This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52006AG0033
Common Position (EC) No 33/2006 of 23 November 2006 adopted by the Council, acting in accordance with the procedure referred to in Article 251 of the Treaty establishing the European Community, with a view to adopting a Directive of the European Parliament and of the Council on the assessment and management of flood risks
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 33/2006 adottata mill-Kunsill fit- 23 ta' Novembru 2006 , bi qbil mal-proċedura ta' Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar
Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 33/2006 adottata mill-Kunsill fit- 23 ta' Novembru 2006 , bi qbil mal-proċedura ta' Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar
ĠU C 311E, 19.12.2006, p. 10–20
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
19.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C NaN/10 |
POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 33/2006
adottata mill-Kunsill fit-23 ta' Novembru 2006
bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Direttiva 2006/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġar tar-riskji ta' l-għargħar
(2006/C 311 E/02)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175 (1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
L-għargħar jista' jwassal għall-mewt, għaċ-ċaqliq ta' persuni u għal ħsara lill-ambjent, jista' jikkomprometti bil-kbir l-iżvilupp ekonomiku u jhedded l-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità. |
(2) |
L-għargħar huwa fenomenu naturali li ma jistax ikun evitat. Madankollu, xi attivitajiet tal-bniedem u l-bidla fil-klima jikkontribwixxu għaż-żieda fil-possibbiltà ta' għargħar u fl-impatti negattivi ta' l-għargħar. |
(3) |
Huwa possibbli u mixtieq li jitnaqqas ir-riskju ta' konsegwenzi negattivi marbuta ma' l-għargħar, speċjalment għal saħħet il-bniedem u l-ħajja tiegħu, għall-ambjent, il-wirt kulturali, l-attivita ekonomika u għall-infrastruttura assoċjata ma' l-għargħar. Madankollu, il-miżuri biex jitnaqqsu dawn ir-riskji għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu kkoordinati tul il-baċin kollu tax-xmara sabiex ikunu effettivi. |
(4) |
Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (3) teżiġi li jkun hemm pjanijiet ta' mmaniġġar tal-baċin tax-xmajjar li jridu jiġu żviluppati għal kull distrett tal-baċin ta' xmara sabiex jinkiseb stat ekoloġiku u kimiku tajjeb, u se tikkontribwixxi biex jittaffew l-effetti ta' l-għargħar. Madankollu t-tnaqqis tar-riskju ta' għargħar mhuwiex wieħed mill-għanijiet prinċipali ta' dik id-Direttiva u din lanqas ma tqis ir-riskji futuri ta' għargħar ikkawżati minħabba l-bidla fil-klima. |
(5) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Lulju 2004 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar; il-prevenzjoni, il-protezzjoni u t-tnaqqis ta'l-għargħar” tistabbilixxi l-analiżi u l-istrateġija tagħha biex ikunu mmaniġġati r-riskji ta' l-għargħar fuq livell Komunitarju, u tiddikjara li azzjoni kkonċertata u kkoordinata fuq livell Komunitarju ġġib valur miżjud konsiderevoli u ttejjeb il-livell ġenerali ta' protezzjoni mill-għargħar. |
(6) |
Minbarra l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, l-prevenzjoni u tnaqqis effettivi ta' l-għargħar jeħtieġu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Dan huwa konformi mad-Direttiva 2000/60/KE u mal-prinċipji internazzjonali ta' l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar kif żviluppati notevolment taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-protezzjoni u l-użu ta' korsiji ta' l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE ta' l-24 ta' Lulju 1995 (4) u kwalunkwe ftehim sussegwenti dwar l-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 li tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju biex tiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili (5), timmobilizza l-appoġġ u l-assistenza mill-Istati Membri f'każ ta' emerġenzi kbar, inkluż l-għargħar. Il-protezzjoni ċivili tista' tipprovdi rispons adegwat għall-popolazzjonijiet affettwati u ttejjeb l-istat ta' preparazzjoni u ta' l-irkupru. |
(8) |
Taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (6), huwa possibbli li tingħata għajnuna finanzjarja immedjata f'każ ta' diżastru kbir biex ikunu megħjuna n-nies, iż-żoni naturali, ir-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati biex jerġa' jkollhom kondizzjonijiet li jkunu kemm jista' jkunu normali, iżda l-Fond jista' jintervjeni biss f'operazzjonijiet ta' emerġenza u mhux f'dawk il-fażijiet li jippreċedu emerġenza. |
(9) |
Fil-Komunità kollha jseħħu tipi differenti ta' għargħar, bħalma huma l-għargħar tax-xmajjar, l-għargħar għal għarrieda, l-għargħar urban, u l-għargħar mill-baħar f'żoni kostali. Il-ħsara kkawżata mill-għargħar tista' tvarja wkoll minn naħa għal oħra tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-Komunità. Għalhekk, l-objettivi li jikkonċernaw l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri infushom u għandhom ikunu bbażati fuq iċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali. |
(10) |
