EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42021X2275

Ir-Regolament tan-NU Nru 162 — Preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha [2021/2275]

PUB/2021/696

ĠU L 470, 30.12.2021, p. 23–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2275/oj

30.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 470/23


It-testi oriġinali tan-NU/KEE biss għandhom effett ġuridiku skont id-dritt internazzjonali pubbliku. L-istatus u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu vverifikati fl-aħħar verżjoni tad-dokument tal-istatus tan-NU/KEE TRANS/WP.29/343, disponibbli fuq:

https://unece.org/status-1958-agreement-and-annexed-regulations

Ir-Regolament tan-NU Nru 162 — Preskrizzjonijiet tekniċi uniformi dwar l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha [2021/2275]

Data tad-dħul fis-seħħ: 30 ta’ Settembru 2021

Dan id-dokument huwa intiż purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni. It-test awtentiku u legalment vinkolanti huwa: ECE/TRANS/WP.29/2021/49.

WERREJ

Regolament

1.

Kamp ta’ applikazzjoni

2.

Definizzjonijiet

3.

Applikazzjoni għall-approvazzjoni

4.

Approvazzjoni

5.

Speċifikazzjonijiet

6.

Modifika tat-tip u estensjoni tal-approvazzjoni

7.

Konformità tal-produzzjoni

8.

Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

9.

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

10.

Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni, u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

Annessi

1

Dokument ta’ informazzjoni

2

Komunikazzjoni

3

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

4

Mudell taċ-ċertifikat ta’ konformità

5

Mudell taċ-ċertifikat tal-installazzjoni

6

Il-parametri tat-tħaddim u l-kundizzjonijiet tat-test għal immobilizzatur

7

Kompatibbiltà elettromanjetika

1.   Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament tan-NU japplika għal:

1.1.

Approvazzjoni ta’

(a)

Immobilizzaturi “jekk ikunu mwaħħla” primarjament dedikati għal vetturi tal-Kategoriji M1 u N1 b’massa massima ta’ mhux aktar minn żewġ tunnellati; u

(b)

Vetturi tal-Kategorija M1 u vetturi tal-Kategorija N1 b’massa massima ta’ mhux aktar minn żewġ tunnellati fir-rigward tal-immobilizzaturi mwaħħla (1) (2).

1.2.

Fuq talba tal-manifattur, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jagħtu approvazzjonijiet lill-vetturi ta’ kategoriji oħra u lill-immobilizzaturi għat-twaħħil fuq dawn il-vetturi.

1.3.

Dan ir-Regolament ma japplikax għall-frekwenzi tat-trażmissjoni bir-radju, kemm jekk relatati mal-protezzjoni tal-vetturi minn użu mhux awtorizzat kif ukoll jekk le.

2.   Definizzjonijiet

2.1.

Komponent” tfisser apparat soġġett għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u maħsub biex ikun parti minn vettura, li jista’ jkun ta’ tip approvat indipendentement minn vettura fejn dan ir-Regolament jispeċifika espressament dispożizzjonijiet għal dan;

2.2.

Unità teknika separata” tfisser apparat soġġett għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u maħsub biex ikun parti minn vettura, li jista’ jkun tip approvat separatament, iżda biss f’rabta ma’ tip wieħed speċifiku jew aktar ta’ vettura fejn dan ir-Regolament jispeċifika espressament dispożizzjonijiet għal dan;

2.3.

Manifattur” tfisser il-persuna jew il-korp responsabbli fil-konfront tal-awtorità tal-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni. Ma huwiex essenzjali li l-persuna jew il-korp ikunu direttament involuti fl-istadji kollha tal-kostruzzjoni tal-vettura, tas-sistema, tal-komponent jew tal-unità teknika separata li tkun is-suġġett tal-proċess tal-approvazzjoni.

2.4.

Immobilizzatur” tfisser apparat li huwa maħsub biex jipprevjeni s-sewqan normali ta’ vettura bl-enerġija tagħha stess (prevenzjoni tal-użu mhux awtorizzat).

2.5.

Tagħmir ta’ kontroll” tfisser tagħmir meħtieġ għall-issettjar u/jew it-tneħħija tal-issettjar ta’ immobilizzatur.

2.6.

Displej tal-istatus” tfisser kull apparat maħsub li jindika l-istatus tal-immobilizzatur (issettjat/mhux issettjat, bidla ta’ ssettjar għat-tneħħija tal-issettjar u viċe versa).

2.7.

Stat issettjat” tfisser l-istat li fih il-vettura ma tistax tinstaq b’mod normali bl-enerġija tagħha stess.

2.8.

Stat mhux issettjat” tfisser l-istat li fih il-vettura tista’ tinstaq b’mod normali.

2.9.

Ċavetta” tfisser kull apparat iddisinjat u mibni biex jipprovdi metodu ta’ tħaddim ta’ sistema tal-illokkjar, li hija ddisinjata u mibnija biex titħaddem biss b’dak l-apparat

2.10.

Override” tfisser karatteristika ta’ disinn li ssakkar l-immobilizzatur fil-kundizzjoni mhux issettjata.

2.11.

Rolling code” tfisser kodiċi elettroniku li jikkonsisti minn diversi elementi li l-kombinazzjoni tagħhom tinbidel b’mod każwali wara kull tħaddim tal-unità tat-trażmissjoni.

2.12.

Tip ta’ immobilizzatur” tfisser sistemi li ma jvarjawx b’mod sinifikanti f’tali aspetti essenzjali bħal:

(a)

L-isem kummerċjali jew il-marka tal-manifattur;

(b)

It-tip ta’ tagħmir ta’ kontroll;

(c)

Id-disinn tat-tħaddim tagħhom fuq is-sistema/sistemi ta’ vetturi rilevanti (kif imsemmi fil-paragrafu 5.2.1 ta’ hawn taħt).

2.13.

Tip ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha” tfisser vetturi li ma jvarjawx b’mod sinifikanti minn xulxin f’tali aspetti importanti bħal:

(a)

L-isem kummerċjali jew il-marka tal-manifattur;

(b)

Il-karatteristiċi tal-vettura li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-immobilizzatur;

(c)

It-tip u d-disinn tal-immobilizzatur.

3.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni

3.1.

L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ vettura jew ta’ tip ta’ komponent fir-rigward ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi ppreżentata mill-manifattur.

3.2.

Din għandha tkun akkumpanjata b’dokument ta’ informazzjoni stabbilit f’konformità mal-mudell muri fl-Anness 1, u li jagħti deskrizzjoni tal-karatteristiċi tekniċi tal-immobilizzatur, il-metodu/metodi tal-installazzjoni għal kull għamla u tip ta’ vettura li fuqha jkun intenzjonat li jiġi installat l-immobilizzatur.

3.3.

Vettura(vetturi) / komponent(komponenti) li jirrappreżenta(jirrappreżentaw) it-tip(i) li għandu/għandhom jiġi/jiġu approvat(i) għandu/għandhom jiġi/jiġu sottomess(i) lid-dipartiment tekniku responsabbli għat-twettiq ta’ testijiet tal-approvazzjoni.

4.   Approvazzjoni

4.1.

Jekk it-tip sottomess għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-approvazzjoni ta’ dak it-tip għandha tingħata.

4.2.

Għandu jingħata numru tal-approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ ċifri tiegħu (attwalment 00, li jikkorrispondu għar-Regolament fil-forma oriġinali tiegħu) għandhom jindikaw is-sensiela ta’ emendi li jinkorporaw l-aktar emendi tekniċi ewlenin reċenti li saru fir-Regolament fiż-żmien tal-ħruġ tal-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma għandhiex tassenja l-istess numru lil tip ieħor ta’ vettura jew ta’ komponent, kif iddefinit f’dan ir-Regolament.

