Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R1568

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1568 tad-29 ta’ Lulju 2025 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali għal reviżjonijiet bejn il-pari ta’ skemi tal-identifikazzjoni elettronika u għall-kooperazzjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ tali reviżjonijiet fi ħdan il-Grupp ta’ Kooperazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296

C/2025/5043

ĠU L, 2025/1568, 30.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1568/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1568/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1568

30.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1568

tad-29 ta’ Lulju 2025

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali għal reviżjonijiet bejn il-pari ta’ skemi tal-identifikazzjoni elettronika u għall-kooperazzjoni dwar l-organizzazzjoni ta’ tali reviżjonijiet fi ħdan il-Grupp ta’ Kooperazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 12(6) u 46e(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jipprevedi mekkaniżmu ta’ reviżjoni bejn il-pari fir-rigward ta’ skemi tal-identifikazzjoni elettronika li jridu jiġu nnotifikati, li fihom l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq bażi volontarja. Ir-reviżjonijiet bejn il-pari jenħtieġ li jippermettu lill-Istati Membri jifhmu l-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika li jridu jiġu nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u jikkooperaw b’mod effettiv biex tkun żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawk l-iskemi u tinbena l-fiduċja mal-Unjoni kollha. Ir-reviżjonijiet bejn il-pari jenħtieġ li jiġu organizzati b’tali mod li tkun żgurata distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u rappreżentanza wiesgħa tal-Istati Membri kollha, u jenħtieġ li ma jintehmux daqslikieku awditi.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 (2) stabbiliet l-arranġamenti proċedurali għall-kooperazzjoni dwar skemi tal-identifikazzjoni elettronika fil-kuntest tan-Network ta’ Kooperazzjoni eIDAS preċedenti, inkluż għal reviżjonijiet bejn il-pari mwettqa minn membri ta’ dak in-network. Peress li l-kompiti ta’ reviżjoni bejn il-pari issa jridu jiġu organizzati mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea stabbilit skont id-Deċiżjoni C(2024) 6132 tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2024 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/296, skont l-Artikolu 46e(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“Grupp ta’ Kooperazzjoni”), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/296 jenħtieġ li titħassar.

(3)

Biex ir-reviżjonijiet bejn il-pari jsiru aċċessibbli faċilment, kwalunkwe Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jitlob il-bidu ta’ reviżjoni bejn il-pari. It-talba jenħtieġ li tindika r-raġunijiet għat-talba għal reviżjoni bejn il-pari u jkun fiha biżżejjed informazzjoni biex tikkorrobora li r-reviżjoni bejn il-pari tista’ tikkontribwixxi għall-interoperabbiltà jew għas-sigurtà tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika li jridu jiġu nnotifikati. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jinħolqu regoli uniformi għall-informazzjoni minima meħtieġa biex ikun żgurat li r-reviżjoni bejn il-pari tkun tista’ titlesta b’mod effiċjenti u fil-ħin. Il-Kummissjoni tista’ torganizza laqgħat tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni biex tiffaċilita l-bidu u l-konklużjoni fil-ħin ta’ reviżjoni bejn il-pari.

(4)

Meta Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra dwar skema tal-identifikazzjoni elettronika f’konformità mal-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“notifika minn qabel”), dik l-azzjoni jenħtieġ li titqies formalment bħala talba tal-Istat Membru notifikanti biex issir reviżjoni bejn il-pari tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika tiegħu.

(5)

Biex ikunu żgurati tħejjija u eżekuzzjoni effettivi tar-reviżjoni bejn il-pari, jenħtieġ li jiġu identifikati r-rwoli u r-responsabbiltajiet standardizzati fir-reviżjoni bejn il-pari. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jaħtru rappreżentanti biex jissodisfaw dawk ir-rwoli u r-responsabbiltajiet. Peress li hu kritiku li ikun żgurat li r-reviżjonijiet bejn il-pari kollha jitwettqu mingħajr skossi, b’mod simplifikat u rapidu, il-prattikalitajiet ta’ kull reviżjoni bejn il-pari, b’mod indikattiv tal-ambitu u ż-żmien eżatt tagħha, jenħtieġ li jiġu miftiehma mill-Istati Membri involuti f’dik ir-reviżjoni bejn il-pari.

(6)

Biex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reviżjoni bejn il-pari, kif ukoll biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tagħlim bejn il-pari, ir-rappreżentanti ta’ kull Stat Membru jenħtieġ li jikkontribwixxu għal distribuzzjoni ġusta tal-isforzi fost l-Istati Membri fir-reviżjonijiet bejn il-pari kollha li jridu jitwettqu.

(7)

Biex jitrawwem livell għoli ta’ fiduċja fl-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika riveduti bejn il-pari, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni minima meħtieġa, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni potenzjalment sensittiva. Tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi evalwata minn tliet gruppi ta’ ħidma fir-reviżjonijiet bejn il-pari, kull wieħed b’mandat li jikkorrispondi għas-suġġetti ċentrali tal-evalwazzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 (3) u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) 2015/1502 (4).