Ir-riskji ta' l-għargħar f'ċerti żoni tal-Komunità jistgħu jitqiesu bħala mhux sinifikanti, per eżempju f'żoni fejn hemm ftit nies jew xejn jew f'żoni b'assi ekonomiċi jew b'valur ekoloġiku limitat. F'kull distrett ta' baċin ta' xmara jew unità ta' maniġġar għandhom jiġu valutati r-riskji ta' l-għargħar u l-ħtieġa għal aktar azzjoni. |
(11) |
Biex ikun hemm għodda effettiva ta' informazzjoni, kif ukoll bħala bażi importanti biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet kif ukoll id-deċiżjonijiet tekniċi, finanzjarji u politiċi oħrajn rigward l-imaniġġar tar-riskju ta' għargħar huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti mapep tar-riskju ta' għargħar u mapep tar-riskju ta' għargħar li juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali b'xenarji differenti ta' għargħar. |
(12) |
Bil-ħsieb li jkunu evitati u jitnaqqsu l-impatti negattivi ta' l-għargħar fiż-żona kkonċernata, ikun xieraq li jkun hemm pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar. Il-kawżi u l-konsegwenzi ta' l-għargħar ivarjaw skond il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Komunità. Il-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għalhekk għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari taż-żoni li jkopru u jipprovdu għal soluzzjonijiet maħsubin apposta skond il-ħtiġiet u l-prijoritajiet ta' dawk iż-żoni, filwaqt li jiżguraw koordinazzjoni rilevanti fid-distretti tal-baċin tax-xmara. |
(13) |
Il-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jiffukaw fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-istat ta' tħejjija. L-elementi tal-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom ikunu riveduti perjodikament u aġġornati jekk meħtieġ, billi jkunu kkunsidrati l-effetti probabbli tal-bidla fil-klima fuq il-fatt li jseħħ l-għargħar. |
(14) |
Il-prinċipju ta' solidarjetà hu importanti ħafna fil-kuntest ta' l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar. Fid-dawl tiegħu l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jfittxu t-tqassim ġust ta' responsabbiltajiet, meta miżuri jiġu deċiżi konġuntament għall-benefiċċju komuni, rigward l-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar tul il-korsiji ta' l-ilma. |
(15) |
Biex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw il-valutazzjonijiet preliminari eżistenti tar-riskju ta' għargħar, il-mapep ta' periklu u riskju ta' għargħar u l-pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar biex jintlaħqu l-għanijiet u jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva. |
(16) |
L-iżvilupp ta' pjanijiet ta' maniġġar ta' baċin ta' xmara taħt id-Direttiva 2000/60/KE u ta' pjanijiet ta' mmaniġġar tar-riskju ta' għargħar taħt din id-Direttiva huma elementi ta' mmaniġġar integrat ta' baċin ta' xmara. Għalhekk iż-żewġ proċessi għandhom jużaw il-potenzjal reċiproku għal sinerġiji u benefiċċji komuni, billi jikkunsidraw l-objettivi ambjentali tad-Direttiva 2000/60/KE, jiżguraw effiċjenza u użu għaqli ta' riżorsi filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet kompetenti u l-unitajiet ta' mmaniġġar jistgħu jkunu differenti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 2000/60/KE. |
(17) |
F'każijiet fejn l-ilmijiet jintużaw għal forom differenti ta' attivitajiet sostenibbli mill-bniedem (eż. għall-immaniġġar tar-riskju ta' għargħar, għall-ekoloġija, għan-navigazzjoni fl-ilmijiet interni jew għall-enerġija idro-elettrika) u minħabba l-impatti ta' dan l-użu fuq il-korpi ta' l-ilma, id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi għal proċess ċar u trasparenti biex ikun indirizzat dan l-użu u l-impatti, inklużi l-eżenzjonijiet possibbli mill-objettivi ta' 'stat tajjeb' jew ta' 'non-deterjorazzjoni' li hemm fl-Artikolu 4 tagħha. |
(18) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7). |
(19) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni fil-linji politiċi Komunitarji ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali skond il-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 tagħha. |
(20) |
Peress illi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas għal miżuri biex jitnaqqsu r-riskji tal-ħsara mill-għargħar ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' minħabba l-iskala u l-effetti ta' l-azzjoni jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista' tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f' dak l-Artikolu din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ għall-kisba ta' dak il-għan. |
(21) |
Skond il-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà u l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità mehmuż mat-Trattat, u fid-dawl tal-kapaċitajiet eżistenti ta' l-Istati Membri, għandha titħalla flessibbiltà konsiderevoli lil-livelli lokali u reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-organizzazzjoni u fir-rigward tar-responsabbiltà ta' l-awtoritajiet. |
(22) |
Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess Komunitarju, it-tabelli tagħhom li juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi. |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Il-fini ta' din id-Direttiva hu li jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni u l-imaniġġar tar-riskji ta' għargħar, bil-għan li jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma' l-għargħar fil-Komunità.
