Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026L0806

Direttiva (UE) 2026/806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/24/UE fir-rigward tas-servizzi ta’ valwazzjoni f’riżoluzzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/17/2026/INIT

ĠU L, 2026/806, 20.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/806/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/806/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/806

20.4.2026

DIRETTIVA (UE) 2026/806 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Marzu 2026

li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri, il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/24/UE fir-rigward tas-servizzi ta’ valwazzjoni f’riżoluzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (“istituzzjonijiet”) ġie stabbilit wara l-kriżi finanzjarja globali tal-2008-2009 u bħala segwitu tal-Attributi Ewlenin ta’ Reġimi ta’ Riżoluzzjoni Effettivi għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji ppubblikati l-ewwel darba mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja f’Ottubru 2011. Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni jikkonsisti fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Iż-żewġ atti leġiżlattivi japplikaw għal istituzzjonijiet u għal entitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva jew ta’ dak ir-Regolament (“entitajiet”). Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandu l-għan li jittratta b’mod ordnat il-fallimenti tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet billi jippreserva l-funzjonijiet kritiċi tagħhom u jevita t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja, u fl-istess ħin jipproteġi d-depożitanti u l-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp tas-suq intern fil-qasam bankarju billi joħloq reġim armonizzat sabiex il-kriżijiet transfruntieri jiġu indirizzati b’mod ikkoordinat u billi jevita kwistjonijiet ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u riskji ta’ inugwaljanza fit-trattament.

(2)

Bosta snin mill-implimentazzjoni tiegħu, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ma jagħtix ir-riżultati kif maħsub fir-rigward ta’ xi wħud minn dawk l-objettivi. B’mod partikolari, filwaqt li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet għamlu progress sinifikanti lejn ir-riżolvibbiltà u allokaw riżorsi sinifikanti għal dak il-għan, b’mod partikolari permezz tal-akkumulazzjoni tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni u l-mili tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, rari jkun hemm min jirrikorri għall-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. Minflok, il-fallimenti ta’ ċerti istituzzjonijiet u entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju huma tipikament indirizzati l-aktar permezz ta’ miżuri nazzjonali mhux armonizzati. Il-flus tal-kontribwenti għadhom qed jintużaw minflok xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, bħal arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Dik is-sitwazzjoni tidher li tirriżulta minn inċentivi inadegwati. Dawk l-inċentivi inadegwati huma r-riżultat tal-interazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni mar-regoli nazzjonali, fejn id-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta titwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku mhux dejjem tiġi eżerċitata b’mod li jirrifletti l-applikazzjoni maħsuba tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. Fl-istess ħin, il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni ftit ra użu minħabba r-riskju għad-depożitanti ta’ istituzzjonijiet iffinanzjati mid-depożiti li jkollhom iġarrbu telf biex jiġi żgurat li dawk l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jaċċessaw finanzjament estern f’riżoluzzjoni, b’mod partikolari fin-nuqqas ta’ obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Fl-aħħar nett, il-fatt li hemm regoli inqas stretti dwar l-aċċess għall-finanzjament barra r-riżoluzzjoni milli fir-riżoluzzjoni skoraġġixxa l-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni favur soluzzjonijiet oħrajn, li spiss jinvolvu l-użu tal-flus tal-kontribwenti minflok l-użu tar-riżorsi proprji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet jew tax-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija. Dik is-sitwazzjoni, min-naħa tagħha, tiġġenera riskji ta’ frammentazzjoni, riskji ta’ eżiti subottimali fl-immaniġġar tal-fallimenti tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ istituzzjonijiet u entitajiet iżgħar u ta’ daqs medju, u kostijiet ta’ opportunità minn riżorsi finanzjarji mhux użati. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva u koerenti tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni u li jiġi żgurat li jkun jista’ jiġi applikat kull meta jkun fl-interess pubbliku, inkluż għal ċerti istituzzjonijiet iżgħar u ta’ daqs medju ffinanzjati primarjament permezz ta’ depożiti u li ma għandhomx biżżejjed obbligazzjonijiet suffiċjenti oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

(3)

Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE huwa li jiġu ssalvagwardjati aħjar il-flus tal-kontribwenti billi jiġi żgurat li l-qafas ta’ riżoluzzjoni jkun jista’ jiġi applikat kull meta jkun meħtieġ. L-użu tal-flus tal-kontribwenti jenħtieġ li, permezz tal-qafas rivedut, jitnaqqas b’mod sinifikanti sabiex jiġi żgurat li x-xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, inkluż l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, jintużaw aktar ta’ spiss u b’mod aktar effettiv.

(4)

L-intensità u l-livell ta’ dettall tal-ħidma ta’ ppjanar ta’ riżoluzzjoni meħtieġa fir-rigward tas-sussidjarji li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni jvarjaw skont id-daqs tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikkonċernati, il-profil tar-riskju tagħhom, ir-rwol tagħhom fil-forniment ta’ funzjonijiet kritiċi, il-linji tan-negozju ewlenin tagħhom, l-importanza tagħhom għall-kontinwità operazzjonali tal-grupp wara r-riżoluzzjoni u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, u skont l-importanza tas-sussidjarja fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, inkluż l-importanza sistemika potenzjali tagħha u l-impatt potenzjali tagħha fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (DGS) fil-każ ta’ stralċ skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jikkunsidraw dawk il-fatturi meta jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ tali sussidjarji u jsegwu approċċ proporzjonat, fejn xieraq.

(5)

Istituzzjoni jew entità li tkun qed tiġi stralċata skont il-liġi nazzjonali, wara determinazzjoni li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli u konklużjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li r-riżoluzzjoni tagħha mhijiex fl-interess pubbliku, fl-aħħar mill-aħħar tinsab miexja lejn il-ħruġ mis-suq. F’każijiet bħal dawn, ma jkunx aktar meħtieġ pjan għar-riżoluzzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew entità, irrispettivament minn jekk l-awtorità kompetenti tkunx diġà rtirat l-awtorizzazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew dik l-entità. L-istess japplika fir-rigward ta’ istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni wara t-trasferiment tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet fil-kuntest ta’ strateġija ta’ trasferiment. Jixraq għalhekk li jiġi speċifikat li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk, l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni mhijiex meħtieġa.

(6)

Jenħtieġ li l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, minn entitajiet li huma parti minn grupp, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għat-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tiġi allinjata mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 2014/59/UE għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) biex jiġu evitati kostijiet u kumplessità bla bżonn.

(7)

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħalissa jistgħu jiddeċiedu li jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet meta istituzzjoni jew entità, kemm jekk tkun entità ta’ riżoluzzjoni kif ukoll jekk le, tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ta’ riżerva kombinata meta jitqies flimkien mal-MREL. Madankollu, f’ċerti sitwazzjonijiet, istituzzjoni jew entità tista’ tkun meħtieġa tikkonforma mal-MREL fuq bażi differenti mill-bażi li fuqha dik l-istituzzjoni jew l-entità hija meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinat. Dik is-sitwazzjoni toħloq inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jipprojbixxu d-distribuzzjonijiet u għall-kalkolu tal-Ammont Massimu Distribwibbli relatat mal-MREL. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit li, f’dawk il-każijiet, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħa li jipprojbixxu ċerti distribuzzjonijiet abbażi tar-rekwiżit ta’ riżerva kkombinata stmat li jirriżulta mill-metodoloġija stabbilita fl-att delegat skont l-Artikolu 45c(4) tad-Direttiva 2014/59/UE. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkomunikaw ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinata stmat lill-istituzzjoni jew lill-entità, li mbagħad jenħtieġ li jagħmlu dak ir-rekwiżit ta’ riżerva kkombinata stmat disponibbli għall-pubbliku.

(8)

Ġew introdotti miżuri ta’ intervent bikri li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jirrimedjaw id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ta’ istituzzjoni jew entità u jnaqqsu, sa fejn ikun possibbli, ir-riskju u l-impatt ta’ riżoluzzjoni possibbli. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ ċertezza rigward l-iskattaturi għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri u d-duplikazzjonijiet parzjali ma’ miżuri superviżorji, il-miżuri ta’ intervent bikri rari ntużaw. Għalhekk, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri ta’ intervent bikri jiġu ssimplifikati u speċifikati aktar. Sabiex jitneħħew l-inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet u t-twaqqit għat-tneħħija tal-korp maniġerjali ta’ istituzzjoni jew entità u l-ħatra ta’ amministraturi temporanji, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu identifikati b’mod espliċitu bħala miżuri ta’ intervent bikri u jenħtieġ li l-applikazzjoni tagħhom tkun soġġetta għall-istess skattaturi. Taħt kundizzjonijiet speċifiċi, stralċ gradwali tal-attivitajiet jista’ jkun soluzzjoni kosteffettiva li tiffaċilita l-ħruġ mis-suq ta’ istituzzjoni jew entità b’mudell kummerċjali dgħajjef, u b’hekk jiġi evitat tnaqqis fit-tul li jwassal għall-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa ta’ intervent bikri li jitolbu l-preżentazzjoni ta’ pjan li għandu jiġi implimentat fil-każ ta’ stralċ volontarju tal-attivitajiet ta’ istituzzjoni jew ta’ entità, filwaqt li jħallu d-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ tali pjan f’idejn l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata. Meta japplikaw setgħat ta’ intervent bikri, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu meħtieġa jagħżlu l-miżuri xierqa biex jindirizzaw sitwazzjoni speċifika f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqisu r-riskji għar-reputazzjoni jew ir-riskji relatati mal-ħasil tal-flus jew mat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri mhux biss abbażi ta’ indikaturi kwantitattivi, bħar-rekwiżiti tal-kapital jew tal-likwidità, il-livell ta’ ingranaġġ, is-self improduttiv jew il-konċentrazzjoni ta’ skoperturi, iżda wkoll abbażi ta’ skattaturi kwalitattivi. Jenħtieġ li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri ta’ intervent bikri jippermetti l-kunsiderazzjoni rapida tagħhom u, jekk ikun xieraq, l-applikazzjoni tagħhom, sabiex jiġi evitat kwalunkwe deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità.

(9)

Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali, jenħtieġ li jitneħħew il-miżuri ta’ intervent bikri stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE li jikkoinċidu mas-setgħat eżistenti taħt il-qafas prudenzjali stabbilit fid-Direttivi 2013/36/UE (6) u (UE) 2019/2034 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu kapaċi jħejju għar-riżoluzzjoni possibbli ta’ istituzzjoni jew entità. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinforma lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni jew ta’ entità kmieni biżżejjed, u jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri preparatorji. Huwa importanti li sabiex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr kemm jista’ jkun għal deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità, jenħtieġ li l-applikazzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma tkunx kundizzjoni għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tagħmel arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità jew biex titlob informazzjoni biex jiġi aġġornat il-pjan ta’ riżoluzzjoni u titħejja l-valwazzjoni. Meta tikkummerċjalizza istituzzjoni li hija membru ta’ skema ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS), jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkunsidra miżuri li l-IPS tista’ tieħu qabel ir-riżoluzzjoni biex tevita r-riskju materjali li l-istituzzjoni tfalli jew issir li x’aktarx tfalli. Sabiex tiġi żgurata reazzjoni konsistenti, ikkoordinata, effettiva u f’waqtha għad-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità u sabiex issir tħejjija kif suppost għal riżoluzzjoni possibbli, jeħtieġ li jittejbu l-interazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Malli istituzzjoni jew entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jżidu l-iskambji ta’ informazzjoni tagħhom, inkluż informazzjoni proviżorja, u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod konġunt.

(10)

Jeħtieġ li jiġu żgurati azzjoni f’waqtha u koordinazzjoni bikrija bejn l-awtorità kompetenti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li istituzzjoni jew entità tkun għadha negozju avvjat, iżda jkun hemm riskju materjali li l-istituzzjoni jew l-entità tista’ tfalli. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kmieni kemm jista’ jkun b’tali riskju. Jenħtieġ li dik in-notifika jkun fiha r-raġunijiet għall-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti u ħarsa ġenerali mhux eżawrjenti tal-miżuri alternattivi tas-settur privat, l-azzjoni superviżorja jew il-miżuri ta’ intervent bikri li huma disponibbli biex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Tali notifika bikrija ma taffettwa l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat, inkluż miżuri minn IPS, li tipprevjeni l-falliment jew il-falliment probabbli tal-istituzzjoni jew tal-entità f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew tippreġudika l-proċeduri biex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati. Jenħtieġ li n-notifika minn qabel mill-awtorità kompetenti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ riskju materjali li istituzzjoni jew entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli, jew it-tmiem tal-perjodu ta’ żmien speċifikat għall-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex jindirizzaw tali riskju materjali ma tkunx kundizzjoni, jew inkella neċessarjament timplika, determinazzjoni sussegwenti li istituzzjoni jew entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli. Barra minn hekk, jekk fi stadju aktar tard l-istituzzjoni jew l-entità tiġi vvalutata bħala li qed tfalli jew x’aktarx tfalli u ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva biex jiġi evitat tali falliment f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk għandhiex tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni. F’każ bħal dan, il-puntwalità tad-deċiżjoni li tiġi applikata azzjoni ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjoni jew l-entità tista’ tkun fundamentali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari minħabba li intervent aktar bikri fl-istituzzjoni jew fl-entità jista’ jikkontribwixxi biex jiġu żgurati livelli suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ likwidità biex tiġi eżegwita dik l-istrateġija. Għalhekk, jixraq li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tivvaluta, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli biex jiġu implimentati miżuri alternattivi biex jiġi evitat il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità. Sabiex jiġi żgurat eżitu f’waqtu u sabiex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tħejji kif suppost għar-riżoluzzjoni potenzjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti jiltaqgħu regolarment, u jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi dwar il-frekwenza ta’ dawk il-laqgħat, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.

(11)

Il-qafas ta’ riżoluzzjoni huwa maħsub li jkollu l-potenzjal li jjiġi applikat għal kwalunkwe istituzzjoni jew entità, irrispettivament mid-daqs u l-mudell tan-negozju tagħha, jekk l-għodod disponibbli skont il-liġi nazzjonali ma jkunux adegwati għall-immaniġġar tal-falliment tagħha. Madankollu, xi objettivi tal-qafas jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar biex tiżdied l-armonizzazzjoni u tiġi promossa l-konverġenza. L-objettiv tar-riżoluzzjoni li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi għandu l-għan li jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u l-ekonomija reali. Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li l-forniment ta’ funzjonijiet kritiċi ma jitwaqqafx. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi ċċarat li, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jikkonkludu li ċerti funzjonijiet ta’ istituzzjoni jew ta’ entità jitqiesu bħala kritiċi anke jekk it-twaqqif tagħhom ifixkel l-istabbiltà finanzjarja jew servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali fil-livell reġjonali biss. Fir-rigward tat-teħid ta’ depożiti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta lir-riskju ta’ telf ta’ fiduċja tad-depożitanti li jżommu depożiti mhux koperti mid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Jenħtieġ li l-fondi pubbliċi jiġu protetti billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, b’mod partikolari meta tiġi pprovduta mill-baġit ta’ Stat Membru. Id-depożitanti koperti mid-Direttiva 2014/49/UE, l-investituri koperti mid-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-fondi tal-klijenti u l-assi tal-klijenti għandhom jiġu protetti wkoll.

(12)

Matul l-istadju tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, meta jkun qed jiġi deċiż jekk istituzzjoni għandhiex tiġi allokata għar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-fatt li istituzzjoni tkun soġġetta għal obbligi simplifikati, b’mod ġenerali, jintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħala indikatur li r-riżoluzzjoni tagħha fil-każ ta’ falliment ma tkunx fl-interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-istituzzjoni mhijiex soġġetta għal obbligi simplifikati jista’ jindika li r-riżoluzzjoni tagħha fil-każ ta’ falliment tkun fl-interess pubbliku.

(13)

L-istralċ ta’ entità taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jista’, f’xi każijiet, jipperikola l-istabbiltà finanzjarja u jinterrompi l-forniment ta’ funzjonijiet kritiċi. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-insolvenza x’aktarx tirriżulta f’telf fuq sehem materjali ta’ depożiti jew diffikultajiet sinifikanti fil-kontinwità tal-aċċess għad-depożiti, u meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li dak it-telf jew dawk id-diffikultajiet jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-forniment ta’ funzjonijiet kritiċi, fuq l-istabbiltà finanzjarja permezz ta’ kontaġju jew fuq l-ekonomija reali. F’każijiet bħal dawn huwa probabbli ħafna li jkun hemm interess pubbliku fit-tqegħid tal-istituzzjoni jew tal-entità taħt riżoluzzjoni aktar milli fl-istralċ tagħha taħt proċeduri normali ta’ insolvenza. Il-valutazzjoni ta’ jekk ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità hijiex fl-interess pubbliku jenħtieġ li tkun tirrifletti wkoll, sa fejn ikun possibbli, id-differenza bejn, minn naħa, il-finanzjament ipprovdut permezz ta’ xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, jiġifieri l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew id-DGSs, u, min-naħa l-oħra, il-finanzjament ipprovdut mill-Istati Membri mill-flus tal-kontribwenti. Finanzjament bħal dan ipprovdut mill-Istati Membri għandu riskju ogħla ta’ periklu morali u inċentiv aktar baxx għad-dixxiplina tas-suq. Għalhekk, meta jivvalutaw l-objettiv li tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jippreferu finanzjament permezz tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jew id-DGSs għal finanzjament permezz ta’ ammont ugwali ta’ riżorsi mill-baġit tal-Istati Membri.

(14)

Meta jwettqu l-valutazzjoni tal-interess pubbliku, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw jekk kwalunkwe wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkunx f’riskju jekk l-istituzzjoni jew l-entità li qed tfalli tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Jenħtieġ li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma titqiesx li tkun neċessarja fl-interess pubbliku jekk l-ebda wieħed mill-objettivi tar-riżoluzzjoni ma jkun f’riskju kieku l-istituzzjoni jew l-entità kellha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Jekk mill-inqas objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jiġi vvalutat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bħala f’riskju fil-każ ta’ stralċ skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, jenħtieġ li l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku jkun negattiv biss meta l-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità li qed tfalli skont proċedimenti normali ta’ insolvenza jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni mhux biss bl-istess mod bħar-riżoluzzjoni iżda b’mod aktar effettiv.

(15)

Meta istituzzjoni jew entità li tkun qed tfalli ma titqiegħedx taħt riżoluzzjoni, jenħtieġ li din tiġi stralċata f’konformità mal-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali. Tali proċeduri jistgħu jvarjaw sostanzjalment minn Stat Membru għall-ieħor. Filwaqt li huwa xieraq li tkun permessa biżżejjed flessibbiltà biex jintużaw il-proċeduri nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li ċerti aspetti jiġu ċċarati biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ikkonċernati joħorġu mis-suq.

(16)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tibda jew titlob il-bidu ta’ proċedura skont il-liġi nazzjonali għall-istralċ ta’ istituzzjoni jew entità li tiġi ddeterminata li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli iżda li ma titqiegħedx taħt riżoluzzjoni. Meta l-istralċ volontarju tal-istituzzjoni jew tal-entità fuq deċiżjoni tal-azzjonisti jkun disponibbli skont il-liġi nazzjonali, jenħtieġ li tali għażla tibqa’ disponibbli u jenħtieġ li l-awtorità rilevanti tingħata s-setgħa li titlob il-bidu ta’ tali proċedura. Madankollu, jenħtieġ li jiġi żgurat li, fin-nuqqas ta’ azzjoni rapida mill-azzjonisti, l-awtorità nazzjonali rilevanti tieħu azzjoni.

(17)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll li l-eżitu finali tal-proċeduri ta’ stralċ huwa t-terminazzjoni ta’ attivitajiet bankarji li jwasslu għall-ħruġ tal-istituzzjoni jew tal-entità li qed tfalli mis-suq. Skont il-liġi nazzjonali applikata, dak l-eżitu jista’ jinkiseb b’modi differenti. Dawk jistgħu jinkludu l-bejgħ tal-istituzzjoni jew l-entità jew partijiet minnha, il-bejgħ ta’ assi jew obbligazzjonijiet speċifiċi jew stralċ gradwali, inkluż ta’ pagamenti u teħid ta’ depożiti, bil-ħsieb li l-assi tagħha jinbiegħu gradwalment biex jitħallsu lura l-kredituri affettwati. Terminazzjoni ta’ attivitajiet bankarji tista’ teħtieġ ukoll, fost l-oħrajn, limitazzjoni fuq il-ħruġ ta’ obbligazzjonijiet ġodda biex ikopru biss il-ħtiġijiet ta’ rifinanzjament li jirriżultaw minn assi eżistenti sabiex il-maturità tal-obbligazzjonijiet ma tiġix estiża. Sabiex tittejjeb il-prevedibbiltà tal-proċeduri, jenħtieġ li dak l-eżitu jintlaħaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

(18)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni jew ta’ entità biss abbażi tal-fatt li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli iżda ma titqiegħedx taħt riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni biex jappoġġaw l-objettiv ta’ stralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità f’konformità mal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali ma jkunux jistgħu jinbdew fil-mument li l-istituzzjoni jew l-entità tiġi ddeterminata li qed tfalli jew x’aktarx tfalli, inkluż il-każijiet fejn l-istituzzjoni jew l-entità tkun għadha mhux insolventi fuq il-karta bilanċjali. Sabiex jiġi żgurat aktar li l-objettiv tal-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità jkun jista’ jintlaħaq, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti jiġi inkluż ukoll fost il-kundizzjonijiet possibbli biex tinbeda mill-inqas waħda mill-proċeduri disponibbli skont il-liġi nazzjonali u hija applikabbli għal istituzzjonijiet jew entitajiet li qed ifallu jew li x’aktarx ifallu, iżda li ma tqiegħdux taħt riżoluzzjoni.

(19)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 u tad-Direttivi 2014/49/UE u 2014/59/UE, jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw b’mod eċċezzjonali l-miżuri ta’ naturaprekawzjonarja li jikkwalifikaw bħala appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ prekawzjoni jittieħdu kmieni biżżejjed. Barra minn hekk, il-miżuri biex jiġi pprovdut salvataġġ għall-assi indeboliti, inkluż il-veikoli tal-immaniġġar tal-assi jew l-iskemi ta’ garanzija tal-assi, jistgħu jkunu effettivi u effiċjenti fl-indirizzar tal-kawżi ta’ diffikultà finanzjarja possibbli li jiffaċċjaw l-istituzzjonijiet u l-entitajiet u fil-prevenzjoni tal-falliment tagħhom u, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu miżuri ta’ prekawzjoni rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi speċifikat li tali miżuri ta’ prekawzjoni jistgħu jieħdu l-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti.