(8)

Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/296 diġà stabbiliet l-Ingliż bħala l-lingwa ta’ kooperazzjoni, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-prattika eżistenti tal-Istati Membri hija li l-proċess ta’ reviżjoni bejn il-pari jsir bl-Ingliż. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti għar-reviżjoni bejn il-pari mqar bl-Ingliż. Madankollu, it-traduzzjoni m’għandhiex tixħet piżijiet amministrattivi jew finanzjarji mhux raġonevoli. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma liberi li jużaw għodod tat-traduzzjoni awtomatizzata, inkluż dawk ipprovduti mill-Kummissjoni.

(9)

Filwaqt li titqies l-importanza tar-reviżjonijiet bejn il-pari bħala għodda biex tkun żgurata l-affidabbiltà tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika notifikati, jenħtieġ li jiġi stabbilit proċess simplifikat għall-adozzjoni ta’ rapport finali ċar u komprensiv tar-reviżjoni bejn il-pari. Tul dak il-proċess, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni u l-Istati Membri li jipparteċipaw fir-reviżjoni bejn il-pari jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu mistoqsijiet addizzjonali lill-Istat Membru li l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi riveduta bejn il-pari, filwaqt li dak l-Istat Membru jenħtieġ li jkollu l-opportunità li jagħmel osservazzjonijiet addizzjonali. Biex tkun żgurata t-trasparenza, il-proċess jenħtieġ li jitlesta bil-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar il-konklużjoni tar-reviżjoni bejn il-pari.

(10)

Peress li l-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika jista’ jsirilhom xi bidliet wara l-konklużjoni tar-reviżjoni bejn il-pari tagħhom, jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll proċess biex jibda aġġornament tar-reviżjonijiet bejn il-pari preċedenti jekk dawk il-bidliet jistgħu jħallu impatt fuq l-interoperabbiltà, is-sigurtà jew l-affidabbiltà tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata. Dan jippermetti li r-reviżjonijiet bejn il-pari jibqgħu rilevanti maż-żmien hekk kif jevolvu l-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u, meta rilevanti, ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(12)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu nhar it-28 ta’ Mejju 2025.

(13)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prinċipji ġenerali għar-reviżjoni bejn il-pari

1.   Meta Stat Membru jinnotifika minn qabel skema tal-identifikazzjoni elettronika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tinbeda f’konformità mal-Artikolu 2.

2.   L-Istat Membru li jinnotifika minn qabel l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika jista’, fi kwalunkwe stadju, jirtira l-notifika minn qabel tiegħu. Meta l-Istat Membru jirtira n-notifika minn qabel tiegħu tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, ir-reviżjoni bejn il-pari għandha titqies itterminata.

3.   Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jipparteċipa fir-reviżjoni bejn il-pari tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika ta’ Stat Membru ieħor.

4.   Kull Stat Membru involut fir-reviżjoni bejn il-pari għandu jħallas il-kostijiet li jġarrab f’dan il-proċess.

5.   Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jwettqu r-reviżjoni bejn il-pari għandhom jużaw l-informazzjoni miksuba permezz tar-reviżjoni bejn il-pari biss għall-finijiet ta’ dik ir-reviżjoni u m’għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali miksuba waqt ir-reviżjoni bejn il-pari ma’ partijiet terzi.

6.   Stat Membru li jiddeċiedi li jipparteċipa fir-reviżjoni bejn il-pari ta’ skema tal-identifikazzjoni elettronika ta’ Stat Membru ieħor għandu jiżvela kull kunflitt ta’ interess fir-rigward tar-rappreżentanti maħtura minn dak l-Istat Membru. Meta jkun hemm kunflitt ta’ interess, l-Istat Membru li l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi riveduta bejn il-pari jista’ jirrifjuta l-parteċipazzjoni tar-rappreżentant rilevanti fil-valutazzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika tiegħu.

7.   Kwalunkwe tilwim li jinqala’ waqt ir-reviżjoni bejn il-pari fir-rigward tal-attivitajiet tar-reviżjoni bejn il-pari kif stabbilit fl-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-Regolament għandu jissolva f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

8.   Skema tal-identifikazzjoni elettronika m’għandhiex tkun soġġetta għal aktar reviżjoni bejn il-pari fi żmien sentejn mill-konklużjoni ta’ reviżjoni bejn il-pari, ħlief meta jkunu saru bidliet sinifikanti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) fl-iskema tal-identifikazzjoni elettronika riveduta bejn il-pari.

