This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025L2450
Directive (EU) 2025/2450 of the European Parliament and of the Council of 26 November 2025 amending Directive 2009/38/EC as regards the establishment and operation of European Works Councils and the effective enforcement of transnational information and consultation rights (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2025/2450 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-ħidma tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali ta’ informazzjoni u konsultazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2025/2450 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2025 li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-ħidma tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali ta’ informazzjoni u konsultazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/20/2025/REV/1
ĠU L, 2025/2450, 11.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2450/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2450 |
11.12.2025 |
DIRETTIVA (UE) 2025/2450 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-26 ta’ Novembru 2025
li temenda d-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-istabbiliment u l-ħidma tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u l-infurzar effettiv tad-drittijiet tranżnazzjonali ta’ informazzjoni u konsultazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (e), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jiġu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien xieraq fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġi u l-prattiki nazzjonali. Il-prinċipju Nru 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid id-dritt tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tagħhom li jiġu informati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom. |
|
(2) |
Fir-rigward ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali, l-objettiv tad-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa li tagħti effett prattiku lil dawk il-prinċipji bażiċi billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati f’impriżi fuq skala Komunitarja u fi gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja. |
|
(3) |
Fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva 2009/38/KE tal-15 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni kkonfermat il-valur miżjud u r-rilevanza fil-prinċipju ta’ dik id-Direttiva. Hija sabet li ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva huma flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw ir-realtajiet teknoloġiċi u ekonomiċi li qed jevolvu u varjetà ta’ forom ta’ impriża jew grupp. Pereżempju, tapplika għall-gruppi kollha ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, irrispettivament mit-tip ta’ arranġamenti legali li jippermettu l-eżerċizzju tal-influwenza dominanti bejn l-impriżi kontrollanti u dawk ikkontrollati li jiffurmaw tali gruppi. Konsegwentement, impriżi marbuta, pereżempju, bi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzji jistgħu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, sakemm tiġi stabbilita influwenza dominanti. |
|
(4) |
Madankollu, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni identifikat ukoll nuqqasijiet rigward, pereżempju, l-effettività tal-proċess ta’ konsultazzjoni, l-aċċess għall-ġustizzja, il-penali u l-interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti. |
|
(5) |
Fit-2 ta’ Frar 2023, il-Parlament Ewropew adotta, skont l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja b’rakkomandazzjonijiet dwar reviżjoni tad-Direttiva 2009/38/KE. Sussegwentement, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ fażijiet mas-sħab soċjali skont l-Artikolu 154 TFUE dwar il-ħtieġa u l-kontenut possibbli tal-miżuri biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tad-Direttiva 2009/38/KE. Il-Kummissjoni ġabret ukoll evidenza permezz ta’ studju li jinvolvi stħarriġ online mmirat, intervisti mal-partijiet ikkonċernati, sessjonijiet ta’ ħidma u analiżi tal-ġurisprudenza nazzjonali u tad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi nazzjonali. |
|
(6) |
L-evidenza turi li l-inċertezza legali dwar il-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali wasslet għal differenzi fl-interpretazzjoni u fit-tilwim. Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali u jitnaqqas ir-riskju ta’ tilwim bħal dan, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali. Għal dak il-għan, jixraq li jiġi ċċarat li d-Direttiva 2009/38/KE ma tkoprix biss każijiet fejn il-miżuri meqjusa mit-tmexxija ta’ impriża jew grupp ta’ impriżi jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jaffettwaw lill-ħaddiema ta’ dik l-impriża, ta’ dak il-grupp, jew ta’ kwalunkwe stabbiliment ta’ dik l-impriża jew grupp, f’aktar minn Stat Membru wieħed, iżda anke każijiet fejn dawn il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jaffettwaw lil tali ħaddiema fi Stat Membru wieħed biss u l-konsegwenzi ta’ dawk il-miżuri jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jaffettwaw lil tali ħaddiema f’tal-anqas Stat Membru ieħor. Tali kjarifika hija meħtieġa fid-dawl ta’ każijiet fejn impriża tipprevedi miżuri, bħal sensji, tkeċċija, l-allokazzjoni ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni jew l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet, li jimmiraw b’mod espliċitu stabbilimenti fi Stat Membru wieħed biss iżda li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jkollhom konsegwenzi li jaffettwaw il-ħaddiema ta’ dik l-impriża, ta’ dak il-grupp jew ta’ kwalunkwe stabbiliment ta’ dik l-impriża jew grupp, fi Stat Membru ieħor, pereżempju minħabba bidliet fil-katina transfruntiera tal-provvista jew fl-attivitajiet ta’ produzzjoni. Il-kunċett ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali jkopri miżuri li jistgħu jaffettwaw lill-impjegati b’mod sostanzjali, u mhux biss trivjali, u li ma jikkonċernawx biss impjegati individwali jew deċiżjonijiet operazzjonali ordinarji. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ kwistjonijiet tranżnazzjonali fuq il-forza tax-xogħol u l-livell ta’ ġestjoni involuti għandhom jitqiesu biex jiġi ddeterminat jekk kwistjoni taqax taħt il-kompetenza ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. |
