This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52005DC0458
Communication from the Commission to the Council and the European Parliament - EU-Palestinian cooperation beyond disengagement - towards a two-state solution
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestinjani wara l-irtirar - lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestinjani wara l-irtirar - lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati
/* KUMM/2005/0458 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestinjani wara l-irtirar - lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati /* KUMM/2005/0458 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 05.10.2005 KUMM(2005) 458 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestinjani wara l-irtirar – lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestinjani wara l-irtirar – lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati Introduzzjoni Wara perjodu ta’ kważi ħames snin ta’ terroriżmu, vjolenza, qerda ta’ l-infrastruttura u ekonomija sejra lura fix-Xatt tal-Punent u f’Gaża, l-2005 rat sforz miftiehem biex ikun hemm progress fil-proċess ta’ paċi. F’dan, l-Israeljani u l-Palestinjani kienu appoġġati mill-komunità internazzjonali. L-irtirar ta’ l-Iżrael mill-Medda ta’ Gaża u partijiet tat-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent huwa pass sinifikanti, li joffri l-aħjar opportunità ta' paċi sostnuta fir-reġjun għall-ħafna snin. Il-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett, James Wolfensohn, qiegħed jaħdem b’determinazzjoni biex jinfetaħ l-impass politiku li jinsabu fih l-Palestinjani u l-Iżraeljani minn mindu bdiet it-tieni Intifada. Jekk l-isforzi tiegħu jintemmu b’suċċess jista’ jkun hemm l-opportunità deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kunflitt. Ir- Roadmap tal-Kwartett, li hija kondizzjoni meħtieġa għall-ħolqien ta’ stat Palestinjan, tibqa’ l-punt ta’ referenza għall-attivitajiet ta’ l-UE u tat-tnedija mill-ġdid tal-punt fokali tal-politika ta’ l-UE. Iżda, din il-perspettiva ottimista, tiddependi fuq jekk l-irtirar jistax iġib benefiċċju reali kemm għall-Palestinjani u kemm għall-Israeljani kif ukoll jekk l-impetu ġġenerat mill-irtirar jistax jintuża għall-implimentazzjoni ulterjuri tar- Roadmap . Dan jinkludi, fost l-oħrajn, sigurtà mtejba għall-Iżrael, kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent u l-progress lejn stat Palestinjan li jkun jista’ jassumi r-responsabilitajiet tiegħu u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ demokrazija moderna. L-UE hija l-akbar donatriċi ta’ għajnuna lill-Palestinjani, u tipprovdi €500 miljun kull sena, li aktar minn nofshom jiġu mill-baġit tal-KE u l-bqija minn finanzjament bilaterali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE. Hija wkoll membru ewlieni tal-Kwartett. Għalhekk, l-UE għandha l-potenzjal li tagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għat-twaqqif fil-ġejjieni ta’ Stat Palestinjan li jgħix fis-sliem ma’ l-Iżrael. Biex jitwettaq dan il-potenzjal, l-UE għandha issa tiddefinixxi strateġija komprensiva għall-perjodu ta’ żmien medju biex jisseddaq il-progress lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati kif maħsub fir- Roadmap u għar-relazzjonijiet tagħha ma’ Stat Palestinjan futur. Din il-komunikazzjoni tfisser l-elementi għal strateġija komprensiva u koerenti fil-konfront ta’ l-Awtorità Palestinjana u l-Palestijani tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża. Timmira biex tiddefinixxi l-prijoritajiet għall-involviment ta’ l-UE wara l-irtirar ta’ l-Iżrael mill-Medda ta’ Gaża u partijiet mit-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent, fost l-oħrajn b’appoġġ għar-riforma u l-isforzi tal-bini ta’ istituzzjonijiet ta’ l-Awtorità Palestinjana. Tindika wkoll numru ta’ kriterji ewlenin, imma mhux eżawrjenti li l-Kummissjoni tikkonsidra meħtieġa għal involviment ta’ suċċess wara l-irtirar. Il-Kummissjoni tipproponi li tipprepara Dokument dwar l-Istrateġija tal-Pajjiż għax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża fuq il-bażi ta’ l-elementi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u skond il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Madwar ma’ l-Awtorità Palestinjana. Din il-Komunikazzjoni ma tkoprix kwistjonijiet li joħorġu mill-kuntest usa’ tal-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani. Is-servizzi tal-Kummissjoni qed jaħdmu mar-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE (EUSR) għall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani biex ikunu identifikati l-pożizzjonijiet fuq kwistjonijiet ewlenin biex tkun imħeġġa xejra li tħares ‘il quddiem fil-Lvant Nofsani f’sitwazzjoni ta’ wara l-irtirar. 1. IL-MIBGħUT SPEċJALI TAL-KWARTETT GħALL-IRTIRAR Il-ħatra mill-Kwartett ta’ James Wolfensohn bħala Mibgħut Speċjali għall-irtirar tistabbilixxi kuntest ġdid għax-xogħol tal-komunità internazzjonali matul perjodu qasir ta’ żmien. Il-Kummissjoni Ewropea ssekondat persunal lit-tim tiegħu u qiegħda tikoordina mill-qrib ma’ donaturi oħrajn, u pprovdiet pakkett ta’ €60 miljun għat-tnedija ta’ proġetti li jistgħu jibdew malajr. Il-Mibgħut Speċjali ppreżenta sitt punti jew kwistjonijiet komuni biex ikunu indirizzati mill-Iżraeljani u l-Palestinjani ħalli jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet biex ikun żgurat is-suċċess tal-pjan ta’ l-irtirar u l-involviment fil-ġejjieni tal-komunità internazzjonali tad-donaturi. Dawn ikopru l-kwistjonijiet dwar il-punti fejn tinqasam il-fruntiera, ir-rabta bejn ix-Xatt tal-Punent/Gaża, l-ajruporti u l-portijiet, id-djar u s-serrer fl-irħula.. Fil-kuntest ta’ ftehim bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana fuq dawn il-punti, il-Kummissjoni qiegħda tipprovdi appoġġ għall-operazzjonijiet tad-dwana fil-fruntiera, u pprovdiet riżorsi għall-infrastruttura li jistgħu jintużaw għall-ajruporti jew il-portijiet. B’ħarsa lil hinn mill-perjodu ta’ l-irtirar, il-Mibgħut tal-Kwartett ippreżenta wkoll tliet prijoritajiet li fuqhom għandha tiffoka l-Awtorità Palestinjana: l-istabbilizzazzjoni fiskali, pjan ta’ l-iżvilupp fuq perjodu ta’ żmien medju u l-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-Kummissjoni qed tindirizza dawn