This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026R0530
Commission Implementing Regulation (EU) 2026/530 of 10 March 2026 on exceptional support measures for the sheepmeat and pigmeat sectors in Hungary
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/530 tal-10 ta’ Marzu 2026 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-majjal fl-Ungerija
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/530 tal-10 ta’ Marzu 2026 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-majjal fl-Ungerija
C/2026/1488
ĠU L, 2026/530, 11.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/530/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/530 |
11.3.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/530
tal-10 ta’ Marzu 2026
dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-majjal fl-Ungerija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bejn is-6 ta’ Marzu 2025 u s-17 ta’ April 2025, l-Ungerija kkonfermat u nnotifikat ħames tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. L-ispeċijiet affettwati kienu l-bhejjem tal-ifrat. |
|
(2) |
L-Ungerija, minnufih u b’mod effiċjenti, ħadet il-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji kollha meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3). |
|
(3) |
B’mod partikolari, l-Ungerija ħadet miżuri ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni u stabbiliet żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza (“iż-żoni regolati”) skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 (4), (UE) 2025/613 (5), (UE) 2025/654 (6), (UE) 2025/672 (7), (UE) 2025/696 (8), (UE) 2025/795 (9), (UE) 2025/827 (10) u (UE) 2025/1097 (11). |
|
(4) |
L-Ungerija għarrfet lill-Kummissjoni li l-miżuri tas-saħħa u l-miżuri veterinarji meħtieġa, li kienu ġew applikati biex jitrażżan u jinqered it-tixrid tal-marda, kienu laqtu għadd ta’ operaturi u li dawk l-operaturi kienu ġarrbu telf ta’ introjtu li ma kienx eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
|
(5) |
Fit-22 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba formali mingħand l-Ungerija għall-finanzjament parzjali ta’ ċerti miżuri eċċezzjonali skont l-Artikolu 220(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għat-tifqigħat ikkonfermati bejn is-6 ta’ Marzu 2025 u s-17 ta’ April 2025. |
|
(6) |
L-implimentazzjoni tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali u tal-miżuri veterinarji msemmijin fil-premessi 3 u 4, wasslet għat-telf tal-valur tan-nagħaġ tas-simna li ma setgħux jiġu skarnati u jinbiegħu bħala ħrief ħfief għall-ħabta tal-Għid minħabba restrizzjonijiet fuq il-moviment u wasslet għal telf ekonomiku kkawżat minn perjodi itwal ta’ trobbija u ta’ tismin tal-ħnieżer. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-finanzjament parzjali mill-Unjoni jeħtieġ ikun ekwivalenti għal 60 % tan-nefqa mġarrba mill-Ungerija għall-miżuri eċċezzjonali rilevanti ta’ appoġġ għas-suq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa l-kwantitajiet massimi eliġibbli għall-finanzjament għal kull miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq, wara li tiskrutinizza t-talba li rċeviet mingħand l-Ungerija b’rabta mat-tifqigħat. |
|
(8) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed, jenħtieġ li l-ammonti massimi u l-ammont b’rata fissa tal-finanzjament parzjali jkunu bbażati fuq studji tekniċi u ekonomiċi jew fuq dokumenti tal-kontabbiltà u li dan jiġi ffissat f’livell xieraq għal kull annimal skont il-kategoriji. |
|
(9) |
Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf li ġġarrab mill-benefiċjarji ma jkunx ġie kkumpensat b’għajnuna mill-Istat jew b’assigurazzjoni, u jenħtieġ li l-finanzjament parzjali mill-Unjoni skont dan ir-Regolament ikun limitat għall-annimali u għall-prodotti eliġibbli li għalihom ma tkun inkisbet l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-livell u d-durata tal-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi appoġġat is-suq. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq japplikaw biss għall-produzzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-majjal mill-azjendi li jinsabu fiż-żoni rregolati u għad-durata tal-miżuri tas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni tal-Ungerija li huma rilevanti għat-tifqigħat. |
|
(11) |
Sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà f’każ li l-għadd ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens ikun ivarja mill-għadd massimu stabbilit f’dan ir-Regolament, li huwa bbażat fuq stimi, il-kumpens jista’ jiġi aġġustat b’ċerti limiti, dejjem jekk jitħares l-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata b’mod parzjali mill-Unjoni. |
|
(12) |
Peress li l-għajnuna mill-Unjoni hija stabbilita bl-euro, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u simultanja, u jeħtieġ ukoll li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lill-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom, kif inhu l-każ għall-Ungerija. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jixraq li għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (13) titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(13) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din il-miżura eċċezzjonali, jenħtieġ li l-benefiċjarji jirċievu malajr l-appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu żgurati monitoraġġ f’waqtu tal-baġit kif ukoll segwitu aġġornat u użu effiċjenti tar-riżerva għall-agrikoltura, biex b’hekk tiġi massimizzata d-disponibbiltà tagħha u tissaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons fil-pront għall-kriżijiet emerġenti. Għalhekk jixraq li tiġi definita data ta’ eliġibbiltà għall-Ungerija biex tħallas dan l-appoġġ lill-benefiċjarji. Kwalunkwe pagament li jsir wara din id-data jenħtieġ li jitqies ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni. |
|
(14) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Ungerija skont din il-miżura eċċezzjonali biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jitħallas sal-31 ta’ Awwissu 2026. |
|
(15) |
Peress li l-ebda pagament li jsir wara l-31 ta’ Awwissu 2026 ma jrid jitqies eliġibbli taħt kwalunkwe ċirkostanza, ma jridx japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-Ungerija twettaq verifiki ex ante biex jiġu żgurati l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-pagamenti. |
|
(17) |
Sabiex ikun żgurat li l-Ungerija timplimenta l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament minnufih, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali ekwivalenti għal 60 % tan-nefqa mġarrba mill-Ungerija biex tappoġġa s-swieq tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-majjal li ntlaqtu serjament mit-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li ġew identifikati u nnotifikati mill-Ungerija fis-6 ta’ Marzu 2025 u fis-17 ta’ April 2025.