Artikolu 2
Għall-fini ta' din id-Direttiva, flimkien mad-definizzjonijiet ta' “xmara”, “baċin tax-xmara”, “sotto baċin” u “distrett ta' baċin tax-xmara” kif stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1) |
“għargħar” tfisser meta art li normalment ma titgħattiex bl-ilma, titgħatta temporanjament bl-ilma. Dan għandu jinkludi l-għargħar minn xmajjar, turrenti tal-muntanji, mogħdijiet ta' l-ilma effimeri Mediterranji, u għargħar mill-baħar fiż-żoni kostali, u jista' jeskludi l-għargħar mis-sistemi tad-dranaġġ; |
2) |
“riskju ta' għargħar” tfisser it-taħlita tal-probabbiltà ta' każ ta' għargħar u tal-konsegwenzi negattivi potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika assoċjata ma' każ ta' għargħar. |
Artikolu 3
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-arranġamenti magħmulin taħt l-Artikolu 3(1), (2), (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2000/60/KE.
2. Madankollu, għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu:
(a) |
jaħtru awtoritajiet kompetenti differenti minn dawk identifikati skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/60/KE; |
(b) |
jidentifikaw ċerti żoni kostali jew baċini ta' xmajjar individwali u jassenjawhom lil unità ta' maniġġar differenti minn dawk assenjati skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/60/KE. |
F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom sa … (9), jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2000/60/KE. Għal dan il-fini, kull referenza għal awtoritajiet kompetenti u distretti ta' baċin tax-xmara għandha titqies bħala referenza għall-awtoritajiet kompetenti u għall-unità ta' maniġġar imsemmija f' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-informazzjoni pprovduta skond dan il-paragrafu fi żmien tliet xhur minn meta l-bidla tieħu effett.
KAPITOLU II
VALUTAZZJONI PRELIMINARI TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR
Artikolu 4
1. L-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta' baċin tax-xmara internazzjonali li tinsab fit-territorju tagħhom, jagħmlu valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
2. Għandha titwettaq valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar biex tipprovdi valutazzjoni ta' riskji potenzjali bbażata fuq informazzjoni disponibbli jew faċilment derivabbli, bħal reġistri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi ta' l-inqas dan li ġej:
(a) |
mapep tad-distrett ta' baċin tax-xmara bi skala adatta inklużi l-konfini tal-baċini tax-xmara, tas-sotto-baċini u fejn jgħodd taż-żoni kostali, li juru t-topografija u l-użu ta' l-art; |
(b) |
deskrizzjoni ta' l-għargħar li seħħew fl-imgħoddi u li kellhom impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u li għalihom il-possibbiltà ta' każijiet simili fil-ġejjieni għadha rilevanti, inkluż il-firxa ta' l-għargħar u r-rotot ta' mogħdija tagħhom u valutazzjoni ta' l-impatti negattivi li ġabu magħhom; |
(ċ) |
deskrizzjoni ta' l-għargħar sinifikanti, li seħħew fl-imgħoddi, fejn jistgħu jiġu previsti konsegwenzi negattivi sinifikanti ta' avvenimenti futuri simili; |
u, fejn xieraq, hi għandha tinkludi:
(d) |
valutazzjoni tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' għargħar futuri għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, b'kont meħud kemm jista' jkun ta' kwistjonijiet possibbli bħat-topografija, il-pożizzjoni tal-mogħdijiet ta' l-ilma u l-karatteristiċi idroloġiċi u ġeomorfoloġiċi ġenerali tagħhom, il-pożizzjoni taż-żoni fejn jgħixu n-nies, iż-żoni ta' attività ekonomika u żviluppi fuq perijodu fit-tul inklużi l-impatti tal-bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta' għargħar. |
3. Fil-każ ta' distretti ta' baċini tax-xmara internazzjonali, jew unitàjiet ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li huma komuni ma' Stati Membri oħrajn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jseħħ skambju ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati.
4. L-Istati Membri għandhom ilestu il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar sat-22 ta' Diċembru 2012.
Artikolu 5
1. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar imsemmija fl-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom, għal kull distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) jew il-parti ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali li jinsab fit-territorju tagħhom jidentifikaw dawk iż-żoni li għalihom l-Istati Membri jikkonkludu li hemm riskji potenzjali sinifikanti jew jista' raġonevolment jitqies li x'aktarx iseħħ għargħar.
2. L-identifikazzjoni skond il-paragrafu 1 ta' żoni li jappartjenu għal distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali, jew għal unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) komuni ma' Stat Membru ieħor, għandha tiġi koordinata bejn l-Istati Membri konċernati.
KAPITOLU III
MAPEP TA' PERIKLU TA' GĦARGĦAR U MAPEP TA' RISKJU TA' GĦARGĦAR
Artikolu 6
1. L-Istati Membri għandhom fil-livell ta' distrett ta' baċin tax-xmara u unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b), iħejju mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar, fl-iskala l-aktar adatta għaż-żoni identifikati skond l-Artikolu 5(1).
2. It-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar għal żoni identifikati taħt l-Artikolu 5 li huma komuni ma' Stati Membri oħrajn għandha tkun soġġetta għal skambju minn qabel ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati.
