This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52005DC0428
Report from the Commission - First report on the implementation of regulation (EC) 2320/2002 on civil aviation security
Report from the Commission - First report on the implementation of regulation (EC) 2320/2002 on civil aviation security
Report from the Commission - First report on the implementation of regulation (EC) 2320/2002 on civil aviation security
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 22.09.2005 KUMM(2005) 428 finali RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT 2320/2002 DWAR IS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI ĊIVILI RAPPORT TAL-KUMMISSJONI DWAR L-EWWEL RAPPORT DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT 2320/2002 DWAR IS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI ĊIVILI (Test b’relevanza għall-EEA) SINTEŻI EŻEKUTTIVA 1. Dan ir-rapport jirrispondi għall-esiġenzi ta' rapport anwali tal-Kummissjoni dwar id-dħul fis-seħħ ta' regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà ta' l-ajru fi ħdan il-Komunità, u huwa bbażat fuq il-konklużjonijiet ta' spezzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni. 2. Ir-Regolament 2320/2002 daħal fis-seħħ fid-19 ta' Jannar 2003; l-Istati Membri kellhom jadottaw il-programmi nazzjonali tagħhom ta' kontroll tal-kwalità qabel id-19 ta' Lulju 2003. 3. L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni bdew fi Frar ta' l-2004 u 43 spezzjoni tal-Kummissjoni twettqu minn dak iż-żmien (sat-30 ta' Ġunju 2005) 4. Abbażi ta' dan, ir-rapport jgħid li l-livell ta' sigurtà fl-ajruporti ta' l-Unjoni Ewropea issaħħaħ b'mod għaqli permezz ta' l-istabbiliment tar-regolamentazzjoni Komunitarja. L-effett kumplessiv tad-dħul fis-seħħ ta' standards Ewropej ta' sigurtà u ta' diversi azzjonijiet ta' kontroll tal-kwalità, bl-inklużjoni ta' l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, ppermetta wkoll l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri wara l-ħdax ta' Settembru 2001. 5. L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-ajruporti huma għodda effikaċi ħafna sabiex tiġi vverifikata l-applikazzjoni tajba tar-regolamentazzjoni Komunitarja u sabiex tinkoraġġixxi kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-operaturi tat-trasport bl-ajru sabiex jieħdu l-miżuri f'dan ir-rigward. Ir-rapport josserva li ukoll jekk ir-rekwiżiti essenzjali huma applikati tajjeb, għadu meħtieġ li jsir xi titjib. Il-Kummissjoni trid tkompli taqdi dmirha bħala l-istimulatur ta' l-Istati Membri u ta' l-operaturi tat-trasport bl-ajru. 6. Ir-rapport fl-aħħar mill-aħħar jenfasizza li t-titjib fil-qasam regolamentarju huwa wkoll mixtieq. B'konsegwenza, proposta għall-emendar tar-Regolament 2320/2002 ssegwi r-rapport. 1. DAħLA Wara l-ġrajjiet traġiċi tal-11 ta' Settembru 2001, laqgħa ta' emerġenza tal-Kunsill tat-Trasport ta' l-UE seħħet fl-14 ta' Settembru 2001. Il-Kummissjoni u l-Ministri tat-Trasport ta' l-Istati Membri kkonkludew li kien meħtieġ, fost affarijiet oħra, li jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri essenzjali fir-rigward tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni li kienu ġew żviluppati bħala rakkomandazzjonijiet mill-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili (ECAC)[1] mill-1989. Fuq il-bażi ta' din il-konklużjoni ta' politika, fl-10 ta' Ottubru 2001 il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva għal Regolament ta' qafas tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili[2]. Din il-proposta ġiet finalment adottata fis-16 ta' Diċembru 2002 permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni[3]. Daħal fis-seħħ fid-19 ta' Jannar 2003. L-Artikolu 11 tar-Regolament jgħid li Soġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001[4], il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni fil-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-avjazzjoni ċivili, billi joħorġu konklużjonijiet mir-rapporti ta' spezzjoni. Minħabba li spezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili bdew kmieni fl-2004 dan huwa, għalhekk, ir-rapport ta' l-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' l-elementi kollha tar-Regolament (KE) 2320/2002. 2. IL-QAFAS REGOLAMENTARJU L-ġDID GħAS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI ċIVILI 2.1. Il-kontenut tar-Regolament 2320/2002 L-istandards ta' sigurtà jsiru obligatorji; huma ddefiniti rwoli speċifiċi għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni. 2.1.1. Dispożizzjonijiet obbligatorji Bħala l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, ir-Regolament (KE) 2320/2002 fl-istess ħin kien maħsub biex jindirizza diversi kwistjonijiet. L-ewwel nett, ir-regolament jidentifika d-dispożizzjonijiet prinċipali u l-istandards komuni li jsostnu l-istrateġija Komunitarja għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili. Hemm speċjalment anness dettaljat li jistipula r-rekwiżiti tekniċi tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni li għandhom jiġu koperti mir-regoli Komunitarji. Dawn id-dispożizzjonijiet saru applikabbli fid-19 ta' Jannar 2003. Il-leġiżlazzjoni tapplika bis-sħiħ għal kważi madwar 700 ajruport ta' l-avjazzjoni ċivili fi ħdan il-Komunità Ewropea wara t-tkabbir, minbarra l-iżgħar fosthom. Ajruporti żgħar m'għandhomx eżenzjoni ġenerali milli japplikaw il-proċeduri tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni. Minflok, kull Stat Membru jista' jadotta livelli ta' sigurtà li huma differenti minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda biss fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet tar-riskji lokali. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tistipula standards komuni bażiċi, tippermetti wkoll li Stati Membri (jew ajruporti individwali) japplikaw standards ogħla. Minħabba l-livell varjabbli ta' attakki terroristiċi, ajruporti jew linji ta' l-ajru speċifiċi għandhom ikollhom dejjem il-possibiltà li jżidu s-sigurtà kull meta evalwazzjonijiet oġġettivi tar-riskji jissuġġerixxu li azzjoni bħal din hija meħtieġa, sew jekk temporanja kif ukoll fuq bażi permanenti. Barra minn hekk, ir-Regolament 2320/2002 ħoloq Kumitat (permezz tar-regoli standard ta' komitoloġija stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KEE[5]) li ppermetta l-iżvilupp mgħaġġel ta' rekwiżiti tekniċi armonizzati aktar dettaljati fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili, kif u meta hu meħtieġ. 