EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AE0966

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar impjiegi u ta' kwalità aħjar - avviċinament komprensiv li jwassal għal xogħol li jirrendi (KOM(2003) 842 finali)

ĠU C 302, 7.12.2004, p. 86–89 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

7.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 302/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: L-immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar impjiegi u ta' kwalità aħjar - avviċinament komprensiv li jwassal għal xogħol li jirrendi

(KOM(2003) 842 finali)

(2004/C 302/18)

Fil-5 ta' Jannar 2004 il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, taħt l-Artiklu 262 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: l-Immodernizzar tal-ħarsien soċjali għal aktar impjiegi u li jkunu aħjar — avviċinament komprensiv li jwassal għal xogħol li jirrendi.

It-Taqsima tax-Xogħlijiet, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, li kienet responsabbli għat-tħejjija tax-xogħol tal-Kumitat fuq is-suġġett, addottat l-opinjoni tagħha fl-14 ta' Ġunju 2004. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura St Hill.

Fis-sessjoni plenarja Nru 140 tat-30 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2004 (il-laqgħa ta' l-1 ta' Lulju) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew addotta l-opinjoni li ġejja b'130 vot favur, 13 –il vot kontra u 24 –il astensjoni.

1.   Introduzzjoni

1.1

Din ir-rebbiegħa, il-Kunsill Ewropew għamel talba għall-Komunikazzjoni preżenti u ltaqa' biex jiddiskuti l-progress fuq it-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali bil-għan li jsiru aktar “qrib tax-xogħol”. L-għan hu li dan għandu jinkiseb permezz ta' enfasi akbar fuq kemm l-inċentivi jkunu effettivi (jiġifieri, is-sistemi ta' benefiċċji fil-pajjiżi membri, ir-rikonċiljazzjoni bejn il-familja u l-ħajja tax-xogħol, il-pensjonijiet għal ħaddiema li jirtiraw, kif ukoll is-sussidji biex jitnaqqsu il-faqar u l-esklużjoni soċjali). Din il-laqgħa saret wara l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-Forza tax-Xogħol dwar l-Impjiegi (1) lill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2003. Il-komunikazzjonijiet li saru minn dawn iż-żewġ avvenimenti importanti jisħqu fuq l-isfidi ewlenin dwar l-impjiegi li qed tiffaċċja l-Ewropa, waqt li ġew identifikati riformi li jeħtieġ jitwettqu jekk l-UE trid tilħaq l-għanijiet li hija stabbiliet għaliha stess fl-istrateġija ta' Lisbona.

Hemm qbil li l-Unjoni Ewropea tinsab diġà tard biex din tilħaq l-għan ambizzjuż tagħha, li kien ġie stabbilit fil-laqgħa ta' Lisbona fis-sena 2000, li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għerf fid-dinja u li jkollha kemm tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar impjiegi ta' kwalità aħjar, kif ukoll koeżjoni soċjali akbar sas-sena 2010. It-tnejn jagħrfu li waqt li l-għanijiet tal-laqgħa ta' Lisbona huma ambizzjużi, l-Ewropa ma tiflaħx titlifhom. Ir-rekwiżit ewlieni biex l-għanijiet ta' Lisbona jkunu jistgħu jitwettqu huwa li l-Istati Membri kollha jżidu l-isforzi tagħhom.

Hawnhekk, l-indikaturi uffiċjali kollha juru li s-suċċess fil-ħolqien ta' aktar impjiegi u li jkunu aħjar jiddependi fuq erba' kriterji ewlenin:

1.

Li tiżdied l-addattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi;

2.

Li aktar nies ikunu inklużi u miġbuda jersqu lejn is-suq tax-xogħol,

3.

Li jkun hemm aktar u aktar investiment effettiv fil-kapital uman,

4.

Li tkun żgurat it-tħaddim effettiv tar-riformi bi tmexxija aħjar.

Waqt li dawn il-prerekwiżiti huma marbuta l-aktar mal-provvista u huma b'mod ċar fil-mira tal-gvernijiet nazzjonali, din l-Opinjoni se ddaħħal kriterju addizzjonali għal sħubija vera bejn il-pubbliku u l-privat dwar kif isir il-ħlas tax-xogħol; dan billi jkunu inklużi wkoll ir-responsabbiltajiet ta' min inħaddem f'dan l-isforz importanti.