il-prijoritajiet permezz tal-kontribuzzjoni tagħha lill-Fond ta’ Trust tal-Bank Dinji għat-Tmexxija Finanzjarja Pubblika, billi dan il-mezz multilaterali nstab li kien l-aktar sistema effiċjenti fiċ-ċirkostanzi kurrenti, kif ukoll jagħmel disponibbli r-riżorsi għall-proġetti li jistgħu jibdew malajr. Bla ħsara għall-progress li sar fuq is-sitt punti, il-Mibgħut tal-Kwartett ippropona l-irduppjar tar-riżorsi mill-komunità internazzjonali għal €3 biljun fis-sena matul it-tliet snin li ġejjin. Dan kien approvat mill-G8. Il-prijoritajiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni huma parti mir-risposta għal dan il-kuntest ġdid. 2. IR-RIFORMA TA’ L-AWTORITÀ PALESTINJANA U L-PREPARAZZJONI GħAL STAT PALESTINJAN Il-Kummissjoni kienet waħda mill-ftit donaturi li baqgħet tagħti l-għajnuna tagħha lill-proċess ta’ riforma Palestinjana matul l-Intifada, flimkien ma’ l-għoti ta’ għajnuna ta’ emerġenza estensiva. Għamlet hekk kemm billi mmirat għall-programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet u billi rabtet kondizzjonijiet relatati mar-riforma ma’ l-appoġġ finanzjarju tagħha lill-Awtorità Palestinjana. Iżda wara l-irtirar, l-Awtorità Palestinjana għadha qed tiffaċċja sfidi immensi. It-teħid effettiv u sħiħ tar-responsabilità għas-sigurtà u l-għoti tas-servizzi f’Gaża huwa sfida ewlenija. Fl-istess ħin, jeħtieġ programm aktar komprensiv u sostenibbli tal-bini ta’ istituzzjonijiet bħala preparazzjoni għal Stat Palestinjan ġejjieni kemm f’Gaża u kemm fix-Xatt tal-Punent. L-UE għandha bżonn tiffoka l-għajnuna tagħha aktar u aktar fuq il-promozzjoni tal-bini ta’ l-istituzzjonijiet mill-Awtorità Palestinjana. L-Uffiċċju tal-Kummissjoni f’Ġerusalemm ipprepara, wara l-konferenza ta’ Londra fuq ir-riforma Palestinjana, strateġija ta’ iggvernar matul perjodu qasir ta’ żmien li ntbagħtet lill-AP. Din tidentifika l-aktar kwistjonijiet pressanti ta’ riforma u tiggwida l-attivitajiet ta’ donaturi internazzjonali, waqt li tistabbilixxi l-prijoritajiet għal perjodu ta’ żmien qasir għar-riforma u l-involviment possibbli tad-donaturi. Dan għandu jsir flimkien ma’ l-investimenti meħtieġa biex tkun rivitalizzata l-ekonomija Palestinjana u biex jitjiebu l-prospetti għat-tkabbir. Dan il-punt fokali għandu jingħaqad ma’ l-isforzi meħtieġa matul perjodu ta’ żmien qasir biex l-irtirar ikun suċċess flimkien ma’ l-għajnuna ta’ l-UE mogħtija biex tissodisfa l-bżonnijiet umanitarji. 3. Prijoritajiet għall-appoġġ ta’ l-UE Il-prijoritajiet ewlenin tal-bini ta’ l-istituzzjonijiet huma diġà stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Madwar (ENP). Dan jagħti attenzjoni partikolari għat-twaqqif ta’ ġudikatura li tiffunzjona, l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni u t-tisħiħ ta’ l-istat tad-dritt; it-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet u r-rinforzament tal-kapaċità amministrattiva u l-bini fuq il-progress diġà milħuq fit-twaqqif ta’ sistema responsabbli tal-finanzi pubbliċi. Dawn il-prijoritajiet miftehma jipprovdu gwida għall-programm tal-Kummissjoni ta’ għajnuna fianzjarja lill-Palestinjani. Kwistjoni ewlenija għall-iżvilupp ta’ l-awtorità Palestinjana hija dik tal-vijabilità politika u ekonomika ta’ l-istat futur, bid-dimensjonijiet politiċi marbutin bejniethom u inseparabbli. Il-vijabilità politika teħtieġ it-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-kontroll xieraq tas-sitwazzjoni tas-sigurtà, ir-responsabbiltà, u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali u soċjetà ċivili b’saħħitha. Il-vijabilità ekonomika tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-aċċess minn u lejn Gaża u x-Xatt tal-Punent, il-moviment fix-Xatt tal-Punent, il-kontigwità territorjali u l-interazzjoni ekonomika ma’ l-Iżrael. B’defiċit ta’ €400 miljun fl-2004, ser ikun hemm bżonn ta’ politika fiskali xierqa u tmexxija finanzjarja pubblika affidabbli flimkien ma’ sforzi għall-promozzjoni ta’ l-irkupru ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment. Il-punti ta’ referenza marbutin ma’ l-appoġġ tal-baġit għall-AP kienu u ser jibqgħu strumentali fil-promozzjoni tal-progress lejn l-istabbilizzazzjoni fiskali u l-iżvilupp ulterjuri ta’ sistema trasparenti u responsabbli tal-finanzi pubbliċi. Il-vijabilità politika Il-prijoritajiet politiċi - Ir-rinforzament leġittimu u r-responsabbiltà L-appoġġ għall-proċess elettoral - It-tisħiħ ta’ l-istat tad-dritt L-għajnuna għall-isforzi tar-riforma Palestinjana fil-ġudikatura; l-iżvilupp ta’ l-istrateġija f’perjodu qasir ta’ żmien għall-konsolidament ta’ l-istat tad-dritt inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata - Il-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali Tkompli tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-tixwix fid-djalogu politiku ma’ l-AP, l-appoġġ għall-inizjattivi tas-soċjetà ċivili għad-drittijiet tal-bniedem - It-titjib fis-sigurtà Ikun ikkumplimentat ix-xogħol ta’ l-EUSR (ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE) fuq it-trasformazzjoni tal-pulizija ċivili - L-involviment tas-soċjetà ċivili Ikunu promossi l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili b’appoġġ għall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani - L-amministrazzjoni pubblika ssir aktar effiċjenti Ikunu appoġġati l-isforzi Palestinjani tar-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-ġemellaġġ - Ġerusalemm L-iżvilupp ta’ strateġija ta’ għajnuna għall-Ġerusalemm tal-Lvant - Tkun indirizzata l-kwistjoni tar-refuġjati lil hinn mill-bżonnijiet immedjati umanitarji Kontribuzzjoni fid-diskussjoni fuq is-sehem futur ta’ l-UNRWA L-isforzi biex timxi ‘l quddiem ir-riforma ta’ l-AP f’perjodu qasir ta’ żmien għandhom jikkomprendu l-għan finali li tkun żgurata l-vijabilità politika. Dan għandu jsir permezz ta’ djalogu politiku, l-għajnuna finanzjarja bil-kondizzjonijiet u programmi ta’ appoġġ mfassla apposta, inkluż il-mekkaniżmu ta’ ġemellaġġ, li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin: - Ir-rinforzament tal-leġittimità u r-responsabbiltà L-UE fil-komunità internazzjonali qiegħda fuq quddiem fl-appoġġ ta’ l-elezzjonijiet, tippresjedi b’mod konġunt il-Grupp ta’ Appoġġ għar-Riforma Elettorali, tipprovdi l-assistenza teknika għall-amministrazzjoni ta’ l-elezzjonijiet