Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0706

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar - Qafas ġdid għall-koordinazzjoni miftuħa ta’ ħarsien soċjali u strateġiji ta’ inklużjoni fl-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2005/0706 finali */

52005DC0706

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar - Qafas ġdid għall-koordinazzjoni miftuħa ta’ ħarsien soċjali u strateġiji ta’ inklużjoni fl-Unjoni Ewropea /* KUMM/2005/0706 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2005

KUMM(2005) 706 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Naħdmu flimkien, naħdmu aħjar: Qafas ġdid għall-koordinazzjoni miftuħa ta’ ħarsien soċjali u strateġiji ta’ inklużjoni fl-Unjoni Ewropea

1. INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea hija impenjati li timmodernizza l-mudell soċjali tagħha, ibbażat fuq il-valuri komuni tal-ġustizzja soċjali u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini kollha fil-ħajja ekonomika u soċjali. Fil-kontribut tagħha għall-laqgħa informali reċenti tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern f’Hampton Court, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid il-ħtieġa li l-Ewropa timmodernizza s-sistemi ta’ ħarsien soċjali sabiex tiżgura l-vijabbilità tagħhom fil-ġejjieni. L-istrateġiji jridu jkomplu jippromwovu koeżjoni soċjali, opportunitajiet ugwali u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet filwaqt li jirreaġixxu aħjar għall-bidla ekonomika u soċjali u jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi.

Fis-snin reċenti l-UE fittxet li trawwem koordinazzjoni u tagħlim fost l-Istati Membri dwar l-immodernizzar u t-titjib ta’ l-strateġiji. Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (OMC) ippermetta li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-operaturi oħra jkollhom skambju kostruttiv dwar għanijiet ta’ strateġija komuni, prassi tajba u tmexxija tajba filwaqt li jirrispettaw is-sussidjarjetà. L-OMC stimula lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali u ppromwova skambju ta’ strateġija dwar l-iżgurar ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli fil-ġejjieni.

Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-proposti tal-Kummissjoni biex jinħoloq qafas semplifikat għal żvilupp ulterjuri ta’dawn l-iskambji. Din tagħti kas ta’ l-esperjenza miksuba s’issa; ta’ kif l-Istati Membri u operaturi oħra evalwaw l-OMC – x’jaħdem, x’ma jaħdimx – f’evalwazzjoni reċenti; u ta’ żviluppi usa’, notevolment ir-reviżjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona. Din għandha l-għan li toħloq OMC aktar b’saħħtu u aktar viżibbli b’punt fokali ogħla fuq l-implimentazzjoni tal-politika, li tinteraġixxi b’mod pożittiv ma’ l-Istrateġija riveduta ta’ Lisbona, filwaqt li tissemplifika r-rappurtaġġ u tespandi l-opportunitajiet għal skambju ta’ strateġija.

1.1. Sfond: L-OMC kif applikat għall-inklużjoni soċjali u l-pensjonijiet

F’dan il-qasam l-OMC żviluppa fid-dawl ta’ l-għan strateġiku tal-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona ta’ Marzu 2000, li inkluda l-ħolqien ta’ "koeżjoni soċjali usa’". Fid-dawl tas-sejħa tal-Kunsill għal xogħol fuq livell ta’ l-UE "biex jagħmel impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar" (para. 32) u fuq l-adegwatezza u s-sostenibbiltà futura ta’ sistemi ta’ pensjoni (para. 31), il-Proċess ta’ Inklużjoni Soċjali u l-OMC dwar Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli kienu stabbiliti. Il-Kunsill Ewropew wara fittex li jestendi x-xogħol għall-ġejjieni tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul.

Skond il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-Istati Membri jaqblu ma’ miżura ta’ żvilupp konġunt ta’ strateġiji mingħajr ma jidħlu fil-kwistjoni ta’ sussidjarjetà. Dan huwa metodu flessibbli, li jippermetti l-iskambju u l-koordinazzjoni f’mod u sa livell adegwat għall-politika involuta. Skond kif applikat għall-inklużjoni soċjali u l-pensjonijiet, dan irrikjeda: il-ftehim dwar għanijiet komuni li jistabbilixxu skopijiet ta’ livell għoli u komuni; il-preparazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAPs) għall-Inklużjoni u Rapporti dwar Strateġija Nazzjonali (NSRs) għall-pensjonijiet, li fihom Stati Membri stabbilixxew il-pjanijiet ta’ politika tagħhom għal perjodu ta’ żmien miftiehem biex jilħqu l-għanijiet komuni; l-evalwazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet/strateġiji f’Rapporti Konġunti tal-Kummissjoni/Kunsill; u xogħol konġunt dwar indikaturi li jippermettu għarfien reċiproku u evalwazzjoni u, fejn xieraq, it-twaqqif ta’ miri. L-OMC ipprovda qafas għal skambju u tagħlim u ppromwova l-onestà, it-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati, Ewropej u nazzjonali, bħala mezz ta’ tfassil aħjar ta’ strateġija.[1]

