bidla fil-klima. Titjieb il-kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fir-rigward tal-ġestjoni ta’ l-emigrazzjoni; Jiġu adottati standards komuni fuq il-miġja lura ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u estensjoni tal-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid. Jitnieda taħriġ għas-Sigurtà ta’ l-Ikel tal-Komunità, miftuħ għall-parteċipanti minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jippromwovi u jiċċara standards tal-Komunità u jsaħħaħ il-kummerċ internazzjonali fl-ikel li mhuwiex ta' periklu. |

    - 5. AMMINISTRAZZJONI EWROPEA U REGOLAMENTAZZJONI AħJAR FI TħADDIM

    Il-Kummissjoni għamlet progress sod fit-twettiq ta’ l-impenn tagħha għal ‘Regolamentazzjoni Aħjar’. Iffukat fuq li ttejjeb il-kwalità tal-politika tagħha u l-proposti leġiżlattivi permezz ta’ valutazzjoni sistematika ta’ l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Hemm impenn għal titjib kwalitattiv issuktat għas-sistema ta’ valutazzjoni ta’ l-impatt u r-riżultati ta’ evalwazzjoni esterna ta’ l-esperjenza tal-valutazzjoni ta’ l-impatt tal-Kummissjoni se tikkontibwixxi għal din id-diskussjoni fl-2007.

    It-tieni żona prinċipali ta’ titjib għandha x’taqsam mas- simplifikazzjoni . L-2007 se tara t-twettiq ta’ bosta mill-inizjattivi ta’ simplifikazzjoni stipulati fil-programm rotatorju ta’ 3 snin. Dan il-programm ikopri bosta oqsma, minn ambjent (eż fl-oqsma ta’ l-iskart, l-emissjonijiet industrijali u l-istrat ta’ l-ożonu) għall-industrija (eż. fis-setturi tal-kostruzzjoni, l-awtovetturi, il-kożmetiċi u t-tagħmir mediku) għall-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u setturi ta’ qofol tas-suq intern (ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji, it-tikkettar tan-nutrizzjoni ta’ l-annimali/għalf u ta’ prodotti ta’ l-ikel). Is-simplifikazzjoni mhijiex għan illimitat għal kwistjonijiet li jinsabu ġewwa l-Ewropa u kienet ukoll il-bażi għal arkitettura ġdida proposta għal strumenti esterni finanzjarji għall-2007-2013. Il-Kummissjoni wkoll tissokta li ttejjeb xogħolha li huwa relatat ma’ l-infurzar tal-liġi tal-Komunità, ittejjeb id-djalogu ma’ l-Istati Membri sabiex tiżgura implimentazzjoni f’waqtha u l-applikazzjoni effettiva u ġusta, inklużi l-każijiet li jistħoqqilhom azzjoni ta’ prijorità. Il-Kummissjoni terfa’ r-responsabilità għal tfassil aħjar tal-liġi mal-Kunsill u l-Parlament. Jeħtieġ sforz min-naħat kollha sabiex l-aspirazzjonijiet ta’ Regolamentazzjoni Aħjar jissarfu f’riżultati

    Sabiex tibni fiduċja maċ-ċittadini Ewropej, il-Kummissjoni teħtieġ ukoll amministrazzjoni moderna, effiċjenti u li twieġeb għall-azzjonijiet li twettaq sabiex twassal il-politiki tagħha. F’dan il-kuntest, se ssegwi l-isforzi li tikseb opinjoni pożittiva mhux kwalifikata mill-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-baġit ta’ l-UE u li żżid it-trasparenza fir-rigward ta’ kif jintefqu l-flus u kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.

    PARTI II QAFAS ġENERALI GħAL RIżORSI UMANI U FINANZJARJI GħALL-2007

    1. Riżorsi umani

    1.1. Rinfurzar relatat mat-tkabbir

    Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, l-Awtorità Baġitarja ħaddnet ir-reklutaġġ meħtieġ ta' 3960 membru addizzjoni ta' staff bejn l-2003 u l-2008 sabiex il-Kummissjoni tkun tista' testendi xogħolha għall-Istati Membri l-ġodda u tissodisfa r-responsabilitajiet istituzzjonali tagħha. Wara t-talbiet għal 2,680 membri ġodda ta’ l-istaff matul dawn l-aħħar erba’ snin, it-talba fl-2007 hija ta’ żieda netta ta’ 640 membru addizzjonali ta’ staff. Skond il-komunikazzjoni tagħha ppreżentata f’Novembru li għadda dwar il-konsegwenzi ta’ l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija dwar ir-riżorsi umani tagħha, ivvalutati għal 850 membru ġdid ta’ staff, il-Kummissjoni qed titlob għal 250 kariga ġdida fuq il-bażi tat-tkabbir previst li ġej fl-2007. Dan ir-reklutaġġ globali jikkostitwixxi l-bażi indispensabbli sabiex titmexxa ’l quddiem il-ġestjoni u s-superviżjoni tal-programmi tal-Komunità, u għall-implimentazzjoni ta' l- acquis communautaire fi ħdan Unjoni mkabbra. Il-Kummissjoni se tuża dawn ir-riżorsi l-ġodda biex tittratta l-estensjoni tal-ħidmiet tagħha wara t-tkabbir u biex issegwi l-erba' prijoritajiet ta' politika fejn jirrelataw ma' Unjoni mkabbra.

