Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026D1704

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2026/1704 tal-10 ta’ Lulju 2026 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom lil atturi mhux Statali

ST/10047/2026/INIT

ĠU L, 2026/1704, 13.7.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1704/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1704/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1704

13.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1704

tal-10 ta’ Lulju 2026

b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom lil atturi mhux Statali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

Fit-28 ta’ April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (il-“UNSCR 1540 (2004)”), li kienet l-ewwel strument internazzjonali biex jiġu ttrattati b’mod integrat u komprensiv l-armi ta’ qerda massiva, il-mezzi ta’ twassil tagħhom u l-materjal relatat. Il-UNSCR 1540 (2004) stabbilixxiet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha, li kellhom l-għan li jimpedixxu u jiskoraġġixxu lill-atturi mhux Stati milli jaċċedu għal tali armi u materjal relatat mal-armi. Stiednet ukoll lill-Istati jippreżentaw rapport lill-kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit bir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (il-“Kumitat 1540”) dwar il-passi li ħadu jew li biħsiebhom jieħdu biex jimplimentaw il-UNSCR 1540 (2004).

(3)

Fis-27 ta’ April 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1673 (2006) u ddeċieda li l-Kumitat 1540 kellu jintensifika l-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004) permezz ta’ programmi ta’ ħidma, ħidma biex jintlaħqu n-nies, assistenza, djalogu u kooperazzjoni. Huwa stieden ukoll lill-Kumitat 1540 jesplora mal-Istati u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali l-possibbiltà ta’ kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-lezzjonijiet meħuda, u d-disponibbiltà ta’ programmi li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

(4)

Fl-20 ta’ April 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1977 (2011) u ddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat 1540 għal perjodu ta’ 10 snin sal-25 ta’ April 2021. Huwa ddeċieda wkoll li l-Kumitat 1540 kellu jintensifika l-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004) mill-Istati kollha; jimpenja ruħu attivament biex l-offerti ta’ assistenza jikkorrispondu mad-domandi għaliha, permezz ta’ mezzi bħaż-żjarat, fuq stedina tal-Istat ikkonċernat, mudelli ta’ assistenza, pjanijiet ta’ azzjoni jew informazzjoni oħra preżentata lill-Kumitat 1540; u jwettaq rieżami komprensiv dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) qabel Diċembru 2016.

(5)

Fil-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta b’mod unanimu r-Riżoluzzjoni 2325 (2016) u b’hekk approva l-eżitu tal-proċess ta’ rieżami komprensiv tal-UNSCR 1540 (2004) li twettaq matul l-2016. Huwa stieden lill-Istati kollha jsaħħu l-miżuri nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) u appella għal aktar assistenza għall-bini tal-kapaċità tal-Istat f’dak ir-rigward, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet volontarji, kif ukoll għal kooperazzjoni akbar fost il-partijiet ikkonċernati, is-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika.

(6)

Fit-30 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 2663 (2022), u ddeċieda li jestendi l-mandat tal-Kumitat 1540 għal perjodu ta’ 10 snin sat-30 ta’ Novembru 2032.

(7)

L-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), li mill-2006 ġiet mgħoddija permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Konġunti tal-Kunsill 2006/419/PESK (1) u 2008/368/PESK (2) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/391/PESK (3), (PESK) 2017/809 (4) u (PESK) 2023/654 (5), ikkontribwixxa biex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta’ Stati li ma rrappurtawx u l-għadd ta’ Stati li ma ppreżentawx informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-Kumitat 1540 wara li ppreżentaw rapporti mhux kompluti. Madankollu, b’kont meħud li għad hemm ħtieġa għal appoġġ kontinwu għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), jenħtieġ li l-Unjoni tadotta din id-Deċiżjoni, li ser tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA), li huwa responsabbli għall-għoti ta’ appoġġ sostantiv u loġistiku lill-Kumitat 1540 u lill-Grupp ta’ Esperti tiegħu, jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu skont din id-Deċiżjoni.