|
(7) |
Id-definizzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni fid-Direttiva 2009/38/KE jinkludu rekwiżiti normattivi. Għal raġunijiet ta’ koerenza u ċarezza legali, huwa xieraq li dawk id-dispożizzjonijiet normattivi jitmexxew għall-artikolu dwar il-ħidma tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni għall-ħaddiema. |
|
(8) |
L-elezzjoni u l-ħatra tar-rappreżentanti tal-impjegati huma rregolati mil-liġi u l-prattika nazzjonali. Is-sistemi nazzjonali għall-elezzjoni u għall-ħatra tar-rappreżentanti tal-impjegati jvarjaw fost l-Istati Membri. Ir-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu jkunu rappreżentanti tat-trade unions, fejn il-liġi jew il-prattika nazzjonali ta’ Stat Membru tipprevedi dan. |
|
(9) |
Bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim li jistabbilixxi Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, it-tmexxija ċentrali hija meħtieġa tinnegozja ma’ korp speċjali tan-negozjati li jirrappreżenta lill-impjegati. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali f’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li t-tmexxija ċentrali hija meħtieġa ssejjaħ għadd ta’ laqgħat mal-korp speċjali tan-negozjati li jkunu biżżejjed biex iż-żewġ partijiet jilħqu tali ftehim. |
|
(10) |
Huwa possibbli li membri ta’ korpi speċjali tan-negozjati jeħtieġu parir legali biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont id-Direttiva 2009/38/KE. Madankollu, ma huwiex ċar biżżejjed li huma intitolati li jkollhom it-tariffi legali assoċjati koperti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi ċċarat li t-tmexxija ċentrali ġġorr dawn l-ispejjeż meta mġarrba minn membri ta’ korpi speċjali tan-negozjati. Jenħtieġ li dawn l-ispejjeż jiġu nnotifikati minn qabel minn korpi speċjali tan-negozjati lit-tmexxija ċentrali. Meta l-ammont preċiż tal-ispejjeż ma jkunx magħruf minn qabel, jenħtieġ li stima tal-ispejjeż inkluż informazzjoni dwar in-natura tagħhom tiġi nnotifikata lit-tmexxija ċentrali. Huwa xieraq li tiġi limitata r-responsabbiltà tat-tmexxija ċentrali għal spejjeż bħal dawn għal kostijiet legali raġonevoli, biex jiġi żgurat li t-tmexxija ċentrali ma tkunx responsabbli għal kostijiet manifestament sproporzjonati, kostijiet mingħajr rabta ġustifikabbli mal-għoti ta’ pariri legali rilevanti, jew kostijiet maħluqa minn talbiet manifestament infondati, frivoli jew vessatorji. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/38/KE tagħti lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jistabbilixxu regoli baġitarji dwar il-funzjonament tal-korpi speċjali tan-negozjati u tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ibbażati fuq rekwiżiti sussidjarji, filwaqt li jitqies il-prinċipju li l-ispejjeż relatati mat-twettiq xieraq tal-funzjonijiet tal-korp speċjali tan-negozjati jridu jitħallsu mit-tmexxija ċentrali. Id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2009/38/KE li jirreferu għall-għadd ta’ esperti li għandhom jiġu ffinanzjati mit-tmexxija ċentrali huma għalhekk żejda u jenħtieġ li jitħassru. |
|
(11) |
Id-Direttiva 2009/38/KE tirrikjedi li l-partijiet għal ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jiddeterminaw il-post għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Jenħtieġ li dawk il-partijiet jiddeterminaw ukoll il-format ta’ dawn il-laqgħat, jiġifieri jekk ikunu wiċċ imb wiċċ, online jew ibridi, biex, inter alia, jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar il-libertà tagħhom biex jifthiemu, min-naħa waħda, li jsiru xi wħud mil-laqgħat jew il-laqgħat kollha f’ambjent virtwali, bl-użu ta’ għodod tal-laqgħat online, li jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-laqgħat f’konformità mal-miri tal-Unjoni, dawk nazzjonali u tal-kumpaniji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, filwaqt li jiżguraw il-kondiviżjoni sinifikattiv u effiċjenti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni b’kost ambjentali u finanzjarju aktar baxx, u, min-naħa l-oħra li jsiru laqgħat fiżiċi li jistgħu joffru ambjent kunfidenzjali li jnissel fiduċja u jagħti l-opportunità għal skambji wiċċ imb wiċċ. |
|
(12) |
Jista’ jkun hemm ukoll inċertezza u tilwim fir-rigward tal-kopertura ta’ ċerti spejjeż u l-aċċess għal ċerti riżorsi matul il-ħidma tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet. F’konformità mal-prinċipju tal-awtonomija tal-partijiet, jixraq li jkun meħtieġ li ċerti tipi ta’ riżorsi finanzjarji u materjali jiġu ddeterminati speċifikament fil-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jiġifieri l-assistenza possibbli minn esperti – bħal rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tat-trade unions rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, esperti tekniċi tas-suġġett jew esperti legali –, il-kopertura tat-tariffi tal-esperti u l-parteċipazzjoni possibbli ta’ esperti fil-laqgħat. Jenħtieġ li l-ftehimiet jindirizzaw ukoll l-għoti ta’ taħriġ rilevanti lill-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-kopertura tal-ispejjeż relatati, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li jiġi pprovdut it-taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2009/38/KE. |
|
(13) |