1.2

Taħt dawn il-valutazzjonijiet reċenti hemm il-motivazzjoni addizzjonali biex ikun żgurat li l-inċentivi biex tiżdied il-provvista tax-xogħol ikunu bbilanċjati b'mod effettiv mal-miżuri biex ikun hemm ħarsien soċjali tajjeb għal kulħadd filwaqt li tinżamm l-effiċjenza ta' l-ispejjeż pubbliċi f'dan il-qasam. Dan il-bilanċ huwa importanti ħafna jekk il-pajjiżi jridu jevitaw il-possibiltà ta' periklu għal żmien twil li jkun ġej minħabba s-senilità tal-popolazzjonijiet ta' l-Ewropa, aspett li għandu implikazzjonijiet serji mhux biss biex tinżamm forza tax-xogħol tajba ħafna, iżda wkoll li jista' jkun hemm theddida għall-vijabbiltà tas-sistemi soċjali Ewropej infushom. Ir-rabta dejjem tikber mas-suq tax-xogħol, l-aktar fost gruppi żvantaġġati, speċjalment l-ommijiet, minoritajiet razzjali, nies b'diżabbiltà u żgħażagħ li jkunu f'xogħol inċert, hija għan importanti għall-kumbinazzjoni effettiva tal-ħarsien soċjali u t-twessiegħ ta' l-impjiegi. Din l-opinjoni tagħmel għażla bejn dawn il-gruppi għaliex biex tniżżel rekord dettaljat fuq kull żvantaġġ possibbli jsir ta' valur inqas għall-politika, u għaliex dawn il-gruppi msemmija fuq isibuha diffiċli ħafna biex jirbħu l-iżvantaġġi tagħhom; dan minħabba tradizzjonijiet ta' politika mhux korretti li jkomplu jqisu bħala ndaqs l-iżvantaġġi kollha tas-suq tax-xogħol.

1.3

Fuq il-livell ta' l-UE, l-isforzi li jkunu saru mill-Istati Membri biex jiġu riveduti is-sistemi tal-ħarsien soċjali biex dawn ikunu aktar faċli mad-dinja tax-xogħol, jgħaddu minn koordinazzjoni msaħħa ta' politika ekonomika, tax-xogħol u soċjali. Sas-sena 2010 ġew stabbiliti miri ambizzjużi fuq livell ta' UE: biex tiżdied ir-rata ġenerali tax-xogħol għal 70 %, ir-rata tan-nisa li jaħdmu titla' għal 60 %, u r-rata tan-nies li jaħdmu li għandhom bejn il-55 u l-64 sena titla' għal 50 %. Dawn il-miri huma msaħħa minn diversi linji ta' gwida u rakkomandazzjonijiet li huma inklużi fil-Linji ta' gwida ta' Politika Ekonomika Wiesgħa u fil-Linji ta' gwida dwar l-Impjiegi, kif ukoll fl-għanijiet komuni tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-oqsma tal-pensjonijiet u l-inklużjoni soċjali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Huwa importanti li din ir-reviżjoni tiġi ttrattata minn perspettiva ta' perjodu medju għal waħda ta' perjodu twil. Dan minħabba li r-resqien ta' aktar nies lejn is-suq tax-xogħol huwa marbut ma' spejjeż, kemm għal dawk li jkunu qegħda jew ekonomikament mhux attivi kif ukoll għall-gvernijiet, biex ir-riformi li jsiru jkunu jistgħu jiddeterminaw l-ispejjeż miżjuda, qabel ma l-piż ekonomiku fuq il-gvern dwar il-qagħad/nuqqas ta' xogħol ikun verament tnaqqas. L-investimenti pubbliċi u privati biex jitħejjew nies għal ekonomija bbażata fuq l-għerf u għall-iżvilupp kontinwu tal-kapital uman ta' nies li jkollhom età biżżejjed biex jaħdmu, għalkemm proċessi ta' żmien twil jistgħu jieħdu sa 20 sena biex jitwettqu kompletament, jipprovdu l-akbar dħul fuq l-investiment immirat biex jinbidel is-suq tax-xogħol ta' pajjiż. Hemm bżonn li ħaddiema b'inqas snajja', jibbenefikaw minn investimenti pubbliċi u privati għal ħiliet aħjar, b'mod partikolari, jingħataw opportunitajiet għal aktar taħriġ kemm mill-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll minn min iħaddimhom, sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu ilaħħqu mad-domandi li dejjem jinbidlu f'ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-effett ta' miżuri ta' produttività għal żmien twil li jkunu marbuta l-aktar mal-provvista huwa li dawn inaqqsu l-provvista ta' dawk li għandhom ħiliet baxxi; inaqqsu l-qgħad (speċjalment il-qgħad għal perjodu twil ta' żmien); iżidu r-rati tal-parteċipazzjoni fil-forza tax-xogħol (speċjalment tan-nisa); u dawn iżidu wkoll il-produttività ġenerali. Dawn huma r-riżultati permanenti. Approċ maħsub purament għall-provvista, madankollu, ma jkunx biżżejjed. Hemm bżonn ukoll li tiżdied id-domanda għall-ħaddiema billi tiġi segwita politika attiva finanzjarjament u li tħajjar l-impjiegi. Madankollu, uħud mill-Istati Membri li enfasizzaw il-kisbiet mgħaġġla ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi fid-dinja tax-xogħol bis-saħħa tal-kisba tal-kapital uman x'aktarx ma jsibux soluzzjoni għad-dilemma li dawn it-tipi ta' ħaddiema jew jitħallsu ftit jew inkella ma jitħallsux f'punti differenti matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Għalhekk, l-effetti jistgħu jiġru f'daqqa iżda jmutu f'daqqa wkoll, minħabba li persuni b'ħiliet baxxi mhumiex aktar sostenibbli fl-ekonomija globali ta' llum. Għalhekk, f'dan ir-rigward l-effiċjenza tan-nefqa hija importanti daqs it-tnaqqis fin-nefqa.