(9)

Din id-Deċiżjoni hija gwidata mill-prinċipju li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza miksuba permezz ta’ azzjonijiet konġunti u deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Hija tagħti prijoritàlill-ħtiġijiet speċifiċi identifikati mill-Istati, u t-talbiet tagħhom, inkluż ir-rekwiżiti tal-kapaċità, u tipprovdi assistenza u bini tal-kapaċità permezz ta’ approċċi mfassla apposta u mmexxija mid-domanda. Tinkoraġġixxi s-sjieda nazzjonali u reġjonali ta’ attivitajiet appoġġati bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sostenibbiltà fit-tul u ż-żamma tal-kapaċità istituzzjonali, kif ukoll il-komplementarjetà, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn l-UNODA, l-UE u atturi internazzjonali, reġjonali u subreġjonali rilevanti involuti fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Din id-Deċiżjoni tiffoka fuq attivitajiet li wrew riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu, b’mod partikolari fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni nazzjonali, it-titjib tal-mekkaniżmi ta’ rappurtar u assistenza, is-sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti u t-trawwim ta’ impenn sostnut għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Din id-Deċiżjoni ttejjeb il-kapaċità ta’ rispons għall-opportunitajiet u l-isfidi preżentati mit-teknoloġiji emerġenti, l-avvanzi xjentifiċi u r-riskji ta’ użu doppju li qed jevolvu, fil-kuntest tal-UNSCR 1540 (2004); u tiżgura l-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet tal-proġett u tippromwovi l-parteċipazzjoni u t-tmexxija min-nisa f’attivitajiet u djalogi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(10)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata f’konformità mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv konkluż mill-Kummissjoni man-NU dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni għal programmi jew proġetti amministrati min-NU,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet li ġejjin li jikkorrispondu għal miżuri stabbiliti fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva:

(a)

sessjonijiet ta’ workshops u taħriġ tematiċi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal mhux aktar minn ħames talbiet għal assistenza mill-Istati;

(b)

taħriġ għall-Punti ta’ Kuntatt Reġjonali;

(c)

eżerċizzju ta’ simulazzjoni prattiċi jew eżerċizzju ta’ diskussjoni simulata;

(d)

appoġġ għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u l-għoti ta’ appoġġ imfassal apposta;

(e)

ġenerazzjoni u disseminazzjoni tal-għarfien.

Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (Ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-UNODA. Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 999 934,66.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim meħtieġ mal-UNODA. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tal-kontribuzzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk dak il-ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dik id-data.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/419/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2006 b’appoġġ għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1540 (2004) tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 165, 17.6.2006, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/419/oj).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/368/PESK tal-14 ta’ Mejju 2008 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 127, 15.5.2008, p. 78, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/368/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/391/PESK tat-22 ta’ Lulju 2013 b’appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/391/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/809 tal-11 ta’ Mejju 2017 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 121, 12.5.2017, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/809/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/654 tal-20 ta’ Marzu 2023 b’appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 81, 21.3.2023, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/654/oj).


ANNESS

Dokument ta' Proġett

Kontribut tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom lil atturi mhux statali

1.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

F'konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea (UE) kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva adottata fit-12 ta' Diċembru 2003, li tistabbilixxi l-objettiv li jitrawwem ir-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u jittejjeb il-kapaċità tiegħu li jindirizza l-isfidi tal-proliferazzjoni, matul is-snin l-UE appoġġat b'mod konsistenti l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti tiegħu.

Mill-2006, dan l-appoġġ ingħata permezz ta' Azzjonijiet Konġunti suċċessivi tal-Kunsill tal-UE u Deċiżjonijiet tal-Kunsill, implimentati mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA). Il-UNODA għandu l-mandat li jipprovdi appoġġ lill-Kumitat stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà (il-“Kumitat 1540”) u l-Grupp ta' Esperti tiegħu u serva bħala l-entità ta' implimentazzjoni tal-programm għal proġetti ffinanzjati mill-UE b'appoġġ għar-riżoluzzjoni.

Il-UNODA għandu rwol ċentrali fil-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni 1540 fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali. F'konformità mal-mandati tiegħu, inkluż skont ir-Riżoluzzjoni 1977 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-UNODA pprovda pjattaformi biex issir sensibilizzazzjoni dwar ir-Riżoluzzjoni 1540, jissaħħu l-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni nazzjonali, u jitrawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tematiċi u trasversali. Permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat 1540, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, l-entitajiet internazzjonali speċjalizzati, l-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali u s-soċjetà ċivili, il-UNODA espanda progressivament u fassal l-appoġġ tiegħu biex jindirizza l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet speċifiċi tal-pajjiżi u r-reġjuni.

