EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0813

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill - Is-sitwazzjoni tal-Ġermanja u Franza fir-rigward ta' l-obbligi tagħhom taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

/* KUMM/2004/0813 finali */

52004DC0813

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill - Is-sitwazzjoni tal-Ġermanja u Franza fir-rigward ta' l-obbligi tagħhom taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja /* KUMM/2004/0813 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.12.2004

KUMM(2004) 813 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Is-sitwazzjoni tal-Ġermanja u Franza fir-rigward ta' l-obbligi tagħhom taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

1. SFOND

Wara evidenza ta' żbilanċi ġenerali tal-gvern ‘il fuq minn 3% tal-PGD fl-2002, il-Kunsill iddeċieda fl-ewwel nofs ta' l-2003 fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja u fi Franza u addotta rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jġib din is-sitwazzjoni fi tmiemha sa l-2004. Fil-Ħarifa ta' l-2003, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill għandu jiddeċiedi li l-azzjonijiet imwettqa minn Franza u l-Ġermanja kienu qed jirriżultaw mhux adegwati biex dawn ta' l-aħħar jikkoreġu l-iżbilanċi tagħhom u li javżahom biex jieħdu miżuri biex isewwu s-sitwazzjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika li kienet dgħajfa aktar milli mistenni, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-perijodu li fih għandu jissewwa l-iżbilanċ għandu jittawwal sa l-2005. Fil-25 ta' Novembru 2003 l-Kunsill ivvota dwar id-deċiżjonijiet irrakkomandati imma ma laħaqx il-maġġoranza meħtieġa. Minflok, il-Kunsill addotta konklużjonijiet li jindirizzaw rakkomandazzjonijiet lill-Ġermanja u Franza għall-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2005 u li jgħidu li fid-dawl ta' l-impenji meħuda miż-żewġ Stati Membri l-proċedura ta' defiċit eċċessiv kienet ġiet sospiża. Il-Kummissjoni ressqet każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikuża ċerti elementi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003. Il-Qorti tat is-sentenza tagħha fit-13 ta' Lulju 2004[1]. Fis-sentenza tagħha l-Qorti annullat il-konklużjonijiet tal-Kunsill sa fejn kienu intenzjonati li formalment jissospendu l-proċedura u jimmodifikaw ir-rakkomandazzjonijiet eżistenti.

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Kummissjoni stqarret li “l-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Kunsill se tikkunsidra kif tiżgura riżoluzzjoni sodisfaċenti tal-problemi baġitarji ta' dawn iż-żewġ Stati Membri fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku”[2]. Din il-Komunikazzjoni taqdi dik il-funzjoni.

2. L-IMPLIKAZZJONIJIET TAS-SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA GħALL-PROċEDURI TA' DEFIċIT EċċESSIV FEJN JIDħLU L-ĠERMANJA U FRANZA

Il-Qorti ma elaboratx dwar l-implikazzjonijiet li joħorġu mill-anullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Meta titqies il-pożizzjoni kurrenti tal-Ġermanja u Franza fir-rigward ta' l-obbligi tagħhom li jikkoreġu l-iżbilanċ eċċessiv skond it-Trattat u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku, huwa xieraq li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill sa meta dawn ġew annullati mill-Qorti. Dawn il-konklużjonijiet kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni tal-validità li hija fil-prinċipju attribut ta' kull strument tal-Komunità. Fi kliem ieħor, iż-żewġ Stati Membri kkonċernati kellhom id-dritt li jassumu li l-miżuri addottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità huma validi u allura aġixxew fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill. Fis-sustanza l-konklużjonijiet tal-Kunsill kienu fuq l-istess linji tar-rakkommandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex tissewwa s-sitwazzjoni, speċifikament li d-data sa meta l-iżbilanċ eċċessiv kellu jissewwa titmexxa 'l quddiem għall-2005. Wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet, l-azzjonijiet tal-Ġermajna u Franza kienu mmirati li jżommu mad-data ta' l-2005 ffissata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv. Dawn l-azzjonijiet kellhom effett materjali fuq il-proċess ta' aġġustament, li ma jistax jiġi injorat.