Il-valur miżjud tal-proċess ta’ inklużjoni kien li kkjarifika l-multidimensjonalità tal-faqar u l-esklużjoni u l-bżonn konsegwenti għal reazzjonijiet ta’ strateġiji sħaħ u magħquda. Dan ippromwova wkoll tmexxija tajba, onestà u l-parteċipazzjoni ta’ operaturi. Il-proċess tal-pensjonijiet ħoloq qbil illi l-ħsieb dwar adegwatezza, sostenibbiltà u l-immodernizzar tas-sistemi għandu jirfed ir-riformi tal-pensjonijiet. Iż-żewġ proċessi ġibdu l-attenzjoni fuq kwistjonijiet ġodda – per eżempju, il-ħtieġa li jiġi miġġieled il-faqar tat-tfal sabiex titkisser il-perpetwazzjoni ta’ l-esklużjoni bejn il-ġenerazzjonijiet; u l-ħtieġa li jiġu promossi ħajjiet itwal tax-xogħol jekk sistemi ta’ pensjonijiet iridu jkunu sostenibbli. It-tnejn għadhom qed jikbru u involvew b’suċċess Stati Membri ġodda, li pproduċew l-ewwel NAPs tagħhom dwar l-inklużjoni fl-Lulju 2004 u l-ewwel NSRs għal pensjonijiet fl-Lulju 2005.

1.2. Għalfejn tissemplifika?

Il-Kummissjoni pproponiet li "tissemplifika" x-xogħol dwar l-inklużjoni u l-pensjonijiet, flimkien max-xogħol ippjanat dwar is-saħħa u l-kura fit-tul, biex tifforma proċess integrat, li jmur lura sa Mejju 2003. L-għan kien doppju: biex jinħoloq proċess aktar b’saħħtu, u biex jintegra aħjar mal-proċess ta’ Lisbona, b’mod partikolari il-Linji Gwida ta’ Strateġija Ekonomika Wiesgħa (BEPGs) u l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi[2]. Il-Kummissjoni pproponiet struttura għal rappurtaġġ u evalwazzjoni mifruxa mat-tliet oqsma u skeda sinkronizzata mal-BEPGs u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. L-Istati Membri b’mod ġenerali offrew appoġġ: huma riedu semplifikazzjoni ta’ rappurtaġġ iżda mhux li tiddgħajjef in-natura u l-firxa ta' applikazzjoni distinta tal-proċessi ta’ inklużjoni u pensjonijiet. Kien miftiehem li jipproċedu gradwalment, b’ċerti elementi tal-pakkett – il-bidu tax-xogħol fuq is-saħħa u l-kura fit-tul u l-ħolqien ta’ Rapport annwali dwar Ħarsien Soċjali Konġunt u Inklużjoni Soċjali – ikunu indirizzati matul l-2004-2005. L-element finali – l-adozzjoni ta’ għanijiet komuni ġodda għat-tliet friegħi flimkien ma’ proċeduri ġodda li japplikaw mill-2006[3] – huwa s-suġġett ta’ din il-Komunikazzjoni. Din il-Komunikazzjoni, għalhekk, tibni fuq għarfien wiesa’ komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Hija tikkunsidra wkoll l-iżviluppi mill-2003 ’l hawn, bħal m’hu l-bidu tax-xogħol fuq is-saħħa u l-kura fit-tul. L-Istati Membri ssottomettew Dikjarazzjonijiet ta’ Strateġija Preliminari f’April 2005 u sar qbil fuq dokument ta’ riflessjoni bbażat fuqhom. L-Istati Membri jaqblu illi l-OMC issimplifikat jista’ jkun applikat b’mod utli f’dan il-qasam biex jistimula żvilupp ta’ strateġija, jiġbed l-attenzjoni fuq sfidi komuni u jiffaċilita t-tagħlim reċiproku.

L-aktar importanti, it-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta’ Lisbona f’Marzu 2005 iddefinixxiet aktar il-kuntest li fih ix-xogħol fuq il-ħarsien u l-inklużjoni soċjali għandu jidħol. L-istrateġija riveduta ta’ Lisbona tikkonċentra fuq strateġiji li jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi[4] u tfittex li tegħleb il-qasma fl-implimentazzjoni identifikata fir-reviżjoni ta’ Lisbona. Rappurtaġġ separat skond l-OMC dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali se jkompli, bi kwistjonijiet dwar ħarsien soċjali rilevanti għall-Linji Gwida Integrati ġodda jkunu wkoll riflessi fi programmi ta’ riforma nazzjonali.[5] Fl-istess ħin, filwaqt li jirriflettu il-viżjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ "tkabbir u tkattir ta’ impjiegi għal koeżjoni soċjali", strateġiji fl-aġenda riveduta ta’ Lisbona se jikkontribwixxu għall-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali. Għalhekk, l-OMC għandu jimxi fl-istess linji u jaħdem mill-qrib mal-proċess rivedut ta’ Lisbona – "jagħti kontribut" għall-għanijiet ta’ tkabbir u impjiegi filwaqt li l-programmi ta’ Lisbona "jagħtu lura sehemhom” biex javvanzaw il-miri ta’ koeżjoni soċjali. L-OMC għandu wkoll iwieġeb għall-isfida tal-qasma fl-implimentazzjoni.