4.3.

Avviż dwar l-approvazzjoni jew l-estensjoni tal-approvazzjoni ta’ tip skont dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tkun tikkonforma mal-mudell fl-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.

4.4.

Għandha titwaħħal, b’mod ċar u f’post faċilment aċċessibbli speċifikat fil-formola tal-approvazzjoni, fuq kull vettura jew komponent li jikkonforma ma’ tip approvat skont dan ir-Regolament, marka tal-approvazzjoni internazzjonali li tikkonsisti minn:

4.4.1.

Ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru distintiv tal-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni (3), u

4.4.2.

In-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra “R”, minn sing u min-numru ta’ approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku preskritt fil-paragrafu 4.4.1.

4.5.

Jekk it-tip ikun konformi ma’ approvazzjoni tat-tip skont Regolament tan-NU wieħed jew aktar anness mal-Ftehim, fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, is-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.4.1 ma hemmx għalfejn jiġi ripetut; f’dak il-każ, ir-Regolament li skontu tkun ingħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li jkun ta l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jitqiegħed f’kolonni weqfin fuq in-naħa tal-lemin tas-simbolu preskritt fil-paragrafu 4.4.1.

4.6.

Il-marka tal-approvazzjoni għandha tkun tista’ tinqara b’mod ċar u ma tkunx tista’ titħassar.

4.7.

Fil-każ ta’ vettura, il-marka tal-approvazzjoni għandha titqiegħed viċin tal-pjanċa tad-data tal-vettura mwaħħla mill-manifattur jew fuqha.

4.8.

Fil-każ ta’ komponent approvat separatament bħala immobilizzatur, il-marka tal-approvazzjoni għandha titwaħħal mill-manifattur mal-element(i) ewlieni/ewlenin tal-apparat. Fil-każ ta’ komponent approvat bħala immobilizzatur skont dan ir-regolament u sistema ta’ allarm skont ir-Regolament tan-NU Nru 163 jew ir-Regolament tan-NU Nru 116, is-Suppliment 7 tal-verżjoni oriġinali, jew ir-Regolament tan-NU Nru 97, is-Suppliment 8 tas-serje ta’ emendi 01, iż-żewġ marki tal-approvazzjoni għandhom jitwaħħlu mill-manifattur mal-element(i) ewlieni/ewlenin tal-apparat.

4.9.

L-Anness 3 ta’ dan ir-Regolament jagħti eżempji ta’ arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni.

4.10.

Bħala alternattiva għall-marka ta’ approvazzjoni deskritta fil-paragrafu 4.4. ta’ hawn fuq, għandu jinħareġ ċertifikat tal-konformità għal kull immobilizzatur offrut għall-bejgħ.

Meta manifattur ta’ immobilizzatur iforni immobilizzatur mingħajr marka approvat skont dan ir-Regolament lil manifattur ta’ vettura, sabiex jitwaħħal minn dak il-manifattur bħala tagħmir oriġinali għal mudell ta’ vettura jew firxa ta’ mudelli ta’ vettura, il-manifattur tal-immobilizzatur għandu jforni numru ta’ kopji taċ-ċertifikat tal-konformità lill-manifattur tal-vettura, suffiċjenti għal dak il-manifattur biex jikseb l-approvazzjoni tal-vettura ta’ dan ir-Regolament.

Jekk l-immobilizzatur ikun magħmul minn komponenti separati, il-komponent(i) ewlieni/ewlenin tiegħu għandu jkollhom marka ta’ referenza u ċ-ċertifikat tal-konformità għandu jipprovdi lista ta’ dawn il-marki ta’ referenza.

Mudell taċ-ċertifikat tal-konformità huwa mogħti fl-Anness 4 ta’ dan ir-Regolament.

4.11.

Meta immobilizzatur, approvat skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament tan-NU Nru 116, is-Suppliment 7 tal-verżjoni oriġinali, jew ir-Regolament tan-NU Nru 97, is-Suppliment 8 tas-serje ta’ emendi 01 bħala unità teknika separata, jiġi installat f’vettura sottomessa għall-approvazzjoni skont dan ir-Regolament, it-testijiet li immobilizzatur jeħtieġ li jgħaddi minnhom sabiex jikseb l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu ripetuti.

5.   Speċifikazzjonijiet

5.1.   Speċifikazzjonijiet Ġenerali

5.1.1.

Irid ikun possibbli li l-immobilizzatur jiġi ssettjat u li jitneħħielu l-issettjar f’konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti.

5.1.2.

Immobilizzatur u l-installazzjoni tiegħu għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li kull vettura mgħammra tibqa’ tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi.

5.1.3.

Ma għandux ikun possibbli għal immobilizzatur li jidħol fl-istat issettjat meta ċ-ċavetta tal-ignixin tkun fil-pożizzjoni li tqabbad il-magna, ħlief meta:

(a)

Il-vettura tkun mgħammra jew maħsuba biex tiġi mgħammra għal skopijiet ta’ ambulanza, vettura għat-tifi tan-nar jew pulizija; jew

(b)

Il-magna tkun meħtieġa biex:

(i)

Tħaddem makkinarju li jkun jagħmel parti mill-vettura għal skopijiet differenti milli biex tinstaq il-vettura, jew immuntat fuqha; jew

(ii)

Iżżomm l-enerġija elettrika tal-batteriji tal-vettura f’livell meħtieġ sabiex jinstaq dak il-makkinarju jew l-apparat;

u l-vettura tkun wieqfa bil-brejk tal-ipparkjar applikat. Meta tintuża din l-eċċezzjoni, dan il-fatt għandu jiġi indikat taħt l-entrata 2 tal-addendum għad-dokument ta’ komunikazzjoni (l-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament).

5.1.4.

Ma għandux ikun possibbli tagħmel override permanenti ta’ immobilizzatur.

5.1.5.

L-immobilizzatur għandu jkun iddisinjat u mibni b’tali mod li meta jkun installat ma jaffettwax ħażin il-funzjoni prevista u t-tħaddim sikur tal-vettura, anke fil-każ ta’ funzjonament ħażin.

5.1.6.

L-immobilizzatur għandu jkun iddisinjat u mibni b’tali mod, li meta jkun installat fuq vettura, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, ma jistax isir ineffettiv jew jinqered malajr jew mingħajr ma jiġbed l-attenzjoni, pereżempju, bl-użu ta’ għodda rħisa li tista’ tinħeba faċilment u tagħmir jew fabbrikazzjonijiet faċilment disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Is-sostituzzjoni jew ta’ komponent ewlieni jew ta’ assemblaġġ sabiex jiġi newtralizzat l-immobilizzatur għandha tkun diffiċli u tieħu ħafna ħin.

5.1.7.

Immobilizzatur għandu jkun iddisinjat u mibni b’tali mod li meta jiġi installat kif speċifikat mill-manifattur ikun kapaċi li jiflaħ għall-ambjent ġewwa l-vettura għal tul ta’ ħajja raġonevoli (għall-ittestjar ara l-paragrafu 5.3). B’mod aktar partikolari, il-proprjetajiet elettriċi tas-sistema taċ-ċirkwiti abbord ma għandhomx jiġu affettwati b’mod negattiv miż-żieda tal-immobilizzatur (cross-sections tal-wajers, sikurezza tal-kuntatti, eċċ.)