    1.2. Kontribuzzjoni għal grupp ċentrali

    Apparti dawn il-pożizzjonijiet il-ġodda, il-Kummissjoni jeħtieġ li timmobilizza riżorsi addizzjonali biex timplimenta inizjattivi ta' prijorità li huma indipendenti mit-tkabbir. Qed tipproponi li tagħmel hekk billi terġa' tqassam mill-ġdid lin-nies tagħha fi ħdan id-dipartimenti u bejniethom. Bħal fis-snin ta’ qabel, qed ikun propost li jitwaqqaf grupp ċentrali biex iqassam mill-ġdid il-karigi, ibbażat fuq il-kontribut ġenerali ta’ l-istaff kollu u ugwali għal 1% ta’ l-istaff. Li jkunu identifikati prijoritajiet u modi oħra li bihom l-istaff ikun jista' jitqassam mill-ġdid għal ħidmiet relatati ma' prijoritajiet se jibqa' element fundamentali biex tigi ġġustifikata kwalunkwe talba għal riżorsi ġodda. Dak li jiġi ffrankat minħabba l-esternalizzazzjoni (bħat-tnedija ppjanata ta’ aġenzija eżekuttiva tat-TENs) jew mill-qligħ tal-produttività (pereżempju, fil-qasam ta’ traduzzjoni permezz ta’ ġestjoni proattiva ta’ talba) huma ridiretti wkoll lejn il-prijoritajiet. Il-Kummissjoni se talloka wkoll karigi fuq bażi temporanju għal ħidmiet temporanji, u b’hekk tiġġenera proċess ta’ allokazzjoni aktar flessibbli u aktar dinamiku għas-snin li ġejjin.

    1.3. Total ta' riżorsi umani disponibbli għall-erba' prijoritajiet

    It-tabella li tidher hawn taħt tiġbor ir-riżorsi umani mistennija li jkunu meħtieġa għat-tnedija ta' inizjattivi ġodda jew rinfurzar ta' attivitajiet li jkunu għaddejjin, bil-prijorità u skond is-sors.

    Prijoritajiet ta’ APS fl-2007 | Riżorsi ġodda relatati mat-tkabbir u l-Irlanda | Tqassim mill-ġdid bejn id-dipartimenti | Tqassim mill-ġdid fi ħdan id-dipartimenti | Total ta' riżorsi umani disponibbli għall-prijoritajiet |

    1. Prosperità | 98 | 30 | 67 | 195 |

    2. Solidarjetà | 97 | 29 | 73 | 199 |

    3. Sigurtà | 66 | 12 | 25 | 103 |

    4. Projezzjoni esterna | 28 | 124 | 25 | 177 |

    Estensjoni ta' l-attivitajiet eżistenti f'Unjoni mkabbra (inkluż it-tmiem ta' attivitajiet ta' qabel l-adeżjoni) | 614 | 50 | 151 | 815 |

    TOTAL | 903 | 245 | 341 | 1489 |

    L-allokazzjoni ta' riżorsi ġodda relatati mat-tkabbir skond iż-żona ta' politika se tkun finalizzata matul il-preparazzjoni ta' l-abbozz preliminari tal-baġit għall-2007, inkluża reviżjoni bejn karigi fl-istabbiliment u staff estern.

    2. Riżorsi finanzjarji

    Id-deċiżjoni ta’ l-APS tipikament tipprovdi dettalji ta’ riżorsi finanzjarji ġodda allokati għal żoni ta’ politika għal inizjattivi speċifiċi, ippreżentata f’termini ta’ varjazzjonijiet għall-ipprogrammar finanzjarju eżistenti. Minkejja dan, minħabba l-ipprogrammar finanzjarju huwa dipendenti fuq il-Perspettivi Finanzjarji, bħala eċċezzjoni l-Istrateġija Annwali ta’ Politika għall-2007 ma tittrattax riżorsi finanzjarji. Minkejja dan, l-ipprogrammar finanzjarju se jkun iffinalizzat ma’ l-abbozz preliminari tal-baġit u sussegwentement adottat mill-Kummissjoni ladarba jintlaħaq ftehim interistituzzjonali fuq il-Perspettivi Finanzjarji.

    Top