(20)

Sabiex tiġi ppreservata d-dixxiplina tas-suq, jiġu protetti l-fondi pubbliċi u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni jibqgħu l-eċċezzjoni u jiġu applikati biss biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ tfixkil serju fis-suq u biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari f’każ ta’ kriżi sistemika. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jintużawx miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi indirizzat it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab. L-aktar strument affidabbli biex jiġi kkwantifikat it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab huwa rieżami tal-kwalità tal-assi mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jew mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw tali rieżami, jew fejn adegwat, spezzjonijiet fuq il-post, sabiex jikkwantifikaw it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab meta tali rieżami jew spezzjonijiet jkunu jistgħu jitwettqu f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fejn dan ma jkunx possibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkwantifikaw it-telf imġarrab jew li x’aktarx jiġġarrab bl-aktar mod affidabbli possibbli fiċ-ċirkostanzi prevalenti, fejn xieraq abbażi tal-karta bilanċjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, dment li l-karta bilanċjali tikkonforma mar-regoli u l-istandards kontabilistiċi applikabbli, kif ikkonfermat minn awditur estern indipendenti. Jenħtieġ li l-kunsiderazzjoni li istituzzjoni jew entità hija solventi, għall-finijiet ta’ miżuri ta’ appoġġ fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja u ta’ garanziji mill-Istat ta’ obbligazzjonijiet maħruġa ġodda tkun ibbażata fuq valutazzjoni li tħares ’il quddiem dwar jekk l-istituzzjoni jew l-entità tistax tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (11) jew fir-Regolament (UE) 2019/2033 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali stabbilit fid-Direttiva 2013/36/UE jew (UE) 2019/2034.

(21)

L-għan tar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja huwa li tappoġġa l-istituzzjonijiet u l-entitajiet vijabbli identifikati bħala li x’aktarx jiltaqgħu ma’ diffikultajiet temporanji fil-futur qrib u li tipprevjeni s-sitwazzjoni tagħhom milli tiddeterjora aktar. Sabiex jiġi evitat li jingħataw sussidji pubbliċi lil negozji li diġà ma jagħmlux profitt, jenħtieġ li miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ akkwist ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti kapitali oħrajn jew permezz ta’ miżuri ta’ assi indeboliti ma jingħatawx f’ammont li jaqbeż l-ammont meħtieġ biex jiġu koperti d-defiċits ta’ kapital kif identifikati fix-xenarju avvers ta’ test tal-istress jew eżerċizzju ekwivalenti. Sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament pubbliku fl-aħħar mill-aħħar jitwaqqaf, jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ prekawzjoni jkunu wkoll limitati fiż-żmien u jkun fihom skeda ta’ żmien ċara għat-terminazzjoni tagħhom (“strateġija ta’ ħruġ mill-miżura ta’ appoġġ”). L-istrumenti perpetwi, inkluż il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u jkunu soġġetti għal ċerti limiti kwantitattivi minħabba li min-natura tagħhom ma humiex adattati sew għall-konformità mal-kundizzjoni li jkunu temporanji. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu pjan ta’ rimedju ta’ darba mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet li jonqsu milli jikkonformaw mat-termini tal-istrateġija ta’ ħruġ mill-miżura ta’ appoġġ. Sabiex jiġi żgurat il-ħruġ mis-suq minn istituzzjonijiet jew entitajiet li juru li mhumiex vijabbli, jenħtieġ li awtorità rilevanti tiddetermina jekk l-istituzzjoni jew l-entità hijiex qed tfalli jew x’aktarx tfalli meta l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta bil-pjan ta’ rimedju jew meta l-istituzzjoni jew l-entità tonqos milli tikkonforma mal-pjan ta’ rimedju.

(22)

Jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni jkunu limitati għall-ammont li l-istituzzjoni jew l-entità jkollha bżonn biex iżżomm is-solvenza tagħha fil-każ ta’ avveniment ta’ xenarju avvers f’test tal-istress jew f’eżerċizzju ekwivalenti. Fil-każ ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, jenħtieġ li l-istituzzjoni jew l-entità riċeventi tkun tista’ tuża l-ammont mogħti biex tkopri t-telf fuq l-assi ttrasferiti jew flimkien ma’ akkwiżizzjoni ta’ strumenti kapitali, sakemm ma jinqabiżx l-ammont globali tad-defiċit identifikat. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi żgurat li miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti jikkonformaw mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat u mal-aħjar prattiki, li jreġġgħu lura l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità, li l-għajnuna mill-Istat tkun limitata għall-minimu meħtieġ u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet ikkonċernati, fil-każ ta’ miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, iqisu l-gwida speċifika, inkluż il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar kif jistgħu jiġu stabbiliti kumpaniji nazzjonali tal-ġestjoni tal-assi u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-indirizzar ta’ self improduttiv wara l-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ miżuri ta’ assi indeboliti dejjem ikunu soġġetti għall-kundizzjoni prevalenti li jkunu temporanji. Il-garanziji pubbliċi mogħtija għal perjodu speċifikat b’rabta mal-assi indeboliti tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata huma mistennija jiżguraw konformità aħjar ma’ dik il-kundizzjoni milli jiżguraw it-trasferimenti ta’ tali assi lil entità appoġġata pubblikament.

(23)

Sabiex jiġi kopert il-ksur materjali tar-rekwiżiti prudenzjali, jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni li l-kumpaniji azzjonarji qed ifallu jew x’aktarx ifallu. Jenħtieġ li ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti minn kumpanija azzjonarja jkun materjali meta t-tip u l-firxa ta’ tali ksur ikunu komparabbli ma’ ksur li, kieku twettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu, kien jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(24)

L-Istati Membri jista’ jkollhom, skont il-liġi nazzjonali, setgħat biex jissospendu l-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja li jistgħu jinkludu depożiti eliġibbli. Meta s-sospensjoni tal-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja ma tkunx relatata direttament maċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-istituzzjoni ta’ kreditu, id-depożiti jistgħu ma jkunux disponibbli għall-finijiet tad-Direttiva 2014/49/UE. B’konsegwenza ta’ dan, jista’ jkun li d-depożitanti ma jkunux jistgħu jaċċessaw id-depożiti tagħhom għal perjodu estiż. Sabiex tinżamm il-fiduċja u l-fiduċja tad-depożitanti fis-settur bankarju u biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum mid-depożiti tagħhom, sabiex ikopru, b’mod partikolari, l-għoli tal-ħajja, jekk id-depożiti tagħhom isiru inaċċessibbli minħabba sospensjoni tal-pagamenti għal raġunijiet oħrajn għajr dawk li jwasslu għall-iżborż lid-depożitanti. Jenħtieġ li tali proċedura tibqa’ eċċezzjonali, u jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-depożitanti jkollhom aċċess għal ammonti xierqa ta’ kuljum.

(25)

Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, u fid-dawl tar-rilevanza potenzjali tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn avvenimenti inċerti futuri, inkluż l-eżitu ta’litigazzjoni pendenti fiż-żmien tar-riżoluzzjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit it-trattament li jenħtieġ jirċievu dawk l-obbligazzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jagħmlu distinzjoni bejn obbligazzjonijiet ibbażati fuq obbligi preżenti li jirriżultaw minn avvenimenti passati li ser jirriżultaw f’telf iżda li t-twaqqit jew l-ammont tagħhom huwa inċert u obbligazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fil-futur iżda li ma jirriżultawx f’telf jew li jistgħu jirriżultaw fil-futur biss jekk iseħħ avveniment inċert.

(26)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li l-obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert, meta dawk l-obbligazzjonijiet ikunu bbażati fuq obbligi preżenti li jirriżultaw minn avvenimenti passati li ser jirriżultaw f’telf, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal obbligazzjonijiet oħrajn. Jenħtieġ li tali obbligazzjonijiet ikollhom kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, sakemm ma jissodisfawx wieħed mill-kriterji speċifiċi biex jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Minħabba r-rilevanza potenzjali ta’ dawk l-obbligazzjonijiet f’riżoluzzjoni u biex tiġi żgurata ċ-ċertezza fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li jiġi speċifikat li huma parti mill-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u li, b’riżultat ta’ dan, l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tista’ tiġi applikata għalihom. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għal obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jkollha s-setgħa li tnaqqas, inkluż li tnaqqas għal żero, l-ammont prinċipali dovut fir-rigward ta’ tali obbligazzjonijiet u li tikkonverti tali obbligazzjonijiet f’ishma jew strumenti ta’ sjieda oħra. Madankollu, it-tnaqqis jew il-konverżjoni jistgħu jidħlu fis-seħħ biss jekk u ladarba l-obbligazzjoni ta’ twaqqit jew ammont inċert tiġi ddeterminata b’mod konklużiv f’termini ta’ twaqqit u ammont.

(27)

Jeħtieġ li jiġi żgurat li obbligazzjoni li tista’ tirriżulta minn avveniment inċert jew obbligazzjoni ta’ twaqqit jew ammont inċert li hija bbażata fuq obbligazzjoni preżenti fiż-żmien tar-riżoluzzjoni ma tfixkilx l-effettività tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, jenħtieġ li l-valwatur, bħala parti mill-valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni, jivvaluta t-tali obbligazzjonijiet u jikkwantifika l-valur potenzjali ta’ dawk l-obbligazzjonijiet bl-aħjar mod li hu kapaċil-valwatur. Sabiex jiġi żgurat li, wara l-proċess ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità tkun tista’ ssostni fiduċja suffiċjenti fis-suq għal ammont xieraq ta’ żmien, jenħtieġ li l-valwatur, meta jistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna jeħtieġ li jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti biex jitreġġgħu lura l-proporzjonijiet ta’ kapital tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, iqis dak il-valur potenzjali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tapplika s-setgħat ta’ konverżjoni tagħha għall-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni tkun biżżejjed biex tkopri t-telf potenzjali li jista’ jiġi kkawżat minn obbligazzjoni li tista’ tirriżulta fil-futur minn avveniment inċert jew li hija bbażata fuq obbligazzjoni preżenti iżda li hija inċerta f’termini ta’ twaqqit jew ammont. Meta tivvaluta l-ammont li għandu jiġi valwat b’mod negattiv jew ikkonvertit, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkunsidra bir-reqqa l-impatt tat-telf potenzjali fuq l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni abbażi ta’ għadd ta’ fatturi, inkluż il-probabbiltà li l-avveniment jimmaterjalizza, il-perjodu ta’ żmien għall-materjalizzazzjoni tiegħu u l-ammont tal-obbligazzjoni.

(28)

F’ċerti ċirkostanzi, wara li l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jkun ipprovda kontribuzzjoni sa massimu ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni jew tal-entità, inkluż il-fondi proprji, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jużaw sorsi addizzjonali ta’ finanzjament biex jappoġġaw aktar l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tagħhom. Jenħtieġ li jiġi speċifikat b’mod aktar ċar f’liema ċirkostanzi l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jipprovdi aktar appoġġ meta l-obbligazzjonijiet kollha b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna li mhumiex depożiti eliġibbli, bi klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa minn dik ta’ depożiti mhux koperti ta’ persuni fiżiċi u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u li mhumiex esklużi b’mod diskrezzjonarju mir-rikapitalizzazzjoni interna jkunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertiti bis-sħiħ.

(29)

Id-depożiti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jikkwalifikaw bħala obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jintużaw għall-konformità mal-MREL. Madankollu, minħabba n-natura speċifika tad-depożiti, kif ukoll ir-rwol li għandhom fl-ekonomija reali u fis-sostenn tal-fiduċja fis-sistema bankarja, jenħtieġ li l-inklużjoni ta’ depożiti fl-ambitu tal-obbligazzjonijiet użati biex jissodisfaw l-MREL tkun soġġetta għal rekwiżiti aktar stretti, peress li jenħtieġ li r-riżorsi eliġibbli għall-MREL jkunu jistgħu jintużaw fl-intier tagħhom biex iġarrbu t-telf u jikkontribwixxu għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-każ tal-falliment tagħha. L-ewwel nett, kif inhu l-każ skont ir-regoli attwali, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li d-depożiti użati għall-MREL jinżammu minn persuni fiżiċi jew minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. It-tieni, jenħtieġ li jiġi ċċarat li d-depożiti li jagħtu lis-sid tagħhom dritt għal rimborż bikri ma jistgħux ikunu eliġibbli għall-MREL, inkluż f’dawk il-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali jipprevedu li r-rimborż bikri jkun soġġett għall-ħlas ta’ penali. It-tielet, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu minimizzati r-riskji ta’ tqegħid mhux xieraq ta’ tali depożiti, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti jirreferu espressament għall-intenzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tuża dawk id-depożiti għall-fini ta’ konformità mal-MREL, kif ukoll għall-fatt li ma jikkwalifikawx bħala depożiti eliġibbli u li, għalhekk, l-ebda parti minn dak id-depożitu mhu sertitħallas lura mid-DGS f’każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà. Ir-raba’, jenħtieġ li l-użu ta’ depożiti fl-MREL, bħala regola, ma jkunx permess, sakemm l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux preċedentement awtorizzaw l-inklużjoni tagħhom fir-riżorsi eliġibbli għall-MREL abbażi ta’ valutazzjoni li tali depożiti ma jkollhomx għalfejn jiġu protetti milli jġarrbu telf fil-każ ta’ riżoluzzjoni u ma jwasslux għal impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ depożiti biex jissodisfaw l-MREL fuq bażi ġenerali għal kull entità ta’ riżoluzzjoni, mingħajr valutazzjoni individwali ta’ kull depożitu, kif ukoll jillimitaw l-inklużjoni ta’ depożiti biex jissodisfaw l-MREL għal ammonti fissi. Depożiti strutturati, minkejja li huma obbligazzjonijiet b’derivattivi inkorporati, jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra kollha.

(30)

Sabiex jiġu evitati effetti ta’ preċipizju, jeħtieġ li jiġu anterjorati d-depożiti eżistenti li jikkwalifikaw bħala obbligazzjonijiet eliġibbli. Għal depożiti meħuda qabel it-12 ta’ Mejju 2028, jenħtieġ li l-kriterji l-ġodda ta’ eliġibbiltà jiġu rinunzjati. Jenħtieġ li l-anterjorità tintemm fil-11 ta’ Mejju 2029.

(31)

Ir-Regolamenti (UE) 2019/876 (13) u (UE) 2019/877 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) implimentaw fil-liġi tal-Unjoni, “id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC)” internazzjonali, ippubblikat mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja fid-9 ta’ Novembru 2015 (l-“istandard TLAC”), għall-banek globali sistemikament importanti, imsemmija fid-dritt tal-Unjoni bħala istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs). Ir-Regolament (UE) 2019/877 u d-Direttiva (UE) 2019/879 emendaw ukoll l-MREL stabbilit fid-Direttiva 2014/59/UE u fir-Regolament (UE) Nru 806/2014. Jeħtieġ li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet dwar l-MREL stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE mal-implimentazzjoni tal-istandard TLAC għall-G-SIIs fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet li jistgħu jintużaw biex tiġi ssodisfata l-parti tal-MREL li għandha tiġi ssodisfata b’fondi proprji u obbligazzjonijiet subordinati oħrajn. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet li jikklassifikaw pari passu ma’ ċerti obbligazzjonijiet esklużi jiġu inklużi fil-fondi proprji u fl-istrumenti eliġibbli subordinati tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fejn l-ammont ta’ dawk l-obbligazzjonijiet esklużi fuq il-karta bilanċjali tal-entità ta’ riżoluzzjoni ma jaqbiżx il-5 % tal-ammont tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-entità ta’ riżoluzzjoni u ma jinħoloq l-ebda riskju relatat mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” minn dik l-inklużjoni.

(32)

Għal ċerti entitajiet ta’ riżoluzzjoni, l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta stabbilita fil-pjan ta’ riżoluzzjoni jew fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp tiddependi primarjament fuq it-trasferiment tan-negozju tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil akkwirent privat jew lil istituzzjoni tranżitorja. F’każijiet bħal dawn, huwa possibbli li d-DGS tista’ tintalab tagħmel kontribuzzjoni għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, potenzjalment biex tiżgura l-protezzjoni ta’ ċerti depożiti li mhumiex koperti mid-DGS. Sabiex jiġi minimizzat il-periklu morali, jenħtieġ għalhekk li jiġi speċifikat li, meta l-pjan ta’ riżoluzzjoni jipprevedi l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tal-entità ta’ riżoluzzjoni mis-suq, jenħtieġ li l-MREL għall-entità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata ma jiġix stabbilit f’livell taħt ċerti limiti. Meta l-applikazzjoni tar-regoli għall-kalibrazzjoni tal-MREL tirriżulta f’ammont ogħla minn dawk il-limiti, jenħtieġ li dak l-ammont ogħla jipprevali. Jenħtieġ li dawk il-limiti ma japplikawx għall-MREL stabbilit għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħhom tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-finijiet tar-rikapitalizzazzjoni tagħha sa punt suffiċjenti biex tiġi restawrata l-kapaċità tagħha li tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata, anke meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tipprevedi l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna flimkien ma’ għodod oħra ta’ riżoluzzjoni, b’dawn tal-aħħar jintużaw b’mod anċillari.

(33)

Id-Direttiva 2014/59/UE ma tinkludix regoli ddedikati dwar arranġamenti tranżizzjonali u livelli fil-mira intermedji biex jintlaħaq l-MREL wara l-2024. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa immedjatament jikkonformaw ma’ MREL ogħla stabbilit mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, inkluż dawk il-każijiet fejn iż-żieda tal-MREL tirriżulta minn bidliet materjali fl-istituzzjoni jew fl-entità minħabba, pereżempju, fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, jew minn bidliet fl-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta. B’mod partikolari, meta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tinbidel minn stralċ skont proċedimenti normali ta’ insolvenza għall-applikazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità tista’ ma tkunx tista’ tissodisfa minnufih bis-sħiħ l-MREL kif stabbilit mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jingħataw is-setgħa li jiddeterminaw perjodi ta’ tranżizzjoni xierqa għall-konformità mal-MREL. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jiddeterminaw livelli fil-mira intermedji vinkolanti għal tali istituzzjonijiet jew entitajiet, biex jiżguraw li dawn jibnu r-riżorsi eliġibbli għall-MREL tagħhom b’mod xieraq. Sabiex jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi, jenħtieġ li l-perjodi ta’ tranżizzjoni ddeterminati preċedentement mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni abbażi tar-regoli applikabbli fid-data rilevanti ma jiġux affettwati mir-regoli l-ġodda.

(34)

L-istituzzjonijiet u l-entitajiet huma meħtieġa jinkludu rikonoxximent kuntrattwali tal-effetti tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fi ftehimiet jew strumenti li joħolqu obbligazzjonijiet irregolati mil-liġijiet ta’ pajjiżi terzi, ħlief fejn ikun legalment jew b’xi mod ieħor imprattikabbli li jsir dan. Madankollu, l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-qafas ta’ riżoluzzjoni wriet li r-rekwiżiti għal dawk it-termini kuntrattwali ta’ rikonoxximent tar-rikapitalizzazzjoni interna, kif ukoll il-proċedura għan-notifika u l-valutazzjoni tal-imprattikabbiltà tal-inklużjoni ta’ tali termini, huma wisgħin, kumplessi u ta’ piż bla bżonn biex jintlaħaq l-objettiv li tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit għal strumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, u b’hekk jiġu esklużi, b’mod partikolari, kuntratti li joħolqu obbligazzjonijiet li fil-futur jistgħu jirriżultaw minn xi avveniment inċert. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet soġġetti għar-rekwiżit iqis l-istrateġija prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-entitajiet ta’ likwidazzjoni u s-sussidjarji ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni li mhumiex huma stess entitajiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux meħtieġa jinkludu fil-kuntratti tagħhom it-terminu ta’ rikonoxximent tar-rikapitalizzazzjoni interna, sakemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma titlobhomx jagħmlu dan. Fl-aħħar nett, filwaqt li r-raġunijiet biex l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jinvokaw l-imprattikabbiltà tal-inklużjoni fil-kuntratti tagħhom tat-terminu ta’ rikonoxximent tar-rikapitalizzazzjoni interna ma jeħtiġux aġġustamenti, jenħtieġ li l-proċedura biex l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jirrapportaw dawn is-sitwazzjonijiet lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiġi ssimplifikata u inkorporata fir-rappurtar annwali għall-finijiet tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni.

(35)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà u l-eżerċitar tas-setgħa li jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, kif ukoll biex jitrawwem l-iskambju ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni b’fergħat sinifikanti fi Stati Membri oħra tkun tista’ tistabbilixxi u tippresiedi kulleġġ ta’ riżoluzzjoni.

(36)

Billi l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-għadd aggregat ta’ klijenti li għalihom istituzzjoni jew entità tkun l-uniku sieħeb bankarju jew is-sieħeb bankarju prinċipali, li tinżamm mill-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), tista’ tkun neċessarja u proporzjonata sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-interess pubbliku, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jirċievu dik l-informazzjoni każ b’każ. Jenħtieġ ukoll li t-twaqqit eżatt tal-aċċess indirett għall-informazzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiġi speċifikat ukoll.

(37)

Hemm interazzjonijiet bejn il-qafas ta’ riżoluzzjoni u l-qafas ta’ abbuż tas-suq. B’mod partikolari, filwaqt li l-azzjonijiet meħuda fir-riżoluzzjoni jew bi tħejjija għar-riżoluzzjoni jistgħu jikkwalifikaw bħala informazzjoni privileġġata skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), id-divulgazzjoni prematura tagħhom tirriskja li tipperikola l-proċess ta’ riżoluzzjoni. Meta dawn l-azzjonijiet ikunu passi intermedji fi proċess fit-tul, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jirrikjedix divulgazzjoni immedjata. F’każijiet oħra, l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet jistgħu jieħdu passi biex jindirizzaw dik il-kwistjoni billi jdewmu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni privileġġata lill-pubbliku skont l-Artikolu 17(4) jew (5) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, jista’ jkun li mhux dejjem ikun hemm l-inċentivi t-tajbin fil-mument tar-riżoluzzjoni jew tat-tħejjija għar-riżoluzzjoni sabiex l-istituzzjoni jew l-entità tieħu l-inizjattiva għal dan id-dewmien. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jitolbu lil istituzzjoni jew entità tiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni privileġġata dwar it-tħejjija għar-riżoluzzjoni u dwar il-proċess ta’ riżoluzzjoni jew il-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni sakemm iqisu li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikunu meħtieġa jiddivulgaw din l-informazzjoni privileġġata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 biss ladarba jkunu ġew infurmati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li l-iżgurar tal-kunfidenzjalità ma jkunux għadu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni. Madankollu, meta l-kunfidenzjalità ma tibqax żgurata, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikunu meħtieġa jiddivulgaw l-informazzjoni privileġġata lill-pubbliku malajr kemm jista’ jkun.