3. Il-mapep tal-periklu ta' għargħar għandhom ikopru ż-żoni ġeografiċi li jistgħu jiġu mfawra skond ix-xenarji li ġejjin:
(a) |
għargħar b'xenarji ta' probabbiltà żgħira jew ta' każijiet estremi; |
(b) |
għargħar ta' probabbiltà medja (perijodu probabbli ta' rikorrenza ≥ 100 sena); |
(ċ) |
għargħar ta' probabbiltà kbira, fejn ikun il-każ. |
4. Għal kull xenarju msemmi fil-paragrafu 3 għandhom jintwerew l-elementi li ġejjin:
(a) |
il-firxa ta' l-għargħar; |
(b) |
il-fond ta' l-ilma jew il-livell ta' l-ilma skond il-każ; |
(ċ) |
fejn xieraq, il-veloċità tal-fluss jew il-fluss ta' l-ilma rilevanti. |
5. Il-mapep tar-riskju ta' għargħar għandhom juru l-konsegwenzi negattivi potenzjali assoċjati ma' għargħar fix-xenarji msemmijin fil-paragrafu 3 u espressi f'termini ta' dawn li ġejjin:
(a) |
in-numru indikattiv ta' abitanti li potenzjalment jiġu affettwati; |
(b) |
it-tip ta' attività ekonomika fiż-żona potenzjalment affettwata; |
(ċ) |
stallazzjonijiet kif imsemmijin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (10) li jistgħu jikkawżaw tniġġis aċċidentali f'każ ta' għargħar u żoni protetti potenzjalment affettwati identifikati fl-Anness IV(1)(i),(iii) u (v) tad-Direttiva 2000/60/KE; |
(d) |
informazzjoni oħra li l-Istat Membru jqis li hija utli bħall-indikazzjoni ta' żoni fejn jista' jseħħ għargħar b'kontenut kbir ta' sedimenti trasportati u għargħar bi tkaxkir ta' materjal. |
6. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, għal żoni kostali fejn jeżisti livell adegwat ta' protezzjoni, it-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju msemmi f' paragrafu 3(a).
7. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li għal żoni fejn l-għargħar jiġi minn sorsi ta' ilma ta' taħt l-art, it-tħejjija ta' mapep ta' periklu ta' għargħar għandha tkun limitata għax-xenarju deskritt f' paragrafu 3(a).
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mapep tal-periklu ta' l-għargħar u l-mapep tar-riskju ta' l-għargħar jitlestew sat-22 ta' Diċembru 2013.
KAPITOLU IV
PJANIJIET GĦALL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR
Artikolu 7
1. Abbażi tal-mapep imsemmija fl-Artikolu 6 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell ta' distrett ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) għaż-żoni identifikati fl-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b) skond il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettivi adatti għall-maniġġar tar-riskji ta' għargħar għaż-żoni identifikati taħt l-Artikolu 5(1) u ż-żoni koperti bl-Artikolu 13(1)(b), li jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi potenzjali ta' l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika, u, jekk jitqies xieraq, fuq inizjattivi non-strutturali u/jew fuq it-tnaqqis tal-probabbiltà ta' għargħar.
3. Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jinkludu miżuri bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti skond il-paragrafu 2 u għandhom jinkludu l-komponenti mniżżla fil-Parti A ta' l-Anness.
Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom iqisu aspetti rilevanti bħall-ispejjeż u l-benefiċċji, il-firxa ta' l-għargħar u r-rotot ta' mogħdija ta' l-għargħar u ż-żoni bil-potenzjal ta' żamma ta' għargħar, l-objettivi ambjentali ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, il-maniġġar tal-ħamrija u l-ilma, l-ippjanar ta' l-ispazju, l-użu ta' l-art, il-konservazzjoni tan-natura, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-port.
Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jittrattaw l-aspetti kollha tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar u jiffokaw fuq il-prevenzjoni, il-ħarsien, l-istat ta' tħejjija, inkluż it-tbassir ta' għargħar u sistemi ta' twissija minn kmieni u jqisu l-karatteristiċi tal-baċin jew tas-sotto baċin tax-xmara partikolari. Il-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar jistgħu jinkludu wkoll l-għargħar ikkontrollat ta' ċerti żoni f'każ li jseħħ għargħar.
4. Pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar stabbiliti fi Stat Membru wieħed m'għandhomx jinkludu miżuri li, bil-firxa u l-impatt tagħhom, iżidu b'mod sinifikattiv ir-riskji ta' għargħar 'il fuq jew 'l isfel f'pajjiżi oħra fl-istess baċin jew sotto-baċin tax-xmara, sakemm dawn il-miżuri ma' jkunux ġew ikkoordinati u tkun instabet soluzzjoni miftiehma fost l-Istati Membri konċernati fil-qafas ta' l-Artikolu 8.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar jitlestew u jiġu ppubblikati sat-22 ta' Diċembru 2015.
Artikolu 8
1. Għal distretti ta' baċin tax-xmara jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li jinsabu kollha kemm huma fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir pjan uniku ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar, jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett tal-baċin tax-xmara.
2. Fil-każ ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li tkun kompletament fil-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bil-ħsieb li jsir pjan internazzjonali wieħed ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar, jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara. Fejn ma jsirux pjanijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar li jkopru ta' l-inqas il-partijiet tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jinsabu fit-territorju tagħhom, kemm jista' jkun ikkoordinati fil-livell tad-distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara.