Artikolu 2

Bidu tar-reviżjoni bejn il-pari

1.   In-notifika minn qabel għandha tinkludi mqar:

(a)

tqabbil bejn l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502, fil-forma ta’ dokument ta’ mmappjar tal-livell tal-assigurazzjoni għar-reviżjoni bejn il-pari f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

deskrizzjoni ta’ livell għoli tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, tal-ekosistema tagħha u tal-identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jkun innotifika minn qabel, fil-forma ta’ whitepaper f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(c)

informazzjoni dwar l-interoperabbiltà tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501, fil-forma ta’ dokument ta’ mmappjar tal-qafas tal-interoperabbiltà f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni dwar in-notifika minn qabel lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

3.   L-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 1, il-punt (c), għandha tingħata mqar bl-Ingliż. L-Istati Membri m’għandhomx ikunu obbligati jittraduċu xi dokument meta dan ikun joħloq piż amministrattiv jew finanzjarju mhux raġonevoli.

Artikolu 3

Tħejjija għar-reviżjoni bejn il-pari

1.   Mal-konferma tal-wasla ta’ notifika minn qabel kompluta, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar il-bidu tar-reviżjoni bejn il-pari u tiskeda laqgħa li fiha l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika nnotifikata minn qabel titqiegħed fl-aġenda tal-laqgħa għal preżentazzjoni lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni mill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel.

2.   Il-president tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jiżgura li l-laqgħa skedata msemmija fil-paragrafu 1 issir fi żmien sa xahrejn minn meta l-Grupp ta’ Kooperazzjoni jiġi infurmat dwar il-bidu tar-reviżjoni bejn il-pari.

3.   Id-data tal-preżentazzjoni għandha titqies bħala d-data tal-bidu uffiċjali tar-reviżjoni bejn il-pari.

4.   Meta l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel ilesti l-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jaħtru rappreżentanti biex jipparteċipaw fir-reviżjoni bejn il-pari f’isimhom. Jekk jagħmlu dan, dawn għandhom jipprovdu l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tar-rappreżentanti tagħhom. Dawk ir-rappreżentanti maħtura għandhom jiffurmaw il-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari.

Il-membri tal-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari għandhom jaqblu dwar l-assenjar tar-rwoli li ġejjin:

(a)

koordinatur wieħed li jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tar-reviżjoni bejn il-pari u għall-ġestjoni tal-komunikazzjoni mal-Istati Membri, mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni u mal-Kummissjoni;

(b)

sa tliet relaturi skont l-ambitu tar-reviżjoni bejn il-pari u kull wieħed minnhom imexxi grupp ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 4(2);

(c)

imqar membru attiv wieħed għal kull grupp ta’ ħidma, li jassisti fil-ġenerazzjoni tal-mistoqsijiet u fl-għoti tar-rispons lir-relaturi u jikkontribwixxi għall-abbozzar tar-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari.

5.   Il-koordinatur imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (a), għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni xierqa tar-reviżjoni bejn il-pari u jimmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-koordinatur għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin fil-ħin:

(a)

l-organizzazzjoni tal-mistoqsijiet u tat-tweġibiet;

(b)

il-finalizzazzjoni tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari;

(c)

l-abbozzar tal-opinjoni dwar l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika riveduta bejn il-pari.

6.   Ir-relaturi msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), għandhom jidentifikaw mistoqsijiet għall-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel u jabbozzaw l-elementi tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari li jkunu relatati mal-qasam ta’ responsabbiltà tal-grupp ta’ ħidma rispettiv tagħhom.

7.   Filwaqt li titqies il-gwida tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel u l-Istati Membri involuti fir-reviżjoni bejn il-pari għandhom jaqblu dwar l-arranġamenti organizzazzjonali relatati mar-reviżjoni bejn il-pari li mhumiex previsti speċifikament f’dan ir-Regolament, inkluż regoli u linji gwida dwar il-kunfidenzjalità u l-kunflitti ta’ interess.

8.   Id-durata tar-reviżjoni bejn il-pari m’għandhiex taqbeż it-tliet xhur mid-data tal-bidu uffiċjali tar-reviżjoni bejn il-pari msemmija fil-paragrafu 3 u tista’ tiġi estiża b’massimu ta’ xahrejn meta l-Istati Membri kollha involuti fir-reviżjoni bejn il-pari jaqblu li jagħmlu dan.

Artikolu 4

Organizzazzjoni tar-reviżjoni bejn il-pari

1.   Il-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jwettaq ir-reviżjoni bejn il-pari abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 2(1) mill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel.

2.   Ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tiġi organizzata fi tliet gruppi ta’ ħidma, jew billi jintuża xi proċess ieħor miftiehem fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Meta jintużaw il-gruppi ta’ ħidma, kull grupp ta’ ħidma għandu jkun magħmul minn relatur wieħed u mqar membru attiv wieħed.