Il-kontribut sinifikanti tal-UNODA għall-isforzi globali li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 huwa evidenti wkoll fl-għadd kbir ta' attivitajiet imwettqa. Bejn l-2011 u l-2025, il-UNODA appoġġa, organizza jew koorganizza aktar minn 200 attività, filwaqt li enfasizza r-rwol ċentrali tiegħu fl-avvanz tal-isforzi ta' implimentazzjoni u assistenza globalment. L-attivitajiet imwettqa skont Deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill tal-UE pproduċew riżultati li jistgħu jitkejlu, inkluż rati ta' rappurtar imtejba u oqfsa legali u istituzzjonali nazzjonali msaħħa għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 u riżoluzzjonijiet sussegwenti. Minkejja dawn l-avvanzi, għad hemm lakuni importanti fl-implimentazzjoni f'ħafna reġjuni. Ħafna Stati għadhom qed jiffaċċaw sfidi relatati mal-iżvilupp ta' oqfsa leġiżlattivi u regolatorji, mal-koordinazzjoni bejn l-aġenziji, mal-għarfien espert tekniku u mar-restrizzjonijiet tar-riżorsi.

Ir-reġjuni ta' prijorità identifikati għall-proposta - l-Afrika, l-Amerka Latina u l-Karibew, u l-Asja u l-Paċifiku - għadhom lura fl-implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni 1540. Fl-Afrika, filwaqt li r-riskji ta' proliferazzjoni għadhom sinifikanti u t-theddida maħluqa minn gruppi terroristiċi hija meqjusa bħala l-aktar prevalenti meta mqabbla ma' reġjuni oħra, ftit biss aktar minn terz tal-Istati jindikaw li hemm fis-seħħ miżuri istituzzjonali u legali ewlenin. B'mod partikolari, sebgħa mit-tmien Stati Membri li ma ppreżentawx rapport nazzjonali skont ir-Riżoluzzjoni 1540 huma mir-reġjun. Għalhekk id-Deċiżjoni proposta ser tipprijoritizza u tespandi l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet xprunati mid-domanda, inkluż l-iżvilupp leġiżlattiv, li jibqa' prijorità ewlenija. Fl-Amerka Latina u l-Karibew, ir-riskji għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 huma għoljin, b'mod partikolari fid-dawl tal-espansjoni rapida tal-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u l-lakuni persistenti fis-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni. Madwar nofs l-Istati Membri jirrapportaw li għandhom miżuri fis-seħħ, iżda l-implimentazzjoni għadha irregolari, bi strumenti leġiżlattivi frammentati u koordinazzjoni istituzzjonali inkonsistenti. Id-Deċiżjoni proposta ser tipprijoritizza assistenza legali u teknika mfassla apposta, ikkomplementata minn kooperazzjoni reġjonali msaħħa, biex tavvanza l-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti. Fl-Asja u l-Paċifiku, il-kummerċ illeċitu u l-finanzjament ta' oġġetti mhux regolati li joħolqu riskju ta' proliferazzjoni jibqgħu sfida sinifikanti għas-sigurtà reġjonali. Jeżistu bosta miżuri ta' implimentazzjoni iżda għadhom irregolari, b'lakuni fl-oqfsa leġiżlattivi, fil-koordinazzjoni bejn l-aġenziji u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Id-Deċiżjoni proposta ser issaħħaħ l-assistenza leġiżlattiva u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonalizzat, inkluż billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-kontroll tal-esportazzjoni u tal-infurzar skont ir-Riżoluzzjoni 1540, sabiex tavvanza l-ġestjoni strateġika u effettiva tal-kummerċ.

Sfida trażversali komuni fir-reġjuni kollha hija r-restrizzjonijiet persistenti tar-riżorsi, bil-punti ta' kuntatt nazzjonali b'rabta mal-1540 spiss affettwati minn fatturat għoli, taħriġ limitat u prijoritajiet li jikkompetu ma' xulxin, li jenfasizzaw il-ħtieġa għal tisħiħ sostnut tal-kapaċitajiet, appoġġ immirat għar-riżorsi u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jeħtieġ impenn sostnut li jsaħħaħ il-kapaċitajiet istituzzjonali u jippromwovi s-sjieda nazzjonali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-isforzi ta' implimentazzjoni.

Barra minn hekk, żviluppi bħat-teknoloġiji emerġenti u r-riskji ta' użu doppju li qed jevolvu jenfasizzaw ir-rilevanza kontinwa tar-Riżoluzzjoni 1540 u l-ħtieġa għal appoġġ internazzjonali sostnut u adattiv. Il-proġett ser jikkontribwixxi wkoll għall-isforzi internazzjonali li għaddejjin bi tħejjija għar-rieżami komprensiv tal-2027 tal-istatus tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540.

Huwa mifhum li l-proposta attwali twassal għal bidla għal assistenza diretta mmexxija mid-domanda lill-Istati Membri fuq talba, f'konformità mat-tagħlimiet meħuda minn attivitajiet implimentati taħt Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-passat u r-Rieżami Komprensiv tal-2022 tal-Kumitat tar-Riżoluzzjoni 1540, li enfasizza l-ħtieġa li jittejjeb ir-rispons għat-talbiet għall-assistenza. Abbażi tal-progress miksub u l-ħtiġijiet identifikati, il-proposta attwali għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-kapaċità u l-kooperazzjoni reġjonali, filwaqt li tippromwovi wkoll attivitajiet transreġjonali.