1.3. L-evalwazzjoni tax-xogħol taħt l-OMC: l-opinjonijiet ta’ l-Istati Membri u l-operaturi tal-politika

Il-Kummissjoni fittxet li tikkunsidra l-opinjonijiet tal-partijiet interessati qabel ma tressaq il-proposti tagħha għal simplifikazzjoni. Hija talbet lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali, lill-NGOs u lill-istituzzjonijiet ta’ ħarsien soċjali biex jimlew kwestjonarju dwar l-OMC u l-metodi tal-ħidma tiegħu. Kien hemm rispons kbir li jipprovdi dehra komprensiva ta’ xi jridu l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra.[6]

Huwa ċar li l-partijiet interessati japprezzaw lill-OMC u jħossu li għandu impatt pożittiv fuq it-tfassil ta’ l-istrateġija. Huma jilqgħu l-fatt li huwa juri l-appoġġ ta’ l-Unjoni għall-valuri komuni li jsostnu l-strateġiji soċjali u jiżgura leħen għall-politika soċjali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE. Huma jixtiequ li r-rwol pożittiv li għandhom l-strateġiji tajbin ta’ ħarsien soċjali u inklużjoni jkun iżjed fid-deher u li jagħti appoġġ lill-immodernizzar tal-strateġiji. Għalhekk, is-semplifikazzjoni għandha tagħmel lill-OMC aktar effettiv u tagħtih profil ogħla.

B’mod ġenerali l-partijiet interessati jappoġġjaw proċess inċiżiv b’rappurtaġġ issimplifikat, sakemm dan ma jnaqqarx dak li nkiseb. Is-simplifikazzjoni għandha tgħaqqad it-tliet friegħi ta’ xogħol, iżda tħalli l-aspetti speċifiċi li huma importanti għal kull wieħed minnhom jiżviluppaw ulterjorment. [7] Għanijiet integrati komuni ġodda m’għandhomx inaqqsu mill-firxa ta’ applikazzjoni għal iffukar fil-fond f’kull qasam tal-politika.

Il-partijiet interessati japprezzaw b’mod partikolari lill-OMC bħala mezz ta’ tagħlim u skambju dwar il-strateġiji. Huma japprezzaw il-mekkaniżmi, bħal ma’ huma l-programm ta’ reviżjoni tal-pari tagħhom u proġetti transnazzjonali, li kibru pass pass mal-kompitu ewlieni ta’ rappurtaġġ u evalwazzjoni. Huma jilqgħu l-fatt illi l-vot tal-baġit ta’ Progress ġdid fil-futur sa jiffaċilita attivitajiet bħal dawn mal-firxa sħiħa ta’ l-OMC. Is-simplifikazzjoni għandha tappoġġja aktar tagħlim u tintegrah aħjar max-xogħol ta’ rappurtaġġ u evalwazzjoni.

L-importanza ta’ konnessjonijiet tajbin bejn l-OMC għal ħarsien u inklużjoni soċjali u proċessi oħra fuq livell ta’ l-UE hija enfasizzata. Interazzjoni tajba ma’ l-Istrateġija riveduta ta’ Lisbona u t-tnedija mill-ġdid ta’ Strateġija għal Żvilupp Sostenibbli hija enfasizzata.

Il-promozzjoni ta’ tmexxija tajba u onestà fit-tfassil ta’ l-istrateġija titqies bħala għan prinċipali. Il-proċess issimplifikat għandu jimmira biex imexxi l-quddiem il-prassi li jinvolvi operaturi, s’issa l-aktar żviluppat fuq in-naħa ta’ l-inklużjoni.

