Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 41999D0018

    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta' April 1999 dwar it-titjib fil-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-prevenzjoni u kxif ta' reati kriminali (SCH/Com-ex (99) 18)

    ĠU L 239, 22.9.2000, p. 421–423 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/18(3)/oj

    41999D0018



    Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0421 - 0423


    Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv

    tat-28 ta' April 1999

    dwar it-titjib fil-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-prevenzjoni u kxif ta' reati kriminali

    (SCH/Com-ex (99) 18)

    IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

    Wara li jikkunsidra l-Artikolu 132 tal-Ftehim li jimplimenta l-Konvenzjoni ta' Schengen,

    Wara li jikkunsidra l-Artikolu 39 ta' l-imsemmija Konvenzjoni,

    Filwaqt li jixtieq ikompli l-isforzi sabiex itejjeb il-kondizzjonijiet għal koperazzjoni bejn il-pulizija 'l hinn mill-fruntieri,

    Filwaqt li jqis id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Diċembru 1998 (Dok. SCH/Com-ex (98)51 Rev 3),

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Il-prinċipji li jiggvernaw il-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali kif esposti fin-nota tal-Presidenza (Dok. SCH/I (98)75 Rev 5) tat-28 ta' April 1999 huma b'dan approvati.

    Lussemburgu, 28 ta' April 1999.

    Il-President

    C. H. Schapper

    --------------------------------------------------

    SCH/I (98)75 Rev. 5

    Suġġett: Applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni: titjib fil-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-prevenzjoni u investigazzjoni ta' reati kriminali

    Il-Presidenza Ġermaniża qed tistinka sabiex ittejjeb il-koperazzjoni bejn il-pulizija ta' l-Istati Kontraenti fl-investigazzjoni ta' reati kriminali. Fil-laqgħa tal-Grupp I fl-14 ta' Settembru 1998, il-Presidenza ssottomettiet nota li tesponi l-problemi u s-soluzzjonijiet possibbli (SCH/I (98)55 Rev.).

    Id-delegazzjonijiet kollha qablu li jista' jsir ħafna sabiex jittaffew in-nuqqasijiet fil-koperazzjoni bejn il-pulizija fil-qasam ta' l-investigazzjoni ta' reati kriminali jekk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen kellhom jingħataw interpretazzjoni uniformi u jkunu applikati fuq il-bażi ta' l-għanijiet tagħha.

    L-Istati Kontraenti jaqblu li koperazzjoni mtejjba bejn il-pulizija f'investigazzjonijiet kriminali m'għandhiex tippreġudika l-poteri ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Is-soluzzjonijiet li ġejjin huma prattikabbli għal perjodu ta' żmien qasir:

    1. Lista

    Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni ta' Schengen u t-titjib ta' l-investigazzjoni u prevenzjoni ta' reati kriminali, il-pulizija ta' l-Istati ta' Schengen jistgħu jibdlu informazzjoni sakemm:

    - il-bdil ta' informazzjoni ma jkunx jinħtieġ l-użu ta' mezzi li jġiegħlu bil-forza,

    - l-iskambju ta' informazzjoni jkun ammissibbli taħt il-liġi domestika ta' l-Istat Kontraenti mitlub u l-attivitajiet imwettqa ma jkunux jaqgħu biss taħt l-awtorità ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji jew jinħtieġu l-kunsens tagħhom.