Artikolu 2
1. In-nefqa mġarrba mill-Ungerija għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni biss:
|
(a) |
għad-durata tal-applikazzjoni tal-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u tal-miżuri veterinarji msemmijin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni elenkati fl-Anness u marbutin mal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1; kif ukoll |
|
(b) |
għal dawk l-azjendi tan-nagħaġ u tal-ħnieżer li jkunu ġew soġġetti għall-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u għall-miżuri veterinarji u li jinsabu fiż-żoni msemmijin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni elenkati fl-Anness (“iż-żoni rregolati”); kif ukoll |
|
(c) |
jekk l-Ungerija tkun ħallsitha lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2026; kif ukoll |
|
(d) |
jekk l-annimal jew il-prodott, għall-perjodu marbut mat-tifqigħat imsemmijin fil-punt (a), ma jkun ibbenefika minn ebda kumpens permezz tal-għajnuna mill-Istat jew tal-assigurazzjoni u li għalih ma tkun inkisbet l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690. |
2. L-ebda nefqa li tħallas l-Ungerija wara l-31 ta’ Awwissu 2026 ma għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, irrispettivament mis-sehem tan-nefqa li tirrappreżenta.
Artikolu 3
1. L-ammont massimu tal-finanzjament parzjali mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 434 970, kif ġej:
|
(a) |
għat-telf relatat mal-perjodi mtawla tat-trobbija u tat-tismin tal-ħnieżer minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment fiż-żoni regolati, għandha tapplika r-rata fissa ta’ EUR 1,18 għal kull ħanżir kuljum sa massimu ta’ 28 441 annimal; |
|
(b) |
għat-telf tal-valur tal-annimali fiż-żoni regolati, l-ammont massimu ta’ EUR 57 553 għan-nagħaġ sa massimu ta’ 1 071 nagħġa. |
2. Meta l-għadd ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens ikun jaqbeż l-għadd massimu ta’ annimali għal kull unità stabbilit fil-paragrafu 1, in-nefqa eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni tista’ tiġi aġġustata għal kull unità u tmur lil hinn mill-ammonti li jiġu mill-applikazzjoni tal-għadd massimu għal kull unità, diment li t-total tal-aġġustamenti ma jkunx jaqbeż l-20 % tal-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata parzjalment mill-Unjoni li huwa msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
L-Ungerija għandha twettaq verifiki amministrattivi u fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).
B’mod partikolari, l-Ungerija għandha tivverifika:
|
(a) |
l-eliġibbiltà tal-applikant li jkun ippreżenta t-talba għall-appoġġ; |
|
(b) |
għal kull applikant eliġibbli: l-eliġibbiltà, il-kwantità u l-valur tat-telf reali tal-produzzjoni; |
|
(c) |
li l-ebda applikant eliġibbli ma jkun irċieva finanzjament minn sorsi oħra bħala kumpens għat-telf imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament. |
Għall-applikanti eliġibbli li jkunu sarulhom il-verifiki amministrattivi, l-għajnuna tista’ titħallas mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li jsiru l-verifiki kollha, b’mod partikolari dawk fuq l-applikanti li jkunu ntgħażlu għall-verifiki fuq il-post. Madankollu, il-verifiki kollha fuq il-post għandhom isiru sa mhux aktar tard minn 6 xhur wara li jkunu saru l-pagamenti.
F’każijiet meta l-eliġibbiltà ta’ applikant ma tkunx ġiet ikkonfermata, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) ( ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat ( ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/496 tal-11 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija ( ĠU L, 2025/496, 12.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/496/oj).
(5) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/613 tal-24 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496 ( ĠU L, 2025/613, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/613/oj).
(6) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/654 tas-26 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613 ( ĠU L, 2025/654, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/654/oj).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/672 tal-31 ta’ Marzu 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613 ( ĠU L, 2025/672, 2.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/672/oj).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/696 tat-3 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/696, 4.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/696/oj).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/795 tal-14 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/795, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/795/oj).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/827 tal-25 ta’ April 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/827, 28.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/827/oj).
(11) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1097 tat-23 ta’ Mejju 2025 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mat-tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Ungerija u fis-Slovakkja ( ĠU L, 2025/1097, 27.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1097/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 ( ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj).
(13) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro ( ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ( ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).
ANNESS
Lista tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) li telenka ż-żoni regolati u l-perjodi
Il-partijiet tal-Ungerija u l-perjodi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u ddefiniti f’dawn li ġejjin:
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/496; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/613; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/654; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/672; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/696; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/795; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/827; |
|
— |
id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1097. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/530/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)