Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AR0094

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Immodernizzar tal-Ħarsien Soċjali għal Aktar Impjiegi ta' Kwalità Tajba - metodu komprensiv li jwassal biex ix-xogħol ikun vantaġġuż

    ĠU C 318, 22.12.2004, p. 12–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2004   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 318/12


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Immodernizzar tal-Ħarsien Soċjali għal Aktar Impjiegi ta' Kwalità Tajba - metodu komprensiv li jwassal biex ix-xogħol ikun vantaġġuż

    (2004/C 318/03)

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

    Wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Immodernizzar tal-Ħarsien Soċjali għal Aktar Impjiegi ta' Kwalità Aħjar –metodu komprensiv li jwassal biex ix-xogħol ikun vantaġġjuż. (KOM(2003) 842 finali);

    Wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta' Jannar 2004 li tikkonsulta l-Kumitat dwar dan it-test skond l-Artikolu 265(1) tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea;

    Wara li kkunsidra d-deċiżjoni mill-President tal-KtR fis-26 ta' Settembru 2003 li jitlob lill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Soċjali biex tħejji Opinjoni dwar dan is-suġġett;

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 15/2003 fin (1)) dwar il-Ħarsa mill-Ġdid lejn l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impieg u l-Linji ta' Gwida għall-2003 ibbażati fuq il-Komunikazzjoni dwar Evalwazzjoni ta' ħames snin ta' l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjieg (COM(2002) 416 finali) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjieg (SEI/EES): Strateġija għal xogħol għal kullħadd u impiegi aħjar għal kullħadd (KOM(2003) 6 finali);

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 167/2002 fin (2)) dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Scoreboard dwar it-Tħaddim ta' l-Aġenda ta' Politika Soċjali”;

    Wara li kkunsidra l-abbozz ta' Opinjoni (CdR 94/2004 rev. 1) adottata mill-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika u Socjali fit-30 ta' April 2004 (rapporteur: Is-Sur Roberto Pella, President tal-Kunsill Provinċjali ta' Biella (Italja –PPE);

    Adotta l-Opinjoni li ġejja fis-sessjoni plenarja Nru 55 nhar is-16 u s-17 ta' Ġunju 2004 (sessjoni tas-16 ta' Ġunju)

    1.   Il-Fehmiet tar-Kumitat tar-Reġjuni

    Billi:

    1.1

    il-Kumitat tar-Reġjuni konsistentement, inkluż f'Opinjonijiet eċenti, approva l-proċess varat f'Lisbona, li għaraf ir-rabtiet mill-qrib bejn il-politika ekonomika, il-politika ta' impjieg u l-politika soċjali;

    1.2

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jffisser żvilupp ewlieni fil-proċess varat bis-Summit ta' Lisbona ta' salvagwardja tad-dimensjoni soċjali tal-politika Ewropea;

    1.3

    id-dokument juri l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tfittex li tikseb l-għanijiet imħejjija fl-Aġenda ta' Politika Soċjali, li l-Kumitat diġà approva, mhux l-inqas fil-kuntest ta' l-Iscoreboard annwali dwar it-Tħaddim ta' l-Aġenda ta' Politika Soċjali;

    1.4

    il-KtR jilqa' in-natura dettaljata tad-dokument tal-Kummissjoni, li jersaq b'mod komprensiv lejn il-kwistjoni;

    1.5

    il-KtR jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-bosta aspetti tal-politika soċjali u tħejji proposti li jittrattaw dwar l-għadd bla tmiem ta' l-aspetti kollha taż-żoni differenti; dawn huma miżuri li għandhom jitħaddnu fil-livelli kollha – dak Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali – biex iċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw kwalità tajba ta' ħajja;

    1.6

    il-KtR huwa konvint mill-ħtieġa – li tidher ukoll f'ħafna dokumenti tal-Kummissjoni – li jiġu żviluppati l-aktar strutturi xierqa biex tisfrutta u twettaq il-potenzjal Ewropew ta' impieg, li huwa għoli ħafna;

    1.7

    il-KtR jagħraf u jenfasizza l-valur miżjud fil-kwalità tal-ħajja ta' kull persuna mill-opportunità li ssib xogħol sodisfaċenti sew mill-punt finanzjarju sew minn dak professjonali;

    1.8

    il-KtR jilqa', partikolarment, il-kunċett ta' ħarsien soċjali tal-Komunikazzjoni mhux bħala sistema li tissostitwixxi l-ħila ta' kull persuna li jieħu r-responsabbiltà għall-kwalità ta' ħajtu iżda bħala miżura li tista' tagħti appoġġ lill-individwi billi tagħtihom fiduċja ġdida fihom infushom u toħloq il-kundizzjonijiet soċjali meħtiega biex ikunu jistgħu jidħlu għar-rwoli sħaħ tagħhom bħala Ewropej, biex ma jkollhomx għalfejn jibqgħu fi stat ta' faqar u eskluzjoni soċjali;

    1.9

    il-KtR jingħaqad mal-Kummissjoni biex jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri effettivi ta' prevenzjoni u ta' riabilitazzjoni biex ma tħallix faqar u esklużjoni soċjali fil-gruppi ta' popolazzjoni l-aktar vulnerabbli;