(38)

Jenħtieġ li tinżamm ukoll rabta adegwata bejn il-paga u l-prestazzjoni fil-każ ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari meta t-telf x’aktarx li jiġi mgħoddi lill-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. F’każijiet bħal dawn, kwalunkwe remunerazzjoni varjabbli tal-membri tal-korp maniġerjali u tal-maniġment superjuri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li ma tkunx tħallset jew li ma tkunx ġiet vestita jenħtieġ li tiġi kkanċellata. Sakemm membru tal-korp maniġerjali jew tal-maniġment superjuri ma jagħtix prova li ma pparteċipax fi, jew ma kienx responsabbli għal, l-imġiba li rriżultat fi, jew ikkontribwiet għall-falliment tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, ir-remunerazzjoni varjabbli li ġiet vestita jew tħallset fl-24 xahar ta’ qabel id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li tiġi rritornata jew imħallsa lura.

(39)

Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni previst fid-Direttiva 2014/59/UE, il-mezzi finanzjarji disponibbli rispettivi tagħhom jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis żgħir taħt il-livell fil-mira tagħhom, li jirriżulta b’mod partikolari minn żieda fid-depożiti koperti. Għalhekk, l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li x’aktarx jintalab f’dawk iċ-ċirkostanzi x’aktarx li jkun żgħir. Għaldaqstant, huwa possibbli li, wara xi snin, l-ammont ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jibqax proporzjonat meta mqabbel mal-kost tal-ġbir ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jiddifferixxu l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante sa tliet snin sakemm l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat mal-kost tal-proċess tal-ġbir, dment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jużaw arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

(40)

L-impenji ta’ pagament irrevokabbli huma wieħed mill-komponenti tal-mezzi finanzjarji disponibbli tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jissejħu dawk l-impenji ta’ pagament. F’każ li entità ma tibqax soġġetta għall-obbligu li tħallas kontribuzzjonijiet lil arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni wara deċiżjoni li tirrinunzja l-awtorizzazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-impenn ta’ pagament irrevokabbli jiġi kkanċellat. Sabiex jiġi żgurat li l-kanċellazzjoni tal-impenn ta’ pagament irrevokabbli ma twassalx għal sitwazzjoni meta l-mezzi finanzjarji disponibbli fl-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jaqgħu taħt livell li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis adegwat, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tiddetermina kontribuzzjoni li l-entità rilevanti jenħtieġ li tkun meħtieġa tħallas. Fid-deċiżjoni tagħha, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis kif xieraq il-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet parteċipanti kollha, inkluż l-entità li ma tibqax taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa tipprovdi raġunijiet dettaljati għad-deċiżjoni tagħha u tiddivulga dik id-deċiżjoni, inkluż ir-raġunament tagħha, fir-rapport annwali tagħha. Barra minn hekk, sabiex jiġu pprovduti aktar trasparenza u ċertezza fir-rigward tas-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jinġabru, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina tali sehem fuq bażi annwali, soġġett għal-limiti applikabbli. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li jkollha l-għan li tiżgura li kwalunkwe effett proċikliku ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli skont it-trattament kontabilistiku tagħhom jiġi mmitigat.

(41)

L-ammont annwali massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni li jistgħu jiġu eżerċitati bħalissa huwa limitat għal tliet darbiet l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Wara l-perjodu inizjali ta’ akkumulazzjoni previst fid-Direttiva 2014/59/UE, tali kontribuzzjonijiet ex ante ser jiddependu biss, f’ċirkostanzi oħra għajr l-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, fuq varjazzjonijiet fil-livell tad-depożiti koperti u, għalhekk, x’aktarx li jsiru żgħar. L-istabbiliment tal-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji abbażi tal-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ għaldaqstant ikollu l-effett li jillimita drastikament il-possibbiltà li l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jiġbru kontribuzzjonijiet ex post, u b’hekk titnaqqas il-kapaċità tagħhom għal azzjoni. Sabiex jiġi evitat tali eżitu, jenħtieġ li jiġi previst limitu differenti u jenħtieġ li l-ammont massimu ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji li jkunu jistgħu jiġu eżerċitati jiġi stabbilit għal tliet darbiet ta’ wieħed minn kull tmienja tal-livell fil-mira tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni kkonċernat.

(42)

Id-Direttiva 2014/59/UE armonizzat parzjalment il-klassifikazzjoni tad-depożiti skont il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dawk ir-regoli pprevedew klassifikazzjoni tad-depożiti fuq tliet livelli, fejn id-depożiti koperti kellhom il-klassifikazzjoni tal-ogħla prijorità, segwiti minn depożiti eliġibbli ta’ persuni fiżiċi u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ’l fuq mil-livell ta’ kopertura. Id-depożiti li jifdal, jiġifieri d-depożiti ta’ korporazzjonijiet kbar li jaqbżu l-livell ta’ kopertura u d-depożiti li ma humiex eliġibbli għal ripagament mid-DGS, kienu meħtieġa li jkollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa, iżda l-pożizzjoni tagħhom ma kinitx armonizzata mod ieħor. Fl-aħħar nett, il-pretensjonijiet tad-DGS ibbenefikaw mill-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla bħad-depożiti koperti. Madankollu, dik l-armonizzazzjoni parzjali ma wrietx li hija l-aħjar soluzzjoni għall-protezzjoni tad-depożitanti. L-armonizzazzjoni parzjali ħolqot differenzi fit-trattament tad-depożitanti li jifdal fl-Istati Membri, b’mod partikolari minħabba li għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri ddeċidew li jagħtu wkoll preferenza legali lid-depożiti li jifdal. Dawk id-differenzi ħolqu wkoll diffikultajiet fid-determinazzjoni tax-xenarju kontrofattwali ta’ insolvenza għall-gruppi transfruntiera matul il-valwazzjonijiet tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali kellu l-potenzjal li joħloq problemi fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”, b’mod partikolari meta d-depożiti li l-prijorità tagħhom ma tkunx ġiet armonizzata mid-Direttiva 2014/59/UE jiġu kklassifikati fl-istess livell bħall-pretensjonijiet superjuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tad-depożiti fil-ġerarkija attwali tal-pretensjonijiet tiġi emendata.

(43)

Jenħtieġ li l-klassifikazzjoni tad-depożiti tkun armonizzata bis-sħiħ permezz tal-implimentazzjoni ta’ preferenza għad-depożitanti ġenerali, fejn id-depożiti kollha jibbenefikaw minn klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla fuq il-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti, b’eċċezzjonijiet limitati. Preferenza għad-depożitanti ġenerali ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja tad-depożitanti u biex jiġi evitat aktar ir-riskju ta’ assalti bankarji. Il-protezzjoni mtejba tad-depożitanti hija allinjata wkoll mar-rwol ċentrali li għandhom id-depożiti fl-ekonomija reali, bħala l-għodda primarja għat-tfaddil u għall-pagamenti, kif ukoll fl-attività bankarja, fejn id-depożiti jirrappreżentaw sors importanti ta’ finanzjament u huma xprunatur ewlieni ta’ fiduċja fis-sistema bankarja, li ssir ta’ rilevanza partikolari fi żminijiet ta’ stress fis-suq. Barra minn hekk, preferenza għad-depożitanti ġenerali ttejjeb ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi żżid il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni u tnaqqas l-ammont ta’ finanzjament meħtieġ minn dawk l-arranġamenti, minħabba r-riskju aktar baxx ta’ ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” fejn tingħata rikapitalizzazzjoni interna għad-dejn ordinarju mhux garantit. B’mod partikolari, it-tneħħija ta’ depożiti mill-klassi ta’ insolvenza ta’ pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti żżid il-kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna tal-pretensjonijiet ordinarji mhux garantiti li jifdal billi timminimizza r-riskju ta’ ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”. Billi titnaqqas il-probabbiltà li d-depożiti jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti biex jiġi żgurat l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, il-preferenza għad-depożitanti ġenerali tikkontribwixxi sabiex l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna ssir aktar effettiva u kredibbli u twassal għal żieda fit-trasparenza u fiċ-ċertezza legali tal-qafas ta’ riżoluzzjoni. Il-preferenza għad-depożitanti ġenerali tikkontribwixxi wkoll għall-kredibbiltà tal-istrateġiji ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni, minħabba li tissimplifika l-inklużjoni tal-kuntratt ta’ depożitu kollu fil-perimetru tal-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil xerrej privat jew lil istituzzjoni tranżitorja, għall-benefiċċju tar-relazzjoni mal-klijenti u l-valur ta’ franchise tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. Fl-aħħar nett, armonizzazzjoni sħiħa tal-klassifikazzjoni tal-insolvenza tad-depożitanti tkun ta’ benefiċċju mill-perspettiva transfruntiera u ta’ kundizzjonijiet ekwi.

(44)

Huwa xieraq li ċerti depożiti mhux eliġibbli jiġu esklużi mill-preferenza għad-depożitanti ġenerali. B’mod partikolari, jenħtieġ li d-depożiti meħuda minn istituzzjoni ta’ kreditu biex jintużaw għall-konformità mal-MREL ma jibbenefikawx minn preferenza legali, peress li dan ikun inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali li jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet inklużi fl-MREL iġarrbu telf u jikkontribwixxu għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fil-każ tal-falliment tagħha. Jenħtieġ li l-klassifikazzjoni ta’ prijorità ta’ dawn id-depożiti ma tiġix armonizzata mid-Direttiva 2014/59/UE u minflok jenħtieġ li tiġi ddeterminata f’konformità mad-dispożizzjonijiet statutorji u kuntrattwali applikabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-klassifikazzjoni ma tvarjax matul id-durata tad-depożitu, la skont jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkunx awtorizzat l-inklużjoni tiegħu fir-riżorsi eliġibbli għall-MREL u lanqas skont il-maturità residwa tiegħu.

(45)

Jenħtieġ li tinżamm il-klassifikazzjoni attwali tad-depożiti fuq tliet livelli, peress li tipproteġi b’mod qawwi l-pretensjonijiet tad-DGSs u konsegwentement il-mezzi ta’ finanzjament tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-emendi għad-Direttiva 2014/49/UE introdotti bid-Direttiva (UE) 2026/804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) li jinkludu d-depożiti ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħlas lura mid-DGS, huwa xieraq li l-parti ta’ dawk id-depożiti li taqbeż il-livell ta’ kopertura jkollha l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità bħal dik tad-depożiti eliġibbli ta’ persuni fiżiċi u ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ’l fuq mil-livell ta’ kopertura.

(46)

L-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja fejn sett ta’ assi, drittijiet u obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu ttrasferiti lil riċevitur. F’dak il-każ, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollu pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa fl-istralċ sussegwenti tagħha taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dan jista’ jseħħ meta l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jintuża b’konnessjoni mat-telf li l-kredituri kieku kienu jġarrbu, inkluż taħt il-forma ta’ garanziji għal assi u obbligazzjonijiet jew il-kopertura tad-differenza bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti. Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri li tħallew lura fl-istituzzjoni jew l-entità residwa effettivament jassorbu t-telf tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u jtejbu l-possibbiltà ta’ ripagamenti f’insolvenza għax-xibka ta’ sikurezza speċifika għar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li dawk il-pretensjonijiet tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw minn spejjeż raġonevoli mġarrba kif suppost, jikklassifikaw f’insolvenza ’l fuq mill-pretensjonijiet tad-depożitaturi u tad-DGSs. Billi l-kumpens imħallas lill-azzjonisti u lill-kredituri permezz ta’ arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni minħabba ksur tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” għandu l-għan li jikkumpensahom għar-riżultati tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li dak il-kumpens ma jagħtix lok għal pretensjonijiet minn dawk l-arranġamenti.

(47)

Sabiex tiġi żgurata flessibbiltà suffiċjenti u sabiex ikun aktar faċli li d-DGS jintervjenu f’appoġġ għall-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni, meta dawn iwasslu għall-ħruġ mis-suq tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jenħtieġ li jiġu speċifikati ċerti aspetti tal-użu tad-DGS f’riżoluzzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi speċifikat li l-fondi tad-DGS tista’ tintuża biex jiġu appoġġati tranżazzjonijiet ta’ trasferiment li jinkludu depożiti, inkluż depożiti eliġibbli ogħla mil-livell ta’ kopertura pprovdut mid-DGS ikkonċernata, kif ukoll id-depożiti mhux eliġibbli inklużi fil-preferenza għad-depożitanti ġenerali, f’ċerti każijiet u b’kundizzjonijiet ċari. Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni ta’ DGS tkun immirata biex tkopri n-nuqqas fil-valur tal-assi ttrasferiti lil xerrej jew istituzzjoni tranżitorja meta mqabbel mal-valur tad-depożiti ttrasferiti. Meta kontribuzzjoni tkun meħtieġa mix-xerrej bħala parti mit-tranżazzjoni biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tiegħu u tiġi ppreservata l-konformità mar-rekwiżiti kapitali tax-xerrej, jenħtieġ li d-DGS tikkontribwixxi wkoll għal dak il-għan. Jenħtieġ li l-appoġġ ipprovdut minn DGS għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni jieħu l-forma ta’ flus kontanti jew forom oħra, bħal garanziji jew ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tat-telf li jistgħu jimminimizzaw l-impatt tal-appoġġ fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli ta’ dik id-DGS, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu l-kontribuzzjoni tad-DGS biex tilħaq l-iskopijiet tagħha.

(48)

Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tad-DGS f’riżoluzzjoni tkun soġġetta għal ċerti limiti. L-ewwel nett, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni tad-DGS fi kwalunkwe każ ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li ma jaqbiżx l-ammont ta’ depożiti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. It-tieni, jenħtieġ li jiġi żgurat li kwalunkwe intervent mid-DGS f’azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tiddependi primarjament fuq l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna għall-finijiet tar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u tal-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tagħha ma jaqbiżx it-telf li d-DGS iġġarrab f’insolvenza jekk tħallas lid-depożitanti koperti u tissurroga għall-pretensjonijiet tagħhom fuq l-assi tal-istituzzjoni. It-tielet, meta d-DGS tintuża b’appoġġ għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti prinċipalment fit-trasferiment tan-negozju lil akkwirent jew lil istituzzjoni tranżitorja, l-ammont tal-kontribuzzjoni tad-DGS jenħtieġ li ma jaqbiżx is-62,5 % tal-livell fil-mira tagħha, sakemm l-awtorità deżinjata skont id-Direttiva 2014/49/UE ma tagħżilx li ma tapplikax dak il-limitu biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja jew biex jiġi ppreservat l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom. Jenħtieġ li l-EBA toħroġ linji gwida dwar il-kundizzjonijiet għad-diżapplikazzjoni ta’ dak il-limitu. Ir-raba’, jenħtieġ li l-ammont tal-kontribuzzjoni tad-DGS ma jaqbiżx id-differenza bejn l-assi ttrasferiti u d-depożiti u l-obbligazzjonijiet ittrasferiti bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla f’insolvenza minn dawk id-depożiti. Dan jiżgura li l-kontribuzzjoni tad-DGS tintuża biss għall-fini li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ telf fuq id-depożitanti, meta xieraq, u mhux għall-protezzjoni tal-kredituri li jikklassifikaw taħt id-depożiti f’insolvenza. Madankollu, meta rilevanti, il-kontribuzzjoni tista’ tinkludi wkoll ammont meħtieġ biex tiġi żgurata n-newtralità kapitali tal-entità riċeventi.

(49)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat li d-DGS għandha tkun tista’ tikkontribwixxi biss għal trasferiment ta’ obbligazzjonijiet għajr depożiti koperti fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi, każ b’każ, li d-depożiti inklużi fil-preferenza għad-depożitanti ġenerali għajr depożiti koperti ma jistgħux jiġu rikapitalizzati internament, u lanqas jitħallew fl-istituzzjoni residwa taħt riżoluzzjoni li ser tiġi stralċata, u jekk il-kundizzjonijiet għall-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ma jiġux issodisfati permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-azzjonisti u l-kredituri. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titħalla tevita l-allokazzjoni tat-telf għal dawk id-depożiti fejn l-esklużjoni tkun strettament meħtieġa u proporzjonata biex tiġi ppreservata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u tal-linji ta’ negozju ewlenin jew fejn meħtieġ biex jiġu evitati kontaġju mifrux u instabbiltà finanzjarja, li jistgħu jikkawżaw tfixkil serju fl-ekonomija tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Jenħtieġ li l-istess raġunijiet japplikaw għall-inklużjoni fit-trasferiment lil xerrej jew lil istituzzjoni tranżitorja ta’ obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna oħra bi klassifikazzjoni ta’ prijorità aktar baxxa minn dik tad-depożiti koperti. F’dak il-każ, jenħtieġ li t-trasferiment ta’ dawk l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna ma jkunx appoġġat mill-kontribuzzjoni tad-DGS. Jekk ikun meħtieġ kwalunkwe appoġġ finanzjarju estern għat-trasferiment ta’ dawk l-obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, jenħtieġ li dak l-appoġġ jiġi pprovdut permezz tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni.

(50)

Minħabba l-possibbiltà li d-DGS tintuża f’riżoluzzjoni, jeħtieġ li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonijiet li taħthom il-kontribuzzjoni tad-DGS tista’ tgħodd għall-konformità mar-rekwiżiti għall-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tkun disponibbli biss għal istituzzjonijiet ta’ kreditu b’valur totali ta’ assi ugwali għal jew inqas minn EUR 80 biljun u fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni li tiddependi primarjament fuq l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja. Sabiex jiġi żgurat li r-riżoluzzjoni tkompli tiġi ffinanzjata primarjament mir-riżorsi interni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, l-użu tal-kontribuzzjoni tad-DGS biex jiġi żgurat l-aċċess għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkun possibbli biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għalihom, fl-24 xahar preċedenti qabel ma tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni, il-pjan ta’ riżoluzzjoni jew il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma jipprevedix l-istralċ tagħhom b’mod ordnat f’każ ta’ falliment, minħabba li l-MREL iddeterminat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għal dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġie stabbilit f’livell li jinkludi kemm l-assorbiment tat-telf kif ukoll l-ammonti ta’ rikapitalizzazzjoni. Jenħtieġ li l-MREL stabbilit mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu b’valur totali tal-assi fuq bażi individwali ogħla minn EUR 30 biljun jikkonforma mal-livelli minimi tal-MREL għal istituzzjonijiet u entitajiet bi strateġiji ta’ riżoluzzjoni preferuti li jipprevedu primarjament l-użu ta’ għodod ta’ trasferiment f’riżoluzzjoni, anki jekk il-pjan ta’ riżoluzzjoni jew il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp rispettiv kien ippreveda azzjonijiet differenti u għalhekk l-MREL ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma kienx soġġett għal dawk il-livelli minimi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tad-DGS tkun preċeduta mill-kontribuzzjoni ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli lejn l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni sal-massimu possibbli. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jkun possibbli l-Istati Membri jirrikjedu li l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ma tridx tkun kisret l-MREL tagħha, inkluż il-miri intermedji vinkolanti, f’ċertu perjodu qabel l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, mingħajr preġudizzju għall-ksur tekniku fuq terminu qasir tal-MREL.

(51)

Jekk il-kontribuzzjoni magħmula mill-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni permezz ta’ tnaqqis, valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-obbligazzjonijiet tagħhom jew permezz tat-telf li huma mistennija jġarrbu fl-istralċ tal-entità residwa, miżjuda mal-kontribuzzjoni magħmula mid-DGS, tammonta għal mill-inqas 8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni inkluż il-fondi proprji, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni sabiex tipprovdi finanzjament ulterjuri meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata riżoluzzjoni effettiva f’konformità mal-objettivi tar-riżoluzzjoni. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tad-DGS tkun limitata għall-ammont meħtieġ biex ikun permess aċċess għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, għal istituzzjoni ta’ kreditu b’valur totali tal-assi fuq bażi individwali ta’ bejn EUR 30 biljun u EUR 80 biljun, jenħtieġ li l-kontribuzzjoni tad-DGS ma taqbiżx it-2,5 % tal-obbligazzjonijiet totali inkluż il-fondi proprji tal-istituzzjoni ta’ kreditu fuq bażi individwali.

(52)

F’ċirkostanzi straordinarji, jista’ jiġri li l-kontribuzzjoni tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ta’ 5 % tal-obbligazzjonijiet totali inkluż il-fondi proprji ma tkunx biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni partikolari. F’każijiet bħal dawn, u meta dik il-kontribuzzjoni tkun ġiet permessa mill-intervent tad-DGS, jenħtieġ li d-DGS tagħmel kontribuzzjoni addizzjonali, taħt ċerti kundizzjonijiet, ugwali għall-ammont ta’ telf li d-depożiti koperti kienu jġarrbu li kieku ma kinux protetti. Jenħtieġ li l-kost ta’ dik il-kontribuzzjoni addizzjonali ma għandux jaqbeż it-telf li d-DGS kienet iġġarrab fix-xenarju ipotetiku ta’ stralċ skont proċedimenti normali ta’ insolvenza u l-ħlas lura ta’ depożiti koperti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ammont totali tal-kontribuzzjoni inizjali u tal-kontribuzzjoni addizzjonali tad-DGS ma jaqbiżx l-ammont ta’ depożiti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata. Flimkien mal-kontribuzzjoni addizzjonali tad-DGS, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tfittex aktar finanzjament minn sorsi ta’ finanzjament alternattivi, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal dak il-finanzjament.

