EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42009A0421(01)

Konvenzjoni dwar l-iżdoganar ċentralizzat, dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir nazzjonali li jinżammu mill-pajjiż sakemm il-fondi proprji tradizzjonali jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE

ĠU C 92, 21.4.2009, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

21.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 92/1


KONVENZJONI

dwar l-iżdoganar ċentralizzat, dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir nazzjonali li jinżammu mill-pajjiż sakemm il-fondi proprji tradizzjonali jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE

2009/C 92/01

IL-PARTIJIET KONTRAENTI, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea:

WARA LI KKUNSIDRAW Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/436/KE, EURATOM tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni”),

WAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni hawn fuq imsemmija dwar ir-riżorsi proprji (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament”),

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-iżdoganar ċentralizzat, u simplifikazzjonijiet oħrajn tal-formalitajiet doganali, fis-sens tar-Regolament KE Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Dognali Komunitarju (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Kodiċi Doganali Modernizzat”) jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ kondizzjonijiet favorevoli għall-kummerċ;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Awtorizazzjoni Unika kif definita fl-Artikolu 1(13) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 jipprevedi l-istess benefiċċji għall-perijodu sakemm il-Kodiċi Doganali Modernizzat ikun sar applikabbli;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2007 dwar it-tqassim tal-ġbir mid-dazju fuq il-VAT u fuq l-istatistika, taħt is-sistema tal-iżdoganar ċentralizzat u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2007 dwar l-evalwazzjoni tal-funzjonament tas-sistema ta’ żdoganar ċentralizzat;

WAQT LI JIEĦDU KONT tal-Artikoli 17 u 120 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat li rispettivament jipprevedu r-rikonoxximent tal-validità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni doganali madwar il-Komunità kollha, u jistabbilixxu l-forza konklussiva tar-riżultati tal-verifika li japplikkaw fit-territorju kollu tal-Komunità;

BILLI:

(1)

Il-ġestjoni tal-iżdoganar ċentralizzat, li jista’ jiġi kkombinat mas-simplifikazzjonijiet tal-formalitajiet doganali, fejn il-merkanzija hija ddikjarata għal ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri iżda ppreżentata fi Stat Membru ieħor jimplika spejjeż amministrattivi fiż-żewġ Stati Membri. Dak jiġġustifika ridistribuzzjoni parzjali tal-ispejjeż tal-ġbir nazzjonali li jinżammu mill-pajjiż sakemm il-fondi proprji tradizzjonali jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE skont ir-Regolament.

(2)

Dik ir-ridistribuzzjoni, li ssir mill-Parti Kontraenti fejn id-dikjarazzjoni doganali ssir għall-benefiċċju tal-Parti Kontraenti fejn il-merkanzija hija ppreżentata, tikkorrispondi għal total ta’ 50 % tal-ispejjeż tal-ġbir miżmuma.

(3)

L-implimentazzjoni tajba tar-ridistribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir teħtieġ l-adozzjoni ta’ proċeduri speċifiċi taħt forma ta’ konvenzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti.

(4)

Din il-Konvenzjoni għandha tiġi applikata mill-Partijiet Kontraenti f’konformità mal-liġijiet u mal-proċeduri nazzjonali rispettivi tagħhom,

QABLU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

1.   Din il-Konvenzjoni tiddefinixxi l-proċeduri għar-ridistribuzzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir meta r-riżorsi proprji jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE, li għandhom ikunu segwiti mill-Partijiet Kontraenti fil-każ ta’ żdoganar ċentralizzat kif definit fl-Artikolu 106 tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, fejn il-merkanzija hija ddikjarata għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera fi Stat Membru iżda ppreżentata lid-dwana fi Stat Membru ieħor.

2.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll meta l-kunċett ta’ żdoganar ċentralizzat huwa kkombinat mas-simplifikazzjonijiet stabbiliti taħt il-Kodiċi Doganali Modernizzat.