Fi kliem ieħor, filwaqt li l-Kummissjoni tibqa' tal-fehma li l-miżuri meħuda mill-Ġermanja u Franza biex jikkoreġu l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2004, f’reazzjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill addottati fl-ewwel nofs ta' l-2003, ma kinux adegwati, hija tirrikonoxxi li l-azzjonijiet taż-żewġ Stati Membri kkonċernati, meħuda wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 u sa meta ġew annullati mill-Qorti fit-13 ta' Lulju 2004 kienu bbażati fuq il-ħsieb li ż-żmien sa meta kellu jissewwa l-iżbilanċ kien effettivament ġie mċaqlaq għall-2005.

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi uniċi maħluqa mis-sentenza tal-Qorti fir-rigward tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv fejn jidħlu l-Ġermanja u Franza u, b'mod partikolari, il-konsegwenzi tal-konklużjonijiet tal-Kunsill qabel dawn ġew annullati mill-Qorti, il-Kummissjoni tqis li biex ikun hemm riżoluzzjoni sodisfaċenti tal-problemi baġitarji ta' dawn iż-żewġ Stati Membri fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku huwa meħtieġ li l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet meħuda biex tissewwa s-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv għandha tirreferi għall-2005 bħala ż-żmien sa meta għandu jintlaħaq dan l-għan.

Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-azzjonijiet meħuda minn kull wieħed miż-żewġ Stati Membri humiex konsistenti ma' korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2005.

Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li f’dan l-istadju l-Kunsill m'għandux għalfejn jieħu passi oħra taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv sabiex iwassal liż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jieħdu azzjonijiet oħra.

Jekk ir-risposta tkun fin-negattiv il-Kummissjoni jkollha tikkonkludi li l-Kunsill għandu jerġa' jibda l-proċedua ta' defiċit eċċessiv u jżid is-sorveljanza fuq il-baġit ta' l-Istat Membru kkonċernat sabiex iwassal li tittieħed l-azzjoni korrettiva meħtieġa.

Il-Kummissjoni tinnota li l-Kunsill innifsu fil-konklużjonjiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2003, stqarr li hu lest li jieħu deċiżjoni taħt Art. 104(9), fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jekk l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tindika li l-għan mhux se jintlaħaq sa l-2005.

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri hija ppreżentata fis-sezzjonijiet 3 u 4 ta' din il-Komunikazzjoni rispettivament. Is-Sezzjoni 5 tiġbed il-konklużjonijiet dwar l-azzjoni meħuda minn Franza u l-Ġermanja u dwar il-bżonn li l-Kunsill jieħu passi oħrajn taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

3. VALUTAZZJONI TAS-SITWAZZJONI FIL-ĠERMANJA

L-iżbilanċ ġenerali tal-gvern huwa previst mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jinżel minn 3.8% tal-PGD fl-2003 għal 3.7% tal-PGD fl-2004. Il-previżjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Ħarifa bassret li l-iżbilanċ għall-2004 se jkun ta' 3.9% filwaqt li l-aġġornament ta' l-2003 għall-programm ta' stabbiltà għall-Ġermanja bassar li l-iżbilanċ għall-2004 se jkun ta' 3.3% tal-PGD. F’kuntrast ma' dan, huwa probabbli li t-tkabbir reali tal-PGD fl-2004 jkun ogħla milli mistenni. Fil-previżjoni tagħha tal-Ħarifa, il-Kummissjoni bassret tkabbir reali fil-PGD ta' 1.9% meta mqabbel mal-1.8% mbassar mill-gvern Ġermaniż. Fl-aġġornament ta' l-2003 għall-programm ta' stabbiltà (u fil-preparazzjoni tal-baġit għall-2004), l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu stennew tkabbir ta' 1.7% tal-PGD. Madankollu, it-tkabbir fil-PGD kien stimulat mid-domanda esterna, filwaqt li d-domanda domestika baqgħet notevolment taħt l-aspettattivi.