2. GħANIJIET KOMUNI ġODDA GħALL-OMC ISSIMPLIFIKAT DWAR ħARSIEN SOċJALI U INKLUżJONI SOċJALI

Il-Kummissjoni tipproponi l-għanijiet komuni li ġejjin għall-OMC issimplifikat dwar ħarsien u inklużjoni soċjali. Dawn jibnu fuq l-għanijiet eżistenti ta’ Nizza dwar l-inklużjoni u l-għanijiet ta’ Laeken dwar il-pensjonijiet u jimmiraw li jippermettu ż-żamma tal-momentum li żviluppa fiż-żewġ sferi. It-tħassib ewlieni jkompli jkun il-promozzjoni ta’ tfassil ta’ strateġiji tajba għal livell għoli ta’ ħarsien soċjali u koeżjoni soċjali, filwaqt li, fit-tieni lok, jiżgura interazzjoni tajba mal-prijoritajiet riveduti ta’ Lisbona dwar tkabbir u impjiegi u mat-tnaqqis tal-qasma fl-implimentazzjoni identifikata fir-reviżjoni ta’ Lisbona. B’mod partikolari għall-inklużjoni soċjali, il-preżentazzjoni aktar ġeneralizzata ta’ l-għanijiet għandha tippermetti li l-Istati Membri jiffukaw fid-dettall fuq il-prijoritajiet ta’ strateġiji li huma l-aktar importanti f’kull kuntest nazzjonali, per eżempju, persuni bla dar, il-faqar fost it-tfal u l-aljenazzjoni taż-żgħażagħ, l-immigranti u l-minoranzi etniċi, id-diżabbiltà, l- e-inclusion jew l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ.[8] Huma jirriflettu lezzjonijiet mill-analiżi ta’ l-implimentazzjoni tan-NAPs ta’ l-2005 għall-inklużjoni: li l-għanijiet ta’ l-inklużjoni jridu jkunu integrati fi strateġiji pubbliċi rilevanti, inklużi programmi ta’ fondi strutturali u strateġiji ta’ edukazzjoni u taħriġ; u li t-tfassil ta’ l-istrateġiji ta’ politika jissaħħaħ minn tmexxija tajjeb.

Il-proposta tinkludi għanijiet " overarching ", li jipprovdu qafas ġenerali għax-xogħol mal-firxa ta’ l-OMC b’mod ġenerali; flimkien ma’ tliet gruppi ta’ għanijiet speċifiċi għal kull qasam ta’ l-istrateġiji ta’ politika.

2.1. L-għanijiet overarching ta’ l- OMC għal ħarsien soċjali u inklużjoni soċjali huma biex:

1. Jippromwovu koeżjoni soċjali u opportunitajiet ugwali għal kulħadd permezz ta’ sistemi ta’ ħarsien soċjali u strateġiji ta’ inklużjoni soċjali adegwati, aċċessibbli, finanzjarjament sostenibbli, adattabbli u effiċjenti.

2. Jinteraġixxu mill-qrib ma’ l-għanijiet ta’ Lisbona biex jinkiseb tkabbir ekonomiku akbar u aktar impjiegi u aħjar u ma’ l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli ta’ l-UE.

3. Isaħħu t-tmexxija, t-trasparenza u l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ l-istrateġija politika.

2.2. L-għanijiet li ġejjin japplikaw għall-friegħi differenti ta’ xogħol:

2.2.1. L-għamla ta’ impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar u l-inklużjoni soċjali:

4. Tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali attiva ta’ kulħadd permezz tal-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u billi ikun miġġieled il-faqar u l-esklużjoni fost il-persuni u l-gruppi l-aktar emarġinati.

5. Ikun garantit aċċess għal kulħadd għar-riżorsi bażiċi, id-drittijiet u s-servizzi soċjali meħtieġa għal parteċipazzjoni fis-soċjetà, waqt li jiġu indirizzati forom estremi ta’ esklużjoni u tkun miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni li twassal għal esklużjoni.

6. Ikun żgurat li strateġiji ta’ inklużjoni soċjali huma koordinati tajjeb u jinvolvu l-livelli kollha tal-gvern u ta’ l-operaturi rilevanti, inklużi persuni li qed jesperjenzaw il-faqar, li huma effiċjenti u effettivi u integrati fl-istrateġiji pubbliċi rilevanti kollha, inklużi strateġiji ekonomiċi u tal-baġit u programmi ta’ fondi strutturali (speċjalment l-ESF) u li huma integrati fil-ġens.

2.2.2. Il-provvediment ta’ pensjonijiet adegwati u sostenibbli:

7. Fl-ispirtu ta’ solidarjetà u ġustizzja bejn u fil-ġenerazzjonijiet, tingħata garanzija ta’ dħul adegwat fl-irtirar għal kulħadd u aċċess għal pensjonijiet li jippermettu persuni jżommu, sa livell raġonevoli, l-istandard ta’ l-għajxien tagħhom wara li jirtiraw.

8. Fil-kuntest ta’ finanzi pubbliċi sodi, tkun żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja ta’ skemi ta’ pensjonijiet pubbliċi u privati, l-aktar billi: jappoġġjaw ħajja itwal ta’ xogħol u xjuħija attiva; ikun żgurat bilanċ adegwat u ġust bejn kontribuzzjonijiet u benefiċċji; u jkunu promossi skemi finanzjati u privati siguri li jistgħu jintlaħqu minn kulħadd.