Ir-rekwiżit fid-Direttiva 2009/38/KE li titqies, fejn possibbli, il-ħtieġa għal rappreżentanza bbilanċjata tal-impjegati fir-rigward tal-ġeneru tagħhom meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet wera li ma huwiex biżżejjed biex jippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri. In-nisa għadhom sottorappreżentati fil-biċċa l-kbira tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti objettivi aktar effettivi u speċifiċi rigward il-bilanċ bejn il-ġeneri, li għandhom jiġu implimentati mir-rappreżentanti tat-tmexxija u tal-impjegati meta jinnegozjaw jew jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehimiet tagħhom. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, f’ċerti każijiet jista’ jkun meħtieġ li tingħata prijorità lis-sess sottorappreżentat fil-kompożizzjoni tal-Kunsilli Ewropew tax-Xogħlijiet jew tal-kumitati ristretti tagħhom. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (4), azzjoni pożittiva bħal din hija possibbli, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa, sakemm il-miżuri meħuda biex jintlaħaq l-objettiv tal-bilanċ bejn il-ġeneri ma jagħtux prijorità awtomatikament u mingħajr kundizzjoni lil persuni ta’ ċertu ġeneru iżda jippermettu li jitqiesu kriterji oħrajn, bħal merti u kwalifiki u l-proċedura għall-elezzjoni stabbilita mil-liġijiet nazzjonali rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li l-partijiet għall-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet titħallielhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jirrispettaw il-limitazzjonijiet ġuridiċi u fattwali għall-azzjoni pożittiva. Għal kunsiderazzjonijiet simili, huwa xieraq ukoll li jsir sforz biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-kompożizzjoni tal-korpi speċjali tan-negozjati, sabiex il-bilanċ bejn il-ġeneri diġà jiġi promoss matul il-fażi tan-negozjati. |
|
(14) |
L-evidenza turi li l-bidu tan-negozjati xi drabi jiddewwem aktar mill-perjodu ta’ 6 xhur previst fid-Direttiva 2009/38/KE. F’xi każijiet, it-tmexxija la tieħu passi u lanqas tirrifjuta b’mod espliċitu li jibdew negozjati wara talba biex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Għalhekk jenħtieġ li jiġi speċifikat li r-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fid-Direttiva 2009/38/KE japplikaw meta l-ewwel laqgħa tal-korp speċjali tan-negozjati ma titlaqqax fi żmien 6 xhur wara talba biex jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, irrispettivament minn jekk it-tmexxija ċentrali tirrifjutax b’mod espliċitu li tibda n-negozjati. |
|
(15) |
Meta tiġi kondiviża informazzjoni sensittiva ma’ membri ta’ korpi speċjali tan-negozjati, il-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew ir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, it-tmexxija ċentrali tista’ titlob li tali informazzjoni tiġi kondiviża b’mod kunfidenzjali u tipprojbixxi li din tiġi divulgata ulterjorment. Sabiex jiġi evitat l-użu eċċessiv ta’ tali restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità u sabiex jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/38/KE mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li r-restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità jkunu possibbli biss biex jiġi protett l-interess leġittimu tal-impriża kkonċernata. Jenħtieġ li l-eżistenza ta’ tali interess leġittimu tiġi vvalutata abbażi ta’ kriterji oġġettivi li għandhom jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li meta tiġi kondiviża informazzjoni b’mod kunfidenzjali, it-tmexxija ċentrali tkun meħtieġa li fl-istess ħin tipprovdi raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità. Jenħtieġ li r-restrizzjoni ta’ kunfidenzjalità tapplika biss sakemm jippersistu r-raġunijiet għall-kunfidenzjalità. L-istabbiliment ta’ arranġamenti adegwati biex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kunfidenzjali tista’ tnissel fiduċja u l-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni, filwaqt li tipproteġi l-interessi tan-negozji u tal-ħaddiema, inkluż billi jiġu evitati riskji li qegħdin jikbru bħal spjunaġġ industrijali. |
|
(16) |
Il-possibbiltà li t-tmexxija ċentrali ma tibgħatx informazzjoni lill-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, lill-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, jenħtieġ li tkun limitata għal każijiet fejn din it-trażmissjoni tkun ta’ ħsara serja għall-funzjonament tal-impriżi kkonċernati. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u rimedju effettiv, jenħtieġ li t-tmexxija ċentrali tkun meħtieġa wkoll tispeċifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni b’mod li jippermetti skrutinju legali suffiċjenti, filwaqt li ma tiżvelax informazzjoni protetta. |
|
(17) |
Bil-għan li tiżdied iċ-ċarezza legali, jixraq li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni b’mod kunfidenzjali u dwar in-nuqqas ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni f’żewġ Artikoli separati. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli partikolari għall-impriżi li jsegwu l-għan ta’ gwida ideoloġika jenħtieġ li tiġi ttrasferita għal Artikolu dwar ir-relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn, minħabba li tikkonċerna l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE b’mod aktar wiesa’. |
|
(18) |
Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali jista’ jkollhom konsegwenzi estensivi għall-impjegati, bħal fil-każ ta’ sensji li jirriżultaw minn pjanijiet tan-negozju, pjanijiet soċjali, jew innovazzjonijiet tal-proċessi. Konsultazzjoni tranżnazzjonali effettiva tirrikjedi djalogu ġenwin bejn it-tmexxija ċentrali u l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew ir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Din timplika li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom jitwettqu b’mod sinifikattiv u f’waqtu li jippermetti lir-rappreżentanti tal-impjegati jesprimu l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Din timplika wkoll li l-opinjonijiet maħruġa mill-Kunsilli tax-Xogħol Ewropej jew mir-rappreżentanti tal-impjegati għandhom jirċievu tweġiba motivata mit-tmexxija ċentrali jew livell ta’ tmexxija aktar xieraq qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni dwar il-miżura proposta inkwistjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti espliċiti għal dak l-għan fid-Direttiva 2009/38/KE biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. |