5.1.8.

Immobilizzatur jista’ jiġi kkombinat ma’ sistemi oħrajn tal-vettura jew jista’ jiġi integrat fihom (eż. ġestjoni tal-magna u sistemi ta’ allarm).

5.1.9.

Ma għandux ikun possibbli għal immobilizzatur li jipprevjeni r-rilaxx tal-brejkijiet tal-vettura, ħlief fil-każ ta’ immobilizzatur li jipprevjeni r-rilaxx ta’ brejkijiet bil-molla rilaxxati b’mod pnewmatiku (4) u jiffunzjona b’mod li fi tħaddim normali, jew f’kundizzjonijiet ta’ falliment, ir-rekwiżiti tekniċi tar-Regolament tan-NU Nru 13 fis-seħħ meta ssir l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip skont dan ir-Regolament jiġu ssodisfati.

Il-konformità ma’ dan il-paragrafu ma teżentax lil immobilizzatur li jipprevjeni r-rilaxx ta’ brejkijiet bil-molla rilaxxati b’mod pnewmatiku mir-rekwiżiti tekniċi stipulati f’dan ir-Regolament.

5.1.10.

Ma għandux ikun possibbli għal immobilizzatur li jaħdem b’tali mod li japplika l-brejkijiet tal-vettura.

5.2.   Speċifikazzjonijiet Partikolari

5.2.1.   Livell ta’ diżattivazzjoni

5.2.1.1.

Immobilizzatur għandu jkun iddisinjat b’tali mod li jipprevjeni t-tħaddim tal-vettura bil-forza tagħha stess b’tal-inqas wieħed mill-mezzi li ġejjin:

5.2.1.1.1.

jiddiżattiva, fil-każ ta’ twaħħil wara l-bejgħ, jew vettura mgħammra b’magna diżil, tal-inqas żewġ ċirkwiti tal-vetturi separati li jkunu meħtieġa għat-tħaddim tal-vettura bil-forza tagħha stess (eż. mutur biex tistartja, ignixin, provvista tal-fjuwil, brejkijiet bil-molla rilaxxati b’mod pnewmatiku, eċċ.);

5.2.1.1.2.

interferenza minn kodiċi ta’ mill-inqas unità tal-kontroll waħda meħtieġa għat-tħaddim tal-vettura.

5.2.1.2.

Immobilizzatur għat-twaħħil fuq vettura mgħammra b’konvertitur katalitiku ma għandux iwassal biex fjuwil mhux maħruq jidħol fl-egżost.

5.2.2.   Affidabbiltà tat-tħaddim

L-affidabbiltà tat-tħaddim għandha tinkiseb permezz ta’ disinn adatt tal-immobilizzatur, wara li jkunu tqiesu l-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi fil-vettura (ara l-paragrafi 5.1.8 u 5.3).

5.2.3.   Sikurezza tat-tħaddim

Għandu jiġi żgurat li l-immobilizzatur ma jbiddilx l-istat tiegħu (issettjat/mhux issettjat) bħala riżultat ta’ xi wieħed mit-testijiet tal-paragrafu 5.3.

5.2.4.   Issettjar tal-immobilizzatur

5.2.4.1.

L-immobilizzatur irid jiġi ssettjat mingħajr azzjoni supplimentari mis-sewwieq b’tal-inqas wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)

Mad-dawran taċ-ċavetta tal-ignixin fil-pożizzjoni “0” fis-serratura tal-ignixin u l-attivazzjoni ta’ bieba; flimkien ma’ dan, l-immobilizzaturi li jintfew minnufih qabel jew matul il-proċedura tal-istartjar normali tal-vettura jistgħu jinxtegħlu malli jintefa l-ignixin;

(b)

Massimu ta’ minuta wara t-tneħħija taċ-ċavetta mis-serratura tal-ignixin.

5.2.4.2.

Jekk l-immobilizzatur jista’ jidħol fl-istat issettjat meta ċ-ċavetta tal-ignixin tkun fil-pożizzjoni li tqabbad il-magna kif previst fil-paragrafu 5.1.3, l-immobilizzatur jista’ jiġi ssettjat ukoll billi tinfetaħ il-bieba tas-sewwieq u/jew billi l-utent awtorizzat iwettaq azzjoni apposta.

5.2.5.   Tneħħija tal-issettjar

5.2.5.1.

It-tneħħija tal-issettjar għandu jinkiseb bl-użu ta’ xi wieħed mill-mezzi li ġejjin jew b’kombinazzjoni tagħhom. Huma permessi apparati oħra b’livell ekwivalenti ta’ sigurtà li jagħtu riżultati ekwivalenti.

5.2.5.1.1.

Tastiera biex jiddaħħal kodiċi li jista’ jintgħażel individwalment li tal-inqas ikollha 10 000 varjant.

5.2.5.1.2.

Apparat elettriku/elettroniku, eż. kontroll remot, b’mill-inqas 50 000 varjant u li għandu jinkorpora rolling codes u/jew ikollu żmien minimu ta’ skennjar ta’ għaxart ijiem, eż. massimu ta’ 5 000 varjant kull 24 siegħa għal minimu ta’ 50 000 varjant.

5.2.5.1.3.

Jekk it-tneħħija tal-issettjar tista’ tinkiseb permezz ta’ kontroll mill-bogħod, l-immobilizzatur irid jerġa’ lura għall-kundizzjoni ta’ ssettjat fi żmien 5 minuti mit-tneħħija tal-issettjar jekk ma tkun ittieħdet ebda azzjoni supplimentari fuq iċ-ċirkwit tat-tqabbid.

5.2.6.   Displej tal-istatus

5.2.6.1.

Biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-istatus tal-immobilizzatur (issettjat/mhux issettjat, bidla minn issettjat għal mhux issettjat u viċi-versa), displejs ottiċi ġewwa u sinjali ottiċi barra l-kompartimenti tal-passiġġieri huma permessi. Kwalunkwe sinjal ottiku jew kwalunkwe użu ta’ apparati tad-dawl u tas-sinjalar bid-dawl barra mill-kompartiment tal-passiġġieri għandu jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 48.

5.2.6.2.

Jekk tiġi pprovduta indikazzjoni ta’ proċessi “dinamiċi” qosra bħal tibdil minn “issettjat” għal “mhux issettjat” u viċi versa, din għandha tkun ottika, skont il-paragrafu 5.2.6.1. Dik l-indikazzjoni ottika tista’ tiġi prodotta wkoll bit-tħaddim simultanju tal-indikaturi ta’ direzzjoni u/jew il-lampa/i tal-kompartiment tal-passiġġieri, dment li t-tul ta’ żmien tal-indikazzjoni ottika bl-indikaturi tad-direzzjoni ma jaqbiżx it-3 sekondi.

5.3.   Parametri tat-tħaddim u kundizzjonijiet tat-test

Il-komponenti kollha tal-immobilizzatur għandhom jiġu sottomessi għat-testijiet deskritti fl-Anness 6.

5.4.   Struzzjonijiet

(Il-paragrafi 5.4.1 sa 5.4.3 għall-iskopijiet ta’ installazzjoni wara l-bejgħ biss).

Kull immobilizzatur għandu jkun akkumpanjat bi:

5.4.1.

Struzzjonijiet għall-installazzjoni.

5.4.1.1.

Il-lista ta’ vetturi u mudelli ta’ vetturi li għalihom huwa maħsub l-apparat. Din il-lista tista’ tkun speċifika jew ġenerika, eż. “il-karozzi kollha b’magna petrol u batteriji negative earth ta’ 12 V”.