2.2

Waqt li l-inċentivi finanzjarji tradizzjonali involuti fis-sistemi ta' benefiċċji u taxxi jibqgħu ċ-ċentru tal-politika biex isir il-ħlas tax-xogħol, inċentivi oħra bħalma huma l-ħarsien tat-tfal, l-aċċess u d-dispożizzjonijiet speċjali għal nies b'diżabbiltà, l-assi ta' l-edukazzjoni u s-saħħa pubblika, qed ikunu aċċettati dejjem aktar, minħabba li dawn għandhom sehem kumplementari x'jilagħbu. Għalhekk, l-avviċinament komprensiv nazzjonali, li jinvolvi skala wiesgħa ta' inċentivi finanzjarji u oħrajn li jappoġġjaw l-kisba u ż-żamma tax-xogħol, għandu jiġi rakkomandat aktar milli jkun hemm avviċinament li jkun jenfasizza biss xi metodu jew ieħor. Għal darb'oħra, waqt li titqies is-sostenibbiltà għal perjodu twil ta' żmien, dawn il-punti ta' kura u investiment fil-kapital uman għandhom jitqiesu mill-aspett ta' min jirċevihom (eż. it-tfal ta' ġenituri li jaħdmu u mhux il-ġenituri li jaħdmu stess). Dan minħabba li dawn id-drittijiet u dispożizzjonijiet jiffurmaw sies li ma jinbidilx biex fil-ġejjieni ikun hemm żvilupp mgħaġġel tal-kapital uman f'kuntest ta' suq tax-xogħol. Għandu jsir rikors għall-Fondi Strutturali ta' l-UE sabiex jgħinu aħjar lil dawk in-nies b'ħiliet baxxi li jkunu qed ifittxu xi impjieg, kif ukoll biex ikun hemm investiment essenzjali għal perjodu twil ta' żmien fil-kapital uman u l-infrastruttura soċjali.

