Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0833

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

/* KUMM/2004/0833 finali */

52004DC0833

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* KUMM/2004/0833 finali */


Brussel 27.12.2004

KUMM(2004)833 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill

1. Introduzzjoni

Fiż-żona ta’ l-Euro, l-ispejjeż tal-ħaddiema huma ġeneralment meqjusa bħala waħda mis-sorsi potenzjali ta’ l-inflazzjoni. Indiċi ta’ l-ispejjeż tal-ħaddiema f’ħinu huwa għalhekk meqjus mill-Kummissjoni bħala ta' importanza kbira għall-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jissorvelja l-inflazzjoni u għall-partijiet soċjali sabiex jinnegozjaw ftehim dwar il-pagi.

Ir-Regolament (KE) Nru 450/1002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2003 dwar l-indiċi ta' l-ispiża tal-ħaddiema jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni, trasmissjoni u evalwazzjoni ta' l-indiċijiet ta' l-ispiża tal-ħaddiema komparabli fil-Komunità (ĠU L 69, tat-13.3.2003, p. 1). Wara li ġie approvat ir-Regolament, l-Istati Membri bdew jimplementaw ir-rekwiżiti tiegħu. Il-maġġor parti ta’ l-Istati Membri komplew jiżviluppaw serje ta’ indiċi proviżorji (li diġà kienu nbdew għal bosta snin mill-Eurostat) biex isiru indiċi finali, filwaqt li pajjiżi oħra bdew jikkunsidraw metodi alternattivi possibbli. Għal ċerti pajjiżi, kienet l-ewwel darba li kellhom jiżviluppaw indiċi ta' l-ispiża tal-ħaddiema.

L-Artikolu 13 tar-Regolament jistipula rapporti kull sentejn dwar l-implementazzjoni tar-Regolament. L-ewwel rapport, kif stabbilit fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 13 tar-Regolament, jirreferi biss għall-azzjonijiet eżegwiti mill-Istati Membri sabiex jippreparaw l-applikazzjoni tar-Regolament.

2. Perijodi ta’ transizzjoni

It-tabella li ġejja turi l-Istati Membri li għandhom perijodi ta’ transizzjoni sa’ Ġunju 2005 biex jipprovdu serje ta’ Indiċi ta' l-Ispiża tal-Ħaddiema mill-1996 sal-lum. Il-perijodi ta’ transizzjoni jikkonċernaw jew xi ftit karatteristiċi biss jew l-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Stat Membru | Perijodu ta’ transizzjoni |

Il-Belġju | - perijodu ta’ trasmissjoni ta’ 70 jum - Spiża tal-ħaddiema kull siegħa maħduma |

Il-Ġermanja | Sezzjonijiet NACE H, I u K |

Il-Greċja | Id-dispożizzjonijiet kollha |

Spanja | perijodu ta’ trasmissjoni ta’ 70 jum |

France | Id-dispożizzjonijiet kollha |

L-Irlanda | Id-dispożizzjonijiet kollha |

L-Italja | - Kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem u t-taxxi mħallsa minn min iħaddem li minnhom jitnaqqsu s-sussidji riċevuti - Esklużjoni ta’ taxxi u sussidji (D4 u D5) |

Il-Lussemburgu | Id-dispożizzjonijiet kollha |

L-Olanda | - Data arretrata 1996-2002 - Kontribuzzjonijiet soċjali ta’ min iħaddem u t-taxxi mħallsa minn min iħaddem li minnhom jitnaqqsu s-sussidji riċevuti - Esklużjoni ta’ taxxi u sussidji (D4 u D5) |

L-Awstrija | Sezzjonijiet NACE G, H, I, J u K |

Il-Finlandja | Id-dispożizzjonijiet kollha |

L-Iżvezja | Id-dispożizzjonijiet kollha |

Ir-Renju Unit | - Inklużjoni ta’ l-Irlanda ta’ Fuq - Inklużjoni ta’ unitajiet b’anqas minn 20 impjegat - Aġġustament fil-ġurnata tax-xogħol |

3. Miżuri implementati mill-Istati Membri sa Ottubru 2004

Il-pajjiżi li ġejjin ħadu l-miżuri kollha biex ikunu konformi mar-Regolament: Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Portugall u r-Repubblika Slovakka.

