Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D2417

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2417 tas-27 ta’ Ottubru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri

ST/13197/2025/INIT

ĠU L, 2025/2417, 1.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2417/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2417/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2417

1.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2417

tas-27 ta’ Ottubru 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

(2)

Skont l-Artikoli 13(2) u 14(5) tat-Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, stabbilit skont l-Artikolu 8(1), il-punt (o), ta’ dak il-Ftehim (il-“Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq”), għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet rigward id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq, kif ukoll il-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri.

(3)

L-Artikolu 6 tat Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet dettaljati relatati mar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom il-ksur elenkat fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu mġarrab minn operatur jista’ jwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment, u jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. L-Appendiċi 31-A-1-1 tal-Anness 31 jistabbilixxi wkoll lista tal-aktar seba’ ksur serju. Meta operatur ikun ġarrab penali għal wieħed minn dawn il-każijiet ta’ ksur, l-awtorità kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment għandha twettaq u tlesti proċedura amministrattiva. Il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq għandu jadotta deċiżjoni separata, mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2416 (2), dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba.

(4)

L-Artikoli 13 u 14 tat-Taqsima 1, il-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprovdu li kull Parti għandha tistabbilixxi reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati jinvolvu ruħhom fil-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll twettaq kontrolli individwali fuq l-impriżi u tiskambja informazzjoni dwar ksur serju mwettaq mill-operaturi fil-Parti l-oħra. Id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali, kif ukoll il-modalitajiet tal-iskambju ta’ informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti b’Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq.

(5)

L-Unjoni stabbiliet ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) biex tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 (3). Minħabba li l-Unjoni u r-Renju Unit qablu mal-istess prinċipji bażiċi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll ma’ lista komuni ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba, huwa xieraq u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li tiġi prevista l-konnessjoni teknika tar-Renju Unit mal-ERRU.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, peress li l-att previst se jkun vinkolanti għall-Unjoni.

(7)

Deċiżjoni separata tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2418 (4), se tistabbilixxi l-modalitajiet finanzjarji tal-kontribuzzjoni tar-Renju Unit għall-kostijiet tal-ERRU.

(8)

Sabiex iż-żewġ Partijiet jitħallew jiżviluppaw l-infrastruttura tal-informazzjoni u tat-teknoloġija tagħhom li tippermetti l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat jenħtieġ li tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

(9)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’iseml-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq, stabbilit mill-Artikolu 8(1), il-punt (o), tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq”), dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri, hija stabbilita fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689 tad-29 ta’ April 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/689/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2416 tas-27 ta’ Ottubru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L, 2025/2416, 1.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2416/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010, (ĠU L 87 2.4.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/480/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2418 tas-27 ta’ Ottubru 2025 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit għal ċerti sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport bit-triq ġestiti mill-Unjoni u l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (ĠU L, 2025/2418, 1.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2418/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU …/2025 TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAT-TRASPORT BIT-TRIQ STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MINN NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri

IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦAT-TRASPORT BIT-TRIQ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), u b’mod partikolari l-Artikolu 468(5) u l-Artikoli 13(2) u 14(5) tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedi li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li jwettqu vjaġġi msemmija fl-Artikolu 462 ta’ dak il-Ftehim jeħtieġ li jkollhom liċenzja valida f’konformità mal-Artikolu 463(2) ta’ dak il-Ftehim. L-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 3, il-punt (b) ta’ dak il-Ftehim jipprevedi li operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq irid ikun ta’ reputazzjoni tajba, f’konformità mal-Artikolu 6 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 ta’ dak il-Ftehim.

(2)

L-Artikolu 6 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet dettaljati relatati mar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. B’mod partikolari, il-paragrafi 2 u 3 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom il-ksur magħmul minn operatur jista’ jwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtoritajiet kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment, u jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. L-Appendiċi 31-A-1-1 jistabbilixxi wkoll lista tal-aktar seba’ ksur serju li jrid iwassal għal proċedura amministrattiva mill-awtorità kompetenti fil-Parti tal-istabbiliment. Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (2) lestiet il-lista ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba.

(3)

L-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikoli 13 u 14 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni jipprevedu wkoll li l-Partijiet għandhom jistabbilixxu reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati jinvolvu ruħhom fil-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll iwettqu kontrolli individwali fuq l-impriżi u jiskambjaw informazzjoni dwar ksur serju mwettaq mill-operaturi fil-Parti l-oħra. Id-data li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali, kif ukoll il-modalitajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq.

(4)

L-Unjoni stabbiliet ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU, European Registers of Road Transport Undertakings) biex tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 (3). Minħabba li l-Unjoni u r-Renju Unit qablu mal-istess prinċipji bażiċi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq kif ukoll ma’ lista komuni ta’ ksur, huwa xieraq u effiċjenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li tiġi prevista l-konnessjoni teknika tar-Renju Unit mal-ERRU.

