Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0517

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea fl-2004 {SEK(2005) 1326}

/* KUMM/2005/0517 finali */

52005DC0517

Rapport mill-Kummissjoni - Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea fl-2004 {SEK(2005) 1326} /* KUMM/2005/0517 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2005

KUMM(2005) 517 finali

.

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġikuta' l-Unjoni Ewropea fl-2004{SEK(2005) 1326}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Rapport Annwali dwar l-attivitajiet ta ’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea fl-2004

Introduzzjoni

Dan ir-Rapport Annwali jkopri l-iżviluppi u l-attivitajiet matul l-2004. Hu tħejja skond l-Artikolu 7 tat-Trattat Euratom[1] u l-Artikolu 173 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[2], kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni dwar is-Sitt Programm ta' Qafas[3].

Mar-rapport hemm anness Dokument ta’ Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni, li jipprovdi rappurtar u statistika aktar dettaljati. Il-kapitoli ewlenin jittrattaw l-attivitajiet u r-riżultati miksuba fl-2004 u l-iżviluppi fl-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea. It-tabelli statistiċi jinsabu f’anness separat.

ATTIVITAJIET KOMUNITARJI TA’ RIċERKA U żVILUPP TEKNOLOġIKU

L-implimentazzjoni tas-Sitt Programm ta' Qafas

L-implimentazzjoni tas-Sitt Programm ta’ Qafas (6PQ) irnexxiet. Din tnediet fl-2002 b'baġit ta' 17,5 biljun euro għall-perjodu 2002-06, li wara nżied minħabba t-tkabbir ta' l-Unjoni għal 19,2 biljun euro. Saru wkoll sforzi partikolari sabiex jinkoraġixxu sehem l-Istati Membri l-ġodda.

Fl-2004, waslu kważi 16,000 proposta b’aktar minn 84,400 parteċipant. Madwar 2,000 minn dawn il-proposti ġew aċċettati għall-finanzjament (bl-invoviment ta’ xi 13,700 parteċipant).

B'kollox, fl-2004 ġew iffirmati kważi 2,100 kuntratt b'kontribut totali mill-KE ta' ’l fuq minn 4,200 miljun euro.

Taħt l-intestatura ta’ ‘L-Integrazzjoni u t-Tisħiħ ta' l-ERA’, tressqu aktar minn 7,300 proposta li minnhom intgħażlu kważi 1,100 għall-finanzjament u li kienu jinvolvu ’l fuq minn 11,400 parteċipant. Il-biċċa l-kbira minnhom (madwar 4,200 proposta) kienu fis-seba' prijoritajiet tematiċi identifikati fis-Sitt Programm ta' Qafas, u għadd sinifikanti fl-attivitajiet orizzontali li jinvolvu l-SMEs u l-miżuri speċifiċi għas-sostenn tal-kooperazzjoni internazzjonali.

L-attivitajiet il-ġodda fis-6PQ dwar l-SSP ( Scientific Support to Policy - Sostenn Xjentfiku lill-Politika) u n-NEST ( New and Emerging Science and Technology - Xjenza u Teknoloġija Ġodda u Emerġenti) ukoll taw prova li rnexxew b'aktar minn 120 proposta magħżula għall-finanzjament.

Taħt l-intestatura ‘L-Istrutturizzazzjoni ta’ l-ERA', intlaqgħu mat-8,500 proposta fl-2004, li l-biċċa l-kbira minnhom (madwar 7,900 proposta) kienu taħt l-azzjonijiet ta’ Riżorsi Umani u Mobilità. Aktar minn 800 proposta ntgħażlu għall-finanzjament, li fosthom 90 % kienu għar-riżorsi umani u l-mobilità; l-oħrajn huma għall-finanzjament ta’ azzjonijiet għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Infrastrutturi tar-Riċerka u x-Xjenza u s-Soċjetà.

Fost il-proposti mressqa fl-2004, l-istrumenti l-ġodda li integraw proġetti u netwerks ta’ eċċellenza ammontaw għal xi 900 proposta, li xi 150 minnhom inżammu għall-finanzjament. Matul l-2004, ġew iffirmati 165 kuntratt għal proġetti integrati u 76 għal netwerks ta’ eċċellenza.