L-impenn kontinwu tal-UE - permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ulterjuri - ser ikun essenzjali biex jiġu kkonsolidati l-kisbiet miksuba s'issa, jinżamm il-momentum fl-implimentazzjoni tal-isforzi u jissaħħu aktar il-kapaċitajiet tal-Istati Membri permezz ta' appoġġ konsistenti u fit-tul.

2.   QAFAS ĠENERALI

Dan il-proġett propost ser jibni fuq il-kisbiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/654 u Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540, implimentata mill-UNODA. Fejn rilevanti, jistgħu jiġu implimentati attivitajiet speċifiċi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali oħra. L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) tappoġġa l-implimentazzjoni ta' attivitajiet rilevanti fir-reġjun rispettiv tagħha skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta, b'finanzjament għal tali attivitajiet li għandu jiġi dirett permezz tal-UNODA.

L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE proposta ser tkun iggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

a)

Isir l-aqwa użu mill-esperjenza u t-tagħlimiet miksubin permezz ta' Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti b'appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540;

b)

Il-prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi identifikati mill-Istati u t-talbiet tagħhom inkluż ir-rekwiżiti tal-kapaċità, u tipprovdi assistenza u tisħiħ tal-kapaċitajiet permezz ta' approċċi mfassla apposta u mmexxija mid-domanda;

c)

L-inkoraġġiment tas-sjieda nazzjonali u reġjonali ta' attivitajiet appoġġati bil-ħsieb li jiġu żgurati s-sostenibbiltà fit-tul u ż-żamma tal-kapaċità istituzzjonali;

d)

L-iżgurar tal-komplementarjetà, il-koordinazzjoni u s-sinerġiji bejn l-UNODA, l-UE u atturi internazzjonali, reġjonali u subreġjonali rilevanti involuti fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540;

e)

L-iffokar fuq attivitajiet li wrew riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu, b'mod partikolari fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni nazzjonali, it-titjib tal-mekkaniżmi ta' rappurtar u assistenza, is-sensibilizzazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti u t-trawwim ta' impenn sostnut għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540;

f)

It-titjib tal-kapaċità ta' rispons għall-opportunitajiet u l-isfidi ppreżentati mit-teknoloġiji emerġenti, l-avvanzi xjentifiċi u r-riskji ta' oġġetti b'użu doppju li qed jevolvu, fil-kuntest tar-riżoluzzjoni 1540; u

g)

L-iżgurar tal-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet tal-proġett u tippromwovi l-parteċipazzjoni u t-tmexxija min-nisa f'attivitajiet u djalogi skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta.

3.   OBJETTIVI

Filwaqt li jibni fuq il-progress miksub permezz ta' Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-UE u infurmat mir-Rieżami Komprensiv tal-2022, l-UNODA ser ikompli jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva u universali tar-Riżoluzzjoni 1540 u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti tagħha permezz ta' miżuri mmirati u kkoordinati mmirati lejn it-tisħiħ tal-isforzi u l-kapaċitajiet ta' implimentazzjoni nazzjonali, subreġjonali u reġjonali. Dawn il-miżuri ser jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-punti ta' kuntatt nazzjonali, l-iffaċilitar tal-assistenza teknika u tematika b'rispons għall-ħtiġijiet tal-Istat u permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali u sensibilizzazzjoni msaħħa fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Kif enfasizzat mill-eżiti tar-rieżamijiet komprensivi mill-2009, it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 jirrikjedi sforzi kkoordinati pluriennali li huma mfasslin għall-kuntest reġjonali u l-partikolaritajiet nazzjonali. Il-programm ser jibni u jsostni l-momentum ta' implimentazzjoni għall-attivitajiet taħt proposti ta' għotjiet preċedenti tal-UE permezz ta' approċċ fuq diversi binarji li jinkludi dan li ġej:

Objettiv ġenerali (impatt mistenni)

F'konformità mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, l-objettiv ġenerali tal-programm huwa li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni nazzjonali sħiħa u effettiva tar-Riżoluzzjoni 1540, li tibqa' pilastru tal-arkitettura internazzjonali tan-nonproliferazzjoni.

Dan l-objettiv jibni fuq l-appoġġ preċedenti tal-UE pprovdut permezz tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/419/PESK u 2008/368/PESK u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/391/CFSP, (PESK) 2017/809 u (PESK) 2023/654.

