This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0014
Regulation (EU) 2025/14 of the European Parliament and of the Council of 19 December 2024 on the approval and market surveillance of non-road mobile machinery circulating on public roads and amending Regulation (EU) 2019/1020 (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
PE/71/2024/REV/1
ĠU L, 2025/14, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/14/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/14 |
8.1.2025 |
REGOLAMENT (UE) 2025/14 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Diċembru 2024
dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Makkinarju mobbli awtopropulsiv, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jkun iddisinjat jew mibni bl-iskop li jwettaq xogħol (“makkinarju mobbli mhux tat-triq”), jista’ jkun li jkollu bżonn, okkażjonalment jew regolarment, li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi, l-aktar biex jiċċaqlaq minn post tax-xogħol għal ieħor. |
|
(2) |
Dan ir-Regolament ikopri biss makkinarju awtopropulsiv. It-tagħmir tal-makkinarju rmunkat mhuwiex kopert minn dan ir-Regolament minħabba li t-tali tagħmir normalment jiġi rmunkat minn vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). It-tali tagħmir jenħtieġ li jkun kopert mir-Regolament (UE) 2018/858, li jirregola l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur inklużi t-trejlers tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti, skont ir-Regolament (UE) 2018/858, rekwiżiti tekniċi dettaljati relatati mas-sikurezza fit-toroq tal-kategorija speċifika ta’ tagħmir tal-makkinarju rmunkat, sa fejn it-tali tagħmir ma jkunx soġġett għal tali rekwiżiti skont ir-regoli eżistenti. |
|
(3) |
Ċerti aspetti tad-disinn u tal-bini ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq diġà huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, b’mod partikolari bir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), bid-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), bid-Direttiva 2006/42/KE, u bid-Direttivi 2014/30/UE (7) u 2014/53/UE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(4) |
Fir-rigward tas-sikurezza tal-makkinarju mobbli, id-Direttiva 2006/42/KE hija l-att regolatorju ewlieni li japplika għal dak il-makkinarju meta jitqiegħed fis-suq. Hija tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza li jkopru l-funzjonijiet tal-ivvjaġġar barra mit-triq ta’ makkinarju mobbli bħat-tnaqqis fil-veloċità, il-waqfien, l-ibbrejkjar, il-pożizzjonijiet tas-sewqan, u s-sistemi ta’ trażżin. Madankollu, ir-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza, stabbiliti f’dik id-Direttiva, huma maħsuba biss biex jindirizzaw is-sikurezza meta l-makkinarju jkun qed jaħdem, u ma jkoprux l-aspetti tas-sikurezza ta’ dak il-makkinarju meta dan ikun qed jiċċirkola fit-toroq pubbliċi. |
|
(5) |
Minħabba n-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar is-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-operaturi ekonomiċi li jipproduċu, jew jagħmlu disponibbli fis-suq, makkinarju mobbli mhux tat-triq jiffaċċjaw kostijiet sinifikanti assoċjati ma’ rekwiżiti regolatorji differenti fl-Istati Membri. Barra minn hekk, is-sikurezza fit-toroq ta’ dak il-makkinarju ma hijiex żgurata b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. |
|
(6) |
Għall-finijiet tal-iżvilupp u l-operat tas-suq intern, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema armonizzata tal-approvazzjoni tat-tip u sistema tal-approvazzjoni individwali għas-sikurezza fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi. |
|
(7) |
L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jindirizza r-riskji assoċjati maċ-ċirkolazzjoni prevista tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq fit-toroq pubbliċi. Għalhekk, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq li, fil-prattika, mhuwiex previst biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Billi l-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jindirizza r-riskji li joħorġu miċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni biex iwettaq xogħol u mhux għat-trasport ta’ persuni, annimali jew oġġetti, ħlief għal meta jkunu qed jinġarru materjali li jikkontribwixxu għat-tħaddim tiegħu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal makkinarju li l-uniku objettiv tiegħu huwa t-trasport ta’ persuni, annimali jew oġġetti. Għalhekk, it-tipi kollha ta’ apparati ġodda ta’ mobilità personali, bħal scooters elettriċi li toqgħod fuqhom bilwieqfa u bilqiegħda, ċikli bil-pedali assistiti bl-elettriku, inkluż ċikli assistiti bl-enerġija elettrika u dawk maħsuba għall-ġarr ta’ merkanzija kummerċjali, vetturi awtoekwilibranti, inkluż trasportaturi personali u hoverboards awtoekwilibranti, uniċikli elettriċi, skateboards elettriċi u boards “b’rota waħda”, mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Billi l-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jindirizza ċ-ċirkolazzjoni fit-toroq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni biex iwettaq xogħol, u mhux għat-trasport tal-ħaddiema, makkinarju mobbli li jkun mgħammar b’aktar minn tliet pożizzjonijiet bilqiegħda, inkluż il-pożizzjoni bilqiegħda tas-sewwieq, huwa wkoll eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe spazju jenħtieġ li jitqies bħala pożizzjoni bilqiegħda jekk ikun iddisinjat għall-użu meta l-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun qed jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala tali u jippermetti li mara adulta tal-ħames perċentil tkun bilqiegħda. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri biss makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jitqiegħed fis-suq mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jkun jew makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq prodott minn manifattur stabbilit fl-Unjoni jew makkinarju mobbli mhux tat-triq, ġdid jew użat, importat minn pajjiż terz. |
|
(11) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi irrispettivament mis-sistema ta’ propulsjoni tiegħu u, għalhekk, jenħtieġ li japplika wkoll għall-makkinarju elettriku u ibridu. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ sikurezza elettrika relatati mad-drives elettriċi stipulati fir-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
|
(12) |
Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jaħdem bil-mod jirrappreżenta l-maġġoranza tas-suq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. Barra minn hekk, xi Stati Membri stabbilew limitu tal-veloċità taċ-ċirkolazzjoni fit-toroq għal makkinarju mobbli mhux tat-triq ta’ 40 km/h. Barra minn hekk, billi r-riskji għas-sikurezza fit-toroq huma proporzjonali għall-veloċità tat-triq, ma jkunx koerenti li qafas li jindirizza r-riskji għas-sikurezza għal makkinarju mobbli mhux tat-triq biss u mhux għal vetturi regolari, li jkopri jew il-makkinarju mobbli veloċi mhux tat-triq inkella l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li ma jaqbiżx 6 km/h. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal makkinarju mobbli b’veloċità massima skont id-disinn li ma jaqbiżx 6 km/h jew li jaqbeż 40 km/h. |
|
(13) |
F’xi każijiet speċifiċi definiti sew, il-manifatturi jenħtieġ li jkollhom għażla li jużaw skemi nazzjonali, approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni individwali tal-UE. Minħabba l-partikolaritajiet tal-prototipi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsuba biex jintużaw fit-triq taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur biex iwettaq programmi speċifiċi ta’ ttestjar tal-iżvilupp jew testijiet fuq il-post, makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni jew adattat għall-użu mill-protezzjoni ċivili, servizzi tat-tifi tan-nar u forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku u makkinarju mobbli mhux tat-triq użat primarjament fil-barrieri jew fl-ajruporti, huwa xieraq li tiġi applikata l-flessibbiltà tal-manifatturi fir-rigward tal-iskema ta’ approvazzjoni li japplikaw għaliha. |
|
(14) |
Dan jista’ jkun il-każ ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jipproduċu makkinarju mobbli mhux tat-triq f’ammonti ta’ unitajiet li jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati jew jiddaħħlu fis-servizz li ma jaqbiżx, kull sena u f’kull Stat Membru, 70 unità għal kull tip. |
|
(15) |
Għalkemm l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jistabbilixxu skemi nazzjonali għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq deskritt fil-premessi 13 u 14, l-Istati Membri li ma stabbilewx it-tali skema jenħtieġ li jirrikjedu li l-manifatturi, għal dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri li stabbilew it-tali skema għandhom jippermettu lill-manifatturi jagħżlu li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament sabiex jibbenefikaw mill-moviment liberu. |
|
(16) |
Sforz li, f’ċerti każijiet, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq, minħabba d-dimensjonijiet eċċessivi tiegħu, ma jippermettix manuvrabbiltà biżżejjed fit-toroq pubbliċi jew jista’, minħabba l-massa, it-tagħbijiet fuq il-fusien jew il-pressjoni ta’ kuntatt mal-art eċċessivi tiegħu, jagħmel ħsara lill-wiċċ tat-toroq pubbliċi jew lil infrastruttura oħra tat-toroq, jew minħabba sistemi ta’ sewqan kompletament awtomatizzati tiegħu għall-użu fit-toroq, huwa xieraq li tiġi pprovduta diskrezzjoni lill-Istati Membri li jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi jew ir-reġistrazzjoni ta’ tali makkinarju, anki jekk dan ikun ġie approvat skont it-tip f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ armonizzazzjoni għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq madwar l-Unjoni, huwa importanti li l-Istati Membri jipprojbixxu biss iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ għadd limitat ta’ makkinarju. Għalhekk, kemm l-Istati Membri kif ukoll il-Kummissjoni jenħtieġ li jistabbilixxu valuri ta’ limitu għoljin biżżejjed li jippermettu kemm jista’ jkun magni tat-tip approvat jiċċirkolaw fit-toroq pubbliċi fit-territorju tal-Unjoni. |
|
(17) |
Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ korriment lill-persuni u ta’ ħsara fl-infrastruttura tat-toroq waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun qed jiċċirkola fit-toroq pubbliċi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti tekniċi. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tekniċi jinkludu suġġetti relatati mas-sikurezza fit-toroq, bħall-integrità tal-istruttura tal-vettura, il-veloċità massima skont id-disinn, ir-regolatur tal-veloċità, l-apparat li jillimita l-veloċità u l-ispeedometer, l-apparat tal-ibbrejkjar, l-istering, il-kamp ta’ viżjoni, u l-mases u d-dimensjonijiet. Ir-rekwiżiti tekniċi jenħtieġ li jqisu s-sinerġiji bejn il-funzjoni tal-makkinarju u l-funzjoni tal-użu fit-triq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. Sabiex dawk ir-rekwiżiti tekniċi jibqgħu validi suffiċjentement fil-futur, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli għal rekwiżiti addizzjonali minħabba l-progress tekniku u xjentifiku, bħas-sistemi ta’ assistenza għas-sewwieqa u s-sistemi tas-sewqan awtomatizzati u mħaddma mill-bogħod. |
|
(18) |
Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti l-użu ta’ komponenti u unitajiet tekniċi separati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu ġew approvati skont it-tip f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew mar-Regolament (UE) 2018/858. |
|
(19) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li huma jqiegħdu fis-suq biss makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun konformi ma’ dan ir-Regolament. Għaldaqstant huwa meħtieġ li tiġi prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu għar-rwol ta’ kull operatur ekonomiku fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni. |
|
(20) |
Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-proċedura għall-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni, li hija wieħed mill-pedamenti tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, tkun ġiet implimentata b’mod korrett u tkun qed tiffunzjona kif suppost, jenħtieġ li l-manifatturi jiġu vverifikati regolarment mill-awtorità kompetenti jew minn servizz tekniku kwalifikat kif xieraq maħtur għal dak l-iskop. Ir-rata ta’ kampjunar għal tali verifiki jenħtieġ li tkun proporzjonata mal-volumi tal-produzzjoni kkonċernati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom ikollhom ir-riżorsi meħtieġa, bħal riżorsi baġitarji, umani u materjali suffiċjenti, inkluż għadd suffiċjenti ta’ persunal kompetenti, kif ukoll ikollhom għarfien espert, proċeduri u arranġamenti oħra suffiċjenti biex iwettqu s-setgħat mogħtija lilhom skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
|
(21) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq u l-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq previsti fir-Regolament (UE) 2019/1020 japplikaw għal makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert minn dan ir-Regolament u b’rabta mal-aspetti indirizzati jew koperti mir-rekwiżiti tekniċi stipulati f’dan ir-Regolament, li jiġi emendat l-Anness I ta’ dak ir-Regolament sabiex jiġu elenkati, f’dak l-Anness, ir-referenzi għal dan ir-Regolament. |
|
(22) |
Għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, jenħtieġ li jkun hemm operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni li lilu l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jindirizzaw it-talbiet, inkluż talbiet għall-informazzjoni dwar il-konformità ta’ prodott ma’ dan ir-Regolament, u li jkun jista’ jikkoopera mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni korrettiva immedjata biex jiġu rrimedjati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. L-operaturi ekonomiċi li jenħtieġ iwettqu dawk il-kompiti huma l-manifattur jew rappreżentant awtorizzat li jkollu mandat mill-manifattur għal dak l-għan. Il-manifattur jenħtieġ jiżgura li jinħatar rappreżentant awtorizzat li jkollu mandat f’kull ħin matul il-perjodu li fih il-manifattur ikollu approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni individwali tal-UE f’konformità ma’ dan ir-Regolament. |
|
(23) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u tal-approvazzjoni individwali tal-UE u ċerti dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
|
(24) |
Koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u valutazzjonijiet ikkoordinati taħt id-direzzjoni ta’ awtorità ta’ koordinazzjoni hija fundamentali sabiex jiġi żgurat livell konsistentement għoli ta’ saħħa u sikurezza fis-suq intern. Din twassal ukoll għal użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi skarsi fil-livell nazzjonali. Għal dan l-iskop, jenħtieġ li jiġi stabbilit forum konsultattiv għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-infurzar għall-Istati Membri u l-Kummissjoni bl-objettiv li jippromwovu l-aħjar prattiki, jiskambjaw l-informazzjoni u jikkoordinaw attivitajiet relatati mal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Minħabba l-istabbiliment ta’ tali forum u meta jitqiesu l-kompiti tiegħu, jenħtieġ li ma jkunx neċessarju li jiġi stabbilit grupp separat ta’ kooperazzjoni amministrattiva kif meħtieġ mill-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2019/1020. Madankollu, jenħtieġ li l-forum jitqies bħala grupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-finijiet tan-Network ta’ Konformità tal-Prodotti tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(25) |
Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward: tal-metodoloġija biex jiġu determinati il-valuri ta’ limitu li jistgħu jiġu applikati b’rabta mad-dimensjonijiet u l-massa, it-tagħbijiet fuq il-fusien jew il-pressjoni ta’ kuntatt mal-art eċċessivi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq; tal-applikabbiltà tal-elementi tar-rekwiżiti tekniċi; tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti tekniċi dettaljati, proċeduri ta’ ttestjar u metodi ta’ ttestjar; ta’ ittestjar virtwali; u ta’ arranġamenti fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni u għall-ispeċifikazzjoni ta’ regoli b’rabta mas-servizzi tekniċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (13). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(26) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawk il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
|
(27) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tikkunsidra mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ, il-kwistjoni ta’ jekk għandhiex tissottometti proposta leġiżlattiva esklussiva jew jekk għandhiex testendi l-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali. |
|
(28) |
Sabiex l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll l-operaturi ekonomiċi, ikunu jistgħu jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni li taqa’ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti l-manifatturi biex matul dak il-perjodu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u jibbenefikaw mill-moviment liberu jew li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip. |
|
(29) |
Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet armonizzati ta’ dan ir-Regolament wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, l-Istati Membri jenħtieġ li matul il-perjodu tranżitorju jżommu lura milli jadottaw regolamenti tekniċi nazzjonali ġodda għall-approvazzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi li mhumiex allinjati ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-perjodu tranżitorju japplika biss għal dawk l-Istati Membri li matul dak il-perjodu għandhom fis-seħħ xi regolament tekniku nazzjonali eżistenti jew ġdid għall-approvazzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi. |
|
(30) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat fir-rigward ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, li jinkludi d-dritt għar-rispett tad-dar proprja f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
(31) |
Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi armonizzati, rekwiżiti amministrattivi u proċeduri għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-approvazzjoni individwali tal-UE ta’ makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi, kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri għas-sorveljanza tas-suq ta’ tali makkinarju, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi, rekwiżiti amministrattivi u proċeduri għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-approvazzjoni individwali tal-UE, u t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mobbli kollu ġdid mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi.