Grupp ieħor ta’ Stati Membri qed jimplementa bis-sħiħ ir-Regolament apparti mill-affarijiet li huma suġġetti għall-perijodu ta' transizzjoni. Dan il-grupp jinkludi l-Ġermanja, Spanja, l-Olanda u l-Awstrija.

Għall-pajjiżi l-oħrajn, is-sitwazzjoni hija hekk:

Il-Belġju

Ġie mħejji indiċi provviżorju b’kopertura parzjali li tuża s-sorsi eżistenti ta’ data . Dawn is-serje huma disponibbli għall-1996-2002.

L-Estonja

L-Indiċi ta' l-Ispiża tal-Ħaddiema ġie implementat parzjalment. Id-definizzjonijiet, kunċetti u l-kopertura huma skond ir-Regolament. Data arretrata mill-1996 sa l-2002 hija nieqsa, kif ukoll id- data dwar il-ġurnata tax-xogħol u s-serje aġġustata skond l-istaġun.

Il-Greċja

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Qed jinbena indiċi provviżorju. Il-kompilazzjoni bbażata fuq Stħarriġ tal-Ħaddiema u l-Istħarriġ ta’ l-Ispiża tal-Ħaddiema wasslet għal indiċi provviżorju li qed jiġi validat f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodu u l-eżattezza.

Franza

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Saret serje ta’ studji metodoloġiċi u simulazzjonijiet tul l-2003 u l-2004 għall-ittestjar tal-kumpilazzjoni ta’ l-indiċi finali.

L-Irlanda

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Ġie mħejji indiċi provviżorju b’kopertura parzjali li tuża s-sorsi eżistenti ta’ data . Dawn is-serje huma disponibbli għall-1996-2002.

L-Italja

L-Indiċi ta' l-Ispiża tal-Ħaddiema ġie implementat parzjalment. Id-denominatur ta’ l-indiċi, jiġifieri s-sigħat imħallsa, huwa għall-mument in-numru totali ta’ l-impjegati espress bħala impjegati full-time . Il-perijodu ta’ 70 jum għadu mhux qed jiġi osservat, u l-ġurnata tax-xogħol u s-serje aġġustata skond l-istaġun mhumiex disponibbli.

Ċipru

Qed jinbena indiċi provviżorju. Sar stħarriġ pilota fl-2002-2003 sabiex jiġbor l-informazzjoni kull tlett xhur direttament min-negozji. Peress illi r-riżultati mhumiex sodisfaċenti fl-aspetti kollha, qed issir serje ta’ studji li teżamina s-sorsi ta’ data eżistenti.

Il-Latvja

L-Indiċi ta' l-Ispiża tal-Ħaddiema ġie implementat parzjalment. Id-definizzjonijiet, kunċetti u l-kopertura ta’ l-oġġetti huma skond ir-Regolament. Id- data għall-1996 biss hija nieqsa.

Il-Lussemburgu

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Saret serje ta’ studji metodoloġiċi u simulazzjonijiet tul l-2003 u l-2004 għall-ittestjar tal-kumpilazzjoni ta’ l-indiċi finali.

Malta

Qed jinbena indiċi provviżorju. Qed issir serje ta’ studji li jeżaminaw id- data eżistenti.

Il-Polonja

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Is-serje ta’ l-indiċi mhumiex imqassma, kif mitlub, skond l-attivitajiet ekonomiċi u lanqas bil-ġurnata tax-xogħol u l-indiċi aġġustat skond l-istaġun mhux disponibbli.

