Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42007X0530(02)

    Regolament Nru 51 tal-Kummissjoni Ekonomika ta’ l-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur li jkollhom mill-inqas erba’ roti rigward l-emissjonijiet tal-ħoss tagħhom

    ĠU L 137, 30.5.2007, p. 68–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/51(2)/oj

    30.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 137/68


    Regolament Nru 51 tal-Kummissjoni Ekonomika ta’ l-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur li jkollhom mill-inqas erba’ roti rigward l-emissjonijiet tal-ħoss tagħhom

    Addendum 50: Ir-Regolament Nru 51

    Reviżjoni 1

    Li tinkorpora t-test validu kollu sa:

    Is-Suppliment 5 għas-serje 02 ta’ l-emendi. Id-data tad-dħul fis-seħħ: 18 ta’ Ġunju 2007

    WERREJ

    REGOLAMENTAZZJONI

    1.

    L-ambitu

    2.

    Id-definizzjonijiet

    3.

    L-applikazzjoni għall-approvazzjoni

    4.

    L-immarkar

    5.

    L-approvazzjoni

    6.

    L-ispeċifikazzjonijiet

    7.

    Il-modifika u l-estensjoni ta’ l-approvazzjoni ta’ tip ta’vettura

    8.

    Il-konformità tal-produzzjoni

    9.

    Il-pieni għan-nuqqas ta’ konformità tal-produzzjoni

    10.

    Produzzjoni mwaqqfa għal kollox

    11.

    Id-dispożizzjonijiet tranżitorji

    12.

    L-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet ta’ approvazzjoni, u tad-dipartimenti amministrattivi

    L-ANNESSI

    Anness 1

    Komunikazzjoni li tikkonċerna l-approvazzjoni jew l-estensjoni jew ir-rifjut jew l-irtirar ta’ l-approvazzjoni jew produzzjoni mwaqqfa għal kollox ta’ tip ta’ vettura rigward l-emissjoni tal-ħoss tiegħu skond ir-Regolament Nru 51

    Anness 2

    L-arranġamenti tal-marka ta’ approvazzjoni

    Anness 3

    Il-metodi u l-istrumenti biex jitkejjel il-ħoss li jagħmlu l-vetturi bil-mutur (Metodu ta’ Kejl A)

    Anness 4

    Il-klassifikazzjoni tal-vetturi

    Anness 5

    Is-sistemi ta’ l-egżost li fihom materjali fibrużi

    Anness 6

    Il-ħoss ta’ l-arja kkompressata

    Anness 7

    Il-kontrolli dwar il-konformità tal-produzzjoni

    Anness 8

    L-ispeċifikazzjonijiet għas-sit tat-testijiet

    Anness 9

    Id-Data tat-Test tal-Vettura skond il-Metodu ta’ Kejl B

    Anness 10

    Il-metodi u l-istrumenti biex jitkejjel il-ħoss li jagħmlu l-vetturi bil-mutur (Metodu ta’ Kejl B)

    1.   L-AMBITU

    Dan ir-Regolament japplika għall-vetturi tal-kategoriji M u N (1) rigward il-ħoss.

    2.   ID-DEFINIZZJONIJIET

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament,

    2.1.   Approvazzjoni ta’ vettura tfisser l-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura rigward il-ħoss;

    2.2.   Tip ta’ vettura tfisser kategorija ta’ vetturi bil-mutur li ma tvarjax f’tali aspetti essenzjali bħal:

    2.2.1.

    l-għamla jew il-materjali tal-qafas (speċjalment il-kompartiment tal-magna u s-soundproofing tagħha);

    2.2.2.

    it-tul u l-wisa’ tal-vettura;

    2.2.3.

    it-tip ta’ magna (positive jew compression ignition, two- jew four-stroke, pistun li jirreċiproka jew idur), in-numru u ċ-ċilindrata, in-numru u t-tip ta’ karburaturi jew ta’ sistema ta’ injezzjoni, l-arranġament tal-valvoli, il-qawwa massima nominali u l-veloċità(jiet) korrispondenti tal-magna, jew it-tip ta’ mutur elettriku;

    2.2.4.

    is-sistema ta’ trażmissjoni, in-numru ta’ gerijiet u l-proporzjonijiet;

    2.2.5.

    is-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes kif ġiet iddefinita fil-paragrafi 2.3 u 2.4 li ġejjin.

    2.2.6.

    Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2.2.2. u 2.2.4., il-vetturi għajr dawk li huma fil-kategoriji M1 u N1  (1) li għandhom l-istess tip ta’ magna u/jew proporzjonijiet ġenerali tal-gerijiet differenti, jistgħu jitqiesu bħala vetturi ta’ l-istess tip.

    Madanakollu, jekk id-differenzi t’hawn fuq jipprovdu għal metodu ta’ test differenti, dawn id-differenzi għandhom jitqiesu bħala bidla fit-tip.

    2.3.   Sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes tfisser sett komplut ta’ komponenti meħtieġa biex ikun limitat il-ħoss magħmul minn vettura bil-mutur u mill-egżost tagħha;

    2.4.   Sistemi għat-tnaqqis tal-ħoss ta’ tipi differenti tfisser sistemi għat-tnaqqis tal-ħoss li jvarjaw f’tali aspetti essenzjali bħal:

    2.4.1.

    li l-komponenti tagħhom, kif ġie speċifikat fil-paragrafu 4.1., għandhom fuqhom ismijiet kummerċjali jew trejdmarks differenti;

    2.4.2.

    li l-karatteristiċi tal-materjali li jikkostitwixxu komponent huma differenti jew li l-komponenti jvarjaw fl-għamla jew fid-daqs, bidla fil-proċedura tal-plating (galvanizzar, kisi bl-aluminju, eċċ.) ma titqiesx li tipproduċi differenza fit-tip;

    2.4.3.

    li l-prinċipji operattivi ta’ mill-inqas komponent wieħed huma differenti;

    2.4.4.

    li l-komponenti tagħhom huma mmuntati b’mod differenti;

    2.4.5.

    li n-numru ta’ sajlensers tad-dħul (intake silencers) u/jew sajlensers ta’ l-egżost (exhaust silencers) huwa differenti.

    2.5.   Komponent ta’ sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes tfisser waħda mill-partijiet individwali u kostitwenti li l-immuntar tagħha jikkostitwixxi s-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes.

    B’mod partikolari, dawn il-kompenenti huma: il-pajpijiet ta’ l-egżost, il-kompartiment(i) ta’ espansjoni, is-sajlenser(s) stess.

    2.5.1.   Il-filtru ta’ l-arja jitqies bħala komponent biss jekk il-preżenza tiegħu hija essenzjali biex tkun żgurata osservanza tal-limiti preskritti għal-livell tal-ħoss.

    2.5.2.   Il-manifolds ma jitqisux bħala komponenti tas-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes.

    2.6.   Massa massima tfisser il-massa massima teknikament permissibbli li ġiet iddikjarata mill-manifattur tal-vettura (din il-massa tista’ tkun ikbar mill-massa massima awtorizzata mill-amministrazzjoni nazzjonali).

    2.7.   “Il-qawwa (nominali) tal-magna” tfisser il-qawwa tal-magna espressa f’kW (KEE) u mkejla bil-metodu KEE skond ir-Regolament Nru 85.

    2.8.   Massa ta’ vettura lesta biex taħdem (mro) tfisser il-massa ta’ vettura mhux mgħobbija bil-qafas, u bi strument ta’ l-igganċjar fil-każ ta’ vettura ta’ l-irmonk, jew il-massa tax-xażi bil-kabina jekk il-manifattura ma jwaħħalx il-qafas u/jew it-tagħmir ta’ l-igganċjar, inklużi l-likwidu li jkessaħ, iż-żjut, 90 fil-mija tal-fjuwil, 100 fil-mija ta’ likwidi oħra ħlief l-ilmijiet użati, l-għodod, l-istepni, is-sewwieq (75 kg) u, għall-karozzi tal-linja u għall-kowċijiet, il-massa tal-membru ta’ l-ewkipaġġ (75 kg) jekk hemm seat għall-ekwipaġġ fil-vettura.

    2.9.   Il-veloċità nominali tal-magna, S tfisser il-veloċità ddikjarata tal-magna f’min–1 (rpm) li biha l-magna tiżviluppa l-qawwa nominali netta u massima tagħha skond ir-Regolament Nru 85.

    Jekk il-qawwa nominali netta u massima tintlaħaq b’diversi veloċitajiet tal-magna, għandha tintuża l-akbar veloċità tal-magna.

    2.10.   Indiċi tal-proporzjon tal-qawwa mal-massa (PMR) tfisser kwantità numerika (ara l-paragrafu 3.1.2.1.1. ta’ l-Anness 10) fejn l-ebda dimensjoni ma tintuża għall-kalkolu ta’ l-aċċelerazzjoni.

    2.11.   Punt ta’ referenza tfisser punt li jiġi ddefinit kif ġej:

    2.11.1.

    Il-kategoriji M1, N1:

    għal vetturi bil-magna fuq quddiem: it-tarf ta’ quddiem tal-vettura;

    għal vetturi bil-magna fin-nofs: iċ-ċentru tal-vettura;

    għal vetturi bil-magna fuq wara: it-tarf ta’ wara tal-vettura.

    2.11.2.

    Il-kategoriji M2, M3, N2, N3:

    it-tarf tal-magna l-eqreb tal-parti ta’ quddiem tal-magna.

    2.12.   Magna tfisser is-sors ta’ l-enerġija mingħajr aċċessorji li jinqalgħu.

    2.13.   Aċċelerazzjoni mmirata tfisser aċċelerazzjoni meta t-throttle ikun parzjalment miftuħ fi traffiku urban u hija derivata minn investigazzjonijiet statistiċi.

    2.14.   Aċċelerazzjoni ta’ referenza tfisser l-aċċelerazzjoni meħtieġa waqt it-test ta’ l-aċċelerazzjoni fuq il-mogħdija tat-test.

    2.15.   “Fattur k tat-tagħbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-proporzjon tal-gerijiet” tfisser kwantità numerika mingħajr dimensjoni li tintuża biex jiġu kkombinati r-riżultati tat-testijiet ta’ żewġ proporzjonijiet tal-gerijiet għat-test ta’ l-aċċelerazzjoni u għat-test tal-veloċità kostanti.

    2.16.   Fattur tal-qawwa parzjali kp tfisser kwantità numerika bl-ebda dimensjoni li tintuża għall-kombinazzjoni mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tar-riżultati tat-testijiet tat-test ta’ l-aċċelerazzjoni u tat-test tal-veloċità kostanti għall-vetturi.

    2.17.   Pre-aċċelerazzjoni tfisser applikazzjoni ta’ strument għall-kontroll ta’ l-aċċelerazzjoni qabel AA′ sabiex tintlaħaq aċċelerazzjoni stabbli bejn AA′ u BB′.

    2.18.   Proporzjonijiet ta’ gerijiet illokjati tfisser il-kontroll tat-trażmissjoni b’tali mod li matul test il-ger tat-trażmissjoni ma jistax jitbiddel.

    3.   L-APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI

    3.1.   L-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ tip ta’ vettura rigward il-ħoss għandha titressaq mill-manifattur tiegħu jew mir-rappreżentant tiegħu li ġie akkreditat b’mod xieraq.

    3.2.   Għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li jissemmew aktar ’l isfel u mill-partikolaritajiet li ġejjin fi tliet kopji:

    3.2.1.

    deskrizzjoni tat-tip ta’ vettura rigward il-punti li jissemmew fil-paragrafu 2.2. aktar ’il fuq. Għandhom jiġu speċifikati n-numri u/jew is-simboli li jidentifikaw it-tip ta’ magna u t-tip ta’ vettura;

    3.2.2.

    lista tal-komponenti, li ġew identifikati b’mod xieraq, li jikkostitwixxu s-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes;

    3.2.3.

    disinn tas-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes immuntata u indikazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fuq il-vettura;

    3.2.4.

    disinji dettaljati ta’ kull komponent sabiex ikun jista’ jinstab u jiġi identifikat faċilment, u speċifikazzjoni tal-materjali użati.

    3.3.   Fil-każ tal-paragrafu 2.2.6. il-vettura waħdanija, rappreżentattiva tat-tip ikkonċernat, se tingħażel mis-servizz tekniku li jwettaq it-testijiet ta’ l-approvazzjoni, bi ftehim mal-manifattur tal-vettura, bħala dik bl-inqas massa u lesta biex taħdem bl-inqas tul u skond l-ispeċifikazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3.1.2.3.2.3. fl-Anness 3.

    3.4.   Fuq it-talba tas-servizz tekniku li jwettaq it-testijiet ta’ l-approvazzjoni, minbarra dak li ssemma aktar ’il fuq, il-manifattur tal-vettura għandu jressaq kampjun tas-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes u magna li mill-inqas għandha l-istess ċilindrata u qawwa massima nominali bħala dik imwaħħla fuq il-vettura li qed tintalab l-approvazzjoni tat-tip għaliha.

    3.5.   L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti sodisfaċenti biex ikun żgurat kontroll effettiv tal-konformità tal-produzzjoni qabel ma tingħata l-approvazzjoni tat-tip.

    4.   L-IMMARKAR

    4.1.   Il-komponenti tas-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes, ħlief għall-ħardwer tat-twaħħil u għall-pajpijiet, għandu jkollhom fuqhom:

    4.1.1.

    l-isem kummerċjali jew it-trejdmark tal-manifattur tas-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes u tal-komponenti tagħha; u

    4.1.2.

    id-deskrizzjoni kummerċjali tal-manifattur;

    4.2.   Dan l-immarkar għandu jkun jista’ jinqara b’mod ċar u jkun indelibbli anki wara li jitwaħħal.

    4.3.   Komponent jista’ jkollu fuqu diversi numri ta’ approvazzjoni jekk ikun ġie approvat bħala komponent ta’ diversi sistemi ta’ sajlensers ta’ sostituzzjoni.

    5.   L-APPROVAZZJONI

    5.1.   L-approvazzjoni tat-tip għandha tingħata biss jekk,

    (a)

    it-tip ta’ vettura jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi 6. u 7. t’aktar ’l isfel meta jiġi ttestatjat skond il-metodu ta’ kejl A ta’ l-Anness 3, u

    (b)

    sa mill-1 ta’ Lulju 2007 u għal perjodu massimu ta’ sentejn, ir-riżultati tat-test li saru fuq dak it-tip ta’ vettura skond il-metodu ta’ kejl B ta’ l-Anness 10 ġew miżjuda mar-rapport tat-test fl-Anness 9 u kienu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea u lil dawk il-Partijiet Kontraenti li juru interess li jirċievu d-data. Dan ma jinkludi l-ebda test li sar b’konnessjoni ma’ l-estensjoni ta’ l-approvazzjonijiet eżistenti skond ir-Regolament Nru 51. Barra minn hekk, għall-fini ta’ din il-proċedura ta’ monitoraġġ, vettura ma titqiesx li tkun tip ġdid jekk il-vettura tvarja biss fejn għandhom x’jaqsmu l-paragrafi 2.2.1. u 2.2.2.

    5.2.   Għandu jiġi assenjat numru ta’ approvazzjoni lil kull tip approvat. L-ewwel żewġ numri tiegħu (bħalissa 02 li jikkorrispondu għas-serje 02 ta’ emendi li daħlu fis-seħħ fit-18 ta’ April 1995) għandhom jindikaw is-serje ta’ emendi li jinkorporaw l-aktar emendi tekniċi ewlenin reċenti li saru lir-Regolament fi żmien il-ħruġ ta’ l-approvazzjoni. L-istess Parti Kontraenti ma tistax tassenja l-istess numru lill-istess tip ta’ vettura mgħammra b’tip ieħor sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes jew lil tip ta’ vettura ieħor.

    5.3.   L-avviż ta’ l-approvazzjoni jew ta’ l-estensjoni jew tar-rifjut jew ta’ l-irtirar ta’ l-approvazzjoni jew ta’ produzzjoni mwaqqfa għal kollox ta’ tip ta’ vettura skond dan ir-Regolament għandu jiġi kkomunikat lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

    5.4.   F’post li jidher sew u li jkun aċċessibbli mill-ewwel li kien speċifikat fuq il-formola ta’ l-approvazzjoni, fuq kull vettura li tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat skond dan ir-Regolament, għandha titwaħħal marka internazzjonali ta’ approvazzjoni li tikkonsisti minn:

    5.4.1.

    ċirku madwar l-ittra “E” segwit min-numru li jiddistingwi l-pajjiż li ta l-approvazzjoni (2);

    5.4.2.

    in-numru ta’ dan ir-Regolament, segwit mill-ittra “R”, sing u n-numru ta’ approvazzjoni fuq il-lemin taċ-ċirku preskritt fil-paragrafu 5.4.1.

    5.5.   Jekk il-vettura tikkonforma ma’ tip ta’ vettura approvat, skond wieħed jew aktar mir-Regolamenti l-oħra annessi għall-Ftehim, fil-pajjiż li ta l-approvazzjoni skond dan ir-Regolament, mhemmx għalfejn jiġi ripetut is-simbolu preskritt fil-paragrafu 5.4.1.; f’każ ta’ din ix-xorta, in-numri tar-Regolament u ta’ approvazzjoni u s-simboli addizzjonali tar-Regolamenti kollha li skond tagħhom ngħatat l-approvazzjoni fil-pajjiż li ta l-approvazzjoni skond dan ir-Regolament għandhom jitqiegħdu f’kolonni vertikali fuq il-lemin tas-simbolu preskritt fil-paragrafu 5.4.1.

    5.6.   Il-marka ta’ approvazzjoni għandha tkun tista’ tinqara b’mod ċar u għandha tkun indelibbli.

    5.7.   Il-marka ta’ approvazzjoni għandha titqiegħed qrib ta’ jew fuq il-pjanċa tad-data tal-vettura mwaħħla mill-manifattur.

    5.8.   L-Anness 2 għal dan ir-Regolament jagħti eżempji ta’ arranġamenti tal-marka ta’ approvazzjoni.

    6.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET

    6.1.   L-ispeċifikazzjonijiet ġenerali

    6.1.1.   Il-vettura, il-magna tagħha u s-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes tagħha għandhom ikunu ddisinjati, mibnija u mmuntati b’tali mod li l-vettura, fl-użu normali, minkejja l-vibrazzjoni li tista’ tkun soġġetta għaliha, tkun tista’ tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

    6.1.2.   Meta jitqiesu l-kondizzjonijiet ta’ l-użu tal-vettura, is-sistema għat-tnaqqis tal-ħsejjes għandha tkun iddisinjata, mibnija u mmuntata b’tali mod li tkun tista’ tirreżisti raġonevolment lill-fenomeni korrożivi li tiġi esposta għalihom.

    6.2.   L-ispeċifikazzjonijiet rigward il-livelli tal-ħoss

    6.2.1.   Il-metodi ta’ kejl

    6.2.1.1.   Il-ħoss li jagħmel it-tip ta’ vettura mressaq għall-approvazzjoni għandu jitkejjel biż-żewġ metodi li ġew deskritti fl-Anness 3 għal dan ir-Regolament għall-vettura li qed tiċċaqlaq u għall-vettura meta tkun wieqfa (3); fil-każ ta’ vettura li taħdem b’mutur elettriku, il-ħoss emess għandu jitkejjel biss meta din tkun qed tiċċaqlaq.

    Il-vetturi li jkollhom massa massima permissibbli li teċċedi l-2 800 kg jridu jkunu soġġetti għal kejl addizzjonali tal-ħoss ta’ l-arja kkompressata bil-vettura tkun wieqfa skond l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-Anness 6, jekk it-tagħmir korrispondenti tal-brejkijiet ikun parti mill-vettura.