(53)

Meta l-fondi tad-DGS jintużaw fl-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, b’mod iżolat jew flimkien ma’ kontribuzzjonijiet mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-entità residwa li jifdal wara t-trasferiment tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet tiġi stralċata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, skont l-Artikolu 37(6) tad-Direttiva 2014/59/UE. Barra minn hekk, meta l-fondi tad-DGS jintużaw b’appoġġ għall-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, jenħtieġ li l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tranżitorja jiġu tterminati f’konformità mal-Artikolu 41(3), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(54)

Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-adozzjoni ta’ aspetti tekniċi ħafna tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, u jittejbu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-mandati mogħtija lill-EBA biex tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni jiġu riveduti biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-diversi mandati li jinsabu fid-Direttiva 2014/59/UE. Jenħtieġ li dawk il-mandati jiġu allinjati wkoll mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rappurtar u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni superviżorja stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li dawk l-emendi għall-mandati eżistenti jiffaċilitaw rieżamijiet futuri tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u li ma jkunux maħsuba biex jaffettwaw l-obbligi ta’ rappurtar u divulgazzjoni li huma attwalment applikabbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-EBA permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji eżistenti dwar l-istima tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u tar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jiġi estiż biex jinkludi entitajiet li ma ġewx identifikati bħala entitajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn dawk ir-rekwiżiti ma jkunux ġew stabbiliti fuq l-istess bażi bħall-MREL. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE billi tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-EBA permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(55)

Sabiex tippermetti integrazzjoni akbar tar-rappurtar u d-divulgazzjonijiet relatati mal-MREL, jenħtieġ li l-EBA tippubblika d-divulgazzjonijiet tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet b’mod ċentralizzat, filwaqt li tirrispetta d-dritt tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet kollha li jippubblikaw id-data u l-informazzjoni huma stess. Jenħtieġ li tali divulgazzjonijiet ċentralizzati jippermettu lill-EBA tippubblika d-divulgazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, abbażi tal-informazzjoni rrappurtata minn dawk l-istituzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv li għalih huma soġġetti l-istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi. Fl-istess ħin, jenħtieġ li ċ-ċentralizzazzjoni tad-divulgazzjonijiet ma jkollha l-ebda impatt fuq l-ispejjeż għal istituzzjonijiet u entitajiet oħra, u jenħtieġ li żżid it-trasparenza u tnaqqas l-ispiża tal-aċċess għall-informazzjoni prudenzjali għall-parteċipanti fis-suq. Jenħtieġ li tali trasparenza miżjuda tiffaċilita l-komparabbiltà tad-data fost l-istituzzjonijiet u l-entitajiet u tippromwovi d-dixxiplina fis-suq. Iċ-ċentralizzazzjoni tad-divulgazzjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni tiżgura allinjament mal-proċedura applikabbli għad-divulgazzjonijiet superviżorji kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jiġi żgurat li l-obbligi kollha ta’ divulgazzjoni jiġu ttrattati b’mod simili.

(56)

Fid-dawl tar-rwol tagħha fit-tisħiħ tal-konverġenza tal-prattiki tal-awtoritajiet, jenħtieġ li l-EBA timmonitorja u tirrapporta dwar il-prattiki u l-metodoloġiji interni adottati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni meta tiddeċiedi jekk istituzzjoni jew entità għandhiex tiġi mmarkata għal riżoluzzjoni jew stralċ taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, fid-dawl tal-objettivi tar-riżoluzzjoni u ta’ jekk ir-riżoluzzjoni tkunx fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li l-EBA timmonitorja u tirrapporta wkoll dwar il-progress li jkun sar mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tittejjeb ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u l-gruppi u dwar l-azzjonijiet u t-tħejjijiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni. F’dawk ir-rapporti, jenħtieġ li l-EBA tivvaluta wkoll il-livell ta’ trasparenza tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni lejn il-partijiet ikkonċernati esterni rilevanti u l-firxa tal-kontribut tagħhom għat-tħejjija għar-riżoluzzjoni u għar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u l-gruppi.

(57)

Fil-kuntest tal-kompiti tal-EBA li tikkontribwixxi biex tiżgura reġim koerenti u kkoordinat għall-immaniġġar u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet fl-Unjoni, jenħtieġ li l-EBA tikkoordina u tissorvelja eżerċizzji ta’ simulazzjoni tal-immaniġġar tal-kriżijiet madwar l-Unjoni kollha. Jenħtieġ li dawk is-simulazzjonijiet ikopru l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni matul id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet, l-ittestjar tal-applikazzjoni tas-sett ta’ għodod fl-ippjanar tal-irkupru u tar-riżoluzzjoni, l-intervent bikri, u r-riżoluzzjoni b’mod olistiku. Jenħtieġ li dawk l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni tal-kriżijiet jikkunsidraw b’mod partikolari d-dimensjoni transfruntiera fl-interazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-applikazzjoni tal-għodod u s-setgħat disponibbli. Fejn rilevanti, jenħtieġ li l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni tal-kriżijiet ikopru wkoll l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni fl-unjoni bankarja, skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(58)

Minkejja r-regoli attwalment applikabbli dwar is-segretezza professjonali, jenħtieġ li jittejbu l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa. Jenħtieġ li dawn l-iskambji jsiru f’konformità mal-liġi nazzjonali. Meta dik l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li tiġi skambjata biss bil-kunsens espress tal-awtorità rilevanti li tkun iddivulgatha.

(59)

Id-Direttiva (UE) 2019/879 emendat id-Direttiva 2014/59/UE biex tintroduċi regoli ddedikati biex jiġi żgurat li l-klijenti mhux professjonali ma jinvestux b’mod eċċessiv fi strumenti li huma eliġibbli għall-MREL ta’ istituzzjonijiet u entitajiet. Iż-żamma eċċessiva ta’ strumenti tal-MREL minn klijenti mhux professjonali tista’ tkun ta’ detriment għar-riżolvibbiltà ta’ istituzzjoni jew entità u tista’ toħloq problemi għall-istabbiltà finanzjarja. Dan jista’ jkun partikolarment problematiku meta l-klijenti mhux professjonali jkunu wkoll depożitanti tal-istituzzjoni emittenti, peress li dawk id-depożitanti huma partikolarment vulnerabbli għat-tqegħid mhux xieraq tal-istrumenti proprji tal-istituzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet jiżguraw li l-bejjiegħa, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jikkonformaw mal-miżuri adottati mill-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/879 biex jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti mhux professjonali. Meta dawk il-miżuri ma jkunux qed jiġu applikati b’mod xieraq, jenħtieġ li l-awtoritajiet jinfurzaw dawk ir-regoli. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti setgħat iddedikati fid-Direttiva 2014/59/UE biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ konformità mar-regoli ddedikati dwar il-protezzjoni tal-klijenti mhux professjonali, flimkien mas-setgħat eżistenti fid-Direttiva 2014/65/UE. Barra minn hekk, bl-użu tar-rappurtar eżistenti għall-ippjanar ta’ riżoluzzjoni u għall-finijiet tal-MREL, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw in-natura tal-bażi tal-investituri fl-istrumenti eliġibbli għall-MREL meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet u, fejn meħtieġ, jirrikjedu li l-istituzzjoni jew l-entità tindirizza jew tneħħi kwalunkwe impediment li jinstab. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-EBA, f’koordinazzjoni mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), tirrapporta dwar il-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jipproteġu lill-klijenti mhux professjonali fir-rigward tal-istrumenti ta’ dejn li jkunu eliġibbli għall-MREL skont id-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li tqabbel u tivvaluta kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-operazzjonijiet transfruntieri. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta leġiżlattiva biex tiżgura protezzjoni aktar effettiva tal-klijenti mhux professjonali.

(60)

Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ kwalità għolja hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ proposti leġiżlattivi tajbin u bbażati fuq l-evidenza, filwaqt li l-fatti u l-evidenza huma kruċjali biex jinformaw id-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċedura leġiżlattiva. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-EBA, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-BĊE jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, bl-informazzjoni kollha li teħtieġ għall-kompiti relatati mal-iżvilupp tal-politika tagħha, inkluż it-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tal-impatt u t-tħejjija u n-negozjar ta’ proposti leġiżlattivi. Meta dik l-informazzjoni ma tkunx disponibbli għall-EBA, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew il-BĊE, jenħtieġ li din tiġi pprovduta mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti u membri oħra tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali.

(61)

Meta titqies il-ħtieġa li tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja u li tittieħed azzjoni malajr, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux soġġetti għall-proċeduri għall-akkwist fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ta’ valwazzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni u ta’ valutazzjoni ta’ jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jirċievu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza. Għalhekk jenħtieġ li s-servizzi pprovduti jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20). Rigward is-servizzi legali li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollhom bżonn, ċerti servizzi legali diġà huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva u oħrajn huma inklużi fil-lista ta’ servizzi stabbilita fl-Anness XIV ta’ dik id-Direttiva li għalihom japplikaw limiti ogħla u regoli armonizzati eħfef.

(62)

Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-qafas ta’ rkupru u riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-riskji li l-approċċi nazzjonali diverġenti jistgħu jinvolvu għall-integrità tas-suq intern, iżda pjuttost jistgħu, billi jiġu emendati r-regoli li diġà huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(63)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttivi 2014/59/UE u 2014/24/UE jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/59/UE

Id-Direttiva 2014/59/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)

‘sussidjarja’ tfisser sussidjarja kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (16), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u għall-fini li jiġu applikati l-Artikoli 7, 12, 17, 18, 45 sa 45 m, 59 sa 62, 91 u 92 ta’ din id-Direttiva għall-gruppi ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-punt (83b)(b) ta’ dan il-paragrafu, tinkludi, fejn u kif adatt, istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, il-korp ċentrali nnifsu, u s-sussidjarji rispettivi tagħhom, b’kont meħud tal-mod kif tali gruppi ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mal-Artikolu 45e(3) ta’ din id-Direttiva;”

;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(28a)

‘miżura alternattiva tas-settur privat’ tfisser kwalunkwe appoġġ li ma jikkwalifikax bħala appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;”

;

(c)

il-punt (35) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(35)

‘funzjonijiet kritiċi’ tfisser attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, aktarx iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabbiltà finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet;”

;

(d)

il-punt (71) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(71)

‘obbligazzjonijiet rikapitalizzabbli internament’ tfisser obbligazzjonijiet, inkluż obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert, u strumenti kapitali li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jew bħala strumenti tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 Addizzjonali ta’ istituzzjoni jew entità kif imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), u li mhumiex esklużi mill-ambitu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2);”

;

(e)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(71aa)

‘obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert’ tfisser obbligazzjonijiet ibbażati fuq obbligi preżenti li jirriżultaw minn eventi passati li jirriżultaw f’telf u li t-twaqqit jew l-ammont tiegħu jkun inċert;”

;

(f)

il-punt (71b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(71b)

‘strumenti eliġibbli subordinati’ tfisser strumenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għajr l-Artikolu 72b(3), (4) u (5) ta’ dak ir-Regolament, u, meta applikabbli, fl- Artikolu 45b(1a) ta’ din id-Direttiva;”

;

(g)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(72a)

‘awtorità deżinjata’ tfisser awtorità deżinjata kif iddefinita fl-Artikolu 2(1), il-punt (18) tad-Direttiva 2014/49/UE;”

;

(h)

fil-punt (83b), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali u l-korp ċentrali stess meta għall-inqas waħda minn dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji jew il-korp ċentrali jkunu entità ta’ riżoluzzjoni, u s-sussidjarji rispettivi tagħhom;”

;

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(83d)

‘G-SII mhux tal-UE’ tfisser G-SII mhux tal-UE kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (134) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(83e)

‘entità G-SII’ tfisser entità G-SII kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (136) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;”

;

(j)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(93a)

‘depożitu’ tfisser, għall-finijiet tal-Artikoli 108 u 109 ta’ din id-Direttiva, depożitu kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (3), tad-Direttiva 2014/49/UE;”

;

(2)

fl-Artikolu 5, il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jaġġornaw il-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom tal-anqas darba fis-sena jew wara bidla fl-istruttura legali jew organizzattiva tal-istituzzjoni, in-negozju jew is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li jista’ jkollha effett materjali fuq il-pjan ta’ rkupru jew teħtieġ bidla materjali fih. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu lill-istituzzjonijiet jaġġornaw il-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom aktar ta’ spiss.

Fin-nuqqas tal-bidliet imsemmija fl-ewwel subparagrafu fi żmien 12-il xahar wara l-aħħar aġġornament annwali tal-pjan ta’ rkupru, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrinunzjaw b’mod eċċezzjonali, sal-perjodu ta’ 12-il xahar sussegwenti, l-obbligu li jaġġornaw il-pjan ta’ rkupru. Din ir-rinunzja tista’ tingħata għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar.

3.   Il-pjanijiet ta’ rkupru ma għandhomx jassumu l-aċċess għal jew ir-riċevuta ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;

(b)

assistenza ta’ likwidità f’emerġenza mill-bank ċentrali;

(c)

assistenza ta’ likwidità minn bank ċentrali pprovduta taħt termini ta’ kollateralizzazzjoni, maturità jew rata tal-imgħax mhux standard.

4.   Il-pjanijiet ta’ rkupru għandhom jinkludu, fejn applikabbli, analiżi ta’ kif u meta istituzzjoni tista’ tapplika, fil-kundizzjonijiet indirizzati mill-pjan ta’ rkupru, għall-użu ta’ faċilitajiet ta’ bank ċentrali mhux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-pjan skont il-paragrafu 3 u tidentifika dawk l-assi li jkunu mistennija li jikkwalifikaw bħala kollateral.”

;

(3)

fl-Artikolu 6(5), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn l-awtorità kompetenti tivvaluta li hemm defiċjenzi materjali fil-pjan ta’ rkupru, jew impedimenti materjali għall-implimentazzjoni tiegħu, hija għandha tinnotifika lill-istituzzjoni jew lill-intrapriża prinċipali tal-grupp bil-valutazzjoni tagħha u titlob li l-istituzzjoni tippreżenta, fi żmien tliet xhur, li jista’ jiġi estiż b’xahar bl-approvazzjoni tal-awtorità, pjan rivedut li juri kif dawk id-defiċjenzi jew l-impedimenti ser jiġu indirizzati.”

;

(4)

fl-Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti, tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jaslu għal deċiżjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(5)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tadotta pjan ta’ riżoluzzjoni meta jkunu nbdew il-proċedimenti għall-istralċ ta’ istituzzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 32b, jew meta japplika l-Artikolu 37(6).”

;

(b)

fil-paragrafu 7, il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j)

deskrizzjoni dettaljata tal-istrateġiji differenti ta’ riżoluzzjoni li jistgħu jiġu applikati skont ix-xenarji differenti possibbli u l-perjodi ta’ żmien applikabbli, u kif dawk l-istrateġiji jilħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni;”

;

(6)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)

il-metodi u l-arranġamenti għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-frekwenza u d-dati tal-għeluq għall-preżentazzjoni tar-rappurtar imsemmi fil-punt (a).

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Mejju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

4.   L-EBA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT, fosthom mudelli ta’ rappurtar, standards tad-data, formati u struzzjonijiet, għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”

;

(7)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’konformità mal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-pjan ta’ riżoluzzjoni għandu jidentifika l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni u l-gruppi ta’ riżoluzzjoni u, fejn xieraq, l-entitajiet ta’ likwidazzjoni għal kull grupp.”

;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta jkunu qed jidentifikaw il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-sussidjarji msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), li ma jkunux entitajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jsegwu approċċ proporzjonat, jekk tali approċċ ma jaffettwax b’mod negattiv ir-riżolvibbiltà tal-grupp, filwaqt li jqisu d-daqs tas-sussidjarja, il-profil tar-riskju tagħha, ir-rwol tagħha fil-forniment ta’ funzjonijiet kritiċi u ta’ linji ta’ negozju ewlenin, l-importanza tagħha għall-kontinwità operazzjonali tal-grupp wara r-riżoluzzjoni u l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu kif xieraq l-importanza tas-sussidjarja fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita, inkluż l-importanza sistemika potenzjali tagħha, u l-impatt potenzjali tagħha fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

Meta jkunu nbdew proċedimenti għall-istralċ ta’ entità f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 32b, jew fejn japplika l-Artikolu 37(6), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jibqgħu jinkludu dik l-entità fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandu jitfassal abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 11 u għandu jinkludi l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(4) u (7) sa fejn ikunu rilevanti mill-perspettiva ta’ pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   L-EBA għandha tissorvelja l-metodoloġiji u l-prattiki tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex jiddeċiedu, fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, jekk jallokawx istituzzjonijiet jew entitajiet għal riżoluzzjoni jew għal stralċ taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza u biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fix-xenarji msemmija fl-Artikolu 10(3) u fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 32(5).

L-EBA għandha tippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar il-metodoloġiji u l-prattiki eżistenti tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u dwar kwalunkwe diverġenza bejn l-Istati Membri sal-11 ta’ Mejju 2031.

Ir-rapport imsemmi fit-tieni subparagrafu għandu jkopri mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp u tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, l-approċċi u l-metodoloġiji interni biex jintgħażlu l-miżuri li għandhom jittieħdu, b’mod partikolari l-kriterji għall-pjan ta’ riżoluzzjoni jew għall-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp biex tiġi prevista azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni jew għall-istralċ taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza;

(b)

fir-rigward tal-entitajiet ta’ riżoluzzjoni, l-approċċi u l-metodoloġiji interni biex jintgħażlu l-istrateġiji ta’ riżoluzzjoni ppreferuti u varjanti u l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li għandhom jittieħdu;

(c)

l-approċċi proporzjonati segwiti mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu.”

;

(8)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), għandhom jippreżentaw lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħhom l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 11. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jeħtieġu informazzjoni skont l-Artikolu 11 għall-entitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom għandhom jibagħtu l-informazzjoni li jirċievu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

Dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità stipulati f’din id-Direttiva, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tibgħat l-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ dan il-paragrafu lil:

(a)

l-EBA;

(b)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji;

(c)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet li fihom jinsabu fergħat sinifikattivi sa fejn ikun rilevanti għall-fergħa sinifikattiva;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikoli 115 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE; u

(e)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn ikunu stabbiliti l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (c) u (d).”

;

(b)

fil-paragrafu 4, ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fuq talba ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, l-EBA tista’ tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(9)

fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-EBA għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u tal-gruppi mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. L-EBA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar il-prattiki eżistenti dwar il-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u dwar diverġenzi possibbli bejn l-Istati Membri sal-11 ta’ Mejju 2028.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkopri mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tal-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, fosthom l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ diverġenza possibbli madwar l-Istati Membri;

(b)

valutazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ ttestjar meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni;

(c)

il-livell ta’ trasparenza lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex iwettqu valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà u l-eżitu ta’ dawk il-valutazzjonijiet.”

;

(10)

fl-Artikolu 16a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Meta entità ta’ riżoluzzjoni jew entità li ma tkunx hi stess entità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx soġġetta għar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata fuq l-istess bażi bħal dik li fuqha tkun meħtieġa tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 45c u 45d ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw il-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-Artikolu abbażi tar-rekwiżit ta’ riżerva kombinata li jirriżulta mill-metodoloġija stabbilita fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 45c(4) ta’ din id-Direttiva. Għandu japplika l-Artikolu 128, ir-raba’ paragrafu, tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinkludi r-rekwiżit ta’ riżerva kombinata stmat imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fid-deċiżjoni li tiddetermina r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 45c u 45d. L-entità għandha tagħmel ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata stmat disponibbli għall-pubbliku flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 45i(3).”

;

(11)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li l-miżuri proposti mill-entità kkonċernata effettivament inaqqsu jew ineħħu l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tieħu deċiżjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti. Dik id-deċiżjoni għandha tindika li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ivvalutat il-miżuri proposti bħala adegwati biex effettivament jitnaqqsu jew jitneħħew l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà u għandha tirrikjedi li l-entità timplimenta l-miżuri proposti.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom tal-inqas is-setgħa li jieħdu kwalunkwe miżura minn dawn li ġejjin:”

;

(12)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, f’kooperazzjoni mas-superviżur konsolidanti, għandha tħejji u tippreżenta rapport lill-intrapriża prinċipali tal-Unjoni, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, li għandhom jipprovduh lis-sussidjarji li jaqgħu taħt il-mandat tagħhom, u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet li fihom jinsabu fergħat sinifikanti. Ir-rapport għandu jitħejja wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, u għandu janalizza l-impedimenti sostantivi għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni u għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-grupp, kif ukoll fir-rigward tal-gruppi ta’ riżoluzzjoni meta grupp ikun magħmul minn aktar minn grupp ta’ riżoluzzjoni wieħed. Ir-rapport għandu jqis l-impatt fuq il-mudell ta’ negozju tal-grupp u jirrakkomanda kwalunkwe miżura proporzjonata u mmirata li, fil-fehma tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, tkun meħtieġa jew xierqa sabiex jitneħħew dawk l-impedimenti.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tikkomunika kwalunkwe miżura proposta mill-intrapriża prinċipali tal-Unjoni lis-superviżur konsolidanti, lill-EBA, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet li fihom jinsabu fergħat sinifikattivi sa fejn dik il-miżura tkun rilevanti għal dawk il-fergħat sinifikattivi. Wara li jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet li fihom jinsabu fergħat sinifikattivi, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaslu għal deċiżjoni konġunta fi ħdan il-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ impedimenti sostantivi, u jekk ikun meħtieġ, tal-valutazzjoni tal-miżuri proposti mill-intrapriża prinċipali tal-Unjoni u tal-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew dawk l-impedimenti, li għandhom iqisu l-impatt potenzjali tal-miżuri fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp.”