3.   Il-lista tal-gruppi ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun din li ġejja:

(a)

grupp ta’ ħidma ta’ reġistrazzjoni, li jirrevedi bejn il-pari l-allinjament tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel mar-rekwiżiti fir-rigward tar-reġistrazzjoni kif stabbilit fit-taqsima 2.1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502;

(b)

grupp ta’ ħidma għall-ġestjoni u l-awtentikazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika, li jirrevedi bejn il-pari l-allinjament tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel mar-rekwiżiti fir-rigward tal-ġestjoni u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fit-taqsimiet 2.2 u 2.3 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502;

(c)

grupp ta’ ħidma għall-ġestjoni u l-organizzazzjoni li jirrevedi bejn il-pari l-allinjament tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel mar-rekwiżiti fir-rigward tal-ġestjoni u l-organizzazzjoni kif stabbilit fit-taqsima 2.4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502.

4.   Ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tinkludi, iżda ma tkunx limitata għal, waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti pprovduta mill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel;

(b)

l-eżaminazzjoni tal-proċessi deskritti bħala parti minn dik id-dokumentazzjoni;

(c)

seminars tekniċi;

(d)

il-kunsiderazzjoni ta’ valutazzjonijiet indipendenti ta’ partijiet terzi, meta jkunu disponibbli valutazzjonijiet rilevanti ta’ dan it-tip;

(e)

l-abbozzar tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari li jiġbor fil-qosor is-sejbiet u r-riżultati tar-reviżjoni bejn il-pari.

5.   Il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jagħmlu talbiet debitament ġustifikati għal informazzjoni addizzjonali, appoġġati b’dokumentazzjoni addizzjonali, mingħand l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel meta l-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 2(1) ma tkunx suffiċjenti, għat-terminazzjoni tar-reviżjoni bejn il-pari.

6.   L-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel għandu jikkonforma ma’ dawn it-talbiet ħlief meta tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta’ din l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni, u l-kisba tagħhom tkun tixħet piż amministrattiv mhux raġonevoli;

(b)

l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni mitluba tkun tikkonċerna kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

l-informazzjoni tkun tikkonċerna kwistjonijiet kummerċjali, sigrieti professjonali jew tal-kumpaniji;

(d)

is-sensittività tal-informazzjoni tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit mezz sigur biex l-informazzjoni tingħadda lill-membri tal-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari.

7.   F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel għandu jinforma lill-koordinatur bir-raġunijiet għar-rifjut li tingħata l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni mitluba u għandu jipprovdi sommarju ta’ livell għoli tal-informazzjoni jew verżjoni redatta tad-dokumentazzjoni.

Artikolu 5

Eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(9), il-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari għandu:

(a)

jipprovdi abbozz ta’ rapport tar-reviżjoni bejn il-pari lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel fi żmien sa tliet xhur mid-data tal-bidu tar-reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 3(3), ħlief meta ir-reviżjoni bejn il-pari tkun soġġetta għal estensjoni b’mod konformi mal-Artikolu 3(8) u għalhekk ir-rapport ikun dovut skont l-estensjoni miftiehma;

(b)

jipprovdi l-abbozz tar-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni wara li jqis kull osservazzjoni tal-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel dwar il-kontenut tal-abbozz tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari, u fi żmien sa tliet xhur u ġimagħtejn mid-data tal-bidu uffiċjali tar-reviżjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 3(3), ħlief meta r-reviżjoni bejn il-pari tkun soġġetta għal estensjoni b’mod konformi mal-Artikolu 3(8) u għalhekk ir-rapport ikun dovut skont l-estensjoni miftiehma;

(c)

jipprovdi lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel b’abbozz ta’ opinjoni dwar l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel fi żmien tliet xhur u ġimagħtejn mid-data tal-bidu uffiċjali tar-reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 3(3), ħlief meta r-reviżjoni bejn il-pari tkun soġġetta għal estensjoni b’mod konformi mal-Artikolu 3(8) u għalhekk l-opinjoni tkun dovuta skont l-estensjoni miftiehma, u għandu jħejji l-abbozz ta’ opinjoni billi juża l-mudell stabbilit fl-Anness IV;

(d)

jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni b’abbozz ta’ opinjoni finali dwar l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata fi żmien sa tliet xhur u tliet ġimgħat mid-data tal-bidu tar-reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 3(3), ħlief meta r-reviżjoni bejn il-pari tkun soġġetta għal estensjoni b’mod konformi mal-Artikolu 3(8) u għalhekk l-opinjoni tkun dovuta skont l-estensjoni miftiehma.

2.   Qabel ma l-Grupp ta’ Kooperazzjoni jadotta u jippubblika fuq sit web dedikat tal-Kummissjoni, l-opinjoni finali tiegħu dwar il-konklużjoni tar-reviżjoni bejn il-pari f’konformità mal-paragrafu 9, dan jista’ jitlob informazzjoni jew kjarifika addizzjonali mingħand l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel jew mingħand il-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari.