L-Islovenja

L-Indiċi ta' l-Ispiża tal-Ħaddiema ġie implementat parzjalment. Id-definizzjonijiet, kunċetti u l-kopertura huma skond ir-Regolament. Is-serje ta’ indiċi aġġustat bil-ġurnata tax-xogħol u bl-istaġun mhix disponibbli.

Il-Finlandja

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Saret serje ta’ studji metodoloġiċi u simulazzjonijiet tul l-2003 u l-2004 għall-ittestjar tal-kumpilazzjoni ta’ l-indiċi finali.

L-Iżvezja

Perijodu ta’ transizzjoni sa Ġunju 2005 għall-applikazzjoni sħiħa ta’ l-indiċi.

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Saret serje ta’ studji metodoloġiċi u simulazzjonijiet fl-2003 u l-2004 għall-ittestjar tal-kumpilazzjoni ta’ l-indiċi finali.

Ir-Renju Unit

Jeżisti indiċi provviżorju mill-1996 ‘il quddiem li jsegwi parzjalment il-kunċetti tar-Regolament. Is-serje ta’ l-indiċi mhumiex imqassma la skond l-attivitajiet ekonomiċi u lanqas bil-ġurnata tax-xogħol u l-indiċi aġġustat skond l-istaġun mhux disponibbli.

L-Istati Membri kollha ġew mistiedna jagħtu rapport aktar dettaljat dwar l-attivitajiet ta’ implementazzjoni tagħhom. L-informazzjoni disponibbli hija annessa ma’ dan ir-rapport.

4. Azzjonijiet ta' akkumpanjament min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea (Eurostat)

Sa minn meta r-Regolament (KE) 450/2003 daħal fis-seħħ l-Eurostat bdiet tagħti istruzzjoni ulterjuri lill-pajjiżi fuq il-bażi tal-metodoloġija bażika u t-trasmissjoni ta' data . Ġie adottat Regolament ta' implementazzjoni mill-Kummissjoni f'Lulju 2003 (KE 1216/2003, ĠU L 169, tat-8.7.2003, p.37), li jistipula f’aktar dettall il-proċeduri għat-trasmissjoni ta’ l-indiċi, l-aġġustamenti speċifiċi (staġonali) li jridu jsiru u l-kontenut tar-rapporti ta’ kwalità.

L-Eurostat ilha tipprepara d-database u l-faċilitajiet ta’ trasmissjoni ta’ data sabiex tirċievi, tivverifika, timmanipola, taħżen u xxerred d- data dwar l-Indiċi ta’ l-Ispiża tal-Ħaddiema fil-ħin. Dawn il-proċessi ser jintemmu u jkunu pjenament operattivi mir-rebbiegħa ta’ l-2005 meta l-aħħar perijodi ta’ transizzjoni ser ikunu skadew u l-pajjiżi kollha jkunu qed jagħtu s-serje ta' indiċi bbażati fuq ir-Regolament. Fil-frattemp, l-Eurostat qed tkompli tirċievi u xxerred serje ta' indiċijiet ibbażati fuq ir-Regolament, jew is-serje ta’ indiċi provviżorju, skond l-istat ta’ implementazzjoni ta’ l-Istati Membri.

5. Konklużjonijiet

Għaxar Stati Membri huma kompletament konformi mar-Regolament; erbgħa minnhom għad iridu jaqblu dwar arranġamenti transizzjonali fuq ċerti aspetti ta’ l-implementazzjoni.

Ħmistax-il Stat Membru għadhom fil-fażi preparatorja ta’ l-implementazzjoni tar-Regolament. Sitta minnhom qablu dwar arranġamenti transitorji għall-implementazzjoni sħiħa tar-Regolament.