3. Fil-każ ta' distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali jew unità ta' maniġġar imsemmija fl-Artikolu 3(2)(b) li testendi lil hinn mill-konfini tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproduċu pjan internazzjonali uniku ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar jew sett ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar ikkoordinati fil-livell tad-distrett ta' baċin tax-xmara internazzjonali; fejn dan ma jistax isir, il-paragrafu 2 għandu japplika għall-partijiet tal-baċin tax-xmara internazzjonali li jinsabu fit-territorju tagħhom.
4. Il-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu ssupplimentati, fejn meqjus xieraq minn pajjiżi li għandhom sotto baċini kondiviżi, bi pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar aktar dettaljati kkoordinati fil-livell tas-sotto baċini internazzjonali.
5. Fejn Stat Membru jidentifika kwistjoni li għandha impatt fuq il-maniġġar tar-riskji ta' għargħar ta' l-ilmijiet tiegħu u dik il-kwistjoni ma tkunx tista tiġi riżolta minn dak l-Istat Membru, hu jista' jirrapporta l-kwistjoni lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor konċernat u jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet għar-riżoluzzjoni tagħha.
Il-Kummissjoni għandha twieġeb għal kwalunkwe rapport jew rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri fi żmien perijodu ta' sitt xhur.
KAPITOLU V
KOORDINAZZJONI MAD-DIRETTIVA 2000/60/KE, L-INFORMAZZJONI U L-KONSULTAZZJONI TAL-PUBBLIKU
Artikolu 9
L-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex jikkoordinaw l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u dik tad-Direttiva 2000/60/KE waqt li jiffokaw fuq l-opportunitajiet għat-titjib ta' l-effiċjenza, l-iskambju ta' l-informazzjoni u biex jinkisbu sinerġiji u benefiċċji komuni wara li jikkunsidraw l-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE. B'mod partikolari:
1) |
L-iżvilupp ta' l-ewwel mapep ta' periklu u riskju ta' għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmijin fl-Artikoli 6 u 14 ta' din id-Direttiva, għandhom jitwettqu b' mod illi l-informazzjoni li jkun fihom tkun konsistenti ma' l-informazzjoni rilevanti ppreżentata skond id-Direttiva 2000/60/KE. Huma jistgħu, jekk jitqies xieraq, ikomplu jiġu kkoordinati u integrati mar-reviżjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2000/60/KE. |
2) |
L-iżvilupp ta' l-ewwel pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar u r-reviżjonijiet sussegwenti tagħhom kif imsemmi fl-Artikoli 7 u 14 ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq, jekk jitqies xieraq, f'koordinazzjoni u jista' jiġi integrat mar-reviżjonijiet tal-pjanijiet ta' maniġġar ta' baċin tax-xmara previsti fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE. |
3) |
L-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha taħt l-Artikolu 10 ta' din id-Direttiva għandu jkun ikkoordinat, skond il-każ, ma' l-involviment attiv tal-partijiet interessati taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/60/KE. |
Artikolu 10
1. B'mod konformi mal-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, il-mapep tal-periklu ta' għargħar, il-mapep tar-riskju ta' għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar disponibbli għall-pubbliku.
2. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu involviment attiv tal-partijiet interessati fil-produzzjoni, fir-reviżjoni u fl-aġġornament tal-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fil-Kapitolu IV.
KAPITOLU VI
MIŻURI TA' IMPLIMENTAZZJONI U EMENDI
Artikolu 11
1. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta formati tekniċi għall-finijiet ta' l-ipproċessar u t-trasmissjoni ta' data, inkluża data statistika u kartografika, lill-Kummissjoni. Il-formati tekniċi għandhom jiġu adottati mill-inqas sentejn qabel id-dati indikati fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5), waqt li jitqiesu l-istandards eżistenti kif ukoll il-formati żviluppati fi ħdan l-atti Komunitarji rilevanti.
2. Il-Kummissjoni tista', waqt li tqis il-perijodi għar-reviżjoni u l-aġġornament u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadatta l-Anness għall-progress xjentifiku u tekniku.
Artikolu 12
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/60/KE (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.
KAPITOLU VII
MIŻURI TRANSITORJI
Artikolu 13
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux il-valutazzjoni preliminari tar-riskju msemmija fl-Artikolu 4 għal dawk il-baċini tax-xmajjar, sotto-baċini jew żoni kostali fejn ikunu jew:
(a) |
diġà wettqu valutazzjoni tar-riskju biex jikkonkludu, qabel it-22 ta' Diċembru 2010, li jeżisti potenzjal ta' riskju ta' għargħar sinifikanti jew jista' raġonevolment jitqies li x'aktarx iseħħ li jwassal għall-identifikazzjoni taż-żona fost dawk imsemmijin fl-Artikolu 5(1) jew |
(b) |
iddeċidew qabel it-22 ta' Diċembru 2010 li jħejju mapep ta' periklu ta' għargħar u mapep ta' riskju ta' għargħar u li jistabbilixxu pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar skond id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva. |
2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-mapep tal-periklu ta' għargħar u l-mapep tar-riskju ta' għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta' Diċembru 2010, jekk tali mapep jipprovdu livell ta' informazzjoni ekwivalenti għall-ħtiġiet ta' l-Artikolu 6.