2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli u proċeduri għas-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.
Artikolu 2
Kamp ta’ Applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għal makkinarju mobbli mhux tat-triq (“vetturi tal-kategorija U”) fejn jitqiegħed fis-suq u jkun maħsub biex jiċċirkola, kemm jekk okkażjonalment jew regolarment, b’sewwieq jew mingħajru, fi triq pubblika.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn li ġejjin:
|
(a) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq b’veloċità massima skont id-disinn li taqbeż l-40 km/h; |
|
(b) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq b’veloċità massima skont id-disinn li ma taqbiżx is-6 km/h; |
|
(c) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammar b’aktar minn tliet pożizzjonijiet bilqiegħda, inkluż il-pożizzjoni bilqiegħda tas-sewwieq; |
|
(d) |
makkinarju, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (a), tad-Direttiva 2006/42/KE, primarjament maħsub għat-trasport ta’ persuna waħda jew aktar, annimali jew oġġetti għajr l-istrumenti jew l-awżiljarji meħtieġa għat-twettiq tax-xogħol, materjali li jirriżultaw minn jew meħtieġa għal xogħol jew għal ħżin intermedju, jew materjali ttrasportati fuq siti tal-kostruzzjoni; |
|
(e) |
vetturi, inkluż vetturi bil-mutur, tratturi, trejlers, vetturi b’żewġ jew tliet roti, kwadriċikli u tagħmir irmunkat interkambjabbli, li jaqgħu esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew ir-Regolament (UE) 2018/858; |
|
(f) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq li tqiegħed fis-suq, ġie rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz qabel id-29 ta’ Jannar 2028. |
3. Għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq li ġej, il-manifattur jista’ jiddeċiedi li japplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, li japplika għall-approvazzjoni individwali tal-UE jew li jikkonforma mal-liġi nazzjonali rilevanti, fejn xieraq:
|
(a) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq fejn l-għadd ta’ unitajiet għal kull tip ma jaqbiżx is-70 fis-sena u f’kull Stat Membru; |
|
(b) |
prototipi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsuba biex jintużaw fit-triq taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur biex iwettaq programmi speċifiċi ta’ ttestjar tal-iżvilupp jew testijiet fuq il-post, jekk ikunu ġew iddisinjati u mibnija speċifikament għal dak l-għan; |
|
(c) |
makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat u mibni għall-użu prinċipalment fil-barrieri, fil-portijiet jew fil-faċilitajiet tal-ajruport; |
|
(d) |
vetturi ddisinjati u mibnija jew adattati għall-użu mill-protezzjoni ċivili, mis-servizzi tat-tifi tan-nar u mill-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“makkinarju mobbli mhux tat-triq” tfisser makkinarju mobbli awtopropulsiv b’sistema ta’ propulsjoni, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/42/KE, li huwa ddisinjat u mibni bl-iskop li jwettaq xogħol; |
|
(2) |
“makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq” tfisser makkinarju mobbli mhux tat-triq li qatt ma tqiegħed fis-suq fl-Unjoni; |
|
(3) |
“sistema” tfisser assemblaġġ ta’ apparati kkombinati biex iwettqu funzjoni speċifika waħda jew aktar f’makkinarju mobbli mhux tat-triq u li huwa suġġett għar-rekwiżiti tekniċi; |
|
(4) |
“sistema ta’ sewqan kompletament awtomatizzata” tfisser sistema ta’ sewqan ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li tkun ġiet iddisinjata u mibnija biex tiċċaqlaq b’mod awtonomu mingħajr ebda superviżjoni tas-sewwieq; |
|
(5) |
“komponent” tfisser apparat li huwa maħsub biex ikun parti minn makkinarju mobbli mhux tat-triq li jista’ jiġi approvat skont it-tip indipendentement minn dak il-makkinarju; |
|
(6) |
“unità teknika separata” tfisser apparat li huwa maħsub biex ikun parti minn makkinarju mobbli mhux tat-triq li jista’ jiġi approvat skont it-tip separatament; |
|
(7) |
“approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser iċ-ċertifikazzjoni minn awtorità tal-approvazzjoni li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament; |
|
(8) |
“approvazzjoni individwali tal-UE” tfisser iċ-ċertifikazzjoni minn awtorità tal-approvazzjoni li makkinarju mobbli partikolari mhux tat-triq, kemm jekk uniku kif ukoll jekk le, jissodisfa d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament; |
|
(9) |
“awtorità tas-sorveljanza tas-suq” tfisser l-awtorità ta’ Stat Membru responsabbli biex twettaq is-sorveljanza tas-suq fit-territorju tal-Istat Membru; |
|
(10) |
“awtorità tal-approvazzjoni” tfisser l-awtorità ta’ Stat Membru, innotifikata lill-Kummissjoni minn dak l-Istat Membru, b’kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, biex toħroġ u, jekk ikun xieraq, tirtira jew tirrifjuta ċ-ċertifikati tal-approvazzjoni, biex taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, biex taħtar is-servizzi tekniċi u biex tiżgura li l-manifattur jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni; |
|
(11) |
“awtorità nazzjonali” tfisser awtorità tal-approvazzjoni jew kwalunkwe awtorità oħra involuta fis-sorveljanza tas-suq, fil-kontroll tal-fruntieri jew fir-reġistrazzjoni fi Stat Membru u responsabbli minnhom fir-rigward ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(12) |
“servizz tekniku” tfisser organizzazzjoni jew korp indipendenti maħtura minn awtorità tal-approvazzjoni bħala laboratorju tal-ittestjar biex iwettqu testijiet, jew bħala korp għall-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq il-valutazzjoni inizjali u testijiet jew spezzjonijiet oħrajn, f’isem l-awtorità tal-approvazzjoni, minkejja li huwa possibbli li l-istess awtorità tal-approvazzjoni twettaq dawk il-funzjonijiet; |
|
(13) |
“manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura makkinarju mobbli mhux tat-triq jew li għandha makkinarju mobbli mhux tat-triq iddisinjat jew immanifatturat, u li tikkummerċjalizza dak il-makkinarju taħt l-isem ta’ dik il-persuna jew trademark; |
|
(14) |
“rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun debitament maħtura mill-manifattur biex twettaq il-kompiti speċifikati fl-Artikolu 9; |
|
(15) |
“rappreżentant tal-manifattur għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun debitament maħtura mill-manifattur, abbażi ta’ ftehim, biex twettaq l-obbligi kollha tal-manifattur relatati mal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-proċeduri rilevanti, inkluż il-kompiti speċifikati fl-Artikoli 18, 19 u 22; dan il-ftehim irid jiġi ppreżentat fuq talba tal-awtorità tal-approvazzjoni; |
|
(16) |
“importatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun ġie manifatturat f’pajjiż terz; |
|
(17) |
“distributur” tfisser negozjant jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tagħmel disponibbli fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(18) |
“operatur ekonomiku” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq, l-importatur jew id-distributur; |
|
(19) |
“tqegħid fis-suq” tfisser it-tqegħid għad-disponibbiltà ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għall-ewwel darba fl-Unjoni; |
|
(20) |
“tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għad-distribuzzjoni jew l-użu fis-suq matul attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas; |
|
(21) |
“dħul fis-servizz” tfisser l-ewwel użu, għall-iskop maħsub tiegħu, fl-Unjoni, ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(22) |
“reġistrazzjoni” tfisser l-awtorizzazzjoni amministrattiva għad-dħul fis-servizz, fl-Unjoni, għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, li tinvolvi l-identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar u l-ħruġ ta’ numru tas-serje permanenti jew temporanju li għandu jkun magħruf bħala n-numru tar-reġistrazzjoni; |
|
(23) |
“ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser id-dokument maħruġ mill-awtorità tal-approvazzjoni li jiċċertifika li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq huwa approvat skont it-tip f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(24) |
“ċertifikat ta’ approvazzjoni individwali tal-UE” tfisser id-dokument maħruġ mill-awtorità tal-approvazzjoni li jiċċertifika li tip ta’ makkinarju mobbli partikolari mhux tat-triq huwa approvat b’mod individwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(25) |
“ċertifikat ta’ konformità” tfisser id-dokument maħruġ mill-manifattur, kif previst f’dan ir-Regolament, li jiċċertifika li makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott jikkonforma mat-tip approvat ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(26) |
“tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq” tfisser grupp partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, inkluż varjanti u verżjonijiet ta’ varjanti ta’ dak il-makkinarju, li jikkondividi mill-inqas l-aspetti essenzjali li ġejjin:
|
|
(27) |
“varjant” tfisser makkinarju mobbli mhux tat-triq tal-istess tip li ma jkunx differenti mill-inqas fl-aspetti li ġejjin, fejn applikabbli:
|
|
(28) |
“verżjoni ta’ varjant” tfisser vetturi li jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ karatteristiċi murija fil-pakkett ta’ informazzjoni; |
|
(29) |
“rekwiżiti tekniċi” tfisser ir-rekwiżiti tekniċi elenkati fl-Artikolu 16; |
|
(30) |
“pakkett ta’ informazzjoni” tfisser il-pakkett ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(4); |
|
(31) |
“detentur ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li applikat għal approvazzjoni tat-tip tal-UE u li lilha jkun inħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE; |
|
(32) |
“makkinarju mobbli mhux tat-triq li jippreżenta riskju serju” tfisser makkinarju mobbli mhux tat-triq li, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju xierqa li tqis in-natura tal-periklu u l-probabbiltà tal-okkorrenza tiegħu, jippreżenta riskju serju b’rabta maċ-ċirkolazzjoni sikura tiegħu fit-toroq pubbliċi u aspetti oħra koperti minn dan ir-Regolament; |
|
(33) |
“sejħa lura” tfisser kwalunkwe miżura li għandha l-għan li tikseb ir-ritorn ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li diġà jkun sar disponibbli għall-utent; |
|
(34) |
“metodu ta’ ttestjar virtwali” tfisser simulazzjonijiet bil-kompjuter, inkluż kalkoli, biex jintwera li makkinarju mobbli mhux tat-triq jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi mingħajr il-ħtieġa tal-użu ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata fiżika; |
|
(35) |
“pożizzjoni bilqiegħda” tfisser kwalunkwe post fuq makkinarju mobbli mhux tat-triq li kapaċi jakkomoda persuna waħda bilqiegħda. |
Artikolu 4
Kategorija ta’ vettura ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kategorija ta’ vetturi li ġejja għandha tapplika għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq kollu approvat skont it-tip skont dan ir-Regolament: “kategorija U”.