In-nuqqas ta' titjib fil-bilanċ tal-gvern għall-2004 meta mqabbel ma' dak li kien ippjanat, minkejja tkabbir ekonomiku ogħla milli kien mistenni, huwa dovut għall-kompożizzjoni ta' dan it-tkabbir li ma kinetx tiffavorixxi d-dħul tat-taxxi. It-taxxi fuq il-valur miżjud u t-taxxi tas-sisa bħal dawk fuq iż-żejt minerali u t-tabakk daħħlu sostanzjalment inqas minn dak li kien ippjanat. It-titjib gradwali mistenni fis-suq tax-xogħol ma seħħx, bir-riżultat li kien hemm spiża aktar għolja f'dak li għandu x'jaqsam mal-qgħad. Madankollu, ta' min jinnota li fl-2004 l-ispiża totali baqgħet stabbli f’termini nominali meta mqabbla mas-sena ta' qabel.

Fuq il-premessa ta' tkabbir reali fil-PGD ta' 1.5%, il-previżjoni tal-Kummissjoni tal-Ħarifa tbassar żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' 3.4% tal-PGD fl-2005. Dan it-tbassir huwa bbażat fuq xenarju fejn ma jkunx hemm bidla fil-politika meta mqabbla ma' dik tad-data tar-referenza tat-18 ta' Ottubru 2004. Fl-4 ta' Novembru, il-gvern federali ppreżenta pakkett addizzjonali ta' tnaqqis fl-ispiża. Fil-laqgħa tal-Kunsill għall-Ippjanar Fiskali ( Finanzplanungsrat ) tat-18 ta' Novembru, il-livelli federali, ta' l-istati u lokali tal-gvern qablu li jnaqqsu l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern għal 2.9% tal-PGD fl-2005. Dan huwa bbażat fuq il-previżjoni tal-gvern għal tkabbir reali fil-PGD ta' 1.7% fl-2005.

Il-pakkett addizzjonali ta' tnaqqis fl-ispiża ppreżentat mill-gvern federali fih it-tliet elementi li ġejjin. (i) Fl-2005, il-livell federali jistenna li ma jeħilx spejjeż biex jimla żbilanċ ta’ l-uffiċċju tal-pagamenti li jħallas il-pensjonijiet lill-impjegati pubbliċi ta' dak li kien l-uffiċċju tal-posta pubbliku f'isem il-kumpaniji suċċessuri għall-uffiċċju tal-posta ( Postbeamtenversorgungskasse ). (ii) Ikun hemm tnaqqis ieħor fl-ispiża globali għall-baġit federali. (iii) Il-gvern federali jagħfas biex ma jkunx hemm żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku fl-2005. Barra minn hekk, (iv) l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fl-2005 se jitnaqqas permezz ta' ħlas lura ta' sussidju mill-Landesbanken lejn il-baġits ta' l-istati rispettivi, wara deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Ottubru 2004.

Meta mqabbla max-xenarju inizjali għall-iżbilanċ ġenerali tal-gvern għall-2005 ta' € 76.6bn (3.4% tal-PGD) fil-previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni, it-tliet miżuri proposti mill-gvern federali flimkien mal-ħlas lura tas-sussidju mill-banek ta' l-istati ( Landesbanken ) huma mistennija li jnaqqsu l-iżbilanċ għall-2005 għal 2.9% tal-PGD fil-kuntest ta' xenarju ta' tkabbir fil-PGD li jibqa' l-istess bħal dak tal-previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni. Speċifikament:

(i) L-uffiċċju għall-pagamenti (klassifikat mas-settur privat minn ESA95) se jaqleb f'titoli ta' dejn id-dħul mistenni ta' kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mill-kumpaniji suċċessuri ta’ l-uffiċċju tal-posta, liema kontribuzzjonijiet huma stabbiliti mill-liġi. Fl-2003, il-fond ħallas madwar € 6.5bn f’pensjonijiet u rċieva ħlas mill-baġit federali ta' € 5.3bn. Il-valur preżenti tal-kontribuzzjonijiet tal-kumpaniji suċċessuri lil dan l-uffiċċju tal-pagamenti huwa stmat għal madwar € 13-14bn (Ir-Rapport Annwali ta' l-2005 tal-Kunsill Ġermaniż għall-Konsulenti Ekonomiċi). Id-dħul mill-konverżjoni f’titoli huwa stmat li jkun biż-żejjed biex ikopri kompletament il-ħlas ta' pensjonijiet minn dan l-uffiċċju fl-2005 u l-2006. L-istat federali jkun għalhekk meħlus milli jkopri l-iżbilanċ ta' l-uffiċċju għall-pagamenti f’dawk is-snin, u dan inaqqas l-ispiża tal-gvern, skond ir-regoli ta' l-ESA95. Din il-miżura hija mistennija li tnaqqas l-ispiża tal-gvern b'€ 5.45bn fl-2005 meta mqabbla mal-previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet Ġermaniżi taw lill-Eurostat informazzjoni dettaljata dwar in-natura ta' din l-operazzjoni.

(ii) Il-ministeri Federali huma marbuta li jnaqqsu l-ispiża globali (“ Globale Minderausgabe ”) b'€ 1bn oħra fl-2005. Ġeneralment, dan it-tnaqqis fl-ispiża jkun inkluż fil-baġit (jiġifieri jnaqqas l-iżbilanċ ippjanat), imma ma jkunx allokat għat-taqsimiet individwali tal-baġit (għax il-baġits fuq dan il-livell aktar baxx ikunu diġà ġew innegozjati bejn il-Ministeri). Għall-2005, l-abbozz għall-baġit federali ppreżentat f’Ġunju diġà kien fih element ta' tnaqqis fl-ispiża li jammonta għal € 1.4bn. B’dan it-tnaqqis addizzjonali fl-ispiża globali, l-ammont ippjanat bħala ‘tnaqqis globali fl-ispiża’ fil-baġit issa jkun jgħodd b’kollox 2.4 bn. Biex inqabblu: il-baġit federali ta' l-2004 kien jinkludi tnaqqis fl-ispiża globali ta' € 3.3bn, li ġie rispettat. Din il-miżura hija prevista li tnaqqas l-ispiża tal-gvern b’€ 1bn fl-2005 meta mqabbla mal-previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni.

(iii) Il-gvern federali bi ħsiebu li ma jagħtix żidiet fil-pagi għas-servizz pubbliku fl-2005 (“Nullrunde”). Ġeneralment, il-gvern federali jinnegozja l-kuntratti tal-pagi mal-union ta' l-impjegati tiegħu f’isem dawk kollha li jħaddmu fil-qasam pubbliku (jiġifieri l-istati wkoll). Dawn il-ftehim huma mbagħad addattati għall-impjegati pubbliċi. L-aħħar ftehim stipula żidiet fil-pagi kontrattwali ta' 1% fl-1.1.2004 u mbagħad ukoll ta' 1% fl-1.5.2004; il-kuntratt kurrenti jintemm fil-31.1.2005. Ladarba l-impjegati kellhom tnaqqis fil-ħlas tal-bonus fl-2003 u l-2004, u l-impjegati pubbliċi federali ittawlilhom il-ħin tax-xogħol minn 38.5 sa 40 siegħa fil-ġimgħa minn Ottubru 2004, xenarju fejn ma jkunx hemm żidiet fil-pagi ma jidhirx probabbli. Ladarba r-riżultat ta' din il-miżura huwa inċert, il-Kummissjoni iżżomm mal-premessa ta' żieda moderata fil-pagi, li kienet inkluża fil-previżjoni tal-Ħarifa.