    1.10

    il-KtR jingħaqad mal-Kummissjoni biex juri li s-servizzi pubbliċi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikolarment, bħall-kura tat-tfal u t-taħriġ għalihom soċjo-edukattiv, u kura u ħarsien soċjali għall-anzjani u nies b'diżabbiltà, eċċ., huma meħtieġa jekk iċ-ċittadini Ewropej għandhom jingħataw il-possibbiltà ta' impieg sodisfaċenti;

    1.11

    il-KtR jilqa', partikolarment, l-enfasi mogħtija lill-ħtieġa li ġġib 'il quddiem is-servizzi għall-anzjani, u jixtieq ukoll jenfasizza li dawn is-servizzi m'għandhomx biss jiġu maħsuba bħala faċilitajiet ta' kura għall-anzjani barra mill-familja, iżda li, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba fuq livell lokali u reġjonali, l-aktar servizzi ta' valur, kapaċi li jikkombinaw ir-risq sew tal-persuna anzjana sew tal-familja tagħha, jidhru li huma dawk mogħtija fid-dar stess tal-persuna, fejn dan hu possibbli;

    1.12

    il-KtR jinnota r-raġjuni għaliex m'hemmx ebda tagħrif marbut mal-pajjiżi l-ġodda fid-dokument, jiġifieri li l-Kummissjoni wżat kwestjonarji speċjali biex tkun tista' tħejji dokument, li ntbagħtu wkoll lill-pajjiżi l-ġodda, iżda ma rċievietx tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarji minn dawn il-pajjiżi u għalhekk ma setgħetx tinkludihom fl-assessjar tal-bosta strateġiji mħaddna biex tkattar l-impiegi.

    2.   Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Il-Kumitat tar-Reġjuni

    2.1

    b'riferiment għall-miżuri ta' riabilitazzjoni msemmija mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tħeġġeg li jidħlu lura fl-impjieg gruppi soċjali ta' riskju bħal nies b'diżabbiltajiet, jinnota li jeħtieġu miżuri soċjali ġenwini, mhux biss miżuri mediċi kif il-Kummissjoni tidher li qed isostni fil-Komunikat tagħha. Tabilħaqq, f'ħafna każijiet, ir-ritorn lura lejn ix-xogħol huwa mfixkel mhux biss minn fatturi mediċi, minn impedimenti fisiċi fil-prattika, iżda wkoll minn fatturi materjali, psikoloġiċi, soċjali u ta' komportament; il-Kummissjoni għandha għalhekk tqiegħed aktar enfasi, u mhux biss fil-konklużjonijiet tagħha, fuq ir-rwol ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twettiq ta' medda aktar komprensiva ta' miżuri soċjali u ta' welfare f'dawn il-każijiet. Dawn il-miżuri għandhom, naturalment, jimxu id f'id ma' miżuri ta' riabilitazzjoni fis-sens mediku tal-kelma, biex jitħaddmu, l-ewwel u qabel kollox, permezz ta' skemi ta' livell nazzjonali;

    2.2

    jlissen il-ħtieġa, kif diġà ntwera f'fehmiet oħrajn, li jitħaffu l-miżuri li għalihom hemm provvdut fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u jiġu sinkronizzati mal-miżuri ta' politika ekonomika u ta' impjieg; għandhom isiru dispożizzjonijiet sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li qegħdin fl-aqwa pożizzjoni biex jintervjenu ma' l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà jiġu kkonsultati u, qabel xejn, jiġu nvoluti fil-każijiet kollha;

    2.3

    jagħmel sejħa lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar enfasi fuq ir-rwol tal-OMG (NGOs), li ma jissemmewx fil-Komunikat iżda li xogħolhom flimkien ma' dak ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali peress li jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi ta' kwistjonijiet soċjali, l-aktar billi jagħtu lin-nies fir-riskju li jibqgħu barra l-opportunitajiet li jidħlu f'kuntatt mad-dinja tax-xogħol, mhux l-inqas ma' l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

    2.4

    jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli iżżomm dejjem f'moħħa, kif tagħmel fid-dokument li din l-Opinjoni tirreferi għalih, il-punti ewlenija li diġa saru fir-rigward tal-modernizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali, li huma għanijiet li għandhom l-għarfien tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona: impieg ta' kwalità għolja, skemi ta' pensjoni fis-sod, integrazzjoni soċjali u ħarsien tas-saħħa;

    2.5

    Billi jżomm f'moħħu t-Tielet Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, imressaq mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta' Frar 2004 fejn hu jgħid li “nuqqasijiet ġeografiċi jew naturali partikolari jistgħu jintensifikaw il-problemi ta' żvilupp, b'mod partikolari fir-reġjuni li jinsabu fuq in-naħa ta' barra ta' l-Unjoni u f'ħafna gżejjer”, il-Kummissjoni għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet billi tappoġġja jew toħloq miżuri bħall-edukazzjoni u inċentivi għal gżejjer fir-reġjuni li jinsabu fuq in-naħa ta' barra ta' l-Unjoni sabiex timmodernizza l-ħarsien soċjali għal aktar xogħlijiet u ta' kwalità aħjar liċ-ċittadini tagħom speċjalment għal dawk li għandhom diffikultà biex isibu xogħol lil hinn mil-lokalità li fiha jkunu trabbew.