2.3

Waqt li ħafna Stati Membri, flimkien ma' l-imsieħba soċjali, żiedu l-investimenti f'miżuri attivi biex jgħinu lil dawk li jkunu qed jidħlu mill-ġdid jew li qed jimxu 'l quddiem fis-suq tax-xogħol billi jtejbu l-ħiliet tagħhom u jsaħħu l-impjegar tagħhom, għandha tingħata aktar attenzjoni biex ikun hemm fatturi determinanti, inkluż l-użu ta' inċentivi fiskali u l-mixi 'l quddiem ta' l-aħjar prattiċi ta' min iħaddem, biex gruppi li jkunu vulnerabbli, bħall-ħaddiema l-aktar anzjani u dawk li jkollhom xi diżabbiltà, jkunu megħjuna fl-ekonomija. Il-KESE jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet xierqa ta' l-UE biex imexxu 'l quddiem u jtejbu politika li tkun tistimula d-domanda u li tkun taffettwa tajjeb il-livelli u l-kwalità tax-xogħol, waqt li tinkuraġġixxi d-dħul ta' eżempji u perspettivi fuq ir-rwol ta' responsabbiltà soċjali konġunta biex jintlaħqu l-għanijiet tal-laqgħa ta' Lisbona fuq l-impjiegi. Kemm min iħaddem u l-impjegati jeħtieġ jagħmlu sforz biex “jagħmlu l-ħlas għax-xogħol”. Għalhekk, il-politika li tistimula d-domanda teħtieġ avviċinament ibbilanċjat ta' “jirbaħ-jirbaħ” u dan iwassal biex min iħaddem jikkonċentra fuq il-ħidmiet ewlenin tiegħu tan-negozju waqt li jinħolqu l-impjiegi, u min ikun qed ifittex xi imjieg ikun jista' jsib xogħol b'livelli ta' ħlas aħjar milli huma setgħu jkunu rċevew minn benefiċċji ta' qgħad jew ta' sigurtà soċjali u li joffri mezz ta' għixien. Kif il-Kumitat argumenta diġà, “is-sistemi ta' tassazzjoni u sigurtà soċjali fl-Istati Membri għandhom ikunu organizzati b'tali mod li jkun jaqbel għall-ħaddiema li jissieħbu fis-suq tax-xogħol u li jibqgħu hemm biex javvanzaw il-karrieri tagħhom, waqt li dawn is-sistemi għandhom ikunu msaħħa b'miżuri biex jikber in-numru ta' l-impjiegi disponibbli” (2).

2.4

L-appoġġ pubbliku għar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja jaħseb biex jgħin familji waqt li dawn ikunu qed jagħmlu xogħol li jkun fundamentali għall-organizzazzjoni u l-preservazzjoni proprja tas-soċjetà. L-aktar, dan jinvolvi l-appoġġ lil familji hekk kif dawn jagħtu ħajja, irabbu u jedukaw lil uliedhom u waqt li jieħdu ħsieb membri tal-familja li jkunu dipendenti fuqhom, l-aktar il-morda, dawk b'diżabbiltà, jew l-anzjani. Fil-kuntest ta' demografija li qed tixjieħ, din il-poltika qed issir aktar importanti bħala mezz biex jitreġġgħu lura r-rati tal-fertilità li dejjem qed jonqsu.

2.5

Madankollu, huwa importanti li l-mekkaniżmi wżati biex il-familji jirċievu xi benefiċċji m'għandhomx jaffettwaw ħażin l-inċentivi tax-xogħol. F'ċerti pajjiżi, is-separazzjoni ta' supplimenti tal-familja għal dawk li jkunu jiddependu minn benefiċċji ta' qgħad, tgħin biex jissaħħu l-inċentivi finanzjarji għall-impjiegi, l-aktar fost l-ommijiet u n-nisa li jkunu qed jieħdu ħsieb ta' qraba anzjani. In-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kura ta' tfal li wieħed ikun jiflaħ għaliha, minħabba spejjeż jew aċċessibbiltà fiżika, titqies bħala ostaklu ewlieni għall-parteċipazzjoni tal-ġenituri, l-aktar in-nisa. Fil-fatt, ir-rwol ewlieni ta' dispożizzjoni għal għoti ta' kura tat-tfal sussidjata, adegwata u li wieħed jaffordja biex titmexxa 'l quddiem il-parteċipazzjoni fix-xogħol, l-aktar tan-nisa, għandu jintlaqa' u jkun appoġġjat bis-sħiħ. F'uħud mill-Istati Membri, in-nisa ta' età li jrabbu t-tfal qed jitilfu r-rabta tagħhom mat-trobbija tat-tfal minħabba li l-ispejjeż finanzjarji personali għan-nisa marbuta mat-trobbija ta' l-ulied huma sempliċiment għoljin ħafna, li għalhekk iwassal biex ikun hemm ukoll taxxa fuq l-ommijiet li jaħdmu. Waqt li dawn l-attitudnijiet jistgħu jkunu b'nuqqas ta' ħsieb minn perspettiva nazzjonali, aktar minn hekk din hija ekonomija falza magħmula mill-politikanti, li żgur jistgħu jagħmlu aktar biex jitwaqqaf il-mawran lura kontinwu fir-rata tat-twelid fl-Ewropa. Dan jista' jsir billi jkun żgurat li r-rata ta' l-impjiegi tan-nisa tikber permezz ta' inċentivi finanzjarji u non finanzjarji.

