Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026R0394

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/394 tat-23 ta’ Frar 2026 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tad-drittijiet ta’ aċċess u tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-bażi tad-data FuelEU

C/2026/1022

ĠU L, 2026/394, 24.2.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/394/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/394/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/394

24.2.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/394

tat-23 ta’ Frar 2026

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tad-drittijiet ta’ aċċess u tal-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi tal-bażi tad-data FuelEU

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiżdied l-użu konsistenti ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija fit-trasport marittimu madwar l-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2023/1805 jistabbilixxi regoli uniformi li jimponu limitu fuq l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord bastiment li jasal, ikun f’portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru jew jitlaq minnhom, u obbligu li tintuża provvista tal-elettriku mix-xatt (“OPS”) jew teknoloġiji b’emissjonijiet żero waqt l-irmiġġ fil-portijiet taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-monitoraġġ tal-bastimenti mar-Regolament (UE) 2023/1805, għandha tiġi stabbilita bażi tad-data elettronika (il-“bażi tad-data FuelEU”) skont dak ir-Regolament, li jenħtieġ li tintuża għall-azzjonijiet neċessarji biex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti fih.

(3)

Sabiex il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1805 b’mod ċentralizzat u armonizzat, il-bażi tad-data FuelEU jenħtieġ li tappoġġa: (i) lill-kumpaniji fir-rapportar tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ kull bastiment; (ii) lill-verifikaturi fil-proċess ta’ verifika u l-ħruġ tad-dokument tal-konformità FuelEU; u (iii) lill-awtoritajiet amministrattivi fl-aċċess u fid-dħul tal-informazzjoni meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom.

(4)

L-objettiv tal-bażi tad-data FuelEU huwa li ttaffi b’mod sinifikanti l-ammont ta’ xogħol amministrattiv imqiegħed fuq il-kumpaniji, fuq il-verifikaturi u fuq partijiet ikkonċernati oħra. Hija mibnija fuq in-network komprensiv ta’ sistemi tal-IT rilevanti, imfassla biex jissimplifikaw il-proċessi ta’ rapportar fis-settur marittimu.

(5)

L-istruttura fundamentali primarja li fuqha hija mibnija l-bażi tad-data FuelEU hija THETIS-MRV, li nħolqot biex tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), bl-għan li tikkapitalizza fuq data sottomessa qabel. Dak l-approċċ strateġiku jikkonforma mal-“prinċipju ta’ rapportar ta’ darba biss”, filwaqt li jrawwem sinerġiji bejn ir-rapportar skont ir-Regolamenti (UE) 2015/757 u (UE) 2023/1805 u l-iżgurar tal-armonizzazzjoni u l-konsistenza tal-informazzjoni fl-aspetti operazzjonali kollha.

(6)

Sabiex jitqiesu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2023/1805, il-fjuwils tal-baħar sostenibbli jenħtieġ li jiġu ċċertifikati f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament sabiex tiġu żgurata t-trasparenza u jittaffa r-riskju ta’ frodi jew ta’ rapportar żbaljat. Il-Bażi tad-Data tal-Unjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(2) u (4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tista’ tintuża biex tintwera l-konformità tal-fjuwils tal-bastimenti tal-baħar tul il-katina tal-provvista kollha. Għal dak l-għan, l-ambjent tal-bażi tad-data FuelEU għandu jkun konness mal-Bażi tad-Data tal-Unjoni meta l-ambitu u l-funzjonalitajiet tiegħu jkunu ġew adattati kif xieraq. Dan se jiffaċilita r-rapportar għall-kumpaniji u jappoġġa l-attivitajiet ta’ verifika.

(7)

Jeħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza bejn dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2027 (4) sabiex jiġu ssimplifikati l-attivitajiet ta’ verifika.

(8)

Meta d-data personali tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ta’ implimentazzjoni, japplika r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Id-data personali jenħtieġ li tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli neċessarju għall-finijiet li għalihom tkun ipproċessata d-data personali (6).