    6.2.1.2.   Iż-żewġ valuri mkejla skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6.2.1.1. t’aktar ’il fuq għandhom jitniżżlu fir-rapport tat-test u fuq formola li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

    Il-valuri mkejla kif ġie speċifikat fil-paragrafu 6.2.1.1. t’aktar ’il fuq iridu jiġu rreġistrati f’rapport tat-test u f’ċertifikat li jikkorrispondi għall-mudell li jintwera fl-Anness 1.

    6.2.2.   Il-limiti tal-livell tal-ħoss

    6.2.2.1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6.2.2.2. t’aktar ’l isfel, il-livell tal-ħoss tat-tipi ta’ vettura, kif imkejjel bil-metodu deskritt fil-paragrafu 3.1. ta’ l-Anness 3 għal dan ir-Regolament, m’għandux jeċċedi il-limiti li ġejjin:

    Il-kategoriji tal-vetturi

    Il-valuri ta’ limitu

    (dB(A))

    6.2.2.1.1.

    Il-vetturi użati għall-ġarr tal-passiġġieri u li jista’ jkollhom mhux aktar minn disa’ seats, inkluż is-seat tas-sewwieq

    74

    6.2.2.1.2.

    Il-vetturi użati għall-ġarr tal-passiġġierri li għandhom aktar minn disa’ seats, inkluż is-seat tas-sewwieq, u massa massima awtorizzata ta’ aktar minn 3.5 tunnellati metriċi

     

    6.2.2.1.2.1.

    b’qawwa tal-magna ta’ inqas minn 150 kW (KEE)

    78

    6.2.2.1.2.2.

    b’qawwa tal-magna ta’ 150 kW (KEE) jew aktar

    80

    6.2.2.1.3.

    Il-vetturi użati għall-ġarr tal-passiġġieri li għandhom aktar minn disa’ seats, inkluż is-seat tas-sewwieq; il-vetturi użati għall-ġarr tal-merkanzija

     

    6.2.2.1.3.1.

    b’massa massima awtorizzata li ma teċċedix iż-2 tunnellati metriċi

    76

    6.2.2.1.3.2.

    b’massa massima awtorizzata li teċċedi ż-2 tunnellati metriċi imma li ma teċċedix it-3.5 tunnellati metriċi

    77

    6.2.2.1.4.

    Il-vetturi użati għat-trasport tal-merkanzija b’massa massima awtorizzata li teċċedi t-3.5 tunnellati metriċi

     

    6.2.2.1.4.1.

    b’qawwa tal-magna inqas minn 75 kW (KEE)

    77

    6.2.2.1.4.2.

    b’qawwa tal-magna ta’ 75 kW (KEE) jew aktar imma inqas minn 150 kW (KEE)

    78

    6.2.2.1.4.3.

    b’qawwa tal-magna ta’ 150 kW (KEE) jew aktar

    80

    6.2.2.2.   Madanakollu,

    6.2.2.2.1.   Għat-tipi ta’ vetturi li jissemmew fil-paragrafi 6.2.2.1.1. u 6.2.2.1.3. mgħammra b’magna b’kombustjoni interna compression-ignition u b’injezzjoni diretta, il-valuri ta’ limitu għandhom jiżdiedu b’1 dB(A);

    6.2.2.2.2.   Għat-tipi ta’ vetturi ddisinjati għal użu fuq toroq imħarbta (4) u b’massa massima awtorizzata ta’ aktar minn 2 tunnellati metriċi, il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu miżjuda:

    6.2.2.2.2.1.

    b’1 dB(A) jekk ikunu mgħammra b’magna li jkollha qawwa ta’ inqas minn 150 kW (KEE);

    6.2.2.2.2.2.

    b’2 dB(A) jekk ikunu mgħammra b’magna li jkollha qawwa ta’ 150 kW (KEE) jew aktar.

    6.2.2.2.3.   Għat-tipi ta’ vetturi li jissemmew fil-paragrafu 6.2.2.1.1. mgħammra b’gerboks li jkollha aktar minn erba’ gerijiet ’il quddiem u mgħammra b’magna li tiżviluppa qawwa massima akbar minn 140 kW (KEE) u li għandha proporzjoni ta’ qawwa massima/massa massima akbar minn 75 kW/t, il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu miżjuda b’1 dB(A), jekk il-veloċità li biha l-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi l-linja BB′ fit-tielet ger tkun ikbar minn 61 km/siegħa.

    6.3.   L-ispeċifikazzjonijiet rigward is-sistemi ta’ l-egżost li fihom materjali fibrużi

    6.3.1.   Għandhom jiġu applikati r-rekwiżiti ta’ l-Anness 5.

    7.   IL-MODIFIKA U L-ESTENSJONI TA’ L-APPROVAZZJONI TA’ TIP TA’ VETTURA

    7.1.   Kull modifika tat-tip ta’ vettura għandha tkun innotifikata lid-dipartiment amministrativ li approva t-tip ta’ vettura. Imbagħad, id-dipartiment jista’ jew:

    7.1.1.

    Iqis li l-modifiki li saru mhux probabbli li se jkollhom effett avvers apprezzabbli u li jkun xi jkun il-każ il-vettura xorta għadha tikkonforma mar-rekwiżiti, jew

    7.1.2.

    Jeħtieġ rapport tat-test ieħor mingħand is-servizz tekniku responsabbli mit-twettiq tat-testijiet.

    7.2.   Il-konferma jew ir-rifjut ta’ l-approvazzjoni, fejn jiġu speċifikati l-bidliet, għandha tkun ikkomunikata permezz tal-proċedura li ġiet speċifikata fil-paragrafu 5.3. t’aktar ’il fuq lill-Partijiet għall-Ftehim li japplikaw dan ir-Regolament.

    7.3.   L-awtorità kompetenti li toħroġ l-estensjoni ta’ l-approvazzjoni għandha tassenja numru ta’ serje għal estensjoni ta’ din ix-xorta u għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim ta’ l-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

    8.   IL-KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

    8.1.   Il-vetturi approvati skond dan ir-Regolament għandhom ikunu mmanifaturi b’tali mod li jikkonformaw mat-tip approvat billi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 t’aktar ’il fuq.

    8.2.   Sabiex ikun ivverifikat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 8.1. ġew sodisfatti, għandhom jitwettqu kontrolli xierqa tal-produzzjoni.

    8.3.   B’mod partikolari, id-detentur ta’ l-approvazzjoni għandu

    8.3.1.   jiżgura l-eżistenza tal-proċeduri għall-kontroll effettiv tal-kwalità tal-prodotti;

    8.3.2.   ikollu aċċess għat-tagħmir ta’ kontroll li jkun meħtieġ għall-kontroll tal-konformità ta’ kull tip approvat;

    8.3.3.   jiżgura li d-data tar-riżultati tat-testijiet tkun irreġistrata u li d-dokumenti annessi għandhom jibqgħu disponibbli għal perjodu li għandu jiġi ddeterminat bi ftehim mas-servizz amministrattiv;

    8.3.4.   janalizza r-riżultati ta’ kull tip ta’ test, sabiex jivverifika u jiżgura ruħu mill-istabbiltà tal-karatteristiċi tal-prodott fejn jaqta’ t-tara għal varjazzjoni fi produzzjoni industrijali;

    8.3.5.   jiżgura li għal kull tip ta’ prodott għall-inqas jitwettqu t-testijiet preskritti fl-Anness 7 għal dan ir-Regolament;

    8.3.6.   jiżgura li kwalunkwe teħid ta’ kampjuni jew biċċiet ta’ testijiet li jixhdu nuqqas ta’ konformità mat-tip ta’ test meqjus għandu jagħti lok għal teħid ta’ kampjun ieħor u għal test ieħor. Għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa kollha biex il-konformità tal-produzzjoni korrispondenti tkun stabbilita mill-ġdid.

    8.4.   Ikun meta jkun, l-awtorità kompetenti li tkun tat l-appovazzjoni tat-tip tista’ tivverifika l-metodu ta’ kontroll tal-konformità li japplika għal kull unità ta’ produzzjoni.

    8.4.1.   F’kull spezzjoni, il-kotba tat-test u r-rekords tas-servej tal-produzzjoni għandhom ikunu ppreżentanti lill-ispettur li jkun qed jagħmel iż-żjara.

    8.4.2.   L-ispettur jista’ jieħu kampjuni bl-addoċċ li se jiġu ttestjati fil-laboratorju tal-manifattur. In-numru minimu ta’ kampjuni jista’ jkun iddeterminat skond ir-riżultati tal-verifika tal-manifattur stess.

    8.4.3.   Meta l-livell ta’ kwalità jidher li mhux sodisfaċenti jew meta jidher li huwa meħtieġ li tkun ivverifikata l-validità tat-testijiet li jitwettqu fl-applikazzjoni tal-paragrafu 8.4.2., l-ispettur għandu jagħżel kampjuni li għandhom jintbagħtu lis-servizz tekniku li wettaq it-testijiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip.

    8.4.4.   L-awtorità kompetenti tista’ twettaq kwalunkwe test preskritt f’dan ir-Regolament.

    8.4.5.   Il-frekwenza normali ta’ l-ispezzjonijiet mill-awtorità kompetenti għandha tkun ta’ darba kull sentejn. Jekk matul waħda minn dawn iż-żjarat jiġu rreġistrati riżultati mhux sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tkun stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-produzzjoni mill-aktar fis possibbli.

    9.   IL-PIENI GĦAN-NUQQAS TA’ KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

    9.1.   L-approvazzjoni mogħtija rigward tip ta’ vettura skond dan ir-Regolament tista’ tiġi rtirata jekk ir-rekwiżiti stabbiliti aktar ’il fuq ma jiġux sodisfatti.

    9.2.   Jekk Parti Kontraenti għall-Ftehim li tapplika dan ir-Regolment tirtira approvazzjoni li tkun tat preċedentement, għandha minnufih tinnotifika b’dan lill-Partijiet Kontraenti l-oħra li japplikaw dan ir-Regolament, permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

    10.   PRODUZZJONI MWAQQFA GĦAL KOLLOX

    10.1.   Jekk id-detentur ta’ l-approvazzjoni jieqaf għal kollox milli jimmanifattura tip ta’ vettura approvat skond dan ir-Regolament, għandu jinforma b’dan lill-awtorità li tat l-approvazzjoni. Malli tirċevi l-komunikazzjoni rilevanti, dik l-awtorità għandha tinforma b’dan lill-Partijiet l-oħra għall-Ftehim ta’ l-1958 li japplikaw dan ir-Regolament permezz ta’ formola ta’ komunikazzjoni li tikkonforma mal-mudell fl-Anness 1 għal dan ir-Regolament.

    11.   ID-DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

    11.1.   Sa mid-data uffiċjali tad-dħul fis-seħħ tas-serje 02 ta’ emendi, l-ebda Parti Kontraenti li tapplika dan ir-Regolament m’għandha tirrifjuta li tagħti approvazzjoni KEE skond dan ir-Regolament kif emendat mis-serje 02 ta’ emendi.

    11.2.   Sa mill-1 ta’ Ottubru 1995, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jagħtu approvazzjonijiet KEE biss jekk it-tip ta’ vettura li għandu jkun approvat jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, kif emendat mis-serje 02 ta’ emendi.

    11.3.   Sa mill-1 ta’ Ottubru 1996, il-Partijiet Kontraenti li japplikaw dan ir-Regolament jistgħu jirrifjutaw l-ewwel reġistrazzjoni nazzjonali (l-ewwel dħul fis-servizz) ta’ vettura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-serje 02 ta’ emendi għal dan ir-Regolament.

    12.   L-ISMIJIET U L-INDIRIZZI TAS-SERVIZZI TEKNIĊI RESPONSABBLI MIT-TWETTIQ TAT-TESTIJIET TA’ APPROVAZZJONI U TAD-DIPARTIMENTI AMMINISTRATTIVI

    Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ l-1958 li japplikaw dan ir-Regolament għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti l-ismijiet u l-indirizzi tas-servizzi tekniċi responsabbli mit-twettiq tat-testijiet ta’ approvazzjoni u tad-dipartimenti amministrattivi li jagħtu l-approvazzjoni u lilhom għandhom jintbagħtu l-formoli li jiċċertifikaw approvazzjoni jew rifjut jew irtirar ta’ approvazzjoni, maħruġa f’pajjiżi oħra.


    (1)  Kif ġew iddefiniti fl-Anness 7 għar-riżoluzzjoni Konsolidata tal-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3) (TRANS/WP.29/78/Rev.1/Emend.2 kif emendata l-aħħar mill-Emenda 4 tagħha).

    (2)  1 għall-Ġermanja, 2 għal Franza, 3 għall-Italja, 4 għall-Olanda, 5 għall-Iżvezja, 6 għall-Belġju, 7 għall-Ungerija, 8 għar-Repubblika Ċeka, 9 għal Spanja, 10 għall-Jugoslavja, 11 għar-Renju Unit, 12 għall-Awstrija, 13 għal-Lussemburgu, 14 għall-Iżvizzera, 15 (battal), 16 għan-Norveġja, 17 għall-Finlandja, 18 għad-Danimarka, 19 għar-Rumanija, 20 għall-Polonja, 21 għall-Portugall, 22 għall-Federazzjoni Russa, 23 għall-Greċja, 24 għall-Irlanda, 25 għall-Kroazja, 26 għas-Slovenja, 27 għas-Slovakkja, 28 għall-Belarus, 29 għall-Estonja, 30 (battal), 31 għall-Bosnia u Ħerzegovina, 32 għal-Latvja, 33 (battal), 34 għall-Bulgarija, 35-36 (battala), 37 għat-Turkija, 38-39 (battala), 40 għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, 41 (battal), 42 għall-Komunità Ewropea (l-approvazzjonijiet jingħataw mill-Istati Membri tagħha waqt li jużaw is-simbolu KEE rispettiv tagħhom), 43 għall-Ġappun, 44 (battal), 45 għall-Awstralja, 46 għall-Ukrajna, 47 għall-Afrika t’Isfel. In-numri sussegwenti għandhom jiġu assenjati lil pajjiżi oħra f’ordni kronoloġiku skond kif dawn irratifikaw jew saru parti għall-Ftehim Dwar l-Adozzjoni tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi għar-Roti, Tagħmir u Partijiet ta’ Vetturi li jkunu jistgħu Jitwaħħlu u/jew Jintużaw fuq Vetturi bir-Roti u l-Kundizzjonjijiet għall-Għarfien Reċiproku ta’ l-Approvazzjonijiet Mogħtija fuq il-Bażi ta’ dawn il-Preskrizzjonijiet, u n-numri li ġew assenjati b’dan il-mod għandhom ikunu kkomunikati mis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti għal dan il-Ftehim.

    (3)  Isir test fuq vettura wieqfa sabiex ikun provdut valur ta’ referenza għall-amministrazzjonijiet li jużaw dan il-metodu biex jikkontrollaw il-vetturi li qed jintużaw.

    (4)  Skond id-definizzjonijiet mogħtija fir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzjoni tal-Vetturi (R.E.3) (TRANS/WP.29/78/Rev.1/Emend.2, l-Anness 7/Rev.2).


    ANNESS 1

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS 2

    L-ARRANĠAMENTI TAL-MARKA TA’ APPROVAZZJONI

    Il-mudell A

    (Ara l-paragrafu 5.4. ta’ dan ir-Regolament)

    Image

    Il-marka ta’ approvazzjoni t’hawn fuq li hija mwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura kkonċernat, rigward l-emissjoni tal-ħoss tiegħu, ġie approvat fl-Olanda (E 4) skond ir-Regolament Nru 51 bin-Nru ta’ approvazzjoni 022439. L-ewwel żewġ numri tan-numru ta’ approvazzjoni jindikaw li r-Regolament Nru 51 diġà kien jinkludi s-serje 02 ta’ emendi meta ngħatat l-approvazzjoni.

    Il-mudell B

    (Ara l-paragrafu 5.5. ta’ dan ir-Regolament)

    Image

    Il-marka ta’ approvazzjoni t’hawn fuq li hija mwaħħla ma’ vettura turi li t-tip ta’ vettura kkonċernat ġie approvat fl-Olanda (E 4) skond ir-Regolament Nru. 51 u 33 (1). In-numri ta’ approvazzjoni jindikaw li, fid-dati meta ngħataw l-approvazzjonijiet rispettivi, ir-Regolament Nru 51 kien jinkludi s-serje 02 ta’ emendi filwaqt li r-Regolament Nru 33 kien fil-forma oriġinali tiegħu.


    (1)  In-numru ta’ l-aħħar jingħata bħala eżempju biss.


    ANNESS 3

    IL-METODI U L-ISTRUMENTI GĦALL-KEJL TAL-ĦOSS LI JAGĦMLU L-VETTURI BIL-MUTUR

    1.   L-ISTRUMENTI TAL-KEJL

    1.1.   Il-kejl akustiku

    Il-miter tal-livell tal-ħoss jew is-sistema ta’ kejl ekwivalenti, inkluż il-windskrin rakkomandat mill-manifattur, mill-inqas għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-istrumenti tat-Tip 1 skond l-IEC 651, it-tieni edizzjoni.

    Il-qisien għandhom jittieħdu billi tintuża tagħbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-frekwenza, u bit-tagħbija għal F (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tal-ħin.

    Meta tintuża sistema li tinkludi monitoraġġ perjodu tal-livell tal-ħoss mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A, għandu jittieħed qari f’intervall ta’ ħin mhux aktar minn 30 ms.

    1.1.1.   Il-kalibrazzjoni

    Fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull sessjoni ta’ kejl, għandha tkun ikkontrollata s-sistema ta’ kejl kollha permezz ta’ kalibratur tal-ħoss li jissodisfa r-rekwiżiti għall-kalibraturi tal-ħoss bi preċiżjoni ta’ mill-inqas il-Klassi 1 skond l-IEC 942:1988. Mingħajr l-ebda aġġustament ieħor, id-differenza bejn il-qari ta’ żewġ kontrolli konsekuttivi għandha tkun inqas minn jew daqs 0,5 dB. Jekk dan il-valur jinqabeż, ir-riżultati tal-kejl miksuba wara l-kontroll sodisfaċenti preċedenti m’għandhomx jitqiesu.

    1.1.2.   Il-konformità mar-rekwiżiti

    Il-konformità ta’ l-istrument tal-kalibrazzjoni tal-ħoss mar-rekwiżiti tal-IEC 942:1988 għandha tkun ivverifikata darba fis-sena u l-konformità tas-sistema ta’ strumentazzjoni mar-rekwiżiti tal-IEC 651, it-tieni edizzjoni, għandha tkun ivverifikata mill-inqas kull sentejn, minn laboratorju li huwa awtorizzat li jwettaq kalibrazzjonijiet traċċabbli għall-istandards xierqa.

    1.2.   Il-kejl tal-veloċità

    Il-veloċità rotazzjonali tal-magna u l-veloċità tal-vettura għandhom jitkejlu bi strumenti li għandhom preċiżjoni ta’ ± 2 fil-mija jew aħjar.

    1.3.   L-istrumentazzjoni meterjoloġika

    L-istrumentazzjoni meterjoloġika li tintuża biex jiġu mmonitorjati l-kondizzjonijiet ambjentali għandha tinkludi dan li ġej:

    (i)

    strument li jkejjel it-temperatura li għandu jkun preċiż sa ± 1 °C;

    (ii)

    strument li jkejjel il-veloċità tar-riħ li għandu jkun preċiż sa ± 1,0 m/s.

    2.   IL-KONDIZZJONIJIET TAL-KEJL

    2.1.   Is-sit

    2.1.1.   Is-sit tat-test irid jikkonsisti minn taqsima ċentrali għall-aċċelerazzjoni mdawra minn żona tat-test sostanzjalment ċatta.