Ġew aġġornati kemm-il darba l-programmi ta' ħidma għall-Programmi Speċifiċi tas-Sitt Programm ta' Qafas. Sa tmiem l-2004, il-programm tal-KE 'L-Integrazzjoni u t-Tisħiħ ta' l-ERA' kien ġie aġġornat 14-il darba , il-programm tal-KE ‘L-Istrutturizzazzjoni ta' l-ERA' tmien darbiet, u l-programm ta’ ħidma għall-programm tal-Euratom ‘Il-Fissjoni u l-Fużjoni' darbtejn. Kull aġġornament jiġġenera l-kontenut għal sejħiet ġodda għall-proposti u sa tmiem l-2004 kienu ġew ippubblikati ’l fuq minn 120 sejħa għall-proposti taħt is-6PQ.

Fi tmiem l-2003 nbdiet analiżi ta' l-effettività ta' l-istrumenti tas-Sitt Programm ta' Qafas minn bord indipendenti ta’ livell għoli mmexxi mill-Professur R. Marimón. Ir-rapport tal-bord[4] tressaq sa tmiem Ġunju 2004. Il-bord li assessja l-istrumenti l-ġodda (in-netwerks ta’ eċċellenza u l-proġetti integrati) approva l-objettivi indirizzati minn dawn l-istrumenti, imma ppropona xi aġġustamenti fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni rrispondiet lir-rapport uffiċjalment fi tmiem Awissu 2004 u kompliet twettaq il-miżuri korrettivi filwaqt li introduċiet pjan ta’ azzjoni għar-razzjonalizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-programm ta’ qafas.

Il-bord ta’ esperti ta' livell għoli ppresjedut minn Dr E. Ormala wettaq Evalwazzjoni ta' Ħames Snin għall-1999-2003. Il-bord enfasizza l-importanza tal-programmi ta’ qafas sabiex tiġi żviluppata l-bażi ta' l-għarfien Ewropea u jissewwew in-nuqqasijiet fil-qafas tar-riċerka Ewropew, partikolarment in-netwerking tar-riċerkaturi u l-attivitajiet. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord jikkonċernaw kemm is-Sitt Programm ta’ Qafas kif ukoll il-programmi ta’ qafas futuri, b’mod partikolari l-approvazzjoni ta’ żjieda sostanzjali fil-fondi għar-riċerka u l-ħolqien tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u l-pjattaformi teknoloġiċi. Din l-evalwazzjoni ġiet appoġġata minn serje ta' studji ta' l-impatt ex-post . L-istudju ta’ l-impatt dwar il-Ħames Programm ta’ Qafas ikkonkluda li dan kien ippromwova r-riċerka ta' importanza strateġika li kieku ma kinetx isseħħ mingħajr is-sostenn ta' l-UE.

Azzjonijiet oħra lejn il-ħolqien ta' Żona Ewropea tar-Riċerka

Minbarra l-Programm ta' Qafas, l-Unjoni Ewropea ħadet għadd ta' passi importanti oħra lejn il-ħolqien ta' Żona ta' Riċerka Ewropea, li huwa objettiv ewlieni tad-DĠ Riċerka.

Il-pjan ta’ azzjoni 'L-investiment fir-riċerka’, li jinsab għaddej bħalissa, diġa wassal għall-ewwel riżultati konkreti tiegħu, bħall-ħolqien ta’ xi 25 Pjattaforma tat-Teknoloġija. Bosta minn dawn il-Pjattaformi tat-Teknoloġija diġà huma fi stadju ferm avvanzat fl-iżvilupp ta' Aġendi ta' Riċerka Strateġika. Il-koordinament tal-politiki nazzjonali tar-riċerka permezz ta' l-hekk imsejjaħ Metodu Miftuħ ta' Koordinament (OMC – Open Method of Coordination ) li jinvolvi l-CREST qiegħed jiġi implimentat ukoll (ara t-Taqsima 3.1 hawn taħt).

Twettqu inizjattivi bil-ħsieb li jiġbdu l-aqwa riċerkaturi lejn l-Ewropa u jtejbulhom il-prospetti tal-karriera tagħhom, bħal: viżi għal riċerkaturi minn pajjiżi terzi[5]; it-tħejjija ta' proposta għal rakkomandazzjoni għal Karta tar-Riċerkaturi Ewropej u għal kodiċi ta' kondotta għar-reklutaġġ tar-riċerkaturi; in-netwerk ERA-link li jservi ta’ kollegament għar-riċerkaturi Ewropej li jaħdmu fl-Istati Uniti; u n-netwerk ERA-MORE bejn iċ-ċentri ta' mobilità għar-riċerkaturi Ewropej.