Objettivi speċifiċi

a)

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali biex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1540, inkluż permezz ta' taħriġ, tisħiħ tal-kapaċitajiet, assistenza teknika u faċilitazzjoni ta' talbiet u offerti ta' assistenza;

b)

It-titjib tal-kapaċità, ir-rwol u l-effettività tal-punti ta' kuntatt nazzjonali, inkluż koordinazzjoni, kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni mtejba fost l-Istati mal-Kumitat 1540 u fost il-punti ta' kuntatt infushom, biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni effettiva tar-riżoluzzjoni;

c)

L-appoġġ għall-iżvilupp, l-aġġornament u l-implimentazzjoni prattika ta' pjanijiet ta' azzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali volontarji, fuq talba tal-Istati, u l-faċilitazzjoni tal-aċċess sussegwenti għal assistenza mfassla apposta biex jiġu indirizzati l-lakuni u l-ħtiġijiet identifikati;

d)

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni subreġjonali, reġjonali u internazzjonali, li tikkontribwixxi għal sinerġiji, koerenza u komplementarjetà akbar fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540;

e)

It-titjib tas-sensibilizzazzjoni fost l-udjenzi rilevanti, inkluż l-awtoritajiet tal-gvern, il-membri parlamentari, is-settur privat, l-akkademja u s-soċjetà ċivili dwar l-obbligi u l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540;

f)

It-tisħiħ tal-involviment sinifikanti tal-udjenzi rilevanti, inkluż in-nisa, fl-isforzi ta' implimentazzjoni internazzjonali, reġjonali u nazzjonali tar-Riżoluzzjoni 1540;

g)

L-appoġġ għall-implimentazzjoni prattika tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tar-Rieżamijiet Komprensivi tal-2009, l-2016 u l-2022, kif ukoll it-tħejjijiet għar-Rieżami Komprensiv tal-2027 u l-implimentazzjoni tal-eżitu tiegħu.

4.   RIŻULTATI MISTENNIJA

Riżultat ġenerali mistenni:

Implimentazzjoni nazzjonali msaħħa tar-Riżoluzzjoni 1540 mill-Istati Membri.

Riżultati speċifiċi:

a)

Sensibilizzazzjoni akbar fost l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-Riżoluzzjoni 1540;

b)

Oqfsa legali, regolatorji u amministrattivi nazzjonali mtejba u msaħħa relatati mar-Riżoluzzjoni 1540;

c)

Kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi msaħħa tal-punti ta' kuntatt u partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti oħra u koordinazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji;

d)

Kwalità, kompletezza, konsistenza u puntwalità akbar tar-rapporti nazzjonali, tal-pjanijiet ta' azzjoni volontarji u tas-sottomissjonijiet relatati lill-Kumitat 1540; u

e)

Koordinazzjoni, komplementarjetà u kondiviżjoni tal-informazzjoni msaħħa bejn is-sħab internazzjonali, reġjonali u subreġjonali.

5.   ATTIVITAJIET

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda miċ-ċiklu tal-għotjiet li għaddej bħalissa, dan il-proġett jiffoka fuq attivitajiet nazzjonali u subreġjonali mmirati, bħal eżerċizzji ta' simulazzjoni, aktar milli avvenimenti ta' sensibilizzazzjoni reġjonali fuq skala kbira. Dan l-approċċ jippermetti appoġġ aktar prattiku u ffukat bi tweġiba għal talbiet speċifiċi mill-Istati Membri. Ser ikompli jingħata taħriġ dwar il-Punti ta' Kuntatt Reġjonali biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-għarfien.

I.   Kapaċità msaħħa tal-uffiċjali tal-Gvern biex jimplimentaw l-obbligi tar-Riżoluzzjoni 1540

Attività 1A: Sessjonijiet ta' Ħidma u Taħriġ Tematiċi għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet

Ser jiġu organizzati sessjonijiet ta' ħidma u taħriġ tematiċi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'rispons għal massimu ta' ħames talbiet ta' assistenza mill-Istati, bi prijorità mogħtija lil pajjiżi fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, l-Amerka Latina u l-Karibew. Dawn l-attivitajiet ser jikkomplementaw il-funzjoni ta' tqabbil tal-assistenza tal-Kumitat 1540 u ser jappoġġaw lill-Istati biex jieħdu passi prattiċi u mmirati biex isaħħu l-implimentazzjoni nazzjonali tar-Riżoluzzjoni 1540. Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma u t-taħriġ ser itejbu l-kapaċità tal-uffiċjali tal-Gvern u jsaħħu l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji, filwaqt li jikkontribwixxu għal implimentazzjoni nazzjonali aktar effettiva. Organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, kif ukoll esperti fis-suġġett, jistgħu jiġu mistiedna jipprovdu taħriġ, jippreżentaw għodod leġiżlattivi u jikkondividu programmi ta' assistenza rilevanti.