    It-taqsima għall-aċċelerazzjoni trid tkun invell; is-superfiċje tal-mogħdija trid tkun niexfa u ta’ tip li l-ħoss ta’ l-irromblar jibqa’ baxx.

    Il-mogħdija tat-test trid tkun tali li l-kondizzjonijiet ta’ kamp akustiku ħieles bejn is-sors tal-ħoss u l-mikrofonu jinkisbu sa 1 dB. Din il-kondizzjoni għandha titqies li ġiet sodisfatta jekk ma jkun hemm l-ebda oġġett kbir li jirrifletti l-ħsejjes bħal xtiebi, ġebel, pontijiet jew bini fi ħdan 50 m miċ-ċentru tat-taqsima għall-aċċelerazzjoni. Is-superfiċje tas-sit trid tkun skond id-dispożizzjonijiet mogħtija fl-Anness 8 għal dan ir-Regolament u trid tkun ħielsa minn silġ f’forma ta’ trab, ħaxix tawwali, ħamrija mhux magħquda jew irmied. Ma jrid ikun hemm l-ebda ostaklu li jista’ jaffetwa l-kamp akustiku fi ħdan il-viċinanzi tal-mikrofonu u tas-sors tal-ħoss. L-osservatur li jwettaq il-kejl irid iqiegħed lilu nnifsu f’pożizzjoni tali li ma jaffetwax il-qari ta’ l-istrument tal-kejl.

    2.1.2.   Il-qisien m’għandhomx jittieħdu f’kondizzjonijiet tat-temp ħżiena. Irid jiġi żgurat li r-riżultati ma jkunux affetwati minn buffuri tar-riħ.

    Meta jittieħed il-qari, kwalunkwe livell għoli ferm ta’ ħsejjes li jidher li ma jkunx relatat mal-karatteristiċi tal-livell ġenerali tal-ħoss tal-vettura għandu jkun injorat.

    2.1.2.1.   L-istrumentazzjoni meterjoloġika għandha titqiegħed qrib iż-żona tat-test f’għoli ta’ 1,2 ± 0.1 m.

    Il-qisien għandhom jittieħdu meta t-temperatura ta’ l-arja ambjentali tkun fi ħdan firxa li tvarja bejn 0 °C u 40 °C.

    It-testijiet m’għandhomx jitwettqu jekk il-veloċità tar-riħ, inklużi l-buffuri, fl-għoli tal-mikrofonu teċċedi l-5 m/s waqt l-intervall tal-kejl tal-ħoss u għandhom jiġu rreġistrati kull darba li jsir test.

    Il-valuri rappreżentattivi tat-temperatura, tal-veloċità u tad-direzzjoni tar-riħ, ta’ l-umdità relattiva, u tal-pressjoni barometrika għandhom ikunu rreġistrati matul l-intervall tal-kejl tal-ħoss.

    2.1.3.   Il-livell tal-ħoss mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tas-sorsi tal-ħoss għajr dawk tal-vettura li għandha tiġi ttestjata u ta’ l-effetti tar-riħ irid ikun mill-inqas 10 dB(A) taħt il-livell tal-ħoss prodott mill-vettura.

    2.2.   Il-vettura

    2.2.1.   Il-qisien għandhom jittieħdu fuq vettura mhux mgħobbija u, ħlief fil-każ ta’ vetturi li ma jistgħux jiġu sseparati, mingħajr trejler jew semi-trejler.

    2.2.2.   It-tajers użati għat-test jingħażlu mill-manifattur tal-vettura u għandhom jikkonformaw mal-prattika kummerċjali u jkunu disponibbli fuq is-suq; għandhom jikkorrispondu għal wieħed mid-daqsijiet tat-tajers maħsuba għall-vettura mill-manifattur tal-vettura u għandhom jissodisfaw il-fond minimu tal-wiċċ ta’ barra mfellel tat-tajer ta’ 1.6 mm fl-iskanalaturi prinċipali tal-wiċċ ta’ barra mfellel tat-tajer.

    It-tajers iridu jintefħu sal-pressjoni(jiet) xierqa għall-massa tat-test tal-vettura.

    2.2.3.   Qabel ma jibdew jittieħdu l-qisien, il-vettura għandha tinġieb għall-kondizzjonijiet operattivi normali tagħha rigward:

    2.2.3.1.

    it-temperaturi

    2.2.3.2.

    l-issettjar

    2.2.3.3.

    il-fjuwil

    2.2.3.4.

    il-plaggijiet li jisparkjaw (sparking plugs), il-karburatur(i), eċċ., (kif ikun xieraq).

    2.2.4.   Jekk il-vettura tingaġġja b’aktar minn żewġ roti (two-wheel drive), għandha tiġi ttestjata bl-ingaġġ li għalih hija maħsuba għall-użu normali fit-triq.

    2.2.5.   Jekk il-vettura hija mgħammra b’fann(ijiet) li għandhom mekkaniżmu ta’ attwazzjoni awtomatiku, din is-sistema ma tridx tkun imbagħbsa matul il-kejl.

    2.2.6.   Skond l-Anness 5, jekk il-vettura hija mgħammra b’sistema ta’ l-egżost li fiha materjali fibrużi, is-sistema ta’ l-egżost għandha tiġi kondizzjonata qabel it-test.

    3.   IL-METODI TA’ L-ITTESTJAR

    3.1.   Il-kejl tal-ħoss ta’ vetturi li qed jiċċaqilqu

    3.1.1.   Il-kondizzjonijiet ġenerali tat-test (ara l-fig. 1 ta’ l-appendiċi)

    3.1.1.1.   Għandhom jittieħdu mill-inqas żewġ qisien fuq kull naħa tal-vettura. Il-qisien preliminari għandhom jittieħdu għal finijiet ta’ aġġustament, imma m’għandhomx jitqiesu.

    3.1.1.2.   Il-mikrofonu jrid jitqiegħed f’distanza ta’ 7,5 ± 0,2 m mil-linja ta’ referenza CC' (il-Figura 1) tal-mogħdija u 1,2 ± 0,1 m ’il fuq mill-art. L-assi tas-sensittività massima tiegħu irid ikun orizzontali u perpendikulari għall-mogħdija tal-vettura (il-linja CC').

    3.1.1.3.   Żewġ linji, AA' u BB', paralleli għal-linja PP' u li jinsabu rispettivament 10 m ’il quddiem u 10 m lura minn dik il-linja għandhom ikunu mmarkati fuq il-korsa tat-test.

    Il-vettura għandha tinsaq f’linja dritta tul it-taqsima għall-aċċelerazzjoni b’tali mod li l-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura huwa kemm jista’ jkun qrib tal-linja CC' u tavviċina l-linja AA' b’veloċità stabbli kif ġie speċifikat aktar ’l isfel. Meta l-parti ta’ quddiem tal-vettura tilħaq il-linja AA', it-throttle għandu jinfetaħ għalkollox malajr skond kemm ikun prattiku u għandu jinżamm għalkollox miftuħ sakemm il-parti ta’ wara tal-vettura taqsam il-linja BB'; imbagħad it-throttle għandu jingħalaq mill-ġdid kemm jista’ jkun malajr.

    3.1.1.4.   Fil-każ ta’ vetturi artikulati li jikkonsistu f’żewġ unitajiet li ma jistgħux jiġu sseparati li jitqiesu bħala vettura unika, is-semi-trejler m’għandux jitqies meta jiġi ddeterminat meta l-vettura taqsam il-linja BB'.

    3.1.1.5.   Il-livell massimu tal-ħoss espress f’deċibels mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A (dB(A)) għandu jitkejjel hekk kif il-vettura tinsaq bejn il-linji AA' u BB'. Valur ta’ din ix-xorta għandu jikkostitwixxi r-riżultat tal-kejl.

    3.1.2.   Id-determinazzjoni tal-veloċità ta’ avviċinament

    3.1.2.1.   Is-simboli użati

    Is-simboli f’forma ta’ ittra li qed jintużaw f’dan il-paragrafu għandhom t-tifsira li ġejja:

    S

    :

    il-veloċità ta’ rotazzjoni tal-magna kif indikata skond il-punt 5.4. ta’ l-Anness 1.

    NA

    :

    il-veloċità rotatorja uniformi tal-magna malli l-vettura tavviċina l-linja AA'.

    VA

    :

    il-veloċità uniformi tal-vettura malli l-vettura tavviċina l-linja AA'.

    Vmax

    :

    il-veloċità massima ddikjarata mill-manifattur tal-vettura.

    3.1.2.2.   Vettura mingħajr gerboks

    Għall-vetturi mingħajr gerboks jew mingħajr kontroll tat-trażmissjoni, il-veloċità uniformi malli l-vettura tavviċina l-linja AA' se tkun tali li:

    jew VA = 50 km/siegħa;

    jew VA tikkorrispondi għal NA = 3/4 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija M1 u fil-każ ta’ vetturi ta’ kategoriji għajr għall-M1, li jkollhom qawwa tal-magna li ma tkunx ikbar minn 225 kW (KEE);

    jew VA tikkorrispondi għal NA = 1/2 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi li ma jappartjenux lill-kategorija M1 li jkollhom qawwa tal-magna akbar minn 225 kW (KEE);

    jew, fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu b’mutur elettriku

    Formula or VA = 50 km/siegħa

    liema minnhom huwa l-aktar baxx.

    3.1.2.3.   Vettura b’gerboks li titħaddem b’mod manwali

    3.1.2.3.1.   Il-veloċità ta’ avviċinament

    Il-vettura għandha tavviċina l-linja AA' b’veloċità stabbli b’tolleranza ta’ ± 1 km/siegħa; ħlief fejn il-fattur ta’ kontroll huwa l-veloċità tal-magna, it-tolleranza għandha tkun ikbar minn ± 2 fil-mija jew ± 50 min-1, b’tali mod li:

    jew VA = 50 km/siegħa;

    jew VA tikkorrispondi għal NA = 3/4 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija M1 u fil-każ ta’ vetturi ta’ kategoriji għajr għall-M1, li jkollhom qawwa tal-magna mhux akbar minn 225 kW (KEE);

    jew VA tikkorispondi għal NA = 1/2 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi li ma jappartjenux lill-kategorija M1 li jkollhom qawwa tal-magna akbar minn 225 kW (KEE);

    jew, fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu b’mutur elettriku

    Formula or VA = 50 km/siegħa

    liema minnhom huwa l-aktar baxx.

    3.1.2.3.2.   L-għażla tal-proporzjon tal-gerijiet

    3.1.2.3.2.1.   Il-vetturi tal-kategoriji M1 u N1  (1) mgħammra b’gerboks li għandha erba’ gerijiet ’il quddiem jew inqas għandhom ikunu ttestjati fit-tieni ger.

    3.1.2.3.2.2.   Il-vetturi tal-kategoriji M1 u N1  (1) mgħammra b’gerboks li għandha aktar minn erba’ gerijiet ’il quddiem għandhom ikunu ittestjati suċċessivament fit-tieni u fit-tielet ger. Għandu jkun ikkalkulat il-valur medju tal-livelli tal-ħoss li ġew irreġistrati għal dawn iż-żewġ kondizzjonijiet.

    Madanakollu, il-vetturi tal-kategorija M1 li għandhom aktar minn erba’ gerijiet ’il quddiem u li huma mgħammra b’magna li tiżviluppa qawwa massima akbar minn 140 kW (KEE) u bi proporzjon permissibbli qawwa massima/massa massima akbar minn 75 kW (KEE)/t għandhom ikunu ttestjati biss fit-tielet ger, sakemm il-veloġċità li biha l-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi l-linja BB' fit-tielet ger tkun akbar minn 61 km/siegħa.

    Jekk matul it-test fit-tieni ger, il-veloċità tal-magna teċċedi l-veloċità tal-magna, S, li biha l-magna tiżviluppa l-qawwa massima nominali, it-test irid jiġi ripetut b’veloċità ta’ avviċinament u/jew veloċità ta’ avviċinament tal-magna mnaqqsa kull darba b’5 % S, sakemm il-veloċità tal-magna milħuqa ma tibqax teċċedi S.

    Jekk il-veloċità tal-magna S xorta għadha tintlaħaq b’veloċità ta’ avviċinament li tikkorrispondi għall-veloċità fl-idling, mela t-test se jitwettaq biss fit-tielet ger u r-riżultati rilevanti għandhom ikunu evalwati.

    3.1.2.3.2.3.   Il-vetturi ta’ kategoriji għajr għall-M1 u għan-N1, fejn in-numru totali ta’ proporzjonijiet ta’ gerijiet ’il quddiem huwa x (inklużi dawk miksuba bħala trażmissjoni awżiljarja jew fus b’ħafna gerijiet) se jkunu ttestati f’sekwenza, fejn jintuża l-proporzjoni daqs jew ogħla minn x/n (2)  (3).

    L-ittestjar tal-bidu se jitwettaq billi jintuża l-proporzjoni li huwa l-ger (x/n) jew l-ogħla proporzjon tal-gerijiet li jmiss jekk (x/n) ma jkunx numru sħiħ. L-ittestjar għandu jkompli mill-ger (x/n) għall-ogħla ger li jmiss.

    Iż-żjieda fil-proporzjonijiet tal-gerijiet minn (x/n) għandu jkun qed jintemm meta fil-ger X li fiha tintlaħaq il-veloċità nominali tal-magna eżatt qabel ma l-parti ta’ wara l-vettura tkun għaddiet il-linja BB'.

    Kampjun ta’ Kalkolu għall-Ittestjar: Hemm 16-il proporzjon ’il quddiem għall-kombinazzjoni tal-komponenti ta’ vettura (drive train) li għandha trażmissjoni bi 8 gerijiet u bi trażmissjoni awżiljarja b’2 gerijiet. Jekk il-magna għandha 230 kW mela (x/n) = (8 × 2)/3 = 16/3 = 5 1/3. Il-proporzjon inizjali tal-gerijiet għat-test huwa s-sitt wieħed (inklużi l-gerijiet kemm mit-trażmissjoni prinċipali kif ukoll minn dawk awżiljarja li hija s-sitt waħda minn 16-il proporzjon totali tal-gerijiet), bil-proporzjon tal-gerijiet li jmiss ikun is-seba’ wieħed bi proporzjon X.

    Fil-każ ta’ vetturi li għandhom proporzjonijiet totali tal-gerijiet differenti, ir-rappreżentantza tat-tip ta’ vettura bil-vettura tat-test jiġi ddeterminat kif ġej:

     

    jekk l-ogħla livell tal-ħoss jinkiseb bejn il-proporzjon x/n u l-proporzjon X, il-vettura għandha titqies bħala rappreżentattiva tat-tip tagħha;

     

    jekk l-ogħla livell tal-ħoss jinkiseb fil-proporzjon x/n, il-vettura magħżula għandha titqies li hija rappreżentattiva tat-tip tagħha biss għal dawk il-vetturi li għandhom proporzjon totali tal-gerijiet f’x/n li huwa iktar baxx;

     

    jekk l-ogħla livell tal-ħoss jinkiseb fil-proporzjon X, il-vettura magħżula għandha titqies li hija rappreżentattiva tat-tip tagħha biss għal dawk il-vetturi li għandhom proporzjon totali tal-gerijiet li jkun akbar mill-proporzjon tal-gerijiet X.

    Madanakollu, il-vettura titqies li hija rappreżentattiva tat-tip tagħha wkoll, jekk fuq it-talba ta’ l-applikant, it-testijiet jiġu estiżi fuq aktar proporzjonijiet minn dawk previsti, u l-ogħla livell tal-ħoss jinkiseb bejn il-proporzjonijiet estremi ttestjati.

    3.1.2.4.   It-trażmissjoni awtomatika (4)

    3.1.2.4.1.   Il-vetturi mingħajr selettur manwali

    3.1.2.4.1.1.   Il-veloċità ta’ avviċinament

    Il-vettura għandha tavviċina l-linja AA' b’diversi veloċitajiet uniformi ta’ 30, 40, 50 km/siegħa jew bi 3/4 tal-veloċità massima tat-triq jekk dan il-valur ikun iżgħar.

    Jekk il-vettura tkun mgħammra bi trażmissjoni awtomatika li ma tistax tiġi ttestjata bil-proċedura li qed tiġi deskritta fil-qosor fit-taqsimiet sussegwenti, għandha tkun ittestjata b’veloċitajiet ta’ avviċinament differenti, jiġifieri ta’ 30 km/siegħa, 40 km/siegħa, u 50 km/siegħa, jew bi tliet kwarti tal-veloċità massima tal-vettura kif ġie speċifikat mill-manifattur jekk dan il-valur ikun iżgħar. Għandha tinżamm il-kondizzjoni li tagħti l-ogħla livell ta’ ħoss.

    3.1.2.4.2.   Il-vetturi mgħammra b’selettur manwali b’pożizzjonijiet X

    3.1.2.4.2.1.   Il-veloċità ta’ avviċinament

    Il-vettura għandha tavviċina l-linja AA' b’veloċità stabbli li tikkorrispondi għall-veloċità aktar baxxa mill-veloċitajiet li ġejjin b’tolleranza ta’ ± 1 km/siegħa; ħlief fejn il-fattur ta’ kontroll huwa l-veloċità tal-magna, it-tolleranza għandha tkun akbar minn ± 2 fil-mija jew ± 50 rpm, b’tali mod li:

    jew VA = 50 km/siegħa;

    jew VA tikkorrispondi għal NA = 3/4 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi tal-kategorija M1 u fil-każ ta’ vetturi ta’ kategoriji għajr għall-M1, li għandhom qawwa tal-magna mhux ikbar minn 225 kW (KEE);

    jew VA tikkorrispondi għal NA = 1/2 S u VA ≤ 50 km/siegħa

    fil-każ ta’ vetturi li ma jappartjenux lill-kategorija M1 li jkollhom qawwa tal-magna akbar minn 225 kW (KEE);

    jew, fil-każ ta’ vetturi li jaħdmu b’mutur elettriku

    Formula jew VA = 50 km/siegħa,

    liema minnhom huwa l-aktar baxx.

    Madanakollu, skond il-paragrafu 3.1.2.4.2.4, jekk waqt it-test, fil-każ ta’ vetturi li għandhom aktar minn żewġ gerijiet separati, ikun hemm waqgħa awtomatika għall-ewwel ger, din il-waqgħa tista’ tiġi evitata, jekk jagħżel hekk il-manifattur.

    3.1.2.4.2.2.   Il-pożizzjoni tas-selettur manwali

    It-test għandu jitwettaq bis-selettur fil-pożizzjoni rakkomandata mill-manifattur għal sewqan normali. Il-waqgħa esterna fil-gerijiet (pereżempju, kickdown) għandha tkun eskluża.

    3.1.2.4.2.3.   Il-gerijiet awżiljarji

    Jekk il-vettura tkun mgħammra bi trażmissjoni awżiljarja manwali jew b’fus b’ħafna gerijiet, għandha tintuża l-pożizzjoni użata għal sewqan normali urban. Fil-każijiet kollha, għandhom ikunu esklużi l-pożizzjonijiet speċjali tas-selettur għal movimenti bil-mod, għall-ipparkjar jew għall-użu tal-brejkijiet.

    3.1.2.4.2.4.   Jekk il-vettura tkun mgħammra bi trażmissjoni awżiljarja manwali jew b’fus b’ħafna gerijiet, għandha tintuża l-pożizzjoni użata għal sewqan normali urban. Fil-każijiet kollha, għandhom ikunu esklużi l-pożizzjonijiet speċjali tas-selettur għal movimenti bil-mod, għall-ipparkjar jew għall-użu tal-brejkijiet.