Palestinjani, tikkontribwixxi għall-inizjattivi b’appoġġ tas-soċjetà ċivili u bagħtet missjoni ta’ l-UE ta’ osservazzjoni ta’ l-elezzjoni (EUOM) għall-elezzjonijiet Presidenzjali f’Jannar ta’ l-2005. Il-Kummissjoni x’aktarx tibgħat EUOM oħra għall-elezzjonijiet għal Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan skedati għall-Jannar ta’ l-2006. Bil-għan li tinkiseb awto-sostenibilità tal-Kummissjoni Ċentrali ta’ l-Elezzjonijiet, l-appoġġ kontinwu ta’ l-UE għas-CEC għandu gradwalment jinbidel bi flus allokati mill-baġit ta’ l-AP. Il-kriterji għall-involviment ta’ l-UE: l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tar-rapport tal-missjoni ta’ l-osservazzjoni ta’ l-elezzjoni dwar l-elezzjonijiet Presidenzjali ta’ l-AP ta’ Jannar 2005. Wara l-elezzjonijiet, il-Komunità għandha tipprovdi l-kapaċità għall-bini għall-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan biex tissaħħaħ il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u l-effettività tar-riformi. - It-tisħiħ ta’ l-istat tad-dritt Bħala parti mill-proċess ta’ Riforma Palestinjana, l-UE għandha tespandi f’oqsma fejn hija diġà attiva u fejn l-appoġġ tagħha jista’ jirrendi riżultati tanġibbli, partikolarment fil-konsolidament ta’ l-istat tad-dritt Diġà saru sforzi permezz ta’ kondizzjonijiet marbutin mal-programm ta’ appoġġ tal-baġit tal-KE, bħall-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Bażika u l-Liġi fuq l-Indipendenza tal-Ġudikatura. EUCOPPS (ara isfel) jinkludi wkoll elementi mmirati biex jimmoderizzaw is-sistema ġudizzjarja. Barra minn dan, il-programm tal-Kummissjoni fuq l-għoti ta’ aktar saħħa lil ġudikatura qed jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tas-sistema legali Palestinjana. Bħalissa qed titħejja strateġija għall-perjodu ta’ żmien qasir li tanalizza aktar il-miżuri meħtieġa biex tikkonsolida l-istat tad-dritt, għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u għall-promozzjoni tat-twaqqif ta’ ġudikatura indipendenti, imparzjali u li tiffunzjona bis-sħiħ. Il-Kummissjoni, bħala president ta’ grupp ta’ appoġġ għar-riforma lokali tal-ġudikatura qed tikkoordina x-xogħol fuq din il-valutazzjoni ta’ bżonnijiet komprensivi, u qed taħdem mill-qrib flimkien mal-Kumitat ta’ Direzzjoni Palestinjan għar-riforma tal-ġudikatura. Kriterji għal aktar involviment mill-UE impenn mill-AP għar-riforma tal-ġudikatura, skond il-prijoritajiet miftehma fil-Pjan ta’ Azzjoni ENP, u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar- Roadmap . - Il-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali Ikun hemm bżonn li jittieħdu aktar azzjonijiet b’appoġġ ta’ l-isforzi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-espressjoni u medja indipendenti. Miżuri bħat-tnaqqis u l-qerda tat-tixwix favur il-mibegħda u l-vjolenza huma parti minn dan il-proċess. Il-qerda tat-tixwix favur il-vjolenza ser teħtieġ involviment akbar tas-soċjetà ċivili imma ukoll metodu aktar komprensiv għar-riforma tas-sistema ta’ l-edukazzjoni Palestinjana, u impenn mill-Awtorità Palestinjana għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni ENP u r- Roadmap . Dan ser ikun meħtieġ biex ikun sostnut il-proċess tal-paċi u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ tolleranza, moderazzjoni, ftehim, u rispett reċiproku. . - - It-titjib fis-sigurtà; It-twaqqif ta’ ambjent tajjeb u sigur għaċ-ċittadini kollha Palestinjani permezz taż-żamma tal-liġi u l-ordni huwa kruċjali għas-suċċess ta’ l-aġenda kollha tar-riforma, kif ukoll parti integrali tiegħu. Il-programm ġudizzjarju tal-Kummissjoni jikkomplimenta x-xogħol tal-Mibgħut Speċjali ta’ l-UE u l-programm tal-pulizija (EUCOPPS) kif ukoll l-isforzi tal-koordinatur tas-sigurtà ta’ l-Istati Uniti. B’EUCOPPS, l-UE daħlet f’impenn fit-tul ta’ appoġġ għat-trasformazzjoni tal-pulizija Palestinjana. Ser tgħin biex jinħoloq servizz tal-pulizija effettiv u biex jittejjeb il-koordinament ta’ l-attivitajiet tad-donaturi f’dan il-qasam. Is-sigurtà mtejba hija wkoll il-preokkupazzjoni prinċipali ta’ l-Iżrael, li ser ikompli jivvaluta l-progress fil-proċess tal-paċi billi jkejjel is-suċċess ta’ l-isforzi ta' l-AP biex jispiċċa t-tixwix u jinħattu l-istrutturi terroristiċi. - L-involviment tas-soċjetà ċivili Il-vijabiltà politika ser tissaħħaħ bl-involviment attiv tas-soċjetà ċivili, li huwa meħtieġ għas-sostenn ta’ l-appoġġ għall-proċess tal-paċi. Il-programm tal-Kummissjoni Sħubija għall-Paċi kien strumentali fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni Iżraeljana-Palestinjana fuq livell informali, u fl-għajnuna għas-sostenn tal-kunċett tad-djalogu fi żminijiet ta’ kunflitt intens. Dan ser jitkompla fil-ġejjieni. - Biex l-amministrazzjoni pubblika tkun aktar effettiva Amministrazzjoni pubblika li tiffunzjona tajjeb teħtieġ riformi fis-servizz ċivili Palestinjan kollu. Jeħtiegu miżuri urġenti għall-implimentazzjoni tal-programm tar-riforma tas-servizz ċivili u ta’ l-amministrazzjoni pubblika għat-tisħiħ tar-rendiment u l-effiċjenza fl-għoti tas-servizz. L-UE għandha tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ għajuna teknika, partikolarment permezz ta’ proġetti ta’ ġemellaġġ, bl-Istati Membri jikkondividu l-oqsma partikolari tagħhom ta’ ħila ma’ l-Awtorità Palestinjana. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: responsabbiltà msaħħa ta’ istituzzjonijiet pubbliċi mhux minsterjali, progress fuq ir-ristrutturazzjoni tal-Ministeri Hemm żewġ dimensjonijiet oħra importanti għal-leġittimità u għal vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur: il-kwistjoni ta’ Ġerusalemm u r-refuġjati. - Ġerusalemm L-UE hija attiva fl-għoti ta’ appoġġ għall-popolazzjoni Għarbija ta' Ġerusalemm tal-Lvant. Mill-2002, ittieħdu diġà numru ta’ miżuri mill-Kummissjoni Ewropea inkluż l-appoġġ għas-settur privat, is-servizzi soċjali, u l-attivitajiet kulturali u edukattivi. Minkejja l-isforzi tal-komunità internazzjonali u l-impenji tar- Roadmap, l-istituzzjonijiet Palestinjani f’Ġerusalemm tal-Lvant, bħall-Kamra tal-Kummerċ, għadhom magħluqin. Għandu jkun appoġġat aktar pjan ta’ żvilupp integrat għal Ġerusalemm tal-Lvant. Dawn l-isforzi għandhom jinħadmu fi strateġija ta’ assistenza għal Ġerusalemm tal-Lvant mingħajr ma jinqabżu n-negozjati dwar l-Istatus