(9)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u ta l-opinjoni tiegħu fl-24 ta’ Lulju 2025.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għad-drittijiet ta’ aċċess u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, inkluż regoli ta’ notifika u filtraġġ, tal-bażi tad-data FuelEU. Dan jibni fuq is-sistemi tal-IT eżistenti fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA, European Maritime Safety Agency), prinċipalment THETIS-MRV.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“THETIS-MRV” tfisser is-sistema operattiva awtomatizzata tal-Unjoni mmexxija mill-EMSA skont ir-Regolament (UE) 2015/757;

(2)

“Awtentikazzjoni” tfisser awtentikazzjoni kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (5), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(3)

“Interfaċċa minn sistema għal sistema” tfisser interfaċċa għall-iskambju ta’ informazzjoni b’mod awtomatizzat bl-użu ta’ sett ta’ messaġġi predefiniti.

Artikolu 3

Drittijiet ta’ aċċess u azzjonijiet ta’ ġestjoni

1.   Id-drittijiet ta’ aċċess u l-funzjonalitajiet tal-bażi tad-data FuelEU għandhom jikkorrispondu għar-responsabbiltajiet rispettivi tal-atturi involuti fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1805. THETIS-MRV għandu jkollha t-tipi ta’ utenti bid-drittijiet ta’ aċċess korrispondenti:

(a)

L-Istati Membri fil-konfigurazzjonijiet li ġejjin:

(1)

Stat Amministrattiv:

l-aċċess ristrett għal informazzjoni minn bastimenti ta’ kumpaniji assoċjati ma’ dak l-Istat amministrattiv, inkluż il-pjan ta’ monitoraġġ FuelEU vvalutat, ir-rapport FuelEU vverifikat u r-rapport FuelEU parzjali, ir-rapport ta’ verifika, il-bilanċ ta’ konformità vverifikat u l-eċċezzjonijiet tal-provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS, on-shore power supply) u r-rekords ta’ nuqqas ta’ konformità skont ir-Regolament (UE) 2023/1805;

il-ġestjoni tad-dokument tal-konformità FuelEU skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) 2023/1805, ir-rapport tal-kontrolli addizzjonali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2023/1805 u tal-karatteristiċi relatati mal-penali FuelEU skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805.

(2)

Stat tal-Bandiera:

L-aċċess ristrett għal informazzjoni relatata ma’ azzjonijiet ta’ infurzar skont l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2023/1805.

(3)

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa:

l-aċċess ristrett għad-dokument tal-konformità FuelEU;

il-ġestjoni tal-eċċezzjonijiet tal-OPS u r-rekords ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (UE) 2023/1805.

(4)

Korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni: l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-verifikaturi li jkunu ġew akkreditati minn dak il-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u l-bastimenti assoċjati ma’ dawk il-verifikaturi. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-pjan ta’ monitoraġġ FuelEU vvalutat, ir-rapport FuelEU vverifikat u r-rapport FuelEU parzjali, id-dokument tal-konformità FuelEU, il-bilanċ tal-konformità vverifikat u r-rapport tal-kontrolli addizzjonali.

(b)

Kumpanija:

l-aċċess għall-informazzjoni kollha dwar il-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tagħha u r-rekords preċedenti, inkluż id-dokument tal-konformità FuelEU, ir-rapport FuelEU u r-rapport FuelEU parzjali, ir-rapport ta’ verifika, il-bilanċ tal-konformità, ir-rapport tal-kontrolli addizzjonali, l-eċċezzjonijiet tal-OPS;

l-aċċess għal informazzjoni relatata mal-bastimenti tal-kumpanija stess dwar l-akkomunament tal-arranġamenti ta’ konformità skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1805;

il-ġestjoni tad-data tal-bastiment u tal-kumpanija, u l-pjan ta’ monitoraġġ skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2023/1805 rispettivament.

(c)

Verifikatur:

l-aċċess għall-informazzjoni kollha dwar il-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tiegħu, ir-rekords preċedenti u l-informazzjoni dwar il-bastimenti kollha fl-akkomunament ta’ konformità fejn il-verifikatur jintgħażel biex jivverifika l-konformità tal-akkomunament;

il-ġestjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ, ir-rapport FuelEU u r-rapport FuelEU parzjali, ir-rapport ta’ verifika, id-dokument tal-konformità FuelEU, il-bilanċ tal-konformità, ir-rapport tal-kontrolli addizzjonali, jekk huwa awtorizzat mill-Istat amministrattiv biex iwettaq tali kontrolli f’ismu, u l-eċċezzjonijiet tal-OPS skont ir-Regolament (UE) 2023/1805.

