Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004IE0965

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2004”

ĠU C 302, 7.12.2004, p. 80–85 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2004”

(2004/C 302/17)

Fit-28 ta' Jannar 2004, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jikteb opinjoni skond Regola 29 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu dwar “Ir-relazzjonijiet UE-Turkija qabel il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2004”.

Is-Sezzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni, li kienet responsabbli biex tipprepara x-xogħol tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fis-7 ta' Ġunju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Tom Etty.

Fis-sessjoni plenarja numru 410 tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004(laqgħa ta' l-1 ta' Lulju 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni segwenti, b'166 vot favur, 17 kontra u 28 astensjonijiet:

1.   Sfond

1.1

Il-KESE ilu snin twal isegwi l-iżviluppi fit-Turkija. It-Turkija assoċjat ruħha mal-KESE fl-1963, applikat għall-isħubija fl-1987, u ssieħbet fl-Unjoni Doganali ta' l-UE fl-1995.

1.2

Permezz ta' Kumitat Konsultattiv Konġunt, imwaqqaf mas-soċjeta ċivili organizzata fit-Turkija u li ilu jiffunzjona kif imiss sa mill-1995, il-KESE huwa infurmat sewwa bl-aspirazzjonijiet tal-gruppi b'interessi soċjali u ekonomiċi fit-Turkija fejn tidħol l-isħubija tal-pajjiż tagħhom fl-UE u sinċerament jemmen li s-Summit Ewropew ta' Diċembru 2004 se jkun jista' jikkonkludi li t-Turkija laħqet il-kriterji politiċi ta' Copenhagen tal-1993, u jiddeċiedi li n-negozjati għas-sħubija jistgħu jibdew bla dewmien.

1.3

Il-Kumitat dejjem żamm kont ta' dawn l-aspirazzjonijiet.

1.4

It-Turkija wriet għal diversi deċennji li hija għazlet b'mod inekwivoku li ddawwar r-rotta tagħha lejn l-Ewropa.

1.5

It-Turkija hija stat sekolari li b'maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni tħaddan twemmin Islamiku. Hija tixtieq timxi fuq l-istil demokratiku modern u sekulari. Isservi ta' eżempju importanti ħafna għal dawk il-pajjiżi li għandom popolazzjoni li kważi kollha kemm hi tħaddan it-twemmin Islamiku u li jridu jsaħħu l-istrutturi politiċi tagħhom f'termini ta' sekulariżmu u demokrazija. Is-sħubija tat-Turkija fl-UE tkun turi fejn waslet l-UE f'termini tal-pluraliżmu, l-abilità li tħaddan djalogu bejn il-kulturi u reliġjonijiet, u dwar ir-rwol tagħha fil-promozzjoni tal-paċi u ġustizzja fid-dinja.

1.6

It-Turkija huwa pajjiż demografikament zagħzugħ b'ekonomija li qed tikber b'rata qawwija u li għandha potenzjal kbir. Ikun madankollu inkorrett li titqis biss bħala suq kbir għall-esportazzjoni Ewropea jew bħala żona fejn jista' jsir investiment bi spiża baxxa. It-Turkija żviluppat, fuq medda twila ta' żmien, rwol li min-naħa waħda huwa dak ta' buffer zone, u min-naħa l-oħra bħala pont bejn il-punent u l-lvant, iżda qatt ma waqfet tikkunsidra lilha nnifisha bħala Ewropea. Jekk it-Turkija tirnexxielha ssir membru ta' l-UE, hija tkun tista' tagħti sehem aktar dirett għall-attivitajiet ta' l-UE għall-prevenzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari grazzi għar-relazzjonijiet eċċellenti li tgawdi mar-reġjun ta' l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u ż-żona tal-Golf Għarbi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija huma fil-preżent, u għall-bqija ta' din is-sena ser jibqgħu, dominati mill-kwistjoni dwar jekk jinfetħux in-negozjati dwar l-isħubija. Il-Summit Ewropew ser jieħu deċiżjoni waqt il-laqgħa li ser ikollu f''Diċembru ta' din is-sena.

2.2

Dik id-deċiżjoni ser tkun avveniment deċiżiv wara perjodu ta' aktar minn ħmistax–il sena li matulhom it-Turkija baqgħet tistenna risposta ċara għall-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb ma' l-UE. Il-Kunsill ta' Helsinki ta' Diċembru 1999 poġġa lit-Turkija bħala kandidat għall-isħubija. Il-Kunsill ta' Copenhagen ta' Diċembru 2002 iddeċieda li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tan-negozjati tittieħed fuq bażi tar-riżultat ta' eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni, jekk sa dak iż-żmien it-Turkija tkun laħqet il-kriterji politiċi mfissra f'Copenhagen fl-1993. Hija prekondizzjoni essenzjali li dawk il-kriterji jiġu sodisfatti qabel jingħata l-bidu għat-triq ta' l-isħubija sħiħa.

2.3

Id-deċiżjoni li għandha tittieħed hija ovvjament mhux biss ta' l-akbar importanza għat-Turkija, iżda wkoll għall-UE.