Finali. Fl-istess ħin, l-UE għandha żżid l-effettività tal-messaġġi tagħha u tirrespinġi ż-żieda f'daqqa fl-attività ta’ l-insedjamenti u l-isforzi biex ikunu stabbiliti fatti ġodda direttament mill-postijiet affettwati. Is-sitwazzjoni ta’ Ġerusalemm bħala kwistjoni ta’ Status Finali qed issir aktar intrattabbli bil-bini ta’ ħajt għas-separazzjoni fil-belt kollha. - Tkun indirizzata l-kwistjoni tar-refuġjati lil hinn mill-bżonnijiet umanitarji immedjati L-appoġġ internazzjonali (u ta’ l-KE) għar-refuġjati Palestinjani jgħaddi l-aktar mill-UNRWA, bl-UE tkun l-akbar kontributriċi. L-uffiċċju umanitarju tal-Kummissjoni (ECHO) qed jirrispondi attivament għall-bżonnijiet umanitarji tal-poplu Palestinjan, refuġjati u mhux refuġjati, fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, permezz ta’ l-organizzjonijiet mhux governattivi, l-aġenziji rilevanti tan-NU, u l-familja tas-Salib l-Aħmar. Kif javanza l-proċess tal-paċi, il-kwistjoni tar-refuġjati ser tibqa’ dejjem aktar fuq quddiem kif ser jiġri għall-mandat u r-rwol tal-UNRWA. Waqt li wieħed m’għandux jantiċipa u jtellef ir-riżultat tan-negozjati futuri, Palestina indipendenti m’għandux ikollha post għall-kampijiet tar-refuġjati. Il-konverżjoni ta’ kampijiet fid-djar permanenti, iżda, ser teħtieġ investiment kbir. Dan hu wieħed mill-ħafna aspetti ta’ soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni tar-refuġjati li teħtieġ li tkun ikkunsidrata. Il-vijabiltà ekonomika. Minkejja li l-ekonomija Palestinjana tiflaħ sewwa, ix-Xatt tal-Punent u Gaża għadhom iridu jsiru ekonomikament vijabbli. Hemm, minbarra dan, dipendenza qawwija fuq is-suq Iżraeljan u għandhom jissaħħu l-isforzi Palestinjani għad-diversifikazzjoni tas-swieq. Il-Kummissjoni tipproponi li tikkonsolida s-suċċessi ta’ l-għajnuna tal-Komunità u testendi l-assistenza biex tpoġġi fis-seħħ is-sisien għat-twaqqif ta’ Stat Palestinjan ekonomikament vijabbli. Prijoritajiet ekonomiċi - L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tal-kummerċ bilaterali u reġjonali Titjib ta’ l-aċċess għall-prodotti Palestinjani; l-għoti ta’ assistenza teknika; djalogu faċilitat biex jingħelbu ostakoli amministrattivi u regolatorji; l-iżvilupp ta’ xenarji għall-arranġamenti ekonomiċi ma’ l-Iżrael; tħeġġiġ ta’ l-integrazzjoni ta’ l-ekonomija Palestinjana fir-reġjun - Twaqqif ta’ amministrazzjoni tad-dwana L-għoti ta’ appoġġ għall-amministrazzjoni tad-dwana; il-kunsiderazzjoni ta’ l-issekondar ta’ esperti; l-offerta tal-preżenza ta’ terzi - Ir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża L-għoti ta’ fondi għal bidu ta’ malajr ta’ proġetti infrastrutturali; il-promozzjoni ta’ influss mill-ġdid ta’ l-investiment - Il-ħolqien ta’ ambjent li jippermetti l-investiment mis-settur privat L-għajnuna għall-isforzi Palestinjani għar-reviżjoni tal-qafas legali - L-appoġġ tas-settur privat Xogħol mal-Bank ta’ l-Investiment Ewropew (BIE) biex jingħaqdu r-riżorsi tas-self u l-għotjiet għall-investiment mis-settur privat; jingħataw l-għajnuna u t-taħriġ lill-SMEs għat-titjib tal-kapaċità tat-tmexxija u tal-prestazzjoni - It-titjib tat-tmexxija tal-finanzi pubbliċi L-appoġġ għall-isforzi Palestinjani għall-modernizzazzjoni ta’ l-amministrazzjoni tad-dħul finanzjarju; l-għoti ta’ għajnuna għal aktar żvilupp tal-kontroll finanzjarju - L-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza L-eżami ta’ għażliet għall-appoġġ ta’ tnedija ta’ programmi broadband - L-indirizz tad-dimensjoni soċjali Kontribut għall-programmi ta’ ħarsien soċjali, partikolarment fil-programm ta’ riforma tax-xibka tas-Salvataġġ Soċjali tal-Bank Dinji - L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tal-kummerċ bilaterali u reġjonali L-għan ta’ l-UE huwa l-ħatt ta’ ostakoli tat-tariffi u t-twaqqif ta’ żona tal-kummerċ ħieles bejn l-AP u l-UE li tkopri l-oġġetti u s-servizzi kollha kif ukoll għall-promozzjoni tal-kummerċ intra-reġjonali u l-konnessjonijiet ta’ l-investiment. L-UE diġà ħadet numru ta’ miżuri biex tfannad ir-relazzjonijiet tal-kummerċ u ttejjeb l-aċċess għas-suq għall-prodotti Palestinjani permezz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju fuq il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ma’ l-Awtorità Palestinjana. Kienu adottati miżuri biex jilliberalizzaw aktar il-kummerċ fi prodotti agrikoli f’Jannar ta’ l-2005. Ser ikunu kkonsidrati wkoll aktar miżuri għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Fil-kuntest usa’ reġjonali ser ikollhom ikunu kkunsidrati r-rabtiet tal-kummerċ u tad-dwana bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana kif ukoll safejn il-Protokoll Ekonomiku ta’ Pariġi [1] jista’ jkun rivedut minħabba Stat Palestinjan ġejjieni. L-għan tal-promozzjoni ta’ kummerċ u investiment intra-reġjonali jseddaq l-pożizzjoni ta’ l-UE li l-firxa tad-dwana AP/Iżrael għandha tinżamm għalissa. Il-Kummissjoni ħeġġet l-awtoritajiet Iżraeljani u Palestinjani biex iżommu din il-firxa tad-dwana għal perjodu qasir ta’ żmien fil-pendenza ta’ arranġamenti futuri li jkunu miftehma bejn iż-żewġ partijiet. L-UE ser tipprova tiffaċilita l-integrazzjoni tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża f’arranġamenti reġjonali tal-kummerċ inkluż il-kumulu Pan Ewro-Mediterranju, skond il-ħtieġa. L-UE qed tinkoraġġixxi attivament il-kooperazzjoni Iżraeljana-Palestinjana. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni organizzat grupp ta’ ħidma trilaterali fuq il-kummerċ li jressaq flimkien l-awtoritajiet Palestinjani u Iżraeljani flimkien ma’ l-esperti tal-Kummissjoni. Il-grupp ta’ ħidma trilaterali ser jeżamina wkoll mezzi kif jingħelbu ostakoli amministrattivi u regolatorji għall-kummerċ u għall-faċilitazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju ta’ l-UE ma’ l-AP. L-UE għandha tinkoraġġixxi attivament il-kooperazzjoni bejn l-Awtorità Palestinjana u l-pajjiżi ġirien tagħha bħar-rinforzament tar-rabtiet tal-kummerċ eżistenti u biex ikunu żviluppati attivitajiet ekonomiċi li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku. Il-pajjiżi ġirien għandhom, f’dan il-kuntest, ikunu mistednin biex jirrevedu u jnaqqsu l-ostakoli tat-tariffa u regolatorji. L-Awtorità Palestinjana għandha bżonn tkun ippreparata għar-responsabbilitajiet futuri fl-oqsma tad-dwana u tal-kummerċ, inkluż il-konformità mar-regoli tal-kummerċ internazzjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva. Dawn l-oqsma ser ikunu appoġġati aktar mill-UE. