This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026D1142
Commission Implementing Decision (EU) 2026/1142 of 19 May 2026 on the request for registration, pursuant to Regulation (EU) 2019/788 of the European Parliament and of the Council, of the European citizens’ initiative entitled Reconnecting nature through the creation of European biodiversity corridors
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1142 tad-19 ta’ Mejju 2026 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/1142 tad-19 ta’ Mejju 2026 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità
C/2026/8550
ĠU L, 2026/1142, 26.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1142/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1142 |
26.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1142
tad-19 ta’ Mejju 2026
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità”
(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-2 ta’ April 2026, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità”. |
|
(2) |
L-għan tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) “biex ikun hemm konnettività mill-ġdid tan-natura fl-Ewropa permezz ta’ qafas ta’ koordinazzjoni għall-konnettività ekoloġika bejn l-ekosistemi tal-ilmijiet ’il ġewwa mill-kosta u dawk tal-art” u “tingħeleb il-frammentazzjoni tal-ekosistema u jiġu sostnuti l-bijodiversità u r-reżiljenza”. Skont l-organizzaturi, jenħtieġ li l-qafas regolatorju: “jippromvowi għodod komuni: kriterji tekniċi, monitoraġġ integrat u kondiviżjoni tad-data għall-immappjar tal-kurituri ekoloġiċi”; “jiżgura koordinazzjoni transfruntiera aħjar: għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’ġieħ il-konnettività fil-kontinent kollu”; u “jirrinforza Natura 2000: għat-tisħiħ tal-koerenza bejn is-siti u żoni protetti oħra, filwaqt li jiġi evitat l-iżolament tal-ħabitats u tal-ispeċijiet”. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-TFUE, tista’ tadotta proposta għal direttiva biex tgħaqqad mill-ġdid in-natura fl-Ewropa permezz ta’ qafas ta’ koordinazzjoni għall-konnettività ekoloġika bejn l-ekosistemi terrestri u tal-ilmijiet ’il ġewwa mill-kosta u biex tegħleb il-frammentazzjoni tal-ekosistema, filwaqt li ssostni l-bijodiversità u r-reżiljenza. |
|
(4) |
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(5) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(6) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità” tiġi rreġistrata. |
|
(9) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Il-konnettività mill-ġdid tan-natura permezz tal-ħolqien ta’ kurituri Ewropej għall-bijodiversità”, irrappreżentat minn Pier Giovanni CAPELLINO u Claudine AYALA COBO li qed jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strażburgu, id-19 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1142/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)