;

(c)

il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta dwar it-teħid ta’ kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikolu 17(5), il-punt (g), (h) jew (k), ta’ din id-Direttiva l-EBA tista’, fuq it-talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafu 6, 6a jew 7 ta’ dan l-Artikolu, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jaslu għal ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(13)

l-Artikoli 27 u 28 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Miżuri ta’ intervent bikri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jqisu mingħajr dewmien żejjed u, jekk ikun xieraq, japplikaw miżuri ta’ intervent bikri meta istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d):

(a)

tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 102 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 38 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jew l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat, fil-kuntest ta’ proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni superviżorji f’konformità mal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE, li l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-istituzzjoni jew mill-entità u l-fondi proprji u l-likwidità miżmuma minn dik l-istituzzjoni jew l-entità ma jiżgurawx ġestjoni tajba u kopertura tajba tar-riskji tagħha, u tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-istituzzjoni jew l-entità ma tkunx ħadet l-azzjonijiet ta’ rimedju meħtieġa mill-awtorità kompetenti, fosthom il-miżuri msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(ii)

l-awtorità kompetenti tqis li l-azzjonijiet ta’ rimedju għajr il-miżuri ta’ intervent bikri ma humiex biżżejjed biex jindirizzaw il-problemi ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità;

(b)

tikser ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45e jew 45f ta’ din id-Direttiva; jew

(c)

tikser jew x’aktarx tikser, fit-12-il xahar wara l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti, kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu II tad-Direttiva 2014/65/UE jew fl-Artikoli 3 sa 7, 14 sa 17 jew 24, 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

L-awtorità kompetenti tista’ tiddetermina li l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a)(ii), ta’ dan il-paragrafu, hija ssodisfata mingħajr ma qabel tkun ħadet azzjonijiet ta’ rimedju oħra, inkluż l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 39 tad-Direttiva (UE) 2019/2034.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (c), ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (26), tad-Direttiva 2014/65/UE jinfurmaw lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien bil-ksur jew bil-ksur li x’aktarx iseħħ.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-miżuri ta’ intervent bikri għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità li jew:

(i)

jimplimenta arranġament wieħed jew miżura waħda jew aktar minn dawk stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru; jew

(ii)

jaġġorna l-pjan ta’ rkupru f’konformità mal-Artikolu 5(2), meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-intervent bikri jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru inizjali, u jimplimenta arranġament wieħed jew miżura waħda jew aktar minn dawk stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru aġġornat f’perjodu ta’ żmien speċifiku;

(b)

ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità jsejjaħ jew, jekk il-korp maniġerjali jonqos milli jikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit, is-sejħa diretta mill-awtorità kompetenti ta’ laqgħa tal-azzjonisti tal-istituzzjoni jew tal-entità u, fiż-żewġ każijiet, jistabbilixxi l-aġenda u jitlob li ċerti deċiżjonijiet jitqiesu għall-adozzjoni mill-azzjonisti;

(c)

ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità jfassal pjan, f’konformità mal-pjan ta’ rkupru, fejn applikabbli, għan-negozjar dwar ir-ristrutturar tad-dejn ma’ xi wħud mill-kredituri tiegħu jew magħhom kollha;

(d)

ir-rekwiżit li tinbidel l-istruttura legali tal-istituzzjoni jew tal-entità;

(e)

ir-rekwiżit li jitneħħa, jew li jiġi sostitwit f’konformità mal-Artikolu 28, il-maniġment superjuri jew il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità fl-intier tiegħu jew fir-rigward ta’ individwi;

(f)

il-ħatra ta’ amministratur temporanju wieħed jew aktar għall-istituzzjoni jew l-entità f’konformità mal-Artikolu 29;

(g)

ir-rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità jfassal pjan li l-istituzzjoni jew l-entità tkun tista’ timplimenta f’każ li tiddeċiedi li tibda stralċ volontarju tal-attivitajiet tagħha.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-miżuri ta’ intervent bikri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu abbażi ta’ dak li huwa proporzjonat għall-objettivi mixtieqa, filwaqt li jqisu s-serjetà tal-ksur jew tal-ksur li x’aktarx iseħħ u l-ħeffa tad-deterjorament fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) jew (d), fost informazzjoni rilevanti oħra.

4.   Għal kull waħda mill-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu skadenza għall-implimentazzjoni li għandha tkun strettament limitata għaż-żmien meħtieġ biex il-miżura kkonċernata tiġi implimentata taħt kundizzjonijiet raġonevoli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu evalwazzjoni tal-effettività tal-miżura immedjatament wara l-iskadenza u għandhom jaqsmu dik l-evalwazzjoni mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Meta l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ intervent bikri ma jkunux ġew implimentati b’mod sħiħ jew ma jkunux effettivi, l-awtorità kompetenti tista’ twettaq valutazzjoni biex tistabbilixxi jekk il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (a), hijiex issodisfata.

5.   L-EBA għandha, sal-11 ta’ Mejju 2028, toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 biex tippromwovi l-applikazzjoni konsistenti tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 28

Sostituzzjoni tal-maniġment superjuri jew tal-korp maniġerjali

Għall-finijiet tal-Artikolu 27(2), il-punt (e), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġment superjuri jew il-korp maniġerjali l-ġdid, jew il-membri individwali tiegħu, jinħatru f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali u li tali ħatriet ikunu soġġetti għall-approvazzjoni jew għall-kunsens tal-awtorità kompetenti.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/600/oj).”;"

(14)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 27(2), il-punt (f), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, abbażi ta’ dak li jkun proporzjonat fiċ-ċirkostanzi, jaħtru amministratur temporanju wieħed jew aktar biex:

(a)

jissostitwixxu temporanjament il-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d); jew

(b)

jaħdmu temporanjament mal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d).

Fil-mument tal-ħatra tal-amministratur temporanju, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika jekk dik il-ħatra tkunx għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (a) jew (b).

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), fil-mument tal-ħatra l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika aktar ir-rwol, il-kompiti u s-setgħat tal-amministratur temporanju u kwalunkwe rekwiżit li l-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità jikkonsulta jew jikseb il-kunsens tal-amministratur temporanju qabel ma jieħu deċiżjonijiet jew azzjonijiet speċifiċi.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtorità kompetenti tagħmel pubblika l-ħatra ta’ kwalunkwe amministratur temporanju, ħlief meta l-amministratur temporanju ma jkollux is-setgħa li jirrappreżenta lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe amministratur temporanju jkollu għarfien, ħiliet u esperjenza suffiċjenti biex iwettaq il-kompiti tiegħu u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 91(2) u (2a) tad-Direttiva 2013/36/UE. Il-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti dwar jekk l-amministratur temporanju jkollux it-tali għarfien, ħiliet u esperjenza u jikkonformax ma’ dawk ir-rekwiżiti għandha tkun parti integrali mid-deċiżjoni li jinħatar dak l-amministratur temporanju.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika s-setgħat tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu, abbażi ta’ dak li jkun proporzjonat fiċ-ċirkostanzi. Tali setgħat jistgħu jinkludu xi wħud mis-setgħat jew is-setgħat kollha tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), skont l-istatuti tal-istituzzjoni jew tal-entità u skont il-liġi nazzjonali, fosthom is-setgħa li jiġu eżerċitati xi wħud mill-funzjonijiet amministrattivi jew il-funzjonijiet amministrattivi kollha tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew tal-entità. Is-setgħat tal-amministratur temporanju b’rabta mal-istituzzjoni jew mal-entità għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-kumpaniji applikabbli. L-awtorità kompetenti tista’ taġġusta tali setgħat f’każ li jinbidlu ċ-ċirkostanzi.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu jew tagħha. Tali rwol u funzjonijiet jistgħu jinkludu:

(a)

l-aċċertament tal-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d);

(b)

il-ġestjoni tan-negozju jew ta’ parti min-negozju tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), biex tiġi ppreservata jew restawrata l-pożizzjoni finanzjarja tagħha;

(c)

it-teħid ta’ miżuri biex tiġi restawrata l-ġestjoni soda u prudenti tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d);

(d)

l-iżgurar tal-konformità mill-istituzzjoni jew mill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ma’ kwalunkwe rekwiżit skont l-Artikolu 30a(3), it-tieni subparagrafu, (4), l-ewwel subparagrafu, jew (5).

L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika kwalunkwe limitu fuq ir-rwol u l-funzjonijiet tal-amministratur temporanju fil-mument tal-ħatra tiegħu jew tagħha.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fi kwalunkwe każ, l-amministratur temporanju jista’ jeżerċita s-setgħa li jsejjaħ laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1) il-punt (b), (c) jew (d), u li jistabbilixxi l-aġenda ta’ tali laqgħa f’każ biss li jkollu l-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti.”

;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-amministratur temporanju għandu jfassal rapporti dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), u dwar l-atti mwettqa matul il-mandat tiegħu, f’intervalli stabbiliti mill-awtorità kompetenti. L-amministratur temporanju għandu xorta waħda jfassal tali rapport fi tmiem il-mandat tiegħu jew tagħha.

7.   L-amministratur temporanju għandu jinħatar għal massimu ta’ sena. L-awtorità kompetenti tista’ testendi b’mod eċċezzjonali dak il-perjodu darba għal tul ta’ żmien proporzjonat maċ-ċirkostanzi jekk il-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-amministratur temporanju jibqgħu jiġu ssodisfati. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli biex tiddetermina jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex issodisfati u biex tiġġustifika kwalunkwe estensjoni tal-mandat tal-amministratur temporanju lill-azzjonisti.”

;

(15)

l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri b’rabta mal-gruppi”

;

(b)

il-paragrafi minn 1 sa 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 jiġu ssodisfati b’rabta ma’ intrapriża prinċipali tal-Unjoni, is-superviżur konsolidanti għandu jinnotifika lill-EBA u jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fi ħdan il-kulleġġ superviżorju qabel ma jiddeċiedi li japplika miżura ta’ intervent bikri.

2.   Wara n-notifika u l-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-superviżur konsolidanti għandu jiddeċiedi jekk japplikax miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 fir-rigward tal-intrapriża prinċipali tal-Unjoni rilevanti, filwaqt li jqis l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-entitajiet fi grupp fi Stati Membri oħra. Is-superviżur konsolidanti għandu jinnotifika d-deċiżjoni lill-EBA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fi ħdan il-kulleġġ superviżorju.

3.   Meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 jiġu ssodisfati b’rabta ma’ sussidjarja ta’ intrapriża prinċipali tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni fuq bażi individwali li jkollha l-intenzjoni tieħu miżura f’konformità ma’ dak l-Artikolu għandha tinnotifika lill-EBA u tikkonsulta lis-superviżur konsolidanti.

Wara li jirċievi n-notifika, is-superviżur konsolidanti jista’ jivvaluta l-impatt probabbli tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), inkwistjoni, fuq il-grupp jew fuq l-entitajiet fi grupp fi Stati Membri oħra. Is-superviżur konsolidanti għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-awtorità kompetenti fi żmien tlett ijiem.

Wara t-tali notifika u konsultazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk tapplikax miżura ta’ intervent bikri. Id-deċiżjoni għandha tqis kif xieraq kwalunkwe valutazzjoni tas-superviżur konsolidanti. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni lill-EBA, lis-superviżur konsolidanti u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra fi ħdan il-kulleġġ superviżorju.

4.   Meta aktar minn awtorità kompetenti waħda jkollha l-ħsieb li tapplika miżura ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 27 fuq aktar minn istituzzjoni jew entità waħda msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d) fl-istess grupp, is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra għandhom jivvalutaw jekk huwiex aktar xieraq li jaħtru l-istess amministratur temporanju għall-entitajiet kollha kkonċernati jew li jikkoordinaw l-applikazzjoni tal-miżuri l-oħra ta’ intervent bikri fuq aktar minn istituzzjoni jew entità waħda sabiex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet li jirrestawraw il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. Il-valutazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni konġunta tas-superviżur konsolidanti u tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra. Id-deċiżjoni konġunta għandha tintlaħaq fi żmien ħamest ijiem mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni konġunta għandha tkun motivata u stabbilita f’dokument li għandu jiġi pprovdut mis-superviżur konsolidanti lill-intrapriża prinċipali tal-Unjoni.

Fuq it-talba ta’ awtorità kompetenti, l-EBA tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti jaslu għal ftehim f’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta fi żmien ħamest ijiem, is-superviżur konsolidanti u l-awtoritajiet kompetenti tas-sussidjarji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet individwali dwar il-ħatra ta’ amministratur temporanju għall-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li huma responsabbli għalihom u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ intervent bikri l-oħra.”

;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Fuq it-talba ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti, l-EBA tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti li jkollhom il-ħsieb li japplikaw miżura waħda jew aktar minn dawk imsemmija fl-Artikolu 27(2), il-punt (a), ta’ din id-Direttiva fir-rigward tat-Taqsima A, il-punti (4), (10), (11) u (19), tal-Anness ta’ din id-Direttiva, fl-Artikolu 27(2), il-punt (c), ta’ din id-Direttiva jew fl-Artikolu 27(2), il-punt (d), ta’ din id-Direttiva jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej fit-Titolu III:

“Artikolu 30a

Tħejjija għar-riżoluzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni mingħajr dewmien b’dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 li huma jieħdu jew li jirrikjedu li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tieħu;

(b)

li, kif indikat mill-attività superviżorja, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27(1) huma ssodisfati b’rabta ma’ istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), irrispettivament mill-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ intervent bikri;

(c)

l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fl-Artikolu 27.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw mill-qrib, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità u l-konformità tagħha mal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), li għandhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, u mal-miżuri ta’ intervent bikri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni mill-aktar fis possibbli meta jqisu li jkun hemm riskju materjali li ċirkostanza waħda jew aktar minn dawk imsemmija fl-Artikolu 32(4) japplikaw b’rabta ma’ istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d). Dik in-notifika għandu jkun fiha:

(a)

ir-raġunijiet għan-notifika;

(b)

ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li jkunu qed jiġu kkunsidrati li jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-impatt mistenni tagħhom fuq l-istituzzjoni jew l-entità fir-rigward taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 32(4) u l-perjodu ta’ żmien mistenni għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Wara li jkunu rċevew in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti, x’jikkostitwixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (b), filwaqt li jqisu l-ħeffa tad-deterjorament fis-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), il-ħtieġa li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tiġi implimentata b’mod effettiv u kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-każ. Fi kwalunkwe mument, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jivvalutaw mill-ġdid il-perjodu ta’ żmien u jaġġustawh għaċ-ċirkostanzi tal-każ. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkomunikaw dik il-valutazzjoni jew il-valutazzjoni mill-ġdid lill-awtoritajiet kompetenti mill-aktar fis possibbli.

Wara li jirċievu n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, f’kooperazzjoni mill-qrib, jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), l-implimentazzjoni ta’ miżuri rilevanti fil-perjodu ta’ żmien mistenni tagħhom, u kwalunkwe żvilupp rilevanti ieħor. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiltaqgħu regolarment, bi frekwenza li għandha tiġi ddeterminata mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni b’kunsidrazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ. L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħajr dewmien.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-informazzjoni kollha mitluba mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li tkun meħtieġa għall-kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-aġġornament tal-pjan ta’ riżoluzzjoni u t-tħejjija għar-riżoluzzjoni possibbli tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d);

(b)

it-twettiq tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 36.

Meta tali informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw biex jiksbu dik l-informazzjoni. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jirrikjedu lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), jipprovdu tali informazzjoni, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post, u jipprovdu dik l-informazzjoni lil xulxin.

4.   Is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu s-setgħa li jikkummerċjalizzaw lil xerrejja potenzjali l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), jew li jagħmlu arranġamenti għal tali kummerċjalizzazzjoni, jew li jirrikjedu lill-istituzzjoni jew lill-entità tagħmel dan, għall-finijiet li ġejjin:

(a)

biex tħejji għar-riżoluzzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, soġġetta għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 39(2) u r-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikoli 84 u 84b;

(b)

biex twettaq il-valutazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (b).

Meta, fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li tikkummerċjalizza direttament l-istituzzjoni jew l-entità lil xerrejja potenzjali, hija għandha tqis kif xieraq iċ-ċirkostanzi tal-każ, b’mod partikolari kwalunkwe miżura preventiva li tista’ potenzjalment tittieħed minn skema ta’ garanzija tad-depożiti jew kwalunkwe miżura li tista’ potenzjalment tittieħed minn SPI, u l-impatt potenzjali tal-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa fuq il-pożizzjoni ġenerali tal-istituzzjoni jew l-entità.

5.   L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħa li jirrikjedu lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa, fosthom pjattaforma diġitali, għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni ma’ xerrejja potenzjali jew ma’ konsulenti u valwaturi mqabbda mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita dik is-setgħa, għandu japplika l-Artikolu 84(1), il-punti (e) u (f).

6.   In-notifika minn qabel mill-awtorità kompetenti, f’konformità mal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, m’għandhiex tkun kundizzjoni neċessarja biex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jħejju għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), jew biex jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

7.   L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien bi kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafi 3, 4 u 5.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkooperaw mill-qrib fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, li jkollhom l-għan li jindirizzaw deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu;

(b)

meta jikkunsidraw li jieħdu kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5;

(c)

matul l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan is-subparagrafu.

L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri u l-azzjonijiet ikunu konsistenti, ikkoordinati u effettivi.”

;

(17)

fl-Artikolu 31(2), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, b’mod partikolari meta tingħata mill-baġit ta’ Stat Membru;”

;

(18)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ istituzzjoni jekk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, malli jirċievu komunikazzjoni skont il-paragrafu 2, jew fuq inizjattiva tagħhom stess, u filwaqt li jqisu l-ħtieġa li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tiġi implimentata b’mod effettiv, jiddeterminaw li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

l-istituzzjoni qed tfalli jew x’aktarx tfalli;

(b)

b’kunsiderazzjoni tat-twaqqit u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li kwalunkwe miżura alternattiva tas-settur privat, inkluż miżuri minn SPI, miżuri preventivi kif imsemmija fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE, azzjoni superviżorja, miżuri ta’ intervent bikri, jew il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali u l-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti kif imsemmija fl-Artikolu 59(2) ta’ din id-Direttiva, meħuda fir-rigward tal-istituzzjoni, jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(c)

azzjoni ta’ riżoluzzjoni hija neċessarja fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tagħmel valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, minbarra l-awtorità kompetenti, il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-l-paragrafu 1, il-punt (a), tista’ ssir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-liġi nazzjonali jkollhom l-għodod meħtieġa biex jagħmlu tali valutazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, aċċess adegwat għall-informazzjoni rilevanti. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, mingħajr dewmien, kwalunkwe informazzjoni rilevanti li din tal-aħħar titlob biex twettaq il-valutazzjoni tagħha, qabel jew wara li tiġi infurmata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħmel dik il-valutazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandha ssir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titlob sabiex twettaq il-valutazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tista’ wkoll tinforma lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tqis li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (b), hija ssodisfata.

Meta tkun qed tivvaluta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tfittex l-aħħar informazzjoni disponibbli mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jew, fejn rilevanti, mill-SPI li l-istituzzjoni tkun membru tagħha, li tkun rilevanti għal tali valutazzjoni, inkluż jekk l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jew l-SPI tkunx tista’ tipprevjeni l-falliment.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

tintalab għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja, ħlief meta tali għajnuna tingħata f’waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 32c;”

;

(ii)

jitħassru mit-tieni sal-ħames subparagrafi;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), azzjoni ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tkun neċessarja fl-interess pubbliku jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li l-ebda wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni ma jkun f’riskju f’każ li l-istituzzjoni tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

Jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni jew aktar ikunu f’riskju f’każ li l-istituzzjoni tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkonkludi li azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun neċessarja fl-interess pubbliku meta l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun meħtieġa biex jinkiseb wieħed mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni jew aktar u tkun proporzjonata għal dan, u meta l-istralċ tal-istituzzjoni taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx b’mod aktar effettiv l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li jkunu f’riskju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, abbażi tal-informazzjoni li jkun hemm għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument ta’ dik il-valutazzjoni, tikkunsidra u tqabbel kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja li tista’ tkun raġonevolment mistennija li tingħata lill-istituzzjoni, kemm fil-każ ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fil-każ ta’ stralċ f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta twettaq il-valutazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis il-kostijiet tar-riżoluzzjoni u tal-proċedimenti normali ta’ insolvenza u tfittex li timminimizza u tevita l-qerda tal-valur, sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni.”

;

(19)

l-Artikoli 32a u 32b huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“Artikolu 32a

Kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni fir-rigward ta’ korp ċentrali u istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji affiljati miegħu b’mod permanenti li huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni meta l-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha affiljati miegħu b’mod permanenti, jew il-grupp ta’ riżoluzzjoni li jappartjenu għalih, jikkonformaw b’mod ġenerali mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1).

Artikolu 32b

Proċedimenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet u entitajiet li mhumiex soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), il-punt (a) u (b), iżda mhux il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 32(1), il-punt (c), l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tibda jew titlob il-bidu tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja rilevanti, inkluż, fejn disponibbli, proċedura volontarja, għall-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li tiġi stralċata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż fi proċedura volontarja ta’ stralċ, toħroġ mis-suq jew ittemm l-attivitajiet bankarji tagħha f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddetermina li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), il-punt (a) u (b), iżda mhux il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 32(1), il-punt (c), dik id-determinazzjoni tkun kundizzjoni suffiċjenti biex l-awtorità kompetenti tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), huwa kundizzjoni suffiċjenti biex l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja nazzjonali rilevanti tkun tista’ tibda, mingħajr dewmien, il-proċedura biex tiġi stralċata l-istituzzjoni jew l-entità b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.”

;

(20)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 32c

Għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja barra mill-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tista’ tingħata lil istituzzjoni jew lil entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), fuq bażi eċċezzjonali, dment li l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tikkonforma mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-każijiet li ġejjin biss:

(a)

meta, sabiex jiġi rrimedjat tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru ta’ natura eċċezzjonali jew sistemika u sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja, l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(i)

garanzija tal-gvern biex jiġu appoġġati l-faċilitajiet ta’ likwidità pprovduti minn banek ċentrali f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-banek ċentrali;

(ii)

garanzija tal-gvern ta’ obbligazzjonijiet maħruġa ġodda;

(iii)

akkwiżizzjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji għajr strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew ta’ strumenti kapitali oħra, jew użu ta’ miżuri ta’ assi indeboliti, bi prezzijiet, durata u termini oħra li ma jagħtux vantaġġ indebitu lill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata, meta la ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 32(4), il-punti (a), (b) jew (cjew l-Artikolu 59(3) ma jkunu preżenti fiż-żmien meta jingħata l-appoġġ pubbliku;

(b)

meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ intervent minn skema ta’ garanzija tad-depożiti, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(c)

meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ intervent minn skema ta’ garanzija tad-depożiti, kif imsemmi fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(d)

meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 32b ta’ din id-Direttiva, għajr l-appoġġ mogħti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2014/49/UE.

2.   Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandhom:

(a)

ikunu limitati għal istituzzjonijiet jew entitajiet solventi, kif ikkonfermat mill-awtorità kompetenti;

(b)

ikunu ta’ natura prekawzjonarja u temporanja u jkunu bbażati fuq strateġija ddefinita minn qabel, approvata mill-awtorità kompetenti, biex iwasslu għall-ħruġ mill-miżuri ta’ appoġġ, li tinkludi data ta’ tmiem speċifikata b’mod ċar, data tal-bejgħ jew skeda ta’ ħlas lura għal kull waħda minn dawk il-miżuri;

(c)

ikunu proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi tat-tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru ta’ natura eċċezzjonali jew sistemika u biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja; u

(d)

ma jintużawx biex jikkumpensaw għal telf li l-istituzzjoni jew l-entità tkun ġarrbet jew li x’aktarx iġġarrab tal-inqas matul it-12-il xahar ta’ wara.

