This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32026D1132
Council Decision (EU) 2026/1132 of 18 May 2026 on the signing, on behalf of the European Union, of the Protocol amending the Council of Europe Convention on the Prevention of Terrorism
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1132 tat-18 ta’ Mejju 2026 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1132 tat-18 ta’ Mejju 2026 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu
ST/8557/2026/INIT
ĠU L, 2026/1132, 21.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1132/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1132 |
21.5.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1132
tat-18 ta’ Mejju 2026
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, fin-negozjati dwar ir-reviżjoni jew l-emendar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (il-“Konvenzjoni”), bil-ħsieb li tiġi modifikata d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi inkluża fil-Konvenzjoni. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (il-“Protokoll”). |
|
(2) |
Fid-9 ta’ Lulju 2025, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta l-Protokoll u ħa nota tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tiegħu. Fl-10 ta’ Diċembru 2025, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa qabel li jiftaħ il-Protokoll għall-iffirmar fis-26 ta’ Mejju 2026 fi Strażburgu, Franza. |
|
(3) |
Il-Protokoll huwa konsistenti mal-objettivi tas-sigurtà tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu. |
|
(4) |
Il-Protokoll jemenda l-Konvenzjoni billi jemenda d-definizzjoni ta’ “reat terroristiku” stabbilita fl-Artikolu 1 tagħha (“id-definizzjoni emendata”). |
|
(5) |
Id-definizzjoni emendata tindirizza l-ħtieġa li fil-Kunsill tal-Ewropa tiġi adottata definizzjoni legali usa’ u aktar xierqa ta’ “reat terroristiku” sabiex jiġu indirizzati l-isfidi kurrenti u futuri relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu. |
|
(6) |
Id-definizzjoni emendata għandha l-għan li toffri valur miżjud sostantiv għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-effetti negattivi tiegħu, kif ukoll għall-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-assistenza legali reċiproka u t-talbiet għall-estradizzjoni fost l-Istati Parti għall-Protokoll u għall-Konvenzjoni. |
|
(7) |
Bil-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati, f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni żgurat il-kompatibbiltà tal-Protokoll mar-regoli rilevanti tal-Unjoni. B’mod partikolari, id-definizzjoni emendata hija kompatibbli u konsistenti mad-definizzjoni ta’ “reat terroristiku” pprovduta fil-liġi tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(8) |
Il-Preambolu tal-Protokoll jafferma mill-ġdid li jenħtieġ li l-miżuri kollha meħuda għall-prevenzjoni jew is-soppressjoni ta’ reati terroristiċi f’il-Protokoll ikunu f’konformità mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rilevanti, b’mod partikolari dawk minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, kif ukoll obbligi oħra skont id-dritt internazzjonali, inkluż, fejn applikabbli, id-dritt umanitarju internazzjonali. Dan huwa konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-obbligi tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali. |
|
(9) |
Peress li l-Unjoni hija Parti għall-Konvenzjoni, il-Protokoll huwa miftuħ għall-iffirmar u r-ratifika mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir parti għall-Protokoll flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri jikkondividu l-kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Konvenzjoni li l-Protokoll jemenda. L-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/541. Fl-oqsma tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sakemm il-Protokoll ma jaffettwax ir-regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Protokoll mill-Istati Membri, skont il-proċeduri interni tagħhom. |
|
(10) |
L-iffirmar rapidu tal-Protokoll mill-Unjoni huwa maħsub biex jenfasizza l-appoġġ tal-Unjoni għal definizzjoni pan-Ewropea komuni ta’ “reat terroristiku” li hija mistennija li ssaħħaħ l-isforzi reġjonali u internazzjonali kontra t-terroriżmu. L-iffirmar rapidu tal-Protokoll huwa maħsub biex jiffaċilita wkoll id-dħul fis-seħħ f’waqtu tal-Protokoll. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(13) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu f’isem l-Unjoni Ewropea huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Protokoll.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, s. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/541/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1132/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)