2.6

Il-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika hija importanti ħafna biex ikun hemm livell għoli ta' effiċjenza ekonomika, u għalhekk jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex ikun żgurat li drittijiet skond skemi ta' pensjonijiet ta' l-istat u skemi ta' pensjonijiet tal-kumpanijji jinżammu meta l-persuni jibdlu lil min iħaddimhom jew il-post ta' residenza fi ħdan l-UE. Huwa importanti wkoll li jintlaqtu dawk li jkunu qed jidħlu fis-suq tax-xogħol jew li jkunu qed jinbidlu minn impjegat għal imprenditur; dan biex ikun żgurat li dawn ikunu appoġġjati tajjeb mill-ħarsien soċjali. Hemm ukoll spazju biex titnaqqas il-mobbiltà tax-xogħol bħala l-aħħar pass billi jiġu stimulati ekonomiji lokali wieqfa bi sħubija ta' investiment bejn il-pubbliku u l-privat li jilħaq l-ogħla swieq lokali tax-xogħol. Meta wieħed iqis li waqt li aspett wieħed ta' mobbiltà professjonali miżjuda jista' jkun it-telf ta' ħiliet partikulari min-naħa waħda għall-oħra, in-naħa l-oħra tal-munita tal-mobbiltà hija li dawk il-persuni huma ħielsa li jmorru kulfejn ikun hemm domanda tassew għall-ħiliet u l-opportunitajiet tagħhom biex iġarrbu l-għamla ta' trasferiment ta' teknoloġija li jkompli jżid il-valur għall-ħiliet li jkollhom fil-mument. Għalhekk, il-mobbiltà ma tistax tiftiehem b'mod ristrett bħala li tirrappreżenta xi telf, iżda bħala allokazzjoni aktar effettiva tal-ħiliet relevanti u t-talenti fejn huma l-aktar meħtieġa.

2.7

In-nuqqas ta' ħila fiżika u mentali inaqqas sew il-provvista tax-xogħol, l-aktar fost il-ħaddiema li jkollhom bejn il-50 u s-60 sena, li huma l-mira ewlenija ta' strateġija Ewropea fuq ix-Xogħol li Jirrendi. F'uħud mill-Istati Membri, sa fwieħed minn kull ħamsa jew anki sa kwart tal-poplu fl-età ta' bejn il-55 u d-59 u ta' bejn is-60 u l-64 sena qed jgħixu fuq benefiċċji ta' invalidità. Dan il-fatt jirrifletti pressjoni sinifikanti fd-dinja tax-xogħol tal-lum li huma ta' detriment għas-saħħa fiżika u mentali. Dan il-fatt juri r-rata għolja ta' attrizzjoni fil-qasam tas-saħħa fid-dinja tax-xogħol. Hemm bżonn li dan jiġi miġġieled billi jiġu adottati l-istrateġiji xierqa rigward il-protezzjoni preventiva tal-ħaddiema u l-protezzjoni tas-saħħa u billi jittejbu l-kondizzjonijiet ta' xogħol. Persuni li mhumiex diżabbli għal kollox iżda li għandhom biss nuqqas ta' abilità biex jaħdmu għandhom ċans żgħir biex isibu xogħol adattat għal-limitazzjonijiet tagħhom. B'hekk hemm bżonn li titkabbar il-provvista ta' tali xogħlijiet sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet anke lil nies li mhumiex kapaċi jaħdmu għal kollox. Madankollu, ħafna nies li jinsabu f'din is-sitwazzjoni ta' qgħad moħbi jippreferu li jissuktaw b'xi xogħol li jħalli l-qligħ jekk ikun għad għandhom ħila biżżejjed li jaħdmu. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjiegi u l-benefiċċji ta' disabilità ma jdaħħlux lill-ħaddiema fi trappola ta' qgħad, iżda minflok jgħollu l-kumplimentarjetà tal-livelli differenti ta' politika soċjali fl-interessi tal-ħaddiema b'disabilità. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li d-diżabbiltà hija forma ta' abbiltà, u l-ħsieb il-ġdid jiddefinixxi d-diżabbiltà bħala risposta tas-soċjetà għal kemm persuna tkun għażlet li tqis lilha nfisha bħala waħda b'diżabbiltà, aktar milli kemm ir-restrizzjoni fiżika jew oħra tkun qed tiddetermina waħidha jekk persuna hijiex tabilħaqq b'diżabbiltà jew le. F'dan il-kuntest, il-Kumitat hu kawt dwar policies li mingħajr mixtieq jispiċċaw biex idallmu l-livelli vera tal-qgħad. Filwaqt li hemm bżonn ta' ħarsien u appoġġ għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità, kooperazzjoni aktar mill-qrib għall-osservazzjoni u t-titjib fl-iskambju ta' l-aqwa prattika ta' politika ta' invalidità, huma kruċjali fl-Istati kollha. Hekk ukoll huwa l-bżonn għal qafas miftuħ ta' koordinazzjoni ta' prattika tajba u azzjoni pożittiva li jkunu jipprovdu benefiċċji li jkollhom x'jaqsmu mat-tmexxija 'l quddiem tax-xogħol u ta' xogħol għal rashom fost dawk li jkunu fuq livelli differenti ta' abbiltà fiżika u mentali.