5.4.1.2.

Il-metodu tal-installazzjoni għandu jintwera permezz ta’ ritratti u/jew disinji ċari ħafna.

5.4.1.3.

L-istruzzjonijiet dettaljati tal-istallazzjoni pprovduti mill-fornitur għandhom ikunu b’tali mod li meta jiġu segwiti korrettament minn installatur kompetenti, is-sikurezza u l-affidabbiltà tal-vettura ma jiġux affettwati.

5.4.1.4.

L-istruzzjonijiet forniti għall-installazzjoni għandhom jidentifikaw ir-rekwiżiti tal-enerġija elettrika tal-immobilizzatur u, fejn rilevanti, għandhom jipproponu li jitkabbar id-daqs tal-batterija.

5.4.1.5.

Il-fornitur għandu jipprovdi proċeduri għal wara l-installazzjoni għall-verifikar tal-vettura. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatturi relatati mas-sikurezza.

5.4.2.

Ċertifikat vojt tal-installazzjoni, li eżempju tiegħu huwa mogħti fl-Anness 5.

5.4.3.

Dikjarazzjoni ġenerali lix-xerrej tal-immobilizzatur li tiġbed l-attenzjoni tiegħu għall-punti li ġejjin:

5.4.3.1.

L-immobilizzatur jenħtieġ li jiġi installat f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur;

5.4.3.2.

L-għażla ta’ installatur tajjeb hija rakkomandata (il-manifattur tal-immobilizzatur jista’ jiġi kkuntattjat biex jindika installaturi xierqa);

5.4.3.3.

Iċ-ċertifikat tal-installazzjoni pprovdut mal-immobilizzatur jenħtieġ li jimtela mill-installatur.

5.4.4.

Struzzjonijiet għall-użu.

5.4.5.

Struzzjonijiet għall-manutenzjoni.

5.4.6.

Twissija ġenerali fir-rigward tal-perikli li jsiru xi alterazzjonijiet jew żidiet fuq l-immobilizzatur; dawk l-alterazzjonijiet u żidiet għandhom awtomatikament jinvalidaw iċ-ċertifikat tal-installazzjoni msemmi fil-paragrafu 5.4.2. ta’ hawn fuq.

6.   Modifika tat-tip u estensjoni tal-approvazzjoni

6.1.

Kull modifika ta’ vettura jew ta’ tip ta’ komponent fir-rigward ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li tkun approvat il-vettura jew it-tip ta’ komponent. L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip imbagħad tista’ jew:

6.1.1.

Tqis li l-modifiki mwettqa mhux probabbli li jkollhom effett negattiv apprezzabbli u li fi kwalunkwe każ il-komponent jew il-vettura xorta jkunu konformi mar-rekwiżiti, jew

6.1.2.

Tesiġi rapport ieħor mis-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet.

6.2.

Konferma jew ċaħda tal-approvazzjoni, fejn tiġi speċifikata l-alterazzjoni, għandha tiġi kkomunikata permezz tal-proċedura speċifikata fil-paragrafu 4.3 ta’ hawn fuq lill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament.

6.3.

L-awtorità kompetenti li toħroġ l-estensjoni tal-approvazzjoni għandha tassenja numru tas-serje għal kull formola ta’ komunikazzjoni mfassla għal estensjoni bħal din.

7.   Konformità tal-produzzjoni

7.1.

Il-proċeduri li jikkonċernaw il-konformità tal-produzzjoni għandhom ikunu konformi ma’ dawk stabbiliti fl-Iskeda 1 tal-Ftehim tal-1958 (E/ECE/TRANS/505/Rev.3), u għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

7.2.

Għal kull tip ta’ vettura jew komponent it-testijiet preskritti fil-parti(jiet) rilevanti ta’ dan ir-Regolament għandhom jitwettqu fuq bażi statistikament ikkontrollata u każwali, f’konformità ma’ waħda mill-proċeduri regolari tal-assigurazzjoni tal-kwalità;

7.3.

L-Awtorità tal-Approvazzjoni tat-Tip li tkun tat l-approvazzjoni tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-konformità tal-metodi ta’ kontroll applikabbli għal kull unità tal-produzzjoni. Il-frekwenza normali ta’ tali spezzjonijiet għandha tkun ta’ darba kull sentejn.

8.   Penali għal nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

8.1.

L-approvazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ tip ta’ vettura/komponent skont dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 7 ta’ hawn fuq ma jintlaħqux.

8.2.

Jekk Parti Kontraenti għall-Ftehim li tapplika dan ir-Regolament tirtira approvazzjoni li tkun tat qabel, din għandha minnufih tavża lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 2.

9.   Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

Jekk id-detentur tal-approvazzjoni jwaqqaf għalkollox il-manifattura ta’ tip ta’ vettura/komponent approvat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tkun tat l-approvazzjoni. Malli tirċievi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn tal-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 2.

10.   Ismijiet u indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip

Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-Servizzi Tekniċi responsabbli għat-twettiq tat-testijiet tal-approvazzjoni u tal-Awtoritajiet tal-Approvazzjoni tat-Tip li jagħtu l-approvazzjoni, u lil min għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw l-approvazzjoni jew l-estensjoni, jew ir-rifjut jew l-irtirar tal-approvazzjoni, maħruġa f’pajjiżi oħra.


(1)  Kif definiti fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3.), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6, il-para. 2 — https://unece.org/transport/standards/transport/vehicle-regulations-wp29/resolutions

(2)  Huma kkunsidrati biss vetturi b’sistemi elettriċi ta’ 12 volts.

(3)  In-numri distintivi tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim tal-1958 huma riprodotti fl-Anness 3 għar-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6 - https://unece.org/transport/standards/transport/vehicle-regulations-wp29/resolutions.

(4)  Kif definit fl-Anness 8 tar-Regolament tan-NU Nru 13, kif emendat.


ANNESS 1A

Dokument ta’ informazzjoni

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

F’konformità mal-paragrafu 5 tar-Regolament tan-NU Nru 162 dwar l-approvazzjoni tat-tip tas-sistema ta’ tip ta’ vettura fir-rigward ta’ sistema ta’ immobilizzatur

1.   Ġenerali

1.1.

Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur):

1.2.

Tip:…

1.3.

Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq l-apparat (b):…

1.3.1.

Pożizzjoni ta’ dak l-immarkar:…

1.4.

Isem u indirizz tal-manifattur:…

1.5.

Post tal-marka tal-approvazzjoni KEE:…

1.6.

Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-assemblaġġ:…

2.   Il-karatteristiċi ġenerali tal-kostruzzjoni tal-vettura

2.1.

Ritratti u/jew disinji ta’ vettura rappreżentattiva:…

2.2.

Naħa tas-sewqan: xellug/lemin (Aqta’ barra dak li ma japplikax)

3.   Mixxellanji

3.1.

Immobilizzatur tal-vettura:…

3.1.1.

numru tal-approvazzjoni tat-tip, jekk disponibbli:…

3.1.1.1

Deskrizzjoni dettaljata tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-arranġament tal-immobilizzatur installat kif muri fir-ritratti u/jew fid-disinji (fejn l-immobilizzatur huwa diġà approvat skont it-tip bħala unità teknika separata, tista’ ssir referenza għad-deskrizzjoni fi-punt 4.2 tad-dokument ta’ informazzjoni tal-manifattur tal-Immobilizzatur):…

3.1.2.

Għal immobilizzaturi li għadhom ma ġewx approvati

3.1.2.1.