2.4

S'issa, ħareġ riżultat pożittiv mill-analiżi li saret mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress magħmul mit-Turkija. Skond il-Kummissjoni, ir-riżultati tal-proċess ta' riforma kienu partikolarment impressjonanti fl-aħħar sentejn jew tlieta. Madankollu għad jonqos progress sinifikattiv x'jinkiseb fejn tidħol l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà ta' l-espressjoni, ir-rwol ta' l-armata, u d-drittijiet kulturali – ta' l-aħħar specjalment fix-Xlokk tal-pajjiż.

Fl-aktar rapport riċenti tiegħu dwar it-Turkija, il-Parlament Ewropew għamel apprezzament simili. Jikkunsidra li t-Turkija, minkejja l-isforzi kollha li saru s'issa, għadha ma kkonformatx mal-kriterji politiċi ta' Copenhagen. Nuqqasijiet serji jinsabu fil-Kostituzzjoni ta' l-1982 adottata taħt tmexxija militari. Ir-riformi mill-2001 sal-lum għadhom ma neħħewliex il-karattru awtoritarju tagħha. Hemm ukoll tħassib, skond l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-riformi fil-prattika, it-tortura persistenti fl-istazzjonijiet tal-Pulizija, maltrattament ta' l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-minoritajiet (partikolarment tal-Kurdi).

2.5

It-Turkija ma rnexxieliex biss twettaq programm leġislattiv impressjonanti, iżda ħadet ukoll miżuri mportanti biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dawn il-liġijiet ġodda fil-prattika.

2.6

Din l-opinjoni tħejjiet, fost raġunijiet oħra, fuq bażi tax-xogħol imwettaq mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn l-UE u t-Turkija. Dan ippermetta lill-KESE biex jieħu kunsiderazzjoni ta' l-opinjonijiet, aspirazzjonijiet u aspettattivi ta' porzjon sinifikanti tas-soċjetà ċivili Torka.

3.   Osservazzjonijiet Ġenerali

3.1

Irid ikun ċar mill-bidu nett li l-kwistjonijiet kruċjali li l-KESE huwa msejjaħ biex jiddiskuti f'dan iż-żmien partikolari huma bażikament il-kwistjonijiet politiċi tad-demokrazija, is-supremazija tal-liġi, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoritajiet, kif deċiż mill-Kunsill ta' Copenhagen ta' Diċembru ta' l-2002.

3.2

Il-kriterji ekonomiċi u l-acquis ser jiġu diskussi hawnhekk biss sa fejn il-progress magħmul fihom s'issa mit-Turkija jolqot it-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, tas-soċjetà ċivili u tad-demokrazija.

3.3

Il-KESE qies sewwa l-informazzjoni riċenti rilevanti, b'mod partikolari r-Rapport Regolari dwar il-progress tat-Turkija lejn l-isħubija maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għas-sena 2003, ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-Turkija ta' April ta' l-2004 u r-Rapport dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fit-Turkija ta' Diċembru ta' l-2003. Il-Kumitat jikkondividi l-apprezzament ġenerali tal-proċess ta' riforma magħmul f'dawn ir-rapporti. Jikkunsidra li l-valur addizzjonali ta' din l-opinjoni jinsabu fil-veduti dwar il-kriterji politiċi li huma ta' importanza partikolari għall-gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali. Għaldaqstant din l-Opinjoni se tiffoka fuq dawn l-aspetti.

3.4

Għall-KESE, aspetti ta' importanza partikolari fil-kriterji politiċi huma:

ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (b'mod partikolari d-dritt ta' organiżżazzjoni u d-dritt ta' negozjati kollettivi; id-drittijiet tal-mara u id-drittijiet kulturali tal-minoritajiet);

id-demokrazija, b'mod partikolari il-kontribuzzjoni li gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili fil-maġġor parti tagħha jistgħu jagħmlu għall-proċess tad-deċiżjonijiet politiċi;

il-libertà ta' l-espressjoni, il-mezzi ta' xandir ħielsa; u

ir-rwol ta' l-armata fis-soċjetà Torka, b'mod partikolari fil-ħajja ekonomika u soċjali.

3.5

Il-Kunsill ta' Helsinki fl-1999 stqarr biċ-ċar li r-rendiment tar-riformi fit-Turkija ser jitkejjlu kontra l-istess kriterji ta' sħubija applikabbli għall-pajjiżi kandidati l-oħra.

3.6

F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li wħud mill-pajjiżi li magħhom infetħu n-negozjati dwar l-isħubija diversi snin ilu, apparentament ma kienux jilħqu l-kriterji politiċi kollha fil-mument li nfetħu n-negozjati magħhom. F'uħud minnhom għadhom jeżistu diskrepanzi serji minkejja li ssieħbu fl-UE. F'dan ir-rigward wieħed jista' jsemmi elementi importanti bħalma huma l-korruzzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u t-trattament tal-minoritajiet. F'dan l-isfond huwa importanti jingħad li fl-opinjoni tagħna t-Turkija m'għandiex tkun ġudikata biss bl-istess kriterji tal-pajjiżi kandidati l-oħra, iżda wkoll li dawn il-kriterji jiġu applikati magħha bl-istess mod.