2.8

F'termini ta' ħaddiema maturi, il-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Stokkolma stabbilixxa l-għan ambizzjuż li jgħolli r-rata ta' impjiegi ta' nies li għandhom bejn il-55 u l-64 sena għal 50 % (li kienet 40.1 % fis-sena 2002 u baxxa għal madwar kwart għal nies ta' bejn is-60 u l-64 sena). Il-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Barċellona kien poġġa lill-Istati Membri mira ambizzjuża kumplementari li sas-sena 2010 idaħħlu miżuri sabiex tiżdied b'ħames snin l-età medja effettiva ta' meta wieħed joħroġ mid-dinja tax-xogħol. Li jinkisbu dawn l-għanijiet ikun importanti ħafna biex tkun żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tal-ġejjieni tal-ħarsien soċjali, u l-aktar biex ikun iggarantit dħul ta' livell aċċettabbli għall-pensjonanti tal-ġejjieni. Il-Kumitat iqisu bħala għan sensibbli.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1

Flimkien ma' politika speċifika, immirata lejn l-ekonomija, ix-xogħol li jirrendi jinvolvi wkoll proċess. Flimkien ma' policies ekonomiċi speċifiċi u maħsuba apposta, jeżisti wkoll il-proċess ta' kif ix-xogħol jirrendi. Mod ta' kif ix-xogħol li jirrendi jkun lest għar-riforma hi s-sitwazzjoni, li teżisti f'ħafna Stati Membri, ta' ħaddiema li jitilqu mix-xogħol li jqallagħhom il-flus qabel jilħqu l-età tal-pensjoni. Per eżempju, f'ħafna Stati Membri persuni li jkollhom żmien twil ta' kontribuzzjoni jistgħu jkunu eliġibbli li jirċievu pensjoni qabel ma jkunu laħqu l-età standard ta' l-irtirar, għalkemm spiss jeħlu multi konsiderevoli bħala riżultat. Dawn il-ħaddiema xorta għad jistgħu jagħtu kontribut finanzjarju u d-deċiżjini li jibqgħu għaddejjin għandha tkun aktar faċli, mhux l-anqas permezz ta' ambjent tax-xogħol aktar sensittiv għall-bżonnijiet ta' l-anzjani.. Għan-nisa l-ħruġ kmieni mix-xogħol mhux dejjem hu volontarju iżda spiss ikun marbut ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fuq il-post tax-xogħol. Dan iħalli impatt ukoll fuq id-drittijiet għall-pensjoni tan-nisa li bosta minnhom ikunu waqfu mix-xogħol ta' karriera tagħhom minħabba t-tqala u t-trobbija u l-kura tat-tfal/anzjani, is-segregazzjoni okkupazzjonali fi professjonijiet “femminili” li jkunu ta' ħlas baxx u b'nuqqas ta' sigurtà, u d-differenza fil-ħlas skond is-sess, li kollha flimkien inaqqsu t-tul ta' żmien u l-kwantità ta' kontribuzzjonijiet għal skemi ta' pensjoni ta' irtirar; dan ikun qed jgħarraq biss il-prospetti ekonomiċi tan-nisa biex dawn jirtiraw billi jqassru b'mod prematur l-impjieg bi ħlas tagħhom. Il-faqar femminili ilu għal żmien twil raġuni ta' tħassib u għalhekk l-Ewropa teħtieġ politika urġenti u attenta sabiex ittejjeb l-awtorizzazjoni ekonomika tan-nisa matul ħajjithom. Per eżempju, l-impatt tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa matul il-ħajja tax-xogħol attiva tagħhom ikun imnaqqas sostanzjalment jekk ma' l-irtirar, fil-kalkolazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni, jingħata aktar piż għall-perjodi ta' sostituzzjoni kreditati biex ikopru perjodi ta' ħarsien tat-tfal.