3.   L-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali mitluba msemmija fil-paragrafu 2, ħlief meta tkun tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru ma jkollux l-informazzjoni u l-kisba tagħha tkun tixħet piż amministrattiv mhux raġonevoli;

(b)

l-informazzjoni tkun tikkonċerna kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika jew nazzjonali;

(c)

l-informazzjoni tkun tikkonċerna kwistjonijiet ta’ sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji;

(d)

is-sensittività tal-informazzjoni tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit mezz sigur biex l-informazzjoni tingħadda lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

4.   Ir-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jelenka l-informazzjoni li ntalbet mill-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari jew mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni iżda li ma setgħetx tingħata għal raġuni waħda jew aktar stabbiliti fil-paragrafu 3, mingħajr ma jiġu speċifikati r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel. L-impatt ta’ kull nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni jista’ jiġi eżaminat mill-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari fir-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari.

5.   Il-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jippreżenta r-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari u l-abbozz ta’ opinjoni finali tiegħu lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni fi żmien sa erba’ xhur, jew fil-każ ta’ estensjoni f’konformità mal-Artikolu 3(8) fi żmien sa sitt xhur mid-data tal-bidu uffiċjali tar-reviżjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 3(3).

6.   L-opinjoni finali tal-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari dwar l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika tal-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel għandha telenka kull impenn li jkun għamel dak l-Istat Membru.

7.   Wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali tar-reviżjoni bejn il-pari u l-opinjoni finali tal-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandu jadotta u jippubblika l-opinjoni tiegħu stess dwar il-konklużjoni tar-reviżjoni bejn il-pari, filwaqt li jindika jekk u kif l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika riveduta bejn il-pari tissodisfa jew le r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502 li japplikaw għal-livelli tal-assigurazzjoni indikati mill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel, f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Il-proċess tal-adozzjoni għandu jimxi mar-regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni.

8.   L-opinjoni tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni għandha tidentifika lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika minn qabel kif ukoll l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata minn qabel u l-livell tal-assigurazzjoni tiegħu. L-opinjoni għandha tiddikjara wkoll jekk ir-reviżjoni bejn il-pari tkunx tlestiet b’suċċess.

9.   L-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 2(1) għandha tiġi ppubblikata mill-Grupp ta’ Kooperazzjoni, ħlief meta l-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni jkun indika bil-miktub li tali informazzjoni m’għandhiex issir pubblika.

Artikolu 6

Bidliet sinifikanti fl-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika riveduti bejn il-pari

1.   Meta skema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata tinbidel b’mod li aktarx ikollu impatt fuq l-interoperabbiltà, is-sigurtà jew l-affidabbiltà tagħha, l-Istat Membru li jkun għamel in-notifika għandu jinnotifika mingħajr dewmien żejjed lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar dawk il-bidliet u jaġġorna l-informazzjoni pprovduta qabel.

2.   Malli tasal in-notifika msemmija fil-paragrafu 1, u meta l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika notifikata tkun ġiet riveduta bejn il-pari, kwalunkwe Stat Membru tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni jista’ jitlob aġġornament tar-reviżjoni bejn il-pari.

3.   Fil-każ ta’ talba għal aġġornament, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5 għandhom japplikaw kif xieraq u l-grupp tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jillimita r-reviżjoni bejn il-pari għall-elementi li jkunu nbidlu skont in-notifika oriġinali u l-impatti ta’ dawk il-bidliet.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/296 b’dan titħassar.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/2024-10-18.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 tal-24 ta’ Frar 2015 li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/296/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1501/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 tat-8 ta’ Settembru 2015 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri minimi għal-livelli ta’ assigurazzjoni għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1502/oj).

(5)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(7)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).


ANNESS I

Lista tal-informazzjoni minima li trid tingħata fid-dokument ta’ mmappjar tal-livelli tal-assigurazzjoni għar-reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (a)

Id-dokument ta’ mmappjar tal-livell tal-assigurazzjoni għar-reviżjoni bejn il-pari msemmi fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jinkludi mqar l-informazzjoni li ġejja:

(1)

informazzjoni ġenerali, inkluż:

(a)

l-isem tal-Istat Membru notifikanti;

(b)

it-titlu tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika (jekk ikun hemm);

(c)

il-livell(i) tal-assigurazzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, indikati bħala baxxi, sostanzjali jew għoljin.

(2)

l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż:

(a)

isem l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema tal-identifikazzjoni elettronika;

(b)

l-indirizz elettroniku tal-awtoritajiet responsabbli għall-iskema tal-identifikazzjoni elettronika.

(3)

informazzjoni dwar il-partijiet, l-entitajiet u l-korpi rilevanti involuti fl-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż:

(a)

isem l-entitajiet li jimmaniġġaw il-proċess tar-reġistrazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni unika tal-persuna;

(b)

isem il-partijiet li joħorġu l-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika u, meta applikabbli, indikazzjoni dwar jekk il-parti(jiet) humiex imsemmija fl-Artikolu 7(a), fil-punt (i), (ii) jew (iii), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(c)

isem il-partijiet li joperaw il-proċedura tal-awtentikazzjoni (in-“nodu eIDAS”);

(d)

isem l-organizzazzjonijiet ta’ governanza li jipparteċipaw fir-reġim superviżorju relatat mal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika.