3.7

F'Diċembru ta' l-2002, meta l-Kunsill stipula t-terminu biex tittieħed deċiżjoni dwar jekk jinfetħux in-negozjati mat-Turkija jew le, id-deċiżjoni tagħhom setgħet tfisser biss li f'dak il-mument kienu ħassew li t-Turkija kienet għamlet biżżejjed progress biex tkun ġustifikata l-aspetattiva li jekk tagħmel sforz qawwi fl-erbgħa u għoxrin xahar li kien fadal, in-nuqqasijiet li kien għad hemm kienu jintgħelbu. Jekk dan ma kienx il-każ, kien ikun mingħajr sens u inġust li t-Turkija ngħatat din il-perspettiva.

3.7.1

Għall-problemi ewlenin li jifdal, bħalma huma r-rwol ta' l-armata fis-soċjetà u t-trattament tal-minoritajiet, (b'mod partikolari il-Kurdi fix-Xlokk), li għandhom storja kumplikata ta' diversi deċennji, sentejn hu perjodu qasir wisq. Għaldaqstant huwa raġonevoli li wieħed jiddeduċi li l-Kunsill ma assumiex t-Turkija tkun f'pożizzjoni li tilħaq bi sħiħ il-kriterji politiċi sa Diċembru 2004.

3.7.2

Jekk dik hija interpretazzjoni korretta tad-deċiżjoni tal-Kunsill f'Diċembru tal-1992, il-mistoqsija hija kemm progress u fuq liema aspetti ta' l-kriterji politiċi jista' realistikament jiġi mistenni mingħand it-Turkija qabel jistgħu jinbdew in-negozjati.

3.8

Fid-diskussjoni kurrenti dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar sħubija mat-Turkija, issir referenza regolari għall-problema ta' Ċipru. Ir-rwol pożittiv li labgħet it-Turkija biex tinkiseb soluzzjoni, u l-konsegwenti 65 % vot favur l-unifikazzjoni tal-gżira mogħti mill-komunità Ċiprijotta Torka, iridu jittieħdu in konsiderazzjoni. Indubbjament, Ċipru jibqa' kwistjoni ta' importanza kapitali, kemm f'termini ta' prinċipji kif ukoll ta' relatajiet politiċi. Madanakollu, jekk wieħed jimxi fedelment u onestament mad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Copenhagen ta' Diċembru 2002, msemmi fil-para. 1.2., l-UE ma tistax tagħmel is-soluzzjoni dwar il-problema ta' Ċipru bħala kundizzjoni ġdida għall-ftuħ tan-negozjati għaliex dan ikun ifisser li qed tiġi stabbilita kundizzjoni supplimentari ex post.

4.   Rimarki speċifiċi

4.1   Drittijiet tal-bniedem

4.1.1

Il-gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali jinsabu profondament involuti fil-kwistjonijiet relatati mad-dritt ta' l-organiżżazzjoni u d-dritt ta' negozjati kollettivi, imnaqqxa fil-Konvenzjonijiet ta' l-ILO numri 87 u 98, u fil-Karta Soċjali Ewropea. It-Turkija rratifikat iz-zewġ konvenzjonijiet ta' l-ILO u hija firmatarja għall-Karta Soċjali Ewropea. Hija żammet riżerva fuq l-Artikoli 5 (dritt ta' organizzazzjoni) u 6 (dritt ta' negozjati kollettivi, dritt għall-istrajk) tal-Karta.

4.1.2

Fl-aħħar żewġ deċennji, u b'mod partikolari bħala konsegwenza tal-kolp militari ta' l-istat ta' Settembru 1980, seħħ ksur serju ta' dawn id-drittijiet. Ir-reġim militari sa wasal li jikteb numru ta' vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet fundamentali tat-trade unions fil-Kostituzzjoni ta' l-1982.

4.1.3

Numru sostanzjali minn dawn l-artiklu u biċċiet ta' leġislazzjoni kienu emendati reċentement.

4.1.4

Madankollu, għadhom jeżistu devjazzjonijiet importanti mill-Konvenzjonijiet fundamentali ta' l-ILO. B'mod partikolari, Article 54 tal-Kostituzzjoni għad fiħ restrizzjonijiet dettaljati tad-dritt għall-istrajk. Artikolu 51 tal-Kostituzzjoni, li tistabbilixxi pre-kondizzjonijiet għall-elezzjoni ta' uffiċjali tat-trade unions, ġie emendat sabiex jiġi konformi mal-Konvenzjoni ta' l-ILO numru 87. Huma fil-kors li jiġu implimentati inizzjattivi biex jiġu emendati provvedimenti simili fl-Att numru 2821 dwar it-trade unions u l-Att numru 2822 dwar il-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol, l-iSrajkijiet u l-lock-outs. Madankollu skond ir-Rapport għall-2004 tal-Kumitat ta' l-Esperti dwar Konvenzjonijiet Ratifikati ta' l-ILO lill-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, il-Gvern riċentement fetaħ proċeduri fil-Qorti bbażati fuq din il-liġi kontra d-DISK, waħda mil-konfederazzjonijiet tat-trade unions rappreżentata fil-Kumitat Konsultattiv Konġunt bejn l-UE u t-Turkija.