2.1.2. Il-funzjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni Il-leġiżlazzjoni tal-KE dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili tindirizza qabel kollox, lill-Istati Membri. Ir-Regolament ta' Qafas jobbliga kull wieħed minnhom li jkollu Programm Nazzjonali ta' Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ċivili, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' l-istandards komuni stipulati fl-Anness għar-Regolament. Kull Stat Membru għandu wkoll jassigura l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-programm nazzjonali ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili tiegħu. Dan huwa rekwiżit ewlieni għall-kontroll effettiv ta' l-applikazzjoni tajba tar-Regolament 2320/2002. Ir-Regolament jawtorizza lill-Kummissjoni tissorvelja l-applikazzjoni ta' l-Istati Membri tar-Regolament u, partikolarment, li jagħmlu spezzjonijiet[6] ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ta' kampjun xieraq ta' ajruport sabiex jassiguraw aderenza mar-regoli Komunitarji dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni. 2.1.3. Xogħol Komunitarju Leġiżlattiv li sar sa Lulju 2005 fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tar-Regolament 2320/2002 Total ta' seba' Regolamenti tal-Kummissjoni ġew adottati s'issa, sabiex jikkomplimentaw ir-Regolament 2320/2002 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2003 li jistabbilixxi l-miżuri sabiex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni [7] daħal fis-seħħ fid-19 ta' April 2003. Dan ir-Regolament iżid rekwiżiti aktar dettaljati dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni sabiex jikkomplementa r-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament ta' qafas. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE)Nru 1217/2003 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni għal programmi ta’ kontroll ta’ kwalità għas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili [8] daħal fis-seħħ fit-28 ta' Lulju 2003. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nu 1486/2003 li jistabbilixxi proċeduri sabiex jitmexxew spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurta' ta’ l-avjazzjoni ċivili[9] daħal fis-seħħ fit-12 ta' Settembru 2003. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 68/2004[10], li daħal fis-seħħ fil-5 ta' Frar 2004, kien l-ewwel emenda għar-Regolament 622/2003 u jżid rekwiżiti ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni aktar dettaljati li jikkomplimentaw ir-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament ta' qafas, speċifikament fir-rigward ta' oġġetti pprojbiti . Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1138/2004 li jistabilixxi definizzjoni komuni ta’ partijiet kritiċi ta’ żoni ristretti ta’ sigurtà fl-ajruporti[11] daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2004. Dan ir-regolament jesiġi li fi żmien ħames snin, u fi tliet fażijiet, l- istaff kollu ta' l-ajruporti li jiġu f'kuntatt ma' passiġġieri u bagalji li ġew "screened" huma nfushom ikunu ġew "screened". L-ewwel fażi, għall-istaff fil-bini tat-terminals ta' l-ajruport, saret effettiva immedjatament ma' l-adozzjoni tar-Regolament. Il-perjodu ta' ħames snin, li jista' jidher ġeneruż, jirrifletti obbligu stipulat fir-Regolament 2320/2002. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 781/2005[12], kien it-tieni emenda għar-Regolament għar-Regolament 622/2003 u jżid rekwiżiti ta' sigurtà ta' l-avjazzjoni aktar dettaljati li jikkomplimentaw ir-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament ta' qafas, speċifikament fir-rigward ta' standards ta' rendiment għall-magni ta' l-"x-ray" li jintużaw għal raġunijiet ta' sigurtà fl-ajruporti ta' l-UE. Jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2006. Huwa fil-ħsieb il-Kummissjoni li tinkludi fir-Regolament 622/2003 standards ta' rendiment għat-tipi kollha ewlenin ta' tagħmir ta' sigurtà li jintużaw fl-ajruporti ta' l-UE. Standards ta' rendiment bħal dawn jiżguraw standard bażiku għal tagħmir bħal dan li jintuża ma' l-UE kollha kemm hi u se jippermettu wkoll lill-ispetturi ta' l-UE li jkollhom mezz oġġettiv li bih jistgħu jkejlu jekk tagħmir ta' sigurtà fl-ajruport jaħdimx tajjeb biżżejjed jew le. Ir-Reglament tal-Kummissjoni (KE) 857/2005[13], kien it-tielet emenda għar-Regolament 622/2003 u jżid rekwiżiti aktar dettaljati tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni fir-rigward tat- tiftix bl-idejn fuq il-passiġġieri. Fil-każ tar-Regolament 781/2005 u 857/2005, ta' min wieħed jinnota li dawn twieldu parzjalment mir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni f'ajruporti ta' l-UE, fejn spetturi tal-Kummissjoni ġibdu l-attenzjoni għan-nuqqasijiet u d-dgħufiji fil-leġiżlazzjoni eżistenti. F'dan ir-rigward, reazzjonijiet mill-ispetturi tal-Kummissjoni u analiżi tar-riżultati ta' spezzjoni mill-Kummissjoni se jkunu għodda ewlenija sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ta' l-UE fuq is-sigurtà ta' l-avjazzjoni hija sinifikanti, filwaqt li l-proċess ta' komitoloġija huwa l-forum it-tajjeb sabiex emendi tekniċi (u sensittivi mil-lat ta' sigurtà) jkunu jistgħu jiġu diskussi fid-dettall u adottati malajr. Ukoll, inizjattiva waħda importanti li ġiet konkluża fl-2004 kienet l-istudju ffinanzjat mill-Kummissjoni dwar il- finanzjament ta' miżuri tas-sigurtà fl-avjazzjoni. Dan tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-websajt tal-Kummissjoni u jista' jinsab f' http://europa.eu.int/comm/transport/air/safety/studies_en.htm Huwa fi ħsieb il-Kummissjoni li tinkorpora r-riżultati ta' l-istudju fattwali bħala parti minn Komunikazzjoni usa' li tenfasizza l-kwistjoni ta' finanzjament tas-sigurtà għall-mezzi kollha tat-trasport. Il-Komunikazzjoni hija skedata għall-pubblikazzjoni fit-tieni nofs ta' l-2005. 3. TAGħLIMIET X'WIEħED JISLET MILL-ISPEZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI FL-2004/2005 3.1. L-ispezzjonijiet Il-programm ta' spezzjonijiet tal-Kummissjoni ppermetta li jitwettqu 43 spezzjoni bejn Frar 2004 u Ġunju 2005 (ara l-anness 1) li minnhom 27 saru fl-2004 u 16 matul l-ewwel sitt xhur ta' l-2005. Fit-30 ta' Lulju 2005, 23 Stat Membru kienu diġà ġew spezzjonati mill-inqas darba mill-Kummissjoni L-Istati Membri kollha ta' l-UE 15 kienu ġew spezzjonati għall-inqas darba fl-2004. L-ispezzjonijiet kienu estiżi għall-għaxar Stati Membri wara Diċembru 2004. 3.1.1. Spezzjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali L-għan ta' l-ispezzjonijiet ta' l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu ħsieb is-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili huwa li jaċċertaw li l-Istati Membri kollha japplikaw, jew jiżguraw li jiġu applikati, l-obbligi Komunitarji kollha li ttieħdu fil-programm nazzjonali tal-kontroll tal-kwalità[14], il-programm nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili[15], il-programmi ta' sigurtà ta' l-ajruporti u tat-trasportaturi bl-ajru[16] u l-programm nazzjonali tat-taħriġ[17]. Ingħatat wkoll attenzjoni partikolari għall-attivitajiet ta' kontroll li għamlu l-Istati Membri nfushom fl-ajruporti fit-territorju tagħhom. Sa l-aħħar ta' Ġunju 2005, 14-il awtorità nazzjonali