9. Ikun żgurat li sistemi ta’ pensjonijiet huma trasparenti, adattati b’mod tajjeb għall-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ nisa u rġiel u l-ħtiġijiet tas-soċjetajiet moderni, xjuħija demografika u bdil strutturali; li persuni jirċievu l-informazzjoni li jeħtieġu biex jippjanaw għall-irtirar tagħhom u li riformi jitmexxew fuq il-bażi ta’ konsensus l-aktar wiesa’ possibbli.

2.2.3. L-iżgurar ta’ kura tas-saħħa u l-kura fit-tul aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u sostenibbli :

10. L-għoti ta’ garanzija ta’ aċċess għal kulħadd għall-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul adegwata u jkun żgurat illi l-ħtieġa għal kura ma twassalx għal faqar u dipendenza finanzjara. Jiġu indirizzati inugwaljanzi fl-aċċess għal kura u f’riżultati tas-saħħa.

11. Tkun promossa kwalità fil-ħarsien tas-saħħa u l-kura fit-tul u l-kura tkun adattata skond il-ħtiġijiet u l-preferenzi li dejjem jinbidlu tas-soċjetà u l-individwi, speċjalment billi jitwaqqfu standards li jirriflettu l-aħjar prassi internazzjonali u billi tissaħħaħ ir-responsabbiltà ta’ professjonisti tas-saħħa, ta’ pazjenti u min jirċievi l-kura.

12. Ikun żgurat li l-kwalità għolja u adegwata tal-ħarsien tas-saħħa u l-kura fit-tul tibqa’ bi prezz raġonevoli u sostenibbli permezz tal-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja sana u attiva, riżorsi umani tajbin għas-settur tal-kura u użu razzjonali ta’ riżorsi, l-aktar permezz ta’ inċentivi xierqa għal min jużahom u min jipprovdihom, tmexxija tajba u koordinazzjoni bejn is-sistemi ta’ kura u l-istituzzjonijiet.

3. PROċEDURI U ARRANġAMENTI TA’ XOGħOL GħALL-OMC MSAħħAħ

3.1. Arranġamenti ta’ rappurtaġġ u evalwazzjoni.

Ibbażati fuq dawn l-għanijiet komuni, se jitfasslu strateġiji nazzjonali għal ħarsien soċjali u inklużjoni soċjali, li jindirizzaw l-isfidi speċifiċi ta’ kull kolonna waqt li jfasslu messaġġi ta’ livell għoli u sommarji mifruxa mas-settur kollu. Dawn se jinkludu:

Sezzjoni komuni li jkun fiha:

- Valutazzjoni tas-sitwazzjoni soċjali, li tirrapporta fuq xejriet u sfidi ewlenin fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-pensjonijiet u s-saħħa u l-kura fit-tul; u

- Preżentazzjoni ta’ l- approċċ strateġiku globali għall-immodernizzar ta’ strateġiji ta’ ħarsien soċjali u inklużjoni soċjali.

Din il-parti tkun ippreparata b’referenza għall- għanijiet overarching komuni u sostnuta b’indikaturi xierqa fuq livell ta’ l-UE.

Tliet pjanijiet tematiċi li jkopru l-inklużjoni soċjali, il-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa. Dawn għandhom iħarsu ’l quddiem u jistabbilixxu għanijiet nazzjonali skond prijoritajiet li jbiddlu l-għanijiet komuni fi pjanijiet ta’ politika nazzjonali. Kull wieħed se jservi bħala pjan nazzjonali għall-qasam speċifiku tal-politika. Għalhekk, għall-inklużjoni, l-għan huwa li jinżamm ir-rwol ta’ l-ippjanar strateġiku u l-iffissar ta’ għanijiet tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni, b’iffukar imtejjeb fuq l-istrateġija, l-iffissar ta’ prijoritajiet u l-implimentazzjoni tal-politika. Għall-pensjonijiet, ir-rwol tar-Rapport ta’ Strateġija Nazzjonali biex tiġi stabbilita strateġija għal modernizzazzjoni tas-sistema ta’ pensjonijiet biex tilqa’ għall-isfidi kurrenti u futuri għandu jkompli. Fil-prattika, billi l-Istati Membri ppreżentaw Rapporti ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Pensjonijiet f’Lulju 2005, l-ewwel sottomissjonijiet semplifikati dwar il-pensjonijiet fl-2006 għandhom ikunu ħfief ħafna. Il-pjan għas-saħħa u l-kura fit-tul jiffoka fuq l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet li fuqhom jista’ jsir skambju u tagħlim reċiproku.

