Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026D1347

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1347 tal-4 ta’ Ġunju 2026 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Ċibernetika; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqa Permezz ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji

ST/14941/2025/INIT

ĠU L, 2026/1347, 19.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1347/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1347/oj

Related international agreement
European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1347

19.6.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1347

tal-4 ta’ Ġunju 2026

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Ċibernetika; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqa Permezz ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 82(1) u (2), l-Artikolu 83(1) u l-Artikolu 87(2) flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2307 (2), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Ċibernetika; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqa Permezz ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (il-“Konvenzjoni”) ġiet iffirmata f’isem l-Unjoni, f’Hanoi, Vjetnam fil-25 ta’ Ottubru 2025, soġġetta għall-konklużjoni ta’ dik il-Konvenzjoni.

(2)

Il-Konvenzjoni hija konformi mal-objettivi ta’ sigurtà tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u permezz ta’ miżuri għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali.

(3)

Il-Konvenzjoni tapplika għal investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali speċifiċi li jikkonċernaw reati kriminali stabbiliti f’konformità mal-Konvenzjoni kif ukoll għall-iskambju ta’ evidenza f’forma elettronika relatata ma’ reati serji (reati punibbli b’ċaħda massima tal-libertà ta’ mill-inqas erba’ snin jew piena aktar serja) u tippermetti biss l-iskambju ta’ informazzjoni għal tali finijiet.

(4)

Il-Konvenzjoni tarmonizza sett limitat ta’ reati definiti b’mod ċar, filwaqt li tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Partijiet biex jevitaw il-kriminalizzazzjoni ta’ mġiba leġittima.

(5)

Il-Konvenzjoni tistabbilixxi biss regoli minimi dwar ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi għall-parteċipazzjoni fir-reati stabbiliti f’konformità mal-Konvenzjoni. Ma tirrikjedix li l- Stati Partijiet jadottaw tali miżuri li jkunu neċessarji biex tiġi stabbilita responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi b’mod li jkun inkonsistenti mal-prinċipji legali tagħhom.

(6)

Il-Konvenzjoni hija wkoll f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali f’konformità mal-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

(7)

Il-Konvenzjoni tipprevedi kundizzjonijiet u salvagwardji robusti tad-drittijiet tal-bniedem, li huma parti mill-għan u l-iskop tal-Konvenzjoni u huma marbuta b’mod inseparabbli mas-setgħat u l-proċeduri previsti mill-Konvenzjoni. Bħala tali, dawk il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji ma jistgħux ikunu soġġetti għal riżervi. Il-Konvenzjoni teskludi kwalunkwe interpretazzjoni li twassal għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertajiet tal-espressjoni, tal-kuxjenza, tal-opinjoni, tar-reliġjon jew tat-twemmin, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni. Dawn is-salvagwardji jiżguraw ukoll li l-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tiġi rrifjutata jekk tali kooperazzjoni internazzjonali tmur kontra l-liġijiet domestiċi tal-Istati Partijiet jew jekk tali ċaħda tkun neċessarja biex tiġi evitata xi forma ta’ diskriminazzjoni.

(8)

Fir-rigward tas-setgħat u l-proċeduri kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak internazzjonali, il-Konvenzjoni tipprevedi kundizzjonijiet u salvagwardji orizzontali li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, f’konformità mal-obbligi tal-Istati Partijiet skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-Istati Partijiet għandhom ukoll jinkorporaw il-prinċipju tal-proporzjonalità fid-dritt domestiku tagħhom. Tali kundizzjonijiet u salvagwardji għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, stħarriġ ġudizzjarju jew rieżami indipendenti ieħor, id-dritt għal rimedju effettiv, raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni u l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata ta’ tali setgħat u proċeduri.

(9)

Il-Konvenzjoni tinkludi dispożizzjoni ddedikata dwar il-protezzjoni tad-data personali, li tiżgura li jridu jiġu applikati prinċipji importanti tal-protezzjoni tad-data, inkluż il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, il-proporzjonalità u n-neċessità, f’konformità mal-Karta, qabel ma tkun tista’ tiġi pprovduta kwalunkwe data personali lil Stat Parti ieħor.

(10)

Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati, f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni mar-regoli rilevanti tal-Unjoni.

(11)

Għadd ta’ riżervi huma rilevanti biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-Konvenzjoni mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni fost l-Istati Membri fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stati Partijiet mhux tal-UE, u l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni.

(12)

Ir-riżervi huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe riżerva oħra li l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jagħmlu individwalment, fejn ikun permissibbli.