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar iffinalizzati qabel it-22 ta' Diċembru 2010, sakemm il-kontenut ta' dawn il-pjanijiet ikun ekwivalenti għall-ħtiġiet imniżżla fl-Artikolu 7.
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14.
KAPITOLU VIII
REVIŻJONIJIET, RAPPORTI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 14
1. Il-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, jew il-valutazzjoni u d-deċiżjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 (1), għandha tiġi riveduta u jekk ikun meħtieġ aġġornata sat-22 ta' Diċembru 2018 u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.
2. Il-mapep ta' periklu u l-mapep ta' riskju ta' għargħar għandhom jiġu riveduti, u jekk ikun meħtieġ aġġornati, sat-22 ta' Diċembru 2019, u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.
3. Il-pjan(ijiet) tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar għandhom jiġu riveduti u jekk meħtieġ aġġornati, bl-inklużjoni tal-komponenti li hemm fil-parti B ta' l-Anness, sat-22 ta' Diċembru 2021 u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem.
4. L-impatt probabbli ta' bidla fil-klima fuq l-okkorrenza ta' l-għargħar għandha titqies fir-reviżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3.
Artikolu 15
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, il-mapep tal-periklu ta' għargħar, il-mapep tar-riskju ta' għargħar u l-pjanijiet tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar imsemmija fl-Artikoli 4, 6 u 7, kif ukoll ir-reviżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, l-aġġornamenti tagħhom fi żmien tliet xhur wara d-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8), 7(5) u 14.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħudin skond l-Artikolu 13 (1), (2) u (3) u jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti dwar dan sad-dati indikati rispettivament fl-Artikoli 4(4), 6(8) u 7(5).
Artikolu 16
Sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2018, u kull sitt snin minn hemm 'il quddiem il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.
Artikolu 17
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa … (11). Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 18
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 19
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi,
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
…
Mill-Kunsill
Il-President
…
(1) Opinjoni tas-17 ta' Mejju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-… (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) ĠU L 327, 22.2.2000, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Deċiżjoni Nru. 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).
(4) ĠU L 186, 5.8.1995, p. 42.
(5) ĠU L 297, 15.11.2001, p. 7.
(6) ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p.23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).
(8) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(9) Sentejn u nofs wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
(10) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 166/2006 (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).
(11) Sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.
ANNESS
A. PJANIJIET GĦALL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR
I. |
Il-komponenti ta' l-ewwel pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar:
|
II. |
Deskrizzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-pjan:
|
B. IL-KOMPONENTI TA' L-AĠĠORNAMENT SUSSEGWENTI TAL-PJANIJIET TAL-MANIĠĠAR TAR-RISKJU TA' GĦARGĦAR
1) |
kwalunkwe tibdil jew aġġornament minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar, inkluż sommarju tar-reviżjonijiet imwettqa f'konformità ma' l-Artikolu 14; |
2) |
valutazzjoni tal-progress li sar lejn il-kisba ta' l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 7(2); |
3) |
deskrizzjoni ta', u spjegazzjoni għal, kwalunkwe miżura prevista fil-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar li kienet ippjanata li titwettaq u li ma saritx; |
4) |
deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura addizzjonali minn wara l-pubblikazzjoni tal-verżjoni preċedenti tal-pjan tal-maniġġar tar-riskju ta' għargħar. |
(1) ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
(2) ĠU L 10, 14.1.1997, p.13. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 31.12.2003, p.97).
DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL
I. INTRODUZZJONI
Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-maniġġar ta' għargħar fit-18 ta' Jannar 2006.
Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni ta' l-ewwel qari tiegħu fit-13 ta' Ġunju 2006.
Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma jagħtix opinjoni.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fis-17 ta' Mejju 2006.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu fi 23 ta' Novembru 2006.
II. OBJETTIV
L-objettiv ta' din id-Direttiva huwa li jiġi stabbilit qafas għall-valutazzjoni u l-maniġġar ta' riskji relatati ma' l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-wirt kulturali u l-attività ekonomika. Din ser titlob valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar, l-immappar ta' għargħar fiż-żoni kollha b'riskju sinifikanti ta' għargħar, koordinazzjoni fil-baċini tax-xmajjar li jinsabu f'iktar minn pajjiż wieħed, kif ukoll il-produzzjoni ta' pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar permezz ta' proċess b'parteċipazzjoni wiesgħa.
Minħabba d-diversità fl-UE f'termini ta' ġeografija, idroloġija u l-istruttura taċ-ċentri ta' abitazzjoni, id-Direttiva proposta tipprovdi lill-Istati Membri flessibilità sostanzjali biex jiġu determinati l-objettivi għall-maniġġar tar-riskji ta' għargħar, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu dawn l-objettivi, kif ukoll l-iskedi taż-żmien biex jiġu implimentati l-miżuri fil-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar.
L-applikazzjoni tad-Direttiva proposta u dak tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma għandhom jiġu kkoordinati.
III. ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI
1. Ġenerali
Il-pożizzjoni komuni tinkorpora numru ta' emendi mill-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, verbatim, parzjalment jew fl-ispirtu. Dawn itejbu jew jikkjarifikaw it-test tad-Direttiva proposta.