Il-Kummissjoni se tabbozza Rapport Konġunt dwar Ħarsien Soċjali u Inklużjoni Soċjali għal adozzjoni mill-Kunsill/Kummissjoni qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa sussegwenti. Dan se jiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet u t-tendenzi ewlenin u jivvaluta l-progress ta’ l-Istati Membri biex jintlaħqu l-għanijiet komuni. Huwa se jirrevedi “s-sehem li taw" lill-Aġenda ta’ Lisbona u jevalwa kif il-progress lejn l-għanijiet ta’ Lisbona dwar l-impjiegi u t-tkabbir qiegħed jagħmel impatt fuq il-koeżjoni soċjali.

Aktar stħarriġ fid-dettall ta’ kwistjonijiet prinċipali u prattiki tajbin fit-tliet oqsma tal-politika se jsir f’rapporti okkażjonali ta’ l-istaff tal-Kummissjoni.

3.2. Skeda għal rappurtaġġ u evalwazzjoni

L-Istrateġiji Nazzjonali dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali normalment ikopru perjodu ta’ tliet snin li jħares ’il quddiem. Sabiex jidħlu tajjeb fl-iskeda l-ġdida ta’ Lisbona, l-ewwel rapporti għandhom jiġu sottomessi f’Settembru ta’ l-2006. Dan jiffaċilita "s-sehem li jingħata" ta’ kwistjonijiet rilevanti – bħal kif sistemi ta’ benefiċċji jappoġġjaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u kif xogħol itwal jista’ jkun appoġġat b’sistemi ta’ pensjonijiet u strateġiji għal xjuħija sana – għal Programmi ta’ Riforma Nazzjonali għal Ottubru 2006. Billi l-ewwel rapporti se jaslu meta tkun diġà għaddiet l-ewwel sena taċ-ċiklu ta’ tliet snin ta’ Lisbona (2005-2008), għandhom, eċċezzjonalment, ikopru perjodu ta’ sentejn biss (2006-2008).

L-Istati Membri m’humiex se jintalbu jwasslu strateġiji nazzjonali fis-snin ("ħfief") tan-nofs. Huma jistgħu, jekk jixtiequ, jirrapportaw fuq kwalunkwe inizjattivi ġodda jew fuq progress fl-implimentazzjoni[9]. L-OMC f’dawn is-snin ħfief se jikkonċentra fuq analiżi fil-fond ta’ kwistjonijiet speċifiċi u fuq it-tixrid ta’ riżultati tal-politika. Ir-Rapport Konġunt dwar l-SP u l-SI fi snin bħal dawn jista’ jirrapporta dwar: indikaturi, kemm komuni u kemm nazzjonali, ta’ progress; żviluppi ta’ l-istrateġija politika rappurtati mill-Istati Membri; reviżjoni ta’ l-interazzjoni mal-proċess ta’ Lisbona; u analiżi ta’ kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika.

3.3. Arranġamenti ta’ xogħol: appoġġ għal aktar tagħlim reċiproku

Wieħed mir-riżultati l-aktar ċari mill-evalwazzjoni huwa l-valur li l-partijiet interessati jorbtu ma’ skambji ta’ prattika u tagħlim reċiproku, bħalma huma l-programm ta’ reviżjoni tal-pari tagħhom, il-proġetti ta’ skambju transnazzjonali, ir- Round Table Annwali dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Laqgħa Annwali ma’ Persuni li qed Jesperjenzaw il-Faqar. Il-vot tal-baġit PROGRESS ippjanat, fil-futur se jsostni skambji simili mal-firxa kollha ta’ l-OMC. Dawn għandhom jingħataw aktar prominenza fl-OMC futur u jkunu integrati aħjar mar-rappurtaġġ u l-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li tieħu vantaġġ mill-iskeda l-ġdida proposta hawn fuq biex tippromwovi aktar tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba, b’mod partikolari fis-snin ħfief.

3.4. Arranġamenti ta’ xogħol: l-involviment ta’ l-operaturi u t-tmexxija

L-OMC semplifikat għandu jerġa’ jirdoppja il-punt fokali fuq il-promozzjoni ta’ tmexxija tajba, t-trasparenza u l-involviment ta’ l-operaturi. L-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess se jsaħħu billi jtejjeb il-viżibbiltà tiegħu, jinkoraġġixxi ambizzjoni fl-iffissar ta’ għanijiet u jżid l-iffukar fuq l-implimentazzjoni tal-politika.