(13)

Minħabba li l-Konvenzjoni tipprevedi proċeduri li jtejbu l-aċċess transfruntier għall-evidenza f’forma elettronika u livell għoli ta’ salvagwardji, is-sħubija bħala parti għall-Konvenzjoni ser tippromwovi l-konsistenza fl-isforzi tal-Unjoni fil-ġlieda kontra il-kriminalità ċibernetika u forom oħrajn ta’ kriminalità fil-livell globali. Din ser tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet membri tal-UE u l-Istati Partijiet mhux membri tal-UE, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-individwi.

(14)

Konklużjoni rapida tal-Konvenzjoni mill-Unjoni ser tiżgura ulterjorment li l-Unjoni jkollha vuċi sinifikanti kmieni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas dinji ġdid għall-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika.

(15)

Skont l-Artikolu 64(3) tagħha, il-Konvenzjoni hija soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Istati u minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni.

(16)

Jenħtieġ li l-Unjoni ssir parti għall-Konvenzjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni. Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Unjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom. Jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi konkluża f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sal-punt li l-Konvenzjoni tista’ taffettwa regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Konvenzjoni ma taffettwax ir-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

(17)

F’konformità mal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha, fl-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tagħha, tiddikjara l-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet regolati mill-Konvenzjoni. L-Unjoni ddefiniet il-firxa tal-kompetenza tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni fid-Dikjarazzjoni ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea magħmula f’konformità mal-Artikolu 64(3) u (4) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqa minn Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (id-“Dikjarazzjoni ta’ kompetenza”).

(18)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta opinjoni fl-4 ta’ Settembru 2025.

(19)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(20)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(21)

Il-Konvenzjoni, ir-riżervi mehmuża u d-Dikjarazzjoni ta’ kompetenza jenħtieġ li jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Ċibernetika; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqa Permezz ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (4) (il-“Konvenzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni ta’ kompetenza magħmula f’konformità mal-Artikolu 64(3) u (4) tal-Konvenzjoni hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Ir-riżervi huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (5).

Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

C. FITIRIS


(1)  Approvazzjoni tal-20 ta’ Mejju 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2307 tat-13 ta’ Ottubru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; it-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b’Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (ĠU L, 2025/2307, 11.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2307/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)   ĠU L, 2026/1348, 19.6.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2026/1348/oj.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Riżervi

1.   

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaġixxu f'konformità mal-indikazzjonijiet li ġejjin fir-rigward tar-riżervi rigward il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b’Mezzi ta’ Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta’ Evidenza f’Forma Elettronika ta’ Reati Serji (il-“Konvenzjoni”).

2.   

Il-Konvenzjoni ma għandhiex dispożizzjoni ddedikata dwar ir-riżervi. Minflok, tippermetti b'mod espliċitu li Stat Parti tiddikjara li hija tagħmel użu minn riżerva pprovduta f'xi wħud mill-Artikoli tal-Konvenzjoni: l-Artikolu 11(3); l-Artikolu 23(3), il-punt (a); l-Artikolu 23(3), il-punt (b), it-tieni subparagrafu; l-Artikolu 42(5); l-Artikolu 63(3) u (4). Il-Konvenzjoni impliċitament tippermetti wkoll riżervi oħra dment li dawk ir-riżervi jkunu f’konformità mal-Artikolu 19, is-subparagrafu (c), tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati magħmul fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969 u mad-dritt internazzjonali konswetudinarju u ma jkunux inkompatibbli mal-għan u l-fini tal-Konvenzjoni.

3.   

L-Unjoni għandha tagħmel riżerva bbażata fuq l-Artikolu 63(3) fejn tinkida li ma tqisx lilha nnifisha marbuta bl-Artikolu 63(2) rigward is-soluzzjoni tat-tilwim dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni jew rigward is-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-Istati Membri jew bejn l-Unjoni u Stat Membru.

4.   

Meta l-Istati Membri jikkunsidraw li jagħmlu r-riżervi tagħhom stess, huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minn qabel.

5.   

Il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti u previsti fil-Konvenzjoni, inkluż dawk fl-Artikolu 6, l-Artikolu 21(4), l-Artikolu 24, l-Artikolu 36, l-Artikolu 37(15) u l-Artikolu 40(22), huma parti mill-għan u l-iskop tal-Konvenzjoni. Għalhekk l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jifformulaw riżervi dwar dawk l-Artikoli. Kwalunkwe tali riżerva minn Stati Partijiet mhux membri tal-UE għall-Konvenzjoni li titqies bħala inkompatibbli mal-għan u l-fini tal-Konvenzjoni għandha tiġi oġġezzjonata mill-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħmlu l-istess oġġezzjoni b'mod ikkoordinat.