(d)

Il-Kummissjoni Ewropea:

l-aċċess għall-informazzjoni vvalutata u vverifikata li ġejja għall-iskop uniku li d-data tintuża f’forma aggregata għall-evalwazzjoni futura tal-funzjonament tar-Regolament (UE) 2023/1805: ir-rapporti FuelEU vverifikati u r-rapporti FuelEU parzjali, għar-rapporti ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 5(2) u 30(2) tar-Regolament (UE) 2023/1805, id-dokumenti tal-konformità FuelEU, il-bilanċ tal-konformità vverifikat, ir-rapporti tal-kontrolli addizzjonali u l-eċċezzjonijiet tal-OPS.

2.   Id-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ristretti għal qari biss. Il-funzjonalitajiet ta’ ġestjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-ħolqien u l-modifika tad-data.

Artikolu 4

Konnessjoni mal-provvista tal-elettriku mix-xatt

Il-bażi tad-data FuelEU għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port tal-waqfa jew lil kwalunkwe entità debitament awtorizzata tirreġistra l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2023/1805 (“eċċezzjonijiet tal-OPS”) u r-rekords ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tal-provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS) skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament (UE) 2023/1805 bl-użu ta’ formola elettronika disponibbli fit-THETIS-MRV.

Artikolu 5

Ġestjoni tal-bilanċ tal-konformità u l-penali FuelEU

1.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tinkorpora funzjonalità għall-ġestjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ, inklużi s-sottomissjonijiet u l-modifiki tagħhom.

2.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tinkorpora kalkolatur tal-bilanċ tal-konformità biex il-kumpanija tkun tista’ timmonitorja u timmaniġġja l-bilanċ tal-konformità tagħha u tuża l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà previsti fl-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2023/1805 kif meħtieġ.

3.   Għall-fini tal-kalkolu jew tar-reġistrazzjoni tal-bilanċ tal-konformità speċifiku għall-bastiment imsemmi fl-Artikolu 16(4), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/1805, il-bażi tad-data FuelEU għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni mudell elettroniku.

4.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tippermetti lill-kumpanija u lill-verifikatur jinteraġixxu ma’ xulxin sabiex jitolbu, jivvalutaw, japprovaw u jirreġistraw kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ibbankjar tas-surplus ta’ konformità għall-perjodu ta’ rapportar li jmiss;

(b)

it-teħid b’self ta’ antiċipu ta’ surplus ta’ konformità mill-perjodu ta’ rapportar ta’ wara kif previst fl-Artikolu 20(1) u 20(3) tar-Regolament (UE) 2023/1805.

5.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tinkorpora funzjonalità ta’ akkomunament li tippermetti lill-kumpaniji u lill-verifikaturi jinteraġixxu ma’ xulxin sabiex jiġbru flimkien il-bilanċ ta’ konformità ta’ bastimenti differenti u jirreġistraw u jivverifikaw il-kompożizzjoni tal-akkomunament u l-allokazzjoni tal-bilanċ ta’ konformità tal-akkomunament għal kull bastiment, kif previst fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1805.

6.   Għandha tiġi implimentata sistema ta’ notifika biex tinforma lill-kumpanija meta l-bilanċ ta’ konformità vverifikat tal-bastiment tagħha jkun ġie rreġistrat fil-bażi tad-data FuelEU.

7.   Wara l-konklużjoni tal-verifika tal-bilanċ tal-konformità mill-verifikatur, il-verifikaturi għandhom iqiegħdu l-informazzjoni dwar il-bilanċ tal-konformità għad-dispożizzjoni ta’ utenti oħra msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament permezz tal-bażi tad-data FuelEU.

8.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tippermetti lill-Istat amministrattiv jirreġistra u jinnotifika lill-kumpanija l-ammont ta’ penali FuelEU applikabbli għall-bastimenti tiegħu, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2023/1805. Il-bażi tad-data FuelEU għandha tippermetti r-reġistrazzjoni tal-prova tal-pagamenti tal-penali FuelEU mill-entitajiet li għamlu dak il-pagament. Kwalunkwe penali maħruġa u azzjoni ta’ infurzar meħuda mill-istat amministrattiv għandhom jiġu rreġistrati awtomatikament fil-bażi tad-data FuelEU.