Madankollu, emendi oħrajn mhumiex riflessi fil-pożizzjoni komuni minħabba li l-Kunsill qabel li ma kinux metieġa u/jew aċċettabbli.
2. Dispożizzjonijiet ġenerali (Titolu, Kapitolu I)
Il-pożizzjoni komuni hija konsistenti ma' l-Emenda I, li tbiddel it-titolu tad-Direttiva. Peress li r-referenza għall-kisba ta' l-objettivi ambjentali mniżżla fil-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti hija koperta mill-bażi legali tad-Direttiva, l-Emenda 26 ġiet aċċettata parzjalment. Il-pożizzjoni komuni m'hix allinjata ma' l-Emenda 27 li tkun tillimita l-applikazzjoni tad-Direttiva għal kawżi speċifiċi ta' l-għargħar. Il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u l-attività ekonomika huma msemmija wkoll fid-definizzjoni tar-riskju ta' l-għargħar. Il-Kunsill, madankollu, iżid lista mhux eżawrjenti ta' tipi ta' għargħar u l-possibbiltà li jiġu esklużi għargħar mis-sistemi tad-drenaġġ. L-Emendi 28 u 29 ġew aċċettati parzjalment u fis-sħiħ, rispettivament.
L-Emenda 30 dwar l-użu ta' awtoritajiet kompetenti oħrajn ġiet aċċettata fis-sħiħ. Barra minn hekk, ġiet introdotta l-possibbiltà li jintużaw unitajiet ta' maniġġar differenti minn dawk assenjati skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/60/KE.
3. Valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu II)
L-Emendi 32 u 33 ġew aċċettati fis-sħiħ. L-Artikolu 4 kien simplifikat biex inaqqas il-piż amministrattiv tal-valutazzjonijiet preliminari tar-riskju ta' għargħar u, konsegwentement, l-Emendi 34 u 36 ma ġewx aċċettati. Madankollu, il-valutazzjoni ta' l-effettività ta' l-infrastruttura eżistenti għall-ħarsien mill-għargħar kif imsemmi fl-Emenda 36 tifforma parti impliċita ta' kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju ta' għargħar. Saret ukoll distinzjoni bejn għargħar ta' l-imgħoddi u dawk futuri. Fl-Artikolu 4(2)(d), il-Kunsill għamel fakultattiv għall-Istati Membri li jieħdu kont ta' għargħar futuri.
Il-Kunsill ħassar l-Artikolu 5(1)(a) tal-proposta oriġinali li tirreferi għaliha l-Emenda 38 bil-għan li jissimplifika u jirrazzjonalizza t-test. L-Emenda 39 ġiet aċċettata fl-ispirtu. L-Emenda 40 ġiet inkorporata fl-Artikolu 4.
4. Mapep tal-perikolu ta' għargħar u mapep tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu III)
Il-kwistjoni ta' sussidji tmur lil hinn mill-ambitu ta' din id-Direttiva u l-Emenda 85 għalhekk ma ġietx aċċettata. L-Emendi 42 u 43 ġew rifjutati minħabba li kienu żejda. L-Emendi 44, 46 u 48 huma koperti bl-Artikolu 6(5)(d), li jħalliha f'idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar informazzjoni oħra li għandha tiġi inkluża fil-mapep tar-riskju ta' għargħar. L-Artikolu 7(3) huwa konsistenti wkoll ma' l-Emenda 48. L-Emenda 45 hija żejda peress li l-formulazzjoni fil-pożizzjoni komuni nbidlet. L-Emenda 47 ġiet irrifjutata peress li mhux fattibbli li ssir distinzjoni bejn u li jkun hemm immappjar ta' kawżi speċifiċi ta' għargħar, u l-Emenda 49 ġiet inkorporata parzjalment.
L-Emendi 50 u 51 ma kinux aċċettabbli minħabba li jżidu saffi żejda mal-proċess tal-valutazzjoni u l-karatterizzazzjoni tar-riskju. L-Emenda 52 ġiet aċċettata fl-Artikolu 6(5)(d).
5. Pjanijiet għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar (Kapitolu IV, Anness)
Il-parti ta' l-Emendi 35 u 60 li kkonċernat konsiderazzjonijiet ta' kost u benifiċċju ġiet inkorporata fl-Artikolu 7(3). L-Emenda 53 ma ġietx aċċettata, peress li mhux meħtieġ li ssir referenza espliċita għal Direttivi oħra li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw magħhom. L-Artikolu 7(3) huwa konsistenti ma' l-Emenda 54 fir-rigward ta' pjanuri ta' l-għargħar u rotot ta' mogħdija ta' l-għargħar. L-Emenda 56 ġiet inkorporata safejn tirrelata mal-prinċipju ta' solidarjetà u l-Emenda 57 ġiet aċċettata parzjalment fir-rigward ta' miżuri mhux strutturali u safejn il-pjanijiet ta' maniġġar tar-riskju ta' għargħar m'għandhomx jinkludu miżuri li jistgħu jżidu r-riskju ta' għargħar 'il fuq u 'l isfel ta' pajjiżi oħra (Artikolu 7(4)).