3.   Il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-Awtorizzazzjoni Unika kif definita mill-Artikolu 1(13) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni libera.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorizzazzjoni” tfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet doganali li tippermetti r-rilaxx tal-merkanzija għal ċirkolazzjoni libera fl-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn huwa stabbilit id-detentur tal-awtorizzazzjoni, irrispettivament mill-uffiċċju doganali fejn il-merkanzija hija ppreżentata;

(b)

“Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni” tfisser l-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri parteċipanti li jippermettu r-rilaxx tal-merkanzija għal ċirkolazzjoni libera fl-uffiċċju doganali responsabbli għall-post fejn huwa stabbilit id-detentur tal-awtorizzazzjoni, irrispettivament mill-uffiċċju doganali fejn il-merkanzija hija ppreżentata;

(c)

“Awtoritajiet Doganali ta’ Assistenza” tfisser l-Awtoritajiet Doganali tal-Istat Membru parteċipant li jassistu lill-Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni fis-superviżjoni tal-proċedura u r-rilaxx tal-merkanzija;

(d)

“Dazji fuq l-importazzjoni” tfisser id-dazji doganali li jitħallsu fuq l-importazzjoni tal-merkanzija;

(e)

“l-ispejjeż tal-ġbir” tfisser l-ammonti li l-Istati Membri huma awtorizzati li jżommu f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni jew ta’ dispożizzjoni korrispondenti ta’ kwalunkwe deċiżjoni oħra sussegwenti li tista’ tissostitwixxiha.

KAPITOLU II

DETERMINAZZJONI U RIDISTRIBUZZJONI TAL-ISPEJJEŻ TAL-ĠBIR

Artikolu 3

1.   L-Istat Membru tal-Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru tal-Awtoritajiet Doganali ta’ Assistenza, b’mod elettroniku jew, fejn mhux disponibbli, bi kwalunkwe mezz adatt ieħor, bl-informazzjoni rilevanti dwar l-ammont tal-ispejjeż tal-ġbir għar-ridistribuzzjoni.

2.   L-Awtoritajiet Doganali ta’ Assistenza għandhom jikkomunikaw lill-Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti biex tirċievi l-informazzjoni skont il-paragrafu 1;

(b)

ir-referenzi tal-kont bankarju li fih l-ammonti tal-ispejjeż tal-ġbir għar-ridistribuzzjoni għandhom jitpoġġew.

3.   L-informazzjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 hija din li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni;

(b)

id-data li fiha l-ammont ta’ riżorsi proprji stabbiliti jiġi kkreditat f’konformità mal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament;

(c)

l-ammont tar-riżorsi proprji mqiegħda għad-dispożizzjoni, b’kont meħud tal-possibbiltà ta’ pagament mill-ġdid jew irkupru wara l-iżdoganar tad-dazji tal-importazzjoni;

(d)

l-ammont ta’ spejjeż tal-ġbir miżmuma.

Artikolu 4

L-ammont tal-ispejjeż tal-ġbir għar-ridistribuzzjoni mill-Istat Membru tal-Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni lill-Istat Membru tal-Awtoritajiet Doganali ta’ Assistenza għandhom ikunu ekwivalenti għal ħamsin fil-mija (50 %) tal-ammont tal-ispejjeż tal-ġbir miżmuma.

Artikolu 5

1.   Il-pagament tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 4 għandu jseħħ fix-xahar li fih l-ammont tar-riżorsi proprji stabbiliti jkun ikkreditat f’konformità mal-Artikolu 9 u 10 tar-Regolament.

2.   L-imgħax fuq l-arretrati għandu jingħadd fuq l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 mid-data li fiha jiskadi l-perijodu preskritt sad-data tal-ħlas.

Ir-rata ta’ imgħax fuq l-arretrati għandha tkun ir-rata ta’ imgħax applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjoni prinċipali l-aktar riċenti tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid imwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena inkwistjoni (ir-rata ta’ referenza), biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali.

Għal Stat Membru tal-Awtoritajiet Doganali tal-Awtorizzazzjoni li mhux jipparteċipa fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja, ir-rata ta’ referenza msemmija hawn fuq għandha tkun ir-rata ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali tiegħu. F’dak il-każ, ir-rata ta’ referenza fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tan-nofs sena inkwistjoni għandha tapplika għas-sitt xhur ta’ wara.

