Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D0087

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/87 tat-13 ta’ Jannar 2025 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Ġermanja (notifikata bid-dokument C(2025) 206)

C/2025/206

ĠU L, 2025/87, 14.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/87/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/01/2025; Imħassar b' 32025D0186

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/87/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/87

14.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/87

tat-13 ta’ Jannar 2025

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2025) 206)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (il-“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija marda virali infettiva li taffettwa lill-mammiferi tal-ordni Artiodactyla u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u tikkawża tfixkil għall-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer f’mammiferi tal-ordni Artiodactyla, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra li jżommu annimali suxxettibbli.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-marda tal-ilsien u d-dwiefer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fi stabbiliment li jżomm bufli tal-ilma Asjatiċi fl-istat ta’ Brandenburg fl-istat federali tal-Ġermanja, ikkonfermata fl-10 ta’ Jannar 2025, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri għall-kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat biex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(5)

Biex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, li tinkludi iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Bradenburg fil-Ġermanja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(6)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fi Bradenburg fil-Ġermanja jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(7)

Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u d-durata tal-miżuri li japplikaw kienu bbażati fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali fil-Ġermanja fir-rigward ta’ dik il-marda, kif ukoll il-livell tar-riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH).

(8)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta mis-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-Ġermanja fir-rigward tat-tixrid tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbiliment affettwat fil-Ġermanja lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jixraq li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fil-Ġermanja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih, jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(10)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li:

(a)

żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, jiġu applikati għall-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-11 ta’ Frar 2025.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Ġermanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Brandenburg

DE-FMD-2025-00001

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of the region of the state of Brandenburg, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 52.558301, Long. 13.630104

11.2.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the region of the state of Brandenburg, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on ETRS89 coordinates Lat. 52.558301, Long. 13.630104, excluding the areas contained in the protection zone

11.2.2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/87/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top