    Titjib fl-investigazzjoni u prevenzjoni ta' reati jitwettaq permezz ta' koperazzjoni bejn il-pulizija ta' l-Istati ta' Schengen mingħajr l-involviment ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji meta jkun hemm lok għal suspetti jew jitfaċċaw perikli ċari, partikolarment permezz ta' passi bħal dawk elenkati hawn taħt. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-implimentazzjoni tal-passi msemmija hija suġġetta għall-ammissibbilità tagħhom taħt il-liġi nazzjonali tal-pajjiż mitlub u dak li qed jagħmel it-talba:

    - identifikazzjoni ta' sidien u sewwieqa ta' vetturi,

    - stħarriġ dwar liċenzi ta' sewwieqa,

    - rintraċċar ta' lok u residenza,

    - identifikazzjoni ta' abbonati fit-telekomunikazzjoni (telefon, fax u internet) sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku,

    - il-kisba ta' informazzjoni mill-persuni konċernati min-naħa tal-pulizija fuq bażi volontarja [1],

    - identifikazzjoni ta' persuni,

    - trasmissjoni ta' informazzjoni fil-pussess tal-pulizija minn databases jew fajls tal-pulizija, bla ħsara għall-konformità mad-dispożizzjonijiet legali relevanti li jirregolaw il-protezzjoni tad-data,

    - preparazzjoni ta' pjanijiet u kordinazzjoni ta' miżuri ta' tiftix u tibdija ta' tfittxijiet ta' emerġenza (indipendentement mit-tfittxijiet SIS),

    - rintraċċar ta' l-oriġini ta' l-oġġetti, partikolarment l-armi u l-vetturi (rintraċċar ta' kanali ta' bejgħ),

    - eżaminar ta' evidenza (bħal ħsara lil vetturi wara inċidenti hit and run, tħassir f'dokumenti eċċ.).

    Stati ta' Schengen jistgħu skond l-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni ta' Schengen jaqblu ma' Partijiet Kontraenti individwalment jew ma kollha sabiex jiġu stabbiliti oqsma addizzjonali li fihom il-pulizija tista' tipprovdi għajnuna reċiproka mingħajr ma tinvolvi l-awtoritajiet ġudizzjarji

    2. Applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-kunsens ġudizzjarju (Artiklu 39(2))

    L-użu fil-pront ta' informazzjoni bħala prova fi proċeduri kriminali huwa possibbli biss jekk l-Istat Kontraenti ma jitlobx ittri rogatorji formali flimkien mat-talba tal-pulizija. Ir-riżorsi skarsi ta' l-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjoni kriminali jridu jintużaw sabiex isolvu l-problemi urġenti tal-prevenzjoni tar-reati u mhux ikunu mxekkla bla bżonn mir-rekwiżit tal-kunsens.

    L-Artikolu 39(2) fl-ebda punt ma jistipula li l-awtorizzazzjoni trid tinġieb mill-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jiġu introdotti dokumenti bħala prova. Il-proċedura sabiex tinġieb l-awtorizzazzjoni hija għalhekk kwistjoni li trid tiġi determinata mill-Istati Kontraenti.

    L-Istati ta' Schengen jaqblu li l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jittrażmettu talbiet għall-awtorizzazzjoni u d-dokumenti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' talbiet bħal dawn b'kull mezz li jippermetti trasmissjoni ħafifa, basta t-trasmissjoni tipprovdi indikazzjoni bil-miktub ta' l-awtur tad-dokument, (per eżempju, telefax, e-mail).

    3. Tħaffif tal-proċeduri

    L-investigazzjonijiet kriminali, partikolarment waqt emerġenzi, jistgħu wkoll ikunu mħaffa bis-simplifikazzjoni tal-proċeduri. Dan jixdu il-ftehim bilaterali bejn żewġ Stati ta' Schengen fejn, fuq l-instigazzjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija jikkoperaw direttament billi jassistu lil xulxin f'interrogazzjonijiet tal-pulizija, tiftix u l-qbid ta' oġġetti fejn dewmien jista' jkun perikoluż.

    L-Istati Kontraenti se jħarsu lejn l-esperjenza miksuba b'dan il-ftehim u oħrajn simili sabiex jiddeterminaw jekk jistgħux jitfasslu proċeduri addattati li jkopru lill-proċess ta' Schengen kollu.

    [1] Taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Olanda, japplika l-prinċipju ta' interrogazzjonijiet volontarji tal-pulizija.

    --------------------------------------------------

    Top