L-affarijiet li baqa' sabiex jiġi implementat r-Regolament jirrigwardaw prinċipalment it-tqassim sħiħ tad- data bl-attivitajiet ekonomiċi, data arrettrata u l-aġġustament (staġonali) tas-serje. Il-produzzjoni ta’ indiċi fil-ħin fi żmien 70 jum jitlob ukoll aġġustamenti fil-proċess ta’ produzzjoni. Għal ċerti pajjiżi u t-tiftix għal, u l-ittestjar ta’, l-aktar sorsi ta’ data adatti għadu għaddej.

ANNESS

Dettalji dwar l-Attivitajiet Nazzjonali ta’ Implementazzjoni

Il-Belġju

Id- data disponibbli bħalissa mill-ewwel tlett xhur ta’ 1996 sa l-aħħar tlett xhur ta’ l-2002 għad mhumiex kompletament ibbażati fuq metodoloġija armonizzata. Il-problema prinċipali hija l-istima tad-denominatur tal-varjabbli bażiku, jiġifieri s-sigħat ta’ xogħol. L-informazzjoni disponibbli fil-fajls amministrattivi ta’ data huma espressi “f’Ekwivalenti Full-Time” u mhux f'numru totali ta' sigħat. L-għan ta’ l-attivitajiet attwali huwa li jkun f’pożizzjoni li tista’ tagħmel stima aktar preċiża tas-sigħat ta’ xogħol, biex wieħed ikun jista’ jadotta prattiċi li jkunu aktar konsistenti ma’ dawk użati mill-Istati Membri l-oħrajn. L-indiċijiet provviżorji għall-ewwel tlett xhur għas-snin 2003 u 2004 għadhom qed jinġabru.

Ir-Repubblika Ċeka

Dawn l-indiċijiet ġew ippreparati skond l-atti legali. Biex tinkiseb konformità sħiħa, madanakollu għad hemm bżonn li jiġi kkalkolat l-indiċi eskluż il-bonuses. L-attivitajiet inizzjali diġà nbew b’suċċess. Iddaħħal varjabbli ġdid fuq il-bonuses fil-lista tar-Rapport dwar l-Impriża fl-ewwel tlett xhur ta’ l-2003. Ir-riżultati ser jiġu vverifikati skond il-figuri annwali korrispondenti mill-Istħarriġ ta’ l-Ispiża tal-Ħaddiema ta’ kull sena. Il-kalkolazzjoni ta’ d- data arretrata qabel l-ewwel tlett xhur ta’ l-2003 mhix ser tkun possibbli.

Il-Greċja

Il-ġbirta’ data fuq is-sigħat ta’ xogħol maħduma u l-ispiża tal-ħaddiema ser tkun ibbażata fuq stħarriġ kampjun li jibda fl-2005, għas-snin ta’ referenza 2000 sa 2004. Id- data għas-snin 1996-1999 tista’ tiġi bbażata fuq sorsi amministrattivi (Fondi ta’ Asigurazzjoni Soċjali) jiddependi mir-riżultati ta’ l-istudju li għaddej bħalissa.

Spanja

L-attivitajiet preċedenti jistgħu jiġu miġbura hekk:

Perijodu | Azzjoni |

1998-1999 | Żvilupp ta’ l-Istħarriġ ta’ l-Ispiża tal-Ħaddiema kull Tlett Xhur (QLCS) |

Jannar 2000 | L-ewwel ġbir ta’ data tal-QLCS |

Marzu 2002 | Stima ta’ serje qodma dwar il-pagi u s-salarji billi ntrabtet il-QLCS mad-data mill-Istħarriġ ta’ qabel dwar il-Paga u s-Salarji |

Ġunju 2002 | Stima ta' data arretrata għal data oħra dwar l-ispiża tal-ħaddiema |

Diċembru 2002 | Implementazzjoni tal-formola ta’ Laspeyres |

2003 | Studju u implementazzjoni tas-serje aġġustata bil-ġurnata tax-xogħol u l-istaġun; studju dwar l-introduzzjoni ta' data provviżorja fil-limitu ta’ żmien mitlub ta’ 70 jum; studju tar-reviżjonijiet |