Il-Komunikazzjoni ‘Lejn strateġija Ewropea għan-nanoteknoloġija’[6] kebbset dibattitu politiku dwar din it-teknoloġija kruċjali tas-seklu 21, li tfittex li tiżviluppa prodotti, tekniki u sistemi fuq skali atomika u molekulari li jħaffu l-ħajja u jistgħu jiġu applikati f’oqsma diversi bħas-saħħa, l-ambjent u s-sigurtà.

Sabiex tikkontribwixxi lejn it-twaqqif ta’ kapaċità indipendenti Ewropea għad-detezzjoni mill-bogħod ( remote sensing ) u l-osservazzjoni satellitari, il-Kummissjoni ppreżentat pjan għall-implimentazzjoni tat-tieni fażi (2004-2008) ta' l-inizjattiva Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES – Global Monitoring for Environment and Security )[7] b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Aġenzija Spazjali Ewropea. Flimkien mal-proġett ta’ navigazzjoni satellitari ferm strateġiku GALILEO, din l-inizjattiva se tifforma parti integrali mill-programm spazjali Ewropew li qiegħed jitħejja.

Il-Grupp dwar l-Osservazzjonijiet tad-Dinja (GEO – Group of Earth Observations ), li qed ifittex li jiżviluppa sa Frar 2005 pjan ta' implimentazzjoni ta' 10 snin għal Sistema ta’ Sistemi ta’ Osservazzjonijiet Globali tad-Dinja (GEOSS - Global Earth Observation System of Systems ), huwa kkopresjedut mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Afrika t'Isfel. 20% mill-55 pajjiż membru tal-GEO huma mill-Ewropa. Il-Kummissjoni tappoġġa mill-qrib it-tħejjija tal-pjan ta’ implimentazzjoni tal-GEOSS u tikkoordina l-pożizzjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea ħadmet biex tiżgura li jkun hemm qbil unanimu bejn il-partijiet dwar il-lokalità ġeografika tal-proġett ITER (Ir-Reattur Esperimentali Termonukleari Internazzjonali) fis-sit ta’ Cadarache (Franza), magħżul unanimament mill-Kunsill, u dwar l-attivitajiet kumplimentari għall-ITER. Il-proġett ITER huwa mmirat sabiex jinbena reattur tal-fużjoni nukleari bi sħab bejn l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, l-Istati Unit, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel u r-Russja. Id-dimostrazzjoni tal-vijabbiltà ta’ tali għajn ta’ l-enerġija li ma tniġġisx se tkun pass essenzjali lejn l-issodisfar tal-ħtiġijiet dejjem jikbru għall-enerġija.

L-azzjoni preparatorja ġdida dwar ir-riċerka fuq is-sigurtà[8] tfittex li trawwem l-iżvilupp ta’ aġenda ta' riċerka streteġika biex timla d-distakk bejn ir-riċerka ċivili appoġġata mill-programmi ta' qafas Komunitarji u l-inizjattivi nazzjonali u intergovernmentali.

L-iffirmar tal-Ftehimiet Xjentifiċi u Teknoloġiċi mal-Brażil u l-Messiku, u r-ratifika tal-ftehimiet mat-Tuniżija u l-Marokk fl-2004 kabbru d-dimensjoni internazzjonali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Il-Komunikazzjoni intitolata “L-Ewropa u r-riċerka bażika"[9] ġiet ippreżentata kmieni fl-2004, u identifikat il-ħtieġa għal mekkaniżmu ġdid ta' appoġġ għar-riċerka bażika msejjes biss fuq kriterji ta' eċċellenza xjentifika, jiġifieri permezz ta' Kunsill Ewropew għar-Riċerka. Id-dibattitu dwar din il-Komunikazzjoni kkontribwixxa wkoll lejn it-tħejjija tal-proposta għas-Seba' Programm ta' Qafas.

