Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R1777

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1777 tal-24 ta’ Lulju 2026 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni: ADM International Sarl, irrappreżentata fl-Unjoni minn ADM Specialty Ingredients (Europe) B.V.) u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1490

C/2026/5099

ĠU L, 2026/1777, 27.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1777/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1777/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1777

27.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1777

tal-24 ta’ Lulju 2026

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni: ADM International Sarl, irrappreżentata fl-Unjoni minn ADM Specialty Ingredients (Europe) B.V.) u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1490

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu ġie awtorizzat għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għas-simna bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1490 (2).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għas-simna, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”. L-applikazzjoni kienet tinkludi proposta biex jiġu emendati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali, li tikkonsisti fl-aġġustament tal-kontenut ta’ karvakrol għal 4,5 – 5,5 %, tal-kontenut ta’ ċinnamaldeid għal 2,7 – 3,3 % u tal-kontenut ta’ oleoreżina tal-bżar ħelu għal mill-inqas 2 % (bil-kontenut tas-somma ta’ kapsajċina u diidrokapsajċina ta’ 0,11 – 0,15 %). Mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni sottomessa f’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-addittiv tal-għalf ikkonċernat, Pancosma France S.A.S, ippropona wkoll li l-isem tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għall-addittiv tal-għalf ikkonċernat jinbidel għal “ADM International Sarl, irrappreżentata fl-Unjoni minn ADM Specialty Ingredients (Europe) B.V.”.

(5)

Fl-opinjoni tagħha tad-19 ta’ Novembru 2025 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu għadu sikur għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet tal-użu awtorizzati bħalissa. Fir-rigward tas-sikurezza tal-utent, ikkonkludiet ukoll li l-addittiv jenħtieġ li jitqies bħala irritant tal-ġilda, tal-għajnejn u tal-apparat respiratorju u sensitizzatur tal-ġilda. L-Awtorità ddikjarat li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni oriġinali li jkollhom impatt fuq l-effikaċja tal-addittiv. Għalhekk, hija kkonkludiet li ma hemmx bżonn tiġi vvalutata l-effikaċja tal-addittiv fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni. Hija ma dehrilhiex li hemm il-ħtieġa ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq.

(6)

Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 deherlu li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (c), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), mhuwiex meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(7)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jidhrilha li l-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa biex jiġu evitati l-effetti avversi fuq saħħet l-utenti tal-addittiv. Barra minn hekk, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-użu rakkomandati mill-applikant u mal-konklużjoni tal-Awtorità fl-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Jannar 2015 (5) li l-addittiv għandu l-potenzjal li jkun effikaċi fit-tiġieġ għas-simna fid-doża rakkomandata mill-applikant ta’ 100 mg/kg ta’ għalf komplet, jixraq li jiġi previst kontenut minimu ta’ 100 mg/kg ta’ għalf komplet.

(8)

Barra minn hekk, ADM International Sarl, irrappreżentata fl-Unjoni minn ADM Specialty Ingredients (Europe) B.V., jenħtieġ li tiġi ddeżinjata bħala d-detentur tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu.

(9)

B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1490 jitħassar.

(10)

Billi l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu mhijiex meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sikurezza, jixraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali biex il-partijiet interessati jħejju ruħhom ħallu jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mit-tiġdid tal-awtorizzazzjoni.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tappartjeni għall-kategorija tal-“addittivi żootekniċi” u għall-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħra”, hi mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1490 jitħassar.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu, kif awtorizzat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1490, u l-premixxeli li fihom dak l-addittiv, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-16 ta’ Frar 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-16 ta’ Awwissu 2026, jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom l-addittiv tal-għalf imsemmi fil-paragrafu 1, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel is-16 ta’ Awwissu 2027 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-16 ta’ Awwissu 2026 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet ikkonċernati.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1490 tat-3 ta’ Settembru 2015 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-kapsiku bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni Pancosma France S.A.S.) (ĠU L 231, 4.9.2015, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1490/oj).

(3)   EFSA Journal 2025;23:e9793, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9793.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ adittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj).

(5)   EFSA Journal 2015;13(2):4011, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2015.4011.


ANNESS

Numru tal-identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Isem l-addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċijiet jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

mg ta’ addittiv/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħra (titjib tal-parametri tal-prestazzjoni)

4d11

ADM International Sarl, irrappreżentata fl-Unjoni minn ADM Specialty Ingredients (Europe) B.V.

Preparat

ta’ karvakrol,

ċinnamaldeid u

oleoreżina

tal-bżar ħelu

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat ta’ karvakrol, ċinnamaldeid u oleoreżina tal-bżar ħelu li jkollha kontenut ta’:

karvakrol (1): 4,5 % - 5,5 %

ċinnamaldeid (1): 2,7 % - 3,3 %

oleoreżina tal-bżar ħelu (2): ≥ 2 % (b’kontenut tas-somma ta’ kapsajċina u diidrokapsajċina 0,11 % - 0,15 %)

Għamla solida.

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

karvakrol (≥ 98 % purità), C10H14O, numru CAS: 499-75-2

ċinnamaldeid (≥ 98 % purità), C9H8O, numru CAS: 104-55-2

oleoreżina tal-bżar ħelu b’kontenut tas-somma ta’ kapsajċina u diidrokapsajċina 6 % - 7 %

Metodi analitiċi  (3)

Għall-kwantifikazzjoni ta’ karvakrol, ċinnamaldeid, kapsajċina u diidrokapsajċina fl-addittiv tal-għalf: Kromatografija b’Fażi Gassuża bid-Detezzjoni tal-Jonizzazzjoni bi Fjamma (GC-FID)

Tiġieġ għas-simna

-

100

100

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxeli, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u l-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv ma għandux jintuża ma’ sorsi oħra ta’ karvakrol, ċinnamaldeid, kapsajċina u diidrokapsajċina.

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

Is-16 ta’ Awwissu 2036

(1)  Edizzjoni Online tal-JECFA: “Specifications for Flavourings”. https://www.fao.org/food/food-safety-quality/scientific-advice/jecfa/jecfa-flav/en/

(2)  Oleoreżina miksuba bl-estrazzjoni b’solvent tal-imżiewed imnixxfa tal-felfel tal-Indja (Capsicum annuum jew C. frutescens).

(3)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en?prefLang=mt


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1777/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top