(4)

deskrizzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż:

(a)

meta applikabbli, id-dokument(i) li jridu jinhemżu għal kull wieħed mis-suġġetti li ġejjin:

deskrizzjoni qasira tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż il-kuntest li topera fih, l-ambitu tagħha, u d-disponibbiltà għal partijiet dipendenti privati;

lista tal-attributi addizzjonali li jistgħu jingħataw fir-rigward ta’ persuni fiżiċi fl-iskema tal-identifikazzjoni elettronika jekk tintalab minn parti dipendenti;

lista tal-attributi addizzjonali li jistgħu jingħataw fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi fl-iskema tal-identifikazzjoni elettronika jekk tintalab minn parti dipendenti.

(b)

ir-reġim superviżorju, tar-responsabbiltà u tal-ġestjoni applikabbli, inkluż:

deskrizzjoni tar-reġim superviżorju tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż il-proċess tal-evalwazzjoni fir-rigward ta’ dan li ġej:

ir-reġim superviżorju applikabbli għall-parti(jiet) li joħorġu l-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika;

ir-reġim superviżorju applikabbli għall-parti(jiet) li joperaw in-nodu eIDAS.

Meta applikabbli, dawn id-deskrizzjonijiet għandhom jinkludu r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-organizzazzjonijiet ta’ governanza li jipparteċipaw fir-reġim superviżorju msemmi fil-punt 3(d), u l-entità li lilha jirrapportaw. Jekk l-organizzazzjonijiet ma jirrapportawx lill-awtorità responsabbli għall-iskema, għandhom jingħataw dettalji sħaħ tal-entità li lilha jirrapportaw.

deskrizzjoni tar-reġim tar-responsabbiltà nazzjonali applikabbli, inkluż:

deskrizzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

deskrizzjoni tar-responsabbiltà tal-parti(jiet) li joħorġu l-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

deskrizzjoni tar-responsabbiltà tal-parti(jiet) li joperaw in-nodu eIDAS skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

arranġamenti għall-ġestjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema tal-identifikazzjoni sħiħa, jew ta’ mezzi tal-identifikazzjoni elettronika speċifiċi, jew tan-nodu eIDAS, jew tal-partijiet kompromessi tagħha.

(c)

deskrizzjoni tal-komponenti tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż:

deskrizzjoni ta’ kif ġew issodisfati r-rekwiżiti fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi minimi u l-proċeduri għal-livelli tal-assigurazzjoni għall-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502, biex jiġi ssostanzjat il-livell tal-assigurazzjoni indikat għar-reġistrazzjoni;

deskrizzjoni ta’ kif il-proċessi li ġejjin huma indirizzati fl-iskema tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż dokumentazzjoni għall-kombinament tal-għażliet li għamel l-Istat Membru, għal:

l-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni;

il-prova u l-verifika tal-identità ta’ persuna fiżika:

il-prova u l-verifika tal-identità ta’ persuna ġuridika;

ir-rabta bejn il-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika għal persuni fiżiċi u ġuridiċi.

fir-rigward tal-ġestjoni tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, deskrizzjoni ta’ kif il-proċessi li ġejjin huma indirizzati bil-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika:

il-karatteristiċi u d-disinn tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, inkluż, meta xieraq, informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà;

il-ħruġ, it-twassil u l-attivazzjoni;

is-sospensjoni, it-tħassir u r-riattivazzjoni;

it-tiġdid u s-sostituzzjoni.

fir-rigward tal-awtentikazzjoni, deskrizzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni, inkluż it-termini tal-aċċess għall-awtentikazzjoni minn partijiet dipendenti għajr il-korpi tas-settur pubbliku;

fir-rigward tal-ġestjoni u l-organizzazzjoni, deskrizzjoni tal-ġestjoni u tal-organizzazzjoni tal-aspetti li ġejjin:

id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni;

l-avviżi ppubblikati u l-informazzjoni għall-utenti;

il-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni;

iż-żamma tar-rekords.

il-faċilitajiet u l-persunal;

il-kontrolli tekniċi.

il-konformità u l-awditjar.

(d)

deskrizzjoni ta’ kif jiġu ssodisfati r-rekwiżiti minimi tal-interoperabbiltà u tas-sigurtà teknika u operazzjonali;

(e)

lista tad-dokumentazzjoni ta’ sostenn kollha sottomessa u dikjarazzjoni ta’ liema elementi minn dawn ta’ hawn fuq huma relatati magħhom, inkluż referenzi għal kull leġiżlazzjoni domestika relatata mad-dispożizzjoni tal-identifikazzjoni elettronika rilevanti għan-notifika u r-rapporti tal-awditjar rilevanti, id-dikjarazzjonijiet tal-prattika taċ-ċertifikazzjoni, u r-rapporti tat-testijiet.

(f)

id-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12a(1) u, meta applikabbli, għall-Artikolu 12a(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.