kienu ġew spezzjonati. Joħorġu dawn il-konklużjonijiet ewlenin mill-ispezzjonijiet: - Il-programmi nazzjonali tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili ġew adottati formalment mill-Istati Membri u l-kontentut tagħhom jikkonforma globalment mar-rekwiżiti Komunitarji; f'dan iż-żmien, ċerti Stati Membri ntalbu li jiġu f'konformità sħiħa mar-rekwiżiti Komunitarji. - Il-programmi nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità kienu ġew adottati fil-maġġoranza kbira ħafna tal-pajjiżi. Madankollu, l-ispezzjonijiet ta' żewġ Stati Membri li ma kinux għadhom adottaw il-programm ta' kontroll tal-kwalità kellhom jiġu rrappurtati; infetħu proċeduri ta' ksur kontra dawn l-Istati. Il-kontenut tagħhom huwa ġeneralment konformi mar-rekwiżiti Komunitarji u fit-triq it-tajba li jikkonformaw bis-sħiħ. Pereżempju, is-setgħat ta' esekuzzjoni mogħtija dejjem ingħataw lill-awtorità kompetenti; f'pajjiż wieħed biss, dawn is-setgħat tqiesu li ma ġewx stabbiliti kif meħtieġ. - Il-validazzjoni tal-programmi tas-sigurtà ta' l-ajruporti inbdiet b'mod sodisfaċenti. - Il-validazzjoni tal-programmi ta' sigurtà tal-kumpaniji ta' l-ajru inbdiet l-ewwel għall-kumpaniji li l-liċenzja tagħhom inħarġet mill-Istat spezzjonat. - L-iżviluppi u d-dħul fis-seħħ tal-programmi nazzjonali tat-taħriġ għas-sigurtà huma, kollox ma' kollox, sodisfaċenti, ukoll jekk ċerti dettalji rrikjedew tibdil. - L-iskrining tal-passiġġieri ta' trasferiment li ġejjin minn pajjiżi terzi u tal-bagalji tagħhom, irid jittejjeb f'ċerti Stati Membri. - Ir-rekwiżiti marbuta mal-metodoloġija komuni għall-kontrolli nazzjonali (jekk hux għall-għarrieda jew le, in-natura tal-kontroll, il-klassifikazzjoni tar-riżultati) huma relattivament applikati tajjeb fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri. Madankollu, minħabba armonizzazzjoni insuffiċjenti, ma jista' jsir l-ebda paragun Ewropew tar-riżultati ta' l-attivitajiet nazzjonali tal-kontrolli; il-kwistjoni dwar l-issikkar tar-rekwiżiti trid għalhekk tiġi eżaminata. - In-numru u n-natura ta' l-ispezzjonijiet li jsiru mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jvarjaw b'mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor. Ċerti awtoritajiet nazzjonali ma jużawx il-kompetenza li ngħatatilhom li jagħmlu t-testijiet jew simulazzjonijiet ta' atti illegali sabiex jaraw kemm huma effikaċi l-miżuri eżistenti. L-iktar li nstab huwa li l-attivitajiet ta' kontroll m'humiex regolari biżżejjed sabiex ikunu kompletament effikaċi. - F'aktar minn nofs l-Istati Membri spezzjonati, in-numru ta' spetturi nazzjonali (full-tajm jew part-tajm) tqies bħala insuffiċjenti sabiex ir-responsabbiltajiet li ngħataw lill-awtorità nazzjonali kompetenti jitwettqu. - Ir-rendiment tal-proċess ta' rettifika, jiġifieri kemm in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti malajr, huwa varjabbli; sanzjonijiet finanzjarji jintużaw minn żmien għall-ieħor minn ċerti Stati Membri, u dan huwa stimulu qawwi. 