(iv) Fl-20 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li xi tranżazzjonijiet magħmula fil-bidu tas-snin disgħin mill-Länder ma' (dawk li dak iż-żmien kienu) seba' Landesbanken jikkostitwixxu sussidji illegali. Ladarba l-Länder ikkommettew ruħhom fil-Kunsill għall-Ippjanar Fiskali, wieħed jassumi li l-ħlas lura tas-sussidji se jitniżżel fil-kontijiet tal-Lander fl-2005 u li m'huma se jingħataw l-ebda sussidju li jagħmel tajjeb għalihom. Dan iwassal għal tnaqqis ta' € 4.3 bn fl-ispiża ġenerali tal-gvern fl-2005.

B’kollox, il-Kummissjoni tikkalkula li l-ispiża ġenerali tal-gvern se titnaqqas b'€ 10.75bn (0.5% tal-PGD) fl-2005 meta mqabbla mal-previżjoni tal-Ħarifa. Jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, huwa mbassar li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern jonqos għal € 65.9bn, li huma ekwivalenti għal 2.9% tal-PGD. Il-previżjoni tal-Ħarifa bassret tnaqqis fl-iżbilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku ta’ 0.5 punti perċentwali fl-2005. Meta wieħed jinkludi t-tnaqqis addizzjonali fl-ispiża, il-bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku jitjieb b’punt perċentwali fl-2005. Ta' min jinnota li t-tranżazzjoni tal-fond tal-pensjoni hija mistennija li tnaqqas 0.25% tal-PGD mill-ispiża tal-baġit federali fl-2006 wkoll. Jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, dan inaqqas l-iżbilanċ previst għall-2006 minn 2.9% għal 2.6% tal-PGD meta mqabbel mal-previżjoni tal-Ħarifa. Madankollu, l-ebda waħda mill-miżuri msemmija hawn fuq m'hi riforma strutturali li tagħti benefiċċji fit-tul. It-tnaqqis fl-ispiża lejn l-uffiċċju tal-pagamenti jippostponi għall-futur il-ġarr ta' dan il-piż impliċitu, it-tnaqqis fl-ispiża globali huwa miżura ad hoc u l-ħlas lura tas-sussidju huwa gwadann ta' darba. Kwalunkwe żvilupp negattiv min-naħa makroekonomika jew baġitarja tista ttella' l-iżbilanċ għal aktar minn 3% fl-2005. Jekk iseħħu żviluppi negattivi bħal dawn, it-twettiq ta' miżuri oħra addizzjonali jkun neċessarju biex jiżgura l-korrezzjoni tas-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2005.

Madankollu, dan it-titjib fis-sitwazzjoni makroekonomika u tal-baġit fl-2005 ma jkunx biż-żejjed biex iwassal għal tendenza ta’ tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn. Il-Kummissjoni tbassar li l-proporzjon tad-dejn sa jiżdied għal 67.1% tal-PGD fl-2006. Ladarba, wara dan, il-piżijiet impliċiti minn dawn il-miżuri għandhom jiżdiedu, il-Kummissjoni ma tistenniex tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn wara l-2006. Is-sitwazzjoni baġitarja tal-Ġermanja tibqa' fraġli u għaldaqstant il-bżonn għal aġġustamenti baġitarji strutturali jibqa’ wieħed kbir.

Previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni għall-Ġermanja emendata skond il-miżuri addizzjonali

2003 | 2004 | 2005 | 2006 |

Tkabbir reali fil-PGD (bidla %) | -0.1 | 1.9 | 1.5 | 1.7 |

Bilanċ ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | -3.8 | -3.9 | -2.9 | -2.6 |

Bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku (bħala % tal- PGD) | -3.0 | -3.4 | -2.4 | -2.1 |

Dħul ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | 45.0 | 43.5 | 43.2 | 43.0 |

Spiża ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | 48.8 | 47.5 | 46.1 | 45.6 |

Proporzjon tad-dejn gross ġenerali tal-gvern mal-PGD | 64.2 | 65.9 | 66.7 | 67.1 |

Dawn l-estimi huma bbażati fuq il-premessa li ma jkunx hemm bidliet fil-politika. Il-figuri jistgħu ma jaqblux għal kollox bejniethom minħabba rounding .

4. VALUTAZZJONI TAS-SITWAZZJONI FI FRANZA

L-awtoritajiet Franċiżi qed ibassru li l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern jinżel minn 4.1% tal-PGD fl-2003 għal 3.6% tal-PGD fl-2004. Din hija konformi mal-miri inizjali stabbiliti fl-abbozz tal-baġit għall-2004. L-osservanza tal-miri fir-rigward ta' l-iżbilanċ fl-2004 saret aktar faċli minħabba titjib fis-sitwazzjoni makroekonomika fil-konfront tal-previżjonijiet tal-Baġit: l-awtoritajiet Franċizi bħalissa qed jistennew tkabbir reali fil-PGD ta' 2.5%, meta mqabbel ma' 1.7% fl-abbozz tal-Baġit għall-2004. Fil-previżjoni tagħha tal-Ħarifa ta' l-2004, il-Kummissjoni bassret li l-iżbilanċ għall-2004 jkun ta' 3.7% tal-PGD, fuq il-premessa li l-PGD reali jiżdied bi 2.4%.

In-nuqqas ta' titjib fl-iżbilanċ għall-2004 fil-konfront ta' dak li kien ippjanat, minkejja tkabbir ekonomiku akbar milli mistenni, hija dovuta għal xi żviluppi negattivi. Fosthom ta' min jinnota li f’April, l-istima ta' l-iżbilanċ għall-2003 ġiet riveduta ‘l fuq u għalhekk ikkawżat bidla negattiva fil-bażi (0.1% tal-PGD). F’Mejju, il- Conseil d’Etat parzjalment ħassar ir-riforma tas-sistema tas-sigurtà għal waqt il-qgħad li kienet taħseb biex il-kundizzjonijiet ta' l-eliġġibilità jsiru aktar restrittivi (0.1% tal-PGD). Fl-aħħar, l-ispiża fuq is-saħħa u dik lokali kienu ogħla milli kien ippjanat (0.1% tal-PGD).

Fuq il-premessa ta' tkabbir reali ta' 2.5% fil-PGD, l-abbozz tal-Baġit għall-2005 jipprevedi tnaqqis fl-iżbilanċ minn 3.6% tal-PGD fl-2004 għal 2.9% tal-PGD. It-tnaqqis fl-iżbilanċ huwa previst li jkun dovut għal trażżin fl-ispiża u żieda apprezzabbli fid-dħul. It-trażżin ta' l-ispiża huwa ppjanat li jkun dovut partikolarment għal (i) l-istabbilizzazjoni ta' l-ispiża ta' l-Istat f'termini reali għat-tielet sena konsekuttiva u (ii) tnaqqis ċar fl-ispiża għas-saħħa dovuta għall-ewwel effetti tar-riforma komprensiva tas-sistema ta' l-assigurazzjoni tas-saħħa addottata fis-Sajf ta' l-2004. It-tkabbir fil-proporzjon ta' dħul għal PGD jkun jirrifletti (i) l-impatt ta’ miżuri diskrezzjonali fuq in-naħa fiskali[3] (0.1% tal-PGD) u (ii) pagament ta' darba marbut mat-trasferiment lis-settur tas-sigurtà soċjali tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-pensjonijiet lill-impjegati tal-kumpaniji pubbliċi ta' l-elettriku u l-gass. Minn meta ġie ppreżentat l-abbozz tal-Baġit f’Settembru ‘l hawn, dan il-pagament ta' darba kien rivedut b’żieda ċkejkna (b’0.1% tal-PGD għal 0.5% tal-PGD).