|
(19) |
Fil-kuntest tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali, huwa importanti li jiġi żgurat li l-impriżi fuq skala Komunitarja jew il-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet b’mod effettiv u li l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma jirriżultawx f’dewmien bla bżonn fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa kruċjali wkoll li r-rappreżentanti tal-impjegati jingħataw biżżejjed żmien biex jiffurmaw, jikkoordinaw u jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali li xi drabi jkunu kumplessi, filwaqt li jqisu kwalunkwe arranġament maqbul għar-rabta tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-korpi nazzjonali li jirrappreżentaw l-impjegati. Sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jirrikonċiljaw dawk il-kunsiderazzjonijiet fil-prattika, jenħtieġ li r-rekwiżiti minimi għall-proċess ta’ konsultazzjoni jibqgħu flessibbli biżżejjed, u b’hekk ikunu jistgħu jiskedaw il-proċess kif xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-kontenut rispettivi tal-konsultazzjoni. Minflok ma jiġi impost perjodu ta’ żmien riġidu għar-rappreżentanti tal-impjegati biex joħorġu l-opinjoni tagħhom u biex il-maniġment jipprovdi tweġiba motivata, huwa xieraq li jiġi previst il-prinċipju li l-konsultazzjoni għandha ssir fi żmien raġonevoli, filwaqt li jitqies il-grad ta’ urġenza tal-kwistjoni. Dak il-prinċipju jippermetti lill-partijiet iħaffu l-proċess ta’ konsultazzjoni f’sitwazzjonijiet urġenti. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li r-rekwiżit għall-maniġment li jipprovdi tweġiba motivata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni japplika meta r-rappreżentanti tal-impjegati jkunu esprimew l-opinjoni tagħhom fi żmien raġonevoli, fir-rigward taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, bħall-kumplessità jew is-sinifikat tal-kwistjoni, jew l-interessi tal-maniġment fit-teħid ta’ deċiżjoni fil-pront. |
|
(20) |
Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/38/KE dwar ir-rwol u l-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati jiġu emendati biex tiżdied iċ-ċarezza u l-preċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati u tal-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni jew ta’ tkeċċija marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Jenħtieġ li l-membri ta’ korpi speċjali tan-negozjati, il-membri ta’ Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, u r-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, igawdu minn protezzjoni u garanziji simili ekwivalenti għal dawk previsti għar-rappreżentanti tal-impjegati nazzjonali bil-liġi jew il-prattika nazzjonali applikabbli fil-pajjiż tal-impjieg tagħhom. |
|
(21) |
Sabiex jiġi evitat tilwim, jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li t-tmexxija ċentrali ġġarrab l-kostijiet raġonevoli tat-taħriġ u spejjeż relatati tal-membri tal-korp speċjali tan-negozjati u tal-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, li huma neċessarji għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, fejn it-tmexxija ċentrali tkun ġiet informata minn qabel b’dawk il-kostijiet. |
|
(22) |
F’ċerti Stati Membri, id-detenturi tad-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex iressqu azzjoni legali biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jissaħħu l-obbligi tal-Istati Membri li jiżguraw rimedji effettivi u aċċess għall-ġustizzja u s-superviżjoni mill-Kummissjoni tal-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi. Fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet skont dik id-Direttiva, inkluż il-korpi speċjali tan-negozjati u l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-locus standi jew dwar il-forma ta’ rappreżentanza legali, jiggarantixxu aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji u, fejn rilevanti, proċedimenti amministrattivi biex jinfurzaw id-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċedimenti rilevanti għandhom jippermettu infurzar f’waqtu u effettiv. Meta l-Istati Membri jimponu proċeduri obbligatorji ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja preġudizzjarja, huwa importanti li jiġi żgurat li tali rekwiżiti la jipprevjenu lill-partijiet milli jeżerċitaw bis-sħiħ id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja u lanqas ma jagħmluha fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli għalihom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni, fir-rigward ta’ kwalunkwe dewmien, effetti fuq il-limiti ta’ żmien, kostijiet u ostakli potenzjali oħra (6). Għalhekk, jenħtieġ li fid-Direttiva 2009/38/KE jiġi ċċarat li, meta l-Istati Membri jagħmlu l-aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni minn qabel ta’ proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, jenħtieġ li dik il-proċedura ma tippreġudikax jew tillimita d-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jressqu proċedimenti ġudizzjarji. Barra minn hekk, għall-finijiet tas-superviżjoni mill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mod u ċ-ċirkostanzi li fihom id-detenturi tad-drittijiet skont id-Direttiva 2009/38/KE jistgħu jressqu proċedimenti ġudizzjarji u, fejn rilevanti, proċedimenti amministrattivi, fir-rigward tad-drittijiet tagħhom skont dik id-Direttiva. |
|
(23) |
