Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R2241

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2241 tal-5 ta’ Novembru 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-ispezzjonijiet post-mortem tal-annimali bovini, tan-nagħaġ u tal-mogħoż

C/2025/7384

ĠU L, 2025/2241, 6.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2241/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2241/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2241

6.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2241

tal-5 ta’ Novembru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 fir-rigward tal-ispezzjonijiet post-mortem tal-annimali bovini, tan-nagħaġ u tal-mogħoż

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(8), il-punt (d),

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (2) jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u azzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625, inkluż għall-ispezzjoni post-mortem.

(2)

L-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jipprevedi proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem għall-annimali bovini għajr dawk ta’ taħt it-8 xhur u għall-annimali bovini għajr dawk ta’ taħt l-għoxrin xahar jekk jitrabbew mingħajr aċċess għall-mergħat matul ħajjithom kollha fi Stat Membru jew f’żoni tiegħu uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 (3). B’mod partikolari, l-Artikolu 19(1), il-punt (f), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jipprevedi li dawn l-annimali jridu jgħaddu minn spezzjoni viżwali tal-kanal gastrointestinali, tal-meżenterju, tan-noduli limfatiċi gastriċi u meżenteriċi (Lnn. gastrici, mesenterici, craniales u caudales) u minn palpazzjoni tan-noduli limfatiċi gastriċi u meżenteriċi.

(3)

Skont opinjoni xjentifika dwar il-perikli għas-saħħa pubblika li għandhom jiġu koperti mill-ispezzjoni tal-laħam (l-annimali bovini) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA, European Food Safety Authority) (4), il-palpazzjonijiet jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa pubblika minħabba l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni kroċjata b’patoġeni trażmessi mill-ikel potenzjalment preżenti fuq il-karkassi jew il-ġewwieni. Madankollu, bl-opinjoni tagħha l-EFSA tirrakkomanda li jinżammu għadd ta’ palpazzjonijiet u inċiżjonijiet fis-sistema respiratorja tal-annimali biex tiġi mmonitorjata l-preżenza tat-tuberkulożi. Peress li n-noduli limfatiċi gastriċi u meżenteriċi ma jinsabux fis-sistema respiratorja u sabiex jiġu ssimplifikati l-arranġamenti prattiċi tal-ispezzjoni post-mortem, jenħtieġ li jitneħħa l-obbligu li titwettaq palpazzjoni tan-noduli limfatiċi gastriċi u meżenteriċi tal-annimali bovini matul l-ispezzjoni post-mortem ta’ rutina. L-Artikolu 19, il-paragrafu 1, il-punt (f), jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(4)

L-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-perikli għas-saħħa pubblika li għandhom jiġu koperti mill-ispezzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż (5) tippermetti li ssir distinzjoni bejn l-arranġamenti prattiċi għall-ispezzjoni post-mortem tan-nagħaġ u tal-mogħoż skont l-età ta’ dawn l-annimali. L-Artikoli 20(1) u 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jistabbilixxu proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem għan-nagħaġ u għall-mogħoż domestiċi żgħar u għal nagħaġ u mogħoż domestiċi oħra rispettivament. Dawn il-proċeduri jvarjaw skont jekk in-nagħaġ għandhomx aktar jew inqas minn tnax-il xahar jew jekk ħarġulhomx snien inċiżivi permanenti jew le, u jekk il-mogħoż għandhomx aktar jew inqas minn 6 xhur. Id-data mir-riżultati tal-ispezzjonijiet post-mortem fil-biċċeriji turi li l-perikli li nstabu matul l-ispezzjoni post-mortem għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali huma simili fil-mogħoż li għandhom inqas minn 6 xhur u fil-mogħoż ta’ bejn is-6 u t-12-il xahar. Barra minn hekk, fil-biċċerija, il-materjal speċifikat riskjuż (SRM, specified risk material) irid jitneħħa mill-karkassi tan-nagħaġ u tal-mogħoż minn meta jkollhom 12-il xahar f’konformità mal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni, u peress li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq is-sikurezza tal-ikel, jenħtieġ li l-età ta’ 12-il xahar użata bħala bażi biex jiġi ddeterminat jekk in-nagħaġ jenħtieġx li jkunu soġġetti għall-proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem previsti fl-Artikolu 20 jew għal dawk previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 tintuża wkoll biex jiġi ddeterminat liema proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem japplikaw għall-mogħoż. L-Artikoli 20 u 21 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.

(5)

Barra minn hekk, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 jipprevedi proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem għal nagħaġ u mogħoż domestiċi oħra għajr nagħaġ u mogħoż żgħar skont l-indikazzjonijiet ta’ riskju possibbli għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-benesseri tal-annimali matul l-ispezzjoni ta’ rutina inizjali. L-Artikolu 21(2), il-punt (b), jipprevedi l-inċiżjoni tal-esofagu biex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ ċerti parassiti li huma ta’ sinifikat negliġibbli għas-saħħa pubblika u tal-annimali. L-inċiżjoni tal-esofagu tista’ toħloq riskju għoli ta’ kontaminazzjoni kroċjata b’patoġeni potenzjalment preżenti. Għal dawn ir-raġunijiet, jenħtieġ li jitneħħa l-obbligu li titwettaq inċiżjoni tal-esofagu. L-Artikolu 21(2), il-punt (b), jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

spezzjoni viżwali tal-kanal gastrointestinali, tal-meżenterju, tan-noduli limfatiċi gastriċi u meżenteriċi (Lnn. gastrici, mesenterici, craniales u caudales);”

(2)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

Nagħaġ u mogħoż domestiċi żgħar

(b)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-karkassi u l-ġewwieni tan-nagħaġ u tal-mogħoż li ma ħarġitilhom ebda sinna inċiżiva permanenti jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż li għandhom inqas minn 12-il xahar, għandhom isirulhom il-proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem li ġejjin:”.

(3)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-karkassi u l-ġewwieni tan-nagħaġ u tal-mogħoż li ħarġitilhom sinna inċiżiva permanenti jew tan-nagħaġ u tal-mogħoż li għandhom 12-il xahar jew aktar għandhom isirulhom il-proċeduri ta’ spezzjoni post-mortem li ġejjin:”

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

inċiżjoni tal-pulmuni, tat-trakea, u tan-noduli limfatiċi tal-bronki u dawk medjastinali;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/627/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 tal-15 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat, u rigward l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 78, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/620/oj).

(4)  Scientific Opinion on the public health hazards to be covered by inspection of meat (bovine animals), EFSA Journal 2013;11(6):3266.

(5)  Scientific Opinion on the public health hazards to be covered by inspection of meat from sheep and goats, EFSA Journal 2013;11(6):3265.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/999/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2241/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top