Marzu 2004 | L-ewwel trasmissjoni ta’ data skond ir-rekwiżiti tar-Regolament ħlief għan-nuqqas ta’ osservanza tal-limitu ta’ trasmissjoni ta’ 70 jum |

Mill-2002 | Studju ta’ fattibbiltà dwar l-inklużjoni tas-sezzjoni L tan-NACE |

Franza

Minkejja d-deroga, Franza diġà qed tibgħat figuri provviżorji li jmorru lura sa’ l-1996. Mill-2003, Franza bdiet tieħu miżuri xierqa sabiex ittejjeb konċettwalment l-indiċijiet; dawn il-miżuri jinkludu studji metodoloġiċi, l-iżvilupp ta’ għodda speċifika tal-kompjuter u riċerka dwar l-aktar sorsi ta’ data appropjati. F’Ottubru 2004, l-għodod ta’ l-informatika ġew ftit jew wisq finalizzati.

L-Irlanda

L-indiċijiet ser jinġabru bħala parti mill-istħarriġ madwar l-ekonomija kollha msejħa Earnings, Hours and Costs Survey (EHECS). Il-proġett biex jimplementa l-EHECS diġà beda. Inizjalment, id- data ser tinġabar għar-raba perijodu ta’ tlett xhur ta’ l-2004 fis-sezzjonijiet NACE dwar il-Kostruzzjoni, l-Intermedjazzjoni Finanzjarja bl-Imnut u bl-Ingrossa, bil-formoli ta' l-istħarriġ li jridu jinħarġu f’Jannar 2005. Is-sezzjonijiet l-oħra tan-NACE minn C sa O ser jiġu nkorporati pass pass. L-EHECS ser ikun stħarriġ bil-posta, bis-sottomissjoni ta’ risposti f’forma elettronika li għandhom jiġu mħeġġa. It-teknoloġija permezz ta’ l- iscanner ser tintuża għar-reġistrazzjoni tal-formoli ritornati. Sakemm jiġi stabbilit dan l-istħarriġ, l-Irlanda ser tittrasmetti l-indiċijiet il-qodma. Il-metodoloġija ta' l-integrazzjoni taż-żewġ serje ser jintbagħtu fi stadju aktar tard.

Ċipru

Ġie stabbilit stħarriġ kampjun għall-ġbir ta’ sigħat maħduma u spejjeż tal-ħaddiema, ibbażat fuq intervisti personali f’impriżi b’ħames impjegati jew aktar. L-esperjenza ta’ l-istħarriġ kienet pożittiva f' termini ta’ kwalità ta’ data . Madanakollu, ħolqot piż ta’ risposta kbira għall-impriżi u dehret illi tiswa ħafna u tieħu ħafna ħin, bir-riżultat ta’ dewmien konsiderevoli fil-ġbir, l-ipproċessar u l-preparazzjoni tad- data . Għal dawn ir-raġunijiet l-użu ta’ sorsi amministrattivi jidher illi joffri għażla aħjar u tnaqqas il-piż tar-risposta. Wara li ġew riveduti d-diversi possibilitajiet, instab illi l-aħjar sors huwa r-Reġistru tad-Dipartiment ta' l-Assigurazzjoni Soċjali. Peress illi kien għad għandu xi problemi, partikolarment bil-klassifikazzjoni ta’ l-attivitajiet ekonomiċi u l-attribuzzjoni fil-ħin ta’ bonuses irregolari, is-Servizz Statistiku ta’ Ċipru diġà beda kemm jista’ jkun jirmedja dawn iż-żewġ problemi. L-ewwel riżultati għas-snin 2000-2003 huma mistennija qabel l-aħħar ta’ l-2004. Bħalissa għaddejjin studji biex isibu l-aħjar mezz kif tinħadem id- data .