3.2

Eżempju ieħor ta' fejn ir-riformi amministrattivi xierqa għandhom jiġu qabel l-inerzja pubblika huwa billi jkun żgurat li l-isforzi li jsiru għal xogħol li jirrendi ikunu ugwali għaż-żewġ sessi. Waqt li wħud mill-Istati membri huma mgħobbija b'politika soċjali u tax-xogħol li jnaqqsu l-aċċess tan-nisa għax-xogħol, oħrajn għandhom politika fiskali u soċjali kumplementari li tmexxi 'l quddiem livelli għolja ta' parteċipazzjoni ta' forza tax-xogħol fost in-nisa. Dawn ir-rati ta' impjiegi li qabel kienu għoljin ħafna bdew jonqsu matul it-transizzjoni ta' dawn il-pajjiżi lejn ekonomija tas-suq. Huwa importanti li l-qliegħ li l-ħaddiema nisa jkunu għamlu f'impjiegi fissi m'għandux jiġi ssagrifikat fi sforz li ma jħarisx lejn is-sessi biex ikunu ristrutturati l-ekonomiji tal-pajjiżi li se jissieħbu. Il-politikanti nazzjonali għandhom ikunu inkuraġġiti biex jagħtu prijorità lil dawk il-ħaddiema li għalihom il-ħlas għax-xogħol jippreżenta l-akbar sfida, aktar milli jkomplu jaġixxu daqslikieku l-gruppi kollha ta' nies qiegħda jew ta' nuqqas ta' ħaddiema huma żvantaġġati l-istess.

4.   Kummenti speċifiċi dwar xi wħud mis-seba' lezzjonijiet tal-policies tal-Kummissjoni

4.1

Il-lezzjoni ta' l-ewwel politika: Il-Kumitat iqis li l-idea tal-ħolqien ta' strumenti ta' protezzjoni soċjali ġodda kif ukoll l-użu aħjar ta' dawk li diġà jeżistu m'għandiex tintrema', iżda għandha tiġi żviluppata u magħmulha mutwalment komplimentari. Per eżempju, il-forom differenti u maqsuma ta' għajnuna u servizzi maħsuba għaż-żgħażagħ m'għadhomx adattati, minħabba t-tul ta' din il-fażi fil-ħajja tan-nies li qatt ma kienet intweriet qabel. In-nuqqas ta' strument ta' ħarsien soċjali maħsuba b'mod speċifiku għal din l-età iwassal biex xi żgħażagħ jagħżlu forom ta' taħriġ u xogħol bi ftit sengħa, b'konsegwenzi serji ħafna għalihom matul ħajjithom, u b'impatt korrispondenti pożittiv fuq l-infiq pubbliku soċjali. Bl-istess mod, in-nuqqas ta' strumenti ġodda li joffru protezzjoni soċjali għal matul il-ħajja ta' xogħol- li joħolqu l-possibilità għal perjodu alternanti ta' taħriġ, xogħol u responsabilitajiet ta' kura- mingħajr ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali jimpedixxi l-mobilità u l-flessibilità tas-suq tax- xogħol (lezzjoni tas-sitt politika).

4.2

Il-KESE jqis li hu estremament importanti li tingħata attenzjoni mill-qrib għall-effetti li jdumu xi żmien maħluqha mill-ħafna inizjattivi adottati mill-Istati Membri bi prova ta' 'attivazzjoni' tal-benefiċċji soċjali.

4.3

Il-KESE jqis li wasal iż-żmien għal inċentivi Ewropej b'saħħithom (b'mod partikolari inċentivi maħsuba u implimentati flimkien ma' l-imsieħba soċjali) biex tiġi promossa l-koordinazzjoni ta' skemi ta' protezzjoni soċjali supplementari, li, bħalma tinnota l-Kummissjoni, qiegħdin isiru element importanti tal-protezzjoni soċjali (lezzjoni tas-seba' politika).