3.1.2. Spezzjonijiet ta' kampjun adegwat ta' ajruporti Total ta' 29 spezzjoni ta' ajruporti fi 22 Stat Membru twettqu bejn Frar 2004 u Ġunju 2005[18] Il-kampjun spezzjonat intgħażel fuq bażi oġġettiva (id-dimensjoni u l-istruttura ta' l-ajruport, il-livell ta' traffiku, in-numru ta' kumpaniji ta' l-ajru preżenti fuq il-pjattaforma, il-bilanċ ġeografiku) u aleatorja. Jinkludi b'mod partikolari: - 11-il spezzjoni ta' ajruporti bi traffiku għola minn 10 miljun passiġġier fis-sena, inklużi diversi ajruporti li huma fost l-akbar fl-Ewropa; - 13-il spezzjoni ta' ajruporti li għandhom traffiku ta' bejn 1 u 10 miljun passiġġier, li minnhom 2 ajruporti bi traffiku staġjonali qawwi fin-Nofsinhar ta' l-Ewropa; - Spezzjoni ta' ajruport ta' anqas minn miljun passiġġier; - Spezzjoni ta' ajruport reġjonali żgħir - Tliet spezzjonijiet ta' ajruporti li fil-biċċa l-kbira jieħdu ħsieb it-tagħbija fost l-10 l-aktar importanti. Fir-rigward ta' l-istandards obbligatorji li huma marbuta bihom l-operaturi, il-livell ta' sigurtà fl-Unjoni Ewropea huwa globalment għoli ħafna, avolja m'huwiex uniformi. Ir-rekwiżiti komuni essenzjali, bħal per eżempju il-ħtieġa li jiġu "screened" il-100% tal-passiġġieri u l-bagalji tal-kabina tagħhom, kif ukoll il-bagali tagħhom ta' l-istiva, huma ġeneralment applikati tajjeb. Dan juri progress sinifikanti meta mqabbel ma' kif kienet is-sitwazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2320/2002. Madankollu, jidher mill-ispezzjonijiet li għadu meħtieġ it-titjib u li għadhom jeżistu nuqqasijiet ma' ċerti rekwiżiti tar-Regolament 2320/2002. Kollox ma' kollox, ċerti nuqqasijiet instabu li huma preżenti kemm-il darba f'diversi ajruporti. Pereżempju, l-iskrining ta' l-istaff wera varjazzjonijiet notevoli fit-twettiq ta' kontrolli bħal dawn. Wieħed jista' jistenna armonizzazzjoni u titjib sinifikanti ta' l-istandards ta' sigurtà f'dan il-qasam mad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2006 tat-tieni fażi prevista fir-Regolament 1138/2004 li tesiġi l-iskrining ta' l-istaff kollu li dieħel fi kwalunkwe żona li għaliha għandhom aċċess passiġġieri li għaddew mill-iskrining. Minbarra dan, nuqqas ta' armonizzazzjoni f'ċerti rekwiżiti tekniċi għat-tagħmir ta' sigurtà ġie identifikat bħala konsegwenza tat-testijiet li twettqu matul l-ispezzjonijiet. Leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni qed titħejja u l-ewwel Regolament li jassigura standards armonizzati għal tagħmir "x-ray" diġà kien adottat fl-24 ta' Mejju 2005[19]. Finalment, ċerti nuqqasijiet fiż-żoni ta' kontroll ta' aċċess għal żoni ristretti ta' sigurtà ġew identifikati. Tnedew proċessi rapidi ta' rettifika sabiex jindirizzaw din il-problema. Bl-istess mod, ir-rendiment tal-kumpaniji ta' l-ajru mhux dejjem omoġenu, u ċerti kumpaniji josservaw ir-rekwiżiti aktar milli josservawhom oħrajn. Partikolarment, il-kontrolli u l-protezzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru jridu jittejbu. Ġew osservati wkoll prassi mhux konformi għas-sigurtà tat-tagħbija, fejn strateġija komuni aktar armonizzata tidher li hija meħtieġa ferm. Finalment, ċerti dispożizzjonijiet tar-regolamenti xi drabi jitqiesu bħala mhux ċari biżżejjed f'għajnejn l-operaturi kkonċernati. Mekkaniżmi interni ta' kontroll tal-kwalità mill-operaturi tat-trasport bl-ajru, notevolment awtoritajiet ta' l-ajruporti, trasportaturi bl-ajru u ġestjonarji tat-tagħbija, se jippermettu lil dawn l-operaturi li jkejlu r-rendiment tagħhom infushom fir-rigward tas-sigurtà u l-konformità tagħhom ma' l-istandards Ewropej. L-Istati Membri, li fetħitilhom għajnejhom il-Kummissjoni, għandhom għalhekk jagħtu każ partikolari sabiex dawn in-nuqqasijiet ma jibqgħux jiġru. Jekk dan ma jsirx, il-Kummissjoni tutilizza d-dritt ta' azzjoni skond it-Trattat. 