Il-Latvja

Id- data tal-Latvja hija konformi mar-Regolament. L-unika eċċezzjoni hija li d- data arretrata sa l-1996 hija parti mis-sors ewlieni ta’ data , jiġifieri s-sigħat ta’ xogħol fis-settur privat u informazzjoni oħra mhix disponibbli.

L-Ungerija

Is-sitwazzjoni fl-Ungerija hija konformi mar-rekwiżiti legali. L-eċċezzjonijiet jinkludu l-indiċi li jeskludi l-bonuses, bħall-informazzjoni dwar il-bonuses li hija nieqsa għas-snin ta’ qabel l-2002. L-indiċijiet huma bbażati fuq stħarriġ ta' kull xahar fuq terminu qasir li jkopru l-kumpaniji kollha b'aktar minn 49 impjegat u l-kumpaniji b'bejn 5 u 49 impjegat fuq bażi rappreżentattiva (l-istituzzjonijiet pubbliċi ġew osservati pjenament sa mill-1998), u l-Istħarriġ ta’ l-Ispiża tal-Ħaddiema 2000 u 1996. Apparti minn hekk, ċertu tqabbil għall-estimi tal-komponenti li mhumiex il-pagi u s-salarji qed jiġu użati sabiex jissupplixxu data mis-sorsi primarji. L-ewwel rapport ta’ kwalità intbagħat f’Settembru 2004.

Il-Polonja

Id- data Pollakka għall-ewwel, it-tieni u t-tielet perijodu ta’ tlett xhur jintbagħtu skond ir-rekwiżiti legali sa 70 jum; id- data għar-raba’ perijodu madanakollu tista' tiġi mibgħuta sa 120 jum wara l-perijodu ta’ riferenza. Il-metadata ġiet stabbilita skond il-format SDDS tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Ir-rapport ta' kwalità relatat huwa disponibbli wkoll.

Il-Portugall

L-indiċi Portugiżi huma bbażati fuq diversi sorsi, bil-prinċipali jkun l-isħarriġ ‘Índice de Custo do Trabalho’ (ICT). Oriġinarjament stabbilit għall-iżvilupp u l-implementazzjoni ta’ l-Indiċi tal-Prezz tal-Ħaddiema (LPI), l-istħarriġ kellu jiġi aġġustat għall-ħtiġijiet ta’ l-indiċijiet. Ġew studjati u ttestjati sorsi kumplementari ta’ data . Dawn l-istudji wrew illi l-implementazzjoni hija skond ir-Regolament 450/2003.

L-Islovenja

Id- data ta’ l-Islovenja hija in linja mar-Regolament. L-uniku eċċezzjoni tirrigwarda l-aġġustamenti staġonali u tal-ġurnata tax-xogħol, illi ser isiru disponibbli fl-2005.

Il-Finlandja

Tul il-perijodu ta' transizzjoni, il-Finlandja bagħtet lill-Eurostat fil-limitru ta’ 70 jum is-serje ta’ l-indiċi li ma kienetx kompletament skond ir-Regolament. Il-metodi ta' produzzjoni ġew issa mtejba sabiex jipprovdu d-dettall u l-kwalità mitluba mir-Regolament, li ser jiġi implementat mill-bidu ta’ l-2005. L-indiċi ser ikopri wkoll attivitajiet fis-settur pubbliku.

Ir-Renju Unit

Ir-Renju Unit preżentement qed jagħti serje interim li ma tikkonformax kompletament mar-Regolament. Ġiet żviluppata s-serje l-ġdida bbażata fuq ir-Regolament, u għandha tiġi ppubblikata u trasmessa regolarment lill-Eurostat mill-2005. Sa l-aħħar ta' l-2004, ir-Renju Unit tistenna li ser tagħmel disponibbli serje arretrata konsistenti sa l-ewwel tlett xhur ta’ l-2000, ibbażata fuq ir-Regolament. Dan ser ikun marbut mas-serje interim attwali biex jagħti serje arretrata sa l-ewwel tlett xhur ta’ l-1996.

Top