Deskrizzjoni teknika dettaljata tal-immobilizzatur tal-vettura u tal-miżuri meħuda kontra attivazzjoni mhux volontarja:…

3.1.2.2.

Is-sistema/sistemi li fuqha/fuqhom jaġixxi l-immobilizzatur tal-vettura:…

3.1.2.3.

Numru ta’ kodiċijiet interkambjabbli effettivi, jekk applikabbli:…

ANNESS 1B

Dokument ta’ informazzjoni

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

F’konformità mal-paragrafu 5 tar-Regolament Nru 162 dwar il-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-immobilizzaturi u l-approvazzjoni ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha (relatati mal-approvazzjoni tat-tip tal-komponent jew tal-unità teknika separata tan-NU ta’ sistema ta’ immobilizzatur).

1.   Ġenerali

1.1.

Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur):…

1.2.

Tip:…

1.3.

Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq l-apparat (1):…

1.3.1.

Pożizzjoni ta’ dak l-immarkar:…

1.4.

Isem u indirizz tal-manifattur:…

1.5.

Pożizzjoni tal-marka tal-approvazzjoni tan-NU:…

1.6.

Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-assemblaġġ:…

2.   Deskrizzjoni tal-apparat

2.1.

Deskrizzjoni teknika dettaljata tal-immobilizzatur tal-vettura u tal-miżuri meħuda kontra attivazzjoni mhux volontarja:…

2.2.

Is-sistema(i) tal-vettura li fuqha/fuqhom jaħdem l-immobilizzatur tal-vettura:…

2.3.

Metodu ta’ ssettjar/tneħħija tal-issettjar tal-apparat:…

2.4.

Numru ta’ kodiċijiet interkambjabbli effettivi, jekk applikabbli:…

2.5.

Lista ta’ komponenti ewlenin li jagħmlu parti mill-apparat u, jekk applikabbli, il-marki ta’ referenza tagħhom:…

3.   Disinji

3.1.

Disinji tal-komponenti ewlenin tal-apparat (id-disinji jridu juru l-ispazju maħsub għall-marka tal-approvazzjoni tat-tip tan-NU):…

4.   Struzzjonijiet

4.1.

Lista ta’ vetturi li fuqhom l-apparat huwa maħsub li jitwaħħal:…

4.2.

Deskrizzjoni tal-metodu ta’ installazzjoni muri permezz ta’ ritratti u/jew disinji:…

4.3.

Struzzjonijiet għall-użu:…

4.4.

Struzzjonijiet għall-manutenzjoni, jekk ikun hemm:…

4.5.

Impuls tat-test 5a/5b skont l-Istandard Internazzjonali ISO 7637-2:2004: applikat / mhux applikat…

(1)  Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip ikollu karattri mhux rilevanti biex jiddeskrivu t-tipi tal-komponent jew tal-unità teknika separata koperti f’dan id-dokument ta’ informazzjoni, karattri bħal dawn għandhom ikunu rrappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu “?” (eż. ABC??123??).


ANNESS 2A

Komunikazzjoni

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image 1
 (1)

maħruġa minn

:

Isem l-amministrazzjoni:

……

……

……

Li tikkonċerna (2)

:

Approvazzjoni mogħtija

Approvazzjoni estiża

Approvazzjoni rifjutata

Approvazzjoni rtirata

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

ta’ tip ta’ vettura fir-rigward tal-immobilizzatur tagħha skont ir-Regolament tan-NU Nru 162

Nru tal-Approvazzjoni…

TAQSIMA I

1.

Ġenerali

1.1.

Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur):…

1.2.

Tip:…

1.3.

Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq il-vettura/komponent/unità teknika separata (2)/(a):…

1.3.1.

Pożizzjoni ta’ dak l-immarkar:…

1.4.

Kategorija ta’ vettura (b):…

1.5.

Isem u indirizz tal-manifattur:…

1.6.

Post tal-marka tal-approvazzjoni KEE:…

1.7.

Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-assemblaġġ:…

TAQSIMA II

1.

Informazzjoni addizzjonali (fejn applikabbli): ara l-addendum

2.

Is-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet:…

3.

Data tar-rapport tat-test:…

4.

Numru tar-rapport tat-test:…

5.

Kummenti (jekk ikun hemm): ara l-addendum

6.

Post:…

7.

Data:…

8.

Firma:…

9.

L-indiċi għall-pakkett tal-informazzjoni ppreżentat lill-awtorità tal-approvazzjoni, li jista’ jinkiseb fuq talba, jinsab mehmuż:…

(1)  In-numru distintiv tal-pajjiż li jkun ta/estenda/irrifjuta/irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni fir-Regolament).

(2)  Aqta’ barra dak li ma japplikax (hemm każijiet fejn ma hemm bżonn li jitħassar xejn, meta tkun applikabbli aktar minn entrata waħda).


Addendum

għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tan-NU Nru …

Dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tar-Regolament Nru 162

1.   

Informazzjoni addizzjonali:…

1.1.   

Deskrizzjoni fil-qosor tal-immobilizzatur:…

2.   

Kummenti:…

Noti għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni/formola ta’ komunikazzjoni:

(a)

Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip ikollu karattri mhux rilevanti biex jiddeskrivu l-vettura, it-tipi tal-komponent jew tal-unità teknika separata koperti f’dan id-dokument ta’ informazzjoni, karattri bħal dawn għandhom ikunu rrappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu “?” (eż. ABC??123??).

(b)

Kif iddefinit fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3.), id-dokument ECE/TRANS/WP.29/78/Rev.6, para. 2.

ANNESS 2B

Komunikazzjoni

(Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

Image 2
 (1)

maħruġa minn

:

Isem l-amministrazzjoni:

……

……

……

Li tikkonċerna (2)

:

Approvazzjoni mogħtija

Approvazzjoni estiża

Approvazzjoni rifjutata

Approvazzjoni rtirata

Produzzjoni mwaqqfa għalkollox

ta’ tip ta’ komponent jew unità teknika separata bħala immobilizzatur skont ir-Regolament tan-NU Nru 162

Nru tal-Approvazzjoni…

Raġuni għall-estensjoni:

TAQSIMA I

1.

Ġenerali…

1.1.

Għamla (l-isem kummerċjali tal-manifattur):…

1.2.

Tip:…

1.3.

Il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip, jekk ikun immarkat fuq l-apparat (a):…

1.3.1.

Pożizzjoni ta’ dak l-immarkar:…

1.4.

Isem u indirizz tal-manifattur:…

1.5.

Post tal-marka tal-approvazzjoni KEE:…

1.6.

Indirizz(i) tal-impjant(i) tal-assemblaġġ:…

TAQSIMA II

1.

Informazzjoni addizzjonali (fejn applikabbli): ara l-addendum

2.

Is-servizz tekniku responsabbli għat-twettiq tat-testijiet:…

3.

Data tar-rapport tat-test:…

4.

Numru tar-rapport tat-test:…

5.

Kummenti (jekk ikun hemm): ara l-addendum

6.

Post:…

7.

Data:…

8.

Firma:…

9.

L-indiċi għall-pakkett tal-informazzjoni ppreżentat lill-awtorità tal-approvazzjoni, li jista’ jinkiseb fuq talba, jinsab mehmuż.

(1)  In-numru distintiv tal-pajjiż li jkun ta/estenda/irrifjuta/irtira l-approvazzjoni (ara d-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni fir-Regolamenti).

(2)  Aqta’ barra dak li ma japplikax (hemm każijiet fejn ma hemm bżonn li jitħassar xejn, meta tkun applikabbli aktar minn entrata waħda).