4.1.5

Għal aktar minn għoxrin sena, il-korpi ta' superviżjoni ta' l-ILO (il-Kumitat Indipendenti ta' Esperti dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet, il-Kumitat tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll il-Kumtiat tal-Korp Governattiv dwar il-Libertà ta' l-Assoċjazzjoni) ikkritikaw bl-aħrax dawn il-vjolazzjonijiet u semmew kif it-Turkija għandha twaqqafhom. L-azzjonijiet ta' Gvernijiet Torok suċċessivi biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni kienu deludenti u sfortunatament għad hemm nuqqas ta' sinjali ta' titjib.

4.1.6

Rapport dwar id-Djalogu Soċjali u d-Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali fit-Turkija, preparat għat-tnax il-laqgħa tal-KKK UE-Turkija (1), issottolinea b'mod partikolari r-restrizzjonijiiet tad-dritt ta' l-organizzazzjoni u d-dritt ta' l-istrajk fis-settur pubbliku. Minkejja diversi riformi fil-leġislazzjoni dwar it-trade unions u r-relazzjonijiet industrijali, dawn, sfortunatament, għadhom jippersistu sal-lum.

4.1.7

Dwar id-dritt ta' organizzazzjoni fil-forma ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), jeżistu restrizzjonijiet legali fil-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet, dwar kif wieħed isir membru, il-ġbir tal-fondi u l-iskop ta' l-attivitajiet. Fil-prattika, it-tħaddim ta' dawn l-organizzazzjonijiet huwa ta' spiss serjament ostakolat. NGOs kkunsidrati li jieħdu pożizzjoni paċifika kontra l-gvern huma konfrontati b'infiltrazzjoni, sorveljanza stretta, ċensura, eċċ.

4.1.8

Fondazzjonijiet ta' minoratijiet (reliġjużi) huma ffaċċjati b'diffikoltajiet partikolari fejn tidħol id-dritt tal-proprjetà. Il-Gvern donnu dispost jirrimedja dawn ir-restrizzjonijiet biex jippermetihom l-libertà ta' l-azzjoni. Ġie mwiegħed titjib għar-Rebbiegħa ta' l-2004, iżda dawn s'issa għadhom ma sarux.

4.1.8.1

Komplew jeżistu problemi serji dwar it-taħriġ reliġjuż tal-minoritajiet, b'mod partikolari il-kleru Grieg ortodoss. Il-kulleġġ teoloġiku ta' Halki ilu magħluq għal aktar minn tletin sena.

4.1.9

Fir-rigward tad-drittijiet tal-mara, il-Kumitat jinnota diversi difetti serji minkejja li t-Turkija rratifikat il-Konvenzjoni fundamentali ta' l-ILO fuq Paga Ugwali (Nru 100) u fuq Diskriminazzjoni (Impieg u Xogħol) (Nru 111). Il-Konvenzjonijiet huma implimentati fil-liġi b'ċertu eċċezzjonijiet (per eżempju, għad hemm ostakoli legali biex in-nisa jkollhom aċċess għal ċertu impjiegi). L-implimentazzjoni, madankollu, fil-prattika turi diversi nuqqasijiet, per eżempju fejn jidħol il-ħlas indaqs għall-istess xogħol bejn persuni bl-istess kwalifiki u l-aċċess għal ċerti tipi ta' impjiegi ta' kwalità. Jeżistu problemi simili f'ħafna Stati Membri ta' l-UE.

4.1.9.1

Barra minn hekk punt ta' tħassib huwa l-problema ta' networks kriminali b'saħħithom li jħaddmu prostituzzjoni forzata kif ukoll it-traffikar internazzjonali tan-nisa, tfajliet u subien u organi.

4.1.10

Minkejja l-bidliet importanti fil-leġislazzjoni, għad hemm problemi gravi fir-rigward tat-trattament tal-Kurdi fil-prattika. Għad m'hemmx ir-rispett xieraq bħala minorità, minkejja ċerti żviluppi riċenti importanti b'mod partikolari t-trasmissjonijiet fil-lingwa Kurda. Fit-Turkija, l-istat ta' minorità huwa riżervat għall-gruppi reliġjużi tal-pajjiż skond it-Trattat ta' Lausanne ta' l-1923 li jitkellem biss fuq minoritajiet reliġjużi.