KAPITOLU II
OBBLIGI
Artikolu 5
Obbligi tal-Istati Membri
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jaħtru l-awtoritajiet kompetenti fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-istabbiliment u l-ħatra ta’ tali awtoritajiet.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tagħhom ikollhom ir-riżorsi meħtieġa għat-twettiq xieraq ta’ dmirijiethom.
3. In-notifika tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandha tinkludi isimhom, l-indirizz tagħhom, l-indirizz elettroniku u l-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u d-dettalji tagħhom.
4. L-Istati Membri għandhom jippermettu biss it-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.
5. L-Istati Membri ma għandhomx, għall-aspetti koperti minn dan ir-Regolament, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew iċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.
6. B’deroga mill-paragrafu 5, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi jew ir-reġistrazzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun ġie approvat f’konformità ma’ dan ir-Regolament li jissodisfa kwalunkwe kriterju li ġej:
|
(a) |
minħabba d-dimensjonijiet eċċessivi tiegħu, il-makkinarju ma jippermettix manuvrabbiltà suffiċjenti fit-toroq pubbliċi; |
|
(b) |
minħabba l-massa, it-tagħbijiet fuq il-fusien jew il-pressjoni ta’ kuntatt mal-art eċċessivi tiegħu, il-makkinarju jista’ jagħmel ħsara lis-superfiċe ta’ toroq pubbliċi jew lil infrastruttura oħra tat-toroq; |
|
(c) |
minħabba s-sistema tas-sewqan għall-użu fit-toroq kompletament awtomatizzata tiegħu, jew dik operata mill-bogħod, il-makkinarju huwa suġġett għal restrizzjonijiet skont il-liġi nazzjonali dwar it-traffiku. |
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-valuri ta’ limitu, li għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fir-rigward tal-massa massima mgħobbija fit-triq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq fit-triq, it-tagħbijiet fuq il-fusien jew il-pressjoni ta’ kuntatt mal-art lil hinn minnha d-dimensjonijiet, il-piż u l-massa tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq jitqiesu bħala eċċessivi skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu dawk il-valuri ta’ limitu f’konformità ma’ dik il-metodoloġija. Dawk il-valuri ta’ limitu jistgħu jvarjaw fir-rigward tal-gruppi differenti ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat.
7. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u kontrolli ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jidħol fis-suq f’konformità mal-Kapitoli IV, V u VII tar-Regolament (UE) 2019/1020.
8. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu intitolati, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1020.
Artikolu 6
Obbligi tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni
1. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jiżguraw li l-manifatturi li japplikaw għal approvazzjoni tat-tip tal-UE jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom japprovaw biss makkinarju mobbli mhux tat-triq li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.
3. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom iwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament b’mod indipendenti u imparzjali. Huma għandhom jikkooperaw b’mod effiċjenti u effettiv, u għandhom jikkondividu informazzjoni rilevanti għar-rwol u l-funzjonijiet tagħhom.
4. Bil-għan li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu kontrolli, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, l-informazzjoni meħtieġa relatata mal-approvazzjoni tat-tip tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq soġġett għal kontrolli ta’ verifika tal-konformità. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni inkluża fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq mingħajr dewmien żejjed.
5. Fejn awtorità tal-approvazzjoni tiġi infurmata f’konformità mal-Kapitolu X li makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun suspettat li jippreżenta riskju serju jew li mhuwiex konformi, din għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirrieżamina l-approvazzjoni tat-tip mogħtija u, fejn ikun adatt, tikkoreġi jew tirtira l-approvazzjoni tat-tip skont ir-raġunijiet u l-gravità tad-devjazzjonijiet murija.
Artikolu 7
Obbligi ġenerali tal-manifatturi
1. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jqiegħdu fis-suq jew ikun jappartjeni għal tip li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE u li jkun iddisinjat u manifatturat f’konformità ma’ dak it-tip inkella jkun ingħata approvazzjoni individwali tal-UE.
2. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE li jqiegħdu fis-suq ikollu l-pjanċa statutorja b’markatura meħtieġa minn dan ir-Regolament u jkun akkumpanjat biċ-ċertifikat ta’ konformità tiegħu.
Il-manifatturi għandhom jiżguraw ukoll għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE li jqiegħdu fis-suq li d-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament.
3. Għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq, il-manifatturi stabbiliti barra mill-Unjoni għandhom jaħtru rappreżentant uniku stabbilit fl-Unjoni, li jista’ jkun ir-rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 18 jew rappreżentant addizzjonali. Ir-rappreżentant tal-manifattur għas-sorveljanza tas-suq għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat previst fl-Artikolu 9.
4. Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-ismijiet kummerċjali rreġistrati jew it-trademarks irreġistrata tagħhom, u l-indirizzi postali u elettroniċi fejn jistgħu jiġu kkuntattjati dwar il-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jpoġġu fis-suq jew, fejn dan ma jkunx possibbli, f’dokument li jakkumpanja dak il-makkinarju. L-indirizz indikat mill-manifattur għandu jindika punt uniku fejn ikun jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
5. Il-manifatturi għandhom ikunu responsabbli lejn l-awtorità tal-approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni u biex jiżguraw il-konformità tal-produzzjoni, kemm jekk ikunu direttament involuti fl-istadji kollha tal-bini ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, kif ukoll jekk le.
6. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi mat-tip approvat. Il-bidliet fid-disinn jew fil-karatteristiċi ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u l-bidliet fir-rekwiżiti li magħhom dak il-makkinarju huwa ddikjarat li jikkonforma għandhom jitqiesu f’konformità mal-Kapitolu V.
7. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jkun maħsub li jsir disponibbli fis-suq, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu ma’ dan ir-Regolament.
8. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq tagħhom mhuwiex imfassal biex jinkorpora strateġiji jew mezzi oħra li jalteraw il-prestazzjoni murija waqt il-proċeduri ta’ ttestjar b’tali mod li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament meta jopera taħt kondizzjonijiet li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija f’operat normali.
Artikolu 8
Obbligi speċifiċi tal-manifatturi
1. Il-manifatturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE li jkunu għamlu disponibbli fis-suq mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jinġieb f’konformità, biex jirtirawh jew isejħuh lura mis-suq, kif xieraq, u jinnotifikaw lill-utent b’dak in-nuqqas ta’ konformità.
Il-manifattur għandu jinforma minnufih lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni individwali tal-UE, filwaqt li jagħti dettalji dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura meħuda.
2. Il-manifatturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun sar disponibbli fis-suq dwar dan, filwaqt li jagħtu dettalji dwar dak ir-riskju u kwalunkwe miżura korrettiva meħuda. Il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-utenti b’dak ir-riskju serju u kwalunkwe miżuri korrettivi meħuda permezz ta’ mezzi xierqa.
3. Il-manifatturi għandhom iżommu, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, il-pakkett ta’ informazzjoni u kopja taċ-ċertifikati ta’ konformità, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.
4. Wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, manifattur għandu jipprovdu lil dik l-awtorità, permezz tal-awtorità tal-approvazzjoni, b’kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni individwali tal-UE tradott f’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità.
Il-manifatturi għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali fuq kwalunkwe azzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1020 biex jeliminaw ir-riskji maħluqa mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq tagħhom li jkun tqiegħed fis-suq, ġie rreġistrat jew iddaħħal fis-servizz.
5. Il-manifatturi għandhom jeżaminaw kwalunkwe lment li jirċievu relatat ma’ riskji, inċidenti suspettati jew kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu qiegħdu fis-suq.
Fil-każ ta’ lment issostanzjat, il-manifatturi għandhom jinformaw immedjatament lid-distributuri u lill-importaturi tagħhom dwar dan.
Il-manifatturi għandhom iżommu rekord tal-ilmenti msemmija fl-ewwel subparagrafu, inkluż deskrizzjoni tal-kwistjoni u d-dettalji meħtieġa biex jiġi identifikat it-tip affettwat ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.
Artikolu 9
Obbligi ta’ rappreżentant ta’ manifattur rigward is-sorveljanza tas-suq
1. Ir-rappreżentant ta’ manifattur għas-sorveljanza tas-suq għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jkun irċieva mingħand il-manifattur. Dak il-mandat għandu jippermetti li rappreżentant jagħmel dawn li ġejjin:
|
(a) |
ikollu aċċess għall-folder tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 19 u għaċ-ċertifikati ta’ konformità; |
|
(b) |
wara talba motivata minn awtorità tal-approvazzjoni jew awtorità tas-sorveljanza tas-suq, jipprovdi lil dik l-awtorità bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-produzzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
jikkoopera mal-awtoritajiet tal-approvazzjoni jew l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjoni f’konformità mal-Kapitolu X ta’ dan ir-Regolament relatat ma’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert mill-mandat tagħhom; |
|
(d) |
jinforma minnufih lill-manifattur dwar ilmenti u rapporti relatati ma’ riskji, inċidenti suspettati jew kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li huma relatati ma’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert minn dak il-mandat; |
|
(e) |
ikollu d-dritt li jittermina l-mandat mingħajr penali jekk il-manifattur jaġixxi b’mod li jmur kontra l-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament. |
2. Rappreżentant ta’ manifattur għas-sorveljanza tas-suq li jittermina mandat għar-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandu jgħarraf minnufih lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni individwali tal-UE.
Artikolu 10
Obbligi ġenerali tal-importaturi
1. L-importaturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jqiegħdu fis-suq jew ikun jappartjeni għal tip li jkun ingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE u jikkonforma ma’ dak it-tip inkella jkun ingħata approvazzjoni individwali tal-UE.
2. L-importaturi għandhom jiżguraw li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE li huma jqiegħdu fis-suq ikollu l-pjanċa statutorja b’markatura meħtieġa minn dan ir-Regolament u jkun akkumpanjat miċ-ċertifikat ta’ konformità tiegħu.
L-importaturi għandhom jiżguraw ukoll għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE li jqiegħdu fis-suq li d-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, u li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) u (4), fejn applikabbli, ikunu ġew issodisfati.
3. L-importaturi għandhom jindikaw l-ismijiet tagħhom, l-ismijiet kummerċjali rreġistrati jew it-trademarks irreġistrati tagħhom, u l-indirizzi postali u l-indirizzi elettroniċi fejn jistgħu jiġu kkuntattjati fuq il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja dak il-makkinarju. L-indirizz indikat minn importatur għandu jindika punt uniku fejn dak l-importatur jista’ jiġi kkuntattjat. Id-dettalji ta’ kuntatt għandhom ikunu b’lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
4. L-importaturi għandhom jiżguraw li, waqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom u maħsub li jsir disponibbli fis-suq, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 11
Obbligi speċifiċi tal-importaturi
1. L-importaturi ma għandhomx jagħmlu disponibbli fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, sakemm it-tali makkinarju jinġieb f’konformità.
2. L-importaturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi minnufih biex dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jinġieb f’konformità, jew biex jirtirawh jew isejħuh lura mis-suq, kif xieraq.
3. L-importaturi li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw minnufih b’dan lill-manifattur, lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom ikunu qegħduh fis-suq jew daħħluh fis-servizz.
L-mportatur għandu jinforma wkoll lil dawk l-awtoritajiet bi kwalunkwe azzjoni meħuda u jagħti dettalji dwar ir-riskju serju u kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet mill-manifattur.
4. L-importaturi għandhom, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, iżommu kopja taċ-ċertifikat ta’ konformità għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u għandhom jiżguraw li l-pakkett ta’ informazzjoni jkun jista’ jsir disponibbli għal dawk l-awtoritajiet fuq talba tagħhom.
5. Importatur għandu, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jipprovdilha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juri l-konformità ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq b’lingwa li tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. L-importatur għandu jikkoopera ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun qiegħed fis-suq.
6. L-importaturi għandhom iżommu rekord tal-ilmenti u tas-sejħiet lura mis-suq relatati ma’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu qiegħdu fis-suq, u għandhom iżommu lid-distributuri tagħhom informati b’tali lmenti u sejħiet lura mis-suq.
Artikolu 12
Obbligi ġenerali tad-distributuri
1. Meta jqiegħdu fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b’rabta mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.
2. Qabel ma jqiegħdu fis-suq makkinarju mobbli mhux tat-triq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jkollu l-pjanċa statutorja b’markatura meħtieġa minn dan ir-Regolament; |
|
(b) |
li ċertifikat ta’ konformità jakkumpanja l-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE; |
|
(c) |
li, għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE, id-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament; |
|
(d) |
li, għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE, l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) u (4) u fl-Artikolu 10(3), fejn applikabbli jkunu ġew issodisfati. |
3. Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li makkinarju mobbli mhux tat-triq b’approvazzjoni tat-tip tal-UE jew b’approvazzjoni individwali tal-UE jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jew tat-trasport ma jipperikolawx il-konformità tiegħu ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 13
Obbligi speċifiċi tad-distributuri
1. Fejn id-distributuri jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li makkinarju mobbli mhux tat-triq taħt ir-responsabbiltà tagħhom ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, huma għandhom jinformaw b’dan lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni individwali tal-UE, u ma għandhomx jagħmlu dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq disponibbli fis-suq sakemm jinġieb f’konformità.