Addendum

għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tan-NU Nru …

dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ immobilizzatur fir-rigward tar-Regolament Nru 162

1.   

Informazzjoni addizzjonali:…

1.1.   

Deskrizzjoni fil-qosor tal-immobilizzatur:…

1.2.   

Lista ta’ vetturi li fuqhom l-immobilizzatur huwa maħsub li jitwaħħal:…

1.3.   

Tipi ta’ vetturi li fuqhom l-immobilizzatur kien ittestjat:…

1.4.   

Lista tal-komponenti ewlenin, debitament identifikati, li jinkludu l-immobilizzatur:…

2.   

Kummenti:…

Noti għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni/formola ta’ komunikazzjoni:

(a)

Jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni tat-tip ikollu karattri mhux rilevanti biex jiddeskrivu t-tipi tal-komponent jew tal-unità teknika separata koperti f’dan id-dokument ta’ informazzjoni, karattri bħal dawn għandhom ikunu rrappreżentati fid-dokumentazzjoni bis-simbolu “?” (eż. ABC??123??).

ANNESS 3

Arranġamenti tal-marki tal-approvazzjoni

Illustrazzjoni 1

(ara l-paragrafu 4.2 ta’ dan ir-Regolament)

Image 3

a = 8 mm min

Il-marka tal-approvazzjoni ta’ hawn fuq li tidher fl-illustrazzjoni 1 imwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ikkonċernat ġie approvat fin-Netherlands (E 4) skont ir-Regolament tan-NU Nru 162 bin-numru tal-approvazzjoni 001234. L-ewwel żewġ ċifri (00) tan-numru ta’ approvazzjoni jindikaw li l-approvazzjoni ngħatat f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tan-NU Nru 162 fil-forma oriġinali tiegħu.


ANNESS 4

Mudell taċ-ċertifikat ta’ konformità

Jiena s-sottoskritt…

(kunjom u isem)

Niċċertifika li l-immobilizzatur tal-vettura deskritt hawn taħt:

Għamla:…

Tip:…

huwa konformi kompletament mat-tip approvat

fi…

nhar…

(post tal-approvazzjoni)

(data)

kif deskritt fil-formola ta’ komunikazzjoni li għandha l-approvazzjoni Nru…

Identifikazzjoni tal-komponent(i) ewlieni/ewlenin:

Komponent:…

Immarkar:…

Magħmul fi:…

nhar:…

Indirizz sħiħ u timbru tal-manifattur:…

Firma:…(jekk jogħġbok speċifika l-pożizzjoni).


ANNESS 5

Mudell taċ-ċertifikat tal-installazzjoni

Jiena s-sottoskritt … installatur professjonali, niċċertifika li l-installazzjoni tal-immobilizzatur deskritt hawn taħt twettqet minni stess skont l-istruzzjonijiet ta’ mmuntar pprovduti mill-manifattur tas-sistema.

Deskrizzjoni tal-vettura

Għamla:…

Tip:…

Numru tas-serje:…

Numru tar-reġistrazzjoni:…

Deskrizzjoni tal-immobilizzatur

Għamla:…

Tip:…

Numru tal-approvazzjoni:…

Magħmul fi:…nhar:…

Indirizz sħiħ u timbru tal-installatur:…

……

……

Firma: … (jekk jogħġbok speċifika l-pożizzjoni)


ANNESS 6

Il-parametri tat-tħaddim u l-kundizzjonijiet tat-test għal immobilizzatur

1.   Parametri tat-tħaddim

Ir-rekwiżiti ta’ hawn taħt ma japplikawx għal:

(a)

Dawk il-komponenti li jkunu mwaħħla u ttestjati bħala parti mill-vettura, kemm jekk ikun hemm imwaħħal immobilizzatur kif ukoll jekk le (eż. lampi, sistema ta’ allarm, apparat li jipprevjeni l-użu mhux awtorizzat permezz ta’ sistema tal-illokkjar); jew

(b)

Dawk il-komponenti li jkunu ġew ittestjati qabel bħala parti mill-vettura u tkun ġiet ipprovduta evidenza dokumentarja.

Il-komponenti kollha tal-immobilizzatur għandhom jaħdmu mingħajr falliment taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin.

1.1.   Il-kundizzjonijiet klimatiċi

Żewġ klassijiet ta’ temperaturi ambjentali huma definiti kif ġej:

(a)

– 40 °C sa + 85 °C għall-partijiet li għandhom jitwaħħlu fil-kompartiment tal-passiġġieri jew tal-bagoll,

(b)

– 40 °C sa + 125 °C għall-partijiet li għandhom jitwaħħlu fil-kompartiment tal-magna sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

1.2.   Grad ta’ protezzjoni għall-installazzjoni

Għandhom jiġu pprovduti l-gradi ta’ protezzjoni li ġejjin f’konformità mal-pubblikazzjoni tal-IEC 60529:1989:

(a)

IP 40 għall-partijiet li għandhom jitwaħħlu fil-kompartiment tal-passiġġieri,

(b)

IP 42 għall-partijiet li għandhom jitwaħħlu fil-kompartiment tal-passiġġieri ta’ roadsters/konvertibbli u karozzi b’pannelli tas-saqaf li jistgħu jiċċaqilqu jekk il-post tal-installazzjoni jirrikjedi grad ogħla ta’ protezzjoni mill-IP 40,

(c)

IP 54 għall-partijiet l-oħra kollha.

Il-manifattur tal-immobilizzatur għandu jispeċifika fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni kull restrizzjoni fuq l-ippożizzjonar ta’ xi parti tal-installazzjoni fir-rigward ta’ trab, ilma u temperatura.

1.3.   Reżistenza għat-temp

7 ijiem skont il-pubblikazzjoni tal-IEC 60068-2-30:1980.

1.4.   Kundizzjonijiet elettriċi

Vultaġġ tal-provvista attribwit: 12 V

Medda tal-vultaġġ tal-provvista tat-tħaddim: minn 9 V sa 15 V fil-medda ta’ temperaturi skont il-paragrafu 1.1.1.

Perjodi massimi ta’ vultaġġ eċċessiv fi 23 °C:

U = 18 V, mass. siegħa

U = 24 V, mass. minuta

2.   Kundizzjonijiet tat-test

It-testijiet kollha għandhom jitwettqu f’sekwenza fuq immobilizzatur wieħed. Madankollu, fid-diskrezzjoni tal-awtorità tat-test, jistgħu jintużaw kampjuni oħrajn jekk dan ma jitqiesx li jaffettwa r-riżultati tat-testijiet l-oħra.

2.1.   Kundizzjonijiet normali tat-test

Vultaġġ U = (12 ± 0,2) V

Temperatura T = (23 ± 5) °C

3.   Test tat-tħaddim

Il-komponenti kollha tal-immobilizzatur għandhom jikkonformaw mal-preskrizzjonijiet mogħtija fil-paragrafi 3.2 sa 3.9 ta’ dan ir-Regolament.

3.1.   Mat-tlestija tat-testijiet kollha speċifikati hawn taħt, l-immobilizzatur għandu jiġi ttestjat fil-kundizzjonijiet normali tat-test speċifikati fil-paragrafu 2.1 ta’ dan ir-Regolament biex jiġi vverifikat jekk jibqax jiffunzjona normali. Fejn meħtieġ, il-fjusis jistgħu jiġu sostitwiti qabel it-test.