Għalhekk, l-involviment tal-partijiet interessati li kibret fil-qasam ta’ l-inklużjoni tista’ tkun estiża għall-friegħi l-oħra, dejjem b’kunsiderazzjoni tad-differenzi bejniethom. Barra minn hekk, bħalma jipproponi t-tielet għan overarching , l-OMC jista’ jipproponi tmexxija tajba, trasparenza u involviment mhux sempliċiment fil-ħidma tiegħu stess iżda bħala għan tat-tfassil ta’ politika soċjali aktar ġenerali. Dan sa jeħtieġ iffukar fuq kwistjonijiet differenti fil-friegħi differenti. Għall-inklużjoni, l-enfasi tkun fuq il-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet, l-iżgurar ta’ koordinazzjoni tal-politika bejn fergħat u livelli tal-gvern u l-integrazzjoni tat-tħassib dwar il-faqar u l-esklużjoni fl-ippjanar nazzjonali. Għall-pensjonijiet, sfida partikolari hija li sistemi ta’ pensjonijiet ikunu jiftiehmu u jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni li għandhom bżonn biex jippjanaw għall-irtirar tagħhom. Għas-saħħa, il-prijorità probabbilment se tkun il-koordinazzjoni tal-politika bejn partijiet differenti tas-sistema u informazzjoni tajba għaċ-ċittadini.

3.5. Arranġamenti ta’ xogħol: indikaturi

Kif deskritti fi 3.1 hawn fuq, l-Istrateġiji Nazzjonali għal Ħarsien Soċjali u Inklużjoni Soċjali jistgħu, fil-livell ta’ għanijiet overarching, ikunu appoġġjati minn indikaturi komuni li juru xejriet soċjali ewlenin u għanijiet wiesgħa; u permezz ta’ indikaturi aktar dettaljati f’kull qasam ta’ l-istrateġija ta' politika.

Matul l-2006 il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jaħdmu biex jirrinforzaw u jissemplifikaw l-użu ta’ indikaturi biex jappoġġjaw l-għanijiet komuni ġodda, filwaqt li jagħtu kas ta’ l-għanijiet speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika, l-approċċi metodoloġiċi u l-istat ta’ l-iżvilupp tat-tliet friegħi. Ix-xogħol fuq l-indikaturi għandu jimmira biex jappoġġja aħjar il-monitoraġġ tar-riżultati tal-politika, inkluż kif dawn jagħmlu impatt fuq nisa u irġiel u familji. Indikaturi biex jimmonitorjaw il-privazzjoni għandhom ukoll ikunu msaħħa. Matul it-tranżizzjoni għall-EU-SILC, se jkun hemm nuqqas ta’ data komparabbli dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet ta’ għajxien li fuqhom huma mibnija ħafna mill-indikaturi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkollhom għalhekk jirriflettu fuq kif ikejlu l-progress u jippermettu tqabbil bejn pajjiż u ieħor matul dan iż-żmien.

Għandu jkun hemm iffukar imġedded fuq iffissar ta’ miri relatati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-iffissar ta’ miri minn dejjem kien parti mill-proċess ta’ inklużjoni soċjali, konformi mat-talba tal-Kunsill Ewropew f’Lisbona biex "jkun hemm impatt deċiżiv fuq il-qerda tal-faqar” u l-istedina tiegħu lill-Istati Membri f’Barċellona f’Marzu 2002 biex jiffissaw miri "għal tnaqqis sostanzjali tan-numru ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali". Kien hemm tkabbir sod iżda kajman fl-użu tagħhom. Kien hemm ħafna skambji reċenti bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u l-kejl ta’ miri; dawn għandhom jiġu żviluppati.

L-evalwazzjoni ta’ l-OMC ipproduċiet ħafna suġġerimenti għal indikaturi ġodda u għal miri possibbli, bħalma għamlet il-Konferenza tal-Presidenza ta’ Lussemburgu f’Ġunju 2005 dwar “It-Teħid ’il Quddiem tal-Proċess ta’ Inklużjoni Soċjali ta’ l-UE ".[10] Ix-xogħol għandu jsir fuq dawn.

3.6. It-titjib tal-viżibbiltà ta’ l-OMC

Viżibbiltà akbar għall- OMC għandha tilħaq diversi għanijiet. Dan għandu jinforma liċ-ċittadini dwar l-interess ta’ appoġġ ta’ l-UE f’strateġiji ta’ ħarsien u inklużjoni soċjali. L-għanijiet komuni u l-iskambji tal-politika li qed isiru taħt l-OMC jistgħu jikkontribwixxu pożittivament għad-dibattiti ta’ l-istrateġiji ta’ politika li qegħdin isiru fl-Istati Membri kollha.

Billi jittieħed vantaġġ mir-ritmu eħfef ippjanat ta’ rappurtaġġ u evalwazzjoni, tista’ tingħata aktar attenzjoni għall-irriklamar ta’ l-OMC. Il-prattika li jsiru seminars nazzjonali miftuħin għall-operaturi kollha s’issa kienet tidher biss bħala parti mill-proċess li jiġbor flimkien il-pjanijiet nazzjonali. Jistgħu jsiru aktar seminars bħal dawn waqt is-snin "ħfief", biex b’hekk il-lezzjonijiet li joħorġu mill-OMC jkollhom impatt fuq id-dibattitu nazzjonali.