Żviluppi fl-Istati Membri u l-applikazzjoni tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinament

Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinament b’appoġġ għall-issodisfar ta’ l-objettivi ta’ Barċellona

Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinament (OMC - Open Method of Coordination ) huwa rispons min-naħa tal-Komunità sabiex tikkontribwixxi lejn it-tagħlim tal-politika u l-integrazzjoni tal-politika billi jitħeġġeġ u jiġi ffaċilitat l-iskambju reċiproku ta' l-għarfien u l-aqwa prattika. Fl-2004, intemm b'suċċess l-ewwel ċiklu ta' applikazzjoni ta' l-OMC għall-politika tar-riċerka. Ir-rapport CREST dwar dan l-ewwel ċiklu ta' l-implimentazzjoni ta' l-OMC għall-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 3% ġie adottat f’Ottubru u tressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dan jinkludi 30 rakkomandazzjoni ta’ politika. Il-valur miżjud ta’ l-OMC applikat għar-riċerka ġie rikonoxxut mill-Istati Membri u l-Kunsill. Sussegwentement, tnieda t-tieni ċiklu.

Kien hemm xi kritika fl-ewwel ċiklu li r-rekwiżiti ta' informazzjoni mitluba mill-Istati Membri kienu relattivament qawwija. Konsegwentement, it-tieni ċiklu tnieda kmieni fl-2005 bi proċeduri eħfef u aktar ċari. Dan jikkonċentra fuq il-ħames suġġetti li ġejjin:

- L-inkoraġġiment tar-riforma fl-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka pubbliċi, b'mod partikolari sabiex jiġi promoss it-trasferiment tat-teknoloġija lis-soċjetà u l-industrija;

- It-tfassil ta’ miżuri li jippromwovu t-tkabbir ta’ SMEs żgħażagħ intensivi f’dik li hi riċerka;

- It-tfassil u l-evalwazzjoni tal-miżuri fiskali għal promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tan-negozju;

- It-titjib fit-tfassil u l-implimentazzjoni tat-taħlitiet ta' politiki nazzjonali; kif ukoll

- Is-sistemi ta’ pusess ta’ l-IPRs fis-settur pubbliku.

It-temi ġew definiti fid-dawl tar-riżultati ta’ l-ewwel ċiklu, li se jestendulu u japprofondixxulu l-analiżi. Il-gruppi li qed jaħdmu fuq it-temi se jirrapportaw lill-CREST, li żżomm ir-rwol partikolari tagħha fir-rapportar kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill. Mistenni li se jiġi adottat rapport dwar it-tieni ċiklu min-naħa tal-CREST f’Marzu 2006.

Barra mill-ħidma ta' l-ewwel ċiklu, l-Istrateġija reveduta ta' Liżbona introduċiet rappurtar nazzjonali organizzat b’mod konformi dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona. B’mod partikolari, l-Istati Membri jadottaw Programmi ta’ Riforma Nazzjonali, li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali se jintegraw ir-rapportar dwar il-maġġorparti ta' l-OMCs inkluż it-3% ta’ l-OMCs applikat għar-riċerka.

Rigward l-OMC applikat għar-Riżorsi Umani fir-riċerka, il-Grupp ta’ Direzzjoni għall-Implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija dwar il-Mobilità ilu attiv mill-2002 ’il hawn. Il-Grupp ta’ Direzzjoni huwa kompost minn rappreżentanti mill-Istati Membri u ħidmietu wasslet għal riżultati ferm konkreti fit-titjib ta’ l-ambjent għall-mobilità tar-riċerkaturi, kif rappurtat fuq bażi annwali fl-hekk imsejħa rapporti ta’ implimentazzjoni u lill-CREST fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tat-3%. Din kienet esperjenza ferm pożittiva, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni.

Ix-xejriet fl-investiment tar-riċerka

Ix-xejra kumplessiva ta’ l-intensità tar-R&D fl-UE-25 fil-perjodu 2000-2003 hija qrib l-istaġnar[10]. Din il-prestazzjoni dgħajfa fit-tkabbir hija kkawżata prinċipalment mir-rata baxxa ta' tkabbir fl-intensità ta' l-R&D mit-tliet pajjiżi li l-aktar jonfqu fuq l-R&D jiġifieri l-Ġermanja, Franza u r-RU, li jirrappreżentaw madwar żewġ terzi tan-nefqa totali fuq l-R&D fl-UE-25.