    Uħud mill-vetturi li huma mgħammra bi trażmissjoni awtomatika (żewġ proporzjonijiet diskreti jew aktar) jistgħu jaqgħu għal proporzjon tal-gerijiet li ma jintużax normalment f’sewqan urban, kif iddefinit mill-manifattur. Proporzjon tal-gerijiet li ma jintużax għas-sewqan urban jinkludi proporzjon tal-gerijiet maħsub għal moviment bil-mod, għall-ipparkjar jew għall-użu tal-brejikjiet. F’dawn il-każi, l-operatur jista’ jagħżel kwalunkwe waħda mill-modifiki li ġejjin:

    a)

    iżid il-veloċità tal-vettura v sa massimu ta’ 60 km/siegħa sabiex tkun evitata waqgħa fil-gerijiet ta’ din ix-xorta;

    b)

    iżomm il-veloċità tal-vettura v ta’ 50 km/siegħa u jillimita l-forniment tal-fjuwil lill-magna għal 95 fil-mija tal-forniment meħtieġ għal tagħbija sħiħa; din il-kondizzjoni titqies li tkun sodisfatta:

    (i)

    fil-każ ta’ magna spark-ignition, meta l-angolu tal-ftuħ tat-throttle ikun 90 fil-mija ta’ l-angolu sħiħ;

    (ii)

    fil-każ ta’ magna compression-ignition, meta l-forniment tal-fjuwil lill-pompa ta’ l-injezzjoni ikun limitat għal 90 fil-mija tal-forniment massimu tagħha;

    c)

    jistabbilixxi u juża kontroll elettroniku li se jipprevjeni waqgħa għal gerijiet aktar baxxi minn dawk li jintużaw f’sewqan normali urban kif iddefinit mill-manifattur.

    3.1.3.   L-interpretazzjoni tar-riżultati

    Il-kejl tal-ħoss emess mill-vettura li qed tiċċaqlaq għandu jitqies bħala validu jekk id-differenza bejn iż-żewġ qisien konsekuttivi fuq l-istess naħa tal-vettura mhix akbar minn 2 dB(A) (5).

    Il-figura rreġistrata għandha tkun dik li tikkorrispondi għall-ogħla livell ta’ ħoss. Jekk dik il-figura teċċedi b’aktar minn 1 dB(A) il-livell massimu tal-ħoss awtorizzat għall-kategorija tal-vettura ttestjata, għandha tittieħed serje oħra ta’ żewġ qisien fil-pożizzjoni korrispondenti tal-mikrofonu. Tlieta minn dawn l-erba’ riżultati miksuba b’dan il-mod f’din it-tieni pożizzjoni iridu jaqgħu fi ħdan il-limiti preskritti.

    Biex wieħed jaħseb għan-nuqqas ta’ preċiżjoni fl-istrument tal-kejl, il-figuri li jinqraw minnu matul il-kejl għandhom jitnaqqsu b’1 dB(A).

    3.2.   Il-kejl tal-ħoss emess minn vetturi wieqfa

    3.2.1.   Il-livell tal-ħoss fil-viċinanzi tal-vetturi

    Sabiex ikunu ffaċilitati l-kontrolli sussegwenti fuq vetturi li qed jintużaw, il-livell tal-ħoss irid jitkejjel qrib l-iżbokk tas-sistema ta’ l-egżost skond ir-rekwiżiti li ġejjin u skond ir-riżultati tal-kejl li jitniżżlu fir-rapport tat-test li ġie ikkompilat sabiex jinħareġ iċ-ċertifikat li jissemma fl-Anness 1.

    3.2.2.   Il-kejl akustiku

    Għall-qisien irid jintuża miter ta’ preċiżjoni tal-livell tal-ħoss, kif inhu ddefinit fil-paragrafu 1.1. ta’ dan l-Anness.

    3.2.3.   Is-sit tat-test – il-kondizzjonijiet lokali (il-Figura 2)

    3.2.3.1.   Il-qisien għandhom jittieħdu fuq vettura wieqfa f’żona li tikkorrispondi għal dik għal kejl ta’ vetturi li qed jiċċaqilqu u għalhekk tikkorrispondi għad-dispożizzjonijiet mogħtija fl-Anness 8 għal dan ir-Regolament.

    3.2.3.2.   Waqt it-test m’għandu jkun hemm ħadd fiż-żona tal-kejl, ħlief l-osservatur u s-sewwieq li l-preżenza tagħhom ma jrid ikollha l-ebda influwenza fuq il-qari tal-miter.

    3.2.4.   Il-ħsejjes li jfixklu u l-interferenza mir-riħ

    Il-qari fuq l-istrumenti tal-kejl li jiġi prodott mill-ħoss ambjentali u mir-riħ irid ikun mill-inqas 10 dB(A) taħt il-livell tal-ħoss li għandu jitkejjel. Mal-mikrofonu jista’ jitwaħħal windskrin xieraq sakemm jitqies l-effett tiegħu fuq is-sensittività tal-mikrofonu.

    3.2.5.   Il-metodu ta’ kejl

    3.2.5.1.   In-natura u n-numru ta’ qisien

    Il-livell massimu tal-ħoss espress f’deċibels mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A (dB(A)) irid jitkejjel waqt il-perjodu operattiv li jissemma fil-paragrafu 3.2.5.3.2.1.

    Iridu jittieħdu mill-inqas tliet qisien f’kull punt ta’ kejl.

    3.2.5.2.   It-tqegħid f’pożizzjoni u l-preparazzjoni tal-vettura

    Il-vettura għandha titqiegħed fil-parti ċentrali taż-żona tat-test bil-lieva tal-gerijiet f’pożizzjoni newtrali u bil-klaċċ ingaġġjat. Jekk id-disinn tal-vettura ma jippermettix dan, din il-vettura għandha tiġi ttestjata skond il-preskrizzjonijiet tal-manifattur għal ittestjar ta’ magna wieqfa. Qabel kull serje ta’ qisien, il-magna trid tinġieb għall-kondizzjoni operattiva normali tagħha, kif ġie speċifikat mill-manifattur.

    Jekk il-vettura hija mgħammra b’fann(ijiet) li jkollhom mekkaniżmu ta’ attwazzjoni awtomatiku, din is-sistema m’għandhiex tkun imbagħbsa waqt il-kejl tal-livell tal-ħoss.

    3.2.5.3.   Il-kejl tal-ħoss qrib l-egżost (ara l-fig. 2 ta’ l-Apphiexendiċi)

    3.2.5.3.1.   Il-pożizzjonijiet tal-mikrofonu

    3.2.5.3.1.1.   L-għoli tal-mikrofonu ’l fuq mill-art għandu jkun daqs dak tal-pajp ta’ żbokk tal-gassijiet ta’ l-egżost, imma jkun xi jkun il-każ għandu jkun limitat għal valur minimu ta’ 0,2 m.

    3.2.5.3.1.2.   Il-mikrofonu jrid ikun ippuntat lejn it-toqba tal-fluss tal-gass u għandu jitqiegħed f’distanza ta’ 0,5 m minn din ta’ l-aħħar.

    3.2.5.3.1.3.   L-assi tas-sensittività massima tiegħu jridu jkunu paralleli għal ma’ l-art u jridu jiffurmaw angolu ta’ 45° ± 10° mal-pjan vertikali li jkun fih id-direzzjoni tal-fluss tal-gass. L-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-miter tal-livell tal-ħoss rigward dan l-assi iridu jiġu rispettati. B’relazzjoni għal dan il-pjan, il-mikrofonu għandu jitqiegħed b’tali mod li jkun hemm id-distanza massima mill-pjan lonġitudinali medjan tal-vettura; jekk ikun hemm xi dubju, għandha tingħażel il-pożizzjoni li tagħti d-distanza massima mill-kontorn tal-vettura.

    3.2.5.3.1.4.   Fil-każ ta’ egżost mogħni b’żewġ żbokki jew aktar bi spazju ta’ inqas minn 0,3 m bejniethom u li huma konnessi ma’ l-istess sajlenser, jittieħed qies wieħed biss; il-pożizzjoni tal-mikrofonu hija relatata ma’ l-iżbokk li huwa l-eqreb ta’ tarf estrem wieħed tal-vettura jew, meta żbokk ta’ din ix-xorta ma jeżistix, ma’ l-iżbokk li huwa l-ogħla ’l fuq mill-art.

    3.2.5.3.1.5.   Għal vetturi b’egżost vertikali (eż. il-vetturi kummerċjali), il-mikrofonu għandu jitqiegħed fl-għoli ta’ l-iżbokk ta’ l-egżost. L-assi tiegħu għandu jkun vertikali u orjentat ’il fuq. Għandu jitqiegħed f’distanza ta’ 0,5 m min-naħa tal-vettura li hija l-eqreb ta’ l-egżost.

    3.2.5.3.1.6.   Għal vetturi li għandhom egżost mogħni bi żbokki li għandhom spazju ta’ inqas minn 0,3 m bejniethom, jittieħed qies wieħed minn kull żbokk daqslikieku kien l-uniku wieħed, u jiġi nnotat l-ogħla livell.

    3.2.5.3.2.   Il-kondizzjonijiet operattivi tal-magna

    3.2.5.3.2.1.   Il-magna titħaddem b’veloċità kostanti li għandha l-valur li ġej: 3/4 S kemm għal magni b’controlled ignition kif ukoll għal dawk tad-diżil.

    3.2.5.3.2.2.   Meta tintlaħaq veloċità kostanti tal-magna, it-throttle għandu jitreġġa’ malajr għal pożizzjoni idle. Il-livell tal-ħoss għandu jitkejjel waqt perjodu ta’ tħaddim meta l-veloċità kostanti tal-magna tinżamm għal perjodu qasir u matul il-perjodu kollu ta’ deċelerazzjoni, bil-qari massimu tal-miter tal-livell tal-ħoss jittieħed bħala l-valur tat-test.

    3.2.6.   Ir-riżultati

    3.2.6.1.   Il-qari, imqarreb għall-eqreb deċibel, għandu jittieħed mill-istrument tal-kejl.

    Se jitqiesu biss dawk il-valuri li nkisbu minn tliet qisien konsekuttiv li ma jvarjawx b’aktar minn 2 dB(A) rispettivament.

    3.2.6.2.   L-ogħla minn dawn it-tliet valuri għandu jikkostitwixxi r-riżultat tat-test.


    (1)  Kif iddefiniti fl-Anness 4 għal dan ir-Regolament.

    (2)  Fejn: n = 2 għall-vetturi li għandhom qawwa tal-magna mhux akbar minn 225 kW (KEE): n = 3 għall-vetturi li għandhom qawwa tal-magna akbar minn 225 kW (KEE)

    (3)  Jekk x/n ma jikkorrispondix għal numru sħiħ, irid jintuża l-eqreb proporzjon li jkun ogħla.

    (4)  Il-vetturi kollha mgħammra bi trażmissjoni awtomatika.

    (5)  Il-firxa tar-riżultati bejn it-testijiet tista’ titnaqqas jekk ikun hemm stennija ta’ minuta. bejn it-testijiet, meta l-vettura tkun idle fin-newtrali, li jistabbilizza t-temperatura operattiva tal-vettura.

    Anness 3 - Appendiċi

    Il-pożizzjonijiet tal-kejl għall-vetturi li qed jiċċaqilqu

    Image


    ANNESS 4

    IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-VETTURI (1)

    1.   IL-KATEGORIJA L

    (Mhux applikabbli għal dan ir-Regolament)

    2.   IL-KATEGORIJA M – VETTURI BIL-MAGNA LI GĦANDHOM MILL-INQAS ERBA’ ROTI U LI JINTUŻAW GĦALL-ĠARR TAL-PASSIĠĠIERI

    2.1.

    :

    Il-kategorija M1

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-passiġġieri u li jinkludu mhux aktar minn tmien sits minbarra s-sit tas-sewwieq.

    2.2.

    :

    Il-kategorija M2

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-passiġġieri, li jinkludi aktar minn tmien sits minbarra s-sit tas-sewwieq, u li għandhom massa massima li ma teċċedix il-5 tunnellati metriċi.

    2.3.

    :

    Il-kategorija M3

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-passiġġieri, li jinkludu aktar minn tmien sits minbarra s-sit tas-sewwieq,u li għandhom massa massima li teċċedi l-5 tunnellati metriċi.

    2.4.   Il-vetturi tal-kategoriji M2 u M3 jappartjenu għal waħda mit-tliet klassijiet li ġejjin:

    2.4.1.   Karozza tal-linja għall-ibliet tal-Klassi I: vettura ta’ din il-klassi għandha sits, u spazji għal passiġġieri bilwieqfa.

    2.4.2.   “Karozza tal-linja jew kowċ interurbana” tal-Klassi II: vettura ta’ din il-klassi jista’ jkollha post għal passiġġieri bilwieqfa, imma biss fil-passaġġ.

    2.4.3.   “Kowċ għall-ivvjaġġar” tal-Klassi III: vettura ta’ din il-klassi m’għandiex post fejn iġġorr passiġġieri bilwieqfa.

    2.5.   Rimarki

    2.5.1.   “Karozza tal-linja jew kowċ artikulata” hija vettura li tikkonsisti minn żewġ taqsimiet riġidi jew aktar li jartikulaw irwieħhom b’relazzjoni għal xulxin, il-kompartimenti tal-passiġġieri jikkomunikaw ma’ xulxin sabiex il-passiġġieri jistgħu jiċċaqilqu bil-libertà kollha bejniethom; it-taqsimiet riġidi huma konnessi b’mod permanenti tant li jistgħu jiġu sseparati biss b’operazzjoni li tinvolvi faċilitajiet li normalment jinstabu biss f’ħanut tax-xogħol.

    2.5.2.   Il-karozzi tal-linja u l-kowċijiet artikulati jinkludu żewġ unitajiet jew aktar li ma jistgħux jiġu sseparati imma li huma artikulati li għandhom jitqiesu bħala vetturi singoli.

    2.5.3.   Fil-każ ta’ vettura ta’ l-irmonk maħsuba biex tkun igganċjata ma’ semi-trejler (trattur għal semi-trejler), il-massa li għandha titqies biex tkun ikklassifikata l-vettura hija l-massa tal-vettura trattur lesta biex taħdem, miżjuda bil-massa li tikkorrispondi għat-tagħbija vertikali statika massima li ġiet ittrasferita lill-vettura trattur mis-semi-trejler u, fejn ikun applikabbli, bil-massa massima tat-tagħbija tal-vettura trattur stess.

    3.   IL-KATEGORIJA N – VETTURI BIL-MAGNA LI GĦANDHOM MILL-INQAS ERBA’ ROTI U LI JINTUŻAW GĦALL-ĠARR TAL-MERKANZIJA.

    3.1.

    :

    Il-kategorija N1

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija u li għandhom massa massima li ma teċċedix it-3,5 tunnellati metriċi.

    3.2.

    :

    Il-kategorija N2

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija u li għandhom massa massima li teċċedi t-3,5 tunnellati metriċi imma li ma teċċedix it-12-il tunnellata metrika.

    3.3.

    :

    Il-kategorija N3

    :

    Il-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-merkanzija u li għandhom massa massima li teċċedi t-12-il tunnellata metrika.

    3.4.   Rimarki

    3.4.1.   Fil-każ ta’ vettura ta’ l-irmonk maħsuba biex tkun igganċjata ma’ semi-trejler (trattur għal semi-trejler), il-massa li għandha titqies biex tkun ikklassifikata l-vettura hija l-massa tal-vettura trattur lesta biex taħdem, miżjuda bil-massa li tikkorrispondi għat-tagħbija vertikali statika massima li ġiet ittrasferita lill-vettura trattur mis-semi-trejler u, fejn ikun applikabbli, bil-massa massima tat-tagħbija tal-vettura trattur stess.

    3.4.2.   It-tagħmir u l-installazzjonijiet li jinġarru fuq ċerti vetturi bi skop speċjali (vetturi bi krejnijiet, vetturi tal-ħwienet tax-xogħol, vetturi ta’ pubbliċità, eċċ.) jitqiesu bħala ekwivalenti għal merkanzija.


    (1)  Skond ir-Riżoluzzjoni Konsolidata dwar il-Kostruzzjoni tal-Vetturi (R.E.3) (TRANS/SC1/WP29/78/Emend.3, l-Anness 7).


    ANNESS 5

    IS-SISTEMI TA’ L-EGŻOST LI FIHOM MATERJALI FIBRUŻI

    1.   M’għandhomx jintużaw materjali fibrużi fil-kostruzzjoni tas-sajlensers ħlief jekk jittieħdu miżuri xierqa fl-istadji tad-disinn jew tal-produzzjoni sabiex ikun żgurat li l-effiċjenza meħtieġa biex ikun hemm konformità mal-limiti imposti fil-paragrafu.6.2.2. ta’ dan ir-Regolament tintlaħaq fit-triq. Sajlenser ta’ din ix-xorta għandu jitqies li huwa effiċjenti fit-triq jekk il-gassijiet ta’ l-egżost ma jkunux f’kuntatt mal-materjali fibrużi jew jekk is-sajlenser tal-vettura prototip li ġiet ittestjata skond ir-rekwiżiti tal-paragrafi 3.1 u 3.2. ta’ dan ir-Regolament tqiegħed fi stat normali biex jintuża fit-triq qabel ma jittieħdu l-qisien tal-livelli tal-ħoss. Dan jista’ jinkiseb billi jintuża wieħed mit-tliet testijiet li ġew deskritti fil-paragrafi 1.1., 1.2. u 1.3. t’aktar ’l isfel jew billi jitneħħew il-materjali fibrużi mis-sajlenser.

    1.1.   Tħaddim kontinwu fit-triq għal 10 000 km

    1.1.1.   Madwar nofs dan it-tħaddim jikkonsisti minn sewqan fi bliet u n-nofs l-ieħor f’sewqan tul distanza twila b’veloċità għolja; it-tħaddim kontinwu fit-triq jista’ jiġi sostitwit minn programm korrispondenti fuq il-mogħdija tat-test.

    1.1.2.   Iż-żewġ reġimi ta’ veloċità għandhom ikunu alternati f’diversi okkażjonijiet.

    1.1.3.   Il-programm komplut tat-test irid jinkludi minimu ta’ 10 waqfiet ta’ mill-inqas tliet sigħat sabiex ikunu riprodotti l-effetti ta’ tkessiħ u ta’ kwalunkwe kondensazzjoni li jista’ jkun hemm.

    1.2.   L-ikkondizzjonar fuq bank tat-test

    1.2.1.   Bl-użu ta’ partijiet standard u billi jiġu osservati l-istruzzjonijiet tal-manifattur tal-vettura, is-sistema ta’ l-egżost jew il-komponenti tagħha trid titwaħħal mal-vettura li tissemma fil-paragrafu 3.3. ta’ dan ir-Regolament jew mal-magna li tissemma fil-paragrafu 3.4. ta’ dan ir-Regolament. Fl-ewwel każ, il-vettura trid tkun immuntata fuq dinanometru f’forma ta’ romblu (roller dynanometer). Fit-tieni każ, il-magna trid tkun igganċjata ma’ dinanometru.

    1.2.2.   It-test irid jitwettaq f’sitt perjodi ta’ sitt sigħat b’waqfa ta’ mill-inqas 12-il siegħa bejn kull perjodu sabiex ikunu riprodotti l-effetti tat-tkessiħ u ta’ kwalunkwe kondensazzjoni li jista’ jkun hemm.

    1.2.3.   Waqt kull perjodu ta’ sitt sigħat, il-magna għandha titħaddem, fil-kondizzjonijiet li ġejjin, waħda wara l-oħra:

    (1)

    Ħames minuti b’veloċità fl-idling;

    (2)

    Sekwenza ta’ siegħa bi’1/4 tat-tagħbija bi 3/4 tal-veloċità nominali massima (S);

    (3)

    Sekwenza ta’ siegħa b’1/2 tagħbija bi 3/4 tal-veloċità nominali massima (S);

    (4)

    Sekwenza ta’ 10 minuti b’tagħbija sħiħa bi 3/4 tal-veloċità nominali massima (S);

    (5)

    Sekwenza ta’ 15-il minuta b’1/2 tagħbija b’veloċità nominali massima (S);

    (6)

    Sekwenza ta’ 30 minuta bi’1/4 tagħbija b’veloċità nominali massima (S).