Dan it-titjib fil-qagħda baġitarja fl-2005 ma jkunx biż-żejjed biex iwassal għal tendenza ta' tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn. Skond il-previżjoni multi-annwali marbuta mal-Baġit, il-proporzjon tad-dejn jibda jonqos fl-2006. F’dik is-sena, minkejja li jispiċċaw id-dħul ta' darba ta' l-2005, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern jitniżżel għal 2.2% tal-PGD.

Il-previżjoni tal-Ħarifa ta' l-2004 tas-servizzi tal-Kummissjoni turi żbilanċ ġenerali tal-gvern ta' 3.7% tal-PGD fl-2004 u 3.0% fl-2005. Id-differenza żgħira bejn it-tbassir tal-Kummissjoni u dak ta' l-awtoritajiet Franċiżi hija dovuta għal żewġ fatturi: (i) il-previżjonijiet makroekonomiċi tal-Kummissjoni huma aktar kawti minn dawk ta' l-awtoritajiet Franċiżi: il-Kummissjoni qed tbassar tkabbir reali ta' 2.2% fil-PGD fl-2005 meta mqabbla mat-2.5% mbassra mill-awtoritajiet Franċiżi; u (ii) minkejja li tqis li r-riforma tas-sistema ta' l-assigurazzjoni tas-saħħa għandha twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-ispiża fuq tul medju ta' żmien il-Kummissjoni hija aktar kawta dwar l-impatt ta' din ir-riforma fi żmien qasir. Il-fatt li, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi, id-dħul ta' darba inklużi fil-previżjoni tal-Ħarifa tal-Kummissjoni huma ftit akbar minn dawk inklużi fil-previżjoni ta' l-abbozz tal-Baġit (b’0.1% tal-PGD) jagħmel tajjeb biss parzjalment għall-effett negattiv akkumulat ta' dawn iż-żewġ fatturi (0.2% tal-PGD). Skond il-kalkoli tal-Kummissjoni bbażati fuq il-previżjoni tagħha tal-Ħarifa, l-iżbilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku għandu jitnaqqas b’0.7 punti perċentwali tal-PGD fl-2005, li 0.5 punt perċentwali minnhom jirrifletti l-impatt ta' miżuri ta' darba.

Madankollu, s-sitwazzjoni tal-baġit fi Franża tibqa' waħda vulnerabbli. Ladarba l-iżbilanċ huwa previst li jitnaqqas għal ftit biss taħt it-3% tal-PGD mill-awtoritajiet Franċiżi u għal eżattament 3% tal-PGD mill-Kummissjoni, kwalunkwe żvilupp negattiv fil-qasam baġitarju jew makroekonomiku għandu jkun biż-żejjed biex itella' l-iżbilanċ għal iżjed minn 3% u għalhekk jikkomprometti l-ilħiq ta' l-għan li jissewwa l-iżbilanċ żejjed sa mhux aktar tard mill-2005. Barra minn dan, it-tnaqqis fl-iżbilanċ fl-2005 jiddependi l-aktar fuq l-impatt pożittiv fuq l-istatistika baġitarja ta' miżura li hija essenzjalment newtrali għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-bażi tal-Gvern Franċiż. Fil-fatt, filwaqt li t-trasferiment tar-responsabbiltà lis-servizz tas-sigurtà soċjali għall-ħlas tal-pensjonijiet lill-impjegati tal-kumpaniji pubbliċi ta' l-elettriku u l-gass timplika l-ħlas ta' somma kbira lill-gvern ġenerali fl-2005, hija timplika wkoll spiża akbar fis-snin li ġejjin ta' ammont akkumulat komparabbli magħha ladarba s-servizz tas-sigurtà soċjali se jkollu jħallas il-benefiċċji tal-pensjoni lill-impjegati tas-setturi ta' l-elettriku u l-gass. In-natura temporanja ta' din il-miżura hija riflessa fil-previżjoni tal-Kummissjoni għall-iżbilanċ ta' l-2006 li, fuq il-premessa li l-politika ekonomika ma tinbidilx, tbassar żieda fl-iżbilanċ għal 3.3% tal-PGD. Dan ifisser li miżuri oħra ta' konsolidazzjoni ikollhom jittieħdu sabiex jiġi evitat li jerġa jinqabeż il-limitu ta' 3% tal-PGD fl-2006.