L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 tad-Direttiva 2009/38/KE wriet li l-penali applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali spiss ma jkunux effettivi, dissważivi jew proporzjonati biżżejjed. Għalhekk, jixraq li jiġi stabbilit obbligu f’isem l-Istati Membri li jipprevedi penali effettivi, dissważivi u proporzjonati. Jenħtieġ li jiġu previsti penali finanzjarji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni stipulati fid-Direttiva 2009/38/KE. Jistgħu jiġu previsti wkoll forom oħrajn ta’ penali. Sabiex ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, jenħtieġ li l-penali jiġu ddeterminati filwaqt li jitqiesu l-gravità, id-durata u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità u jekk tali nuqqas ta’ konformità huwiex intenzjonat jew negliġenti. Sabiex il-penali jkunu dissważivi, jenħtieġ li jitqies il-fatturat tal-impriża jew tal-grupp ikkonċernat jew jenħtieġ li l-penali applikabbli jkollhom natura dissważiva simili. |
|
(24) |
Jenħtieġ li l-korpi speċjali tan-negozjati, il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, u, f’isimhom, il-membri tagħhom ikollhom il-mezzi meħtieġa biex ikopru l-kostijiet tar-rappreżentanza legali u l-parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji u, fejn rilevanti, proċedimenti amministrattivi. Tali kostijiet jistgħu jkopru l-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għall-parteċipazzjoni f’tali proċedimenti tal-membri li jaġixxu f’isem il-korp ikkonċernat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jew jipprevedu li t-tmexxija ċentrali ġġarrab il-kostijiet raġonevoli tar-rappreżentanza legali u l-parteċipazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji u, fejn rilevanti, tal-proċedimenti amministrattivi, jew inkella jieħdu miżuri ekwivalenti oħra biex jiżguraw li l-korpi speċjali tan-negozjati u l-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet ma jiġux impediti de facto milli jipparteċipaw fi proċedimenti ġudizzjarji jew, fejn rilevanti, fi proċedimenti amministrattivi, minħabba nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, billi tintalab l-allokazzjoni ta’ baġit operazzjonali xieraq għall-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, l-istabbiliment ta’ fondi ta’ solidarjetà fil-livell nazzjonali, il-proviżjoni ta’ assigurazzjoni li tkopri l-kostijiet legali, l-għoti ta’ aċċess għall-għajnuna legali f’ċerti ċirkostanzi jew dispożizzjonijiet oħra f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali. |
|
(25) |
L-impriżi bi ftehim dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-impjegati konkluż qabel it-23 ta’ Settembru 1996, jiġifieri qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE (7), huma eżentati mill-applikazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/38/KE. Il-korpi tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati stabbiliti skont dawn il-ftehimiet ikunu ġew konklużi u qed ikomplu jiffunzjonaw barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Id-Direttiva 2009/38/KE ma tipprovdix lill-impjegati fl-impriżi eżentati bil-possibbiltà li jitolbu stabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet skont dik id-Direttiva. Madankollu, għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, trattament ugwali u effettività, jenħtieġ li l-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi fuq skala Komunitarja jew fil-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja kollha, fil-prinċipju, ikollhom id-dritt li jitolbu l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Kważi 30 sena wara li qafas leġiżlattiv li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-impjegati ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni, dawk ir-raġunijiet jipprevalu fuq il-kunsiderazzjonijiet ta’ kontinwità għal ftehimiet li kienu jeżistu minn qabel li inizjalment kienu mmotivaw l-eżenzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-eżenzjoni titħassar, mingħajr preġudizzju għall-istatus legali ta’ tali ftehimiet, li jkomplu jiġu rregolati mir-regoli nazzjonali applikabbli. Jenħtieġ li l-bidu u t-tmexxija tan-negozjati għall-istabbiliment tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet f’impriżi b’tali ftehimiet ikunu soġġetti għall-proċedura prevista fid-Direttiva 2009/38/KE, filwaqt li jenħtieġ li l-perjodu li warajh jidħlu fis-seħħ ir-rekwiżiti sussidjarji jitnaqqas minn tliet snin għal sentejn, f’konformità mal-perjodu applikabbli għall-adattament tal-ftehimiet eżistenti tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. |
|
(26) |
Barra minn hekk, għall-istess kunsiderazzjonijiet, jenħtieġ li l-istess rekwiżiti minimi japplikaw għall-impriżi fuq skala Komunitarja kollha mal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet li joperaw skont id-Direttiva 2009/38/KE u dawk li fihom ġie ffirmat jew rivedut ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet bejn il-5 ta’ Ġunju 2009 u l-5 ta’ Ġunju 2011. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni ta’ dawk l-impriżi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/38/KE titħassar ukoll. |
|
(27) |
Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet li joperaw abbażi tar-rekwiżiti sussidjarji stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE għandhom id-dritt li jiltaqgħu mat-tmexxija ċentrali darba fis-sena, biex jiġu informati u kkonsultati dwar il-progress tan-negozju tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja rilevanti u l-prospettivi tagħhom. Sabiex jissaħħu l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali ta’ dawk il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, huwa xieraq li jiżdied l-għadd ta’ dawn il-laqgħat ordinarji fir-rekwiżiti sussidjarji għal żewġ laqgħat bi preżenza fiżika. |
|
(28) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li jsiru ċerti bidliet tekniċi għar-rekwiżiti sussidjarji stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE, biex tiġi żgurata l-konsistenza mat-termini ta’ promulgazzjoni. |
|
(29) |
Għalhekk, jixraq li d-Direttiva 2009/38/KE tiġi emendata biex l-impriżi eliġibbli kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġu ċċarati xi wħud mill-kunċetti ewlenin tagħha, jittejjeb il-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali, u jiġu żgurati rimedju u infurzar effettivi. |