    It-tul totali tas-sitt sekwenzi: tliet sigħat.

    Kull perjodu jrid jinkludi żewġ settijiet tas-sitt sekwenzi li ssemmew hawn fuq.

    1.2.4.   Waqt it-test, is-sajlenser ma jridx jitkessaħ b’kurrent ta’ l-arja forzat taparsi fluss ta’ l-ajra normali madwar il-vettura. Madanakollu, fuq it-talba tal-manifattur, is-sajlenser jista’ jitkessaħ sabiex ma jeċċedix it-temperatura rreġistrata fil-fetħa tiegħu meta l-vettura tkun qed taħdem b’veloċità massima.

    1.3.   L-ikkondizzjonar bil-pulsazzjoni

    1.3.1.   Is-sistema ta’ l-egżost jew il-komponenti tagħha trid titwaħħal mal-vettura li tissemma fil-paragrafu 3.3. ta’ dan ir-Regolament jew mal-magna li tissemma fil-paragrafu 3.4. ta’ dan ir-Regolament. Fl-ewwel każ, il-vettura trid tkun immuntata fuq dinanometru f’forma ta’ romblu.

    Fit-tieni każ, il-magna trid tkun immuntata fuq dinanometru. L-apparat tat-test, li dijagramma dettaljata tiegħu qed tintwera fil-Figura 3 ta’ l-Appendiċi għal dan l-Anness, irid jitwaħħal fl-iżbokk tas-sistema ta’ l-egżost. Kwalunkwe apparat ieħor li jipprovdi riżultati ekwivalenti huwa aċċettabbli.

    1.3.2.   L-apparat tat-test irid ikun aġġustat b’tali mod li l-fluss tal-gass ta’ l-egżost ikun interrott u stabbilit mill-ġdid, b’mod alternat, permezz tal-valvola ta’ azzjoni mgħaġġla għal 2 500 ċiklu.

    1.3.3.   Il-valvola trid tiftaħ meta l-pressjoni ta’ wara tal-gass ta’ l-egżost, imkejla mill-inqas 100 mm ’il bogħod mis-sors tal-flanġ tad-dħul, tilħaq valur ta’ bejn 0,35 u 0,40 bar. Trid tagħlaq meta din il-pressjoni ma tvarjax b’aktar minn 10 % mill-valur stabilizzat tagħha bil-valvola miftuħa.

    1.3.4.   Is-swiċċ li jaħdem bir-ritard għandu jkun iffissat għal kemm idum l-egżost f’forma ta’ gass li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1.3.3. t’aktar ’il fuq.

    1.3.5.   Il-veloċità tal-magna trid tkun ta’ 75 % tal-veloċità (S) li biha l-magna tiżviluppa qawwa massima.

    1.3.6.   Il-qawwa indikata mid-dinanometru trid tkun ta’ 50 % tal-qawwa tat-throttle miftuħa għal kollox imkejla f’75 % tal-veloċità tal-magna (S).

    1.3.7.   Waqt it-test, trid tingħalaq kwalunkwe toqba tad-drejn.

    1.3.8.   It-test kollu jrid ikun ikkompletat fi ħdan 48 siegħa.

    Jekk ikun meħtieġ, wara kull siegħa se jkun osservat perjodu wieħed ta’ tkessiħ.

    Anness 5 – Appendiċi

    Image


    ANNESS 6

    IL-ĦOSS TA’ L-ARJA KKOMPRESSATA

    1.   IL-METODU TA’ KEJL

    Il-kejl jitwettaq fil-pożizzjonijiet tal-mikrofonu 2 u 6 skond il-Figura 1, bil-vettura wieqfa. L-ogħla livell tal-ħoss mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A jiġi rreġistrat waqt l-ivventjar tar-regolatur tal-pressjoni u waqt il-ventilazzjoni wara l-użu kemm tal-brejkijiet tas-servizz kif ukoll dawk ta’ l-ipparkjar.

    Il-ħoss waqt l-ivventjar tar-regolatur tal-pressjoni jitkejjel bil-magna tkun bil-veloċità fl-idling. Il-ħoss tal-ventilazzjoni jiġi rreġistrat waqt li jitħaddmu l-brejkijiet tas-servizz u ta’ l-ipparkjar; qabel kull kejl, l-unità tal-kompressur ta’ l-ajra trid tinġieb għall-ogħla pressjoni operattiva permissibbli, u mbagħad għandha tintefa’ l-magna.

    2.   L-EVALWAZZJONI TAR-RIŻULTATI

    Għall-pożizzjonijiet tal-mikrofonu kollha jittieħdu żewġ qisien. Sabiex ikun hemm kumpens għan-nuqqasijiet fil-preċiżjoni tat-tagħmir tal-kejl, il-qari tal-miter jitnaqqas b’1 dB(A), u l-valur imnaqqas jitqies bħala r-riżultat tal-kejl. Ir-riżultati jitqiesu bħala validi jekk id-differenza bejn il-qisien f’pożizzjoni waħda tal-mikrofonu ma teċċedix iż-2 dB(A). L-ogħla valur imkejjel jitqies bħala r-riżultat. Jekk dan il-valur jeċċedi l-limitu tal-ħoss b’1 dB(A), għandhom jittieħdu żewġ qisien addizzjonali fil-pożizzjoni tal-mikrofondu korrispondenti. F’dan il-każ, tlieta mill-erba’ riżultati tal-kejl miksuba f’din il-pożizzjoni għandhom jikkonformaw mal-limitu tal-ħoss.

    3.   IL-VALUR LI JILLIMITA

    Il-livell tal-ħoss m’għandux jeċċedi l-limitu ta’ 72 dB(A).

    Anness 6 - Appendiċi

    Figura 1:

    Il-pożizzjonijiet tal-mikrofonu għall-kejl tal-ħoss ta’ l-arja kkompressata

    Image

    Skond il-Figura 1, il-kejl jitwettaq fuq il-vettura wieqfa, fejn jintużaw żewġ pożizzjonijiet tal-mikrofonu f’distanza ta’ 7 m mill-kontorn tal-vettura, u b’għoli ta’ 1,2 m ’il fuq mill-art.


    ANNESS 7

    IL-KONTROLLI DWAR IL-KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

    1.   ĠENERALI

    Dawn ir-rekwiżiti huma konsistenti mat-test li għandu jsir biex tkun ikkontrollata l-konformità tal-produzzjoni skond il-paragrafi 8.3.5. u 8.4.3. ta’ dan ir-Regolament.

    2.   IL-PROĊEDURA TA’ L-ITTESTJAR

    Is-sit tat-test u l-istrumenti tal-kejl għandhom ikunu dawk li ġew deskritti fl-Anness 3.

    2.1.   Il-vettura(i) li qed tiġi(jiġu) ttestjata(i) għandha(hom) tkun(ikunu) soġġetta(i) għat-test tal-kejl tal-ħoss ta’ vettura li qed tiċċaqlaq kif ġie deskritt fil-paragrafu 3.1. ta’ l-Anness 3.

    2.2.   Il-ħoss ta’ l-arja kkompressata

    Il-vetturi li għandhom massa massima li teċċedi l-2 800 kg u li huma mgħammra b’sistemi ta’ l-arja kkompressata iridu jiġu soġġetti għal test addizzjonali għall-kejl tal-ħoss ta’ l-arja kkompressata kif ġie deskritt fil-paragrafu 1 ta’ l-Anness 6.

    3.   IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI

    Għandha tiġi magħżula vettura waħda. Jekk wara t-test tal-paragrafu 4.1. il-vettura ma titqies li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu ttestjati żewġ vetturi oħra.

    4.   L-EVALWAZZJONI TAR-RIŻULTATI

    4.1.   Jekk il-livell tal-ħoss tal-vettura ttestjata skond il-paragrafi 1 u 2 ma jeċċedix b’aktar minn 1 dB(A) il-valur ta’ limitu preskritt fil-paragrafu 6.2.2. ta’ dan ir-Regolament, għal kejl skond il-paragrafu 2.1. t’aktar ’il fuq, u fil-paragrafu 3 ta’ l-Anness 6 għal dan ir-Regolament, għall-kejl skond il-paragrafu 2.2. t’aktar ’il fuq, għandu jitqies li t-tip ta’ vettura jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    4.2.   Jekk il-vettura ttestjata skond il-paragrafu 4.1. ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu, skond il-paragrafi 1 u 2, għandhom jiġu ttestjati żewġ vetturi oħra ta’ l-istess tip.

    4.3.   Jekk il-livell tal-ħoss tat-tieni u/jew tat-tielet vettura tal-paragrafu 4.2. jeċċedi b’aktar minn 1 dB(A) il-valuri ta’ limitu preskritti fil-paragrafu 6.2.2. ta’ dan ir-Regolament, għandu jitqies li t-tip ta’ vettura ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u l-manifattur għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jerġa’ jistabbilixxi l-konformità.


    ANNESS 8

    L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦAS-SIT TAT-TEST

    1.   INTRODUZZJONI

    Dan l-Anness jiddeskrivi l-ispeċifikazzjonijiet li huma relatati mal-karatteristiċi fiżiċi u mat-tqegħid tal-mogħdija tat-test. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet, li huma bbażati fuq standard speċjali, (1) jiddeskrivu l-karatteristiċi fiżiċi meħtieġa kif ukoll il-metodi tat-test għal dawn il-karatteristiċi.

    2.   IL-KARATTERISTIĊI MEĦTIEĠA TAS-SUPERFIĊJE

    Superfiċje titqies li tikkonforma ma’ dan l-istandards sakemm l-istruttura u l-kontenut ta’ l-ispazji jew il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss tkejlu u nstab li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-paragrafi 2.1. sa 2.4. t’aktar ’l isfel u sakemm ġew sodisfatti r-rekwiżiti tad-disinn (il-paragrafu 3.2.).

    2.1.   Il-kontenut ta’ l-ispazji residwi

    Il-kontenut ta’ l-ispazji residwi, VC, tat-taħlita għall-pavimentar tal-mogħdija tat-test m’għandux jeċċedi t-8 %. Għall-proċedura tal-kejl, ara l-paragrafu 4.1.

    2.2.   Il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss

    Jekk is-superfiċje tonqos milli tikkonforma mar-rekwiżit tal-kontenut ta’ l-ispazji residwi, is-superfiċje tkun aċċettabbli biss jekk il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss tagħha, α ≤ 0,10. Għall-proċedura tal-kejl, ara l-para. 4.2. Ir-rekwiżit tal-paragrafi 2.1. u 2.2. jiġi sodisfatt ukoll jekk l-assorbiment tal-ħoss biss tkejjel u nstab li huwa α ≤ 0,10.

    Nota: Il-karatteristika l-aktar rilevanti hija l-assorbiment tal-ħoss, għalkemm il-kontenut ta’ l-ispazji residwi huwa aktar familjari fost il-kostrutturi tat-toroq. Madanakollu, jeħtieġ li l-assorbiment tal-ħoss jitkejjel biss jekk is-superfiċje tonqos milli tikkonforma mar-rekwiżit ta’ l-ispazji. Dan huwa motivat minħabba li ta’ l-aħħar huwa konness ma’ inċertezzi relattivament kbar f’termini kemm ta’ qisien kif ukoll ta’ rilevanza u wħud mis-superfiċji għalhekk jistgħu jiġu rifjutati, b’mod żbaljat, fuq il-bażi biss tal-qies ta’ l-ispazji.

    2.3.   Il-fond ta’ l-istruttura

    Il-fond ta’ l-istruttura (TD) imkejjel skond il-metodu volumetriku (ara l-paragrafu 4.3. t’aktar ’l isfel) għandu jkun:

    TD ≥ 0,4 mm

    2.4.   L-omoġeneità tas-superfiċje

    Għandu jsir kull sforz prattiku biex ikun żgurat li s-superfiċje issir kemm jista’ jkun omoġenja fi ħdan iż-żona tat-test. Dan jinkludi l-istruttura u l-kontenut ta’ l-ispazji, imma għandu jkun osservat ukoll li jekk il-proċess ta’ l-irromblar jirriżulta f’irromblar aktar effettiv f’uħud mill-bnadi milli f’oħrajn, l-istruttura tista’ tkun differenti u n-nuqqas ta’ uniformità jista’ jagħti lok għal ħotob.

    2.5.   Il-perjodu ta’ l-ittestjar

    Sabiex ikun ikkontrollat jekk is-superfiċje tkomplix tikkonforma ma’ l-istruttura u mal-kontenut ta’ l-ispazji jew mar-rekwiżiti ta’ l-assorbiment tal-ħoss stipulati f’dan l-istandard, għandu jsir ittestjar perjodiku fl-intervalli li ġejjin:

    (a)

    Għall-kontenut ta’ l-ispazji residwali jew għall-assorbiment tal-ħoss:

     

    meta s-superfiċje tkun ġdida;

     

    jekk is-superfiċje tissodisfa r-rekwiżiti meta tkun ġdida, mhu meħtieġ l-ebda ttestjar perjodiku ieħor. Jekk ma tissodisfax ir-rekwiżit meta tkun ġdida, tista’ tissodisfah aktar tard għaliex is-superfiċji għandhom it-tendenza li jinstaddu u jsiru kompatti maż-żmien.

    (b)

    Għall-fond ta’ l-istruttura (TD):

     

    meta s-superfiċje tkun ġdida;

     

    meta jibda l-ittestjar għall-ħsejjes (NB: mhux qabel erba’ ġimgħat wara li titqiegħed is-superfiċje);

     

    imbagħad kull 12-il xahar.

    3.   ID-DISINN TAS-SUPERFIĊJE TAT-TEST

    3.1.   Iż-żona

    Meta jiġi ddisinjat l-arranġament tal-mogħdija tat-test huwa importanti li jkun żgurat, li bħala rekwiżiti minimu, iż-żona ttraversata mill-vetturi li jgħaddu mill-istrixxa tat-test tkun miksija bil-materjal tat-test speċifikat b’marġnijiet xierqa għal sewqan sikur u prattiku. Dan se jeħtieġ li l-wisa’ tal-mogħdija tkun mill-inqas ta’ 3 m u t-tul tal-mogħdija jestendi lil hinn mil-linji AA u BB b’mill-inqas 10 m fuq kull tarf. Il-Figura 1 turi pjan ta’ sit tat-test xieraq u tindika ż-żona minima li għandha titqiegħed u tkun ikkompattata permezz tal-magni bil-materjal tas-superfiċje tat-test speċifikat. Skond il-paragrafu 3.1.1.1. ta’ l-Anness 3, il-qisien għandhom jittieħdu fuq kull naħa tal-vettura. Dan jista’ jsir jew billi jsir kejl b’żewġ postijiet tal-mikrofonu (waħda fuq kull naħa tal-mogħdija) u s-sewqan isir f’direzzjoni waħda, jew isir kejl b’mikrofonu biss fuq naħa waħda tal-mogħdija imma l-vettura tinsaq f’żewġ direzzjonijiet. Jekk jintuża l-metodu ta’ l-aħħar, allura mhemm l-ebda rekwiżit tas-superfiċje fuq dik in-naħa tal-mogħdija fejn m'hemm l-ebda mikrofonu.

    Figura 1

    Ir-rekwiżit minimu għall-area tas-superfiċje tat-test. Il-parti skurata tissejjaħ iż-Żona tat-Test

    Image

    3.2.   Id-disinn u l-preparazzjoni tas-superfiċje

    3.2.1.   Ir-rekwiżiti bażiċi tad-disinn

    Is-superfiċje tat-test għandha tissodisfa erba’ rekwiżiti tad-disinn:

    3.2.1.1.

    Għandha tkun magħmula minn konkrit dens asfaltat.

    3.2.1.2.

    Id-daqs massimu taż-żrar għandu jkun ta’ 8 mm (it-tolleranzi jippermettu minn 6,3 sa 10 mm).

    3.2.1.3.

    Il-ħxuna tal-kisi għandha tkun ta’ ≥ 30 mm.

    3.2.1.4.

    Is-sustanza li tgħaqqad għandha tkun bitum mhux modifikat bi grad ta’ penetrazzjoni diretta.

    3.2.2.   Il-linji ta’ gwida għad-disinn

    Bħala gwida għall-kostruttur tas-superfiċje, fil-Figura 2 qed tintwera kurva għall-gradazzjoni aggregata li se tagħti l-karatteristiċi mixtieqa. Barra minn hekk, it-Tabella 1 tagħti wħud mil-linji ta’ gwida sabiex jinkisbu l-istruttura u d-durabilità mixtieqa. Il-kurva tal-gradazzjoni taqbel mal-formula li ġejja:

    P (% ta’ dak li jgħaddi) = 100 × (d/dmax)1/2

    fejn:

    d

    =

    id-daqs tat-toqob kwadri ta’ l-għarbiel, f’mm

    dmax

    =

    8 mm għall-kurva intermedja

    dmax

    =

    10 mm għall-kurva tat-tolleranza ta’ taħt

    dmax

    =

    6,3 mm għall-kurva tat-tolleranza ta’ fuq

    Figura 2

    Il-kurva tal-gradazzjoni ta’ l-aggregat fit-taħlita asfaltata bit-tolleranzi.

    Image

    Minbarra dak li ntqal aktar ’il fuq, qed jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Il-frazzjoni tar-ramel (0,063 mm < id-daqs tat-toqob kwadri ta’ l-għarbiel < 2 mm) għandha tinkludi mhux aktar minn 55 % ta’ ramel naturali u mill-inqas 45 % ta’ ramel mitħun;

    (b)

    Il-bażi u s-sotto-bażi għandhom jiżguraw stabbiltà u uniformità tajba, skond l-aħjar prattika fil-kostruzzjoni tat-toroq;

    (c)

    Iż-żrar għandu jiġi mfarrak (100 % ta’ l-uċuh imfarrka) u jkun ta’ materjal b’reżistenza għolja għat-tifrik;

    (d)

    Iż-żrar użat fit-taħlit għandu jinħasel;

    (e)

    L-ebda żrara żejda m’għandha tiġi miżjuda mas-superfiċje;

    (f)

    L-ebusija tas-sustanza li tgħaqqad epressa bħala valur PEN għandha tkun 40-60, 60-80 jew saħansitra 80-100, jiddependi mill-kondizzjonijiet klimatiċi tal-pajjiż. Ir-regola hija li għandha tintuża sustanza li tgħaqqad li tkun iebsa kemm jista’ jkun, sakemm tkun konsistenti mal-prattika komuni;

    (g)

    It-temperatura tat-taħlita qabel jgħaddi r-romblu għandha tingħażel biex jinkiseb il-kontenut ta’ spazji meħtieġa b’passati tar-romblu sussegwenti. Biex tiżdied il-probabbiltà li jiġu sodisfatti l-ispeċifikazzjonijiet tal-paragrafi 2.1. sa 2.4. t’aktar ’il fuq, il-kompattezza għandha tiġi studjata mhux biss permezz ta’ għażla adatta ta’ temperaturi tat-taħlita, iżda wkoll pemezz ta’ numru xieraq ta’ passati u permezz ta’ l-għażla tal-vettura li tikkompatta t-taħlita.

    Tabella 1

    Il-linji ta’ gwida tad-disinn

     

    Il-valuri mmirati

    Tolleranzi

    Skond il-massa totali tat-taħlita

    Skond il-massa ta’ l-aggregat

    Massa ta’ ġebel, għarbiel b’toqob kwadri (SM) > 2 mm

    47,6  %

    50,5  %

    ± 5

    Massa tar-ramel 0,063 < SM < 2 mm

    38,0  %

    40,2  %

    ± 5

    Massa tas-sustanza li timla SM < 0,063 mm

    8,8  %

    9,3  %

    ± 2

    Massa tas-sustanza li tgħaqqad (bitum)

    5,8  %

    M.A..

