Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32026D0521

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/521 tal-10 ta’ Marzu 2026 li ġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2026) 1494)

C/2026/1494

ĠU L, 2026/521, 12.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/521/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/07/2026

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/521/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/521

12.3.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/521

tal-10 ta’ Marzu 2026

li ġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2026) 1494)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/690 (2) awtorizzat l-introduzzjoni fis-suq ta’ ikel u għalf li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni kien ikopri wkoll l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti għajr l-ikel u l-għalf li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, jew li jikkonsistu minnu, għall-istess użi bħal kwalunkwe qoton ieħor bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(2)

Fit-22 ta’ Marzu 2024, BASF SE, ibbażata fil-Ġermanja, f’isem BASF Agricultural Solutions Seed US LLC, ibbażata fl-Istati Uniti, (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni għat-tiġdid ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

(3)

Fis-7 ta’ Awwissu 2025, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli dwar il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25 (3) f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Hija kkonkludiet li l-applikazzjoni għat-tiġdid ma kienx fiha evidenza ta’ xi periklu, esponiment modifikat jew inċertezza xjentifika ġdida li kieku jibdlu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali dwar il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, adottata mill-Awtorità fl-2014 (4).

(4)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib kollu mressqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif previst fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(5)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, kif issottometta l-applikant, jaqbel mal-użi maħsuba tal-prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, jew li jikkonsistu minnu.

(6)

Permezz tal-ittra tagħha tal-24 ta’ April 2025, BASF Belgian Coordination Center Comm V, ibbażata fil-Belġju, infurmat lill-Kummissjoni li BASF Agricultural Solutions Seed US LLC biddlet isimha għal BASF Agricultural Solutions US LLC mit-30 ta’ Settembru 2024.

(7)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Awtorità, jenħtieġ li tiġġedded l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-ikel u l-għalf li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu, u ta’ prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, jew li jikkonsistu minnu, għal użi għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(8)

Ġie assenjat identifikatur uniku lill-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (5), fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni oriġinali bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/690. Dak l-identifikatur uniku jenħtieġ li jibqa’ jintuża.

(9)

Fir-rigward tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni, ma jidher li hu meħtieġ l-ebda rekwiżit speċifiku tat-tikkettar, għajr dawk previsti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-użu ta’ prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25 jew li jikkonsistu minnu jinżamm fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li t-tikkettar ta’ dawn il-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel, ikollhom indikazzjoni ċara li ma humiex maħsuba għall-kultivazzjoni.

(10)

Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jissottometti rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Jenħtieġ li dawk ir-riżultati jiġu ppreżentati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE (7).

(11)

L-opinjoni tal-Awtorità ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet speċifiċi għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu u għall-immaniġġar, u lanqas ta’ rekwiżiti ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq rigward il-konsum tal-ikel u l-għalf li fihom il-qoton ġenetikament modifikat GHB614 × LLCotton25, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu, jew għall-ħarsien ta’ ekosistemi partikolari jew tal-ambjent u/jew ta’ żoni ġeografiċi, kif previst fl-Artikolu 6(5), il-punt (e), u fl-Artikolu 18(5), il-punt (e), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(12)

Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti koperti minn din id-Deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(13)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi nnotifikata permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(14)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu. Dan l-att ta’ implimentazzjoni tqies li huwa meħtieġ u l-President ressqu lill-kumitat ta’ appell għal deliberazzjoni ulterjuri. Il-kumitat ta’ appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Organiżmu ġenetikament modifikat u identifikatur uniku

Il-qoton ġenetikament modifikat (Gossypium hirsutum L. u Gossypium barbadense L.) GHB614 × LLCotton25, kif speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, ġie assenjat l-identifikatur uniku BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti li ġejjin tiġġedded fir-rigward ta’:

(a)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu;

(b)

l-għalf li fih il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, li jikkonsisti minnu, jew li hu prodott minnu;

(c)

il-prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, jew li jikkonsistu minnu, għal użi għajr dawk previsti fil-punti (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Artikolu 3

Tikkettar

1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, “isem l-organiżmu” għandu jkun “qoton”.

2.   Il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” għandu jidher fuq it-tikketta u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat jew li jikkonsistu minnu, kif imsemmi fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(a).

Artikolu 4

Metodu tad-detezzjoni

Il-metodu stabbilit fil-punt (d) tal-Anness għandu japplika għad-detezzjoni tal-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-effetti ambjentali

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jissottometti r-rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ, f’konformità mal-format stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.