L-istrateġija ddefinita minn qabel imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tiġi divulgata sakemm l-istituzzjoni jew l-entità tkun ħarġet mill-miżuri ta’ appoġġ ikkonċernati, jew wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu, soġġett għall-obbligi ta’ divulgazzjoni li ma jistgħux jiġu ttardjati kif imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, meta l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu l-forma tal-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a)(ii) u (iii), ta’ dan l-Artikolu, istituzzjoni jew entità għandha titqies solventi meta l-awtorità kompetenti tkun ikkonkludiet li ma jkun seħħ l-ebda ksur, jew li x’aktarx ser iseħħ fit-12-il xahar ta’ wara, abbażi tal-aspettattivi attwali, ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 jew ir-rekwiżiti applikabbli rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

Meta tivvaluta jekk seħħx ksur tar-rekwiżiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tinjora kwalunkwe ksur li jkun ġie rimedjat b’mod effettiv saż-żmien tal-valutazzjoni. Meta l-awtorità kompetenti tikkonkludi li x’aktarx iseħħ ksur futur tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE jew fl-Artikolu 40 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 fit-12-il xahar ta’ wara, hija tista’ b’mod eċċezzjonali tqis li istituzzjoni jew entità tkun solventi meta tiddetermina li l-ksur ser ikun ta’ natura ta’ terminu qasir u li l-miżuri effettivi ta’ rimedju biex jindirizzawh ikunu ġew ippjanati mill-istituzzjoni jew l-entità u jkunu ġew ivvalutati bħala kredibbli mill-awtorità kompetenti saż-żmien tal-valutazzjoni.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), l-awtorità kompetenti rilevanti għandha tikkwantifika t-telf li l-istituzzjoni jew l-entità ġarrbet jew x’aktarx iġġarrab. Dik il-kwantifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rieżamijiet tal-kwalità tal-assi mwettqa mill-BĊE, l-EBA jew l-awtoritajiet nazzjonali jew, fejn xieraq, waqt spezzjonijiet fil-post imwettqa mill-awtorità kompetenti. Meta ma jkunx possibbli li jitwettqu dawk ir-rieżamijiet jew spezzjonijiet fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tista’ tibbaża l-kwantifikazzjoni fuq il-karta bilanċjali tal-istituzzjoni jew tal-entità, dment li l-karta bilanċjali tikkonforma mar-regoli u l-istandards kontabilistiċi applikabbli, kif ikkonfermati minn awditur estern indipendenti. Il-kwantifikazzjoni għandha ssir kemm jista’ jkun qrib id-data tal-għoti tal-miżuri ta’ appoġġ u billi tintuża l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli għall-awtorità kompetenti.

5.   Il-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a)(iii), għandhom ikunu limitati għal miżuri li ġew ivvalutati mill-awtorità kompetenti bħala meħtieġa biex tinżamm is-solvenza tal-istituzzjoni jew tal-entità billi jiġi indirizzat id-defiċit tal-kapital stabbilit fix-xenarju avvers ta’ testijiet tal-istress nazzjonali, tal-Unjoni jew tal-SSM jew eżerċizzji ekwivalenti mwettqa mill-BĊE, mill-EBA jew mill-awtoritajiet nazzjonali, fejn applikabbli, u kkonfermati mill-awtorità kompetenti.

B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (a)(iii), ta’ dan l-Artikolu, l-akkwiżizzjoni ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni għandha tkun permessa b’mod eċċezzjonali meta n-natura tan-nuqqas identifikat tkun tali li l-akkwiżizzjoni ta’ kwalunkwe strument ieħor ta’ fondi proprji jew ta’ strumenti kapitali oħrajn ma tkunx tagħmilha possibbli għall-istituzzjoni jew għall-entità kkonċernata li tindirizza d-defiċit ta’ kapital tagħha stabbilit fix-xenarju avvers fit-test tal-istress rilevanti jew f’eżerċizzju ekwivalenti. L-ammont ta’ strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni akkwiżiti ma għandux jaqbeż 2 % tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti li l-limitu ta’ 2 % jinqabeż fejn tkun uriet li huwa neċessarju u xieraq għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ. Il-qabża tal-limitu għandha tkun ta’ ammont li ma joħloq l-ebda riskju għall-eżekuzzjoni f’waqtha u kredibbli tal-istrateġija predefinita għall-ħruġ mill-miżuri ta’ appoġġ. L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni l-analiżi sottostanti għall-permess tagħha li taqbeż il-limitu ta’ 2 % għall-finijiet ta’ kwalunkwe valutazzjoni potenzjali tal-għajnuna mill-Istat.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk kwalunkwe waħda mill-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), ma tiġix mifdija, imħallsa lura jew itterminata b’xi mod ieħor f’konformità mat-termini tal-istrateġija għall-ħruġ mill-miżura ta’ appoġġ stabbilita fiż-żmien meta ngħatat tali miżura, l-awtorità kompetenti għandha titlob lill-istituzzjoni jew lill-entità jippreżentaw pjan ta’ rimedju ta’ darba. Il-pjan ta’ rimedju għandu jiddeskrivi l-passi li għandhom jittieħdu għall-ħruġ mill-miżura ta’ appoġġ fi żmien sentejn u sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità. Il-pjan ta’ rimedju ma għandux jirrestrinġi s-setgħa tal-awtoritajiet rilevanti li jivvalutaw jew jiddeterminaw jekk l-istituzzjoni jew l-entità hijiex qed tfalli jew x’aktarx li tfalli, fi kwalunkwe ħin.

Meta l-awtorità kompetenti ma tkunx sodisfatta li l-pjan ta’ rimedju huwa kredibbli jew fattibbli, jew meta l-istituzzjoni jew l-entità tonqos milli tikkonforma mal-pjan ta’ rimedju, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jivvalutaw jekk l-istituzzjoni jew l-entità hijiex qed tfalli jew x’aktarx tfalli.

7.   L-EBA għandha, sal-11 ta’ Mejju 2027, toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar it-tip ta’ testijiet jew eżerċizzji msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, li jista’ jwassal għall-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a)(iii), ta’ dan l-Artikolu.”

;

(21)

fl-Artikolu 33 il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni b’rabta ma’ entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (c) jew (d), b’kont meħud tal-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, meta dik l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1).

Għall-finijiet li tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni, entità għandha titqies li qed tfalli jew x’aktarx tfalli fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-entità tissodisfa waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(4), il-punt (b), (c) jew (d);

(b)

l-entità tikser materjalment jew ikun hemm elementi oġġettivi li juru li l-entità, fil-futur qrib, ser tikser materjalment ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew fid-Direttiva 2013/36/UE.”

;

(22)

l-Artikolu 33a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jinnotifikaw lill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d) u lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 83(2), il-punti minn (a) sa (h), mingħajr dewmien meta jeżerċitaw is-setgħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu wara li jkun ġie ddeterminat li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew x’aktarx tfalli skont l-Artikolu 32(1), il-punt (a), u qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.”

;

(b)

fil-paragrafu 9, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-setgħat imsemmija fih jiġu eżerċitati fir-rigward tad-depożiti eliġibbli u dawk id-depożiti ma jitqisux bħala mhux disponibbli għall-finijiet tad-Direttiva 2014/49/UE, id-depożitanti jkollhom aċċess għal ammont xieraq ta’ kuljum minn dawk id-depożiti.”

;

(23)

l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jaħtru maniġer speċjali, wieħed jew aktar, biex jissostitwixxi jew biex jaħdem mal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew l-istituzzjoni tranżitorja. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jippubblikaw il-ħatra ta’ maniġer speċjali. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-maniġer speċjali jkollu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-għarfien sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

L-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE ma għandux japplika għall-ħatra ta’ maniġers speċjali.

2.   Il-maniġer speċjali għandu jkollu s-setgħat kollha tal-azzjonisti u tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew tal-istituzzjoni tranżitorja. Madankollu, il-maniġer speċjali jista’ jeżerċita biss dawn is-setgħat taħt il-kontroll tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li maniġer speċjali jfassal rapporti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-ħatra dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew tal-istituzzjoni tranżitorja u dwar l-atti mwettqa fit-twettiq ta’ dmirijietu, f’intervalli regolari stabbiliti mill-awtorità tar-riżoluzzjoni u fil-bidu u fl-aħħar tal-mandat tiegħu jew tagħha.”

;

(24)

fl-Artikolu 36, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“7a.   Meta jkun meħtieġ biex jinforma d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (c) u (d), il-valwatur għandu jikkomplementa l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-punt (c), bi stima tal-valur tal-assi barra l-karta bilanċjali u l-valur tal-obbligazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fil-futur minn avveniment inċert u tal-obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert.”

;

(25)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Meta l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a) jew (b) ta’ dan l-Artikolu, jintużaw, indipendentement jew flimkien ma’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn, għat-trasferiment ta’ parti biss mill-assi, mid-drittijiet jew mill-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, kwalunkwe entità residwa li jifdal wara t-trasferiment tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet, u l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn, fejn rilevanti, għandha tiġi stralċata b’mod ordnat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli. Tali stralċ għandu jsir fi skeda ta’ żmien raġonevoli, b’kont meħud tal-ħtieġa li dik l-entità residwa tipprovdi servizzi jew appoġġ skont l-Artikolu 65 sabiex tippermetti lir-riċevitur iwettaq l-attivitajiet jew is-servizzi akkwistati bis-saħħa ta’ dak it-trasferiment, u kwalunkwe raġuni oħra li l-kontinwazzjoni tal-entità residwa tkun neċessarja biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni jew ikun hemm konformità mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 34.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika meta l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tiġi applikata għal istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għall-fini tal-Artikolu 43(2), il-punt (a), flimkien ma’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħra.

Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, meta azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun tirriżulta f’telf imġarrab mill-kredituri jew fil-konverżjoni tal-pretensjonijiet tagħhom, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddeċiedi li ma teżerċitax is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u tal-konverżjoni tal-istrumenti kapitali f’konformità mal-Artikolu 59, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk dawk l-istrumenti għandhom jitħallew fl-entità residwa u l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a) jew (b), ta’ dan l-Artikolu flimkien mal-istralċ tal-entità residwa jiżguraw, abbażi tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 36, li jġarrbu telf qabel kwalunkwe kreditur ieħor tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“11.   L-EBA għandha timmonitorja l-azzjonijiet u t-tħejjija tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni fil-każ ta’ riżoluzzjoni. L-EBA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-prattiki eżistenti u dwar diverġenzi possibbli bejn l-Istati Membri sal-11 ta’ Mejju 2028.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkopri mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-arranġamenti fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-livell ta’ involviment mal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju u mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, fejn rilevanti;

(b)

l-arranġamenti fis-seħħ biex jitħaddmu għodod oħra ta’ riżoluzzjoni;

(c)

il-livell ta’ trasparenza lejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti rigward l-arranġamenti msemmija fil-punti (a) u (b).”

;

(26)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Sabiex l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja tingħata effett u b’kont meħud tal-ħtieġa li jintlaħaq kwalunkwe wieħed mill-objettivi tar-riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jittrasferixxu lil istituzzjoni tranżitorja dan kollu li ġej:”

;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, meta l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna tippermetti li l-kapital tal-istituzzjoni tranżitorja jiġi pprovdut kollu permezz tal-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’ishma jew f’tipi oħra ta’ strumenti kapitali, ir-rekwiżit li l-istituzzjoni tranżitorja tkun kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ awtorità pubblika, waħda jew aktar, imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), jista’ jiġi rrinunzjat.”

;

(27)

fl-Artikolu 42(5), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tali trasferiment huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, tal-istituzzjoni tranżitorja jew tal-veikolu tal-immaniġġar tal-assi nfushom; jew”

;

(28)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-arranġament ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni jista’ jagħmel kontribuzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

tkun saret kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni ugwali għal ammont mhux inqas minn 8 % tal-obbligazzjonijiet totali, inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejla f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 36, mill-azzjonisti u mid-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, mid-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna permezz ta’ tnaqqis, valwazzjoni negattiva jew konverżjoni skont l-Artikolu 48(1) u l-Artikolu 60(1), u mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 109, fejn rilevanti;

(b)

il-kontribuzzjoni tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ma taqbiżx 5 % tal-obbligazzjonijiet totali, fosthom il-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejla f’konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 36.”

;

(b)

fil-paragrafu 7, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’ċirkostanzi straordinarji, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tfittex aktar finanzjament minn sorsi alternattivi ta’ finanzjament wara li:

(a)

l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni jkun għamel kontribuzzjoni skont il-paragrafu 4 u jkun intlaħaq il-limitu ta’ 5 % imsemmi fil-paragrafu 5, il-punt (b); u

(b)

l-obbligazzjonijiet kollha b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna li mhumiex depożiti eliġibbli, li jikklassifikaw aktar baxxi mid-depożiti msemmija fl-Artikolu 108(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u li ma ġewx esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertiti kompletament.”

;

(29)

fl-Artikolu 44a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Sal-11 ta’ Novembru 2027, l-EBA, f’koordinazzjoni mal-ESMA, għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dak ir-rapport għandu jqabbel il-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu, janalizza l-effettività tagħhom fil-protezzjoni tal-klijenti mhux professjonali u jivvaluta l-impatt tagħhom fuq l-operazzjonijiet transfruntiera. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda din id-Direttiva.”

;

(30)

fl-Artikolu 45, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), jissodisfaw, f’kull ħin, ir-rekwiżiti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, fejn meħtieġ mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u kif iddeterminat minnha f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli minn 45a sa 45i.”

;

(31)

l-Artikolu 45b huwa emendat kif ġej:

(a)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-entitajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu biss depożiti fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli meta tali inklużjoni tkun ġiet awtorizzata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafu 1b u meta dawk id-depożiti jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

id-depożiti jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu;

(b)

id-depożiti ma jkunux miżmuma minn persuni fiżiċi u intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju;

(c)

id-depożiti huma depożiti b’terminu b’maturità oriġinali ta’ mill-inqas sena u ma jagħtux lis-sid dritt għal rimborż bikri anke meta r-rimborż bikri jkun soġġett għall-ħlas ta’ penali;

(d)

id-dokumentazzjoni kuntrattwali rilevanti tirreferi b’mod espliċitu għal:

(i)

l-intenzjoni tal-entità ta’ riżoluzzjoni li tinkludi d-depożiti fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli;

(ii)

l-esklużjoni tad-depożiti minn kwalunkwe ħlas lura minn skema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 5(1), il-punt (l), tad-Direttiva 2014/49/UE.

1b.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tawtorizza lill-entità ta’ riżoluzzjoni tinkludi b’mod sħiħ jew parzjali depożiti fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli jekk tkun sodisfatta li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tistenna li dawk id-depożiti ma jiġux esklużi kompletament jew parzjalment mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) jew li ma jiġux trasferiti kompletament lil riċevitur taħt trasferiment parzjali;

(b)

l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonkludiet li l-inklużjoni mhijiex, jew x’aktarx ma tkunx, impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà, b’mod partikolari minħabba l-impatt fuq il-fattibbiltà tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni b’mod li jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tirtira l-awtorizzazzjoni meta tikkonkludi li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma tibqax tiġi ssodisfata. F’dak il-każ, l-entità ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tibqa’ tinkludi depożiti fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli.”

;

(b)

fil-paragrafi 4, 5 u 7, it-terminu “G-SIIs” huwa sostitwit bit-terminu “entitajiet G-SII”;

(c)

il-paragrafu 8 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, it-terminu “G-SIIs” huwa sostitwit bit-terminu “entitajiet G-SII”;

(ii)

fil-tieni subparagrafu, il-punt (c), it-terminu “G-SII” huwa sostitwit bit-terminu “entità G-SII”;

(iii)

fir-raba’ subparagrafu, it-terminu “G-SIIs” huwa sostitwit bit-terminu “entitajiet G-SII”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tippermetti lill-entità ta’ riżoluzzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 4, 5 u 7 bl-użu ta’ fondi proprji jew ta’ obbligazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

għal entitajiet li huma entitajiet G-SII jew entitajiet ta’ riżoluzzjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 45c(5) jew (6), l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx naqqset ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, skont l-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu;

(b)

l-obbligazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jissodisfawx il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 72b(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72b(4), il-punti (b) sa (e), ta’ dak ir-Regolament.”

;

(32)

l-Artikolu 45c huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2a, it-tieni subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, minbarra l-Artikolu 72b(2), il-punti (b) u (d), ta’ dak ir-Regolament, u, meta applikabbli, fl-Artikolu 45b(1a) ta’ din id-Direttiva;”

;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tmien subparagrafu, il-kliem “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” huma sostitwiti bit-terminu “funzjonijiet kritiċi”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija li għandha tintuża mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għall-istima tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 104a tad-Direttiva 2013/36/UE u r-rekwiżit ta’ buffer kombinat, għall-fini tad-determinazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) ta’ din id-Direttiva u l-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 16a ta’ din id-Direttiva, għall-entitajiet li ġejjin:

(a)

l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni fil-livell konsolidat tal-grupp ta’ riżoluzzjoni, fejn il-grupp ta’ riżoluzzjoni ma jkunx soġġett għal dawk ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

l-entitajiet li huma stess ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn l-entità ma hijiex soġġetta għal dawk ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 2013/36/UE fuq l-istess bażi bħar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45f ta’ din id-Direttiva.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Mejju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni li jagħmlu parti minn grupp ta’ riżoluzzjoni li l-assi totali tiegħu ma jaqbżux l-EUR 30 biljun u li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħhom tipprevedi primarjament l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u l-ħruġ tagħha mis-suq, il-livell tar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mill-inqas daqs:

(a)

15 % meta kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 45(2), il-punt (a); u

(b)

4,5 % meta kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 45(2), il-punt (b).

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni li l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tagħhom tkun tinkludi l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-fini tal-Artikolu 43(2), il-punt (a), b’mod indipendenti jew flimkien ma’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħra.”

;

(e)

fil-paragrafu 7, it-tmien subparagrafu, il-kliem “funzjonijiet ekonomiċi kritiċi” huma sostitwiti bil-kliem “funzjonijiet kritiċi”;

(33)

fl-Artikolu 45d(1), il-formulazzjoni introduttorja hijaa sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) għal entità ta’ riżoluzzjoni li hija entità G-SII għandu jikkonsisti f’dan li ġej:”

;

(34)

l-Artikolu 45f huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-impriżi prinċipali tal-Unjoni li ma humiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni huma stess, iżda li huma sussidjarji ta’ entitajiet ta’ pajjiżi terzi, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 45c u 45d fuq bażi konsolidata.”

;

(ii)

il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-gruppi ta’ riżoluzzjoni identifikati skont l-Artikolu 2(1), il-punt (83b)(b), dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, iżda li huma nfushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni, korp ċentrali li mhuwiex minnu nnifsu entità ta’ riżoluzzjoni, u kwalunkwe entità ta’ riżoluzzjoni li mhijiex soġġetta għal rekwiżit skont l-Artikolu 45e(3), għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 45c(7) fuq bażi individwali.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ħlief għall-Artikolu 72b(2), il-punti (b), (c), (k), (l) u (m), u l-Artikolu 72b(3), (4) u (5) ta’ dak ir-Regolament, u meta applikabbli, l-Artikolu 45b(1a) ta’ din id-Direttiva;”

;

(35)

l-Artikolu 45 g huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45g

Rinunzja għal korp ċentrali, jew għal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali

L-awtorità tista’ tirrinunzja, parzjalment jew kompletament, l-applikazzjoni tal-Artikolu 45f fir-rigward ta’ korp ċentrali, jew ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li tkun affiljata b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

l-istituzzjoni ta’ kreditu jew l-istituzzjoni finanzjarja u l-korp ċentrali huma soġġetti għal superviżjoni mill-istess awtorità kompetenti, huma stabbiliti fl-istess Stat Membru u huma parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni;

(b)

l-impenji tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti tiegħu huma obbligazzjonijiet in solidum, jew l-impenji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji tiegħu affiljati b’mod permanenti huma garantiti totalment mill-korp ċentrali;

(c)

ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, u s-solvenza u l-likwidità tal-korp ċentrali u tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti kollha, huma sorveljati bħala ħaġa waħda abbażi tal-kontijiet konsolidati ta’ dawk l-istituzzjonijiet;

(d)

fil-każ ta’ rinunzja għal istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja li tkun affiljata b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, il-maniġment tal-korp ċentrali għandu s-setgħa joħroġ struzzjonijiet lill-maniġment tal-istituzzjonijiet affiljati b’mod permanenti;

(e)

il-grupp ta’ riżoluzzjoni rilevanti jikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45e(3); u

(f)

ma hemm l-ebda impediment materjali, prattiku jew legali attwali jew antiċipat għat-trasferiment immedjat ta’ fondi proprji jew il-ħlas lura ta’ obbligazzjonijiet bejn il-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji affiljati b’mod permanenti f’każ ta’ riżoluzzjoni.”

;

(36)

l-Artikolu 45i huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-entitajiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni meħtieġa skont dan il-paragrafu f’konformità mal-arranġamenti stipulati fl-Artikolu 128b.”

;

(b)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)

il-metodi u l-arranġamenti għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

il-frekwenza u d-dati tal-għeluq għall-preżentazzjoni tar-rappurtar imsemmi fil-punt (a).

L-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi għandhom jispeċifikaw mod standardizzat biex tingħata l-informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ entrati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), applikabbli fi proċedimenti ta’ insolvenza nazzjonali f’kull Stat Membru.

Għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), ta’ din id-Direttiva li huma soġġetti għall-Artikoli 92a u 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi għandhom isiru konsistenti, fejn xieraq, mal-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 430 ta’ dak ir-Regolament.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Mejju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

5a.   L-EBA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT, fosthom mudelli ta’ rappurtar, standards tad-data, formati u struzzjonijiet, għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

6.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)

il-metodi u l-arranġamenti għad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

il-frekwenza tad-divulgazzjonijiet.

L-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandu jkun fihom informazzjoni komprensiva u komparabbli biżżejjed biex jiġu vvalutati l-profili tar-riskju tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), u l-livell ta’ konformità tagħhom mar-rekwiżit applikabbli msemmi fl-Artikolu 45e jew 45f.

Għall-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), ta’ din id-Direttiva li huma soġġetti għall-Artikoli 92a u 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi għandhom isiru konsistenti, fejn xieraq, mal-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 434a ta’ dak ir-Regolament.

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Mejju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

6a.   L-EBA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT, fosthom formati u struzzjonijiet għad-divulgazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3.”