Previżjoni tal-Kummissjoni għal Franza, Ħarifa 2004

2003 | 2004 | 2005 | 2006 |

Tkabbir reali fil-PGD (bidla %) | 0.5 | 2.4 | 2.2 | 2.2 |

Bilanċ ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | -4.1 | -3.7 | -3.0 | -3.3 |

Bilanċ aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku (bħala % tal- PGD) | -3.8 | -3.5 | -2.8 | -3.1 |

Dħul ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | 50.5 | 50.5 | 50.9 | 50.4 |

Spiża ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | 54.7 | 54.2 | 53.9 | 53.8 |

Dejn gross ġenerali tal-gvern (bħala % tal-PGD) | 63.7 | 64.9 | 65.5 | 66.3 |

Dawn l-estimi huma bbażati fuq il-premessa li ma jkunx hemm bidliet fil-politika. Il-figuri jistgħu ma jaqblux għal kollox bejniethom minħabba rounding .

5. KONKLUżJONIJIET

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi uniċi maħluqa mis-sentenza tal-Qorti fir-rigward tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv fejn jidħlu l-Ġermanja u Franza, b'mod partikolari, l-effetti tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003 qabel ma dawn ġew annullati mill-Qorti fit-13 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni issa tasal għall-konklużjonijiet li ġejjin dwar is-sitwazzjoni taż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

Fejn tidħol il-Ġermanja, fuq l-informazzjoni kurrenti u fuq il-bażi tal-miżuri ddettaljati fil-pjanijiet tal-baġit għall-2005 u l-pjan għal tnaqqis addizzjonali fl-ispiża mħabbar mill-Gvern fl-4 ta' Novembru 2004, jidher li l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi huma bejn wieħed u ieħor konsistenti mal-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2005. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li f’dan il-punt m’huma meħtieġa l-ebda passi oħra taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Fejn tidħol Franza, fuq l-informazzjoni kurrenti u fuq il-bażi tal-miżuri ddettaljati fil-pjanijiet tal-baġit għall-2005, jidher li l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi huma bejn wieħed u ieħor konsistenti mal-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv sa l-2005. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li f’dan il-punt m’huma meħtieġa l-ebda passi oħra taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

Il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni tal-baġit f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri tibqa' vulnerabbli. Il-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv titlob twettiq effettiv tal-miżuri kollha previsti. Jekk fi stadju aktar tard jidher li jkun hemm nuqqasijiet fit-twettiq tal-korrezzjoni prevista, l-Kummissjoni jkollha tirrakkomanda lill-Kunsill li jżid is-sorveljanza baġitarja u li jieħu l-azzjonijiet meħtieġa skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku.

[1] Każ C-27/04, Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

[2] “Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv”, IP/04/897 tat-13 ta' Lulju 2004.

[3] Iż-żidiet fit-taxxi deċiżi fil-kuntest tar-riforma tas-sistema ta' l-assigurazzjoni tas-saħħa sa jkunu iktar milli biż-żejjed biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis fit-taxxi mħabbra fl-abbozz tal-Baġit għall-2005 u għall-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq ħlasijiet ta' interessi fuq is-self għall-konsum u fuq trasferimenti finanzjarji bejn ġenerazzjonijiet differenti ta' qraba, mħabbra f’Mejju 2004.

Top