5   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

5.1

Il-Kumitat isejjaħ biex ikun hemm konverġenza fl-isforzi ta' l-Istati Membri biex il-ħlas tax-xogħol isir billi l-impjieg isir verament għażla ta' attirazzjoni ekonomika għall-qgħad jew il-benefiċċji. Dan billi jintlaqtu l-ħafna ostakli li jeżistu bħalissa għall-ħlas tax-xogħol. Il-politika lokali jeħtieġ tagħraf u tevita li tmexxi 'l quddiem l-iskambji l-aktar fil-ħiliet ta' dawk il-ħaddiema li huma lanqas imħallsa jew bl-aktar ħiliet baxxi biex ikun evitat il-faqar b'xogħol iddikjarat u leġittimu. Għalhekk, il-punt ewlieni li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri biex isir il-ħlas tax-xogħol huwa t-tfassil ta' livell komuni u raġonevoli ta' appoġġ ta' impjiegi 'l ġewwa u 'l barra li jkun jista' jżomm l-inċentivi tan-nies għall-ġibda lejn is-suq tax-xogħol. Il-Kumitat għaraf bejn il-kontribuzzjonijiet ta' politika ta' qligħ mgħaġġel biex tipprovdi benefiċċji qosra iżda li jintemmu għal dawk il-persuni bl-iktar ħiliet baxxi, u l-investimenti fil-kapital uman li huma għal perjodu itwal li huma l-muftieħ għall-ħlas tax-xogħol, l-aktar għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli, fit-terminu twil u sostenibbli ta' żmien.

5.2

Il-Kumitat jenfasizza l-għan sostanzjali għall-kontribuzzjoni tad-ditti privati u min iħaddem biex dawn jilħqu l-għanijiet Ewropej tax-xogħol. Għandu jsir sforz biex tkun identifikata politika ta' domanda possibbli li tkun tista' tolqot l-imġiba li qed tinbidel ta' min iħaddem b'tali mod li jitmexxew 'il quddiem l-għanijiet tal-laqgħa ta' Lisbona, li fl-Ewropa kollha jkun hemm aktar xogħol sostenibbli u ta' kwalità. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi u xxerred ix-xhieda u l-esperjenza dwar fejn l-imġiba korporattiva tajba verament tejbet il-kwantità u l-kwalità ta' l-impjiegi, waqt li tħares 'il quddiem għal modi kif tista' ttenni dawn is-suċċesssi.

5.3

Barra milli tiġi mgħejuna l-prattika tajba, għandhom ikunu infurzati sanzjonijiet fuq imġiba mhux xierqa minn min iħaddem, liema mġiba tkun tinkludi diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew età. Dan biex ikunu appoġġjati l-innovazzjoni, il-provvista miżjuda tax-xogħol kif ukoll il-possibilità ta' ħajjiet itwal ta' xogħol fl-ekonomiji ta' l-Ewropa. Id-diskriminazzjoni tax-xogħol twassal biex nies b'ħiliet kbar jispiċċaw f'oqsma baxxi jew informali fejn il-produttività tkun baxxa, l-inċentivi għat-taħriġ u l-investiment ikunu dgħajfa, u l-ħarsien soċjali ma jkunx jeżisti. Din l-imġiba ekonomika irraġonevoli mhux biss iċċaħħad lill-Ewropa minn kompetittività ekonomika, iżda wkoll tisraq l-ekonomiji nazzjonali mid-dħul l-aktar meħtieġ ta' taxxi.

5.4

Għalhekk, fl-Istati Membri jeħtieġ li tiġi applikata serje ta' strumenti u u skemi ta' benefiċċji. Din għandha tkun imsaħħa b'koordinazzjoni nazzjonali sħiħa li tkun tibbilanċja l-istrumenti tal-provvista u d-domanda tax-xogħol. L-effetti magħquda tal-benefiċċji jew tal-livelli tat-taxxa fuq id-dħul fuq dawk kollha li jgħixu fid-dar għandhom jiġu bbilanċjati u antiċipati sew, waqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-istrutturi ta' inċentivi li dawn joħolqu għal familji fqar. Miżuri oħrajn, bħad-dispożizzjoni tal-ħarsien tat-tfal, sigħat ta' xogħol li jkunu flessibbli, is-sigurtà tax-xogħol, il-mobbiltà ta' l-impjiegi u l-opportunitajiet ta' taħriġ tqiesu bħala importanti ħafna għal qafas ta' politika komprensiva għall-ħlas tax-xogħol.

Brussel, l-1 ta' Lulju 2004

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  “Impjiegi, Impjiegi, Impjiegi, Il-]olqien ta' aktar impjiegi fl-Ewropa”. Rapport tal-Forza tax-Xog]ol dwar l-Impjiegi ppreseduta minn Win Kok (Novembru 2003). Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE fuq “Il-mi\uri ta' appo[[ g]all-impjiegi” (GU C 110 tat-30-4-2004).

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE fuq “Il-Mi\uri ta' appo[[ g]all-impjiegi” (GU C 110 tat-30-4-2004).


Top