;

(37)

fl-Artikolu 45j, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw:

(a)

il-metodi u l-arranġamenti għall-identifikazzjoni u r-rapportar ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, lill-EBA għall-finijiet tal-paragrafu 1;

(b)

il-frekwenza u d-dati tal-għeluq għall-preżentazzjoni tar-rappurtar imsemmi fil-punt (a).

L-EBA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-11 ta’ Mejju 2027.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

3.   L-EBA għandha tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT, fosthom mudelli ta’ rappurtar, standards tad-data, formati u struzzjonijiet, għar-rappurtar tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.”

;

(38)

fl-Artikolu 45 l(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jkopri tliet snin kalendarji u għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-aħħar sena koperta mir-rapport. L-obbligu msemmi fil-paragrafu 2 ma għandux jibqa’ japplika wara li jiġi ppreżentat it-tieni rapport.”

;

(39)

l-Artikolu 45 m huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddeterminaw perjodi ta’ tranżizzjoni xierqa, mhux itwal minn tliet snin, għall-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), biex dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45e jew 45f jew mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7), kif xieraq, meta l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti mingħajr perjodu ta’ tranżizzjoni ma tkunx proporzjonata.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddetermina livelli fil-mira intermedji għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45e jew 45f jew għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7), kif xieraq, li istituzzjoni jew entità għandha tikkonforma magħhom f’data stabbilita mill-awtorita ta’ riżoluzzjoni. Il-livelli fil-mira intermedji għandhom, bħala regola, jiżguraw żieda lineari ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli lejn ir-rekwiżit.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-perjodu ta’ tranżizzjoni ddeterminat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għal istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li għaliha l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni ppreferuta tinbidel mill-istralċ skont proċedimenti normali ta’ insolvenza għall-applikazzjoni ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, ma għandux jaqbeż l-erba’ snin.

Fejn ikun debitament ġustifikat u xieraq abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddetermina perjodu ta’ tranżizzjoni itwal ta’ mhux aktar minn sitt snin.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tiddetermina livelli fil-mira intermedji għar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45e jew għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7), kif xieraq, li l-istituzzjoni jew l-entità għandha tikkonforma magħhom f’data stabbilita mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Il-livelli fil-mira intermedji għandhom, bħala regola, jiżguraw żieda lineari ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli lejn ir-rekwiżit.”

;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 45b(4) u (7) u fl-Artikolu 45c(5) u (6), kif applikabbli, ma għandhomx japplikaw fil-perjodu ta’ tliet snin wara d-data li fiha l-entità ta’ riżoluzzjoni jew il-grupp li minnu hija parti l-entità ta’ riżoluzzjoni jkunu ġew identifikati bħala GSII jew G-SII mhux tal-UE, jew l-entità ta’ riżoluzzjoni tibda tkun fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 45c(5) jew (6).”

;

(40)

fl-Artikolu 46(2), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet ta’ rikapitalizzazzjoni interna jeħtieġ li jiġu valwati negattivament jew ikkonvertiti għall-finijiet li ġejjin:

(a)

sabiex jiġi restawrat il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, fejn applikabbli, sabiex jiġi stabbilit il-proporzjon tal-istituzzjoni tranżitorja, filwaqt li titqies kwalunkwe kontribuzzjoni ta’ kapital mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni magħmul skont l-Artikolu 101(1), il-punt (d), ta’ din id-Direttiva;

(b)

sabiex tiġi tinżamm fiduċja tas-suq suffiċjenti fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew fl-istituzzjoni tranżitorja, b’kont meħud ta’ kwalunkwe obbligazzjoni li tista’ tirriżulta fil-futur minn avveniment inċert jew obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert li ma ġewx valwati negattivament jew ikkonvertiti, u sabiex dik l-istituzzjoni tkun tista’ tkompli tissodisfa, għal mill-inqas sena, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u biex tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew 2014/65/UE.”

;

(41)

l-Artikolu 47(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jikkanċellaw ishma eżistenti jew strumenti oħra ta’ sjieda jew jittrasferuhom lil:

(i)

kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti f’ishma jew f’tipi oħra ta’ strumenti kapitali;

(ii)

ix-xerrej, meta japplika dan il-paragrafu flimkien mal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju; jew

(iii)

istituzzjoni tranżitorja, meta japplika dan il-paragrafu flimkien mal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja;”

;

(b)

il-punt (b)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

l-istrumenti kapitali u l-obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti f’konformità mal-Artikolu 59 maħruġa mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont is-setgħa msemmija fl-Artikolu 59(2); jew”

;

(42)

l-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ testendi l-iskadenza ta’ xahar għall-preżentazzjoni tal-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju b’xahar ieħor.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrikjedi li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tinkludi elementi addizzjonali fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tan-negozju.”

;

(43)

l-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont ta’ kapital ta’, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’, obbligazzjoni, inkluż obbligazzjoni bi twaqqit jew ammont inċert, permezz tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (e), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li jirriżultaw b’rabta magħha, li ma jkunux dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa, għandhom jiġu ttrattati bħala rilaxxati għall-finijiet kollha, u ma hemmx għalfejn tingħata evidenza fir-rigward tagħhom fi kwalunkwe proċediment sussegwenti b’rabta mal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew ma’ kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti.

4.   Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas parzjalment, iżda mhux kompletament, l-ammont ta’ kapital ta’ obbligazzjoni, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward tagħha, inkluż obbligazzjoni ta’ twaqqit jew ammont inċert, permezz tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (e):

(a)

l-obbligazzjoni għandha tiġi meħlusa sal-punt tal-ammont imnaqqas;

(b)

l-istrument rilevanti jew il-ftehim li ħoloq l-obbligazzjoni oriġinali għandu jkompli japplika fir-rigward tal-ammont kapitali residwu, jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward tal-obbligazzjoni, soġġett għal kwalunkwe modifika tal-ammont tal-interess pagabbli biex tirrifletti t-tnaqqis tal-ammont kapitali, u kwalunkwe modifika ulterjuri fit-termini li l-awtorità tar-riżoluzzjoni tista’ tagħmel permezz tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 63(1), il-punt (j).”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 3 u 4, il-ħelsien mill-obbligazzjoni ta’ twaqqit jew ammont inċert u ta’ kwalunkwe pretensjoni li tirriżulta fir-rigward tagħha għandu jkun effettiv jekk u ladarba l-obbligazzjoni rilevanti tiġi ddeterminata b’mod konklużiv f’termini ta’ twaqqit u ammont jew tkun qamet il-pretensjoni relatata magħha.”

;

(44)

l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), jinkludu terminu kuntrattwali li jispeċifika li l-kreditur jew il-parti għall-ftehim jew l-istrument li joħloq l-istrument kapitali rilevanti jew l-obbligazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni interna jirrikonoxxu li dak l-istrument jew dik l-obbligazzjoni jistgħu jiġu soġġetti għal setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni u jaqblu li jkunu marbuta bi kwalunkwe tnaqqis tal-ammont prinċipali jew pendenti dovut, konverżjoni jew kanċellazzjoni li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, dment li dak l-istrument jew dik l-obbligazzjoni jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(b)

l-istrument jew l-obbligazzjoni ma jkunux depożitu kif imsemmi fl-Artikolu 108(1), il-punt (b);

(c)

l-istrument jew l-obbligazzjoni jkunu regolata mil-liġi ta’ pajjiż terz;

(d)

l-istrument jew l-obbligazzjoni jinħarġu jew isiru wara d-data li fiha Stat Membru japplika d-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni ta’ din it-Taqsima.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru tiddetermina li l-istrumenti jew l-obbligazzjonijiet msemmijin fih jistgħu jkunu soġġetti għal setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru skont il-liġi tal-pajjiż terz jew ftehim vinkolanti konkluż ma’ dak il-pajjiż terz.

1a.   Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal entitajiet ta’ likwidazzjoni jew għal sussidjarji ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li huma stess mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

L-istrumenti jew l-obbligazzjonijiet tal-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu u li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi f’dak il-paragrafu ma għandhomx jingħaddu mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1).

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu li r-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 japplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a)

entità ta’ likwidazzjoni li għaliha l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun iddeterminat ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1);

(b)

sussidjarja ta’ entità ta’ riżoluzzjoni jew ta’ entità ta’ pajjiż terz li ma tkunx hija stess entità ta’ riżoluzzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tiddetermina li jkun legalment, jew b’xi mod ieħor, imprattikabbli li fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw obbligazzjoni rilevanti jiġi inkluż terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-rekwiżit li jiġi inkluż dak it-terminu ma japplikax.

Meta, fi klassi ta’ obbligazzjonijiet li tinkludi obbligazzjonijiet eliġibbli, l-ammont ta’ obbligazzjonijiet li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jammonta għal aktar minn 10 % ta’ dik il-klassi, l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), għandha tinnotifika b’dan lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Dik l-istituzzjoni jew l-entità għandha tinkludi f’tali notifika d-deżinjazzjoni tal-klassi tal-obbligazzjonijiet li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma jinkludux dak it-terminu kuntrattwali u l-ġustifikazzjoni għal dan. Dik l-istituzzjoni jew l-entità għandha tipprovdi wkoll lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-informazzjoni kollha li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni titlob, fi żmien raġonevoli wara li tirċievi n-notifika. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tivvaluta l-impatt ta’ dik l-informazzjoni fuq ir-riżolvibbiltà ta’ dik l-istituzzjoni jew l-entità, inkluż l-impatt fuq ir-riżolvibbiltà li jirriżulta mir-riskju ta’ ksur tas-salvagwardji tal-kredituri previsti fl-Artikolu 73 meta jiġu applikati setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni għal obbligazzjonijiet eliġibbli.

Fil-każ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li mhuwiex legalment, jew b’xi mod ieħor, imprattikabbli li fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali jiġi inkluż terminu meħtieġ skont il-paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni jew l-entità, hija tista’ titlob, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-inklużjoni ta’ tali terminu kuntrattwali. Barra minn hekk, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrikjedi li l-istituzzjoni jew l-entità temenda l-prattiki tagħha rigward l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mir-rikonoxximent kuntrattwali tar-rikapitalizzazzjoni interna.

L-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jinkludi strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, strumenti tal-Grad 2 u strumenti ta’ dejn imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (48)(ii), fejn dawk l-istrumenti jkunu obbligazzjonijiet mhux garantiti. Barra minn hekk, l-obbligazzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu superjuri għall-obbligazzjonijiet li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 108(2).

Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkonkludi li l-obbligazzjonijiet li ma jinkludux it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu joħolqu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà, hija għandha tapplika s-setgħat previsti fl-Artikolu 17, kif xieraq biex tneħħi dak l-impediment għar-riżolvibbiltà.

L-obbligazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), tonqos milli tinkludi fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali t-terminu f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew li fir-rigward tagħhom, skont dan il-paragrafu, dak ir-rekwiżit ma japplikax ma għandhomx jingħaddu għall-fini tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli.”

;

(b)

fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (c) jitħassru;

(c)

jitħassar il-paragrafu 8;

(45)

l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni, f’konformità mal-Artikolu 60 mingħajr dewmien, fir-rigward tal-istrumenti kapitali rilevanti, u l-obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, maħruġa minn istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), u b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi implimentata b’mod effettiv is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni jew, fejn applikabbli, l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni għall-grupp ta’ riżoluzzjoni, fejn tapplika waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:”

;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju mill-istituzzjoni jew mill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) jew (d), ħlief meta dak l-appoġġ jingħata f’waħda mill-forom imsemmija fl-Artikolu 32c.”

;

(b)

fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

filwaqt li jittieħed kont tat-twaqqit u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li kwalunkwe azzjoni, inkluż miżuri alternattivi mis-settur privat, azzjoni superviżorja jew miżuri ta’ intervent bikri, apparti l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti u l-obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, jipprevjenu l-falliment tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), jew il-grupp fi skeda ta’ żmien raġonevoli.”

;

(46)

l-Artikolu 63 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

is-setgħa li jeżiġu li l-awtorità rilevanti tivvaluta lix-xerrej ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fil-ħin permezz ta’ deroga mil-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-Artikolu 27a tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/65/KE, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/65/UE, u minn kwalunkwe limitu ta’ żmien stabbilit fil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/909/oj)."

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2366/oj).”;"

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta s-setgħat imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e) jew (f), jiġu eżerċitati fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet ta’ twaqqit jew ammont inċert, it-tnaqqis jew il-konverżjoni għandhom ikunu effettivi jekk u ladarba l-obbligazzjoni rilevanti tiġi ddeterminata b’mod konklużiv f’termini ta’ twaqqit u ammont jew tkun inħolqot il-pretensjoni relatata magħha.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

soġġett għall-Artikolu 3(6) u l-Artikolu 85(1) ta’ din id-Direttiva, ir-rekwiżiti biex jinkisbu approvazzjoni jew kunsens minn kwalunkwe persuna pubblika jew privata, inkluż l-azzjonisti jew il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-Artikoli minn 22 sa 27 tad-Direttiva 2013/36/UE;”

;

(47)

fl-Artikolu 71a, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kwalunkwe kuntratt finanzjarju li jikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt joħloq obbligu ġdid, jew jemenda materjalment obbligu eżistenti wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-kuntratt jipprevedi l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ terminazzjoni wieħed jew aktar jew tad-drittijiet ta’ infurzar tal-interessi ta’ garanzija, li għalihom japplikaw l-Artikoli 33a, 68, 69, 70 jew 71 kieku l-kuntratt finanzjarju kien irregolat mil-liġijiet ta’ Stat Membru.”

;

(48)

fl-Artikolu 74(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri, jew l-iskemi rilevanti ta’ garanzija tad-depożiti fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 109(1), il-punt (a), u l-Artikolu 109(6), kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha tkun seħħet l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 82;”

;

(49)

L-Artikolu 75 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 75

Salvagwardja tal-azzjonisti u l-kredituri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk il-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 74 tiddetermina li kwalunkwe azzjonista jew kreditur imsemmi fl-Artikolu 73, jew l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 109(1), il-punt (a), u l-Artikolu 109(6), ikun ġarrab telf akbar milli kieku kien iġarrab fi stralċ taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, huwa jkollu d-dritt għal pagament tad-differenza mill-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni.”

;

(50)

fl-Artikolu 84, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa fl-istess Stat Membru, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Meta dik l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, għandha tiġi skambjata biss bil-kunsens espress tal-awtorità rilevanti li tkun żvelatha.”

;

(51)

jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin fil-Kapitolu VIII:

“Artikolu 84a

Informazzjoni miżmuma minn mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li joperaw il-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati stabbiliti skont l-Artikolu 32a tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, fuq talba tagħhom, informazzjoni relatata mal-għadd aggregat ta’ klijenti li għalihom istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tkun l-uniku sieħeb bankarju jew is-sieħeb bankarju prinċipali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jitolbu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 biss fuq bażi ta’ każ b’każ u fejn meħtieġ u proporzjonata għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 84b

Kunfidenzjalità ta’ informazzjoni privileġġata

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jeżerċitaw is-setgħat skont l-Artikolu 30a(3), (4) u (5), ta’ din id-Direttiva jew iwettqu valwazzjoni f’konformità mal-Artikolu 36 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, dwar it-tħejjija għar-riżoluzzjoni, sakemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li l-kunfidenzjalità ma għadhiex meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew jeżerċitaw is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli rilevanti f’konformità mal-Artikolu 59 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirrikjedu li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni privileġġata, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, dwar il-proċess ta’ riżoluzzjoni jew il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 59 ta’ din id-Direttiva, sakemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li l-kunfidenzjalità ma għadhiex meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

3.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjoni jew lill-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), hekk kif tqis li l-konformità mar-rekwiżit li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għadhiex meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

4.   Matul il-perjodu li fih l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tkun meħtieġa tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma għandux japplika.

5.   Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tirrikjedi li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni privileġġata f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, jew meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tinforma lil dik l-istituzzjoni jew l-entità li l-kunfidenzjalità ma għadhiex meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità kompetenti speċifikata fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 mill-aktar fis possibbli.

6.   L-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), ta’ din id-Direttiva tista’ tiżvela l-informazzjoni privileġġata msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu lil parti terza matul it-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet, kif jinsab fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, biss jekk il-persuna li tirċievi dik l-informazzjoni privileġġata jkollha dmir ta’ kunfidenzjalità, irrispettivament minn jekk tali dmir ikunx ibbażat fuq liġi, fuq regolamenti, fuq artikoli ta’ assoċjazzjoni, jew fuq kuntratt u tiżgura li dik l-informazzjoni tinżamm kunfidenzjali għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

7.   Meta, minkejja l-miżuri meħtieġa meħuda biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni privileġġata f’konformità mal-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu, il-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni ma tibqax żgurata, l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), għandha tiżvela l-informazzjoni privileġġata lill-pubbliku mill-aktar fis possibbli. Dan il-paragrafu għandu jinkludi sitwazzjonijiet meta xniegħa tkun relatata b’mod espliċitu ma’ dik l-informazzjoni privileġġata u dik ix-xniegħa tkun preċiża biżżejjed biex tindika li l-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni ma għadhiex żgurata.

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).”;"

(52)

l-Artikolu 88 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

l-awtoritajiet deżinjati tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti li magħhom huma affiljati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma parti mill-grupp.”

;

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu, meta s-sussidjarja tkun istituzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), u tkun ukoll entità ta’ likwidazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ dik is-sussidjarja għandha tiddeċiedi jekk għandhiex l-intenzjoni li tkun membru tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Jekk l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ tali sussidjarja tqis li s-sħubija mhijiex meħtieġa, għandha tfittex il-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp biex ma tibqax membru. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tagħti l-kunsens tagħha għall-waqfien tas-sħubija sakemm ma tkunx meħtieġa sħubija li tkompli għall-funzjonament xieraq u effettiv tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ bidliet materjali li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw il-kredibbiltà tal-proċedimenti ta’ insolvenza, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ tali sussidjarja għandha tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar il-ħtieġa li tirrestawra s-sħubija tagħha fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha, malli tirċievi tali notifika, tirrestawra dik is-sħubija.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 10(1), l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 17(1) u sabiex tiġi skambjata kwalunkwe informazzjoni rilevanti, jista’ jiġi stabbilit kulleġġ ta’ riżoluzzjoni:

(a)

fil-każ ta’ istituzzjoni b’fergħa sinifikanti waħda jew aktar li tkun tinsab fi Stati Membri oħrajn, mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-istituzzjoni;

(b)

fil-każ ta’ grupp magħmul minn intrapriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li huma stabbiliti fl-istess Stat Membru, u ta’ fergħat sinifikanti, li waħda jew aktar minnhom tkun tinsab fi Stati Membri oħra, mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-intrapriża prinċipali.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni jew l-intrapriża prinċipali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tippresiedi l-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u tistabbilixxi regoli xierqa għall-funzjonament tiegħu, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn. Att delegat adottat skont il-paragrafu 7 ma għandux japplika għall-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni stabbiliti skont dan il-paragrafu iżda għandu jitqies meta jiġu stabbiliti r-regoli għall-funzjonament tagħhom. Il-President tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għandu jiddeċiedi liema awtoritajiet jipparteċipaw f’laqgħa jew f’attività tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, b’kunsiderazzjoni tar-rilevanza tal-attività li għandha tiġi ppjanata jew ikkoordinata għal dawk l-awtoritajiet, b’mod partikolari l-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri kkonċernati u l-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Il-President tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għandu jżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni infurmati bis-sħiħ, bil-quddiem, dwar l-organizzazzjoni ta’ tali laqgħat, il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu diskussi u l-attivitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati. Il-President għandu jżomm ukoll lill-membri kollha tal-kulleġġ infurmati bis-sħiħ, fil-ħin, dwar l-azzjonijiet meħuda f’dawk il-laqgħat jew il-miżuri mwettqa.”

;

(53)

l-Artikolu 91 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), li hija sussidjarja fi grupp, tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1), il-punti (a) u (b), jew l-Artikolu 33(4), il-punti (a) u (b), kif applikabbli, dik l-awtorità għandha tinnotifika l-informazzjoni li ġejja, mingħajr dewmien, lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell ta’ grupp, jekk differenti, lis-superviżur konsolidanti u lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għall-grupp inkwistjoni:

(a)

id-deċiżjoni li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) jew (d), tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 32(1), il-punti (a) u (b), jew fl-Artikolu 33(4), il-punti (a) u (b), kif applikabbli;

(aa)

l-eżitu tal-valutazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (c) u fl-Artikolu 33(4), il-punt (c);

(b)

l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew il-miżuri ta’ insolvenza li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li huma xierqa għal dik l-istituzzjoni jew l-entità.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tista’ tiġi inkluża fin-notifiki kkomunikati skont l-Artikolu 81(3) lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, jekk differenti, lis-superviżur konsolidanti u lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għall-grupp inkwistjoni.”

;

(b)

fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq it-talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(54)

fl-Artikolu 92(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-EBA tista’, fuq it-talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”

;

(55)

fl-Artikolu 96(3), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ir-rekwiżiti relatati mal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni fit-Titolu IV, il-Kapitolu IV.”

;

(56)

fl-Artikolu 98, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-ministeri kompetenti jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, inkluż pjanijiet ta’ rkupru, mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”

;

(b)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, fosthom pjanijiet ta’ rkupru, mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

b’rabta mal-informazzjoni relatata mal-irkupru u r-riżoluzzjoni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu;

(b)

b’rabta ma’ informazzjoni oħra disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-informazzjoni relatata mal-irkupru u r-riżoluzzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha relatata direttament mal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva, b’mod partikolari l-ippjanar tal-irkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru, il-miżuri ta’ intervent bikri u l-iskambji mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rigward l-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.”

;

(57)

fl-Artikolu 101, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Meta japplika l-paragrafu 2, kwalunkwe remunerazzjoni varjabbli, inkluż benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni, tal-membri attwali u preċedenti tal-korp maniġerjali u tal-maniġment superjuri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għal perjodi qabel il-falliment tal-istituzzjoni li ma tħallsitx jew li ma ġietx vestita qabel id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi kkanċellata. Remunerazzjoni varjabbli, inkluż benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni, li ġiet vestita jew tħallset, fl-24 xahar ta’ qabel id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni, lill-membri attwali u preċedenti tal-korp maniġerjali u lill-maniġment superjuri għandha tiġi rritornata jew imħallsa lura minnhom, sakemm ma jagħtux prova li ma pparteċipawx fl-imġiba li rriżultat fil-falliment tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew li ma kinux responsabbli għaliha.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal remunerazzjoni varjabbli, inkluż benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni, li hija rregolata minn ftehim ta’ negozjar kollettiv.”