2. Id-distributuri li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw b’dan lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni individwali tal-UE.
3. Id-distributuri li jkollhom raġuni suffiċjenti biex jemmnu li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkunu għamlu disponibbli fis-suq jippreżenta riskju serju għandhom jinformaw b’dan minnufih lill-manifattur, lill-importatur u lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri li fihom għamluh disponibbli fis-suq.
Id-distributur għandu wkoll jinforma lil dawk l-awtoritajiet bi kwalunkwe azzjoni meħuda u jagħti dettalji, b’mod partikolari, dwar ir-riskju serju u l-miżuri korrettivi meħuda mill-manifattur.
4. Distributur għandu, wara talba motivata minn awtorità nazzjonali, jiżgura li l-manifattur jipprovdi lill-awtorità nazzjonali l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 8(4) jew li l-importatur jipprovdi lill-awtorità nazzjonali l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 11(4). Id-distributur għandu jikkoopera ma’ dik l-awtorità, fuq talba tagħha, dwar kwalunkwe azzjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1020 biex jiġu eliminati r-riskji maħluqa mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun għamel disponibbli fis-suq.
5. Id-distributuri għandhom jinformaw minnufih lill-manifattur rilevanti bi kwalunkwe lment li jkunu rċevew b’rabta mar-riskji, l-inċidenti suspettati jew kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità rigward makkinarju mobbli mhux tat-triq li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.
Artikolu 14
Każijiet li fihom l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u għad-distributuri
Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
fejn l-importatur jew id-distributur jagħmel disponibbli fis-suq, jirreġistra jew ikun responsabbli għad-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq taħt ismu jew it-trademark tiegħu; |
|
(b) |
fejn l-importatur jew id-distributur jimmodifika dak il-makkinarju b’tali mod li jkun jista’ jaffettwa l-konformità ma’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 15
Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi
L-operaturi ekonomiċi għandhom, fuq talba, jidentifikaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, dan li ġej:
|
(a) |
kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun fornihom b’makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(b) |
kwalunkwe operatur ekonomiku li lilu jkunu fornew b’makkinarju mobbli mhux tat-triq. |
Artikolu 16
Rekwiżiti tekniċi għal makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi
1. Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jkun iddisinjat, mibni u mmuntat b’tali mod li jimminimizza r-riskju ta’ korriment għall-okkupanti u għal persuni oħrajn u r-riskju ta’ ħsara għall-infrastruttura tat-toroq, fiż-żona tal-madwar tal-makkinarju, waqt li dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikun qed jiċċirkola fi triq pubblika.
2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 dwar regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-elementi li ġejjin:
|
(a) |
l-integrità tal-istruttura tal-vettura; |
|
(b) |
il-veloċità massima skont id-disinn, ir-regolatur tal-veloċità, l-apparat li jillimita l-veloċità u l-ispeedometers; |
|
(c) |
l-apparat tal-ibbrejkjar; |
|
(d) |
l-istering; |
|
(e) |
il-kamp ta’ viżjoni; |
|
(f) |
il-wajpers tal-windscreen; |
|
(g) |
il-ħġieġ u l-installazzjoni tiegħu; |
|
(h) |
l-apparati ta’ viżjoni indiretta; |
|
(i) |
dawl, installazzjoni ta’ dwal u twissijiet u marki viżwali; |
|
(j) |
in-naħa ta’ barra u l-aċċessorji f’pożizzjoni fit-triq, inkluż it-tagħmir tax-xogħol u l-istruttura li titbandal; |
|
(k) |
l-apparati ta’ twissija akustika u l-installazzjoni tagħhom; |
|
(l) |
is-sistemi ta’ tisħin, is-sistemi ta’ tneħħija tas-silġ u tneħħija taċ-ċpar; |
|
(m) |
l-ispazji għall-pjanċi tar-reġistrazzjoni; |
|
(n) |
ilpjanċa statutorja b’markatura; |
|
(o) |
id-dimensjonijiet; |
|
(p) |
mases; |
|
(q) |
sistemi ta’ ħżin tal-enerġija; |
|
(r) |
it-tajers; |
|
(s) |
il-ger tar-rivers; |
|
(t) |
il-binarji; |
|
(u) |
l-igganċjar mekkaniku; |
|
(v) |
il-pożizzjonijiet bilqiegħda u s-sistemi ta’ trażżin tas-sewwieq u ta’ okkupanti oħrajn; |
|
(w) |
żidiet mal-manwal tal-operatur speċifiku għall-użu fit-triq; |
|
(x) |
il-kontrolli tal-operatur. |
L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jistabbilixxu regoli dettaljati għal kwalunkwe element ieħor, fejn meħtieġ, minħabba l-progress tekniku u xjentifiku, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 1.
L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu wkoll, fejn xieraq, regoli dettaljati dwar dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-proċeduri tal-ittestjar magħżula minn fost dawk elenkati fl-Artikolu 22(3); |
|
(b) |
il-metodi tal-ittestjar; |
|
(c) |
il-valuri ta’ limitu jew il-parametri, b’rabta ma’ kwalunkwe wieħed mill-elementi elenkati fl-ewwel subparagrafu; |
|
(d) |
deskrizzjoni tat-tagħmir jew tal-partijiet ta’ tagħmir li għandu jkun mgħammar bihom il-makkinarju mobbli mhux tat-triq; |
|
(e) |
karatteristiċi speċifiċi tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. |
L-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jipprovdu regoli dettaljati differenti għal gruppi differenti ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq u għandhom jispeċifikaw jekk id-dispożizzjonijiet tagħhom japplikawx għal makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi bis-sewwieq, mingħajr sewwieq, jew it-tnejn.
3. Meta tadotta l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rekwiżiti stipulati f’dawk l-atti delegati jkunu allinjati u konsistenti, u komplementari mar-rekwiżiti applikabbli għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq skont atti oħra tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2023/1230. Fit-tħejjija ta’ dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.
Artikolu 17
It-tqegħid għad-disponibbiltà fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq
1. Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq maħsub biex jiċċirkola fit-toroq pubbliċi ma għandux jitqiegħed għad-disponibbiltà fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz, sakemm ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament.
2. Il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jkun konformi ma’ dan ir-Regolament biss jekk ikunu ġew issodisfati l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament li jikkorrispondu għal dak il-makkinarju.
KAPITOLU III
IL-PROĊEDURA TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE
Artikolu 18
Applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-UE
1. Il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jissottometti lill-awtorità tal-approvazzjoni applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-folder tal-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 19.
Fejn manifattur ikun stabbilit barra mill-Unjoni, dan għandu jaħtar rappreżentant uniku stabbilit fl-Unjoni biex jirrappreżenta lil dak il-manifattur quddiem l-awtorità tal-approvazzjoni. F’każijiet fejn il-manifattur ikun stabbilit fl-Unjoni, dak il-manifattur jista’ jaħtar rappreżentant bħal dan.
2. L-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tikkonsisti fl-approvazzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kollu kemm hu permezz ta’ operazzjoni waħda.
3. Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni waħda biss għal approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward ta’ tip partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq fi Stat Membru wieħed biss u lil awtorità tal-approvazzjoni waħda biss.
4. Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni separata għal approvazzjoni tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li għandu jiġi approvat.
Artikolu 19
Folder tal-informazzjoni
1. Meta jissottometti applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-UE f’konformità mal-Artikolu 18(1), il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jipprovdi lill-awtorità tal-approvazzjoni b’folder tal-informazzjoni.
2. Il-folder tal-informazzjoni għandu jinkludi dawn li ġejjin:
|
(a) |
dokument ta’ informazzjoni; |
|
(b) |
id-data, it-tpinġijiet, ir-ritratti u l-informazzjoni rilevanti l-oħra kollha; |
|
(c) |
kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE prevista fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti; |
|
(d) |
kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtorità tal-approvazzjoni fil-kuntest tal-proċedura għall-applikazzjoni ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE. |
3. Il-folder tal-informazzjoni għandu jiġi pprovdut f’format stampat, jew f’format elettroniku li huwa aċċettat mis-servizz tekniku u mill-awtorità tal-approvazzjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jippreskrivu mudelli għad-dokument tal-informazzjoni u għall-folder tal-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
KAPITOLU IV
IT-TWETTIQ TAL-PROĊEDURI TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE
Artikolu 20
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar it-twettiq tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE
1. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE waħda biss għal kull tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.
2. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jivverifikaw dawn li ġejjin:
|
(a) |
il-konformità tal-arranġamenti tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 23; u |
|
(b) |
il-konformità tat-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli. |
Jekk awtorità tal-approvazzjoni ssib li tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, għalkemm huwa konformi mar-rekwiżiti tekniċi rilevanti, jippreżenta riskju serju, hija tista’ tirrifjuta li tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE. F’dak il-każ, hija għandha tibgħat fajl dettaljat minnufih lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni li jispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u li jistabbilixxi l-evidenza għas-sejbiet tagħha.
3. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn bir-rifjut jew bl-irtirar tagħha ta’ kwalunkwe approvazzjoni tat-tip tal-UE, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.
4. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tgħaqqad pakkett ta’ informazzjoni li jkun jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
|
(a) |
folder tal-informazzjoni akkumpanjat mir-rapporti tat-testijiet u d-dokumenti l-oħrajn kollha miżjuda mis-servizz tekniku jew mill-awtorità tal-approvazzjoni ma’ dak il-folder tal-informazzjoni matul it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom; |
|
(b) |
indiċi li jelenka l-kontenut tal-pakkett ta’ informazzjoni, innumerat u li jippreżenta rekord tal-passi suċċessivi fil-ġestjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, b’mod partikolari d-dati tar-reviżjonijiet u tal-aġġornamenti. |
L-awtorità tal-approvazzjoni għandha żżomm l-informazzjoni li jkun fih il-pakkett ta’ informazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu disponibbli għal perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-validità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE kkonċernata.
5. Il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għas-sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku msemmija fil-paragrafu 3 u fl-Artikoli 21(3), 26(3) u 27(5). Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format tad-dokumenti elettroniċi li għandhom isiru disponibbli permezz ta’ dik is-sistema, il-mekkaniżmu ta’ skambju, il-proċeduri sabiex l-awtoritajiet jiġu informati dwar l-għoti ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE, dwar l-emendi, ir-rifjuti u l-irtirar tagħhom u dwar il-miżuri ta’ sigurtà rilevanti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
Artikolu 21
Ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE
1. Meta tingħata approvazzjoni tat-tip tal-UE, għandu jinħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE mill-awtorità tal-approvazzjoni lill-manifattur jew lir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jibqa’ validu sakemm tkun valida l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jiġi emendat mill-awtorità tal-approvazzjoni meta tiġi emendata l-approvazzjoni tat-tip tal-UE rilevanti.
2. Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinkludi l-annessi li ġejjin:
|
(a) |
il-pakkett ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikolu 20(4); |
|
(b) |
l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet; |
|
(c) |
l-isem u l-kampjun tal-firma tal-persuna awtorizzata biex tiffirma ċertifikat ta’ konformità u dikjarazzjoni tal-pożizzjoni ta’ dik il-persuna fil-kumpanija; |
|
(d) |
kampjun mimli taċ-ċertifikat ta’ konformità. |
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu sistema armonizzata ta’ numerazzjoni. Iċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandhom jiġu nnumerati skont dik is-sistema ta’ numerazzjoni armonizzata. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2). L-awtorità tal-approvazzjoni għandha, fi żmien xahar mill-ħruġ taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, tibgħat kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal makkinarju mobbli mhux tat-triq lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, flimkien mad-dokumenti mehmuża, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2). Fir-rigward ta’ kull tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha:
|
(a) |
timla t-taqsimiet rilevanti kollha taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, inkluż l-iskeda tar-riżultati tat-testijiet mehmuża miegħu; |
|
(b) |
tikkompila l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni; |
|
(c) |
toħroġ iċ-ċertifikat mimli, flimkien mad-dokumenti mehmuża tiegħu, lill-manifattur jew lir-rappreżentant tiegħu għal approvazzjoni tat-tip tal-UE, mingħajr dewmien. |
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għall-iskeda tar-riżultati msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
6. Fil-każ ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE li għaliha, f’konformità mal-Artikolu 30, ikunu ġew imposti restrizzjonijiet fir-rigward tal-validità tagħha, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jispeċifika dawk ir-restrizzjonijiet.
7. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ rekwiżiti jew atti applikabbli u tehmeż dik il-lista maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għal tali lista. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
Artikolu 22
Turija tal-konformità għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE
1. Għall-fini tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, għandha tintwera l-konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.
2. Il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu juri l-konformità mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli billi jfassal dokumentazzjoni teknika.
3. Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi dikjarazzjoni ta’ konformità mill-manifattur jew, jekk l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament jirrikjedu li jsiru testijiet, ir-rapporti rilevanti tat-testijiet li jirriżultaw mill-proċeduri ta’ ttestjar li ġejjin:
|
(a) |
l-ittestjar imwettaq mill-manifattur; għall-proċeduri tal-ittestjar inklużi f’dan il-punt, ir-responsabbiltà tal-awtorità tal-approvazzjoni hija limitata għall-verifika li kemm id-dikjarazzjoni kif ukoll ir-rapporti tal-ittestjar ikunu inklużi fil-fajl; |
|
(b) |
l-ittestjar imwettaq minn servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività jew is-servizz tekniku intern akkreditat, imsemmi fl-Artikolu 43, ta’ dak il-manifattur; |
|
(c) |
l-ittestjar imwettaq mill-manifattur taħt is-superviżjoni ta’ servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività, minbarra servizz tekniku intern akkreditat imsemmi fl-Artikolu 43. |
4. Għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, għandhom jiġu aċċettati komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jkunu approvati skont it-tip f’konformità mal-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jew fir-Regolament (UE) 2018/858, jekk ikunu installati u integrati b’mod korrett fil-makkinarju mobbli mhux tat-triq u ma jaffettwawx il-konformità ta’ dak il-makkinarju mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ġenerali għall-format tar-rapporti tat-testijiet imsemmija fil-paragrafu 3 li magħhom għandhom jikkonformaw it-tali rapporti tat-testijiet. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
6. Il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni l-għadd ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun meħtieġ skont l-atti delegati rilevanti adottati skont dan ir-Regolament għat-twettiq tat-testijiet stabbiliti minn dawk l-atti delegati.
It-testijiet meħtieġa għandhom jitwettqu fuq makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun rappreżentattiv tat-tip li għandu jiġi approvat.
Madankollu, il-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE jista’ jagħżel, soġġett għall-ftehim tal-awtorità tal-approvazzjoni, makkinarju mobbli mhux tat-triq li mhuwiex rappreżentattiv tat-tip ikkonċernat iżda li jikkombina wħud mill-aktar karatteristiċi sfavorevoli fir-rigward tal-livell ta’ prestazzjoni meħtieġ. Jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar virtwali biex jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess tal-għażla.
7. Soġġett għall-qbil tal-awtorità tal-approvazzjoni, il-metodi ta’ ttestjar virtwali jistgħu jintużaw bħala alternattivi għall-proċeduri tal-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 3 fuq talba tal-manifattur jew ir-rappreżentant tiegħu għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 9.
8. Il-metodi ta’ ttestjar virtwali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 9.
9. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati miksuba permezz ta’ ttestjar virtwali jkunu sinifikanti daqs dawk miksuba permezz ta’ ttestjar fiżiku, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50, li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi jistabbilixxu r-rekwiżiti, li l-konformità magħhom tista’ tiġi ttestjata permezz ta’ ttestjar virtwali, u l-kundizzjonijiet li taħthom għandu jsir dak l-ittestjar virtwali.
Artikolu 23
Konformità tal-arranġamenti tal-produzzjoni
1. Awtorità tal-approvazzjoni li tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tivverifika, direttament, b’kooperazzjoni ma’, jew abbażi tal-verifika diġà mwettqa mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, li jkunu saru l-arranġamenti ta’ produzzjoni adegwati biex jiġi żgurat li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq fil-produzzjoni jikkonforma mat-tip approvat u mal-pjanijiet ta’ kontroll iddokumentati, li għandhom jiġu miftiehma mad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal kull approvazzjoni.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tivverifika li d-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun ħareġ għadd suffiċjenti ta’ kampjuni ta’ ċertifikati ta’ konformità f’konformità mal-Artikolu 28 u li d-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun għamel arranġamenti adegwati biex jiżgura li d-data fiċ-ċertifikati ta’ konformità tkun korretta.
3. Awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tieħu l-miżuri meħtieġa b’rabta ma’ dik l-approvazzjoni biex tivverifika, direttament, b’kooperazzjoni ma’, jew abbażi tal-verifika diġà mwettqa mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu adegwati sabiex il-makkinarju mobbli mhux tat-triq fil-produzzjoni jkompli jikkonforma mat-tip approvat u li ċ-ċertifikati tal-konformità jkomplu jikkonformaw mal-Artikolu 28.
4. L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tista’ twettaq kwalunkwe wieħed mill-kontrolli jew mit-testijiet, meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, fuq kampjuni meħuda fil-bini tad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, inkluż il-faċilitajiet tal-produzzjoni.
5. Meta awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat approvazzjoni tat-tip tal-UE tistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jkunux saru, jiddevjaw b’mod sinifikanti mill-arranġamenti u l-pjanijiet ta’ kontroll miftiehma jew ma jibqgħux jitqiesu bħala adegwati, minkejja li l-produzzjoni tkompliet, hija għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-proċedura għall-konformità tal-produzzjoni tiġi segwita b’mod korrett jew tirtira l-approvazzjoni tat-tip tal-UE. L-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tiddeċiedi li tieħu l-miżuri korrettivi jew restrittivi kollha meħtieġa stipulati fil-Kapitolu X.
6. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 dwar l-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-konformità tal-produzzjoni, bħall-kundizzjonijiet dettaljati li skonthom l-awtoritajiet tal-approvazzjoni ma jistgħux jirrifjutaw il-verifika diġà mwettqa mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.
KAPITOLU V
EMENDI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE
Artikolu 24
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu, mingħajr dewmien, jinforma lill-awtorità tal-approvazzjoni li tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE bi kwalunkwe bidla fid-dettalji rreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni.
2. Dik l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tiddeċiedi liema mill-proċeduri stipulati fl-Artikolu 25 għandha tiġi segwita.
3. Fejn meħtieġ u wara li tikkonsulta mad-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tiddeċiedi li jeħtieġ li tingħata emenda għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
4. Id-detentur ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata għandu jissottometti applikazzjoni għall-emenda ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE lill-awtorità għall-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata.
5. Fejn l-awtorità tal-approvazzjoni tistabbilixxi li, għall-finijiet li ssir emenda għal approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-ispezzjonijiet jew it-testijiet jeħtieġ li jiġu ripetuti, hija għandha tinforma b’dan lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għandha tiġi emendata.
Il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 25 għandhom japplikaw biss jekk, abbażi ta’ dawk l-ispezzjonijiet jew it-testijiet, l-awtorità tal-approvazzjoni tikkonkludi li r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE għadhom qed jiġu ssodisfati.
Artikolu 25
Emendi għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE
1. Fejn l-awtorità tal-approvazzjoni tivverifika li d-dettalji rreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni jkunu nbiddlu, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti emenda għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE li għaliha tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 24.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tindika l-emenda bħala “reviżjoni” jekk ma jkunx meħtieġ li l-ispezzjonijiet jew it-testijiet jiġu ripetuti.
F’każ bħal dan, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ il-paġni riveduti tal-pakkett ta’ informazzjoni kif meħtieġ, filwaqt li timmarka kull paġna riveduta biex turi b’mod ċar in-natura tal-bidla u d-data tal-ħruġ mill-ġdid. Verżjoni kkonsolidata u aġġornata tal-pakkett ta’ informazzjoni, akkumpanjata minn deskrizzjoni dettaljata tal-bidliet, għandha titqies li tissodisfa dak ir-rekwiżit.
3. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tindika l-emenda bħala “estensjoni” jekk isseħħ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
ikunu meħtieġa aktar spezzjonijiet jew testijiet; |
|
(b) |
tkun inbidlet kwalunkwe informazzjoni fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti mehmuża tiegħu; jew |
|
(c) |
rekwiżiti ġodda taħt kwalunkwe att adottat skont dan ir-Regolament isiru applikabbli għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE. |
4. Meta jinħarġu paġni emendati tal-pakkett ta’ informazzjoni jew verżjoni kkonsolidata u aġġornata ta’ dak il-pakkett, l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni mehmuż maċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jiġi emendat b’dan sabiex tintwera d-data tal-aktar estensjoni jew reviżjoni reċenti, jew id-data tal-aktar konsolidazzjoni reċenti tal-verżjoni aġġornata.
5. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda emenda għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jekk ir-rekwiżiti l-ġodda msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), ikunu, mil-lat tekniku, irrilevanti għal dak it-tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq.
Artikolu 26
Ħruġ u notifika tal-emendi
1. Fil-każ ta’ reviżjoni, id-dokumenti riveduti jew il-verżjoni kkonsolidata u aġġornata, kif xieraq, inkluż l-indiċi rivedut għall-pakkett ta’ informazzjoni, għandhom jinħargu mill-awtorità tal-approvazzjoni lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
2. Fil-każ ta’ estensjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE rivedut indikat b’numru tal-estensjoni u inkrementat f’konformità man-numru ta’ estensjonijiet suċċessivi diġà mogħtija. Dak iċ-ċertifikat aġġornat għandu juri b’mod ċar ir-raġuni għall-estensjoni u d-data tal-ħruġ mill-ġdid taċ-ċertifikat aġġornat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. It-taqsimiet rilevanti kollha ta’ dak iċ-ċertifikat, id-dokumenti mehmuża miegħu, u l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni għandhom jiġu aġġornati.
Dak iċ-ċertifikat aġġornat u d-dokumenti mehmuża miegħu għandhom jinħarġu mill-awtorità tal-approvazzjoni lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
3. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika kwalunkwe emenda li ssir għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.
KAPITLU VI
IL-VALIDITÀ TAL-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE
Artikolu 27
Tmiem tal-validità
1. L-approvazzjonijiet tat-tip tal-UE għandhom jingħataw għal durata mhux limitata.
2. Approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha ssir invalida f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
fejn il-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE titwaqqaf definittivament b’mod volontarju; |
|
(b) |
fejn ir-rekwiżiti ġodda applikabbli għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE jsiru obbligatorji għat-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq, u ma jkunx possibbli li l-approvazzjoni tat-tip tiġi aġġornata f’konformità mal-Kapitolu V; |
|
(c) |
fejn il-validità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tiskadi bis-saħħa ta’ restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 30(3); |
|
(d) |
fejn l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tkun ġiet irtirata f’konformità mal-Artikolu 23(5). |
Madankollu, fil-każ tal-ewwel subparagrafu, il-punt (b), l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u ċ-ċertifikat rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għat-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għandhom isiru invalidi 24 xahar wara d-data ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b).
3. Fejn jiġi affettwat varjant wieħed biss fi ħdan tip wieħed jew verżjoni waħda fi ħdan varjant, l-approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq inkwistjoni għandha ssir invalida biss sa fejn ikunu kkonċernati l-varjant jew il-verżjoni partikolari.
4. Fejn il-produzzjoni ta’ tip partikolari ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq titwaqqaf b’mod definittiv, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal dak il-makkinarju mobbli mhux tat-triq.
5. Fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 4, l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandha tinforma b’dan lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.
6. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 4 u 5, f’każijiet fejn approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq tkun waslet biex issir invalida, id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jinnotifika b’dan lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tikkomunika mingħajr dewmien l-informazzjoni kollha rilevanti lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn permezz ta’ sistema komuni sigura ta’ skambju elettroniku.
7. Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tispeċifika, b’mod partikolari, id-data tal-produzzjoni u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura tal-aħħar makkinarju mobbli mhux tat-triq prodott.
KAPITOLU VII
IĊ-ĊERTIFIKAT TA’ KONFORMITÀ U L-PJANĊA STATUTORJA B’MARKATURA
Artikolu 28
Ċertifikat ta’ konformità
1. Il-manifattur għandu joħroġ ċertifikat ta’ konformità biex jakkumpanja kull makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiġi manifatturat f’konformità mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat skont it-tip tal-UE.
2. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jingħata mingħajr ħlas lill-utent flimkien mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq. L-għoti tiegħu ma jistax jiddependi minn talba espliċita jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni addizzjonali lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
3. Iċ-ċertifikat ta’ konformità jista’ jiġi pprovdut f’format stampat jew f’format elettroniku.
Madankollu, jekk ix-xerrej jitlob, fil-ħin tax-xiri tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, format stampat ta’ dak iċ-ċertifikat, dak iċ-ċertifikat għandu jiġi pprovdut mill-manifattur f’format stampat, mingħajr ħlas.
4. L-awtorità tal-approvazzjoni li tirċievi ċ-ċertifikat ta’ konformità, bħala data strutturata f’format elettroniku, għandha:
|
(a) |
tiżgura li tkun tista’ tiġi aċċessata mill-awtoritajiet tal-approvazzjoni, mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni; u |
|
(b) |
tipprovdi aċċess f’format li jinqara biss. |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-istruttura tan-network tad-data tagħhom biex jippermettu r-riċeviment tad-data taċ-ċertifikati tal-konformità, preferibbilment billi jagħmlu użu minn sistemi eżistenti għall-iskambju ta’ data strutturata.
5. Għal perjodu ta’ 10 snin wara d-data tal-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, il-manifattur għandu, fuq talba tas-sid tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, joħroġ ċertifikat ta’ konformità duplikat bi ħlas li ma jaqbiżx il-kost tal-ħruġ tiegħu. Il-kelma “duplikat” għandha tkun viżibbli b’mod ċar, bil-lingwa li biha jkun tfassal dak iċ-ċertifikat ta’ konformità, fuq il-wiċċ ta’ kwalunkwe ċertifikat duplikat.
6. Il-manifattur għandu juża l-mudell f’format stampat u f’format elettroniku għaċ-ċertifikat ta’ konformità adottat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 7.
L-iskambju kollu tad-data f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu permezz ta’ protokolli siguri għall-iskambju tad-data speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 8.