3.2. Proċess ta' rettifika Ir-rettifika tan-nuqqasijiet fir-rigward tar-regoli Komunitarji hija ċarament l-għan immedjat imfittex mill-Kummissjoni Il-Kummissjoni ħadet pjaċir li l-Istati Membri laqgħu tajjeb ir-rapporti ta' l-ispezzjonijiet, li r-riżultati tagħhom ġew ikkontestati biss marġinalment. Għadu kmieni f'dan il-waqt biex wieħed jevalwa r-rendiment tal-proċess ta' rettifika tan-nuqqasijiet ta' konformità li nstabu matul l-ispezzjonijiet. Madankollu, jidher li r-ritmu tal-korrezzjonijiet attwali tgħaġġel partikolarment matul il-perjodu ta' referenza, u dan jikkonferma li l-istabbiliment ta' reġim ta' spezzjoni Komunitarju għas-sigurtà ta' l-avjazzjoni huwa partikolarment utli. 4. KONKLUżJONIJIET ĠENERALI Il-proċess ta' spezzjoni u l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni permezz tal-komitoloġija ppermettew l-politika u l-prassi fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni jimxu fl-istess direzzjoni. Din l-istrateġija tippermetti li l-livell ta' sigurtà ssaħħaħ b'mod sensibbli u li llum huwa mixtieq li r-Regolament 2320/2002 jiġi rivedut. 4.1. Il-livell ta' sigurtà ssaħħaħ L-ispezzjonijiet kienu partikolarment utli peress li ppermettew li l-leġiżlazzjoni tiġi eżaminata oġġettivament F'dan ir-rigward jista' jiġi konkluż li, ġeneralment, ir-Regolament 2320/2002 komplessivament mal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni assoċjata miegħu qed jgħin biex jiġi żgurat livell sodisfaċenti ta' sigurtà fl-UE kollha. Fin-nuqqas ta' dettalji dwar il-livell reali ta' sigurtà qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa ċertament diffiċli li jitkejjel il-progress magħmul f'kull wieħed mill-Istati Membri u fl-ajruporti spezzjonati Minkejja numru ta' oqsma ta' nuqqasijiet ta' konformità li nstabu ripetutament matul spezzjonijiet li saru fuq ajruporti Komunitarji, wieħed jista' jikkonkludi li l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni Komunitarja li torbot, fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni kkontribwiet għal titjib sinifikanti tal-ħarsien taċ-ċittadini Ewropej minn atti ta' intereferenza illegali kontra l-avjazzjoni ċivili. Minħabba l-kombinazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' programmi nazzjonali ta' verifika u ta' l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, it-territorju ta' l-Unjoni Ewropea huwa l-aktar reġjun spezzjonat fid-dinja, kemm f'termini ta' konċentrazzjoni kif ukoll ta' frekwenza. Is-sistema legali eżistenti, li tinkludi s-setgħa li jiġi żgurat l-infurzar xieraq tar-regoli, kif ukoll rekwiżiti legali li huma aktar stretti mill-obbligi u r-rakkomandazzjoniiet stipulati fl-Anness 17 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Avjazzjoni Ċivili tippermetti l-konklużjoni li l-kwalità tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni fl-UE tkun minn ta' quddiem fil-kuntest globali. Il-Kummissjoni biħsiebha ssegwi l-eżerċizzju tal-kompetenza l-ġdida tagħha fir-rigward ta' l-ispezzjonijiet. Ir-rendiment ta' l-awtoritajiet nazzjonali f'termini ta' segwitu regolari ta' l-ajruporti u tat-trasportaturi bl-ajru u f'termini ta' rettifika mgħaġġla tan-nuqqasijiet li jinsabu fil-kontrolli nazzjonali iridu jingħataw attenzjoni partikolari. Irid jikber ukoll il-kampjun ta' ajruporti spezzjonati: l-Istati Membri kollha iridu jiġu spezzjonati bi frekwenza xierqa adattata b'ċerta prijorità għal dawk li fihom is-servizzi ta' l-ajru huma l-ogħla, fejn il-politika ta' sigurtà għadha reċenti u fejn insabu n-nuqqasijiet. 