Artikolu 6

Reġistru Komunitarju

L-informazzjoni stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 7

Detentur tal-awtorizzazzjoni

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun BASF Agricultural Solutions US LLC, l-Istati Uniti tal-Amerka, irrappreżentat fl-Unjoni minn BASF SE, il-Ġermanja.

Artikolu 8

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għall-perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 9

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil BASF Agricultural Solutions US LLC, 100 Park Avenue, Florham Park, NJ 07932, l-Istati Uniti, irrappreżentata fl-Unjoni minn BASF SE, Carl-Bosch-Str. 38, D-67063, Ludwigshafen, il-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1829/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/690 tal-24 ta’ April 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkun fihom il-qoton modifikat ġenetikament GHB614xLLCotton25 (BCS-GHØØ2-5xACS-GHØØ1-3) jew li jkunu magħmula jew prodotti minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, 30.4.2015, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/690/oj).

(3)  EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2025. Scientific Opinion on the assessment of genetically modified cotton GHB614 × LLCotton25 for renewal authorisation under regulation (KE) Nru 1829/2003 (dossier GMFF-2024-21890). EFSA Journal 2025;23:e9572. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2025.9572.

(4)  EFSA GMO Panel (Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2014. Scientific Opinion on application (EFSA-GMO-NL-2010-77) for the placing on the market of herbicide-tolerant genetically modified cotton GHB614 × LLCotton25 for food and feed uses, import and processing under Regulation (KE) Nru 1829/2003 from Bayer CropScience. EFSA Journal, 2014;12(5):3680; https://doi.org/10.2903/j.efsa.2014.3680.

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/65/oj).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1830/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/770/oj).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1946/oj).


ANNESS

(a)   Applikant u detentur tal-awtorizzazzjoni:

Isem

:

BASF Agricultural Solutions US LLC

Indirizz

:

100 Park Avenue, Florham Park, NJ 07932, l-Istati Uniti,

irrappreżentata fl-Unjoni minn BASF SE, Carl-Bosch-Str. 38, D-67063 Ludwigshafen, il-Ġermanja.

(b)   Deżinjazzjoni u speċifikazzjoni tal-prodotti:

(1)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, li jikkonsistu minnu, jew li huma prodotti minnu;

(2)

l-għalf li fih il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, li jikkonsisti minnu jew li hu prodott minnu;

(3)

il-prodotti li fihom il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3 jew li jikkonsistu minnu, għal użi għajr dawk previsti fil-punti (1) u (2), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Il-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3 jesprimi l-ġeni pat u 2mEPSPS, li jagħtu tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glufosinat-ammonju u fuq il-glifosat.

(c)   Tikkettar:

(1)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, isem l-organiżmu għandu jkun “qoton”.

(2)

Fuq it-tikketta u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu mill-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (b)(1), għandu jidher il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni”.

(d)   Metodu tad-detezzjoni:

(1)

Il-metodi ta’ detezzjoni kwantitattivi speċifiċi għall-eventi bbażati fuq il-PCR huma dawk ivvalidati individwalment għall-qoton ġenetikament modifikat BCS-GHØØ2-5 u ACS-GHØØ1-3, u vverifikati ulterjorment fuq il-qoton ġenetikament modifikat derivat minn trasformazzjoni multipla BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3;

(2)

ivvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fis-sit web https://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/method-validations;

(3)

materjal ta’ referenza: AOCS 1108-A (għal BCS-GHØØ2-5), AOCS 0306-E (għal ACS-GHØØ1-3) u AOCS 0306-A (għall-kontroparti mhux ĠM) huma aċċessibbli permezz tal-American Oil Chemists Society (AOCS), fis-sit web https://www.aocs.org/crm?SSO=True.

(e)   Identifikatur uniku:

BCS-GHØØ2-5 × ACS-GHØØ1-3

(f)   Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika:

[Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza, Numru tal-ID tar-Rekord: ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati meta jiġi nnotifikat].

(g)   Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq, għall-użu jew għall-immaniġġar tal-prodotti:

Mhux meħtieġa.

(h)   Pjan ta’monitoraġġ għall-effetti ambjentali:

Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

[Link: pjan ippubblikat fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati]

(i)   Rekwiżiti tal-monitoraġġ wara l-introduzzjoni fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem:

Mhux meħtieġa.

Nota:

il-links għad-dokumenti relevanti jaf ikollhom bżonn jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Dawk il-bidliet ikunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju tal-ikel u tal-għalf ġenetikament modifikati.

(1)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/18/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/521/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top