Ir-rata ta’ tkabbir annwali fl-intensità ta’ l-R&D ta’ 0,7% (it-tkabbir annwali medju bejn l-200 u l-2003) hija altru milli suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-3% sa l-2010. Jekk din ix-xerja tibqa' ma tinbidilx (jiġifieri, li jkun hemm preżunzjoni ta' tbassir lineari applikata fuq ix-xejra ta' l-2000-2003), l-intensità ta' l-R&D ta' l-UE se tkun xi 2,20% fl-2010. L-intensità ta’ l-R&D ta’ l-UE, madankollu, kibret b’rata ogħla minn dik ta’ l-Istati Uniti, fejn l-infiq privat fuq l-R&D waqa’ b’mod sinfikanti mill-2000 ’il hawn. Konsegwentement, l-UE-25 kollha kemm hi qiegħda bil-mod il-mod tilħaq lill-Istati Uniti. It-tkabbir ta’ l-intensità ta’ l-R&D huwa ogħla fil-Ġappun minn dak kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, iżda din, li mad-dehra hija prestazzjoni tajba, tista' tiġi spjegata parzjalment permezz tar-rata baxxa tat-tkabbir tal-GDP (denominatur) tal-Ġappun matul dawn l-aħħar snin.

Fil-livell ta’ l-UE-25, il-parti min-nefqa fuq l-R&D (GERD) iffinanzjata mis-settur privat hija sinifikament aktar baxxa minn dik fl-Istati Uniti u l-Ġappun. Il-kontribut tas-settur privat lejn il-finanzjament tar-riċerka saħansitra tnaqqas matul dawn l-aħħar snin kemm fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti, minkejja li t-tnaqqis kien akbar fl-Istati Uniti. Kuntrarjament, il-parti tan-nefqa fuq l-R&D iffinanzjata mis-settur ta’ l-intraprenditorija kummerċjali qiegħda tìżdied fil-Ġappun.

Spiss ġie indikat li l-mira ta’ Liżbona tat-3% mhix sempliċiment mira ta' nfiq. Din timplika żjieda sinifikanti fl-għadd ta' riċerkaturi fl-Ewropa, u dan, min-naħa tiegħu, jirrikjedi espansjoni reali fit-taħriġ tar-riċerkaturi u tkabbir fid-disponibilità ta' karrieri attraenti fir-riċerka. Ġie stmat li sabiex jintlaħqu l-miri ta' Liżbona/Barċellona, jinħtieġu 1,2 miljun riċerkatur ieħor: 500,000 għat-tiġdid tal-forza tax-xogħol tar-riċerka (biex jieħdu post dawk li jirtiraw) u 700,000 riċerkatur ġdid nett. L-għadd ta’ riċerkaturi kiber mill-1997 sa l-2002 b’22,5% (jew l-ekwivalenti ta’ 105,000 full-timer ).

Fil-livell ta’ l-UE, l-għadd ta' studenti post-graduate (li jinkludi d-detenturi futuri ta' lawrji PhD) u ta' diplomi mogħtija kull sena fix-xjenza u l-inġinerija, jippermetti kontinwazzjoni taż-żieda fin-numru ta' staff ta' riċerka bir-ritmu osservat mill-1997 ’il hawn. Mill-1998 sa l-2001, l-għadd annwali medju ta' gradwati fil-livell ta' PhD kien ta' 76,750, li 44% minnhom kienu fix-Xjenza u l-Inġinerija. F'dawn l-aħħar snin, il-gradwati fir-riċerka fl-Ewropa f’daqqa kienu qed jiżdiedu b’madwar 4% fis-sena, għalkemm kien hemm tnaqqis f'xi pajjiżi f'oqsma speċifiċi bħall-kimika u l-fiżika.