4.2   Demokrazija

4.2.1

Taħt dan il-kap, il-Kumitat jixtieq isostni għal darb'oħra l-importanza potenzjali tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ġdid tat-Turkija. Dan jista' jagħti kontribut sinjifikattiv sabiex jiġi msaħħaħ il-proċess demokratiku fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali maġġuri permezz ta' konsultazzjonijiet siewja bejn l-aktar gruppi ta' interess rappreżentattivi u l-Gvern. F'dak is-sens, huwa ħafna aktar minn sempliċi element tad-djalogu soċjali ta' l-UE, kif tirreferi għaliħ il-Kummissjoni fir-Rapport Regolari tagħha.

4.2.2

Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Tork twaqqaf fl-2001. Huwa presdut mill-Prim Ministru u diversi Ministri tal-Kabinett oħra jieħdu sehem fix-xogħol tiegħu. Sa minn meta twaqqaf, ma ltaqax sakemm tala' fil-poter il-Gvern preżenti, sena u nofs ilu. S'issa ltaqa' tliet darbiet, skond l-iskeda, iżda ċertament ma ffunzjonax bil-mod irrakmandat mir-Rapport tal-KKK UE-Turkija dwar id-Djalogu Soċjali u d-Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali, imsemmi fil-para. 3.1.4. aktar 'l fuq. Minflok jidher li hu ħanut tat-tpaċpiċ li fih jingħataw id-dikjarazzjonijiet u jsiru diskussjonijiet inkonklussivi, aktar milli korp influenti fejn gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali, uffiċjalment ikkonsultati mill-Gvern, jagħmlu sforzi serji biex jintlaħaq ftehim fuq kwistjonijiet diffiċli fl-oqsma ta' kompetenza u attività tagħhom. Huwa ċar li kumitat bħal dak u attivitajiet bħal dawk ma jsirux mil-lum għal għada. Iżda s'issa l-Gvern naqas milli jipprovdi lill-organizzazzjonijiet rappreżentati fuq il-Kunsill b'inċentivi li jkollhom negozjati vera bejniethom, per eżempju billi jagħtihom l-assigurazzjonijiet u jippruvalhom li, jekk jirnexxielhom jilħqu kompromessi sinifikanti, dawn ta' l-aħħar jiġu riflessi b'mod sinifikattiv fil-politika tal-Gvern. Il-KESE jispera li l-Gvern tat-Turkija jikkopera b'mod serju u kostruttiv mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali sabiex jgħinu jiżviluppa f'element sinifikanti tal-proċess ta' demokratizzazzjoni fit-Turkija. Fi Frar ta' din is-sena, il-Gvern ħabbar li bi ħsiebu jirrevedi l-kompożizzjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, u b'mod partikolari il-pożizzjoni dominanti li hu stess għandu fiħ.

4.2.3

Il-Kumitat jixtieq ukoll jirrimarka l-importanza tal-libertà ta' l-espressjoni u l-mezzi tax-xandir ħielsa għall-proċess demokratiku fit-Turkija. Huwa jirrikonoxxi n-numru kbir ta' riformi f'dan il-qasam partikolari. Madankollu, jikkondividi t-tħassib espress mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa li uħud mil-bidliet (bħal per eżempju fil-Kostituzzjoni) jistgħu jkunu interpetati b'mod li jkunu aktar restrittivi mid-disposizzjonijiet li ssostitwew. Barra minn hekk, l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni prattika ta' dawn id-disposizzjonijiet ġodda huwa l-eżami ta' dawn ir-riformi, bħalma huwa għal dawk f'oqsma oħra. L-esperjenzi bikrija li kien hemm fil-proċeduri legali sfortunatament juri ftit konsistenza f'dan il-qasam.

4.3   Rwol tal-forzi armati fis-soċjetà Torka

4.3.1

Din is-sezzjoni hija konxja tar-rwol importanti li l-forzi armati kellhom u għad għandhom fl-istorja tal-pajjiż kif ukoll fis-soċjetà Torka fil-preżent. Hija tirrikonoxxi li kien hemm okkażjonijiet li fihom dan ir-rwol kien pożittiv. Madankollu, għandu jiġi osservat li bosta mid-diffikultajiet ffaċċjati mit-Turkija llum biex taderixxi mal-kriterji politiċi ta' Copenhagen ta' l-1993, jitnisslu mill-involviment estremament wiesa' u fond ta' l-armata fis-soċjetà. Dak l-involviment irid jintemm fuq bażi ta' programm konkret u aġenda stretta.

4.3.2

Is-sezzjoni tifhem li huwa impossibbli li rwol daqshekk dominanti f'diversi sferi tal-ħajja, u li jmur ħafna oltre mir-rwol normali ta' armata (id-difiża, is-sigurtà interna), jiġi eradikat fi żmien daqshekk qasir. Madankollu, għandu jkun assolutament ċar għat-Turkija li jekk trid issir membru ta' l-UE, ir-rwol ta' l-armata għandu jkun limitat għax-xogħol ta' kwalunkwe armata fl-iStati Membri l-oħra; cioé, limitat biex tiġi salvagwardja tas-sigurtà interna u esterna tal-pajjiż u biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet internazzjonali, taħt il-kontroll demokratiku tal-Parlament.