Dikjarazzjoni ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea magħmula f'konformità mal-Artikolu 64(3) u (4) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Kontra Ċerti Reati Mwettqin Permezz ta' Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni tal-Evidenza f'Forma Elettronika ta' Reati Serji

1.   

L-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) tippreżenta, f'konformità mal-Artikolu 64(3) u (4) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra ċ-Ċiberkriminalità; It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda kontra Ċerti Reati Mwettqin b'Mezzi ta' Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni u għall-Kondiviżjoni ta' Evidenza f'Forma Elettronika ta' Reati Serji (il-“Konvenzjoni”), id-dikjarazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni.

2.   

L-Istati Membri tal-Unjoni huma r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja.

3.   

Skont l-Artikoli 3 u 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'xi kwistjonijiet l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, u fi kwistjonijiet oħra l-kompetenza hija kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Skont l-Artikolu 4(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-kompetenzi li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.

4.   

F'dan ir-rigward, l-Unjoni tiddikjara, l-ewwel nett, li hija kompetenti biex tidħol fi ftehimiet internazzjonali, u biex timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, li huma relatati mal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li għalihom tapplika kompetenza kondiviża mal-Istati Membri skont l-Artikolu 4, il-punt (j), TFUE. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-oqsma li ġejjin, f'konformità mal-Artikolu 67(3), l-Artikolu 82(1) u (2), u l-Artikoli 83(1) u 87(2) TFUE:

(a)

jassigura livell għoli ta' sigurtà permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta' miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn, kif ukoll permezz tar-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali u, jekk meħtieġ, permezz tal-approssimazzjoni ta' liġijiet kriminali;

(b)

il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali fl-Unjoni bbażata fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji, inkluża l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'oqsma speċifiċi tal-liġi kriminali proċedurali u sostantiva, inklużi miżuri biex:

(i)

jappoġġaw it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju;

(ii)

jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri fir-rigward ta' proċedimenti f'materji kriminali u l-infurzar ta' deċiżjonijiet;

(c)

jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali b'dimensjoni transfruntiera billi jiġu stabbiliti regoli minimi dwar:

(i)

id-drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali;

(ii)

id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità;

(d)

l-istabbiliment ta' regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet f'oqsma ta' kriminalità partikolarment serja b'dimensjoni transfruntiera. Dawn l-oqsma tal-kriminalità huma dawn li ġejjin: it-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu tad-drogi, it-traffikar illeċitu tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iffalsifikar tal-mezzi tal-ħlas, il-kriminalità tal-informatika u l-kriminalità organizzata;

(e)

l-istabbiliment ta' kooperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri, inklużi l-pulizija, id-dwana u servizzi speċjalizzati oħra tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali u għal tali finijiet l-Unjoni tista’ tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw:

(i)

il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti;

(ii)

l-appoġġ għat-taħriġ tal-persunal, u l-kooperazzjoni dwar l-iskambju tal-persunal, dwar tagħmir u dwar ir-riċerka fil-kxif tal-kriminalità;

(iii)

tekniki investigattivi komuni fir-rigward tal-kxif ta' forom serji ta' kriminalità organizzata.

5.   

It-tieni nett, l-Unjoni tiddikjara li f'konformità mal-Artikolu 16(2) TFUE, l-Unjoni hija kompetenti biex tistabbilixxi r-regoli relatati mal-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u r-regoli relatati mal-moviment liberu ta' tali data personali.

6.   

B'mod partikolari, din id-Dikjarazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta' oqsma koperti mill-Konvenzjoni li huma kompetenza kondiviża sal-punt li tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni. Fil-qasam tal-kompetenza kondiviża, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Konvenzjoni ma taffettwax regoli komuni jew ma tbiddilx il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, inkluż l-iżvilupp futur prevedibbli tagħhom. Għaldaqstant, il-firxa tal-kompetenza tal-Unjoni trid tiġi vvalutata abbażi ta' analiżi komprensiva u dettaljata tar-relazzjoni bejn il-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet preċiżi ta' kull miżura tad-dritt tal-Unjoni, skont il-każ. Il-kamp ta' applikazzjoni u l-eżerċizzju ta' tali kompetenza tal-Unjoni huma, min-natura tagħhom, soġġetti għal żvilupp kontinwu.

7.   

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma għalhekk kompetenti biex jikkonkludu l-Ftehim. Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-Unjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni jew l-adeżjoni magħha.

8.   

F’konformità mal-Artikolu 64(3) u (4) tal-Konvenzjoni, l-Unjoni għandha tinforma lid-depożitarju bi kwalunkwe modifika rilevanti tal-firxa tal-kompetenza tagħha.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1347/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top