F’dik li hija d-disponibilità tar-riżorsi umani fir-riċerka l-evidenza hija mħallta. Il-prospetti ħżiena ta’ karriera f’impjiegi xjentifiċi spiss jissemmew bħala r-raġunijiet ewlenin għaliex qed jonqsu l-istudji xjentifiċi fost iż-żgħażagħ, iżda madwar l-UE, s’issa ftit hemm xhieda ta’ pressjoni qawwija biex jiżdiedu l-pagi tal-professjonisti tax-X&T. Il-problemi pjuttost jidhru li qegħdin fuq in-naħa tad-domanda aktar milli fuq dik tal-forniment. L-UE kienet tkun f’postha fejn tidħol il-mira ta’ Barċellona likieku madwar 60% tal-gradwati tax-xjenza u l-inġinerija jagħżlu karriera fir-riċerka. Madankollu, ċifri li ħarġu minn servej riċenti jiżvelaw li 40% biss tal-gradwati bil-PhD li jaħdmu fir-RU qegħdin iwettqu attivitajiet ta’ riċerka sew fil-qasam akkademiku (22%) inkella ’l barra mill-qasam akkademiku (18%). Dan jissenjala bidliet profondi fis-suq tax-xogħol għar-riċerkaturi. L-għejun tad-domanda huma aktar varjati minn qabel (bid-domanda ġejja, ngħidu aħna minn servizzi, azjendi transnazzjonali u start-ups ). Is-servizzi intensivi fl-għarfien, inklużi setturi ta' attività bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħidma soċjali, jimpjegaw il-maġġorparti ta' dawn il-persuni ferm kwalifikati.

Iż-żjieda fil-mobilità internazzjonali tar-riċerkaturi u t-tkabbir fil-kompetizzjoni biex jinġibdu l-‘aqwa performers’ se tpoġġi l-amministrazzjoni tar-riżorsi umani għar-R&D fl-Istati Membri taħt aktar pressjoni.

Ix-xejriet fil-politika tar-riċerka

Għalkemm il-finanzjament pubbliku ta' l-R&D esperjenza pressjoni sinifikanti mil-limitazzjonijiet baġitarji globali, ix-xejriet komuni fit-titjib tat-taħlitiet ta' politiki u l-istrutturi ta' regolamentazzjoni għar-riċerka inlinja ma' l-aġenda ta' Liżbona huma osservabbli b’mod ċar. Is-serje preċiża ta’ miżuri u strumenti tvarja sew minn pajjiż għal ieħor, bħalma jvarja l-‘piż’ relattiv tal-politiki, imma dawn jikkondividu kuxjenza li qed tikber tal-ħtieġa għal koerenza u integrazzjoni mtejba tal-politiki.

L-ewwel xejra hija l- konverġenza ta’ l-istrateġiji kunċettwali tal-politika ta’ l-RTD madwar l-iSM lejn l-hekk imsejjaħ qafas 'tas-sistemi'. Dan il-qafas ta' politika huwa adottat espliċitament fit-tfassil tal-politika f'pajjiżi bħall-Finlandja, il-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Olanda. Dan jiffoka fuq is-‘sistema’ kumplessiva ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet - speċifika għal kull pajjiż - li jrawmu r-riċerka u l-innovazzjoni u jikkundizzjona r-rabtiet bejn il-protagonisti, u jenfasizza l-interkonessjonalità bejn it-tipi differenti ta’ politiki.

Il- kumplessità tat-taħlitiet tal-politiki li qiegħda dejjem tikber hija t-tieni xejra. Il-firxa ta’ politiki li jservu għal żmien twil għall-finanzjament tar-riċerka (sussidji ta’ l-R&D, it-trasferiment tat-teknoloġija) qiegħda tikber permezz ta’ strumenti finanzjarji addizzjonali (inklużi l-operazzjonijiet ta' kapital ta' riskju) u għadd varju ta' politiki kumplimentarji konnessi ma' l-edukazzjoni u l-mobilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi, l-infrastrutturi tar-riċerka, il-politiki tal- clustering , il-programmi ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni, ir-reġimi IPR, il-politiki regolatorji, ir-rwol tas-settur pubbliku bħala utent ta’ l-RTD, il-formazzjoni azjendali, l-iżvilupp sostenibbli, eċċ. Din l-‘orizzontalizzazzjoni’ tal-politika ta' l-RTD ċajpret id-distakk minn politiki oħra u hija argument favur aktar integrazzjoni politika.

L-importanza li qiegħda dejjem tikber ta’ kwistjonijiet ta’ koordinament saret it-tielet xejra b’impatt fuq il-pajjiżi kollha fi gradi differenti. L-esperjenza Finlandiża bil-Kunsill għall-Poltika fix-Xjenza u t-Teknoloġija ġiet emulata minn għadd ta' pajjiżi (p.eż. l-Olanda). Madankollu, is-sistemi tar-riċerka f’ħafna pajjiżi hija ‘frammentata’ wisq u hemm il-bżonn ta' integrazzjoni akbar ta' l-istrateġiji ta' l-aġenziji u l-istituzzjonijiet varji.