4.3.3

B'żieda mal-punti li diġà ġew diskussi mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew (fost l-oħrajn ir-rwol u l-komposizzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurtà, ir-responsabilità politika għall-finanzi ta' l-armata, r-rappreżentanza militari fuq korpi ċivili fil-qasam ta' l-edukazzjoni u x-xandir awdjo-viżiv) għandu jkun hawn innutat li l-armata u l-uffiċjali ta' l-armata jieħdu wkoll pożizzjonijiet prominenti fil-ħajja ekonomika. Liġi ta' l-2003 tistipula li ż-żewġ fondi żejda tal-budget tal-forzi armati se jkunu inklużi bħala parti mill-budget Statali sa tmiem l-2004 u se jispiċċa minn titlu separat sal-2007. Dan ifisser li mill-2007 il-budget tal-forzi armati se jkun kompletament taħt kontroll demokratiku. Iżda għalissa, l-forzi armati għad għandhom saħħa konsiderevoli fis-soċjetà u l-ekonomija Torka: hemm qasam ta' influwenza vasta – formali u mhux formali – tal-militar, li għandha ssir traspratenti bl-istess mod bħall-attivitajiet ekonomiċi l-oħra kollha. (2) Id-diskussjonijiet fl-UE dwar ir-rwol potenti ta' l-armata fis-soċjetà Torka s'issa ma tawx każ dan l-aspett ekonomiku. Il-Parlament Ewropew indirizzaħ fl-aktar rapport riċenti tiegħu.

5.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

5.1

Il-KESE jikkunsidra lit-Turkija bħala demokrazija li qiegħda tiżviluppa, u li, speċjalment, minn Diċembru 2002 sal-lum għamlet progress importanti fl-isforzi tagħha li tilħaq il-kriterji politiċi ta' Copenhagen.

5.2

It-Turkija m'għandiex biss tilħaq l-istess kriterji politiċi bħall-kandidati membri l-oħra qabel ma jistgħu jinfetħu n-negozjati; ir-rendiment tagħha fil-proċess ta' riforma għandu jitkejjel bl-istess kriterji wżati fil-pajjiżi kandidati l-oħra. Irid isir kull sforz min-naħa ta' l-UE biex jiġi evitat saħansitra s-suġġeriment li qed jintużaw kriterji doppji.

5.3

Id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Copenhagen fl-2002, tfisser li f'dak il-mument l-UE kienet konvinta li t-Turkija, jekk tagħmel sforzi serji, setgħet tissodisfa l-kriterji politiċi fi żmien sentejn. Fejn jidħlu ċerrti oqsma, li kienu dominati bi tradizzjonijiet u prattiċi antiki, dan seta' jfisser biss li aderenza sħiħa mal-kriterji politiċi sa Diċembru 2004 kien għadu possibbli, u li huwa pjuttost massa kritika ta' progress reali li qed jiġi mistenni biex jinfetħu n-negozjati. Anke uħud mill-iStati Membri l-ġodda li għaddew mill-proċess kollu tan-negozjati, illum mhux qiegħdin jilħqu l-kriterji politiċi kompletament.

5.3.1

F'dawn l-oqsma partikolari, dak li l-UE tista' u għanda fir-realtà titlob mit-Turkija hu li progress kredibbli bħal dak ikun sar sal-aħħar ta' l-2004 sabiex wieħed ikun jista' jistenna li “punt li minnu m'hemmx ritorn lura” ikun ġie maqbuż sa dak iż-żmien. Eżempji ovvji huma r-rwol ta' l-armata u t-trattament tal-minoritajiet b'mod partikolari il-Kurdi fix-Xlokk. Il-KESE jinsisti li r-riformi b'rispett għat-tnaqqis tas-saħħa tal-forazi armati fis-soċjetà b'mod ġenerali, kif ukoll dawk marbuta mad-drittijiet kulturali tal-minoritajiet se jinżammu bil-pass u d-direzzjoni preżenti u li l-ebda passi lura ma jsiru fil-futur, li jista' jxekkel il-proċess ta' negozjati.

5.3.2

Ir-rwol ta' l-armata, barra mill-iskop tal-funzjonijiet bażiċi tagħha ta' difiża u sigurtà, irid jitreġġa' lura b'mod determinat sabiex l-UE tingħata l-kunfidenza li beda proċess li ma jistax imur lura. Il-budget ta' l-armata għandu jitpoġġa taħt kontroll demokratiku sħiħ.

5.3.3

L-UE għandha tkompli d-diskussjoni mat-Turkija dwar id-definizzjoni tal-minoritajiet (li qegħdin jiġu bbażati mit-Turkija fuq it-Trattat ta' Lausanne), b'veduta fuq id-diffikultajiet li tqajjem għat-Turkija biex tirratifika mingħajr riżervi, kif ukoll timplimenta fil-prattika, l-istrumenti internazzjonali relevanti. F'din id-diskussjoni l-UE għandha tagħti attenzjoni sħiħa lill-fatt li uħud mill-ħamsa u għoxrin membru tagħha wkoll jissottoskrivu għal definizzjoni dejqa tal-minoritajiet li tikkaġuna l-istess problema.