Skont il-ħtiġijiet u l-kuntesti nazzjonali, is-sessjonijiet ta' ħidma jista' jkollhom l-għan li:

Jqajmu kuxjenza dwar ir-Riżoluzzjoni 1540 u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti tagħha;

Jirrieżaminaw l-oqfsa legali u regolatorji nazzjonali u l-miżuri ta' infurzar biex jidentifikaw lakuni u azzjonijiet ta' prijorità;

Jidentifikaw l-entitajiet nazzjonali involuti u jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet;

Jipprovdu assistenza teknika mfassla apposta biex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali sostenibbli; u

Jindirizzaw l-isfidi u l-opportunitajiet emerġenti, inkluż dawk relatati mal-iżviluppi teknoloġiċi, ir-riskji ta' oġġetti b'użu doppju u t-trasferimenti tat-teknoloġija intanġibbli, kif xieraq.

Attività 1B: Taħriġ ta' Punti ta' Kuntatt Reġjonali

Il-punti ta' kuntatt jaġixxu bħala punti ta' kollegament bejn il-Kumitat u l-awtoritajiet nazzjonali u jissodisfaw ir-rwol ta' koordinaturi nazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għalhekk, programmi ta' taħriġ immirati għal punti ta' kuntatt 1540 huma kontribut kritiku għat-tisħiħ tal-fehim tar-Riżoluzzjoni 1540, l-obbligi tagħha għall-Istati Membri, kif ukoll l-isfidi ta' implimentazzjoni u l-kapaċitajiet meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati. Sadanittant, minħabba l-frekwenza fir-rotazzjonijiet tal-punti ta' kuntatt kif ukoll l-ambjent operattiv li qed jevolvi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540, it-taħriġ tal-punti ta' kuntatt jeħtieġ li jitwettaq b'mod regolari u sostnut. Ser jingħata appoġġ għal erba' korsijiet ta' taħriġ reġjonali għall-punti ta' kuntatt nazzjonali nominati mill-Istati. It-taħriġ ser isaħħaħ l-għarfien tal-punti ta' kuntatt dwar ir-Riżoluzzjoni 1540 u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti, jiċċara r-responsabbiltajiet tal-Istati, kif ukoll l-opportunitajiet ta' assistenza disponibbli u jsaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni fost il-punti ta' kuntatt u bejn il-Kumitat 1540 u l-punti ta' kuntatt.

Attività 1C: Eżerċizzji ta' simulazzjoni

Ser jitwettqu żewġ eżerċizzji ta' simulazzjoni (TTXs) biex l-Istati parteċipanti jiġu pprovduti b'taħriġ prattiku u bbażat fuq xenarji relatati mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540. Dawn l-eżerċizzji ser jappoġġaw l-applikazzjoni prattika u l-validazzjoni tal-oqfsa nazzjonali, il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-eżerċizzji ta' simulazzjoni jistgħu jiffukaw fuq xenarji li jinvolvu riskji relatati mal-proliferazzjoni assoċjati ma' materjali nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi, u jħarsu lejn attivitajiet u atturi ta' akkwist illeċitu, trasferimenti transfruntiera jew sfidi ta' kontroll tal-esportazzjoni, skont il-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali. L-eżerċizzji ser isaħħu t-tħejjija operazzjonali u jsaħħu t-tagħlimiet meħuda mill-attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ.

II.   Opportunità mtejba għall-Istati Membri li jeħtieġu assistenza biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom b'mod adegwat

Attività 2: Appoġġ għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u għoti ta' appoġġ imfassal apposta