Artikolu 6

Dokument tal-konformità FuelEU

1.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tippermetti lill-verifikatur jew lill-Istat amministrattiv kif xieraq, joħroġ id-dokument tal-konformità FuelEU għall-bastiment ikkonċernat, kif previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2023/1805. Għall-finijiet tal-ħruġ tad-dokument tal-konformità FuelEU, il-verifikatur għandu jipprovdi d-data meħtieġa bl-użu ta’ mudell elettroniku disponibbli fil-bażi tad-data FuelEU.

2.   Wara l-ħruġ tad-dokument ta’ konformità mill-verifikatur, il-verifikaturi għandhom iqiegħdu l-bilanċ tal-konformità għad-dispożizzjoni ta’ utenti oħra msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament permezz tal-bażi tad-data FuelEU.

Artikolu 7

Sigurtà

1.   Għandu jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ identifikazzjoni sigura fil-bażi tad-data FuelEU biex jiġu identifikati utenti uniċi u jiġi assenjat ID uniku lil kull utent.

2.   Il-proċess ta’ awtentikazzjoni għall-interfaċċi minn sistema għal sistema li jaċċessaw il-bażi tad-data FuelEU għandu jkun ibbażat fuq metodi ta’ awtentikazzjoni rikonoxxuti, li jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tal-iskambji tad-data.

3.   L-utenti li jaċċessaw il-bażi tad-data FuelEU għandhom ikunu awtorizzati abbażi ta’ miżuri ta’ kontroll tal-aċċess, li jirregolaw l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni u l-funzjonalitajiet fil-bażi tad-data kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-awtorizzazzjonijiet mogħtija lill-utenti għandhom jiġu rieżaminati perjodikament biex tiġi żgurata l-konformità mal-politiki ta’ kontroll tal-aċċess u biex jiġu adattati għal kwalunkwe bidla fir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-utenti.

5.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha tiżgura n-nonripudju ta’ azzjonijiet imwettqa mill-utenti permezz tal-interfaċċi tagħha. Għal dan l-għan, il-bażi tad-data għandha tirreġistra l-utent, il-kronogramma u l-azzjoni mwettqa għal kwalunkwe modifika, li tiffaċilita l-awditjar u analiżi forensika tal-attivitajiet tal-utenti.

Artikolu 8

Rekwiżiti viżwali

1.   Il-bażi tad-data FuelEU għandha titfassal biex takkomoda diversi daqsijiet tal-iskrin u viewports biex tiġi żgurata l-aħjar aċċessibbiltà għall-utenti.

2.   Fil-każ li utent jaċċessa paġna web bl-użu ta’ browser mhux kompatibbli, għandu jintwera messaġġ ta’ “nuqqas ta’ appoġġ”, li jinforma lill-utent dwar l-inkompatibbiltà tal-browser u jipprovdi gwida dwar browsers alternattivi li jappoġġaw il-kontenut.

3.   L-informazzjoni kollha li ssir disponibbli għall-pubbliku għandha tiġi pprovduta bl-Ingliż biex jiġi żgurat li tkun aċċessibbli u tinftiehem minn udjenza mifruxa.

Artikolu 9

Aġġornamenti tas-sistema

1.   L-EMSA tista’ taġġorna l-funzjonalitajiet u l-interfaċċa tal-bażi tad-data FuelEU jekk dan ikun neċessarju, filwaqt li tqis l-esperjenza miksuba, l-avvanzi teknoloġiċi, il-ħtiġijiet tal-utenti li qed jevolvu u l-aħjar prattiki emerġenti fl-aċċessibbiltà u l-użu tal-web.

2.   L-aġġornamenti u l-korrezzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-utenti kollha qabel l-implimentazzjoni biex ikun jista’ jsir aġġustament f’waqtu ta’ kwalunkwe sistema jew proċedura ta’ appoġġ u jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-utenti kollha permezz ta’ noti ta’ rilaxx u speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati. L-ispeċifikazzjonijiet għall-formati tal-iskambju tad-data għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mhux aktar tard minn xahar (1) qabel l-implimentazzjoni.

Artikolu 10

Dħul fis- seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2027 tas-26 ta’ Lulju 2024 dwar attivitajiet ta’ verifika skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L, 2024/2027, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2027/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj) (“GDPR”).

(6)  L-Artikolu 5(1)(e) tal-GDPR.

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/394/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top