5.3.3.1

Il-KESE jirreferi għax-xogħol magħmul riċentement mill-KKK dwar l-iżvilupp reġjonali (3) u tenfasizza l-importanza ta' politika attiva dwar l-iżvilupp reġjonali fit-Turkija, mejgħuna mill-UE, li tista' tnissel l-opportunità ta' l-involviment attiv tal-popolazzjoni fl-iXlokk tat-Turkija (kif ukoll f'żoni oħra) fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tagħhom. L-adozzjoni gradwali mit-Turkija tal-livelli ta' politika reġjonali ta' l-UE tirrapreżenta opportunità għall-promozzjoni ta' sħubija akbar u konsistenti bejn l-entitajiet tas-soċjetà ċivili organizzata – b'mod partikolari gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali ħielsa, indipendenti u rappreżentattivi fuq naħa waħda, u l-awtoritajiet fil-livelli kollha rilevanti fuq in-naħa l-oħra. Flimkien, huma għandhom jiżviluppaw opinjoni konġunta fuq il-politika ta' l-iżvilupp. Għandom ikunu mħeġġa l-iskambji ta' esperjenzi bejn l-organizzazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta' l-UE u Torok.

5.3.3.2

Il-KESE jinnota b'interess l-inizzjattivi tal-Gvern Tork bħalma huwa l-Abbozz ta' Liġi ta' l-2000 dwar kumpens għall-ħsara kaġunata mill-forzi ta' sigurtà matul l-attivitajiet anti-terroristiċi u l-proġett ta' persuni dispjazzati internament minn post għall-ieħor u “Lura għall-Villaġġ u r-Rijabilitiazzjoni”. Il-KESE jikkunsidra li huwa ta' importanza kbira għall-kredibbilità tar-riformi dwar id-drittijiet tal-popolazzjoni fil-provinċji tax-Xlokk, li qabel Diċembru 2004 l-vittmi jibdew jibbenefikaw b'mod konkret minn dawn l-inizzjattivi.

5.4

F'oqsma oħra bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, li fihom t-Turkija ilha żmien twil f'diskussjonijiet ma' l-ILO u l-Kunsill ta' l-Ewropa, u li fihom il-bidla ma teħtieġx jew ma teħtieġx daqstant, li jinqalgħu mill-qiegħ pożizzjonijiet ta' poter, tradizzjonijiet u twemmin antiki, it-Turkija suppost li qiegħda f'pożizzjoni li turi progress qawwi u tilħaq ir-rekwiżiti li ilha taf dwarhom għal żmein twil ħafna sa l-aħħar ta' l-2004. Per eżempju, sa dak iż-żmien għandhom jintemmu l-vjolazzjonijiet tal-Konvenzjonijiet ta' l-ILO numru 87 u 98 li ilhom għaddejjin madwar kwart seklu. Iridu jitneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet anti-demokratiċi fuq it-tħaddim tal-NGOs li jinsabu fil-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet kif ukoll fil-prattika ta' kuljum. Il-proċess ta' riforma fit-Turkija bħalissa jagħti lok għal aspettativi pożittivi. Madanakollu f'dan il-qasam iridu jintwerew riżultati konkreti u kompleti fit-terminu msemmi.

5.5

Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Tork għandu, anke matul din is-sena, ikun ħafna aktar serjament involut fil-preparazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali. Il-Gvern għandu jikkonsultah fuq kwistjonijiet essenzjali f'dawn l-oqsma, u jrid juri li jieħu l-opinjonijiet u pariri tiegħu bis-serjetà. Huwa biss billi tingħata responsabilità reali lill-gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali, u billi jiġu premjati talli jieħduha, li l-Gvern jista' jistennihom jieħdu l-Kunsill bis-serjetà, kif ukoll l-intenzjonijiet tal-Gvern dwaru. Il-KESE jinnota b'interess li l-Gvern qiegħed jipprepara reviżjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali. Madankollu, dan m'għandux jintuża bħala argument biex jiġi pospost aktar l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili organizzata fil-politka ekonomika u soċjali fit-Turkija.

5.6

Sabiex tissaħħaħ is-soċjetà ċivili fit-Turkija, il-Gvern mhux biss irid iwaqqaf l-interferenzi tiegħu fl-attivitajiet ta' NGOs ġenwini u tal-gruppi ta' interess ekonomiċi u soċjali. Hu għandu minflok iħajjar l-emerġenza tagħhom, jiffaċilita x-xogħol tagħhom u jikkopera magħhom.