ANNESS II

Lista tal-informazzjoni minima li trid tingħata fil-white paper imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b)

1.   

Il-white paper għandha tiddeskrivi l-ekosistema ġenerali tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika li tkun qed tiġi notifikata minn qabel, kif ukoll l-istorja tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika u tal-identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru.

2.   

Il-white paper għandha tipprovdi wkoll deskrizzjoni tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika u l-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika pprovduti f’din l-iskema, inkluż deskrizzjoni qasira tal-elementi koperti wkoll mid-dokument ta’ mmappjar tal-livelli tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, id-dokument ta’ mmappjar tal-qafas tal-interoperabbiltà msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), ta’ dan ir-Regolament, u dokumenti oħra.

3.   

Il-white paper għandha tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-iskema tal-identifikazzjoni elettronika fl-ekosistema ġenerali u r-relazzjoni tagħha ma’ partijiet dipendenti u servizzi oħra pprovduti fl-ekosistema.


ANNESS III

Mudell għad-dokument ta’ mmappjar tal-qafas tal-interoperabbiltà

Rekwiżiti tal-Interoperabilità

Artikolu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501

Rekwiżit

Deskrizzjoni

4

Immappjar tal-livelli tal-assigurazzjoni nazzjonali

L-immappjar tal-livelli tal-assigurazzjoni nazzjonali tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika notifikati għandu jimxi skont ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502. Ir-riżultati tal-immappjar għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni skont il-mudell ta’ notifika stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1984.

<Timtela mill-Istat Membru>

5

Nodi

1.

Nodu ta’ Stat Membru partikolari għandu jkun jista’ jaqbad ma’ nodu ta’ Stat Membru ieħor.

2.

In-nodi għandhom ikunu jistgħu jiddistingwu b’xi mezzi tekniċi bejn il-korpi tas-settur pubbliku u partijiet dipendenti oħra.

3.

L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament minn Stat Membru m’għandhiex timponi rekwiżiti tekniċi u kostijiet sproporzjonati fuq Stati Membri oħra biex dawn ikunu jistgħu jinteroperaw mal-implimentazzjoni adottata mill-ewwel Stat Membru.

<Timtela mill-Istat Membru>

6

Privatezza u kunfidenzjalità tad-data

1.

Il-protezzjoni tal-privatezza u tal-kunfidenzjalità tad-data skambjata u ż-żamma tal-integrità tad-data bejn in-nodi għandhom ikunu żgurati bl-aqwa soluzzjonijiet tekniċi u prattiki tal-protezzjoni disponibbli.

2.

In-nodi m’għandhom jaħżnu l-ebda data personali, ħlief għall-iskop stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501.

<Timtela mill-Istat Membru>

7

Integrità u awtentiċità tad-data għall-komunikazzjoni

Il-komunikazzjoni bejn in-nodi għandha tiżgura l-integrità u l-awtentiċità tad-data biex ikun żgurat li r-rekwiżiti u r-risponsi kollha jkunu awtentiċi u ma ġewx manipulati. Għal dan il-għan, in-nodi għandhom jużaw soluzzjonijiet li jkunu rnexxew meta tħaddmu b’mod transfruntier.

<Timtela mill-Istat Membru>

8

Format tal-messaġġi għall-komunikazzjoni

Bħala sintassi, in-nodi għandhom jużaw formati komuni tal-messaġġi bbażati fuq standards li diġà ġew varati aktar minn darba mill-Istati Membri, u li wrew li jaħdmu f’ambjent operazzjonali.

Is-sintassi għandha tippermetti:

(a)

l-ipproċessar kif suppost tas-sett minimu tad-data ta’ identifikazzjoni personali li jirrappreżenta, b’mod uniku, lil persuna fiżika jew ġuridika;

(b)

l-ipproċessar xieraq tal-livell tal-assigurazzjoni tal-mezz tal-identifikazzjoni elettronika;

(c)

id-distinzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku u partijiet oħra dipendenti;

(d)

il-flessibbiltà biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ attributi addizzjonali relatati mal-identifikazzjoni.

<Timtela mill-Istat Membru>

9

Ġestjoni tal-informazzjoni tas-sigurtà u l-metadata

1.

L-operatur tan-nodu għandu jikkomunika l-metadata tal-ġestjoni tan-nodu b’mod standardizzat li jista’ jiġi pproċessat minn magna, kif ukoll b’mod sigur u affidabbli.

2.

Għandhom jinkisbu b’mod awtomatiku mqar il-parametri rilevanti għas-sigurtà.

3.

L-operatur tan-nodu għandu jaħżen data li, jekk jinqala’ xi inċident, tkun tista’ terġa’ tinbena s-sekwenza tal-iskambju tal-messaġġi biex jiġu stabbiliti l-post fejn ikun seħħ l-inċident u n-natura tiegħu. Id-data għandha tinħażen għal perjodu taż-żmien f’konformità mar-rekwiżiti nazzjonali u għandha tinkludi mqar l-elementi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni tan-nodu;

(b)

l-identifikazzjoni tal-messaġġ;

(c)

id-data u l-ħin tal-messaġġ.