(5)

Ir-Renju Unit ikkontribwixxa għall-kostijiet tal-iżvilupp tal-ERRU bħala Stat Membru tal-Unjoni. Ir-Renju Unit jenħtieġ li jikkontribwixxi annwalment għall-kostijiet operazzjonali u tal-manutenzjoni tal-ERRU.

(6)

Sabiex iż-żewġ Partijiet ikunu jistgħu jiżviluppaw l-infrastruttura tal-informazzjoni u t-teknoloġija tagħhom li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Objettiv

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi d-data minima li għandha tkun inkluża fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’ informazzjoni ta’ din id-data bejn il-Partijiet.

Artikolu 2

Data li tinsab fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għal din id-data

1.   Ir-reġistri elettroniċi nazzjonali msemmija fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 13(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandu jkun fihom mill-anqas id-data li ġejja:

(a)

l-isem u l-forma legali tal-impriża tat-trasport bit-triq;

(b)

l-indirizz tal-istabbiliment tagħha;

(c)

l-ismijiet tal-maniġers tat-trasport iddeżinjati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni relatati ma’ reputazzjoni tajba u kompetenza professjonali jew, kif xieraq, l-isem ta’ rappreżentant legali;

(d)

it-tip ta’ awtorizzazzjoni, l-għadd ta’ vetturi li tkopri u, fejn xieraq, in-numru tas-serje tal-liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u tal-kopji veri ċċertifikati;

(e)

l-għadd, il-kategorija u t-tip ta’ ksur serju, kif imsemmi fl-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(2) tal-FKK, li rriżulta f’kundanna jew piena matul l-aħħar sentejn;

(f)

l-isem ta’ kwalunkwe persuna ddikjarata inkompetenti biex tmexxi l-attivitajiet ta’ trasport ta’ impriża, sakemm ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni applikabbli;

(g)

in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għad-dispożizzjoni tal-impriżi skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 5(f) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni; u

(h)

il-medda tal-klassifikazzjoni tar-riskju tal-impriża skont il-liġi u/jew il-proċeduri applikabbli f’kull Parti.

2.   Id-data msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali applikabbli f’kull Parti.

L-awtoritajiet kompetenti f’kull Parti jistgħu jagħżlu li jżommu d-data msemmija fil-punti (e) sa (h) tal-paragrafu 1 f’reġistri separati. F’każijiet bħal dawn, id-data imsemmija fil-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli fuq talba jew għandha tkun direttament aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Partit ikkonċernat. L-informazzjoni mitluba għandha tkun ipprovduta fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba.

Id-data msemmija fil-punti (g) u (h) tal-paragrafu 1 għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti matul il-kontrolli f’ġenb it-triq.

Id-data msemmija fil-punti (e) sa (h) tal-paragrafu 1 għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kompetenti meta dawk l-awtoritajiet ikunu debitament ingħataw is-setgħat relatati mas-superviżjoni u mal-impożizzjoni ta’ pieni fis-settur tat-trasport bit-triq u l-uffiċjali tagħhom ikunu ħadu ġurament ta’ segretezza jew ikunu b’xi mod ieħor taħt obbligu formali ta’ segretezza.

3.   Data li tikkonċerna impriża li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet sospiża jew irtirata għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali għal sentejn mill-iskadenza tas-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenza, u mbagħad għandha titneħħa minnufih.

Data li tikkonċerna kwalunkwe persuna ddikjarata inkompetenti għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali sakemm ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid skont l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 6(4) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Meta tittieħed tali miżura ta’ riabilitazzjoni jew kwalunkwe miżura li jkollha effett ekwivalenti, id-data għandha titneħħa immedjatament.

Id-data li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandha tispeċifika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet jew id-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza, skont il-każ, u t-tul ta’ żmien korrispondenti.

4.   Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u tkun akkurata.

Artikolu 3

Rekwiżiti minimi għad-data li trid tiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq

1.   Ir-rekwiżiti minimi għad-data li għandha tiddaħħal fir-reġistri elettroniċi nazzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti f’kull Parti f’konformità mal-Artikolu 13 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/992/UE (4) u fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 (5), kif adattat mill-paragrafi li ġejjin.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw l-adattamenti li ġejjin għall-Anness tad-Deċiżjoni 2009/992/UE:

(a)

Ir-referenza għal “Stat Membru” hija sostitwita b’“Pajjiż” (6).

(b)

Ir-referenzi għal “liċenzja Komunitarja”, kull fejn iseħħu, huma sostitwiti b’“liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”.

(c)

Fil-każ tar-Renju Unit, l-oqsma li ġejjin ma humiex meħtieġa: “Għadd ta’ persuni impjegati”, u “Klassifikazzjoni tar-riskju”.

(d)

“L-Artikolu 16(2), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” huwa sostitwit b’ “il-punt (c) tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).

(*)

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri (ĠU UE L, …, ELI: …).”.

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-oġġett tad-data“Pajjiż tar-Reġistrazzjoni tal-Vettura” msemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 għandu, fil-każ tar-Renju Unit, jiġi stabbilit awtomatikament għal “Renju Unit”.