7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar iċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat, li jistabbilixxu, b’mod partikolari:
|
(a) |
il-mudell għaċ-ċertifikat ta’ konformità; |
|
(b) |
l-elementi tas-sigurtà biex tiġi evitata l-falsifikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ konformità; u |
|
(c) |
l-ispeċifikazzjoni dwar il-mod li bih jiġi ffirmat iċ-ċertifikat ta’ konformità. |
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
8. Il-Kummissjoni għandha, b’kont meħud tad-data li tkun meħtieġa li tingħata fuq iċ-ċertifikat ta’ konformità f’format stampat, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar ċertifikati ta’ konformità f’format elettroniku li jistabbilixxu, b’mod partikolari:
|
(a) |
il-format bażiku u l-istruttura tal-elementi tad-data taċ-ċertifikati ta’ konformità f’format elettroniku u l-messaġġi użati fl-iskambju; |
|
(b) |
ir-rekwiżiti minimi għall-iskambju sigur tad-data, inkluż il-prevenzjoni tal-korruzzjoni tad-data u l-użu ħażin tad-data u miżuri biex tiġi garantita l-awtentiċità tad-data elettronika, bħall-użu ta’ firem diġitali; |
|
(c) |
il-mezzi ta’ skambju tad-data taċ-ċertifikat ta’ konformità f’format elettroniku. |
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
9. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jitfassal b’lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru. Kwalunkwe awtorità tal-approvazzjoni tista’ titlob lill-manifattur li jkollu ċ-ċertifikat ta’ konformità tradott fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tagħha.
10. Il-persuna awtorizzata biex tiffirma ċ-ċertifikati ta’ konformità għandha tkun fi ħdan l-organizzazzjoni tal-manifattur u debitament awtorizzata mill-maniġment biex tinvolvi bis-sħiħ ir-responsabbiltà legali tal-manifattur fir-rigward tad-disinn u l-bini, jew tal-konformità, tal-produzzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.
11. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jimtela fl-intier tiegħu u ma għandux ikun fih restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, minbarra dawk previsti f’dan ir-Regolament.
12. Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu, għal makkinarju mobbli mhux tat-triq approvat f’konformità mal-Artikolu 30(2), juri fit-titolu tiegħu l-frażi “Għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, tat-tip approvat f’konformità mal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020”.
13. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-manifattur jista’ jittrażmetti ċ-ċertifikat ta’ konformità lill-awtorità ta’ reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 29
Pjanċa statutorja b’markatura ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq
1. Il-manifattur għandu jwaħħal pjanċa statutorja b’markatura mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq immanifatturat f’konformità mat-tip approvat.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell għall-pjanċa statutorja b’markatura ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2). L-ewwel tali atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sad-29 ta’ Lulju 2027.
KAPITOLU VIII
TEKNOLOĠIJI ĠODDA JEW KUNĊETTI ĠODDA
Artikolu 30
Eżenzjonijiet għal teknoloġiji ġodda jew kunċetti ġodda
1. L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’ tiġi sottomessa fir-rigward ta’ tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jinkorpora teknoloġiji jew kunċetti ġodda li huma inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għall-makkinarju mobbli mhux tat-triq imsemmi fil-paragrafu 1 fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
l-applikazzjoni tiddikjara r-raġunijiet għaliex it-teknoloġiji jew il-kunċetti inkwistjoni huma inkompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli; |
|
(b) |
l-applikazzjoni tiddeskrivi l-implikazzjonijiet b’rabta mal-aspetti koperti mit-teknoloġija l-ġdida u l-miżuri meħuda sabiex jiġi żgurat mill-inqas livell ekwivalenti ta’ protezzjoni b’rabta mal-aspetti koperti bħal dak ipprovdut mir-rekwiżiti li minnhom tintalab l-eżenzjoni; |
|
(c) |
id-deskrizzjonijiet u r-riżultati tat-testijiet imwettqa minn servizz tekniku maħtur biex iwettaq tali attività jew mis-servizz tekniku intern akkreditat, imsemmi fl-Artikolu 41, ta’ dak il-manifattur, juru li l-kundizzjoni fil-punt (b) hija ssodisfata. |
3. L-għoti ta’ tali approvazzjoni tat-tip tal-UE li teżenta teknoloġiji ġodda jew kunċetti ġodda għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk tagħtix jew tirrifjutax li tagħti l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
Fejn xieraq, dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika jekk l-awtorizzazzjoni hijiex suġġetta għal xi restrizzjoni, inkluż perjodu ta’ validità.
Fil-każijiet kollha, l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun valida għal mill-inqas 36 xahar.
4. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tagħti approvazzjoni tat-tip tal-UE proviżorja.
Madankollu, tali approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun valida biss fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, fir-rigward ta’ tip ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert mill-eżenzjoni mitluba, u l-Istati Membri li l-awtorità tal-approvazzjoni tagħhom aċċettat dik l-approvazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5.
L-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip proviżorja tal-UE għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-Kummissjoni u lil awtoritajiet tal-approvazzjoni oħrajn permezz ta’ fajl li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu huma ssodisfati.
In-natura proviżorja u l-validità territorjali limitata għandhom jidhru fl-intestatura taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u fl-intestatura taċ-ċertifikat ta’ konformità. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tipprevedi mudelli għaċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE u ċ-ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
5. Awtorità tal-approvazzjoni, għajr l-awtorità msemmija fil-paragrafu 4, tista’ taċċetta bil-miktub l-approvazzjoni tat-tip tal-UE proviżorja msemmija fil-paragrafu 4, sabiex il-validità ta’ dik l-approvazzjoni proviżorja tiġi estiża fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.
6. Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika minnufih lid-detentur tal-approvazzjoni tat-tip proviżorja tal-UE msemmija fil-paragrafu 4 li l-approvazzjoni proviżorja ser tiġi rrevokata 6 xhur wara d-data tal-applikazzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3.
Madankollu, il-makkinarju mobbli mhux tat-triq jista’ jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz fl-Istat Membru li tiegħu l-awtorità tal-approvazzjoni tkun tat dik l-approvazzjoni u fi kwalunkwe Stat Membru li tiegħu l-awtorità tal-approvazzjoni tkun aċċettat dik l-approvazzjoni, jekk:
|
(a) |
dak il-makkinarju kien manifatturat f’konformità mal-approvazzjoni tat-tip proviżorja tal-UE qabel waqaf ikun validu; |
|
(b) |
dak il-makkinarju jkollu l-pjanċa statutorja b’markatura meħtieġa minn dan ir-Regolament; |
|
(c) |
iċ-ċertifikat ta’ konformità provviżorju jakkumpanja dak il-makkinarju; u |
|
(d) |
id-dokumenti, l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent ikunu tfasslu kif meħtieġ minn dan ir-Regolament. |
Artikolu 31
Emendi sussegwenti tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni
1. Fejn il-Kummissjoni tawtorizza l-għoti ta’ eżenzjoni skont l-Artikolu 30, hija għandha minnufih tieħu l-passi meħtieġa biex temenda l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni kkonċernati biex tirrifletti l-iżviluppi tekniċi.
2. Hekk kif l-atti rilevanti jkunu ġew emendati, kwalunkwe restrizzjoni stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-eżenzjoni għandha titneħħa.
3. Jekk ma jkunux ittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu emendati l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni, tawtorizza lill-Istat Membru, permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2), sabiex jestendi l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
KAPITOLU IX
APPROVAZZJONI INDIVIDWALI TAL-UE
Artikolu 32
Approvazzjoni individwali tal-UE
1. L-Istati Membri għandhom jagħtu approvazzjoni individwali tal-UE għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.
2. Applikazzjoni għal approvazzjoni individwali tal-UE għal makkinarju mobbli mhux tat-triq għandha tiġi sottomessa mis-sid, mill-manifattur, minn rappreżentant li huwa stabbilit fl-Unjoni u maħtur għal dak il-għan mill-manifattur, jew mill-importatur tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq.
3. L-atti delegati msemmija fl-Artikolu 16(2) jistgħu jipprovdu regoli dettaljati differenti għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li huwa suġġett għal approvazzjoni individwali tal-UE. Dawk ir-regoli għandhom ikopru l-proċeduri tal-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 22(3)(b) u (c) u għandhom jikkonsistu fi proċeduri mhux distruttivi u simplifikati sabiex tintwera l-konformità tal-makkinarju mobbli individwali mhux tat-triq permezz ta’ valutazzjoni fiżika, virtwali u mekkanika.
4. Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni individwali tal-UE għandu jingħata numru uniku f’konformità ma’ sistema armonizzata ta’ numerazzjoni, li tal-anqas għandu jippermetti l-identifikazzjoni tal-Istat Membru li ta l-approvazzjoni individwali tal-UE.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-mudell u s-sistema ta’ numerazzjoni ta’ ċertifikati ta’ approvazzjoni individwali tal-UE. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
KAPITOLU X
KLAWSOLI TA’ SALVAGWARDJA
Artikolu 33
Evalwazzjoni nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq suspettat li jippreżenta riskju serju jew li mhuwiex konformi
1. Fejn, abbażi tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq tagħhom stess, jew abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn awtorità tal-approvazzjoni jew minn manifattur jew abbażi tal-ilmenti, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ikollha biżżejjed raġunijiet biex temmen li makkinarju mobbli mhux tat-triq jippreżenta riskju serju jew mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, hija għandha twettaq evalwazzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat fir-rigward tar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament.
2. L-operaturi ekonomiċi rilevanti u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni rilevanti għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
Artikolu 34
Proċeduri nazzjonali biex jiġi ttrattat makkinarju mobbli mhux tat-triqli jippreżenta riskju serju jew li mhuwiex konformi
1. Fejn, wara li tkun wettqet l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 33, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ssib li makkinarju mobbli mhux tat-triq jippreżenta riskju serju jew mhuwiex konformi ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tesiġi mingħajr dewmien li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi xierqa kollha mingħajr dewmien biex jiġi żgurat li l-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat ma għadux jippreżenta dak ir-riskju jew isir konformi. Dak il-perjodu għandu jkun proporzjonat mas-serjetà tar-riskju jew man-nuqqas ta’ konformità.
2. L-operaturi ekonomiċi għandhom, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 14, jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi xierqa kollha fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq kollu kkonċernat li jkunu qiegħdu fis-suq, irreġistraw jew daħħlu fis-servizz.
3. Fejn l-operaturi ekonomiċi ma jieħdux miżuri korrettivi xierqa fil-perjodu rilevanti msemmi fil-paragrafu 1 jew meta r-riskju jkun jeħtieġ azzjoni rapida, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri restrittivi proviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni, inkluża projbizzjoni miċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi, jew id-dħul fis-servizz tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, fis-suq nazzjonali tagħhom, jew biex jirtiraw tali makkinarju minn dak is-suq jew biex isejħuh lura.
4. L-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/1020 għandu japplika għall-miżuri restrittivi msemmija fil-paragrafu 3.
Artikolu 35
Miżuri korrettivi u restrittivi fil-livell tal-Unjoni
1. L-awtorità nazzjonali li tieħu miżura korrettiva jew restrittiva f’konformità mal-Artikolu 34 għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn mingħajr dewmien, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2019/1020.
Hija għandha wkoll tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni dwar is-sejbiet tagħha. Fil-każijiet ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jippreżenta riskju serju, dawk il-miżuri korrettivi jew restrittivi għandhom jiġu nnotifikati wkoll permezz tas-Sistema tat-Twissija Rapida “Safety Gate” imsemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).
L-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-ewwel u t-tieni subparagrafi għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, inkluż id-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, l-oriġini tiegħu, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità jew ir-riskju involut, in-natura u t-tul tal-miżuri nazzjonali meħuda, u l-argumenti mressqa, meta dawk l-argumenti jitressqu mill-operatur ekonomiku rilevanti.
2. L-Istat Membru li jieħu l-miżura għandu jindika jekk ir-riskju jew in-nuqqas ta’ konformità huwiex dovut għal dawn li ġejjin:
|
(a) |
in-nuqqas tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun konformi ma’ dan ir-Regolament; jew |
|
(b) |
in-nuqqasijiet fl-atti regolatorji rilevanti adottati skont dan ir-Regolament. |
3. L-Istati Membri għajr l-Istat Membru li jieħu l-miżura għandhom jinformaw, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, fi żmien xahar min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, dwar kwalunkwe miżura li jkunu adottaw u dwar kwalunkwe informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom relatata man-nuqqas ta’ konformità jew mar-riskju tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat, kif ukoll, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali nnotifikata, tal-oġġezzjonijiet tagħhom.
4. Fejn, fi żmien 3 xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni minn Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura nazzjonali nnotifikata, l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri simili mingħajr dewmien fit-territorji tagħhom fir-rigward tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat.
5. Fejn, fi żmien 3 xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, Stat Membru ieħor jew il-Kummissjoni jqajmu oġġezzjoni fir-rigward ta’ miżura nazzjonali nnotifikata, jew fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura nazzjonali nnotifikata tmur kontra l-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Istati Membri kkonċernati u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti mingħajr dewmien.
6. Abbażi tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi dwar miżuri armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
7. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika minnufih id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 6 lill-operatur ekonomiku jew lill-operaturi ekonomiċi rilevanti. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-miżuri li jinsabu fl-atti msemmija fil-paragrafu 6 mingħajr dewmien u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.