KAPITOLU III

RIŻOLUZZJONI TA’ DISPUTI

Artikolu 6

Kwalunkwe disputa li tinqala’ bejn il-Partijiet Kontraenti b’relazzjoni mal-interpretazzjoni jew il-funzjonament ta’ din il-Konvenzjoni għandha tkun riżolta kemm jista’ jkun permezz tan-negozjar. Jekk ma tinstab ebda soluzzjoni fi żmien tliet xhur, il-Partijiet Kontraenti kkonċernati jistgħu, bi qbil komuni, jagħżlu medjatur biex isolvi d-disputa.

KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

1.   Is-Segretarju Ġenrali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.

2.   L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jsiru Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni billi jiddepożitaw għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, la darba jkunu kkompletati l-proċeduri interni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ disgħin jum wara li l-aħħar Stat Membru firmatarju jkun iddikkjara li lesta l-proċeduri interni kollha meħtieġa biex din tkun adottata. Madanakollu, sadanittant, kwalunkwe Stat Membru li jkun lesta dawn il-proċeduri jista’ jiddikjara li hu ser japplika l-Konvenzjoni fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati Membri li jkunu għamlu l-istess dikjarazzjoni, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati minn din il-Konvenzjoni.

4.   L-arranġamenti amministrattivi kollha bejn l-Istati Membri li jikkonċernaw ir-ridistribuzzjoni tal-ammonti tal-ispejjeż tal-ġbir f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jiġu sostitwiti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni mid-data tal-applikazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 8

1.   Emendi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Parti Kontraenti, b’mod partikolari meta Parti Kontraenti tiffaċċja telf baġitarju serju minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Kwalunkwe emenda proposta għandha tintbagħat lid-depożitarju msemmi fl-Artikolu 7 li għandu jikkomunikaha lill-Partijiet Kontraenti.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati bi qbil komuni mill-Partijiet Kontraenti.

3.   L-emendi adottati skont il-paragrafu 2 għandhom jidħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 7.

Artikolu 9

Din il-Konvenzjoni għandha tiġi riveduta mill-Partijiet Kontraenti mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali Modernizzat u, jekk meħtieġ, tista’ tiġi emendata abbażi ta’ dik ir-reviżjoni f’konformità mal-Artikolu 8.

Artikolu 10

1.   Kull Parti Kontraenti tista’ tiddenunzja din il-Konvenzjoni billi tgħarraf b’dan lis-Segretarju Generali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   Id-denunzja għandha tieħu effett disgħin jum wara d-data li fiha s-Segretarju-Ġenerali jirċievi n-notifika tad-denunzja.

B’xhieda ta’ dan, il-Plenipotenzjari sottoskritti poġġew il-firma tagħhom fil-qiegħ ta’ din il-Konvenzjoni.

Magħmul fi Brussell, fl-għaxar jum ta’ Marzu tas-sena elfejn u disgħa f’oriġinal uniku bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża, bit-testi kollha ugwalment awtentiċi, bl-oriġinal jiġi depożitat fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Voor de regering van het Koninkrijk België

Pour le gouvernement du Royaume de Belgique

Für die Regierung des Königreichs Belgien

Image

За правителството на Република България

Image

Za vládu České republiky

Image

For regeringen for Kongeriget Danmark

Image

Für die Regierung der Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi valitsuse nimel

Image

Thar ceann Rialtas na hÉireann

For the Government of Ireland

Image

Για την Κυβέρνηση της Ελληνικής Δημοκρατίας

Image

Por el Gobierno del Reino de España

Image

Pour le gouvernement de la République française

Image

Per il governo della Repubblica italiana

Image

Για την Κυβέρνηση της Κυπριακής Δημοκρατίας

Image

Latvijas Republikas valdības vārdā

Image

Lietuvos Respublikos Vyriausybės vardu

Image

Pour le gouvernement du Grand-Duché de Luxembourg

Image

A Magyar Köztársaság kormánya részéről

Image

Għall-Gvern ta’ Malta

Image

Voor de regering van het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Regierung der Republik Österreich

Image

W imieniu Rządu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pelo Governo da República Portuguesa

Image

Pentru Guvernul României

Image

Za vlado Republike Slovenije

Image

Za vládu Slovenskej republiky

Image

Suomen hallituksen puolesta

På finska regeringens vägnar

Image

På svenska regeringens vägnar

Image

For the Government of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image


Top