    ± 0,5

    Daqs massimu taż-żrar

    8 mm

    6,3-10

    L-ebusija tas-sustanza li tgħaqqad

    (ara l-para. 3.2.2. (f))

     

    Valur tal-ġebel ippolixxjat (PSV)

    > 50

     

    Kumpatezza, relattiva għall-kumpatezza Marshall

    98  %

     

    4.   IL-METODU TAT-TEST

    4.1.   Il-kejl tal-kontenut ta’ l-ispazji vojta residwali

    Għall-fini ta’ dan il-kejl, għandhom jittieħdu kampjuni mill-mogħdija f’minn ta’ l-inqas erba’ pożizzjonijiet differenti li jkunu mqassma b’mod ugwali fiż-żona tat-test bejn il-linji AA u BB (ara l-Figura 1). Biex jiġi evitat in-nuqqas ta’ omoġeneità u ta’ uniformità fil-mogħdiji tar-roti, m’għandhomx jittieħdu kampjuni fil-mogħdiji tar-roti stess, imma qribhom. Żewġ kampjuni (bħala minimu) għandhom jittieħdu qrib il-mogħdija tar-roti, u kampjun ieħor (bħala minimu) għandu jittieħed bejn wieħed u ieħor fin-nofs bejn il-mogħdija tar-roti u l-pożizzjoni ta’ kull mikrofonu.

    Jekk ikun hemm suspett li l-kondizzjoni ta’ omoġeneità mhix se tkun sodisfatta (ara l-paragrafu 2.4.), għandhom jittieħdu kampjuni minn aktar postijiet fi ħdan iż-żona tat-test.

    Għal kull kampjun għandu jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ spazji residwali, imbagħad il-valur medju mill-kampjuni kollha għandu jkun ikkalkulat u pparagunat mar-rekwiżit fil-paragrafu 2.1. Barra minn hekk, l-ebda kampjun waħdani ma għandu jkollu valur ta’ spazji ogħla minn 10 %. Il-kostruttur tas-superfiċje tat-test għandu jżomm f’moħħu l-problema li tista’ tinqala’ meta ż-żona tat-test tkun imsaħħna b’pajpijiet jew b’wajers ta’ l-elettriku, u jridu jittieħdu kampjuni minn din iż-żona. Installazzjonijiet ta’ din ix-xorta iridu jiġu ppjanati sew fejn għandhom x’jaqsmu l-postijiet futuri għat-tħaffir tal-kampjuni. Huwa rakkomandat li jitħallew ftit postijiet li jkunu bejn wieħed u ieħor 200 mm × 300 mm fejn ma jkunx hemm l-ebda wajer/pajp jew fejn ta’ l-aħħar jinsabu biżżejjed fil-fond biex ma tiġrilhomx ħsara minħabba l-kampjuni li ttieħdu mis-saff tas-superfiċje.

    4.2.   Il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss

    Il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss (inċidenza normali) għandu jitkejjel bil-metodu tat-tubu ta’ l-impedenza fejn tintuża l-proċedura li ġiet speċifikata fl-ISO 10534-1: Acoustics - Determination of sound absorption coefficient and impedance by a tube method. (L-akustika – Id-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss u l-impedenza b’metodu tat-tubu). (2).

    Rigward kampjuni tat-test, għandhom jiġu segwiti l-istess rekwiżiti kif sar rigward il-kontenut ta’ l-ispazji residwali (ara l-paragrafu 4.1). L-assorbiment tal-ħoss għandu jitkejjel fil-firxa bejn 400 Hz u 800 Hz u fil-firxa bejn 800 Hz u 1 600 Hz (għall-inqas fil-frekwenzi ċentrali tal-faxxi ta’ terz ta’ ottava), u l-valuri massimi għandhom jiġu identifikati għal dawn iż-żewġ firxiet ta’ frekwenzi. Imbagħad għanda tiġi kkalkulata l-mejda ta’ dawn il-valuri, għall-kampjuni tat-test kollha, biex jiġi kostitwit ir-riżultat finali.

    4.3.   Il-kejl volumetriku tal-makrostruttura

    Għall-fini ta’ dan l-istandard, il-qisien tal-fond ta’ l-istruttura għandhom jittieħdu fuq mill-inqas 10 pożizzjonijiet li bejniethom hemm l-istess spazju tul il-mogħdija tar-roti ta’ l-istrixxa tat-test, u għandu jittieħed il-valur medju biex jiġi pparagunat mal-fond minimu ta’ l-istruttura li ġie speċifikat. Ara l-ISO 10844:1994 għad-deskrizzjoni ta’ din il-proċedura.

    5.   L-ISTABBILTÀ BIŻ-ŻMIEN U L-MANUTENZJONI

    5.1.   L-influwenza taż-żmien

    Bħal kwalunkwe superfiċje oħra, huwa mistenni li l-livell tal-ħoss tat-tajers/triq imkejjel fuq is-superfiċje tat-test jista’ jiżdied bi ftit matul l-ewwel 6 sa 12-il xahar wara l-kostruzzjoni.

    Is-superfiċje se tikseb il-karatteristiċi meħtieġa minnha mhux qabel minn erba’ ġimgħat wara l-kostruzzjoni. L-influwenza taż-żmien fuq il-ħsejjes mit-trakkijiet ġeneralment huwa inqas minn dawk mill-karozzi.

    L-istabbilità biż-żmien tiġi ddeterminata prinċipalment bl-ippolixxjar u bil-kompattezza ikkawżati mill-vetturi li jinsaqu fuq is-superfiċje. Għandha tiġi kkontrollata perjodikament kif ġie ddikjarat fil-paragrafu 2.5.

    5.2.   Il-manutenzjoni tas-superfiċje

    Fdalijiet mhux kompatti jew trabijiet li jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti il-fond effettiv ta’ l-istruttura jridu jitneħħew mis-superfiċje. F’pajjiżi bi klimi xitwin, xi drabi jintuża l-melħ biex iħoll is-silġ. Il-melħ jista’ jimmodifika s-superfiċje b’mod temporanju jew saħansitra b’mod permanenti b’tali mod li jiżdiedu l-ħsejjes u għalhekk, il-melħ mhux irrakkomandat.

    5.3.   Il-pavimentar mill-ġdid taż-żona tat-test

    Jekk ikun meħtieġ li l-mogħdija tat-test tiġi pavimentata mill-ġdid, normalment ikun meħtieġ li tiġi pavimentata mill-ġdid biss l-istrixxa tat-test (wiesgħa 3 m fil-Figura 1) fejn jinsaqu l-vetturi, sakemm iż-żona tat-test barra l-istrixxa tkun issodisfat ir-rekwiżit tal-kontenut ta’ spazji residwali jew ta’ l-assorbiment tal-ħoss meta tkejlet.

    6.   ID-DOKUMENTAZZJONI TAS-SUPERFIĊJE TAT-TEST U TAT-TESTIJIET IMWETTQA FUQHA

    6.1.   Id-dokumentazzjoni tas-superfiċje tat-test

    Id-data li ġejja għandha tingħata f’dokument li jiddeskrivi s-superfiċje tat-test:

    6.1.1.

    Fejn tinsab il-mogħdija tat-test.

    6.1.2.

    It-tip ta’ sustanza li tgħaqqad, l-ebusija tas-sustanza li tgħaqqad, it-tip aggregat, id-densità massima teoretika tal-konkrit (DR), il-ħxuna tal-kisi tas-superfiċje u l-kurva ta’ gradazzjoni li ġiet iddeterminata minn kampjuni mill-mogħdija tat-test.

    6.1.3.

    Il-metodu tal-kompatezza (eż. it-tip ta’ romblu, il-massa tar-romblu, in-numru ta’ passati).

    6.1.4.

    It-temperatura tat-taħlita, it-temperatura ta’ l-arja ambjentali u l-veloċità tar-riħ matul it-tqegħid tas-superfiċje.

    6.1.5.

    Id-data meta tqiegħdet is-superfiċje u l-kuntrattur.

    6.1.6.

    Ir-riżultati tat-test kollha jew għall-inqas l-aktar wieħed reċenti, inklużi:

    6.1.6.1.

    Il-kontenut ta’ l-ispazji residwali ta’ kull kampjun.

    6.1.6.2.

    Il-postijiet fiż-żona tat-test minfejn ittieħdu l-kampjuni biex jitkejlu l-ispazji.

    6.1.6.3.

    Il-koeffiċjent ta’ assorbiment tal-ħoss ta’ kull kampjun (jekk tkejjel). Speċifika r-riżultati kemm għal kull kampjun kif ukoll għal kull firxa ta’ frekwenzi u l-medja ġenerali.

    6.1.6.4.

    Il-postijiet fiż-żona tat-test minfejn ittieħdu l-kampjuni biex jitkejjel l-assorbiment.

    6.1.6.5.

    Il-fond ta’ l-istruttura, inkluż in-numru ta’ testijiet u d-devjazzjoni standard.

    6.1.6.6.

    L-istituzzjoni responsabbli mit-testijiet skond il-paragrafi 6.1.6.1. u 6.1.6.2. u t-tip ta' tagħmir li ntuża.

    6.1.6.7.

    Id-data tat-test(ijiet) u d-data ta’ meta ttieħdu l-kampjuni mill-mogħdija tat-test.

    6.2.   Id-dokumentazzjoni tat-testijiet tal-ħoss tal-vetturi li twettqu fuq is-superfiċje

    Fid-dokument li jiddeskrivi t-test(ijiet) tal-ħoss tal-vetturi, għandu jkun iddikjarat jekk ir-rekwiżiti kollha ta’ dan l-istandard ġewx sodisfatti jew le. Skond il-paragrafu 6.1., għandha ssir referenza għal dokument li jiddeskrivi r-riżultati li jivverifikaw dan.


    (1)  ISO 10844:1994.

    (2)  Għad trid tiġi ppubblikata.


    ANNESS 9

    ID-DATA TAL-VETTURA U TAT-TEST SKOND IL-METODU TA’ KEJL B

    Mhemmx għalfejn tiġi ripetuta l-informazzjoni li ġiet irrapporta fl-Anness 1

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS 10

    IL-METODI U L-ISTRUMENTI BIEX JITKEJJEL IL-ĦOSS LI JAGĦMLU L-VETTURI BIL-MUTUR (IL-METODU TA’ KEJL B)

    1.   L-ISTRUMENTI TAL-KEJL

    1.1.   Il-kejl akustiku

    L-apparat li ntuża biex jitkejjel il-livell tal-ħoss irid ikun miter ta’ preċiżjoni tal-livell tal-ħoss jew sistema ta’ kejl ekwivalenti li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-istrumenti tal-Klassi 1 (inkluż il-windskrin rakkomandat, jekk jintuża). Dawn ir-rekwiżiti ġew deskritti fl-“IEC 61672-1:2002:Precision sound level meters” (“IEC 61672-1:2002: Il-miters ta’ preċiżjoni tal-livell tal-ħoss”), it-tieni edizzjoni, tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC).

    Il-qisien għandhom jittieħdu billi tintuża r-reazzjoni “mgħaġġla” ta’ l-istrument tal-kejl akustiku u l-kurva tat-tagħbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal “A” li kienet ukoll deskritta fl-“IEC 61672-1:2002”. Meta tintuża sistema li tinkludi monitoraġġ perjodiku tal-livell mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-pressjoni tal-ħoss, għandu jittieħed qari f’intervall ta’ ħin mhux akbar minn 30 ms.

    L-istrumenti għandhom jinżammu f’kondizzjoni tajba u jiġu kkalibrati skond l-istruzzjonijiet tal-manifattur ta’ l-istrument.

    1.2.   Il-konformità mar-rekwiżiti

    Il-konformità ta’ l-istrumentazzjoni tal-kejl akustiku għandha tkun ivverifikata permezz ta’ l-eżistenza ta’ ċertifikat validu ta’ konformità. Għandu jitqies li dawn iċ-ċertifikati jkunu validi jekk iċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità ma’ l-istandards twettqet fi ħdan it-12-il xahar preċedenti għal strument tal-kalibrazzjoni tal-ħoss u fi ħdan il-perjodu preċedenti ta’ 24 xahar għas-sistema ta’ strumentazzjoni. L-ittestjar għall-konformità kollu jrid jitwettaq minn laboratorju, li huwa awtorizzat biex iwettaq kalibrazzjonijiet traċċabbli għall-istandards xierqa.

    1.3.   Il-kalibrazzjoni tas-Sistema ta’ Kejl Akustiku kollha għal Sessjoni ta’ Kejl

    Fil-bidu u fi tmiem kull sessjoni ta’ kejl, is-sistema ta’ kejl akustiku kollha għandha tkun ikkontrollata permezz ta’ kalibratur tal-ħoss li jissodisfa r-rekwiżiti għall-kalibraturi tal-ħoss tal-klassi ta’ preċiżjoni 1 skond l-IEC 60942: 2003. Mingħajr l-ebda aġġustament ieħor, id-differenza bejn il-qari għandha tkun inqas minn jew daqs 0,5 dB. Jekk dan il-valur jinqabeż, ir-riżultati tal-kejl miksuba wara l-kontroll sodisfaċenti preċedenti m’għandux jitqies.

    1.4.   L-istrumentazzjoni għall-kejl tal-veloċità

    Il-veloċità tal-magna għandha titkejjel bi strumentazzjoni li għandha preċiżjoni ta’ ± 2 fil-mija jew aħjar bil-veloċitajiet tal-magna meħtieġa għall-qisien li qed jittieħdu.

    Il-veloċità fit-triq tal-vettura għandha titkejjel bi strumentazzjoni li jkollha preċiżjoni ta’ mill-inqas ± 0.5 km/siegħa, meta jintużaw strumenti ta’ kejl kontinwu.

    Jekk l-ittestjar juża qisien tal-veloċità indipendenti, din l-istrumentazzjoni trid tissodisfa l-limiti ta’ speċifikazzjoni ta’ mill-inqas ± 0.2 km/siegħa.

    1.5.   L-istrumentazzjoni meterjoloġika

    L-istrumentazzjoni meterjoloġika li tintuża biex ikunu mmonitorjati l-kondizzjonijiet ambjentali matul it-test għandha tinkludi l-istrumenti li ġejjin, li jissodisfaw għall-inqas il-preċiżjoni mogħtija:

    strument għall-kejl tat-temperatura, ± 1 °C,

    strument għall-kejl tal-veloċità tar-riħ, ± 1.0 m/s,

    strument għall-kejl tal-pressjoni barometrika, ± 5 hPa,

    strument għall-kejl ta’ l-umdità relattiva, ± 5 fil-mija.

    2.   IL-KONDIZZJONIJIET TAL-KEJL

    2.1.   Is-sit tat-test 1 (1) u l-kondizzjonijiet ambjentali

    Is-sit tat-test għandu jkun sostanzjalment invell. Is-superfiċje tal-mogħdija tat-test għandha tkun niexfa. Is-sit tat-test għandu jkun tali li meta sors ta’ ħoss omni-direzzjonali jitqiegħed fuq is-superfiċje tiegħu fil-punt ċentrali (l-intersezzjoni tal-linja tal-mikrofonu PP’ u l-linja ċentrali tal-lejn tal-vetturi CC’), id-devjazzjonijiet mid-diverġenza akustika emisferika m’għandhomx jeċċedu ± 1 dB.

    Jitqies li din il-kondizzjoni ġiet sodisfatta jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

    Fi ħdan radju ta’ 50 m miċ-ċentru tal-mogħdija l-ispazju huwa ħieles minn oġġetti kbar li jirriflettu bħal xtiebi, ġebel, pontijiet jew bini.

    Il-mogħdija tat-test u s-superfiċje tat-sit huma niexfa u ħielsa minn materjali assorbenti bħal silġ f’forma ta’ trab, jew fdalijiet mhux kompatti.

    Fil-viċinanzi tal-mikrofonu, mhemm l-ebda ostaklu li jista’ jinfluwenza l-kamp akustiku u ma tqiegħdet l-ebda persuna bejn il-mikrofonu u s-sors tal-ħoss. L-osservatur tal-miter jitqiegħed f’tali pożizzjoni li ma jinfluwenzax il-qari tal-miter.

    Il-qisien m’għandhomx jittieħdu f’kondizzjonijiet ħżiena tat-temp. Irid ikun żgurat li r-riżultati ma jkunux affetwati mill-buffuri tar-riħ.

    L-istrumentazzjoni meterjoloġika għandha titqiegħed f’pożizzjoni qrib iż-żona tat-test f’għoli ta’ 1,2 m ± 0,02 m. Il-qisien għandhom jittieħdu meta t-temperatura ta’ l-arja ambjentali tkun bejn 5° C u 40° C.

    It-testijiet m’għandhomx jitwettqu jekk il-veloċità tar-riħ, inklużi l-buffuri, fl-għoli tal-mikrofonu teċċedi l-5 m/s, matul l-intervall tal-kejl tal-ħoss.

    Waqt l-intervall tal-kejl tal-ħoss għandu jkun irreġistrat valur rappreżentattiv tat-temperatura, tal-veloċità u tad-direzzjoni tar-riħ, ta’ l-umdità relattiva, u tal-pressjoni barometrika.

    Meta jittieħed il-qari, kwalunkwe livell għoli ferm ta’ ħsejjes li jidher li mhux relatat mal-karatteristiċi tal-livell ġenerali tal-ħsejjes tal-vettura għandu jkun injorat.

    Il-ħsejjes fl-isfond għandhom jitkejlu għal 10 sekondi immedjatament qabel u wara serje ta’ testijiet fuq vettura. Il-qisien għandhom jittieħdu bl-istess mikrofoni li ntużaw matul it-test u fil-postijiet fejn tqiegħed il-mikrofonu matul it-test. Il-livell massimu mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-pressjoni tal-ħoss għandu jkun irrapportat.

    Il-ħsejjes fl-isfond (inkluż kwalunkwe ħoss minħabba r-riħ) għandu jkun mill-inqas 10 dB taħt il-livell mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-pressjoni tal-ħoss prodott mill-vettura li qed tiġi ttestjata. Jekk id-differenza bejn il-ħoss ambjentali u l-ħoss imkejjel huwa bejn 10 u 15 dB(A), sabiex ikunu kkalkolati r-riżultati tat-test trid titnaqqas il-korrezzjoni xierqa mill-qari fuq il-miter tal-livell tal-ħoss, bħal fit-tabella li ġejja:

    Id-differenza bejn il-ħoss ambjentali u l-ħoss li għandu jitkejjel dB(A)

    10

    11

    12

    13

    14

    15

    Il-korrezzjoni dB(A)

    0,5

    0,4

    0,3

    0,2

    0,1

    0,0

    2.2.   Il-vettura

    2.2.1.   Il-vettura ttestjata għandha tingħażel b’mod li l-vetturi kollha ta’ l-istess tip li jitqiegħdu fuq is-suq jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Il-qisien għandhom jittieħdu mingħajr l-ebda trejler, ħlief fil-każ ta’ vetturi li ma jistgħux jiġu sseparati. Il-qisien għandhom jittieħdu fuq vetturi bil-massa tat-test mt li ġiet speċifikata skond it-tabella li ġejja:

    Il-kategorija tal-vettura

    Il-massa tat-test tal-vettura

    M1

    mt = mro

    N1

    mt = mro

    N2, N3

    mt = 50 kg għal kull kW ta’ qawwa nominali tal-magna

    It-tagħbija żejda biex tintlaħaq il-massa tat-test tal-vettura għandha titqiegħed ’il fuq mill-fus(fisien) ta’ fuq wara. It-tagħbija żejda hija limitata għal 75 fil-mija tal-massa massima permessa għall-fus ta’ wara. Il-massa tat-test trid tinkiseb b’tolleranza ta’ ± 5 fil-mija.