L-‘ Ewropizzazzjoni ’ tal-politiki tar-riċerka ta' l-Istati Membri hija inlinja mal-kuxjenza li qiegħda dejjem tikber ta' l-interdipendenzi u l-effetti ta' l-istadju l-ġdid fil-globalizzazzjoni dwar ir-ristrutturar tas-sistemi tar-riċerka. F’għadd ta’ pajjiżi, id-dibattitu dwar l-internazzjonalizzazzjoni tas-sistema tar-riċerka jinsab fuq l-aġenda. Fl-Istati Membri kollha, il-proċess ta’ Liżbona jappoġġa impliċitament il-politiki ta’ modernizzazzjoni tagħhom, inlinja ma’ l-azzjonijiet differenti tal-Pjan ta’ Azzjoni tat-3%. L-adozzjoni tal-miri ta’ l-investiment fl-R&D inlinja ma’ l-objettiv tat-3% f’bosta Stati Membri jikkostitwixxi wkoll referenza espliċita għall-Pjan ta’ Azzjoni tat-3%.

Il-perspettiva għall-futur

Ir-rwol ewlieni tar-riċerka f’soċjetà msejsa fuq l-għarfien u fil-kompetittività u t-tkabbir fl-Ewropa ġie rikonoxxut u ssostanzjat permezz ta' l-irduppjar tal-fondi għar-riċerka fil-proposti tal-Kummissjoni dwar il-perspettivi finanzjarji ta' l-Unjoni għall-perjodu 2007-13[11].

F’Ġunju 2004, il-Komunikazzjoni “Ix-xjenza u t-teknoloġija, il-muftieħ għall-futur ta' l-Ewropa”[12] bdiet dibattitu politiku dwar il-linjigwida għall-politika u l-attivitajiet tar-riċerka Ewropej fil-futur. Permezz ta’ bidu b’dan il-mod tat-tħejjija tas-7 programmi ta’ qafas, din tipproponi li jissaħħu l-isforzi tar-riċerka Ewropej u jinżied l-impatt ta’ l-azzjoni ta’ l-Unjoni billi din tiġi organizzata madwar sitt objettivi prinċipali: il-ħolqien ta’ ċentri ta’ eċċellenza permezz tar-riċerka kollaborattiva; it-tnedija ta’ inizjattivi teknoloġiċi Ewropej ewlenin; l-istimolu tar-riċerka bażika (u l-ħolqien tal-Kunsill għar-Riċerka Ewropew); it-tiswir ta’ Ewropa aktar attraenti għall-aqwa riċerkaturi; l-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi tar-riċerka ta’ interess Ewropew; u t-titjib tal-koordinament tal-programmi ta’ riċerka nazzjonali.

B’segwitu għall-Komunikazzjoni saru żewġ konsultazzjonijiet ewlenin mal-partijiet interessati, waħda dwar il-linjigwida ġenerali għall-mixja ’l quddiem u l-oħra dwar il-prijoritajiet tematiċi futuri. Tħejjew studju dwar l-impatt u evalwazzjoni ex-ante tas-seba’ programmi ta’ qafas, b’attenzjoni partikolari għall-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali tal-programmi u sabiex jiġu integrati l-aspetti soċjoekonomiċi u dawk ta’ previżjoni fil-prijoritajiet.

B’segwitu għal dan id-dibattitu, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għas-7 Programm ta' Qafas[13] fil-bidu ta' April 2005.

Dawn il-proposti huma kkumplimentati mill-proposti tal-Kummissjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi tal-Fondi Strutturali, li jenfasiżżaw ukoll l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sors ta’ tkabbir ekonomiku.

SORSI GħAL AKTAR INFORMAZZJONI

Aktar dettalji huma inklużi fid-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni mehmuż ma' dan ir-Rapport. Għal aktar tagħrif, dawn li ġejjin huma disponibbli għall-pubbliku:

- Rapporti Annwali ta' Monitoraġġ għall-Programm ta' Qafas u għall-Programmi Speċifiċi, li jipprovdu sommarju konċiż u indipendenti tal-progress u tal-kwalità tal-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-programmi.