8. Fejn il-Kummissjoni tqis li miżura nazzjonali nnotifikata mhijiex ġustifikata jew tmur kontra l-liġi tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira jew jadatta l-miżura, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 6.
9. Fejn ir-riskju jew in-nuqqas ta’ konformità jiġi attribwit għal nuqqasijiet fl-atti regolatorji adottati skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-emendi meħtieġa għall-atti kkonċernati.
10. Fejn miżura korrettiva titqies li hija ġustifikata f’konformità ma’ dan l-Artikolu jew tkun suġġetta għall-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, dik il-miżura għandha tkun disponibbli mingħajr ħlas għall-proprjetarji tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq affettwat. Fejn it-tiswijiet ikunu twettqu għas-spejjeż tad-detentur tar-reġistrazzjoni qabel l-adozzjoni tal-miżura korrettiva, il-manifattur għandu jirrimborża l-kost ta’ tali tiswijiet sal-kost tat-tiswijiet meħtieġa minn dik il-miżura korrettiva.
Artikolu 36
Approvazzjoni tat-tip tal-UE mhux konformi
1. Fejn awtorità tal-approvazzjoni ssib li approvazzjoni tat-tip tal-UE li tkun ingħatat mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tirrifjuta li tirrikonoxxi dik l-approvazzjoni.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika r-rifjut tagħha lill-awtorità ta’ approvazzjoni li tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE, lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, u lill-Kummissjoni. Fejn fi żmien xahar min-notifika, in-nuqqas ta’ konformità tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tiġi kkonfermata mill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE, dik l-awtorità ta’ approvazzjoni għandha tirtira l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
3. Fejn, fi żmien xahar min-notifika msemmija fil-paragrafu 2, titqajjem oġġezzjoni mill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri mingħajr dewmien, b’mod partikolari, l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u lill-operatur ekonomiku rilevanti.
4. Abbażi tal-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk ir-rifjut ta’ rikonoxximent tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwiex ġustifikat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika minnufih id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu lill-operaturi ekonomiċi rilevanti. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw tali atti mingħajr dewmien u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
5. Fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi li approvazzjoni tat-tip tal-UE li tkun ingħatat ma tkunx f’konformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha tikkonsulta lill-Istati Membri mingħajr dewmien, b’mod partikolari lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-UE u lill-operatur ekonomiku rilevanti.
Abbażi tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi dwar ir-rifjut tar-rikonoxximent ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2).
6. L-Artikoli 33, 34 u 35 japplikaw għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li huwa s-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE mhux konformi u li diġà jkun sar disponibbli fis-suq.
KAPITOLU XI
GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI TEKNIKA
Artikolu 37
Informazzjoni maħsuba għall-utenti
1. Il-manifattur ma għandu jipprovdi l-ebda informazzjoni teknika relatata mad-dettalji previsti f’dan ir-Regolament li jvarjaw mid-dettalji approvati mill-awtorità tal-approvazzjoni.
2. Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli għall-utenti l-informazzjoni rilevanti kollha u l-istruzzjonijiet meħtieġa li jiddeskrivu kwalunkwe kundizzjoni jew restrizzjoni marbuta mal-użu ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jipprovdu indikazzjonijiet dwar l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet minimi li jeħtieġ li jkunu disponibbli.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi pprovduta b’żieda għall-manwal tal-operatur speċifiku għall-użu fit-triq.
4. Il-manwal tal-operatur speċifiku għall-użu fit-triq, inkluż it-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jkun disponibbli mal-makkinarju mobbli mhux tat-triq u jiġi pprovdut:
|
(a) |
bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz; u |
|
(b) |
f’format stampat jew f’format elettroniku faċilment aċċessibbli. |
Fejn il-manwal tal-operatur jiġi pprovdut f’format elettroniku, il-manifattur għandu jipprovdi l-informazzjoni dwar kif għandu jiġi aċċessat jew jinstab dak il-manwal, bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-makkinarju mobbli mhux tat-triq għandu jitqiegħed fis-suq, jiġi rreġistrat jew imdaħħal fis-servizz.
KAPITOLU XII
ĦATRA U NOTIFIKA TA’ SERVIZZI TEKNIĊI
Artikolu 38
Rekwiżiti relatati ma’ servizzi tekniċi
1. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jiżguraw li, qabel ma jaħtru servizz tekniku skont l-Artikolu 40, dak is-servizz jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu.
2. Servizz tekniku għandu jiġi stabbilit skont il-liġi nazzjonali u jkollu personalità ġuridika, ħlief għal servizz tekniku li jappartjeni għal awtorità tal-approvazzjoni u ħlief għal servizz tekniku intern akkreditat tal-manifattur, kif imsemmi fl-Artikolu 41.
3. Servizz tekniku għandu jkun korp terz indipendenti mill-proċess tad-disinn, tal-manifattura, tal-provvista jew tal-manutenzjoni tal-apparat mobbli mhux tat-triq li huwa jivvaluta.
Korp li jappartjeni għal assoċjazzjoni ta’ impriżi jew federazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-impriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-forniment, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li huwa jivvaluta, jittestja jew jispezzjona jista’, dment li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu.
4. Servizz tekniku, l-ogħla livell tal-maniġment tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom jinħatru f’konformità mal-Artikolu 40(1) ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq li huma jivvalutaw, u lanqas ma għandhom jirrappreżentaw il-partijiet involuti f’dawk l-attivitajiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq ivvalutat imsemmi fil-paragrafu 3 li huwa meħtieġ għat-tħaddim tas-servizz tekniku jew l-użu ta’ tali makkinarju mobbli mhux tat-triq għal skopijiet personali.
5. Servizz tekniku għandu jiżgura li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew tas-sottokuntratturi tiegħu ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar.
6. Servizz tekniku u l-persunal tiegħu għandhom ikunu indipendenti u jwettqu l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru bl-ogħla livell ta’ integrità professjonali u bil-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom, speċjalment tali pressjonijiet jew inċentivi minn persuni jew gruppi ta’ persuni b’interess fir-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet.
7. Servizz tekniku għandu jkun kapaċi jwettaq il-kategoriji kollha ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar f’konformità mal-Artikolu 40(1), billi juri għas-sodisfazzjon tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tiegħu, li huwa għandu:
|
(a) |
persunal b’ħiliet xierqa, għarfien tekniku speċifiku u taħriġ vokazzjonali, kif ukoll esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompitu; |
|
(b) |
deskrizzjonijiet tal-proċeduri rilevanti għall-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar, li jiżguraw it-trasparenza u r-riproduċibbiltà ta’ dawk il-proċeduri; |
|
(c) |
il-proċeduri għat-twettiq tal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar, li jqisu kif xieraq il-grad ta’ kumplessità tat-teknoloġija tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq inkwistjoni, u n-natura tal-massa jew tas-serje tal-proċess tal-produzzjoni; u |
|
(d) |
il-mezzi meħtieġa biex iwettaq b’mod xieraq il-kompiti konnessi mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom qed ifittex li jinħatar u li għandu aċċess għat-tagħmir jew il-faċilitajiet kollha meħtieġa. |
Barra minn hekk, huwa għandu juri lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra l-konformità tiegħu mar-regoli stipulati fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 44 li huma rilevanti għall-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar.
8. Is-servizzi tekniċi, l-ogħla livell tal-maniġment tagħhom u l-persunal responsabbli mill-valutazzjoni għandhom ikunu imparzjali. Huma ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom jinħatru.
9. Is-servizzi tekniċi għandhom jagħmlu polza tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà relatata mal-attivitajiet tagħhom, sakemm ir-responsabbiltà ma tiġix preżunta mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.
10. Il-persunal ta’ servizz tekniku għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tagħtih effett, ħlief b’rabta mal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra jew fejn meħtieġ mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Id-drittijiet ta’ proprjetà għandhom ikunu protetti.
Artikolu 39
Is-sussidjarji ta’ servizzi tekniċi u s-sottokuntrattar minnhom
1. Is-servizzi tekniċi jistgħu jissottokuntrattaw xi wħud mill-attivitajiet tagħhom li għalihom ġew maħtura f’konformità mal-Artikolu 40(1), jew ikollhom dawk l-attivitajiet imwettqa minn sussidjarja, biss bi qbil mal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom.
2. Fejn servizz tekniku jissottokuntratta kompiti speċifiċi konnessi mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikun inħatar jew jirrikorri għal sussidjarja, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarja jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 38 u għandu jinforma b’dan lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra.
3. Is-servizzi tekniċi għandhom jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa minn kwalunkwe wieħed jew waħda mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji tagħhom, kull fejn ikunu stabbiliti.
4. Is-servizzi tekniċi għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarja u l-kompiti mwettqa minnhom.
Artikolu 40
Ħatra ta’ servizzi tekniċi
1. Is-servizzi tekniċi għandhom jinħatru għal waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ attivitajiet li ġejjin, skont il-qasam ta’ kompetenza tagħhom:
|
(a) |
kategorija A: is-servizzi tekniċi li jwettqu t-testijiet imsemmija f’dan ir-Regolament fil-faċilitajiet tagħhom stess; |
|
(b) |
kategorija B: is-servizzi tekniċi li jissorveljaw it-testijiet imsemmija f’dan ir-Regolament, fejn tali testijiet jitwettqu fil-faċilitajiet tal-manifattur jew fil-faċilitajiet ta’ parti terza; |
|
(c) |
kategorija C: is-servizzi tekniċi li jivvalutaw u jimmonitorjaw fuq bażi regolari l-proċeduri tal-manifattur għall-kontroll tal-konformità tal-produzzjoni; |
|
(d) |
kategorija D: is-servizzi tekniċi li jissorveljaw jew iwettqu testijiet jew spezzjonijiet għas-sorveljanza tal-konformità tal-produzzjoni. |
2. Awtorità tal-approvazzjoni tista’ tinħatar bħala servizz tekniku għal waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.
3. Is-servizzi tekniċi ta’ pajjiż terz, minbarra dawk maħtura f’konformità mal-Artikolu 41, jistgħu jiġu nnotifikati għall-finijiet tal-Artikolu 44, iżda biss jekk tali aċċettazzjoni ta’ servizzi tekniċi tkun prevista minn ftehim bilaterali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan ma għandux iżomm lil servizz tekniku, stabbilit skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 38(2), milli jistabbilixxi sussidjarji f’pajjiżi terzi, dment li s-sussidjarji jkunu direttament ġestiti u kkontrollati mis-servizz tekniku maħtur.
Artikolu 41
Servizzi tekniċi interni akkreditati tal-manifattur
1. Servizz tekniku intern akkreditat ta’ manifattur jista’ jinħatar biss biex iwettaq l-attivitajiet taħt il-kategorija A, kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punt (a). Dak is-servizz tekniku għandu jikkostitwixxi parti separata u distinta mill-impriża u ma għandux ikun involut fid-disinn, il-manifattura, il-provvista jew il-manutenzjoni tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, tas-sistemi, tal-komponenti jew tal-unitajiet tekniċi separati li huwa jivvaluta.
2. Servizz tekniku intern akkreditat għandu jinħatar mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru u jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
is-servizz tekniku intern akkreditat għandu jkun akkreditat minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u f’konformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 42 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
is-servizz tekniku intern akkreditat u l-persunal tiegħu għandhom ikunu identifikabbli mil-lat organizzattiv u jkollhom metodi ta’ rapportar fl-impriża li jkunu jifformaw parti minnha li jiżguraw l-imparzjalità tagħhom u juruha lill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni rilevanti; |
|
(c) |
la s-servizz tekniku intern akkreditat u lanqas il-persunal tiegħu ma għandhom jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tista’ tkun f’kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b’rabta mal-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru; |
|
(d) |
is-servizz tekniku intern akkreditat għandu jipprovdi s-servizzi tiegħu esklużivament lill-impriża li jagħmel parti minnha. |
3. Servizz tekniku intern akkreditat ma għandux bżonn jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 44, iżda l-informazzjoni dwar l-akkreditazzjoni tiegħu għandha tingħata mill-impriża li jagħmel parti minnha jew mill-korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra fuq talba ta’ dik l-awtorità.
Artikolu 42
Regoli għall-valutazzjoni ta’ servizzi tekniċi u ta’ servizzi tekniċi interni akkreditati
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxi r-regoli li magħhom is-servizzi tekniċi għandhom jikkonformaw għall-valutazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 43 u l-akkreditazzjoni ta’ servizzi tekniċi interni f’konformità mal-Artikolu 41.
Artikolu 43
Valutazzjoni tal-ħiliet tas-servizzi tekniċi
1. L-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tfassal rapport ta’ valutazzjoni li juri li s-servizz tekniku kandidat u, fejn rilevanti, kwalunkwe sussidjarja jew sottokuntrattur, ikun ġie vvalutat għall-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. Dak ir-rapport jista’ jinkludi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ minn korp ta’ akkreditazzjoni.
2. Il-valutazzjoni li fuqha jkun ibbażat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandha ssir f’konformità mar-regoli stipulati f’att delegat imsemmi fl-Artikolu 42. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jiġi rivedut mill-inqas kull 3 snin.
3. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni fuq talba. F’tali każijiet, fejn il-valutazzjoni ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li jiċċertifika li s-servizz tekniku jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’dokument ta’ sostenn li jiċċertifika l-kompetenza tas-servizz tekniku u l-arranġamenti fis-seħħ biex jiġi żgurat li s-servizz tekniku jiġi mmonitorjat regolarment mill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra u li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament u l-atti adottati skont dan ir-Regolament.
4. L-awtorità tal-approvazzjoni li jkollha l-ħsieb li tinħatar bħala servizz tekniku f’konformità mal-Artikolu 40(2) għandha tiddokumenta l-konformità permezz ta’ valutazzjoni mwettqa minn awdituri indipendenti mill-attività li tkun qed tiġi vvalutata. Tali awdituri jistgħu jkunu mill-istess organizzazzjoni, sakemm ikunu ġestiti separatament mill-persunal li jwettaq l-attività vvalutata.
5. Servizz tekniku intern akkreditat għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 44
Proċeduri ta’ notifika
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem, l-indirizz postali u dak elettroniku, il-persuni responsabbli u l-kategorija ta’ attivitajiet ta’ kull servizz tekniku li jkunu ħatru, kif ukoll kwalunkwe modifika sussegwenti ta’ dawk il-ħatriet. Dik in-notifika għandha tiddikjara għal liema elementi elenkati fl-Artikolu 16(2) jew kwalunkwe element ieħor speċifikat fl-atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu ġew maħtura s-servizzi tekniċi.
2. Servizz tekniku jista’ jwettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 40(1) f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra responsabbli mill-approvazzjoni tat-tip biss jekk ikun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Is-servizz tekniku msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jinħatar minn diversi awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-ħatra u jiġi nnotifikat mill-Istati Membri ta’ dawk l-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-ħatra, irrispettivament mill-kategorija jew kategoriji ta’ attivitajiet li ser iwettaq f’konformità mal-Artikolu 40(1).
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla rilevanti sussegwenti fil-ħatra.
5. Fejn organizzazzjoni speċifika jew korp kompetenti li jwettqu attività mhux inkluża f’dawk imsemmija fl-Artikolu 40(1) ikollhom bżonn jinħatru f’konformità mal-atti adottati skont dan ir-Regolament, in-notifika għandha ssir f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
6. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista u dettalji tas-servizzi tekniċi nnotifikati f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 45
Tibdil fil-ħatriet
1. Fejn awtorità ta’ approvazzjoni tkun aċċertat ruħha jew tkun ġiet informata li servizz tekniku maħtur minnha ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira l-ħatra, kif xieraq, skont is-serjetà tan-nuqqas li jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti jew dawk l-obbligi, u tinforma lil dak is-servizz tekniku b’dan. L-Istat Membru li jkun innotifika dak is-servizz tekniku għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha timmodifika l-informazzjoni ppubblikata msemmija fl-Artikolu 44(6) skont il-ħtieġa.
2. Fil-każ ta’ restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tal-ħatra, jew fejn is-servizz tekniku jkun waqqaf l-attività tiegħu, l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandha tieħu passi xierqa biex tiżgura li l-fajls ta’ dak is-servizz tekniku jiġu pproċessati minn servizz tekniku ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra jew għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fuq talba tagħhom.
Artikolu 46
Kontestazzjoni għall-kompetenza ta’ servizzi tekniċi
1. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubji, jew meta jinġieb dubju għall-attenzjoni tagħha, rigward il-kompetenza ta’ servizz tekniku jew l-issodisfar kontinwu minn servizz tekniku tar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa soġġett.
2. L-Istat Membru tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għall-ħatra jew iż-żamma tal-ħatra tas-servizz tekniku kkonċernat.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.
4. Fejn il-Kummissjoni taċċerta ruħha li servizz tekniku ma jkunx konformi jew ma għadux konformi mar-rekwiżiti għall-ħatra tiegħu, hija għandha tinforma b’dan lill-Istat Membru tal-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra.
Il-Kummissjoni għandha titlob lil dak l-Istat Membru biex jirrestrinġi, jissospendi jew jirtira l-ħatra, fejn meħtieġ.
Fejn Stat Membru jonqos milli jieħu l-miżuri korrettivi neċessarji, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi li tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira l-ħatra tas-servizz tekniku kkonċernat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 49(2). Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat dwar dawk l-atti ta’ implimentazzjoni u għandha taġġorna l-informazzjoni ppubblikata msemmija fl-Artikolu 44(6) skont il-ħtieġa.
Artikolu 47
Obbligi operazzjonali ta’ servizzi tekniċi
1. Is-servizzi tekniċi għandhom iwettqu l-kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom ikunu nħatru f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra u f’konformità mal-proċeduri tal-ittestjar u tal-valutazzjoni previsti f’dan ir-Regolament.
2. Is-servizzi tekniċi għandhom jissorveljaw jew għandhom huma stess iwettqu t-testijiet meħtieġa għall-approvazzjoni jew għall-ispezzjonijiet kif stabbilit f’dan ir-Regolament. Is-servizzi tekniċi ma għandhomx iwettqu testijiet, valutazzjonijiet jew spezzjonijiet li għalihom ma jkunux ġew debitament maħtura mill-awtorità tal-approvazzjoni tagħhom.
3. Is-servizzi tekniċi għandhom il-ħin kollu:
|
(a) |
jippermettu lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom tkun xhieda tas-servizz tekniku matul il-valutazzjoni tal-konformità, kif xieraq; u |
|
(b) |
mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 38(10) u l-Artikolu 48, jipprovdu lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom bl-informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ attivitajiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif jista’ jintalab. |
4. Fejn servizz tekniku jsib li r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament ma jkunux ġew issodisfati minn manifattur, huwa għandu jirrapporta dan lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra sabiex l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra titlob lill-manifattur jieħu l-miżuri korrettivi xierqa u sussegwentement iżżomm lura milli toħroġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri korrettivi xierqa għas-sodisfazzjon tal-awtorità tal-approvazzjoni.
5. Fejn, matul il-monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni wara l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, servizz tekniku, filwaqt li jaġixxi f’isem l-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra, isib li makkinarju mobbli mhux tat-triq ma għadux konformi ma’ dan ir-Regolament, dan għandu jirrapporta din is-sejba lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa previsti fl-Artikolu 23.
Artikolu 48
Obbligi ta’ informazzjoni ta’ servizzi tekniċi
1. Is-servizzi tekniċi għandhom jinformaw lill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom b’dawn li ġejjin:
|
(a) |
kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li ltaqgħu miegħu u li jista’ jirrikjedi rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE; |
|
(b) |
kwalunkwe ċirkostanza li taffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra tagħhom u l-kundizzjonijiet għaliha; |
|
(c) |
kwalunkwe talba għall-informazzjoni li jkunu rċevew mingħand l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward l-attivitajiet tagħhom. |
2. Fuq talba mill-awtorità ta’ approvazzjoni tal-ħatra tagħhom, is-servizzi tekniċi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħatra tagħhom u dwar kwalunkwe attività oħra mwettqa, inkluż attivitajiet transfruntiera u sottokuntrattar.
KAPITOLU XIII
ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI U ATTI DELEGATI
Artikolu 49
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Tekniku — Vetturi Agrikoli (TC-AV), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 167/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 50
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(6), fl-Artikolu 16(2), fl-Artikolu 22(9), fl-Artikolu 23(6) u fl-Artikolu 42 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-28 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn 9 xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(6), fl-Artikolu 16(2), fl-Artikolu 22(9), fl-Artikolu 23(6) u fl-Artikolu 42 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(6), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 22(9), l-Artikolu 23(6) jew l-Artikolu 42 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati kif imsemmija fl-Artikolu 5(6), fl-Artikolu 16(2), fl-Artikolu 22(9), fl-Artikolu 23(6) u fl-Artikolu 42 qabel id-29 ta’ Jannar 2027.
KAPITOLU XIV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 51
Emenda għar-Regolament (UE) 2019/1020
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1020, jinżdied il-punt li ġej:
|
“72. |
Ir-Regolament (UE) 2025/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq li jiċċirkola fit-toroq pubbliċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2025/14, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/14/oj).” |
Artikolu 52
Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar
1. Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar (“il-Forum”) stabbilit mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/858 għandu jikkunsidra:
|
(a) |
kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni uniformi tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament; |
|
(b) |
ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq; |
|
(c) |
il-kwistjonijiet ta’ rilevanza ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament b’rabta mal-valutazzjoni, il-ħatra u l-monitoraġġ ta’ servizzi tekniċi; |
|
(d) |
il-ksur minn operaturi ekonomiċi; |
|
(e) |
l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi jew restrittivi stipulati fil-Kapitolu X; |
|
(f) |
l-ippjanar, il-koordinazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq. |
2. L-Artikoli 11(1), (4), (5), (6) u (7) tar-Regolament (UE) 2018/858 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull meta jkun rilevanti għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-partijiet ikkonċernati involuti fi kwistjonijiet ta’ sikurezza relatati maċ-ċirkolazzjoni fit-toroq għandhom jiġu mistiedna bħala osservaturi għall-Forum.
3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
|
(a) |
l-Artikoli 30(2) u 32 tar-Regolament (UE) 2019/1020 ma għandhomx japplikaw; |
|
(b) |
ir-referenzi għall-“ADCO”, fl-Artikoli 11(8), 30(1) u (3), 31(2) u 33 tar-Regolament (UE) 2019/1020, għandhom jinqraw bħala referenzi għall-Forum. |
Artikolu 53
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sat-28 ta’ Jannar 2028, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
2. It-tipi ta’ ksur li huma soġġetti għal penali għandhom jinkludu:
|
(a) |
dikjarazzjonijiet foloz magħmula matul il-proċeduri tal-approvazzjoni jew meta jiġu imposti miżuri korrettivi jew restrittivi f’konformità mal-Kapitolu X; |
|
(b) |
il-falsifikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, għall-konformità waqt is-servizz jew għas-sorveljanza tas-suq; |
|
(c) |
ir-rifjut tal-għoti ta’ data jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jwasslu għal sejħa lura, rifjut jew irtirar taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE; |
|
(d) |
ir-rifjut li jiġi pprovdut aċċess għall-informazzjoni; |
|
(e) |
l-operaturi ekonomiċi jagħmlu disponibbli fis-suq jew idaħħlu fis-servizz makkinarju mobbli mhux tat-triq soġġett għal approvazzjoni mingħajr tali approvazzjoni jew il-falsifikazzjoni tad-dokumenti jew tal-markaturi b’dik l-intenzjoni; |
|
(f) |
l-operaturi ekonomiċi ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom; |
|
(g) |
in-nuqqas ta’ konformità mis-servizzi tekniċi fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ħatra tagħhom. |
Artikolu 54
Rieżami
1. Sad-29 ta’ Jannar 2033, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.
2. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u għandu jqis kwalunkwe standard Ewropew jew internazzjonali relatat u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
3. Sad-29 ta’ Jannar 2032, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq stipulati f’dan ir-Regolament; |
|
(b) |
l-għadd ta’ approvazzjonijiet tat-tip tal-UE u approvazzjonijiet individwali tal-UE mogħtija skont dan ir-Regolament; |
|
(c) |
ir-rekwiżiti nazzjonali għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal serje żgħira, għall-approvazzjoni individwali nazzjonali u għall-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, u l-għadd ta’ tali approvazzjonijiet mogħtija mit-28 ta’ Jannar 2025. |
Artikolu 55
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
B’deroga minn dan ir-Regolament, sad-29 ta’ Jannar 2036, l-Istati Membri jistgħu japplikaw kwalunkwe liġi nazzjonali dwar l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq għaċ-ċirkolazzjoni fit-toroq pubbliċi għal makkinarju mobbli mhux tat-triq li jitqiegħed fis-suq bejn id-29 ta’ Jannar 2028 u d-29 ta’ Jannar 2036. Matul dak il-perjodu, il-manifattur jista’ jagħżel li japplika għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE, li japplika għall-approvazzjoni individwali tal-UE jew li jikkonforma mal-liġi nazzjonali rilevanti.
Artikolu 56
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Mit-28 ta’ Jannar 2025, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE għal tip ġdid ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jew approvazzjoni individwali tal-UE għal makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq u ma għandhomx, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(6) u l-Kapitolu X, jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta’ makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq meta l-makkinarju mobbli mhux tat-triq ikkonċernat ikun konformi ma’ dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament, jekk manifattur jitlob dan.
Hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali jkunu taw l-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal tip ġdid ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq jew l-approvazzjoni individwali tal-UE għal makkinarju mobbli ġdid mhux tat-triq skont it-tieni paragrafu, it-tali awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE oħra jew approvazzjoni individwali oħra tal-UE meta dan ikun konformi ma’ dan ir-Regolament u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament, jekk manifattur jitlob dan.
Dan ir-Regolament għandu japplika mid-29 ta’ Jannar 2028.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C 293, 18.8.2023, p. 142.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2024.
(3) Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).
(6) Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).
(8) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(9) Ir-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar il-makkinarju u li jħassar id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 73/361/KEE (ĠU L 165, 29.6.2023, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(11) Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(13) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(14) Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52)
(15) Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/14/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)