Jekk uħud mit-testijiet mitluba f’kull wieħed minn dawn il-paragrafi qabel it-testijiet ta’ tħaddim jitwettqu f’serje fuq immobilizzatur wieħed, it-test ta’ tħaddim jista’ jsir biss darba wara li t-testijiet magħżula jkunu tlestew minflok ma jsiru t-testijiet ta’ tħaddim mitluba f’dawn il-paragrafi wara kull wieħed mit-testijiet magħżula. Il-manifatturi tal-vettura u l-fornituri għandhom jiggarantixxu riżultati sodisfaċenti biss fuq proċeduri mhux akkumulati.

3.2.   Reżistenza għat-temperatura u bidliet fil-vultaġġ

Għandha tiġi vverifikata wkoll il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet definiti fil-paragrafu 3.1. fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

3.2.1.

It-temperatura tat-test

T (– 40 ± 2) °C

Vultaġġ tat-test

U = (9 ± 0,2) V

Id-durata tal-ħżin

4 sigħat

3.2.2.

Għall-partijiet li jridu jitwaħħlu fil-kompartiment tal-passiġġieri jew tal-bagalji:

It-temperatura tat-test

T = (+ 85 ± 2) °C

Vultaġġ tat-test

U = (15 ± 0,2) V

Id-durata tal-ħżin

4 sigħat

3.2.3.

Għall-partijiet li għandhom jitwaħħlu fil-kompartiment tal-passiġġieri sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor:

It-temperatura tat-test

T = (+ 125 ± 2) °C

Vultaġġ tat-test

U = (15 ± 0,2) V

Id-durata tal-ħżin

4 sigħat

3.2.4.

L-immobilizzatur, kemm fl-istat issettjat kif ukoll fl-istat mhux issettjat, għandu jiġi sottomess għal vultaġġ żejjed ugwali għal (18 ± 0,2) V għal siegħa.

3.2.5.

L-immobilizzatur, kemm fl-istat issettjat kif ukoll fl-istat mhux issettjat, għandu jiġi sottomess għal vultaġġ żejjed ugwali għal (24 ± 0,2) V għal minuta.

3.3.   Tħaddim sikur wara l-ittestjar tal-impermeabbiltà għall-korpi estranei u għall-ilma

Wara t-test tal-impermeabbiltà għall-korpi estranei u għall-ilma skont il-pubblikazzjoni tal-IEC 60529:1989, għall-gradi ta’ protezzjoni bħal fil-paragrafu 1.1.2, għandhom jiġu ripetuti t-testijiet tat-tħaddim skont il-paragrafu 3.1.

Bi ftehim mas-Servizz Tekniku dan ir-rekwiżit ma għandux għalfejn japplika fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Approvazzjoni tat-Tip ta’ immobilizzatur li għandu jiġi approvat skont it-tip bħala unità teknika separata

F’dan il-każ, il-manifattur tal-immobilizzatur għandu:

(i)

Jispeċifika fil-punt 4.5 tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1b), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma kienx applikat għall-immobilizzatur (f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan ir-Regolament), u

(ii)

Jispeċifika fil-punt 4.1 tad-dokument ta’ informazzjoni, il-lista ta’ vetturi li fuqhom l-immobilizzatur huwa maħsub li jitwaħħal u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ installazzjoni fil-punt 4.2.

(b)

Approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward ta’ immobilizzatur

F’dan il-każ, il-manifattur għandu jispeċifika fil-punt 3.1.1.1 tal-Anness 1a tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1a), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma japplikax għall-immobilizzatur minħabba n-natura tal-kundizzjonijiet tal-installazzjoni u l-manifattur tal-vettura għandu jagħti prova ta’ dan billi jippreżenta dokumenti relatati.

(c)

L-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-installazzjoni ta’ immobilizzatur li t-tip tiegħu huwa approvat bħala unità teknika separata.

F’dan il-każ, il-manifattur tal-vettura għandu jispeċifika fil-punt 3.1.1.1 tal-Anness 1a tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1a), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma japplikax għall-installazzjoni tal-immobilizzatur fejn il-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni rilevanti huma ssodisfati.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax f’każijiet fejn l-informazzjoni meħtieġa fil-punt 3.1.3.1.1 tal-Anness 1a tkun diġà tressqet għall-approvazzjoni tal-unità teknika separata.

3.4.   Tħaddim sikur wara t-test għal ilma kondensat

Wara test tar-reżistenza għall-umdità li għandu jitwettaq skont il-pubblikazzjoni tal-IEC 60068-2-30:1980, għandhom jiġu ripetuti t-testijiet tat-tħaddim skont il-paragrafu 3.1.

3.5.   Test għas-sikurezza kontra polarità inversa

L-immobilizzatur u l-komponenti tiegħu ma għandhomx jiġu distrutti minn polarità inversa sa 13 V matul żewġ minuti. Wara dan it-test, it-testijiet tat-tħaddim skont il-paragrafu 3.1. għandhom jiġu ripetuti bil-fjusis mibdula, jekk meħtieġ.

3.6.   Test għas-sikurezza minn short-circuits

Il-konnessjonijiet elettriċi kollha tal-immobilizzatur iridu jkunu protetti minn short-circuits mal-ert, massimu 13 V u/jew bil-fjus. Wara dan it-test, għandhom jiġu ripetuti t-testijiet tat-tħaddim skont il-paragrafu 3.1, bil-fjusis mibdula jekk ikun meħtieġ.

3.7.   Konsum ta’ enerġija fil-kundizzjoni ssettjata

Il-konsum ta’ enerġija fil-kundizzjoni ssettjata mogħtija fil-paragrafu 2.1 ma għandux jaqbeż medja ta’ 20 mA għas-sistema kompluta tal-immobilizzatur inkluż id-displej tal-istatus.

Bi ftehim mas-Servizz Tekniku dan ir-rekwiżit ma għandux għalfejn japplika fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

Approvazzjoni tat-Tip ta’ immobilizzatur li għandu jiġi approvat skont it-tip bħala unità teknika separata

F’dan il-każ, il-manifattur tal-immobilizzatur għandu:

(i)

Jispeċifika fil-punt 4.5 tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1, il-Parti 2), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma kienx applikat għall-immobilizzatur (f’konformità mal-paragrafu 7. ta’ dan ir-regolament), u

(ii)

Jispeċifika fil-punt 4.1 tad-dokument ta’ informazzjoni, il-lista ta’ vetturi li fuqhom l-immobilizzatur huwa maħsub li jitwaħħal u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ installazzjoni fil-punt 4.2.

(b)

Approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward ta’ immobilizzatur

F’dan il-każ, il-manifattur għandu jispeċifika fil-punt 3.1.3.1.1 tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1a), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma japplikax għall-immobilizzatur minħabba n-natura tal-kundizzjonijiet tal-installazzjoni u l-manifattur tal-vettura għandu jagħti prova ta’ dan billi jippreżenta dokumenti relatati.

(c)

L-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura fir-rigward tal-installazzjoni ta’ immobilizzatur li t-tip tiegħu huwa approvat bħala unità teknika separata.

F’dan il-każ, il-manifattur tal-vettura għandu jispeċifika fil-punt 3.1.3.1.1 tad-dokument ta’ informazzjoni (l-Anness 1a), li r-rekwiżit ta’ dan il-paragrafu ma japplikax għall-installazzjoni tal-immobilizzatur meta l-kundizzjonijiet ta’ installazzjoni rilevanti jkunu ssodisfati.

Dan ir-rekwiżit ma japplikax f’każijiet fejn l-informazzjoni meħtieġa fil-punt 3.1.3.1.1 tal-Anness 1a tkun diġà tressqet għall-approvazzjoni tal-unità teknika separata.