    2.6

    jtenni l-opinjoni tiegħu li jekk l-Ewropa, kif għandha tagħmel, ser tersaq aktar qrib il-pubbliku tagħha u ssir aktar demokratika u aktar trasparenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili għandu jkunu involuti aktar mill-qrib, mhux l-anqas permezz ta' l-NGOs, fit-tħejjija, tħaddim u assessjar tal-politika ekonomika, soċjali u ta' impieg;

    2.7

    itenni, fir-rigward tal-komunikazzjoni imsemmi, il-punti li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà għamel fl-Opinjoni tiegħu (CdR 15/2003) dwar il-Ħarsa mill-ġdid lejn l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impieg u l-Linji ta' Gwida għall-2003 ibbażati fuq il-Komunikazzjoni dwar Analiżi ta' ħames snin ta' Strateġija Ewropea ta' l-Impjieg (KOM(2002) 416 finali) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni ta' l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impieg (SEI/EES): Strateġija għall-Impieg sħih u xogħol aħjar għal kullħadd (KOM(2003) 6 finali), jiġifieri li:

    dawk li jaġixxu fil-lokal u fir-reġjun għandhom rwol importanti bħala nies li jipprovdu servizzi ta' ħarsien soċjali, ta' taħriġ u edukattivi li jagħtu appoġġ lill-impieg, billi jiżviluppaw is-swieq lokali tax-xogħol u opportunitajiet ġodda ta' xogħol, barra milli huma nies li jagħtu x-xogħol huma stess;

    għandhom influwenza wiesa' fuq il-kondizzjonijiet ta' aċċess fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, nisa, immigranti u popolazzjoni ta' anzjani u fuq il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza tas-suq tax-xogħol;

    ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom fl-integrazzjoni tal-gruppi barra mis-suq tax-xogħol huwa ta' sikwit kruċjali;

    livell għoli ta' impieg huwa wkoll għan ewlieni tal-politika ta' żvilupp lokali u kundizzjoni meħtieġa minn qabel fiż-żamma tal-livell tas-serizzi;

    partnerships bejn is-settur pubbliku, l-impriżi, dawk li jaġixxu fis-settur ta' l-ekonomija soċjali u l-NGOs huma ta' importanza partikolari biex iżżid il-koeżjoni soċjali u toħloq kapital soċjali ġdid, impriżi u xogħol u b'hekk tagħmel mis-suq tax-xogħol post stimulanti anki għal dawk iċ-ċittadini li qegħdin fil-periklu li jitħallew barra;

    2.8

    jagħmel sejħa lill-Kummissjoni biex tisħaq, f'kull komunikazzjoni li tindirizza kwistjonijiet marbuta mal-ħtieġa ta' suq tax-xogħol aktar flessibbli, dwar il-ħtieġa ta' appoġġ tal-ħaddiema li jiddeċiedu jieħdu direzzjoni ġdida fil-karriera tagħhom; in-nuqqas ta' miżuri xierqa ta' ħarsien soċjali huwa theddida għall-flessibilità tas-suq tax-xogħol, li hija issa vitali minħabba n-natura tas-suq globali;

    2.9

    jemmen li s-sigurtà ekonomika bażika hija importanti sew għall-ħaddiema b'paga baxxa kemm għall-ħaddiema li għandhom pożizzjoni ta' responsabbiltà medja jew għolja. Barra minn hekk, l-appoġġ għandu jkun iffukat fuq it-taħriġ u l-aġġornament ta' kompetenzi;

    2.10

    jinnota li l-skemi ta' ħarsien soċjali, partikolarment dawk ta' natura finanzjarja, għandhom jinvolvu lil min jagħti x-xogħol li jista' jkun f'qagħda aħjar biex iżomm taħt għajnejh sitwazzjonijiet individwali u għalhekk f'qagħda aħjar biex iħaddem miżuri li jħeġġu r-ritorn lura lejn ix-xogħol ta' nies bħall-ħaddiema b'diżabilità u x'aktarx ukoll jgħinhom biex isibu pożizzjoni professjonali ġdida fl-istess ditta jew ditta oħra;

    2.11

    jirrakkomanda li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li, mingħajr ħsara għall-awtonomija sħiħa leġislattiva ta' kull Stat Membru fil-qasam tal-politika soċjali, l-Istati Membri ta' l-UE jgħarfu l-importanza tal-linji ta' gwida proposti mill-Kummissjoni fil-konkluzjonijiet tal-Komunikazzjoni u tar-rwol ewlieni ta' l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    Brussel, is-16 ta' Ġunju 2004

    Il-President

    tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Peter STRAUB


    (1)  ĠU C 244 ta' l- 10.10.2003, p. 46.

    (2)  ĠU C 66 tad-19.3.2003, p. 1.


    Top