Artikolu 4

Modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(3) u (4) tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni

1.   Ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jużaw ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU), stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/480 għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 14 tat-Taqsima 1 tal-Parti A tal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

2.   Ir-Renju Unit għandu jwettaq l-interkonnessjoni tar-reġistru elettroniku nazzjonali tiegħu mal-ERRU f’konformità mal-proċeduri u r-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/480 kif adattat mill-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Kull Parti għandha tiżgura li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jitwettaq biss għall-fini tal-verifika tal-konformità mat-Titolu I tal-Intestatura Tlieta tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni u mal-Anness 31 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.

4.   Ir-Renju Unit u kull Stat Membru tal-Unjoni għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt tal-ERRU responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni tal-Parti l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Adattamenti għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ERRU

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw l-adattamenti li ġejjin għar-Regolament (UE) 2016/480:

1.

Ir-referenzi għal “Stat Membru”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Pajjiż” (7) u r-referenzi għal “Stati Membri”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Pajjiżi (8)”.

2.

Referenzi għal “dan ir-Regolament”, kull fejn iseħħu, “Annessi I sa VII ta’ dan ir-Regolament” u “Anness VIII ta’ dan ir-Regolament” għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).

(*)

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri (ĠU UE L, …, ELI: …).”.

3.

Ir-referenzi għal “liċenzja Komunitarja”, kull fejn iseħħu, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal “liċenzja msemmija fl-Artikolu 463(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”.

4.

Fl-Artikoli 1 sa 3 “l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” u “l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009”, huma sostitwiti b’“id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).

(*)

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u l-modalitajiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tinsab f’dawk ir-reġistri (ĠU UE L, …, ELI: …).”.

5.

Fl-Artikolu 2, “l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”.

6.

Fl-Artikolu 2, il-punt (e), “l-Artikolu 8(8) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Artikolu 465(1) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”.

7.

L-Artikoli 6 u 7 ma għandhomx ikunu applikabbli għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

8.

Fil-punt 1.3 tal-Anness II,

(a)

“Klassifikazzjoni tar-riskju u medda tal-klassifikazzjoni tar-riskju” hija sostitwita b’“medda tal-klassifikazzjoni tar-riskju”.

(b)

Ir-referenza għal “għadd ta’ impjegati” għandha titneħħa.

9.

Fl-Appendiċi tal-Anness III,

(a)

L-oqsma li ġejjin ma għandhomx ikunu inklużi f’messaġġ ta’ Tweġiba tal-Kontroll tad-Data tal-Impriża tat-Trasport: “Għadd ta’ Persuni Impjegati”, “Klassifikazzjoni tar-Riskju”.

(b)

“L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403”, hija sostitwita b’“L-Appendiċi 31-A-1-1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra u l-Anness tad-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).

(*)

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L, …, ELI: …).”.

10.

Fl-Anness VIII, it-Taqsima 1, “l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Anness 31, il-Parti A, it-Taqsima 1, l-Artikolu 12(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra”.

11.

Fl-Anness VIII, it-Taqsima 2.1, “id-Direttiva 2006/22/KE jew fir-Regolament (KE) Nru 1071/2009” hija sostitwita b’“l-Appendiċi 31-A-1-1 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra u l-Anness tad-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (*).

(*)

Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L, …, ELI: …).”.

Artikolu 6

Ammont u modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit

Ir-Renju Unit għandu jikkontribwixxi annwalment għall-kostijiet operazzjonali u tal-manutenzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ERRU, Internal Market Information System) fil-qafas stabbilit fid-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (9).

Artikolu 7

Sospensjoni tal-konnessjoni tar-Renju Unit mal-ERRU

L-Unjoni tista’ tissospendi l-aċċess tar-Renju Unit għall-ERRU jekk ir-Renju Unit ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-adozzjoni tagħha.

Din għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Speċjalizzat

għat-Trasport bit-Triq

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 149, 30.04.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ …dwar lista tal-kategoriji, it-tipi u l-gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju li jista’ jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba għal operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU UE L, …, ELI: …).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010, (ĠU UE L 87, 2.4.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/480/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar ir-rekwiżiti minimi għad-data li trid tiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9959), (ĠU UE L 339, 22.12.2009, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/992/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2164 tal-11 ta’ Lulju 2024 dwar ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw id-data li għandha tiddaħħal fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq (notifikata bid-dokument C(2024) 4665) (ĠU UE L, 2024/2164, 20.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2164/oj).

(6)  Pajjiż jirreferi għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

(7)  Pajjiż tirreferi għal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

(8)  Pajjiżi tirreferi kemm għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

(9)  Id-Deċiżjoni Nru …/2025 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq stabbilit mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, ta’ … dwar l-ammont u l-modalitajiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Renju Unit għal ċerti sistemi ta’ informazzjoni dwar it-trasport bit-triq ġestiti mill-Unjoni u l-emendar tad-Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Speċjalizzat għat-Trasport bit-Triq (ĠU UE L, …, ELI: …).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2417/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top