    Jekk iċ-ċentru tal-gravità tat-tagħbija żejda ma jistax jiġi allinjat maċ-ċentru tal-fus ta’ wara, il-massa tat-test tal-vettura m’għandhiex teċċedi s-somma tat-tagħbija tal-fus ta’ quddiem u tal-fus ta’ wara f’kondizzjoni mhux mgħobbija flimkien mat-tagħbija żejda.

    Il-massa tat-test għall-vetturi b’aktar minn żewġ fisien għandha tkun l-istess vettura b’żewġ fisien.

    M2, M3

    mt = mro – massa tal-membru ta’ l-ewkipaġġ (jekk ikun applikabbli)

    2.2.2.   It-tajers li għandhom jintużaw għat-test għandhom ikunu rappreżentattivi għall-fus u għandhom jingħażlu mill-manifattur tal-vettura u jiġu rreġistrati fl-Anness 9. Għandhom jikkorrispondu għal wieħed mid-daqsijiet tat-tajers maħsuba għall-vettura bħala tagħmir oriġinali. It-tajer huwa jew se jkun kummerċjalment disponibbli fuq is-suq fl-istess żmien bħall-vettura. (2) It-tajers għandhom jintefħu għall-pressjoni rakkomandata mill-manifattur tal-vettura għall-massa tat-test tal-vettura. It-tajers għandu jkollhom il-fond tal-wiċċ ta’ barra mfellel tat-tajer ta’ mill-inqas 80 fil-mija tal-fond kollu tal-wiċċ ta’ barra mfellel tat-tajer.

    2.2.3.   Qabel ma jibdew jittieħdu l-qisien, il-magna għandha tinġieb għall-kondizzjonijiet operattivi normali tagħha.

    2.2.4.   Jekk il-vettura tingaġġja b’aktar minn żewġ roti, għandha tiġi ttestjata bl-ingaġġ li għalih hija maħsuba għall-użu normali fit-triq.

    2.2.5.   Jekk il-vettura hija mgħammra b’fann(ijiet) li jkollhom mekkaniżmu ta’ attwazzjoni awtomatiku, din is-sistema m’għandhiex tkun imbagħbsa matul il-kejl.

    2.2.6.   Skond l-Anness 5, jekk il-vettura hija mgħammra b’sistema ta’ l-egżost li fiha materjali fibrużi, is-sistema ta’ l-egżost għandha tkun ikkondizzjonata qabel it-test.

    3.   IL-METODI TA’ L-ITTESTJAR

    3.1.   Il-kejl tal-ħoss tal-vetturi li qed jiċċaqilqu

    3.1.1.   Il-kondizzjonijiet ġenerali tat-test

    Żewġ linji, AA’ u BB’, paralleli għal-linja PP’ u li jinsabu rispettivament 10 m ’il quddiem u 10 m lura mil-linja PP’ għandhom ikunu mmarkati fuq il-korsa tat-test.

    Għandhom jittieħdu mill-inqas erba’ qisien fuq kull naħa tal-vettura u għal kull ger. Il-qisien preliminari jistgħu jittieħdu għal finijiet ta’ aġġustament, imma m’għandhomx jitqiesu.

    Il-mikrofonu għandu jitqiegħed f’distanza ta’ 7.5 m ± 0.05 m mil-linja ta’ referenza CC’ tal-mogħdija u 1.2 m ± 0.02 m ’il fuq mill-art.

    L-assi ta’ referenza għal kondizzjonijiet ta’ kamp ħieles (ara l-IEC 61672-1:2002) għandu jkun orizzontali u dirett b’mod perpendikulari lejn il-mogħdija tal-linja tal-vettura CC’.

    3.1.2.   Il-kondizzjonjiet speċifiċi tat-test għall-vetturi

    3.1.2.1.   Il-vetturi tal-kategorija M1, M2 ≤ 3 500 kg, N1

    Il-mogħdija tal-linja ċentrali tal-vettura għandha ssegwi l-linja CC’ mill-aktar qrib possibbli matul it-test kollu, minn meta l-vettura tavviċina l-linja AA’ sakemm il-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi l-linja BB’. Jekk il-vettura tingaġġja b’aktar minn żewġ roti, ittestjaha fl-għażla ta’ l-ingaġġ li għalih hija maħsuba għall-użu normali fit-triq.

    Jekk il-vettura hija mgħammra bi trażmissjoni manwali awżiljarja jew b’fus b’ħafna gerijiet, għandha tintuża l-pożizzjoni għas-sewqan normali urban. Fil-każi kollha, għandhom ikunu esklużi l-proporzjonijiet tal-gerijiet għal movimenti bil-mod, għall-ipparkjar jew għal meta jintużaw il-brejkijiet.

    Il-massa tat-test tal-vettura għandha tkun skond it-tabella tal-paragrafu 2.2.1.

    Il-veloċità tat-test vtest hija ta’ 50 km/siegħa ± 1 km/siegħa. Il-veloċità tat-test trid tintlaħaq, meta l-punt ta’ referenza huwa fuq il-linja PP’.

    3.1.2.1.1.   L-indiċi tal-proporzjon tal-qawwa mal-massa (PMR)

    Il-PMR jiġi ddefinit kif ġej:

    PMR = (Pn / mt) × 1 000 kg/kW

    L-indiċi tal-proporzjon tal-qawwa mal-massa (PMR) jintuża biex tkun ikkalkulata l-aċċelerazzjoni.

    3.1.2.1.2.   Il-kalkolu ta’ l-aċċelerazzjoni

    Il-kalkoli ta’ l-aċċelerazzjoni huma applikabbli għall-kategoriji M1, N1 u M2 ≤ 3 500 kg biss.

    L-aċċelerazzjonijiet kollha jiġu kkalkulati billi jintużaw veloċitajiet differenti tal-vettura fuq il-mogħdija tat-test (3). Il-formuli mogħtija jintużaw għall-kalkolu ta’ awot i, awot i+1 u awot test. Il-veloċità jew f’AA’ jew f’PP’ hija ddefinita bħala l-veloċità tal-vettura meta l-punt ta’ referenza jgħaddi AA’ (vAA’) jew PP’ (vPP’). Il-veloċità f’BB’ hija ddefinita meta l-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi BB’ (vBB’). Il-metodu li jintuża għad-determinazzjoni ta’ l-aċċelerazzjoni għandu jkun indikat fir-rapport tat-test.

    Minħabba d-definizzjoni tal-punt ta’ referenza għall-vettura, it-tul tal-vettura (lveh) jitqies b’mod differenti fil-formula t’aktar ’l isfel. Jekk il-punt ta’ referenza huwa quddiem il-vettura, mela l = lveh, in-nofs: l = 1/2 lveh u wara: l = 0.

    3.1.2.1.2.1.   Il-proċedura ta’ kalkolu għall-vetturi bi trażmissjoni manwali, bi trażmissjoni awtomatika, bi trażmissjonijiet adattivi u bi trażmissjonjiet bi proporzjonijiet tal-gerijiet li jvarjaw (CVTs) li ġew ittestjati bi proporzjonijiet ta’ gerijiet illokjati:

     

    awot test = ((vBB’/3.6)2 – (vAA’/3.6)2) / (2×(20 + l))

     

    awot test użata fid-determinazzjoni ta’ l-għażla tal-gerijiet għandha tkun il-medja ta’ l-erba’ awot test, i waqt kull darba li jittieħed qies validu.

    Tista’ tintuża l-pre-aċċelerazzjoni. Il-punt ta’ meta jingħafas l-aċċeleratur qabel il-linja AA’ għandu jkun irrapportat fid-data tal-vettura u tat-test (ara l-Anness 9).

    3.1.2.1.2.2.   Il-proċedura ta’ kalkolu għall-vetturi bi trażmisjonijiet awtomatiċi, bi trażmissjonijiet adattivi u b’CVTs ittestjati bi proporzjonjiet tal-gerijiet mhux illokjati

    awot test użata fid-determinazzjoni ta’ l-għażla tal-gerijiet għandha tkun il-medja ta’ erba’ awot test, i waqt kull darba li jittieħed qies validu.

    Jekk l-istrumenti jew il-miżuri li ġew deskritti fil-paragrafu 3.1.2.1.4.2., jistgħu jintużaw biex ikun ikkontrollat it-tħaddim tat-trażmissjonijiet sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tat-test, ikkalkula awot test billi tuża l-ekwazzjoni:

    awot test = ((vBB’/3.6)2 – (vAA’/3.6)2) / (2×(20 + l))

    Tista’ tintuża l-pre-aċċelerazzjoni.

    Jekk ma jista’ jintuża l-ebda strument jew miżura li ġie deskritt fil-paragrafu 3.1.2.1.4.2., ikkalkula awot test billi tuża l-ekwazzjoni:

    awot_testPP-BB = ((vBB’/3.6)2 – (vPP’/3.6)2) / (2×(10 + l))

    Tista’ tintuża l-pre-aċċelerazzjoni.

    Il-post fejn jingħafas l-aċċeleratur għandu jkun fejn il-punt ta’ referenza tal-vettura jgħaddi l-linja AA’.

    3.1.2.1.2.3.   L-aċċelerazzjoni mmirata

    L-aċċelerazzjoni mmirata a urban tiddefinixxi l-aċċelerazzjoni tipika fi traffiku urban u hija derivata minn investigazzjonijiet statistiċi. Hija funzjoni li tiddependi mill-PMR ta’ vettura.

    L-aċċelerazzjoni mmirata a urban hija ddefinita permezz ta’:

    aurban = 0.63 × log10 (PMR) – 0.09

    3.1.2.1.2.4.   L-aċċelerazzjoni ta’ referenza

    L-aċċelerazzjoni ta’ referenza awot ref tiddefinixxi l-aċċelerazzjoni meħtieġa waqt it-test aċċelerat fuq il-mogħdija tat-test. Hija funzjoni li tiddependi fuq il-proporzjon qawwa mal-massa ta’ vettura. Dik il-funzjoni hija differenti għal kategoriji speċifiċi ta’ vetturi.

    L-aċċelerazzjoni ta’ referenza awot ref hija ddefinita permezz ta’:

    awot ref = 1.59 × log10 (PMR) – 1.41

    għal PMR ≥ 25

    awot ref = a urban = 0.63 × log10 (PMR) – 0.09

    għal PMR < 25

    3.1.2.1.3.   Il-fattur parzjali tal-qawwa kP

    Il-fattur parzjali tal-qawwa kP (ara l-paragrafu 3.1.3.1.) jintuża għall-kombinazzjoni mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) tar-riżultati tat-testijiet tat-test ta’ aċċelerazzjoni u tat-test tal-veloċità kostanti għall-kategoriji M1 u N1.

    F’każijiet għajr għal test b’ger wieħed għandha tintuża awot ref minflok awot test (ara l-paragrafu 3.1.3.1.).

    3.1.2.1.4.   L-għażla tal-proporzjon tal-gerijiet

    L-għażla tal-proporzjonijiet tal-gerijiet għat-test tiddependi mill-potenzjal għall-aċċelerazzjoni speċifiku tagħhom awot meta t-throttle jkun miftuħ kollu, skond l-aċċelerazzjoni ta’ referenza awot ref meħtieġa għat-test ta’ l-aċċelerazzjoni bi throttle miftuħ kollu.

    Uħud mill-vetturi jista’ jkollhom programmi tas-softwer jew modi għat-trażmissjoni differenti (eż. sportivi, xitwin, adattivi). Jekk il-vettura għandha modi differenti li jwasslu għal aċċelerazzjonijiet validi, il-manifattur tal-vettura għandu jipprova għas-sodisfazzjon tas-servizz tekniku, li l-vettura qed tiġi ttesjata fil-mod li jikseb aċċelerazzjoni li tkun l-eqreb ta’ awot ref.

    3.1.2.1.4.1.   Il-vetturi bi trażmissjoni manwali, bi trażmissjonijiet awtomatiċi, bi trażmissjonijiet adattivi jew b’CVTs ittesjati bi proporzjonijiet tal-gerijiet illokjati

    Il-kondizzjonijiet li ġejjin għall-għażla tal-proporzjonijiet tal-gerijiet huma possibbli:

    Jekk proporzjon tal-gerijiet wieħed speċifiku jagħti aċċelerazzjoni f’faxxa ta’ tolleranzi ta’ ± 5 fil-mija ta’ l-aċċelerazzjoni ta’ referenza awot ref, mingħajr ma jinqabżu iż-2.0 m/s2, ittestja b’dak il-proporzjon tal-gerijiet.

    Jekk l-ebda wieħed mill-proporzjonijiet tal-gerijiet ma jagħti l-aċċelerazzjoni meħtieġa, mela agħżel proporzjon tal-gerijiet i, b’aċċelerazzjoni akbar u proporzjon tal-gerijiet i+1, b’aċċelerazzjoni iżgħar mill-aċċelerazzjoni ta’ referenza. Jekk il-valur ta’ l-aċċelerazzjoni fil-proporzjon tal-gerijiet ma jeċċedix iż-2.0 m/s2, uża ż-żewġ proporzjonijiet tal-gerijiet għat-test. Il-proporzjon tat-tagħbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) f’relazzjoni għall-aċċelerazzjoni ta’ referenza awot ref jiġi kkalkulat permezz ta’:

    k = (awot ref – awot (i+1))/(awot (i) – awot (i+1))

    Jekk il-valur ta’ l-aċċelerazzjoni tal-proporzjon tal-gerijiet i jeċċedi ż-2.0 m/s2, għandu jintuża l-ewwel proporzjon tal-gerijiet li jagħti aċċelerazzjoni inqas minn 2.0 m/s2 ħlief jekk il-proporzjon tal-gerijiet i+1 jipprovdi aċċelerazzjoni iżgħar minn aurban. F’dan il-każ, għandhom jintużaw żewġ gerijiet, i and i+1 inkluż il-ger i b’aċċelerazzjoni li teċċedi ż-2.0 m/s2. F’każi oħra, m’għandu jintuża l-ebda ger ieħor. Għall-kalkolu tal-fattur parzjali tal-qawwa kP għandha tintuża l-aċċelerazzjoni milħuqa waqt it-test awot test minflok awot ref.

    Jekk il-vettura għandha trażmissjoni fejn hemm għażla waħda għall-proporzjon tal-gerijiet, it-test ta’ aċċelerazzjoni jitwettaq f’din l-għażla tal-gerijiet tal-vettura. Għall-kalkolu tal-fattur parzjali tal-qawwa kP imbagħad tintuża l-aċċelerazzjoni milħuqa minflok awot ref.

    Jekk il-veloċità nominali tal-magna tinqabeż fi proporzjon tal-gerijiet qabel ma l-vettura tgħaddi BB’, għandu jintuża l-ogħla ger li jmiss.

    3.1.2.1.4.2.   Il-vetturi bi trażmissjoni awtomatika, bi tranżmissjonjiet adattivi u b’CVTs ittestjati bi proporzjonijiet tal-gerijiet mhux illokjati:

     

    Għandha tintuża l-pożizzjoni tas-selettur tal-gerijiet għal operazzjoni għalkollox awtomatika.

     

    Il-valur ta’ aċċelerazzjoni awot test għandu jkun ikkalkulat kif ġie ddefinit fil-paragrafu 3.1.2.1.2.2.

     

    Imbagħad, it-test jista’ jinkludi bidla fil-gerijiet għal firxa aktar baxxa u aċċelerazzjoni ikbar. Bidla fil-gerijiet għal firxa ogħla u aċċelerazzjoni iżgħar mhix permessa. Għandha tkun evitata bidla fil-gerijiet għal proporzjon tal-gerijiet li ma jintużax fi traffiku urban.

     

    Għalhekk, huwa permess li jiġu stabbiliti u jintużaw strumenti elettroniċi jew mekkaniċi, inklużi pożizzjonijiet alternati tas-selettur tal-gerijiet, biex tkun ipprevenuta waqgħa fil-gerijiet għal proporzjon tal-gerijiet li tipikament ma jintużax fil-kondizzjoni speċifikata tat-test fi traffiku urban.

     

    L-aċċelerazzjoni milħuqa awot test għandha tkun ikbar jew daqs aurban.

     

    Jekk ikun possibbli, il-manifattur għandu jieħu miżuri biex jevita valur ta’ aċċelerazzjoni awot test li jkun akbar minn 2.0 m/s2.

     

    Għall-kalkolu tal-fattur parzjali tal-qawwa kp imbagħad tintuża l-aċċelerazzjoni milħuqa awot test (ara l-paragrafu 3.1.2.1.3.) minflok awot ref.

    3.1.2.1.5.   It-test ta’ l-aċċelerazzjoni

    Il-manifattur għandu jiddefinixxi l-pożizzjoni tal-punt ta’ referenza quddiem il-linja AA’ ta’ meta jingħafas għalkollox l-aċċeleratur. L-aċċeleratur għandu jingħafas għalkollox (malajr skond kemm ikun prattiku) meta l-punt ta’ referenza tal-vettura jilħaq il-punt iddefinit. L-aċċeleratur għandu jinżamm magħfus sakemm il-parti ta’ wara tal-vettura tilħaq il-linja BB’. L-aċċeleratur i mbagħad għandu jiġi rilaxxat malajr kemm jista’ jkun. Il-punt ta’ meta l-aċċeleratur jingħafas għalkollox għandu jkun irrapportat fid-data tal-vettura u tat-test (l-Anness 9). Is-servizz tekniku għandu jkollu l-possibbiltà li jagħmel pre-test.

    Fil-każ ta’ vetturi artikulati li jikkonsistu f’żewġ unitajiet li ma jistgħux jiġu sseparati li jitqiesu bħala vettura waħda, is-semi-trejler m’għandux jitqies fid-determinazzjoni ta’ meta tinqasam il-linja BB’.

    3.1.2.1.6.   It-test tal-veloċità kostanti

    It-test tal-veloċità kostanti għandu jitwettaq bl-istess ger(ijiet) li ġie(ġew) speċifikat(i) għat-test ta’ l-aċċelerazzjoni u b’veloċità kostanti ta’ 50 km/siegħa b’tolleranza ta’ ± 1 km/siegħa bejn AA’ u BB’. Waqt it-test tal-veloċità kostanti, il-kontroll ta’ l-aċċelerazzjoni għandu jitqiegħed f’pożizzjoni biex tinżamm veloċità kostanti bejn AA’ u BB’ kif ġie speċifikat. Jekk għat-test ta’ aċċelerazzjoni jiġi llokjat il-ger, l-istess ger għandu jiġi llokjat għat-test tal-veloċità kostanti.

    It-test tal-veloċità kostanti mhux meħtieġ għall-vetturi b’PMR < 25.

    3.1.2.2.   Il-vetturi tal-kategoriji M2 > 3 500 kg, M3, N2, N3

    Il-mogħdija tal-linja ċentrali tal-vettura għandha ssegwi l-linja CC’ mill-aktar qrib possibbli waqt it-test kollu, minn meta l-vettura tavviċina l-linja AA’ sakemm il-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi l-linja BB’. It-test għandu jitwettaq mingħajr trejler jew semi-trejler. Jekk trejler ma jistax jiġi sseparat malajr mill-vettura ta’ l-irmonk, it-trejler għandu jiġi injorat meta jitqies meta qed tinqasam il-linja BB’. Jekk il-vettura tinkorpora tagħmir bħal apparat li jħallat il-konkrit, kompressur, eċċ., dan it-tagħmir m’għandux ikun qed jaħdem waqt it-test. Il-massa tat-test tal-vettura għandha tkun skond it-tabella tal-paragrafu 2.2.1.