|
(30) |
Skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilitajiet, il-persuni b’diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tax-xogħol u ta’ trade union fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. Peress li l-Unjoni ul-Istati Membri huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni, id-Direttiva 2009/38/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għandhom jiġu interpretati f’konformità ma’ dak il-prinċipju, pereżempju b’rabta mal-aċċessibbiltà u l-akkomodazzjoni raġonevoli għall-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, membri ta’ Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, u rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura ta’ informazzjoni jew konsultazzjoni, kif ukoll it-tiġrib ta’ kostijiet relatati mit-tmexxija ċentrali. |
|
(31) |
Skont id-Direttivi 2014/23/UE (8), 2014/24/UE (9) u 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni. L-integrazzjoni, kif adatt, tal-kriterji tas-sostenibbiltà soċjali fil-kriterji tal-għoti mfassla mill-entitajiet kontraenti għall-identifikazzjoni tal-aktar offerti ekonomikament vantaġġużi tista’ tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti skont din id-Direttiva. Madankollu, din id-Direttiva ma toħloq l-ebda obbligu addizzjonali fir-rigward ta’ dawk id-Direttivi. |
|
(32) |
Meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet stipulati fil-Karta u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta, inkluż id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni fil-livelli kollha, b’mod partikolari fi kwistjonijiet politiċi, tat-trade unions u ċiviċi, li jimplika d-dritt ta’ kull persuna li tifforma trade unions u li tingħaqad magħhom għall-protezzjoni tal-interessi tagħha. |
|
(33) |
Sabiex ir-rappreżentanti tal-impjegati u t-tmexxija ċentrali fl-impriżi fuq skala Komunitarja jew il-gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja jingħataw biżżejjed żmien biex iqisu r-rekwiżiti minimi riveduti u jħejju għall-applikazzjoni tagħhom, jixraq li tiġi ddifferita b’sena l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. |
|
(34) |
Huwa possibbli li l-ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet konklużi skont id-Direttiva 94/45/KE jew 2009/38/KE qabel it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jindirizzawx ir-rekwiżiti għall-kontenut ta’ dawk il-ftehimiet kif emendati b’din id-Direttiva. Għalhekk huwa xieraq li jiġu previsti arranġamenti tranżitorji li jippermettu lill-partijiet għal tali ftehimiet jemendaw il-ftehimiet tagħhom. |
|
(35) |
Minħabba li l-objettiv ġenerali ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iżgurar tal-effettività tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/38/KE fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati ta’ impriżi fuq skala Komunitarja u ta’ gruppi ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, għal raġunijiet tan-natura tranżnazzjonali inerenti u l-iskala ta’ dawk ir-rekwiżiti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2009/38/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fl-Artikolu 2(1), il-punti (f) u (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:
; |
|
(3) |
fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘impriża kontrollanti’ tfisser impriża li tista’ teżerċita influwenza dominanti fuq impriża oħra (‘l-impriża kkontrollata’) bis-saħħa, pereżempju, tal-proprjetà tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja jew ir-regoli u d-deċiżjonijiet li jirregolawha.” |
|
(4) |
L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
|
|
(5) |
L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
fl-Artikolu 7(1), it-tieni inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:
; |
|
(7) |
L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 8 L-għoti ta’ informazzjoni b’mod kunfidenzjali 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, il-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew tar-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, u kwalunkwe espert li jassistihom, ma jkunux awtorizzati jiżvelaw informazzjoni li t-tmexxija ċentrali tkun espliċitament tathom b’mod kunfidenzjali, fl-interess leġittimu tal-impriża, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Istat Membru. Barra minn hekk, it-tmexxija ċentrali tista’ tistabbilixxi arranġamenti xierqa għat-trażmissjoni u l-ħżin li jgħinu sabiex tiġi salvagwardata l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni. 2. Meta t-tmexxija ċentrali tipprovdi informazzjoni b’mod kunfidenzjali skont il-paragrafu 1, għandha tinforma lill-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, lill-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità u għandha tiddetermina d-durata tal-obbligu tal-kunfidenzjalità fejn possibbli. 3. L-obbligu tal-kunfidenzjalità msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkompli japplika, kull fejn ikunu l-persuni msemmija f’dak il-paragrafu, anke wara l-iskadenza tal-mandat tagħhom, sakemm ir-raġunijiet għall-obbligu tal-kunfidenzjalità jkunu saru obsoleti.” |
|
(8) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 8a Nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu, f’każijiet speċifiċi u skont il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li t-tmexxija ċentrali li tinsab fit-territorju tagħhom ma tkunx obbligata tittrażmetti informazzjoni lill-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, lill-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, u lil kwalunkwe espert li jassistihom, meta n-natura ta’ dik l-informazzjoni hija tali li, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Istat Membru, it-trażmissjoni ta’ dik l-informazzjoni tkun tagħmel ħsara serja lill-funzjonament tal-impriżi kkonċernati. Stat Membru jista’ jagħmel dik id-dispensa soġġett għall-awtorizzazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja minn qabel. 2. Meta t-tmexxija ċentrali ma tibgħatx informazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tinforma lill-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, lill-membri tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet, jew lir-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni bir-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni.” |