L-Emenda 58 ma kinitx aċċettabli peress li l-Kunsill ma xtaqx jenfasizza r-reviżjoni ta' każijiet ta' għargħar. L-Emenda 59 ġiet aċċettata fil-prinċipju fl-Anness. L-Emenda 61 ġiet aċċettata parzjalment u fil-prinċipju fir-rigward tal-prinċipju ta' solidarjetà. L-Emenda 62 ma ġietx aċċettata sabiex il-prinċipju ta' solidarjetà jinżamm suffiċjentement ġenerali biżżejjed. L-Emenda 63 ma ġietx aċċettata peress li l-proċedura ta' koordinazzjoni ssuġġerita ma kinitx aċċettata u ċertu partijiet ta' l-emenda ma kinux meħtieġa.
L-Emendi 64 u 65 ġew aċċettati parzjalment u fil-prinċipju fir-rigward ta' koordinazzjoni għall-baċin tax-xmara kollu. L-Emenda 66 ġiet aċċettata fis-sħiħ iżda b'formulazzjoni differenti, b'riproduzzjoni tat-test mid-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Iż-żewġ voti separati ġew irrifjutati peress li l-Kunsill ried iżomm il-koordinazzjoni fakultattiva. L-Emenda 68 ġiet aċċettata fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni billi saret referenza għall-parteċipazzjoni pubblika fl-Artikolu 10(1). L-Emenda 69 ġiet irrifjutata minħabba li l-involviment tal-pubbliku kien diġà kopert fl-Artikolu 10. Il-pożizzjoni komuni ma tinkludix dettalji dwar miżuri ta' tħejjija u għalhekk m'hix konsistenti ma' l-Emendi 69 u 70. L-Emenda 72 ġiet irrifjutata minħabba li m'hix xierqa fil-kuntest ta' rapportar ta' ħtiġiet.
L-Emenda 74 ġiet irrifjutata. Il-Kunsill jemmen li l-Artikolu 7(3) diġà pprovda r-rabta bejn din id-Direttiva u d-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddefinixxu l-miżuri mmirati lejn it-tnaqqis ta' konsegwenzi avversi potenzjali ta' l-għargħar. L-Emenda 75 ġiet irrifjutata peress li t-terminoloġija hija inkonsistenti ma' l-Artikoli 7(2) u 7(3). L-Emenda 86 ġiet aċċettata.
6. Miżuri transitorji (Kapitolu VII)
Il-pożizzjoni komuni tibni fuq ħidma eżistenti fuq livelli nazzjonali u reġjonali, jiġifieri mapep tal-perikolu ta' għargħar, mapep tar-riskju ta' għargħar u pjanijiet ta' maniġġar. L-Artikolu 13 jaċċetta, parzjalment u/jew fil-prinċipju, l-Emendi 31, 37, 41, 55 u 71.
7. Oħrajn
— |
Fil-preambolu, il-pożizzjoni komuni taċċetta parzjalment jew fil-prinċipju l-Emendi 2, 12, 16, 17, 24 u 25 tal-Parlament Ewropew. Il-pożizzjoni komuni mhix konsistenti ma' l-Emenda 4 peress li l-valutazzjoni preliminari tar-riskju ta' għargħar tqis għargħar li seħħ fl-imgħoddi u n-nuqqas ta' strateġiji tradizzjonali għall-maniġġar tar-riskju ta' għargħar. L-Emenda 5 m'għandhiex postha f'din id-Direttiva peress li tirreferi għal koordinazzjoni fl-Istati Membri u għal kif l-awtoritajiet jikkoordinaw internament. L-Emenda 9 kienet irrifjutata minħabba li m'hix meħtieġa: hija tespandi l-Premessa 19 u tirriproduċi partijiet mit-test mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill. L-Emenda 23 kienet irrifjutata wkoll peress li hija bidla editorjali għall-Premessa 19. L-Emenda 13 kienet irrifjutata peress li ma tirriflettix dispożizzjoni fl-artikoli. Peress li l-kunċett ta' valutazzjoni preliminari tar-riskju kien simplifikat, l-Emendi 15 u 18 ma kinux aċċettabbli. L-Emendi 19 u 21 imorru lil hinn mill-ambitu ta' din id-Direttiva. Billi l-pożizzjoni komuni hija bbażata fuq il-prinċipji ta' sussidjarjetà u solidarjetà, l-Emenda 20 ġiet aċċettata parzjalment. L-Emenda 22 diġà kienet koperta mill-Premessa 17, u għalhekk, ġiet irrifjutata. |
— |
Referenzi għall-bidla fil-klima (l-Emendi 7, 9, 10 u 38 huma koperti parzjalment mill-Premessi 2 u 5 u mill-Artikolu 4(2)(d). L-obbligu li jittieħed kont tal-bidla fil-klima jibda fl-2018, għalhekk l-Emenda 73 ma kinitx aċċettabbli. |
IV. KONKLUŻJONI
Il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tiegħu fil-biċċa l-kbira tieħu kont ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Hija tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u realistika bil-għan li jitnaqqsu l-konsegwenzi ta' għargħar fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiġi żgurata rabta mill-qrib ma' l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma. Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa diskussjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb ta' l-adozzjoni bikrija tad-Direttiva.