Il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali volontarji huma għodda importanti biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540. Dawn jippermettu lill-Istati jevalwaw il-lakuni, jipprijoritizzaw il-miżuri ta' implimentazzjoni, jimmappjaw il-partijiet ikkonċernati nazzjonali u jivvalutaw ir-riżorsi u l-ħtiġijiet ta' assistenza meħtieġa. Permezz ta' approċċ imfassal apposta u gradwali, mill-inqas żewġ Stati ser jiġu appoġġati, fuq talba, fl-iżvilupp jew l-aġġornament ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali volontarji, inkluż l-identifikazzjoni u l-immappjar tal-ħtiġijiet ta' assistenza. Dan l-appoġġ ser jinkludi l-prijoritizzazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni, l-identifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa u l-abbozzar jew l-irfinar tat-talbiet għall-assistenza. Fejn rilevanti, ser tinkludi wkoll analiżi tal-oqfsa legali nazzjonali eżistenti biex jiġu identifikati lakuni li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' leġiżlazzjoni jew regolamenti ġodda jew addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-obbligi skont ir-Riżoluzzjoni 1540. Barra minn hekk, wara l-iżvilupp u l-aġġornament previsti ta' kwalunkwe pjan ta' azzjoni nazzjonali, huwa previst appoġġ sostnut biex jiġi żgurat li l-pjanijiet jiġu implimentati b'mod konkret u sostenibbli.

L-attività ser tappoġġa lill-Istati fl-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali volontarji b'miri ċari, skedi ta' żmien u sforzi kkoordinati, li jiffaċilitaw sħubijiet effettivi bejn l-Istati u l-fornituri tal-assistenza għall-implimentazzjoni komprensiva tar-Riżoluzzjoni 1540.

III.   Sensibilizzazzjoni mtejba tal-awtoritajiet nazzjonali, l-udjenzi rilevanti u s-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni 1540

Attività 3: Ġenerazzjoni u Disseminazzjoni tal-Għarfien:

Ser jiġu prodotti żewġ outputs li jiġġeneraw l-għarfien, inkluż pubblikazzjonijiet, biex jiġu esplorati kwistjonijiet ewlenin relatati mal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1540. Dawn l-outputs ser ikollhom l-għan li jikkompilaw esperjenzi u prattiki effettivi, jipprovdu għarfien dwar xejriet u sfidi emerġenti, u jappoġġaw strateġija infurmata u żvilupp ta' politika. L-attività ser ittejjeb l-għarfien fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-obbligi skont ir-riżoluzzjoni 1540 u tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kumitat 1540 fl-oqsma rilevanti. It-temi tal-prodotti li jiġġeneraw l-għarfien ser ikunu infurmati mill-osservazzjoni ta' xejriet, lakuni u ħtiġijiet tal-implimentazzjoni, inkluż dawk identifikati fir-Rieżami Komprensiv tal-2022, u dawk li għandhom jiġu identifikati fir-Rieżami Komprensiv tal-2027.

6.   MEKKANIŻMU U RWOLI TA' KOORDINAZZJONI

Il-UNODA ser iservi bħala l-entità ta' implimentazzjoni u ser jikkomunika mal-Kumitat 1540 u l-Grupp ta' Esperti tiegħu dwar l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-programm. Bħala l-entità ta' implimentazzjoni, il-UNODA ser iżomm komunikazzjonijiet mill-qrib mad-donatur, isejjaħ laqgħat ta' koordinazzjoni, iħejji rapporti narrattivi u finanzjarji regolari, u jipprovdi appoġġ politiku u organizzattiv lill-entitajiet sħab. Il-fondi tal-proġett kollha ser jinħarġu u jiġu ġestiti skont ir-regoli u r-regolamenti tan-Nazzjonijiet Uniti.

Permezz tar-riżoluzzjoni 1977 (2011), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħeġġeġ lill-Kumitat 1540 biex ikompli jinvolvi ruħu b'mod attiv mal-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali rilevanti biex jippromwovi l-kondiviżjoni ta' esperjenzi, tagħlimiet meħuda u prattiki effettivi f'oqsma koperti mir-Riżoluzzjoni 1540. F'dan il-kuntest, il-koordinaturi reġjonali tar-riżoluzzjoni 1540 tal-UNODA f'Addis Ababa u Bangkok komplew jipprovdu appoġġ robust għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 fir-reġjuni Afrikani u tal-Asja u l-Paċifiċi għall-prevenzjoni tar-riskji ta' proliferazzjoni tal-AQM.

Il-UNODA, inkluż permezz taċ-ċentri reġjonali tiegħu, żamm ukoll sħubijiet b'saħħithom ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex jiżgura li l-Istati Membri fil-bżonn jirċievu appoġġ adegwat fl-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni. Il-UNODA ser ikompli jikkoopera mal-OSKE, li ser tirċievi finanzjament immirat biex timplimenta attivitajiet speċifiċi fl-Istati Parteċipanti tagħha, f'konformità mal-mandat, il-kopertura ġeografika u l-għarfien espert tekniku tagħha. Din il-kooperazzjoni ser tibbaża fuq il-preżenza reġjonali b'saħħitha tal-OSKE u s-sħubija stabbilita mal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li l-koordinazzjoni, is-sorveljanza u r-rappurtar ġenerali tal-proġetti ser jibqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-UNODA.