5.7

Fl-opinjoni tal-KESE għandha tittieħed deċiżjoni pożittiva dwar il-ftuħ tan-negozjati dwar l-isħubija tat-Turkija jekk sa Diċembru li ġej il-Gvern tat-Turkija jkun:

ħa miżuri biex jissodisfa t-talbiet dwar ir-rwol ta' l-armata fis-soċjetà Torka fil-paragrafi 4.3.1 u 4.3.2 fuq imsemmija;

wera, b'miżuri konkreti, determinazzjoni biex iwettaq bis-sħiħ fil-prattika ir-riformi legali dwar id-drittijiet kulturali tal-Kurdi fil-provinċji tax-Xlokk tal-pajjiż;

beda jimplimenta fil-prattika l-intenzjonijiet imfissra u l-irbit magħmul fir-rigward tar-ritorn volontarju, r-rijabilitazzjoni u l-għoti tal-kumpens lill-vittmi dispjazzati b'konsegwenza tal-vjolenza tas-snin tmenin u disgħin;

aderixxa kompletament, kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika, mal-Konvenzjonijiet ta' l-ILO dwar id-drittijiet bażiċi u libertajiet tat-trejd unions;

naddaf il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet minn kull tniġġis anti-demokratiku u jkun waqaf fil-prattika milli jimponi restrizzjonijiet fuq it-tħaddim liberu ta' l-organizzazzjonijiet ġenwini tas-soċjetà ċivili inklużi fondazzjonijiet reliġjużi, u

nissel il-kondizzjonijiet għat-tħaddim ħieles u independenti tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tat-Turkija, kif ukoll l-bażi għal koperazzjoni xierqa u kostruttiva ma' dan il-Kunsill.

5.8

Il-KESE jemmen li r-riformi li saru s'issa mill-Gvern tat-Turkija dwar problemi marbuta mar-rwol ta' l-armata fis-soċjetà, kif ukoll dwar drittijiet kulturali tal-Kurdi fix-Xlokk, jirrapreżentaw progess kredibbli kif mitlub f'paragrafu 5.3.1 hawn fuq.

5.9

Iktar minn hekk, jekk il-punti mniżżla l-erba' inċiżi ta' paragrafu 5.7 jiġu sodisfatti qabel Diċembru ta' l-2004, il-KESE jemmen li tkun tnisslet bażi ta' min jorbot fuqha għall-ftuħ tan-negozjati li, 'l quddiem, ser iwasslu għal riżultati li minnhom ser jibbenefikaw iż-żewġ naħat. F'dan il-każ, il-KESE hu tal-parir li kull istituzzjoni Ewropea, inkluż il-KESE stess, għandu jibda jħejji għall-effetti tas-sħubija tat-Turkija fuq it-tħaddim u l-kunċett ta' l-Unjoni Ewropea stess. Bħala riżultat ta' tali sħubija, l-Unjoni Ewropea tikber u tinbidel b'mod konsiderevoli, u dan ikun jeħtieġ l-apoġġ mifrux ta' l-opinjoni pubblika..

5.10

Tkun xi tkun id-deċiżjoni meħuda waqt il-Kunsill ta' Diċembru, il-KESE ser ikompli bil-koperazzjoni siewja tiegħu mas-soċjetà ċivili organizzata fit-Turkija.

Brussel, l-1 ta' Lulju 2004

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  “Djalogu socjali u drittijiet ekonomici u socjali fit-Turkija”.

(2)  Eżempji ta' dan huma: li l-fond tal-penzjoni ta' l-ufficjali ta' l-armata hija proprjetarja ta' bank u ta' kumpanija holding, u l-pożizzjoni taghha bhala l-investitur Tork f'intrapriża kongunta magguri fl-industrija awtomobilistika. Skond l-OYAK, din twaqqfet bhala kumpanija, awtonoma kemm mill-aspett finanzjarju kif ukoll amministrattiv, suggetta ghad-dispożizzjonijiet tal-kodici civiku u kummercjali Tork bhall-istituzzjonijiet ohra. Hi ghandha l-ghan li taghti beneficcji lill-membri taghha, barra minn dawk provduti mis-sigurtà socjali Torka, u bażikament tikkorispondi ghat-tip ta' fondi tal-pensjoni tat-tieni pilastru eżistenti fl-UE.

Il-membri militari u civili kollha tal-forzi armati huma membri tal-Fond ta' Pensjoni OYAK. Huma jibqghu membri permanenti ta' l-OYAK. Madankollu, hlief il-bażi biex tissieheb fiha, OYAK m'ghandha l-ebda relazzjoni ma' l-Istati u l-forzi armati Torok f'termini ta' investimenti jew negozju; trasferiment ta' fondi jew ghajnuna statali jew ghajnuna finanzjarja ohra. OYAK hi fond tal-pensjoni simili bhal ohrajn fl-UE.

Biex tkun trasparenti, l-OYAK qed tippublika rapporti annwali ghall-pubbliku generali u qed tipubblika l-accounts kemm ta' l-Istituzzjoni u tas-sussidjarji taghha li jigu awditjati kull sena minn ditti internazzjonali ta' l-awditjar. OYAK provdiet beneficcji ta' irtirar supplimentari.

(3)  Rapporti dwar id-Disparitajiet Regjonali fit-Turkija/Żvilupp Regjonali minn Is-Sinjura Cassina u Is-Sur Guvenc.


Top