This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025D1114
Decision (EU) 2025/1114 of the European Central Bank of 20 May 2025 on the delegation of the power to take certain decisions on the publication of sanctions for failure to hold minimum reserves (ECB/2025/16)
Deċiżjoni (UE) 2025/1114 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2025 dwar id-delega tas-setgħa li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi (BĊE/2025/16)
Deċiżjoni (UE) 2025/1114 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2025 dwar id-delega tas-setgħa li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi (BĊE/2025/16)
ECB/2025/16
ĠU L, 2025/1114, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1114/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1114 |
28.5.2025 |
DEĊIŻJONI (UE) 2025/1114 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-20 ta’ Mejju 2025
dwar id-delega tas-setgħa li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi (BĊE/2025/16)
Il-BORD eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 19.1 u 34.3 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta’ Settembru 1999, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu (9)1 u l-Artikolu 11 tiegħu,
Filwaqt li:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 (3), fejn istituzzjoni tonqos milli żżomm fl-intier jew parti minnhom ir-riżervi minimi imposti bi qbil ma’ dan ir-Regolament u mar-regolamenti jew deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-BĊE jista’ jimponi sanzjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4), il-BĊE huwa meħtieġ jippubblika deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE fuq is-sit web uffiċjali tiegħu mingħajr dewmien żejjed, ladarba d-deċiżjoni tkun saret finali. Il-pubblikazzjoni hija meħtieġa sakemm il-Bord Eżekuttiv ma jiddeterminax li tali pubblikazzjoni: (a) tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew tas-sistema finanzjarja jew ta’ investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja; (b) tikkawżaw, sa fejn ikun jista’ jiġi ddeterminat, dannu sproporzjonat lill-impriża kkonċernata; jew (c) tirriżulta fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li tpoġġi f’riskju l-interessi pubbliċi leġittimi fis-sigurtà, bħas-sigurtà u l-protezzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro jew il-ġestjoni sigura tar-riskji ċibernetiċi jew operazzjonali għal sistemi ta’ pagament sistemikament importanti. Jekk tapplika waħda jew aktar minn dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet jiġu ppubblikati fuq bażi anonimizzata jew il-pubblikazzjoni tista’ tiġi posposta. Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (c), il-BĊE jista’ jagħżel li ma jippubblikax deċiżjoni li timponi sanzjoni. |
|
(3) |
Kif speċifikat fl-Artikolu 11(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4), qabel ma tkun imposta xi sanzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi, il-Bord Eżekuttiv jew, f’ismu, il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti għandu jinnotifika lill-impriża interessata dwar l-allegat nuqqas u s-sanzjoni korrispondenti. Kif tirċievi n-notifika, l-impriża interessata għandha l-possibbiltà li tippreżenta kull tagħrif, spjegazzjonijiet jew oġġezzjonijiet miktuba li jistgħu jitqiesu rilevanti għal deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi imposta s-sanzjoni jew le. Dan jinkludi l-possibbiltà li jitqajmu oġġezzjonijiet kontra l-pubblikazzjoni tas-sanzjoni fuq il-bażi li tapplika waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4). F’każ bħal dan, jekk il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti jkun qed jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv, huwa għandu mingħajr dewmien żejjed jgħaddi l-fajl lill-Bord Eżekuttiv, li mbagħad għandu jiddeċiedi jekk tapplikax tali eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni. |
|
(4) |
Il-Bord Eżekuttiv huwa meħtieġ jadotta għadd sostanzjali ta’ deċiżjonijiet kull sena dwar jekk tapplikax eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija neċessarja delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet d-delega bħala neċessarja u xierqa biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta’ deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. B’mod simili, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li korpi li jieħdu deċiżjonijiet ikunu kapaċi jiffunzjonaw bħala prinċipju inerenti tas-sistemi istituzzjonali kollha. |
|
(5) |
Tali deċiżjonijiet jeħtieġ li jiġu delegati lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat Ġenerali tas-Servizzi Legali, u lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat Ġenerali tal-Operazzjonijiet tas-Suq, filwaqt li jaġixxi b’mod konġunt. |
|
(6) |
Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b’mod ċar. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega stabbilita f’din id-Deċiżjoni għandu jkun limitat għas-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi li ma jiddevjawx mir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4), li skontha d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE għandhom jiġu ppubblikati. Id-deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet fejn ikun hemm elementi ġodda jew fejn tapplika eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega u għandhom jibqgħu f’idejn il-Bord Eżekuttiv. |
|
(7) |
Sabiex jiġi ssalvagwardjat il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv bħala d-delegatur, id-deċiżjonijiet meħuda mill-membri tal-Bord Eżekuttiv li lilhom tingħata d-delega għandhom jiġu rrapportati kull sena lill-Bord Eżekuttiv, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Delega tas-setgħa li jittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi
Il-Bord Eżekuttiv jiddelega lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Legali jirrapporta u lill-membru tal-Bord Eżekuttiv li lilu jirrapporta d-Direttorat Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq, is-setgħa li b’mod konġunt jieħu, f’konformità mal-Artikolu 2, ċerti deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi imposti skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2531/98.
Artikolu 2
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati
Id-deċiżjonijiet biex jiġu ppubblikati sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi għandhom jiġu adottati skont id-delega tas-setgħat stabbilita fl-Artikolu 1 meta jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:
|
(a) |
l-impriża interessata tkun oġġezzjonat għall-pubblikazzjoni ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi, iżda mhux għas-sanzjoni nnifisha; |
|
(b) |
l-oġġezzjonijiet għall-pubblikazzjoni mqajma mill-impriża interessata u l-valutazzjoni teknika u legali tal-BĊE ta’ dawn l-oġġezzjonijiet huma simili għal dawk li huma l-bażi ta’ deċiżjonijiet preċedenti dwar il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi li ttieħdu mill-Bord Eżekuttiv; |
|
(c) |
il-valutazzjoni teknika u legali msemmija fil-punt (b) li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni hija li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) ma tapplika u li s-sanzjoni għandha tiġi ppubblikata; |
|
(d) |
il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti li, filwaqt li jaġixxi f’isem il-Bord Eżekuttiv, ikun innotifika lill-impriża interessata dwar l-allegat nuqqas ta’ żamma ta’ riżervi minimi u tas-sanzjoni korrispondenti, jaqbel mal-valutazzjoni msemmija fil-punt (c). |
Artikolu 3
Obbligu ta’ rapportar
Il-membri tal-Bord Eżekuttiv li lilhom id-Direttorat Ġenerali tas-Servizzi Legali u d-Direttorat Ġenerali għall-Operazzjonijiet tas-Suq għandhom jirrapportaw b’mod konġunt lill-Bord Eżekuttiv fuq bażi annwali dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 1 matul is-sena kalendarja preċedenti.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta’ Mejju 2025.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2532/oj.
(2) ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/2157/oj.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni ta’ riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2531/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1114/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)