Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005PC0595

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa

/* KUMM/2005/0595 finali */

52005PC0595

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta’ Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa /* KUMM/2005/0595 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.11.2005

KUMM(2005) 595 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-ħatra ta’ Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Il-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (PS) hu qafas ta’ politika reġjonali mwaqqaf mill-komunità internazzjonali f’Kolonja fl-10 ta’ Ġunju 1999 sabiex jappoġġja pajjiżi f’dak ir-reġjun fl-isforzi tagħhom biex irawwmu l-paċi, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prosperità ekonomika, u biex tinkiseb stabilità fir-reġjun b'mod ġenerali. Il-Paragrafu 13 tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa jistipula li l-Patt ta’ Stabilità se jkollu Koordinatur Speċjali maħtur mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-President ta’ l-OSCE fil-Kariga u parteċipanti oħra, u approvat mill-President ta’ l-OSCE fil-Kariga.

Wara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 dwar l-appoġġ għall-Missjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u għall-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnija u Herżegovina (OHR) u l-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (PS), il-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jappunta Koordinatur Speċjali għall-Patt ta' Stabilità fuq bażi annwali. Hu għalhekk neċessarju għall-Kunsill li jadotta, qabel il-31 ta’ Diċembru 2005, deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ Koordinatur Speċjali, li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-President ta’ l-OSCE fil-Kariga u lil parteċipanti oħra fil-Patt ta’ Stabilità u tipproponi li l-Kunsill jappunta mill-ġdid lil Dr Erhard Busek bħala Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità. Il-mandat tal-Koordinatur Speċjali hu mfassal minn dak stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 2004/928 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-ħatra ta' Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa għas-sena 2005.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-ħatra ta’ Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 tat-22 ta' Mejju 2000 dwar l-appoġġ għall-Missjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK) u għall-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnja u l-Herzegovina (OHR) u l-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa (PS)[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 1a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Fl-10 ta’ Ġunju 1999 il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mal-parteċipanti fil-Patt ta' Stabilità għax-Xlokk ta' l-Ewropa, qablu li jwaqqfu Patt ta' Stabilità għax-Xlokk ta' l-Ewropa, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ ‘il-Patt ta’ Stabilità’.

(2) L-Artikolu 1a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1080/2000 jipprovdi għal Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità li jiġi maħtur fuq bażi annwali.

(3) Huwa neċessarju li jkun stabbilit, flimkien mal-ħatra, mandat għall-Koordinatur Speċjali. L-esperjenza wriet li l-mandat stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (KE) Nru 2004/928 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-ħatra ta' Koordinatur Speċjali tal-Patt ta' Stabilità għax-Xlokk ta' l-Ewropa għall-2005[2] hu adatt.

(4) Hu adatt li jkunu stabbiliti linji ċari tar-responsabbiltà kif ukoll gwida dwar il-koordinazzjoni u r-rappurtaġġ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dr Erhard BUSEK huwa b’dan maħtur Koordinatur Speċjali tal-Patt ta’ Stabilità għax-Xlokk ta’ l-Ewropa.

Artikolu 2

Il-Koordinatur Speċjali għandu jwettaq il-funzjonijiet li hu provdut għalihom f’punt 13 tad-dokument tal-Patt ta’ Stabilità ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999.

Artikolu 3

Sabiex jinkiseb l-għan imsemmi fl-Artikolu 2, il-mandat tal-Koordinatur Speċjali għandu jkun li:

(a) jippromwovi l-kisba ta’ l-għanijiet tal-Patt, fi ħdan, u bejn il-pajjiżi individwali u fejn il-Patt juri li għandu valur miżjud;

(b) jippresjedi il-Mejda Reġjonali tax-Xlokk ta’ l-Ewropa;

(c) iżomm kuntatt mill-qrib mal-parteċipanti kollha u Stati, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet tal-Patt ta' Stabilità, kif ukoll inizjattivi relevanti reġjonali u organizzazzjonijiet, bil-għan li titrawwem kooperazzjoni reġjonali u titkabbar il-propjetà reġjonali;

(d) jikkoopera mill-viċin ma’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha sabiex jippromwovi r-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea fil-Patt skond il-punti 18, 19, 20 tad-dokument tal-Patt ta' Stabilità u jiżgura kumplimentarjetà bejn ix-xogħol tal-Patt ta' Stabilità u l-Proċess ta' Stabilità u Assoċjazzjoni;

(e) jiltaqa’ perjodikament u b’mod kollettiv kif xieraq mal-Presidenti ta’ l-Imwejjed ta' Ħidma, biex jiżgura koordinazzjoni strateġika ġenerali u jaġixxi bħala segretarjat tal-Mejda Reġjonali tax-Xlokk ta’ l-Ewropa u l-istrumenti tagħha;

(f) jaħdem fuq il-bażi ta' lista, li jkun hemm qbil dwarha minn qabel u b'konsultazzjoni mal-parteċipanti fil-Patt ta' Stabilità, ta' azzjonijiet ta' prijorità għall-Patt ta' Stabilità biex jiġu implimentati matul l-2006, u biex il-metodi ta' xogħol u l-istrutturi tal-Patt ta' Stabilità jinżammu taħt reviżjoni, biex tkun żgurata l-konsistenza u l-użu effiċjenti tar-riżorsi.

Artikolu 4

Il-Koordinatur Speċjali għandu jikkonkludi ftehim finanzjarju mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

L-attivitajiet tal-Koordinatur Speċjali għandhom ikunu kkoordinati ma’ ta’ dawk tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni, notevolment fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv Informali. Fil-qasam, għandha tinżamm kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-Istati Membri, ir-Rappreżentanti Speċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli fil-Bosnija u Herżegovina u l-Amministrazzjoni Ċivili tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo.

Artikolu 6

Il-Koordinatur Speċjali għandu jirrapporta, kif adatt, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Huwa għandu jkompli jinforma regolarment lill-Parlament Ewropew bl-attivitajiet tiegħu.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006.

Magħmula fi Brussel,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 122, 24.5.2000, p.27. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2098/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 (ĠU L 316, 29.11.2003, p.1).

[2] ĠU L 396, 31.12.2004, p.47.

Top