<Timtela mill-Istat Membru>

10

Assigurazzjoni tal-informazzjoni u standards tas-sigurtà

1.

L-operaturi tan-nodi li jipprovdu l-awtentikazzjoni għandhom juru li, fir-rigward tan-nodi li jipparteċipaw fil-qafas tal-interoperabbiltà, in-nodu jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard ISO/IEC 27001 permezz ta’ ċertifikazzjoni, jew metodi ekwivalenti ta’ valutazzjoni, jew billi jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.

L-operaturi tan-nodi għandhom ivaraw l-aġġornamenti kritiċi tas-sigurtà mingħajr dewmien.

<Timtela mill-Istat Membru>

11

Data tal-identifikazzjoni personali

1.

Is-sett minimu tad-data tal-identifikazzjoni personali li jirrappreżenta, b’mod uniku, lil persuna fiżika jew ġuridika għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501 meta jintuża f’kuntest transfruntier.

2.

Is-sett minimu tad-data għal persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta lil persuna ġuridika għandu jkun fih il-kombinament tal-attributi elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501 għall-persuni fiżiċi u għall-persuni ġuridiċi meta jintuża f’kuntest transfruntier.

3.

Id-data għandha tintbagħat abbażi tal-karattri oriġinali u, meta xieraq, għandha tiġi traskritta wkoll b’karattri Latini.

<Timtela mill-Istat Membru>


ANNESS IV

Mudell għall-opinjoni dwar l-iskema tal-identifikazzjoni elettronika ta’ Stat Membru

Opinjoni Nru XX/202X tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-iskema tal-eID <isem l-iskema> ta’ <isem l-Istat Membru>

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 910/2014 (“ir-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1568,

Wara li kkunsidrat ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni,

Billi:

L-Artikolu 12(5) tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea jobbliga lill-Istati Membri jwettqu reviżjonijiet bejn il-pari tal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika li jridu jiġu notifikati skont l-Artikolu 9(1), il-punt (a), tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea.

L-Artikolu 5(10) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1568 dwar il-kooperazzjoni jagħti mandat lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni biex jadotta opinjonijiet dwar kif skema tal-identifikazzjoni elettronika li trid tiġi notifikata tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea.

L-Istat Membru <Isem l-Istat Membru>, bil-għan li jinnotifika l-iskema tal-eID tiegħu msejħa <isem l-iskema> f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea, ipprovda l-informazzjoni li ġejja lill-Istati Membri fi <daħħal data> (minn hawn ’il quddiem imsejħa: “notifika minn qabel”) f’konformità mal-Artikolu 7(g) tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea:

Formola ta’ notifika;

Dokumentazzjoni ta’ Sostenn.

Nhar <data tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni>, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni:

qabel li jorganizza r-reviżjoni bejn il-pari tal-iskema tal-eID <isem l-iskema> ta’ <isem l-Istat Membru> f’konformità mal-Artikolu 46e(5)(d) tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1568;

ifforma “Grupp tar-Reviżjoni bejn il-Pari”; u

qabel fuq liema suġġetti jkopri l-proċess tar-reviżjoni bejn il-pari u kif dan jiġi organizzat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1568.

Il-Grupp tar-Reviżjoni bejn il-Pari ppreżenta r-rapport tiegħu skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/1568 lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni nhar <id-data>. Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni eżamina u ddiskuta r-Rapport tar-Reviżjoni bejn il-Pari.

Filwaqt li jqisu l-eżiti tar-reviżjoni bejn il-pari, ir-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta minn <isem l-Istat Membru> fir-rigward ta’:

u li <isem l-Istat Membru> jimpenja ruħu li:

Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni adotta l-opinjoni li ġejja:

Opinjoni

Abbażi tal-eżami tad-dokumenti tan-notifika minn qabel ipprovduti minn <isem l-Istat Membru> u s-sejbiet tar-Rapport tar-Reviżjoni bejn il-Pari, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni hu tal-fehma li d-dokumenti tan-notifika minn qabel u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta minn <isem l-Istat Membru> juru b’mod suffiċjenti kif l-iskema tal-eID <isem l-iskema> ta’ <isem l-Istat Membru> li trid tiġi notifikata tissodisfa r-rekwiżiti

għal-livell tal-assigurazzjoni “Għoli”;

għal-livell tal-assigurazzjoni “Sostanzjali”;

għal-livell tal-assigurazzjoni “Baxx”;

f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 7, 8(1)-(2), 12(1), 12a(1) u 12a(5) tar-Regolament dwar l-Identità Diġitali Ewropea u mar-rekwiżiti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1502.

Skont l-Artikolu <in-numru> tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni jaqbel li jippubblika din l-opinjoni.

<Isem l-Istat Membru>, <id-data>


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1568/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top