Il-UNODA ser jiżgura l-koerenza u l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet implimentati direttament mill-UNODA u dawk imwettqa mill-OSKE permezz ta' koordinazzjoni u kondiviżjoni ta' informazzjoni regolari. Il-UNODA ser jikkonsolida l-kontributi mill-OSKE fir-rappurtar ġenerali tal-programm, inkluż ir-rapporti finanzjarji u narrattivi annwali ppreżentati lid-donatur. Dawn ir-rapporti formali ser jiġu kkomplementati minn aġġornamenti informali bejn iż-żewġ entitajiet permezz ta' korrispondenza bl-email, konferenza telefonika, u laqgħat ta' koordinazzjoni ad hoc, kif meħtieġ. Dan l-approċċ ta' implimentazzjoni reġjonali msaħħaħ jippermetti lill-UNODA jiżgura sforzi kollettivi u jimmassimizza l-opportunitajiet għal sinerġija.

Il-UNODA ser jikkollabora u jikkoordina mal-entitajiet ta' implimentazzjoni ta' programmi u proġetti rilevanti oħra ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza CBRN u l-Programm dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni P2P kif ukoll proġetti implimentati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li ġejjin:

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/494 tal-11 ta' Marzu 2025 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, il-programm intersessjonali tagħha u t-tħejjijiet għall-Għaxar Konferenza ta' Reviżjoni tagħha;

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2705 tat-30 ta' Novembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1296 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza bijoloġiċi fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom;

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/645 tad-19 ta' Frar 2024 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sikurezza u s-sigurtà bijoloġiċi fl-Amerka Latina f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom.

7.   PERSUNAL

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ser teħtieġ il-preżenza ta' persunal iddedikat biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva, f'waqtha u kkoordinata tal-attivitajiet kollha. Għalhekk, huma prevsiti r-rwoli li ġejjin:

—   Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi wieħed ibbażat fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU:

L-Unità ta' Appoġġ tar-riżoluzzjoni 1540, taħt il-Fergħa tal-Armi ta' Qerda Massiva tal-UNODA, ser ikollha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-programm. L-Uffiċjal għall-Affarijiet Politiċi fi ħdan l-Unità ser jappoġġa l-ġestjoni u s-sorveljanza ġenerali tal-programm, inkluż l-implimentazzjoni ta' attivitajiet rilevanti, il-koordinazzjoni mal-OSKE għat-twettiq ta' attivitajiet speċifiċi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti, it-tħejjija ta' rapporti tad-donaturi, u komunikazzjonijiet regolari mad-donatur.

—   Koordinatur Reġjonali wieħed ibbażat f'Addis Ababa, l-Etjopja:

Il-Koordinatur Reġjonali ser ikun responsabbli biex ikompli jiġġenera rieda politika, jissensibilizza, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet fost l-Istati Afrikani biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540, inkluż permezz tal-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-lakuni fl-implimentazzjoni nazzjonali li fadal. Il-koordinatur ser ikompli jiżgura l-kapaċità ddedikata għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni 1540 u l-involviment fiha fl-Afrika, u jipprovdi appoġġ primarju għat-twettiq ta' attivitajiet nazzjonali u reġjonali mmirati lejn it-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-1540 fir-reġjun.

8.   TUL TA' ŻMIEN

Id-durata totali stmata għall-implimentazzjoni tal-proġett ser tkun ta' 36 xahar.

9.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

Il-UNODA ser jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jippubbliċizza l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-attivitajiet implimentati skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta, u b'hekk jiżgura viżibbiltà sħiħa u sensibilizzazzjoni dwar il-kontribut tal-UE. Tali miżuri ser jiġu implimentati f'konformità mal-Manwal ta' Komunikazzjoni u Viżibbiltà tal-Kummissjoni għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. Għal dan l-għan, il-UNODA ser jenfasizza r-rwol tal-UE permezz ta' markar u sensibilizzazzjoni xierqa, filwaqt li jiżgura t-trasparenza tal-azzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-objettivi ta' din id-Deċiżjoni, kif ukoll tal-appoġġ tal-UE u l-eżiti miksuba. Il-materjal prodott kollu fil-kuntest tal-attivitajiet implimentati skont din id-Deċiżjoni ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-UE f'konformità mal-linji gwida tal-UE għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

10.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-programm ser ikunu l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-UNODA ser jagħmel ħiltu biex iħeġġeġ lill-Istati benefiċjarji jinvolvu lin-nisa b'mod sinifikanti fl-istadji kollha tal-proġett.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1704/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top