;

(58)

fl-Artikolu 102(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Jekk il-mezzi finanzjarji disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura f’konformità mal-Artikolu 103 għandhom jerġgħu jibdew sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddifferixxu l-ġbir tal-kontribuzzjonijiet ex ante miġbura f’konformità mal-Artikolu 103 għal massimu ta’ tliet snin biex jiżguraw li l-ammont li għandu jinġabar jilħaq ammont li jkun proporzjonat għall-kostijiet tal-proċess tal-ġbir, dment li tali differiment ma jaffettwax materjalment il-kapaċità tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tuża l-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101. Meta l-mezzi finanzjarji disponibbli jammontaw għal inqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li ma għandux jaqbeż is-sitt snin.”

;

(59)

l-Artikolu 103 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102 jistgħu jinkludu impenji ta’ pagamenti irrevokabbli li jkunu kompletament sostnuti b’kollateral ta’ assi b’riskju baxx mhux aggravati minn ebda dritt ta’ parti terza, għad-disponiment ħieles ta’, u allokati għal, l-użu esklużiv tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 101(1). Is-sehem tal-impenji irrevokabbli ta’ pagament ma għandux jaqbeż it-30 % tal-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet miġbura skont dan l-Artikolu. Fi ħdan dak il-limitu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina kull sena s-sehem tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli fl-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jinġabru f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teżerċita l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmula skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu meta jkun meħtieġ l-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101.

Meta entità ma tibqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tikkanċella l-impenji ta’ pagament irrevokabbli magħmula skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-kollateral li jappoġġa dawk l-impenji jiġi rritornat.

B’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jiġi ppreservat jew restawrat livell adegwat ta’ mezzi finanzjarji disponibbli fl-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa, mal-kanċellazzjoni tal-impenji ta’ pagament irrevokabbli, li jiddeterminaw ammont li l-entità msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tikkontribwixxi għall-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fil-forma, it-termini u t-twaqqit stabbiliti fid-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Il-kontribuzzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ impenji ta’ pagament irrevokabbli kkanċellati skont it-tieni subparagrafu.”

;

(60)

fl-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet ex post straordinarji ma għandux jaqbeż tliet darbiet 12,5 % tal-livell fil-mira speċifikat fl-Artikolu 102.”

;

(61)

fl-Artikolu 107(3), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni meħtieġa li ssir mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità mal-Artikolu 109;”

;

(62)

l-Artikolu 108 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw l-proċeduri ta’ insolvenza normali:

(a)

dawn li ġejjin ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità li tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista fil-punt (b):

(i)

depożiti koperti;

(ii)

pretensjonijiet ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti msemmija fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(b)

dawn li ġejjin ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità li tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista skont il-punt (c):

(i)

dik il-parti tad-depożiti eliġibbli minn persuni fiżiċi, minn impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u minn awtoritajiet pubbliċi li taqbeż il-livell ta’ kopertura previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/49/UE;

(ii)

depożiti li jkunu depożiti eliġibbli minn persuni fiżiċi, minn impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u minn awtoritajiet pubbliċi jekk ma jkunux saru permezz ta’ fergħat li jinsabu barra mill-Unjoni ta’ istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni;

(c)

id-depożiti mhux imsemmija fil-punti (a) u (b) ikollhom l-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità li hija ogħla mill-klassifikazzjoni prevista għall-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mhux garantiti.

Id-depożiti msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punti (b), (c), (f), (k) u (l), tad-Direttiva 2014/49/UE ma għandhomx jiġu inklużi fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), ta’ dan il-paragrafu, u ma għandux ikollhom klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mill-klassifikazzjoni prevista għall-pretensjonijiet ta’ kredituri ordinarji mhux garantiti.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“8.   Meta l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(3), il-punt (a) jew (b), jintużaw għat-trasferiment ta’ parti biss mill-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandu jkollu pretensjoni kontra l-istituzzjoni jew l-entità residwa msemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d), għal kwalunkwe spiża u telf imġarrba mill-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni bħala riżultat ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni magħmula għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 101(1) b’rabta mat-telf illi kieku kienu jġarrbu l-kredituri.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni msemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 37(7) ikollhom, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti normali ta’ insolvenza, klassifikazzjoni ta’ prijorità ppreferuta, li għandha tkun ogħla mill-klassifikazzjoni prevista għall-pretensjonijiet ta’ depożiti u ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

;

(63)

l-Artikolu 109 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 109

Użu ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u dment li tali azzjoni tiżgura li d-depożitanti jkomplu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li magħha tkun affiljata dik l-istituzzjoni ta’ kreditu tikkontribwixxi l-ammonti li ġejjin:

(a)

meta tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-fini tal-Artikolu 43(2), il-punt (a), indipendentement jew flimkien ma’ għodda ta’ riżoluzzjoni oħra, l-ammont li bih id-depożiti koperti kienu jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti sabiex jassorbu t-telf u jirrikapitalizzaw l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 46(1) kieku d-depożiti koperti kienu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikapitalizzazzjoni interna;

(b)

meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, indipendentement jew flimkien ma’ għodod oħra ta’ riżoluzzjoni, li jwasslu għall-ħruġ mis-suq tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni:

(i)

l-ammont meħtieġ biex tiġi koperta d-differenza bejn, minn naħa waħda, il-valur tad-depożiti koperti u tal-obbligazzjonijiet bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mid-depożiti koperti u, min-naħa l-oħra, il-valur tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur; u

(ii)

fejn rilevanti, ammont meħtieġ biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tar-riċevitur wara t-trasferiment.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu, meta t-trasferiment lir-riċevitur jinkludi depożiti li mhumiex depożiti koperti jew obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun waslet għall-konklużjoni li ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 44(3) japplikaw għal dawk id-depożiti jew l-obbligazzjonijiet, u meta la l-limitu stabbilit fl-Artikolu 44(5), il-punt (a), u lanqas il-limitu stabbilit fl-Artikolu 44(8), il-punt (a), għall-użu tal-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni ma jiġi sodisfatt permezz tal-kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni magħmula mill-azzjonisti u d-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, id-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u ta’ obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna, l-ammont ikkontribwit mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandu jkun dan li ġej:

(a)

l-ammont meħtieġ biex tiġi koperta d-differenza bejn, minn naħa waħda, il-valur tad-depożiti msemmija fl-Artikolu 108(1), l-ewwel subparagrafu, u tal-obbligazzjonijiet bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità jew bi klassifikazzjoni ta’ prijorità ogħla mid-depożiti koperti u, min-naħa l-oħra, il-valur tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li għandhom jiġu ttrasferiti lil riċevitur; u

(b)

fejn rilevanti, ammont meħtieġ biex tiġi żgurata n-newtralità tal-kapital tat-trasferiment għar-riċevitur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ladarba l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tkun għamlet kontribuzzjoni fil-każijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni toqgħod lura milli takkwista ishma f’impriżi oħrajn, kif ukoll milli tagħmel distribuzzjonijiet b’rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew pagamenti fuq strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali, u milli twettaq attivitajiet oħrajn li jistgħu jwasslu għal ħruġ ta’ fondi.

3.   Meta l-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jintużaw fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (a), biex jikkontribwixxu għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tittrasferixxi l-parteċipazzjonijiet tagħha ta’ ishma jew strumenti ta’ sjieda oħrajn fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lis-settur privat hekk kif iċ-ċirkostanzi kummerċjali u finanzjarji jippermettu dan.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tikkummerċjalizza l-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda msemmija fl-ewwel subparagrafu b’mod miftuħ u trasparenti. Kwalunkwe bejgħ bħal dan ma għandux jirrappreżenta ħażin dawk l-ishma jew l-istrumenti jew jiddiskrimina bejn xerrejja potenzjali u għandu jsir fuq termini kummerċjali.

4.   Il-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għal trasferiment li jinkludi depożiti li mhumiex depożiti koperti jew obbligazzjonijiet oħrajn b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tgħodd għal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 44(5), il-punt (a), u fl-Artikolu 44(8), il-punt (a), meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-valur totali tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fuq bażi individwali ma jaqbiżx EUR 80 biljun;

(b)

fl-24 xahar ta’ qabel id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ma tkunx ġiet identifikata bħala entità ta’ likwidazzjoni fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp jew fil-pjan ta’ riżoluzzjoni;

(c)

l-istrumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, u kwalunkwe obbligazzjoni li ma tibqax tikkwalifika bħala obbligazzjoni eliġibbli minħabba li ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 72c(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikunu ntużaw bis-sħiħ għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni, ħlief dawk l-obbligazzjonijiet eliġibbli li fir-rigward tagħhom l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li japplikaw iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 44(3) ta’ din id-Direttiva;

(d)

għal istituzzjoni taħt riżoluzzjoni b’valur totali tal-assi fuq bażi individwali ’l fuq minn EUR 30 biljun, il-livell tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(1) huwa mill-inqas ugwali għal-livell imsemmi fl-Artikolu 45c(6a).

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika biss meta l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ma tkunx kisret ir-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(2), il-punt (a), inkluż il-livelli ta’ mira intermedji korrispondenti determinati skont l-Artikolu 45 m(1) u (2), għal żewġ trimestri konsekuttivi fil-perjodu ta’ erba’ snin li jintemm fid-data qabel l-ewwel jum tat-tliet trimestri sħaħ li jippreċedu d-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Meta l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun applikat mill-inqas waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 45k(1) biex tindirizza ksur tar-rekwiżit imsemmi fl-Artikolu 45(2), il-punt (a), l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tqis il-ksur ta’ dak ir-rekwiżit matul l-erba’ trimestri sħaħ ta’ qabel id-deċiżjoni li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7).

5.   Meta l-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għal trasferiment li jinkludi depożiti li mhumiex depożiti koperti jew obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna oħra, skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu, flimkien mal-kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni magħmula mill-azzjonisti, u mid-detenturi ta’ strumenti ta’ sjieda oħra, mid-detenturi ta’ strumenti kapitali rilevanti u ta’ obbligazzjonijiet b’kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna oħra, jippermetti l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni, il-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tkun limitata għall-ammont meħtieġ biex jintlaħqu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 44(5), il-punt (a), u fl-Artikolu 44(8), il-punt (a). B’segwitu għall-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni għandu jintuża f’konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 44 u 101.

Meta istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkollha valur totali tal-assi fuq bażi individwali ta’ bejn EUR 30 biljun u EUR 80 biljun, il-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti skont dan il-paragrafu ma għandhiex taqbeż t-2,5 % tal-obbligazzjonijiet totali inkluż il-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

6.   Meta japplika l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(7), l-ewwel subparagrafu, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tagħmel kontribuzzjoni addizzjonali ugwali għall-ammont ta’ telf li d-depożiti koperti kienu jġarrbu kieku d-depożiti koperti ġarrbu telf fi proporzjon mat-telf imġarrab mill-kredituri bl-istess klassifikazzjoni ta’ prijorità fil-ġerarkija nazzjonali tal-insolvenza.

Il-kost tal-kontribuzzjoni addizzjonali tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux jaqbeż it-telf li kien iġarrab kieku l-istituzzjoni ġiet stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, kif stmat skont l-Artikolu 36(8).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet kollha, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti f’azzjoni ta’ riżoluzzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu ma jaqbiżx l-ammont imsemmi fl-Artikolu 11e, il-punt (a), tad-Direttiva 2014/49/UE.

Meta l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju jew l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja tiġi applikata skont il-paragrafu 1, il-punt (b), jew fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet ma għandux jaqbeż it-62,5 % tal-livell fil-mira tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti kif imsemmi fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49/UE.

L-awtorità maħtura tista’ tiddeċiedi li l-limitu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika fil-każ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tipprovdi lil dik l-awtorità maħtura b’ġustifikazzjoni li kontribuzzjoni mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti ta’ ammont ogħla minn 62,5 % tal-livell fil-mira tagħha hija meħtieġa biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja jew biex jiġi ppreservat l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti tagħhom.

Meta tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont il-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu, l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-iskema tal-garanzija tad-depożiti ma għandux jaqbeż it-telf li l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti kienet iġġarrab kieku l-istituzzjoni ġiet stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, kif stmat skont l-Artikolu 36(8).

Fuq talba, l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha tinforma minnufih lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-ammonti msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu.

8.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità ma’ dan l-Artikolu u għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-awtorità maħtura u lill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. L-iskema ta’ garanzija tad-depożiti għandha timplimenta dik id-deċiżjoni mingħajr dewmien.

9.   Meta depożiti eliġibbli f’istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu ttrasferiti lil entità oħra permezz tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja, id-depożitanti ma għandu jkollhom l-ebda pretensjoni skont id-Direttiva 2014/49/UE kontra l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fir-rigward ta’ kwalunkwe parti tad-depożiti tagħhom fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li ma tiġix trasferita, sakemm dak l-ammont tad-depożiti tagħhom li huwa ttrasferit ikun daqs jew iktar mil-livell aggregat ta’ kopertura previst fl-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva.

10.   Meta l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti tagħmel kontribuzzjoni għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni, għandu japplika l-Artikolu 101(3).

11.   L-EBA għandha, sal-11 ta’ Mejju 2028, toħroġ linji gwida, f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, dwar il-kundizzjonijiet biex l-awtorità maħtura ma tapplikax il-limitu msemmi fil-paragrafu 7, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu.”

;

(64)

fl-Artikolu 111(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

nuqqas ta’ qbil mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 44a;

(f)

nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 45e jew 45f.”

;

(65)

l-Artikolu 128 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 128

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet

“1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jikkooperaw mal-EBA għall-finijiet ta’ din id-Direttiva f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu lill-ABE bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

2.   L-EBA, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-BĊE għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha, l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha relatati mal-iżvilupp tal-politika, inkluż it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt, it-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi, u l-parteċipazzjoni fil-proċess leġiżlattiv. Meta xieraq, l-ABE, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u l-BĊE għandhom jikkoordinaw mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u membri oħra tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, f’konformità mal-qafas ta’ kooperazzjoni tagħhom.

3.   L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali minbarra l-BĊE għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu meta tali informazzjoni ma tkunx disponibbli għall-EBA, għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew għall-BĊE, jew meta ma jkunux jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. It-talba għandha tkun proporzjonata, ġustifikata u tiżgura perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-għoti tal-informazzjoni. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta f’forma li ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ entitajiet individwali u ma jkunx fiha data personali. Il-Kummissjoni u l-persunal tagħha għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 84 fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta.”

;

(66)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 128b

Mezzi ta’ divulgazzjoni

1.   Istituzzjonijiet għajr istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (145), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), ta’ din id-Direttiva għandhom jippreżentaw l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 45i(3) ta’ din id-Direttiva f’format elettroniku lill-EBA mhux aktar tard mid-data li fiha jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jew ir-rapporti finanzjarji tagħhom għall-perjodu korrispondenti, meta applikabbli, jew mill-aktar fis possibbli wara dik id-data. L-EBA għandha tippubblika dik l-informazzjoni, flimkien mad-data ta’ preżentazzjoni tagħha, fuq is-sit web tagħha.

L-EBA għandha tiżgura li d-divulgazzjonijiet li jsiru fuq is-sit web tagħha jkun fihom informazzjoni identika għal dik li l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ikunu ppreżentaw lilha. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw l-informazzjoni mill-ġdid lill-EBA f’konformità mal-istandards tekniċi msemmija fl-Artikolu 45i(6). L-EBA għandha tagħmel disponibbli fuq is-sit web tagħha d-data ta’ meta tkun saret il-preżentazzjoni mill-ġdid.

L-EBA għandha tħejji u żżomm aġġornata għodda li tispeċifika l-immappjar tal-mudelli u t-tabelli għad-divulgazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 45i(3) ma’ dawk dwar ir-rappurtar superviżorju f’konformità mal-Artikolu 45i(1). L-għodda ta’ mmappjar għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-EBA.

L-istituzzjonijiet u l-entitajiet jistgħu jkomplu jippubblikaw dokument awtonomu li jipprovdi sors faċilment aċċessibbli ta’ informazzjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni għall-utenti ta’ dik l-informazzjoni jew taqsima distintiva inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji jew fir-rapporti finanzjarji tal-istituzzjonijiet jew tal-entitajiet, jew mehmuża magħhom, li jkun fihom id-divulgazzjonijiet meħtieġa u jkunu faċilment identifikabbli għal dawk l-utenti. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet jistgħu jinkludu fuq is-siti web tagħhom link għas-sit web tal-EBA fejn l-informazzjoni prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni tiġi ppubblikata b’mod ċentralizzat.

2.   Meta l-Artikolu 45i(1) u (3) ta’ din id-Direttiva japplikaw għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (145), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-EBA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha d-divulgazzjonijiet ta’ dawk l-istituzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 45i(3) abbażi tal-informazzjoni rrappurtata minn dawk l-istituzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 45i(1).

3.   L-EBA għandha tippubblika divulgazzjonijiet annwali fuq is-sit web tagħha fl-istess data li fiha l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom jew mill-aktar fis possibbli wara dik id-data.

L-EBA għandha tippubblika divulgazzjonijiet semiannwali u trimestrali, meta applikabbli, fuq is-sit web tagħha fl-istess data li fiha l-istituzzjonijiet u l-entitajiet jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom għall-perjodu korrispondenti jew kemm jista’ jkun malajr wara dik id-data.

Kwalunkwe dewmien bejn id-data tal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u r-rapporti finanzjarji rilevanti għandu jkun raġonevoli.

4.   L-EBA għandha tagħmel disponibbli fuq is-sit web tagħha arkivju tal-informazzjoni meħtieġa li tiġi ddivulgata f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Dak l-arkivju għandu jinżamm aċċessibbli għal perjodu li ma għandux ikun iqsar mill-perjodu ta’ ħżin stabbilit mil-liġi nazzjonali għall-informazzjoni inkluża fir-rapporti finanzjarji tal-istituzzjonijiet jew tal-entitajiet. Is-sjieda tad-data u r-responsabbiltà għall-akkuratezza tagħha għandhom jibqgħu f’idejn l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jipproduċuha.

Artikolu 128c

Simulazzjonijiet tal-immaniġġar tal-kriżijiet

1.   L-EBA għandha tikkoordina eżerċizzji regolari fl-Unjoni kollha biex tittestja l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) u tad-Direttiva 2014/49/UE f’sitwazzjonijiet transfruntieri fuq l-aspetti li ġejjin:

(a)

il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti matul l-ippjanar tal-irkupru;

(b)

il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti qabel il-falliment u matul ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti (b), (c) u (d), ta’ din id-Direttiva, inkluż fl-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni adottati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

2.   L-EBA għandha tħejji rapport li jiddeskrivi s-sejbiet u l-konklużjonijiet ewlenin tal-eżerċizzji msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat.

Artikolu 128d

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   B’deroga mill-Artikolu 45b(1a), id-depożiti meħuda qabel it-12 ta’ Mejju 2028 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45b(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 45c(2a), it-tieni subparagrafu, jew l-Artikolu 45f(2), il-punt (a), jistgħu jiġu inklużi fl-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli sal-11 ta’ Mejju 2029.

2.   Fir-rigward tal-perjodi tranżizzjonali għall-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punt (b), (c) jew (d) ta’ din id-Direttiva, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 45e jew 45f ta’ din id-Direttiva jew mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 45b(4), (5) jew (7) ta’ din id-Direttiva, kif xieraq, determinati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni qabel it-12 ta’ Mejju 2028, l-Artikolu 1, il-punt (39)(a), tad-Direttiva (UE) 2026/806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) ma għandux japplika.

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/806/oj)."

(*6)  Id-Direttiva (UE) 2026/806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward ta’ miżuri ta’ intervent bikri, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-finanzjament ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/24/UE fir-rigward tas-servizzi ta’ valwazzjoni f’riżoluzzjoni (ĠU L L, 2026/806, 20.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/806/oj).”;"

(67)

fl-Anness, it-Taqsima B, jiddaħħal dan il-punt li ġej:

“(5a)

deskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni u tal-entitajiet ġuridiċi kollha tagħha rregolati mil-liġi ta’ pajjiż terz, inkluż:

—

l-ammont tagħhom;

—

il-kompożizzjoni tagħhom, inkluż il-profil ta’ maturità tagħhom;

—

il-liġi applikabbli tal-pajjiż terz;

—

il-klassifikazzjoni tagħhom fi proċedimenti ta’ insolvenza normali;

—

jekk l-obbligazzjoni hijiex eskluża skont l-Artikolu 44(2);

—

jekk jinkludux fid-dispożizzjonijiet kuntrattwali t-terminu meħtieġ skont l-Artikolu 55(1) ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 52(1), il-punti (p) u (q), u l-Artikolu 63, il-punti (n) u (o), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

—

meta tkun intlaħqet determinazzjoni li jkun legalment jew mod ieħor imprattikabbli li jiġi inkluż it-terminu kuntrattwali ta’ rikonoxximent tar-rikapitalizzazzjoni interna f’konformità mal-Artikolu 55(2), il-kategorija tal-obbligazzjoni skont l-Artikolu 55(7).”.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 2014/24/UE

Fl-Arikolu 10 tad-Direttiva 2014/24/UE, jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

servizzi ta’ valwazzjoni msemmija fl-Artikoli 36 u 74 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

(*7)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/59/oj).”."

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   Sal-11 ta’ Mejju 2028, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dawn.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-12 ta’ Mejju 2028.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, il-miżuri għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza, meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punt (65), għandu japplika mill-11 ta’ Mejju 2026 u l-Artikolu 1, il-punti (44)(b) u (c), għandhom japplikaw mit-12 ta’ Mejju 2028.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2026.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYIOTOU


(1)   ĠU C 307, 31.8.2023, p. 19.

(2)   ĠU C 349, 29.9.2023, p. 161.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (ĠU C, C/2025/3753, 17.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3753/oj) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-5 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/59/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/806/oj).

(6)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/2034/oj).

(8)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/49/oj).

(9)  Id-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/9/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2033/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/876/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/877/oj).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/879/oj).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/596/oj).

(18)  Id-Direttiva (UE) 2026/804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2026 li temenda d-Direttiva 2014/49/UE fir-rigward tal-ambitu tal-protezzjoni tad-depożiti, tal-użu tal-fondi ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti, tal-kooperazzjoni transfruntiera, u tat-trasparenza (ĠU L, 2026/804, 20.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/804/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(20)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2026/806/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top