    Il-kondizzjonijiet immirati tal-kategorija M2 > 3 500 kg, N2:

    Meta l-punt ta’ referenza jgħaddi l-linja BB’, il-veloċità tal-magna nBB’ għandha tkun bejn 70 fil-mija u 74 fil-mija tal-veloċità S, fejn il-magna tiżviluppa l-qawwa massima nominali tagħha, u l-veloċità tal-vettura għandha tkun ta’ 35 km/siegħa ± 5 km/siegħa. Għandha tiġi żgurata kondizzjoni ta’ aċċelerazzjoni stabbli bejn il-linja AA’ u l-linja BB’.

    Il-kondizzjonijiet immirati tal-kategoriji M3, N3:

    Meta l-punt ta’ referenza jgħaddi l-linja BB’, il-veloċità tal-magna nBB’ għandha tkun bejn 85 fil-mija u 89 fil-mija tal-veloċità S, fejn il-magna tiżviluppa l-qawwa massima nominali tagħha, u l-veloċità tal-vettura għandha tkun ta’ 35 km/siegħa ± 5 km/siegħa. Għandha tkun żgurata kondizzjoni ta’ aċċelerazzjoni stabbli bejn il-linja AA’ u l-linja BB’.

    3.1.2.2.1.   L-għażla tal-proporzjonijiet tal-gerijiet

    3.1.2.2.1.1.   Il-vetturi bi trażmissjonijiet manwali

    Għandha tkun żgurata kondizzjoni ta’ aċċelerazzjoni stabbli. L-għażla tal-gerijiet tiġi ddeterminata mill-kondizzjonijiet immirati. Jekk id-differenza fil-veloċità teċċedi t-tolleranza mogħtija, mela għandhom ikunu ttestjati żewġ gerijiet, waħda ’l fuq u l-oħra taħt il-veloċità mmirata.

    Jekk aktar minn ger wieħed jissodisfa l-kondizzjonijiet immirati, agħżel dak il-ger li huwa l-eqreb tal-35 km/siegħa. Jekk l-ebda ger ma jissodisfa l-kondizzjoni mmirata għall-vtest għandhom ikunu ttesjati żewġ gerijiet, wieħed ’il fuq u l-ieħor ’l isfel mill-vtest. Il-veloċità mmirata tal-magna għandha tintlaħaq fi kwalunkwe kondizzjoni.

    Għandha tkun żgurata kondizzjoni ta’ aċċelerazzjoni stabbli. Jekk ma tistax tkun żgurata aċċelerazzjoni stabbli, dan il-ger m’għandux jitqies.

    3.1.2.2.1.2.   Il-vetturi bi trażmissjonijiet awtomatiċi, bi trażmissjonijiet adattivi u bi trażmissjonijiet bi proporzjon varjabbli tal-gerijiet (CVTs)

    Għandha tintuża l-pożizzjoni tas-selettur tal-gerijiet għal operazzjoni għalkollox awtomatika. It-test imbagħad jista’ jinkludi bidla fil-gerijiet għal firxa aktar baxxa u aċċelerazzjoni akbar. Bidla fil-gerijiet għal firxa ogħla u aċċelerazzjoni iżgħar mhumiex permessi. Għandha tkun evitata bidla fil-gerijiet għal proporzjon tal-gerijiet li ma jintużax fi traffiku urban, fil-kondizzjoni tat-test speċifikata. Għalhekk, huwa permess li jiġu stabbiliti u jintużaw strumenti elettroniċi jew mekkaniċi biex tkun ipprevenut waqgħa fil-gerijiet għal proporzjon tal-gerijiet li tipikament ma jintużax fil-kondizzjoni tat-test speċifikata fi traffiku urban.

    Jekk il-vettura tinkludi disinn tat-trażmissjoni, li jipprovdi biss għażla waħda ta’ ger (ingaġġ), li tillimita l-veloċità tal-magna waqt it-test, il-vettura għandha tkun ittesjata billi tintuża veloċità mmirata tal-magna. Jekk il-vettura tuża kombinazzjoni ta’ magna u ta’ trażmissjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-paragrafu 3.1.2.2.1.1., il-vettura għandha tkun ittestjata billi tintuża l-veloċità tal-vettura mmirata biss. Il-veloċità tal-vettura mmirata għat-test hija vBB’ = 35 km/siegħa ± 5km/siegħa. Bidla fil-gerijiet għal firxa ogħla u aċċelerazzjoni iżgħar jiġu permessi wara li l-punt ta’ referenza jgħaddi l-linja PP’. Iridu jitwettqu żewġ testijiet, wieħed bil-veloċità aħħarija ta’ vtest = vBB’ + 5 km/siegħa, u wieħed bil-veloċità aħħarija ta’ vtest = vBB’ – 5 km/siegħa. Il-livell tal-ħoss irrapportat huwa dak ir-riżultat li huwa relatat mat-test bl-akbar veloċità tal-magna milħuqa matul it-test minn AA’ sa BB’.

    3.1.2.2.2.   It-test ta’ l-aċċelerazzjoni

    Meta l-punt ta’ referenza tal-vettura jilħaq il-linja AA’, il-kontroll ta’l-aċċeleratur għandu jingħafas għalkollox (mingħajr ma titħaddem il-waqgħa awtomatika tal-gerijiet għal firxa aktar baxxa minn dik normalment użata f’sewqan urban) u jinżamm magħfus għalkollox sakemm il-parti ta’ wara tal-vettura tgħaddi BB’, imma l-punt ta’ referenza għandu jkun mill-inqas 5 m wara BB’. Imbagħad għandu jiġi rilaxxat il-kontroll ta’ l-aċċeleratur.

    Fil-każ ta’ vetturi artikulati li jikkonsistu f’żewġ unitajiet li ma jistgħux jiġu sseparati li jitqiesu bħala vettura waħda, is-semi-trejler m’għandux jitqies fid-determinazzjoni ta’ meta tinqasam il-linja BB’.

    3.1.3.   L-interpretazzjoni tar-riżultati

    Għandu jkun innotat il-livell massimu u mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-pressjoni tal-ħoss li ġiet indikata waqt kull passaġġ tal-vettura bejn iż-żewġ linji AA’ u BB’. Jekk jiġi osservat livell għoli ferm fil-ħsejjes, li jidher biċ-ċar li ma jaqbilx mal-livell ġenerali tal-pressjoni tal-ħoss, il-qies m’għandux jitqies. Għandhom jittieħdu mill-inqas erba’ qisien għal kull kondizzjoni tat-test fuq kull naħa tal-vettura u għal kull proporzjon tal-gerijiet. Il-naħa xellugija u dik leminija jistgħu jitkejlu fl-istess ħin jew wara xulxin. Għall-kalkolu tar-riżultat finali għal naħa partikolari tal-vettura, għandhom jintużaw l-ewwel erba’ qisien konsekuttivi validi, fi ħdan 2 dB(A), fejn jitħalla spazju għat-taħsir tar-riżultati li ma jkunux validi (ara l-paragrafu 2.1.). Il-medja tar-riżultati ta’ kull naħa għandha tiġi kkalkualata b’mod separat. Ir-riżultat intermedju huwa l-ogħla valur minn fost iż-żewġ medji li tqarrbu matematikament għall-ewwel post deċimali.

    Il-qisien tal-veloċità f’AA’, f’BB’, u f’PP’ għandhom jiġu nnotati u jintużaw fil-kalkoli sa l-ewwel numru sinifikanti wara l-punt deċimali.

    L-aċċelerazzjoni kkalkulata awot test għandha tiġi nnotata sat-tieni numru wara l-punt deċimali.

    3.1.3.1.   Il-vetturi tal-kategoriji M1, N1 u M2 ≤ 3 500 kg

    Il-valuri kkalkulati għat-test ta’ l-aċċelerazzjoni u għat-test tal-veloċità kostanti jingħataw permezz ta’:

     

    Lwot rep = Lwot (i+1) + k × (Lwot(i) – Lwot (i+1))

     

    Lcrs rep = Lcrs(i+1) + k × (Lcrs (i) – Lcrs (i+1))

     

    Fejn k = (awot ref – awot (i+1)) / (awot (i) – awot (i+1))

    Fil-każ ta’ test bi proporzjon wieħed tal-gerijiet, il-valuri huma r-riżultat tat-test ta’ kull test.

    Ir-riżultat finali jiġi kkalkulat billi jiġu kkombinati Lwot rep u Lcrs rep. L-ekwazzjoni hija:

    Lurban = Lwot rep – kP × (Lwot rep – Lcrs rep)

    Il-fatturi tat-tagħbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) kP jagħti l-fattur parzjali tal-qawwa għas-sewqan urban. F’każijiet għajr għal test b’ger wieħed kP jiġi kkalkulat permezz ta’:

    kP = 1 – (aurban / awot ref)

    Jekk għat-test jiġi speċifikat ger wieħed biss, kP jingħata permezz ta’:

    kP = 1 – (aurban / awot test)

    F’każijiet fejn awot test huwa inqas minn aurban:

    kP = 0

    3.1.3.2.   Il-vetturi tal-kategoriji M2 > 3 500 kg, M3, N2, N3

    Meta ger wieħed jiġi ttestjat, ir-riżultat finali huwa daqs ir-riżultat intermedju. Meta jiġu ttestjati żewġ gerijiet, għandu jiġi kkalkulat il-valur intermedju aritmetiku tar-riżultati intermedji.

    3.2.   Il-kejl tal-ħoss emess mill-vetturi wieqfa

    3.2.1.   Il-livell tal-ħoss fil-viċinanzi tal-vetturi

    Ir-riżultati tal-kejl għandhom jitniżżlu fir-rapport tat-test li jissemma fl-Anness 9.

    3.2.2.   Il-kejl akustiku

    Għall-qisien għandu jintuża miter ta’ preċiżjoni tal-livell tal-ħoss, jew sistema ta’ kejl ekwivalenti, kif ġie ddefinit fil-paragrafu 1.1. ta’ dan l-Anness.

    3.2.3.   Is-sit tat-test – il-kondizzjonijiet lokali (ara l-Figura 1 fl-Appendiċi għall-Anness 3)

    3.2.3.1.   Fil-viċinani tal-mikrofonu, m’għandu jkun hemm l-ebda ostaklu li jista’ jinfluwenza l-kamp akustiku u l-ebda persuna m’għandha tibqa’ bejn il-mikrofonu u s-sors tal-ħoss. L-osservatur tal-miter għandu jitqiegħed f’pożizzjoni tali biex ma jinfluwenzax il-qari tal-miter.

    3.2.4.   Il-ħsejjes li jfixklu u l-interferenza mir-riħ

    Il-qari fuq l-istrumenti tal-kejl prodotti mill-ħsejjes ambjentali u mir-riħ għandhom ikunu għall-inqas 10 dB(A) taħt il-livell tal-ħoss biex jitkejlu. Mal-mikrofonu jista’ jitwaħħal windskrin xieraq sakemm jitqies l-effett tiegħu fuq is-sensittività tal-mikrofonu, (ara l-paragrafu 1.1. ta’ dan l-Anness).

    3.2.5.   Il-metodu ta’ kejl

    3.2.5.1.   In-natura u n-numru ta’ qisien

    Waqt il-perjodu operattiv li jissemma fil-paragrafu 3.2.5.3.2.1, għandu jitkejjel il-livell massimu tal-ħoss espress f’deċibels mgħobbija (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A (dB(A)).

    Għandhom jittieħdu mill-inqas tliet qisien f’kull punt tal-kejl.

    3.2.5.2.   It-tqegħid f’pożizzjoni u l-preparazzjoni tal-vettura

    Il-vettura għandha titqiegħed fil-parti ċentrali taż-żona tat-test bis-selettur tal-gerijiet fil-pożizzjoni newtrali u bil-klaċċ ingaġġjat. Jekk id-disinn tal-vettura ma jippermettix dan, il-vettura għandha tiġi ttestjata skond il-preskrizzjonijiet tal-manifattur għall-ittestjar fuq magna wieqfa. Qabel kull sensiela ta’ qisien, il-magna trid tinġieb fil-kondizzjoni operattiva normali tagħha, kif ġie speċifikat mill-manifattur.

    Jekk il-vettura hija mgħammra b’fann(ijiet) li jkollhom mekkaniżmu ta’ attwazzjoni awtomatiku, din is-sistema m’għandhiex tkun imbagħbsa matul il-kejl tal-livell tal-ħoss.

    Il-kisi jew l-għata tal-kompartiment tal-magna, jekk imwaħħal b’dan il-mod, għandu jingħalaq.

    3.2.5.3.   Il-kejl tal-ħoss qrib l-egżost (ara l-Figura 1 fl-Appendiċi għall-Anness 3)

    3.2.5.3.1.   Il-pożizzjonijiet tal-mikrofonu

    3.2.5.3.1.1.   Il-mikrofonu għandu jitqiegħed f’distanza ta’ 0.5 m ± 0.01 m mill-punt ta’ referenza tal-pajp ta’ l-egżost li ġie ddefinit fil-Figura 1, f’angolu ta’ 45° (± 5°) għall-assi tal-fluss tar-tarf tal-pajp. Il-mikrofronu għandu jkun fl-għoli tal-punt ta’ referenza, imma mhux inqas minn 0.2 m mis-superfiċje ta’ l-art. L-assi ta’ referenza tal-mikrofonu għandu jkun fi pjan parallel għal mas-superfiċje ta’ l-art u għandu jkun dirett lejn il-punt ta’ referenza fuq l-iżbokk ta’ l-egżost. Jekk huma possibbli żewġ pożizzjonijiet tal-mikrofonu, għandu jintuża l-post l-aktar ’il bogħod lateralment mil-linja ċentrali lonġitudinali tal-vettura. Jekk l-assi tal-fluss tal-pajp ta’ żbokk ta’ l-egżost tkun f’angolu ta’ 90° għal-linja ċentrali lonġitudinali tal-vettura, il-mikrofonu għandu jitqiegħed f’dak il-punt, li huwa l-aktar ’il bogħod mill-magna.

    3.2.5.3.1.2.   Għall-vetturi li jkollhom egżost mogħni bi żbokki li jkollhom bejniethom spazju ta’ 0.3 m, għandhom jittieħdu qisien għal kull żbokk. Għandu jiġi rreġistrat l-ogħla livell.

    3.2.5.3.1.3.   Fil-każ ta’ egżost mogħni b’żewġ żbokki jew aktar bi spazju bejniethom ta’ inqas minn 0.3 m u li jkunu konnessi ma’ l-istess sajlenser, jittieħed qies wieħed biss; il-pożizzjoni tal-mikrofonu tkun relatata ma’ l-iżbokk li jkun l-eqreb ta’ tarf estrem wieħed tal-vettura jew, meta żbokk ta’ din ix-xorta ma jkunx jeżisti, ma’ l-iżbokk li jkun l-ogħla ’l fuq mill-art.

    3.2.5.3.1.4.   Għall-vetturi b’egżost vertikali (eż. il-vetturi kummerċjali), il-mikrofonu għandu jitqiegħed fl-għoli ta’ l-iżbokk ta’ l-egżost. L-assi tiegħu għandu jkun vertikali u orjentat ’il fuq. Għandu jitqiegħed f’distanza ta’ 0.5 m ± 0.01 m mill-punt ta’ referenza tal-pajp ta’ l-egżost, imma qatt inqas minn 0.2 m min-naħa tal-vettura li tkun l-eqreb ta’ l-egżost.

    3.2.5.3.1.5.   Għall-iżbokki ta’ l-egżost li jinsabu taħt il-bodi tal-vettura, il-mikrofonu għandu jitqiegħed minimu ta’ 0.2 m mill-eqreb parti tal-vettura, f’punt li huwa l-eqreb ta’, imma qatt inqas minn 0.5 m mill-punt ta’ referenza tal-pajp ta’ l-egżost, u f’għoli ta’ 0.2 m ’il fuq mill-art, u mhux f’linja mal-fluss ta’ l-egżost. F’uħud mill-każi, ir-rekwiżit ta’ l-angolarità fil-paragrafu 3.2.5.3.1.2. jista’ ma jkunx sodisfatt.

    3.2.5.3.2.   Il-kondizzjonijiet operattivi tal-magna

    3.2.5.3.2.1.   Il-veloċità mmirata tal-magna

    Il-veloċità mmirata tal-magna tiġi ddefinita bħala:

    75 fil-mija tal-veloċità tal-magna S għall-vetturi b’veloċità nominali tal-magna ta’ ≤ 5 000 min-1

    3 750 min-1 għall-vetturi b’veloċità nominali tal-magna akbar minn 5 000 min-1 u iċken minn 7 500 min-1

    50 fil-mija tal-veloċità tal-magna S għall-vetturi b’veloċità nominali tal-magna ta’ ≥ 7 500 min-1.

    Jekk il-vettura ma tistax tilħaq il-veloċità tal-magna kif ġie ddikjarat hawn fuq, il-veloċità mmirata tal-magna għandha tkun 5 fil-mija taħt il-veloċità massima possibbli tal-magna għal dak it-test meta l-vettura tkun wieqfa.

    3.2.5.3.2.2.   Il-proċedura tat-test

    Il-veloċità tal-magna għandha tiżdied b’mod gradwali minn idle għall-veloċità mmirata tal-magna, mingħajr ma tinqabeż faxxa ta’ tolleranza ta’ ± 3 fil-mija tal-veloċità mmirata tal-magna, u għandha tinżamm kostanti. Imbagħad il-kontroll tat-throttle għandu jiġi rilaxxat malajr u l-veloċità tal-magna għandha titreġġa’ għal idle. Il-livell tal-ħoss għandu jitkejjel waqt perjodu ta’ tħaddim li jikkonsisti f’li tinżamm veloċità kostanti tal-magna għal 1 sekonda u matul il-perjodu kollu ta’ deċelerazzjoni, il-qari massimu tal-miter tal-livell tal-ħoss, imqarreb matematikament għall-ewwel post deċimali, jitqies bħala l-valur tat-test.

    3.2.5.3.2.3.   Il-validazzjoni tat-test

    Il-kejl għandu jitqies bħala validu jekk il-veloċità tat-test tal-magna ma tiddevjax mill-veloċità mmirata tal-magna b’aktar minn ± 3 fil-mija għal mill-inqas sekonda.

    3.2.6.   Ir-riżultati

    Għandhom jittieħdu mill-inqas tliet qisien għal kull pożizzjoni tat-test. Għandu jiġi rreġistrat il-livell massimu u mgħobbi (bil-komponenti ta’ medja ta’ fatturi) għal A tal-pressjoni tal-ħoss indikat waqt kull wieħed mit-tliet qisien. L-ewwel tliet riżultati konsekuttivi validi tal-kejl, fi ħdan 2 dB(A), fejn jitħalla spazju għat-taħsir tar-riżultati li ma jkunux validi (ara l-paragrafu 2.1. ħlief l-ispeċifikazzjonijiet tas-sit tat-test), għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tar-riżultat finali għall-pożizzjoni partikolari tal-kejl. Il-livell massimu tal-ħoss, għall-pożizzjonijiet tal-kejl kollha, u tat-tliet riżultati tal-kejl, jikkostitwixxi r-riżultat finali.


    (1)  Skond l-Anness 8 għal dan ir-Regolament.

    (2)  Billi l-kontribuzzjoni tat-tajers għall-emissjoni totali tal-ħoss hija importanti, dan ir-Regolament dwar il-vetturi qies ir-Regolamenti dwar l-emissjoni tal-ħoss tat-tajers/triq. It-tajers għas-silġ u t-tajers speċjali skond ir-Regolament NUKEE Nru 117 għandhom ikunu esklużi waqt il-kejl għall-approvazzjoni tat-tip u għall-COP fuq talba tal-manifattur.

    (3)  Ara l-Figura 1 fl-Anness 8


    Top