4.2. Il-ħtieġa li jiġi żviluppat mill-ġdid ir-Regolament 2320/2002 Kollox ma' kollha għad hemm lok għat-titjib tal-ħarsien taċ-ċittadini Ewropew, mingħajr ma jiġu kompromessi l-interessi leġittimi ta' l-operaturi fl-iffaċilitar tal-proċeduri ta' sigurtà fl-ajruporti Ewropej permezz ta' l-iżvilupp tar-Regolament ta' qafas (KE) 2320/2002 kif ukoll numru ta' regoli ta' implimentazzjoni. Dan it-titjib għandu jikkontribwixxi partikolarment għal rendiment ogħla tas-sistema kollha kemm hi. Dan it-titjib, li ġie enfasizzat bħala parti mill-attività ta' spezzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi indirizzat permezz ta' reviżjoni tar-Regolament 2320/2002. Din ir-reviżjoni hija meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiet differenti marbuta mas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' adattament ta' l-ispeċifikazzjonijiet eżistenti, għall-armonizzazzjoni teknika, għall-kjarifika ta' ċerti dispożizzjonijiet, għat-titjib tal-livell ta' sigurtà u finalment għall-identifikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi. Anness 1. L-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Istati Membri(is-sitwazzjoni sat-30 ta' Ġunju 2005) SM | Numru ta' Spezzjoniiet | Il-Belġju | 2 | Ir-Repubblika Ċeka | 1 | Id-Danimarka | 2 | Il-Ġermanja | 3 | L-Estonja | - | Il-Greċja | 3 | Spanja | 3 | Franza | 3 | L-Irlanda | 2 | L-Italja | 2 | Ċipru | 1 | Il-Latvja | 1 | Il-Litwanja | 1 | Il-Lussemburgu | 2 | l-Ungerija | 1 | Malta | 1 | L-Olanda | 2 | L-Awstrija | 3 | Il-Polonja | 1 | Il-Portugall | 2 | Is-Slovenja | 1 | Is-Slovakkja | - | Il-Finlandja | 2 | L-Iżvezja | 2 | Ir-Renju Unit | 2 | TOTAL: | 43 | [1] Il-Konferenza Ewropea dwar l-Avjazzjoni Ċivili hija magħmula minn 41 Stat Membru (inklużi l-Istati Membri kollha ta' l-UE u l-Istati ta' Adeżjoni) u tistabbilixxi standards volontarji, inklużi standards ta' sigurtà, fl-avjazzjoni. [2] COM (2001) 575 ta' l-10.10.2001 [3] (KE) Nru 2320/2002 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili ĠU L355, tat-30.12.2002, p. 1 [4] Ir-Regolament 1049/2001 huwa dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u jippermetti restrizzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għal informazzjoni sensittiva. Ċerta informazzjoni dwar is-sigurtà ta' l-avjazzjoni hija, ċarament, sensittiva. [5] ĠU L184 tas-17.1.1999, p.23 [6] Storikament vokabularju kemmxejn preċiż li jiddefinixxi l-kontrolli żviluppa fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni u t-termini 'spezzjoni', 'verifika', 'kontroll' u test' għandhom tifsira speċifika ferm. Peress li dan ir-rapport huwa maħsub għal qarrejja li forsi ma jkunux midħla ma din it-terminoloġija teknika u l-varjazzjonijiet sottili li jkun hemm bejn dawn il-kliem speċifiċi, it-terminu 'spezzjoni' se jintuża fid-dokument kollu f'referenzi għat-tipi ta' kontrolli mwettqa [7] ĠU L89 tal-5.4.2003, p.9 [8] ĠU L169 tat-8.7.2003, p.44 [9] ĠU L213 tat-23.8.2003, p.3 [10] ĠU L10 tas-16.1.2004 p.14 [11] ĠU L221 tat-22.6.2004 p.6 [12] ĠU L131 tal-25.5.2005, p.24 [13] ĠU L143 tas-7.6.2005, p.9 [14] Artikolu 5.2 u 7.1 tar-Regolament 2320/2002 u tar-Regolament 1217/2003. [15] L-Artikolu 5.1 tar-Regolament 2320/2002 [16] L-Artikolu 5.4 tar-Regolament 2320/2002 [17] L-Artikolu 5.5 tar-Regolament 2320/2002 [18] li minnhom tliet spezzjonijiet ta' segwitu [19] Ir-Regolament (KE) Nru 781/2005