3.8.   Tħaddim sikur wara test ta’ vibrazzjoni

3.8.1.

Għal dan it-test, il-komponenti huma suddiviżi f’żewġ tipi:

Tip 1

:

komponenti normalment immuntati fuq il-vettura,

Tip 2

:

komponenti maħsuba sabiex jitqabbdu mal-magna.

3.8.2.

Il-komponenti/l-immobilizzatur għandhom jiġu sottomessi għal modalità ta’ vibrazzjoni sinusojdali li l-karatteristiċi tagħha huma kif ġej:

3.8.2.1.

Għat-Tip 1

Il-frekwenza għandha tkun varjabbli minn 10 Hz sa 500 Hz b’amplitudini massima ta’ ± 5 mm u aċċellerazzjoni massima ta’ 3 g (0-peak).

3.8.2.2.

Għat-Tip 2

Il-frekwenza għandha tkun varjabbli minn 20 Hz sa 300 Hz b’amplitudini massima ta’ ± 2 mm u b’aċċellerazzjoni massima ta’ 15 g (0-peak).

3.8.2.3.

Kemm għat-tip 1 kif ukoll għat-tip 2

Il-varjazzjoni tal-frekwenza hija ta’ ottava/minuta.

In-numru ta’ ċikli huwa ta’ 10, it-test għandu jitwettaq tul kull wieħed mit-3 assi.

Il-vibrazzjonijiet jiġu applikati fi frekwenzi baxxi f’amplitudni kostanti massima u f’aċċellerazzjoni kostanti massima fuq frekwenzi għoljin.

3.8.3.

Matul it-test l-immobilizzatur għandu jkun imqabbad elettrikament u l-kejbil għandu jkollu appoġġ wara 200 mm.

3.8.4.

Wara t-test tal-vibrazzjoni, għandhom jiġu ripetuti t-testijiet tat-tħaddim skont il-paragrafu 3.1.

3.9.   Kompatibbiltà elettromanjetika

L-immobilizzatur għandu jiġi sottomess għat-testijiet deskritti fl-Anness 7.


ANNESS 7

Kompatibbiltà elettromanjetika

1.   Immunità kontra disturbi kondotti tul il-linji ta’ provvista

1.1

It-testijiet għandhom jitwettqu skont il-preskrizzjonijiet tekniċi u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tan-NU Nru 10, is-serje ta’ emendi 06 u skont il-metodi ta’ ttestjar deskritti fl-Anness 10 għal Subassemblaġġ Elettriku/Elettroniku (ESA).

1.2.

L-immobilizzatur għandu jiġi ttestjat fi stat mhux issettjat u fi stat issettjat

2.   Immunità kontra disturbi rradjati ta’ frekwenza għolja

2.1.

L-ittestjar tal-immunità ta’ immobilizzatur f’vettura jista’ jitwettaq skont il-preskrizzjonijiet tekniċi u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament Nru 10, is-serje ta’ emendi 06 u l-metodi ta’ ttestjar deskritti fl-Anness 6 għall-vetturi jew l-Anness 9 għal Subassemblaġġ Elettriku/Elettroniku (ESA)

2.2.

L-immobilizzatur għandu jiġi ttestjat bil-kundizzjonijiet tat-tħaddim u bil-kriterji ta’ falliment kif iddefiniti fit-Tabella 1

Tabella 1

Kundizzjonijiet tat-tħaddim u kriterji ta’ falliment għall-immobilizzatur

Tip ta’ test

Kundizzjonijiet tat-tħaddim tal-immobilizzatur

Kriterji ta’ falliment

Test bil-vettura

Immobilizzatur fi stat mhux issettjat

Ċavetta f’pożizzjoni MIXGĦULA jew Vettura b’50 km/siegħa (1)

Attivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Immobilizzatur fi stat issettjat

Ċavetta f’pożizzjoni MITFIJA

Diżattivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Immobilizzatur fi stat issettjat

Vettura fil-modalità ta’ ċċarġjar (jekk applikabbli)

Diżattivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Test tal-ESA

Immobilizzatur fi stat mhux issettjat

Attivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Immobilizzatur fi stat issettjat

Diżattivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

3.   Disturb elettriku minn skariki elettrostatiċi

3.1.

L-immunità kontra d-disturbi elettriċi għandha tiġi ttestjata f’konformità mal-Istandard tal-ISO 10605:2008/AMD 1:2014 bl-użu tal-livelli tas-severità tat-test mit-Tabella 2.

3.2.

It-testijiet tal-ESD għandhom jitwettqu jew fil-livell tal-vettura jew fil-livell tas-Subassemblaġġ Elettriku/Elettroniku (ESA).

Tabella 2

Livelli ta’ ttestjar tal-ESD

Tip ta’ skariku

Punti ta’ skariku

Stat tal-immobilizzatur

Network ta’ skariku

Livell tat-Test

Kriterji ta’ falliment

Skariku tal-arja

Punti li jistgħu jiġu aċċessati faċilment biss min-naħa ta’ ġewwa tal-vettura

Immobilizzatur fi stat mhux issettjat

(jekk it-test jitwettaq fuq il-vettura, allura din tal-aħħar għandha tkun biċ-Ċavetta f’pożizzjoni MIXGĦULA jew b’50 km/siegħa jew bil-magna f’modalità idle)

330 pF, 2 kΩ

± 6 kV

Attivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Punti li jistgħu jintmessu faċilment biss minn barra tal-vettura

Immobilizzatur fi stat issettjat

(jekk it-test isir fuq il-vettura, allura l-vettura għandha tissakkar u ċ-Ċavetta għandha tkun f’pożizzjoni MITFIJA)

150 pF, 2 kΩ

± 15 kV

Diżattivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur mingħajr attivazzjoni mill-ġdid, fi żmien sekonda, wara kull skariku

Skariku ta’ kuntatt

Punti li jistgħu jiġu aċċessati faċilment biss min-naħa ta’ ġewwa tal-vettura

Immobilizzatur fi stat mhux issettjat

(jekk it-test jitwettaq fuq il-vettura, allura din tal-aħħar għandha tkun biċ-Ċavetta f’pożizzjoni MIXGĦULA jew b’50 km/siegħa jew bil-magna f’modalità idle)

330 pF, 2 kΩ

± 4 kV

Attivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur

Punti li jistgħu jintmessu faċilment biss minn barra tal-vettura

Immobilizzatur fi stat issettjat

(jekk it-test isir fuq il-vettura, allura l-vettura għandha tissakkar u ċ-Ċavetta għandha tkun f’pożizzjoni MITFIJA)

150 pF, 2 kΩ

± 8 kV

Diżattivazzjoni mhux mistennija tal-immobilizzatur mingħajr attivazzjoni mill-ġdid, fi żmien sekonda, wara kull skariku

Kull test għandu jitwettaq bi 3 skariki b’intervall minimu ta’ 5 sekondi bejn kull skariku.

4.   Emissjonijiet irradjati

4.1.

It-testijiet għandhom jitwettqu skont il-preskrizzjonijiet tekniċi u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tan-NU Nru 10, is-serje ta’ emendi 04 u skont il-metodi ta’ ttestjar deskritti fl-Annessi 4 u 5 għall-vetturi jew l-Annessi 7 u 8, għal Subassemblaġġ Elettriku/Elettroniku (ESA).

4.2.

L-immobilizzatur għandu jkun fi stat issettjat.

(1)  Dan it-test jista’ jkun kopert mir-Regolament tan-NU Nru 10, modalità 50 km/siegħa.


Top