Il-Parlament Ewropew kemm-il darba wera xewqa li jinvolvi ruħu aktar fil-proċessi ta’ l-OMC. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom flimkien mal-Parlament ifittxu metodi biex isir dan.

4. KONKLUżJONI: OMC IMSAħħAħ

Sfidi ewlenin jikkonfrontaw is-sistemi ta’ ħarsien soċjali u l-strateġiji ta’ inklużjoni soċjali ta’ l-Ewropa. Ix-xogħol li sar fl-OMC dwar inklużjoni soċjali u pensjonijiet diġà għamel ħafna biex jiġbed l-attenzjoni fuqhom. Ir-risposti għall-evalwazzjoni juru li dawk li huma viċin ta’ l-OMC japprezzawh. Wieħed għandu jistaqsi mhux jekk l-OMC kienx ta’ valur iżda jekk kienx biżżejjed għall-isfida? Ir-reviżjoni li saret f’nofs it-term tal-proċess ta’ Lisbona kienet diretta fit-talba li l-proċessi soċjo-ekonomiċi kollha ta’ l-UE għandhom ikunu aktar iffukati fuq l-implimentazzjoni u aktar viżibbli. U d-dibattitu kurrenti dwar il-futur tal-mudell soċjali ta’ l-Ewropa poġġa l-strateġiji dwar ħarsien soċjali u inklużjoni soċjali taħt attenzjoni politika bħal qatt qabel.

Il-proposti magħmula hawn għal qafas ġdid għandhom l-għan li jagħmlu l-OMC proċess aktar b’saħħtu u viżibbli, integrat aħjar ma’ l-istrateġija ta’ Lisbona u b’aktar spazju għat-tagħlim, l-iskambju u t-tixrid ta’ politika apprezzata mill-parteċipanti. Iżda li tilqa’ xi wħud mill-isfidi ewlenin – per eżempju, t-tnaqqis tal-qasma bejn l-iffissar ta’ għanijiet u l-implimentazzjoni tal-politika – se jeħtieġ aktar minn sempliċi tibdil tal-proċeduri. Huwa ttamat li, billi ġejja dritt wara l-iffukar mill-Kapijiet ta’ Stat u Gvern fuq id-dimensjoni soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, din is-semplifikazzjoni proposta ta’ l-OMC tista’ tirċievi l-appoġġ politiku qawwi li għandha bżonn biex tirnexxi.

[1] Għall-evoluzzjoni taż-żewġ proċessi, inklużi għanijiet komuni, rapporti nazzjonali, rapporti konġunti tal-Kunsill/Kummissjoni, studji u attivitajiet anċillari, ara l-websajts li ġejjin: għal inklużjoni soċjali http://europa.eu.int/comm/employment_social/social_inclusion/index_en.htm; għal pensjonijiethttp://europa.eu.int/comm/employment_social/social_protection/pensions_en.htm.

[2] Dawn issa ingħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati għall-Impjiegi u t-Tkabbir 2005-2008

[3] L-2006 kienet magħżula biex tippermetti s-sinkronizzazzjoni ma’ l-iskeda ta’ dak iż-żmien għall- BEPGs u l- EES .

[4] Il-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Marzu 2005, Konklużjonijiet tal-Presidenza.

[5] Id-Dokument tax-Xogħol ta’ l-Istaff tal-Kummissjoni SEC (2005) 622 ta’ Mejju 2005.

[6] Sommarju sħiħ u konklużjonijiet jinsabu f’rapport ta’ l-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Kontributi għall-evalwazzjoni huma ppubblikati fuq l-internet f’ http://europa.eu.int/comm/employment_social/social_inclusion/index_en.htm .

[7] L-evalwazzjoni m’għamlitx reviżjoni ta’ xogħol relatat mas-saħħa u l-kura fit-tul. Madankollu, l-opinjoni li l-OMC għandu jirrispetta ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-qasam tista’ toħroġ mill-iskambji diskussi f’din is-sezzjoni 1.2.

[8] Ara l-prijoritajiet ewlenin tal-politika identifikati fir-Rapport Konġunt tal-Kunsill/Kummissjoni dwar l-Inklużjoni Soċjali ta’ l-2004 u r-Rapport dwar l-Inklużjoni Soċjali fl-10 Stati Membri ġodda ta’ l-2005 u l-isfidi futuri elenkati għall-Istati Membri fir-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali ta’ l-2005.

[9] Dawn jistgħu wkoll jagħmlu hekk fil-Programmi Nazzjonali Annwali tar-Riforma ta’ Lisbona.

[10] Għal dettalji sħaħ tal-Konferenza inkluż l-istudju akkademiku, ara http://www.ceps.lu/eu2005%5Flu/inclusion.

Top