|
(9) |
L-Artikoli 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 9 Ħidma tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u l-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema 1. It-tmexxija ċentrali u l-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jaħdmu fi spirtu ta’ kooperazzjoni b’kont meħud tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom. L-istess għandu japplika għall-kooperazzjoni bejn it-tmexxija ċentrali, u r-rappreżentanti tal-impjegati fil-qafas ta’ proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. 2. L-informazzjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali għandha tiġi fornita f’dak iż-żmien, b’tali mod u b’tali kontenut li jkunu xierqa biex ir-rappreżentanti tal-impjegati jkunu jistgħu jwettqu valutazzjoni fil-fond tal-impatt possibbli tagħhom u, fejn xieraq, iħejju għal konsultazzjonijiet mal-organu kompetenti tal-impriża fuq skala Komunitarja jew tal-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja. Il-forniment ta’ tali informazzjoni għandha tqis ukoll kwalunkwe arranġament skont l-Artikolu 6(2), il-punt (c). 3. Il-konsultazzjoni għandha ssir f’tali ħin, b’tali mod u b’tali kontenut li tippermetti lir-rappreżentanti tal-impjegati jesprimu l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, abbażi tal-informazzjoni fornita f’konformità mal-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tat-tmexxija, u fi żmien raġonevoli, filwaqt li titqies l-urġenza tal-kwistjoni. Ir-rappreżentanti tal-impjegati għandhom ikunu intitolati għal tweġiba mmotivata bil-miktub mit-tmexxija ċentrali jew kwalunkwe livell ta’ tmexxija aktar xierqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-miżuri inkwistjoni, sakemm ir-rappreżentanti tal-impjegati esprimew l-opinjoni tagħhom fi żmien raġonevoli f’konformità ma’ dan il-paragrafu. Artikolu 10 Rwol u protezzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati 1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ korpi jew organizzazzjonijiet oħrajn f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-impjegati, inkluż il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati u l-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, għandu jkollhom il-mezzi meħtieġa biex japplikaw id-drittijiet ħerġin minn din id-Direttiva, biex jirrappreżentaw kollettivament l-interessi tal-impjegati fl-impriża fuq skala Komunitarja jew fil-grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja. 2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 8a, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandu jkollhom id-dritt u l-mezzi meħtieġa biex jinformaw lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-istabbilimenti jew tal-impriżi ta’ grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja, jew, fin-nuqqas tar-rappreżentanti, lill-forza tax-xogħol bħala korp wieħed, bil-kontenut u bir-riżultat tal-proċedura tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, b’mod partikolari qabel u wara laqgħat mat-tmexxija ċentrali. 3. Il-membri tal-korpi speċjali tan-negozjati, il-membri tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet u r-rappreżentanti tal-impjegati, huma u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(3) għandhom, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, igawdu minn protezzjoni u garanziji simili ekwivalenti għal dawk previsti għar-rappreżentanti tal-impjegati bil-liġi u l-prattika nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż tal-impjieg tagħhom. Dan għandu japplika b’mod partikolari għall-attendenza fil-laqgħat tal-korpi speċjali tan-negozjati jew tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew f’kull laqgħa oħra fil-qafas tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 6(3), għall-ħlas tal-pagi tal-membri li jkunu parti mill-istaff tal-impriża fuq skala Komunitarja jew ta’ grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja għall-perjodu ta’ assenza meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet tagħhom, kif ukoll għall-protezzjoni kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni jew ta’ tkeċċija. Membru ta’ korp speċjali tan-negozjati jew ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jew is-supplenti ta’ tali membru, li huwa membru tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tal-baħar, għandu jkun intitolat li jipparteċipa f’laqgħa tal-korp speċjali tan-negozjati jew tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jew f’kwalunkwe laqgħa oħra taħt kwalunkwe proċedura stabbilita skont l-Artikolu 6(3), meta dak il-membru jew is-supplenti ma jkunx fuq il-baħar jew f’port f’pajjiż ieħor għajr dak fejn hija domiċiljata l-kumpanija tat-tbaħħir, meta sseħħ il-laqgħa. Il-laqgħat għandhom ikunu skedati, meta jkun prattikabbli, biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ membri jew supplenti, li jkunu membri tal-ekwipaġġi ta’ bastimenti tal-baħar. Fejn membru ta’ korp speċjali tan-negozjati jew ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet, jew is-supplenti ta’ tali membru, li huwa membru tal-ekwipaġġ ta’ bastiment tal-baħar, ma jkunx jista’ jattendi laqgħa, għandha titqies il-possibbiltà li jintużaw, fejn jista’ jkun, teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. 4. Sa fejn ikun hemm bżonn għall-eżerċizzju tad-dmirijiet rappreżentattivi tagħhom f’ambjent internazzjonali, il-membri tal-korp speċjali tan-negozjati u tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet għandhom jingħataw taħriġ mingħajr ma jitilfu l-paga. Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 6(2), il-punt (f), il-kostijiet raġonevoli ta’ dan it-taħriġ u spejjeż relatati għandhom jitħallsu mit-tmexxija ċentrali, dment li t-tmexxija ċentrali tkun ġiet informata bihom minn qabel.” |