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: titjib sinifikanti tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u l-aċċess, skond ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Bank Dinji lill-Kumitat Ad Hoc ta’ Kollegament ta’ Diċembru 2004 (AHLC)[2], u progress sostanzjali fuq is-sitt punti indikati mill-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett. - Il-bini ta’ amministrazzjoni tad-dwana Il-Kummissjoni qed tipprovdi appoġġ estensiv lill-amministrazzjoni tad-Dwana Palestinjana, b’ħidma ma’ l-UNCTAD għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ l-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet kompjuterizzata. Wara l-irtirar, l-amministrazzjoni tad-dwana Palestinjana f’Gaża ser tiffaċċja ħafna sfidi. L-Awtorità Palestinjana għalhekk talbet aktar assistenza kif ukoll il-preżenza ta’ terzi fil-fruntieri tad-dwana ġodda tagħhom. Il-Kummissjoni hija lesta li tipprovdi aktar assistenza, bħal finanzjament tat-tqassim ta’ l-uffiċjali tad-dwana, skond mandat definit tajjeb, bil-għan tal-bini tal-fiduċja u t-titjib tal-kapaċità ta’ l-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-AP. Il-Kummissjoni ser teżamina din il-kwistjoni ma’ l-Istati Membri u tista’ tislet mill-esperjenza ta’ l-UE fuq it-titjib fit-tmexxija tal-fruntieri fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. . Tqassim bħal dan għandu jkun akkumpanjat minn missjoni tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP) għall-għajnuna għall-funzjonijiet tal-kontroll tal-fruntieri. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: ftehim mill-Partijiet fuq il-post u r-reġim applikat għall-postijiet tal-qsim tal-fruntieri kif ukoll talba mill-partijiet għall-preżenza ta’ terzi. L-UE għandha tfittex li testendi l-garanziji għall-Iżrael fuq it-tħaddim tal-postijiet tal-qsim tal-fruntieri lejn l-ajruport u l-port. - (Ir-rikostruzzjoni u) r-riabilitazzjoni tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża L-irtirar minn Gaża u l-partijiet tat-Tramuntana tax-Xatt tal-Punent ipprovda impetu mill-ġdid għad-donaturi biex jerġgħu lura għall-attivitajiet ta’ rikostruzzjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet Faċilità ta’ l-Infrastruttura ta’ €40 million fil-kuntest tal-programm ta’ għajnuna finanzjarja tas-sena 2005 biex ikun ikkoordinat ma’ l-Awtorità Palestinjana u donaturi oħra. Numru ta’ proġetti dwar id-dwana, it-trasport, il-provista ta’ l-ilma u l-enerġija diġà kienu identifikati. Hekk kif javanza l-proċess tal-paċi, għandu jkun maħsub programm ewlieni ta’ rikostruzzjoni u riabilitazzjoni għat-Territorju Palestinjan sħiħ, li jinkludi kemm Gaża u x-Xatt tal-Punent, skond il-pjan ta’ tliet snin tal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett. Jekk hemm titjib fl-ambjent regolatorju u r-rispett għall-istat tad-dritt, l-isforzi ta’ rikostruzzjoni jistgħu jiffukaw fuq perjodu qasir ta’ żmien biex l-iżvilupp ekonomiku jingħata spinta qawwija u għall-promozzjoni ta’ influss ta’ investiment mill-ġdid. Pjan komprensiv ta’ rikostruzzjoni jkollu bżonn jinkludi t-trasport b’mod ġenerali, inkluż il-bini mill-ġdid ta’ l-ajruport u l-port ta’ Gaża, l-enerġija, il-provista ta’ l-ilma u t-trattament ta’ l-ilma ta’ skart, l-immaniġġjar ta’ skart solidu, l-iżvilupp rurali, u l-bini mill-ġdid ta’ istituzzjonijiet, partikolarment kumplessi tas-sigurtà u bini tal-qrati. Dan isir biss fil-kuntest ta’ pjan żviluppat sewwa li jinkludi d-donaturi ewlenin kollha u istituzzjonijiet finanzjari internazzjonali. Ix-xogħol jista’ jibni fuq database tal-valutazzjoni tal-ħsara stabbilita mill-Kummissjoni, imma ffukata fuq is-sodisfazzjon ta’ bżonnijiet futuri aktar milli s-sempliċi bini mill-ġdid ta’ dak li kien meqrud. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: qabel l-investimenti infrastrutturali kbar, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-aċċess għan-nies u l-merkanzija ser ikollhom jitnaqqsu, u ser ikollhom jintalbu garanziji mill-Israel fuq l-operazzjoni tal-port u l-ajruport. Għandu jkun hemm il-koordinazzjoni ma’ donaturi oħra, u mal-Ministeru ta’ l-Ippjanar (inkluż fil-kuntest ta’ Pjan imtejjeb ta’ l-Iżvilupp Fuq Perjodu Medju taż-Żmien). - Ħolqien ta’ ambjent li jippermetti l-investiment mis-settur privat. Kif il-progress fil-paċi jimxi ‘il quddiem, għandu jiżdied l-investiment barrani u domestiku fil-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża. L-investiment Palestinjan minn barra mistenni li jiżdied, flimkien ma’ l-imgħax minn kumpanniji mill-Iżrael, il-pajjiżi Għarab ġirien u minn aktar ‘il bogħod fit-twaqqif ta’ operazzjonijiet fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: Il-progress għat-titjib ta’ l-ambjent legali u regolatorju għall-investiment tas-settur privat. L-investiment barrani ser jiddependi b’mod partikolari fuq l-eżistenza u l-infurzar ta’ regoli trasparenti u prevedibbli. Il-Kummissjoni diġà pprovdiet għajnuna biex tabbozza u/jew tirrivedi l-leġiżlazzjoni fuq, per eżempju, il-kompetizzjoni u l-akkwisti pubbliċi. L-infurzar ser jeħtieġ riforma profonda tas-setturi ġudizzjarji u tas-sigurtà indirizzati fuq. - Appoġġ tas-settur privat Minkejja l-effett devastanti tal-kunflitt fuq l-ekonomija Palestinjana, is-settur privat wera li jiflaħ u wera adattabilità notevoli. Is-settur ta’ l-SME ser ikun il-mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali, jikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali, il-ħolqien ta’ l-impjiegi u dipendenza mnaqqsa fuq l-impjiegi fis-settur pubbliku. It-taħriġ vokazzjonali jista’ jkun ta’ benefiċċju partikolari, bħall-għoti ta’ mikro-krediti. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġa l-isforzi ta’ l-AP biex ikun rivitalizzat is-settur privat, wara li jitqiesu l-prinċipji tal-Karta Ewro-Mediterranja għall-Impriża. Kriterji għall-involviment ta’ l-UE: l-AP ser ikollha taċċellera l-isforzi tagħha fil-ħolqien ta’ ambjent li jwassal għall-iżvilupp tas-settur privat waqt li l-Iżrael ser ikollu jippermetti moviment imtejjeb ta’ l-oġġetti u s-servizzi, skond is-sitt punti tal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett. Il-Bank ta’ l-Investiment Ewropew bħalissa qed jirrivedi l-kondizzjonijiet għat-tkomplija ta’ attivitajiet fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża u fl-Iżrael. Il-BIE u l-Kummissjoni qed jikkunsidraw kif l-aħjar jgħaqqdu riżorsi ta’ self u ta’ l-għotjiet għall-appoġġ ta’ l-investiment tas-settur privat u jippromwovu l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs. Dan ikollu bżonn ikun akkumpanjat b’appoġġ għat-titjib tal-kapaċità tat-tmexxija. - Titjib fit-tmexxija tal-Finanzi Pubbliċi Stat Palestinjan vijabbli għandu jkollu sistema moderna u trasparenti tat-tmexxija finanzjarja. Permezz tal-pakkett ta’ appoġġ tal-baġit ipprovdut mill-KE u l-Istati Membri, kien hemm titjib notevoli fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi ta’ l-AP. Minkejja dan, tibqa’ l-ħtieġa li tkun żviluppata iżjed sistema mtejba, trasparenti u responsabbli ta' l-ibbaġitjar u l-kontroll tan-nefqa pubblika li għandha l-fiduċja sħiħa tal-popolazzjoni Palestinjana u tal-komunità internazzjonali. Il-kriterji għall-involviment ta’ l-UE. Il-progress fuq l-abbozzar ta’ pjan ta’ stabilizzazzjoni fiskali adegwat mill-AP, il-progress fuq il-konsolidament tas-sistema tal-pensjoni, u titjib tal-kapaċitajiet ta’ l-ippjanar. Fl-istess ħin, l-Awtorità Palestinjana għandha ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-ġbir tad-dħul tal-finanzi. Il-Kummissjoni bħalissa qed tgħin l-AP biex tinbena sistema moderna tal-ġbir tat-taxxi li matul iż-żmien għandha tgħin fit-tkabbir tad-dħul. Iżda, bit-twaqqif ta’ Stat Palestinjan b’regoli awtonomi tat-taxxa u tad-dwana, l-AP ser tkun responsabbli wkoll għall-ġbir tal-VAT u tad-dazji tad-dwana, xogħol li bħalissa qed isir mill-awtoritajiet Iżraeljani fuq il-bażi tal-Protokoll ta’ Pariġi. Flimkien ma' sforzi għat-titjib tat-trasparenza tat-tħaddim tal-Protokoll ta' Pariġi u biex tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ nuqqasijiet fiskali, ser ikun meħtieġ aktar bini tal-kapaċità biex jiżdiedu t-trasparenza u l-effiċjenza ta’ l-istituzzjonijiet Palestinjani rilevanti, inkluż sistema moderna u affidabbli ta’ l-istatistika. - L-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien Hemm il-bżonn ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien permezz ta’ edukazzjoni għolja u vokazzjonali, ir-riċerka u l-iżvilupp biex tissaħħaħ u tkun ddiversifikata l-ekonomija Palestinjana. L-appoġġ ta’ l-KE li huwa f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP ser ikun validu għax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża bħal f’pajjiżi oħra fir-reġjun. Għandu jkun hemm sforz speċjali għat-tisħiħ tal-faċilitajiet ta’ riċerka u żvilupp Palestinjani. Minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża, programmi avanzati bħall-konnessjonijiet broadband jistgħu jippermettu li individwi u organizzazzjonijiet iqarrbu d-distanzi u jneħħu l-ostakoli fiżiċi. Konnessjonijiet ta’ veloċità kbira jistgħu jippermettu kemm istituzzjonijiet tal-gvern u n-negozji li jikkomunikaw u jkollhom aċċess għas-servizzi immaterjalment minn fejn jinsabu jew fix-Xatt tal-Punent jew il-Medda ta’ Gaża. Il- broadband jista’ jippermetti wkoll lill-Palestinjani li jkollhom aċċess għal servizzi avanzati, bħall- e-health jew l- e-learning . Iżda, ir-rati ta’ penetrazzjoni ta' l-internet bħalissa huma baxxi ħafna. - L-indirizz tad-dimensjoni soċjali L-iżvilupp soċjali għandu jmur id f’id ma’ kull żvilupp ekonomiku. L-isforzi għandhom isiru għall-appoġġ tas-setturi tal-popolazzjoni Palestinjana l-aktar fil-bżonn u għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol għal kulħadd kif ukoll biex ikunu kkumpensati l-effetti possibbli ħżiena f’perjodu qasir ta’ żmien ta’ xi wħud mir-riformi. L-azzjoni strutturali hija meħtieġa biex tindirizza l-bżonnijiet soċjali urġenti lil hinn mill-għajnuna umanitarja matul perjodu qasir ta’ żmien mogħtija mill-ECHO u donaturi oħrajn. Il-konsolidament tas-sistema tal-pensjonijiet ser jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bżonnijiet ta’ l-anzjani. Għandu jintlaħaq ukoll livell minimu ta’ aċċess fiżiku u finanzjarju għall-firxa sħiħa ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ l-edukazzjoni. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi għall-programm tax-xibka tas-Salvataġġ Soċjali tal-Bank Dinji. Il-promozzjoni ta’ politika attiva ta’ impjiegi u opportunitajiet indaqs ser tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali . L-iskemi tat-tnaqqis tal-faqar bħal mikro-kreditu, sistemi tal-ħolqien ta’ l-impjiegi fil-livell bażiku jew programmi speċifiċi għall-integrazzjoni soċjo-ekonomika ta’ l-aktar partijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni (żgħażagħ, nisa u persuni b’disabbiltà), għandhom jitħeġġu biex ikun hemm aċċess akbar għal oġġetti u servizzi bażiċi. 4. IL-FAċILITAZZJONI TAL-KOOPERAZZJONI IżRAELJANA-PALESTINJANA Djalogi dwar il-politika Il-vijabiltà tax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża ser jeħtieġu kooperazzjoni sħiħa u attiva ma’ l-Iżrael. Il-Kummissjoni investiet riżorsi konsiderevoli fil-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni u l-kuntatti bejn l-awtoritajiet Iżraeljani u Palestinjani biex iħeġġu d-djalogu u t-tkabbir tal-fiduċja. Dan seħħ bl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet u oqsma ta’ interess reċiproku għaż-żewġ partijiet. Xi wħud minn dawn huma speċifikati fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana adottati fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Madwar ta’ l-UE . Il-laqgħat trilaterali sponsorjati mill-Kummissjoni diġà kienu stabbiliti fl-oqsma ta’ l-enerġija, it-trasport u l-kummerċ. Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi programm għall-kooperazzjoni fl-enerġija biex ittejjeb is-sigurtà tal-provista komuni ta’ l-enerġija . F’dan il-kuntest ser jitwaqqaf uffiċċju komuni ta’ l-enerġija u għandu jintlaħaq ftehim kummerċjali li jittratta l-iskambji ta’ l-elettriku bejn il-partijiet skond l-istandards internazzjonali. Uffiċċju ta’ trasport komuni huwa wkoll fil-proċess li jkun stabbilit bejn il-partijiet li jkopri l-ippjanar ta’ l-infrastruttura tat-trasport u l-faċilitazzjoni tat-trasport ta’ l-oġġetti u l-persuni . Il-Kummissjoni tittama għall-istess progress fuq kwistjonijiet tal-kummerċ. Dawn l-isforzi għandhom ikomplu u jinfirxu biex ikopru oqsma bħall-kooperazzjoni tad-dwana, l-ambjent, ix-xjenza u t-teknoloġija u kif jixraq, kwistjonijiet dwar il-ġustizzja u l-intern. Għandu jkun hemm l-użu ta’ possibbilitajiet għall-kooperazzjoni reġjonali fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Madwar ta’ l-UE bejn l-AP, l-Iżrael u l-Ġurdan. Medjazzjoni ta’ terzi bħala parti mill-proċess ta’ paċi Flimkien ma’ dawn l-isforzi tal-Komunità, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-medjazzjoni/faċilitazzjoni ta’ terzi fil-kunflitt biex ikun żgurat li jkun hemm djalogu u biex tkun ġġenerata fiduċja akbar bejn il-Partijiet. Il-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett, b’preżenza regolari direttament fil-post, kellu impatt pożittiv fil-kuntest ta’ l-irtirar Iżraeljan minn Gaża u partijiet tat-tramuntana tax-Xatt tal-Punent. Il-Kummissjoni appoġġat l-isforzi tiegħu kemm finanzjarjament u kemm bl-issekondar ta’ membru tal-persunal b’esperjenza. Hija tilqa’ bi ħġara mandat imġedded għall-Mibgħut tal-Kwartett, li jkun estiż kemm fid-dewmien tiegħu u kemm fl-ambitu tiegħu. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju Kif issir progress fuq kwistjonijiet ta’ l-Istatus Finali, l-UE għandha tkun lesta li tibda negozjati fuq Ftehim ta’ Assoċjazzjoni sħiħ . Fil-frattemp, il-konsultazzjoni kemm ma’ l-Iżrael u l-AP hija meħtieġa għall-iżvilupp tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Proviżorju tal-KE mal-PLO (l-Organizzazzjoni tal-Ħelsien tal-Palestina) u biex ikun implimentat b’mod aktar effettiv. Il-konsultazzjonijiet għandhom jindirizzaw id-diffikultajiet li għaddew minnhom il-Palestinjani u l-produtturi ta’ l-UE biex kisbu l-aċċess għas-swieq rispettivi tagħhom (minħabba b’mod partikolari l-problemi amministrattivi li jiffaċċjaw l-esportaturi fil-fruntieri tad-dwana Iżraeljani). L-UE għandha tkompli tisħaq għall-għarfien sħiħ mill-Iżrael tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju. 5. TITJIB FL-EFFETTIVITÀ U L-VIżIBILTÀ TA’ L-UE L-isforzi u l-attivitajiet ta’ l-UE għandhom bżonn ikunu aktar viżibbli, biex jissaħħu l-messaġġi tagħna politiċi u ta’ riforma . L-Unjoni għandha iżżid l-isforzi tagħha biex tippreżenta l-messaġġi tagħha b’mod ikkoordinat. Koordinament Internazzjonali Għar-rigward ta’ l-għajnuna, hemm diġà koordinament mill-ġdid mal-Mibgħut Speċjali ta’ l-UE u l-Istati Membri u ma’ msieħba internazzjonali, inkluż l-Istati Uniti, l-Iżrael u l-istituzzjonijiet internazzjonali finanzjarji. Il-Kummissjoni tipparteċipa attivament fil-korpi tal-Kwartett u dawk stabbiliti mill-Kwartett bħat- Task Force fuq ir-Riforma Palestinjana u korpi ta’ koordinament lokali tad-donaturi, jiġifieri il-Kumitat ta’ Koordinament ta’ l-Għajnuna Locali (LACC). Biex issegwi l-konferenza ta’ Londra fuq ir-riforma Palestinjana, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Dinji, ippreżentat proposti għal strutturi ta’ koordinament aktar effiċjenti tad-donaturi. Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett u ma’ korpi lokali ta’ koordinament biex ikun żgurat koordinament aktar effettiv ta’ l-azzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni hija f’kuntatt regolari mal-komunità ta’ donaturi internazzjonali kif ukoll ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u hija involuta attivament fl-AHLC. Il-kooperazzjoni ma’ l-IMF kienet estensiva, partikolarment fil-kuntest tal-programm ta’ appoġġ tal-baġit tal-Kummissjoni lill-AP. Flimkien mal-Bank Dinji, il-Kummissjoni waqqfet Fond ta’ Trust tal-Bank Dinji għat-Tmexxija Finanzjarja Pubblika li tibni fuq il-mekkaniżmu stabbilit għall-appoġġ tal-baġit tal-Kummissjoni ta’ qabel. Il-Fond tat- Trust kien oriġinarjament maħsub bħala miżura temporanja biex jegħleb id-defiċit fiskali tal-AP. Għandu jkun segwit minn strument aktar sostenibbli. Ċentru għall-ġbir u l-iskambju ta’ l-informazzjoni għall-għajnuna ta’ l-UE L-isforzi għall-koordinament aktar mill-qrib bejn ir-riżorsi ta’ l-Istati Membri u l-Komunità b’appoġġ ta’ l-oġġettivi ewlenin tal-politika ta’ l-UE – permess ta’ mekkaniżmu ta’ Ċentru għall-ġbir u l-iskambju ta’ l-informazzjoni – għandhom itejbu l-viżibilità ta’ l-għajnuna ta’ l-UE. Dan għandu jinkludi fluss regolari ta’ informazzjoni fuq il-Komunità u pjanijiet u proġetti bilaterali, il-faċilitazzjoni ta’ l-ippjanar u t-tqassim tar-responsabilitajiet skond il-kapaċitajiet speċjalisti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Bħala l-ewwel pass, għandha tingħata prijorità għall-implimentazzjoni ta’ miżuri identifikati fl-istrateġija f’perjodu qasir fuq l-iggvernar, ippreparata mill-uffiċċju tal-Kummissjoni f’Ġerusalemm wara l-konferenza ta’ Londra, l-Istati Membri għandhom ikunu mistiedna biex jipparteċipaw f’dan il-qafas bil-għan li tkun iffaċilitata l-koerenza. Waqt li t-tmexxija tal-fondi nazzjonali tibqa’ għand l-Istati Membri, l-istrateġiji nazzjonali għall-għajnuna għandhom jirriflettu u jkunu ggwidati mill-istrateġija adottata ta’ l-UE. Per eżempju jista’ jitwaqqaf kumitat tal-politika kompost mill-kontributuri kollha biex jiżgura l-koordinament u kif tingħata prijorità għan-nefqa ġewwa l-UE u ma’ l-AP. Kumitat bħal dan jista’ jiżgura l-komplimentarjetà u jiddefinixxi meta jkun l-aktar xieraq l-użu ta’ fondi miġbura jew il-kofinanzjament. Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol ewlieni f’dan il-mekkaniżmu. Bħala t-tieni pass, jekk l-Istati Membri, jiftehmu, nistgħu naħsbu biex nestendu dan il-mekkaniżmu għal oqsma oħra ta’ għajnuna, per eżempju l-infrastruttura. Jista’ jkun segwit ukoll matul perjodu qasir ta’ żmien tqassim imtejjeb ta’ l-għajnuna ta’ l-UE, flimkien ma’ kampanja li tqajjem kuxjenza fir-reġjun, . Il-koordinament tar-riżorsi tal-Komunità għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b’ġabra ta’ informazzjoni fost id-donaturi biex ikun żgurat li l-fondi jintefqu sewwa. Matul perjodu ta’ żmien medju, l-UE għandha tikkonsidra t-twaqqif ta’ fond speċjali għar-rikostruzzjoni jew aġenzija ta’ l-UE għar-Rikostruzzjoni, waqt li tkun użata l-esperjenza ta’ suċċess ta’ l-UE fir-rikostruzzjoni wara l-konflitt tal-Balkani. Riżorsi finanzjarji Il-visibilità mtejba hija kontroparti meħtieġa għal kull riżorsa addizzjonali tal-baġit li tista’ tkun esplorata bħala risposta għall-approvazzjoni tal-G8 tas-sejħiet tas-Sur Wolfensohn għal żieda sinifikanti fl-għajnuna finanzjarja. Fil-laqgħa għolja ta’ Gleneagles tal-G8, is-Sur Wolfensohn ippreżenta qafas tal-pjan ta’ l-iżvilupp tiegħu li jipprevedi għajnuna finanzjarja lix-Xatt tal-Punent u Gaża li tiżdied bi €3 biljun kull sena fit-tliet snin li ġejjin. Dan jirrappreżenta 'l fuq mid-doppju ta' l-isforzi tal-komunità internazzjonali tad-donaturi. Żieda bħal din tkun possibbli biss fi sforz komuni, bi tqassim ta’ responsabilità sinifikanti, partikolarment min-naħa ta’ l-istati Għarab. Minħabba r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-akbar donatriċi lill-Palestinjani, ir-rispons għat-talba tal-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett jista’ possibbilment jikkorrespondi għal żieda fl-appoġġ mill-baġit tal-Komunità ta’ madwar €200 sa 300 miljun kull sena, akkumpanjat b’żieda fl-Istati Membri ta’ għajnuna bilaterali. Dawn ir-riżorsi jkunu immirati fuq il-prijoritajiet stabbiliti f’dan id-dokument, biex ikunu indirizzati l-oġġettivi tas-sostenibbilità fiskali, it-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet u titjib tas-sitwazzjoni ekonomika permezz ta’ investiment miżjud. Iżda, biex dawn ir-riżorsi addizzjonali sinifikanti jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika fix-Xatt tal-Punent u f’Gaża, hemm bżonn li jkun hemm progress ta’ sinifikat fil-politika tas-sigurtà u ta’ l-aċċess. Dan seħqu l-Bank Dinji fir-rapport tiegħu ta’ l-2004, approvat mill-Kumitat ta’ Kollegament Ad Hoc (AHLC) f’Diċembru 2004. Il-Kummissjoni ser jerġa’ jkollha aktar dettalji fuq proposti għar-riżorsi addizzjonali fil-baġit ta’ l-2006 sa mhux aktar tard minn kmieni fl-2006, u wara li jitqiesu r-riżorsi finanzjarji disponibbli, partikolarment l-istrument ta’ Flessibilità. Dawn ser iqisu l-progress tas-"sitta u t-tliet punti" tal-Mibgħut tal-Kwartett, pjanijiet aktar iddettaljati mill-Palestinjani u aktar konsultazzjonijiet mal-komunità internazzjonali. 6. KONKLUżJONI Biex l-UE tkun tista’ tuża l-piż tagħha b’mod effettiv għat-tnedija mill-ġdid tar- Roadmap (kondizzjoni neċessarja għall-ħolqien ta’ Stat Palestinjan) l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-Kummissjoni għandhom jiftehmu l-pożizzjonijiet tagħhom fuq kwistjonijiet ewlenin biex iżidu l-impatt tal-messaġġi tagħna. Ftehim bħal dan għandu jiddefinixxi b’mod partikolari strateġija ta’ l-UE fil-każ li jieqaf il-progress minħabba, per eżempju, tintemm il-kalma u l-ġlied mill-ġdid, in-nuqqas ta’ progress fuq is-sitt punti konġunti indikati mill-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett James Wolfensohn, it-tkomplija tal-firxa ta’ l-attività ta’ l-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent jew l-effetti tal-Ħajt ta’ Separazzjoni. Ikun jeħtieġ ukoll koordinament aħjar ta’ l-għajnuna. B'dan quddiemha, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex: - japprova l-għanijiet u l-prijoritajiet imsemmija f’din il-Komunikazzjoni fuq il-bażi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea; - jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tipprepara, fuq il-bażi ta’ din il-Komunikazzjoni, Dokument ta’ Strateġija tal-Pajjiż għall-appoġġ tal-Komunità għax-Xatt tal-Punent u tal-Medda ta’ Gaża u Programm Multi Annwali Nazzjonali Indikattiv għax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża; - biex jaqbel fuq mekkaniżmi aħjar għall-koordinament ta’ azzjonijiet ta’ l-UE, li jirriflettu l-proposta tal-Kummissjoni biex taġixxi bħala ‘ċentru għall-ġbir u l-iskambju ta’ l-informazzjoni’ għall-koordinament biex jiżdied l-impatt ta’ l-għajnuna finanzjarja ta’ l-UE; - jikkonferma l-għan tan-negozjati ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma’ l-Awtorità Palestinjana u jaħdem biex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju, inkluż it-twaqqif ta’ strutturi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Madwar; u jitlob assigurazzjonijiet mill-Iżrael fuq ir-rikonoxximent tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Proviżorju; Il-Kummissjoni tistieden l-Awtorità tal-Baġit biex: - Teżamina l-ħtieġa, fuq il-bażi tal-proposti mill-Kummissjoni, biex iżżid l-għajnuna finanzjarja lill-Palestinjani matul perjodu bejn l-2006 sa 2008 fil-kuntest tal-pjan ta’ l-iżvilupp Palestinjan ta’ tliet snin imħabbar mill-Mibgħut Speċjali tal-Kwartett. [1] The Paris Protocol on Economic Relations was signed in Paris on 29 April 1994 and it outlines key economic responsibilities for the PA and Israel. [2] “Livelli għoljin ta’ għanjuna tad-donaturi ma jistgħux jissostitwixxu ambjent ekonomiku pożittiv jekk, u biss jekk, il-partijiet jieħdu biżżejjed passi biex ipoġġu l-ekonomija lura fuq triq lejn tkabbir sostenibbli, li konferenza dwar il-finanzjament mid-donaturi tkun ġġustifikata.” Staġnar jew Qawmien? L-Irtirar Iżraeljan u l-Prospetti Ekonomiċi Palestinjani, il-Bank Dinji, Diċembru 2004. endorse the objectives and priorities set out in this Communication as the basis of European Community action; - note the Commission’s intentio n to prepare, on the basis of this Communication, a Country Strategy Paper for Community support to the West Bank and Gaza Strip and a Multi Annual National Indicative Programme for the West Bank and Gaza Strip; - examine the need, on the basis of proposals from the Commission (i) to increase Community financial assistance to the Palestinians over the period 2006 to 2008 in light of the three year Palestinian development plan announced by Quartet Special Envoy and (ii) to agree better mechanisms for coordina tion of EU actions, reflecting the Commission proposal to act as a ‘clearing house’ for coordination in order to increase the impact of EU financial assistance; - confirm the objective of th e negotiation of an Association Agreement with the Palestinian Auth ority and work to ensure the full implementation of the EC - PLO Interim Association Agreement, including establishing the structures necessary to implement the European Neighbourhood Policy Action Plan; and seek assurances from Israel on recognition of the Interim Association Agreement;