- Rapporti ta' Valutazzjoni fuq medda ta' ħames snin li jeżaminaw l-implimentazzjoni u l-kisbiet ta' l-attivitajiet ta' riċerka Komunitarji tul il-ħames snin ta' qabel.

- Ir-Rapport Ewropew dwar l-Indikaturi tax-Xjenza u t-Teknoloġija, li fih deskrizzjonijiet, statistika u analiżi dettaljata ta' l-attivitajiet RTD Ewropej u nazzjonali fil-kuntest dinji.

- Rapporti taċ-Ċifri Ewlenin ippubblikati kull sena, li jipprovdu sett ta' indikaturi sabiex tiġi evalwata l-qagħda ta' l-Ewropea fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.

- L-istatisika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, maħruġa mill-Eurostat dwar l-R&D, l-innovazzjoni, ir-riżorsi Umani dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, il-brevetti u l-industriji tat-teknoloġija għolja (disponibbli b’xejn fil-websajt ta' l-Eurostat - ara l-indirizz hawn taħt - taħt id-dominju "Xjenza u teknoloġija").

- L-istatistika dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija fl-Ewropa, ippubblikata bħala parti mill-kollezzjoni “ Panorama of the European Union” (Panaroma ta' l-Unjoni Ewropea) (DĠ/Riċerka/Eurostat).

- Studji u analiżi ppubblikati f'rabta mal-programmi RTD Komunitarji u li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi għall-oqsma ta’ l-RTD li dawn ikopru.

Il-maġġorparti ta’ dawn id-dokumenti jistgħu jinkisbu jew jiġu ordnati minn fuq is-siti ta' l-Internet tal-Kummissjoni:

- EUROPA, is-sit ġenerali tal-Kummissjoni: http://europa.eu.int/

- Is-sit CORDIS li fih tagħrif kompresiv dwar il-Programm ta' Qafas RTD: http://www.cordis.lu

- Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka:http://europa.eu.int/comm/research

- Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Soċjetà Informatika: http://europa.eu.int/information_society/index_en.htm

- Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Intrapriża: http://europa.eu.int/comm/dgs/enterprise/

- Is-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Enerġija u t-Trasport: http://europa.eu.int/comm/dgs/energy_transport/index.html

- Iċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta (JRC): http://www.jrc.cec.eu.int/

- Is-sit ta' l-Eurostat: http://epp.eurostat.cec.eu.int

[1] “Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn il-programmi jitwettqu u għandha tissottometti rapport annwali dwarhom lill-Kunsill”.

[2] “Fil-bidu ta' kull sena l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku u t-tixrid tar-riżultati tul is-sena ta' qabel, u l-programm ta' ħidma għas-sena kurrenti.”

[3] Id-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tas-27 ta' Ġunju 2004. Fil-kuntest tar-rapport annwali li għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni skond Artikolu 173 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tirraporta fid-dettall il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tas-sitt programm kwadru u b'mod partikolari l-progress lejn l-objettivi tiegħu u l-kisba tal-prijoritajiet imniżżla taħt kull intestatura ta' Anness I; għandha tkun inkluża wkoll informazzjoni fuq l-aspetti finanzjari u dwar l-użu ta' l-istrumenti.

[4] COM(2004) 574; SEC(2004) 1057, tas-27.8.2004.

[5] COM(2004) 178, tas-16.3. 2004.

[6] COM(2004) 338, tat-12.5.2004.

[7] COM(2004) 65, tat-3.2.2004.

[8] COM(2004) 72, tat-3.2.2004.

[9] COM(2004) 9, ta’ l-14.1.2004.

[10] L-intensità ta’ l-R&D hija r-rabta tan-Nefqiet Grossi fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp (GERD - Gross Expenditures for Research & Development ) mal-Prodott Gross Domestiku (GDP). L-indikaturi kollha huma estratti mill- Key Figures 2005 on Science, Technology and Innovation. Towards a European Knowledge Area ’ (li se joħroġ fl-2005). Dawn iċ-ċifri huma msejsa fuq is-serje ta’ żmien l-aktar riċenti disponibbli mill-OECD 5MSTI-2005-1) u l-EUROSTAT.

[11] COM(2004) 101, ta' l-10.2.2004. COM(2004) 487, ta’ l-14.7.2004.

[12] COM(2004) 353 tas-16.6.2004.

[13] COM(2005) 119 finali, tas-6.4.2004.

Top