|
(10) |
L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
|
|
(11) |
L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
|
|
(12) |
L-Artikolu 14 jitħassar; |
|
(13) |
jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin: “Artikolu 14a Dispożizzjonijiet tranżitorji 1. Meta, wara l-1 ta’ Jannar 2028, ftehim ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet konkluż qabel it-2 ta’ Jannar 2029 f’konformità mal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 94/45/KE jew mal-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Direttiva ma jkunx jindirizza, b’konsegwenza tal-emendi li daħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2025, wieħed mill-elementi u rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva jew diversi minnhom, it-tmexxija ċentrali għandha, fuq talba bil-miktub tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta’ mill-inqas 100 impjegat jew ir-rappreżentanti tagħhom f’mill-inqas żewġ impriżi jew stabbilimenti li jinsabu f’mill-inqas żewġ Stati Membri differenti, tibda negozjati biex tadatta dak il-ftehim sabiex jindirizza dak jew dawk l-elementi u r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva. It-tmexxija ċentrali tista’ wkoll tibda b’dawn in-negozjati fuq inizjattiva tagħha stess. Tali negozjati jistgħu jkunu limitati għall-indirizzar fil-ftehim ta’ dawk l-elementi u r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva li ddaħħlu fil-31 ta’ Diċembru 2025. 2. Meta l-ftehim tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet ikun fih arranġamenti proċedurali għall-adattament jew għan-negozjar mill-ġdid tiegħu, l-adattament jista’ jiġi nnegozjat skont dawk l-arranġamenti. Inkella, l-adattament għandu jsegwi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 5, flimkien mal-Artikolu 13, it-tieni u t-tielet paragrafi. 3. Meta proċedura ta’ adattament skont dan l-Artikolu ma twassalx għal ftehim fi żmien sentejn mid-data tat-talba tal-impjegati jew tar-rappreżentanti tagħhom jew mid-data tal-bidu tan-negozjati mill-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew mit-tmexxija ċentrali fuq inizjattiva tiegħu stess, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti sussidjarji stabbiliti fl-Anness I. 4. Dan l-Artikolu ma għandux ikollu l-effett li jeżenta lill-partijiet għal ftehimiet tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet milli jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi applikabbli f’din id-Direttiva. Artikolu 14b Impriżi li qabel kienu eżentati Meta jinbdew negozjati skont l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva sabiex jiġi konkluż ftehim skont din id-Direttiva f’impriża fuq skala Komunitarja jew grupp ta’ impriżi fuq skala Komunitarja li fih ikun ġie konkluż ftehim li jkopri l-forza tax-xogħol kollha u li jipprevedi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tranżnazzjonali tal-impjegati qabel id-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 94/45/KE u jkun għadu fis-seħħ, il-perjodu msemmi fl-Artikolu 7(1), it-tielet inċiż, ta’ din id-Direttiva għandu jitnaqqas għal sentejn. Il-bidu tan-negozjati ma jaffettwax it-termini tal-ftehimiet eżistenti fis-seħħ.” |
|
(14) |
L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta’ Jannar 2028, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-2 ta’ Jannar 2029. Madankollu, huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 1, il-punti (12) u (13), sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 14 u l-Artikolu 14a(1), (2) u (3), mit-2 ta’ Jannar 2028.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodu kif issir dik ir-referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2028 tal-mezzi li bihom il-korpi speċjali tan-negozjar, il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet u r-rappreżentanti tal-impjegati jistgħu, skont l-Artikolu 11(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/38/KE, kif emendata, iressqu proċedimenti ġudizzjarji u, fejn rilevanti, proċedimenti amministrattivi, fir-rigward tad-drittijiet kollha skont dik id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi, Strasburgu, is-26 ta’ Novembru 2025.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) ĠU C, C/2024/4664, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4664/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ottubru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2025.
(3) Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/38/oj).
(4) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2000, Badeck et al, C-158/97, ECLI:EU:C:2000:163.
(5) Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/14/oj).
(6) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2010 fil-kawżi konġunti C-317/08, C-318/08, C-319/08 u C-320/08, Alassini et, ECLI:EU:C:2010:146.
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/45/oj).
(8) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/23/oj).
(9) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/24/oj).
(10) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj).
ANNESS
REKWIŻITI SUSSIDJARJI
L-Anness I tad-Direttiva 2009/38/KE huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
il-punt 1 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
|
(3) |
il-punt 3 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
il-punt 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
|
(5) |
il-punt 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/2450/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)