Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1740

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1740 tal-21 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-modalitajiet għall-konsumaturi u partijiet interessati oħra biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati

    C/2024/4203

    ĠU L, 2024/1740, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1740/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1740/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1740

    24.6.2024

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1740

    tal-21 ta’ Ġunju 2024

    li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-modalitajiet għall-konsumaturi u partijiet interessati oħra biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2023/988 jipprevedi l-possibbiltà li l-konsumaturi u partijiet interessati oħra jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi permezz ta’ taqsima separata tal-Portal Safety Gate.

    (2)

    Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ informazzjoni li għandu jiġi speċifikat mill-Kummissjoni jikkonsisti fil-modalitajiet biex tintbagħat l-informazzjoni mill-konsumaturi, kif ukoll il-modalitajiet għat-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati. Dan il-mekkaniżmu se jeżisti flimkien ma’ mekkaniżmi fil-livell nazzjonali li jippermettu lill-konsumaturi u lil partijiet interessati oħra jressqu lmenti lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari dwar is-sikurezza tal-prodotti, kif stabbilit fl-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2023/988. Jenħtieġ li dawn il-mekkaniżmi kollha jiffaċilitaw it-trażmissjoni tal-informazzjoni mill-konsumaturi u mill-partijiet interessati oħra lill-awtoritajiet u jgħinu lill-awtoritajiet jidentifikaw kwistjonijiet potenzjali ta’ sikurezza tal-prodotti.

    (3)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal il-Portal Safety Gate b’mod li tevita jew tnaqqas l-użu ħażin jew it-theddid għas-sigurtà teknika tiegħu. Il-konsumaturi u partijiet interessati oħra jenħtieġ li jużaw din is-sistema biex jidentifikaw lilhom infushom meta jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u meta jikkonsultaw l-istatus tal-ilmenti tagħhom.

    (4)

    Il-konsumaturi u partijiet interessati oħra jistgħu jibagħtu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi anki jekk ma jkunux xtraw il-prodott ikkonċernat iżda pereżempju sempliċiment użaw dak il-prodott mingħajr ma kienu s-sidien tiegħu jew ingħataw b’donazzjoni il-prodott ikkonċernat. F’dawk ix-xenarji, il-konsumatur jew parti interessata oħra li jirrapportaw din l-informazzjoni jaf ma jkunux jistgħu jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-prodott jew il-katina tal-provvista tiegħu.

    (5)

    L-informazzjoni mressqa mill-konsumaturi u partijiet interessati oħra permezz tal-Portal Safety Gate jenħtieġ li tkun kompluta kemm jista’ jkun sabiex l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jkunu jistgħu jsegwu dik l-informazzjoni b’mod effettiv. Jenħtieġ li l-informazzjoni pprovduta tippermetti l-identifikazzjoni tal-prodott u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli għall-konsumaturi jew għal partijiet interessati oħra, il-katina tal-provvista tiegħu. B’mod partikolari, dan jinkludi l-operatur ekonomiku jew il-fornitur ta’ post tas-suq online li permezz tiegħu jkunu xtraw il-prodott u, meta jkun differenti, il-persuna responsabbli għall-prodott, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/988 jew l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-identifikazzjoni pprovduta jenħtieġ li tinkludi wkoll ir-riskji possibbli għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi. Sabiex ikun jista’ jsir segwitu xieraq għall-informazzjoni mibgħuta, jenħtieġ li l-konsumatur jew parti interessata oħra jindikaw f’liema Stat Membru għandhom ir-residenza tagħhom jew f’liema Stat Membru ikunu jinsabu, jekk dan tal-aħħar ikun aktar konvenjenti għall-konsumatur jew għal parti interessata oħra sabiex ikun jista’ jsir segwitu, pereżempju fir-rigward tal-lingwa għall-komunikazzjoni, fejn applikabbli.

    (6)

    Sabiex tivverifika l-eżattezza u r-rilevanza tal-informazzjoni mibgħuta mill-konsumaturi u minn partijiet interessati oħra dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal it-taqsima speċifika tal-Portal Safety Gate fejn tiġi mressqa l-informazzjoni b’mod li jippermetti iffiltrar preliminari. Jenħtieġ li dan l-iffiltrar jiżgura li tinżamm biss informazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti, u mhux, pereżempju, informazzjoni marbuta mal-funzjonament ħażin tal-prodotti, mingħajr ebda tħassib dwar is-sikurezza. Jenħtieġ li dan l-iffiltrar ikun awtomatizzat, biex jiġi żgurat li l-verifika tkun tista’ ssir malajr, u b’hekk il-każijiet li jqajmu kwistjonijiet ta’ sikurezza jkunu jistgħu jintbagħtu minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. Jenħtieġ li din is-sistema tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jindirizzaw b’mod effiċjenti l-prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

    (7)

    Ladarba titwettaq din il-filtrazzjoni awtomatizzata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibgħat l-informazzjoni lill-Istati Membri rilevanti, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni fis-sistema. Biex jiġi żgurat segwitu xieraq mill-Istati Membri rilevanti, jenħtieġ li l-informazzjoni tintbagħat lil dawk l-Istati Membri fejn ikollu r-residenza jew jinsab il-konsumatur jew il-parti interessata l-oħra li tkun ressqet din l-informazzjoni u, fejn applikabbli, lill-Istat Membru fejn ikun inxtara l-prodott, kif ukoll lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna responsabbli għall-prodott, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 jew l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/988 jew il-fornitur rilevanti ta’ post tas-suq online. Jenħtieġ li s-sistema tkun iddisinjata b’tali mod li jiġu trażmessi lil dawk l-Istati Membri, każijiet fejn prodott joħloq riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, bl-objettiv li jiġi żgurat is-segwitu xieraq. Dan il-mod kif tintbagħat informazzjoni lill-Istati Membri rilevanti jaqbel mal-prattika attwali skont is-sistema Safety Business Gateway, li permezz tagħha, n-negozji jinfurmaw lill-awtoritajiet dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-prodotti. Jenħtieġ li l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni lill-Istati Membri rilevanti ma twaqqafx lil Stati Membri oħra milli jkollhom aċċess u segwitu għal dik l-informazzjoni wkoll.

    (8)

    Id-data personali pprovduta mill-konsumaturi jew minn partijiet interessati oħra jenħtieġ li tiġi pproċessata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (3) u (UE) 2018/1725 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif applikabbli. Meta l-konsumaturi jirrapportaw prodott fuq il-Portal Safety Gate, dik id-data personali li tkun meħtieġa biex jiġi rrapportat il-prodott perikoluż biss jenħtieġ li tinħażen b’mod proporzjonat u għal perjodu massimu ta’ ħames snin wara li tiddaħħal.

    (9)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fis-26 ta’ Marzu 2024.

    (10)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-istess data tar-Regolament (UE) 2023/988.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti stabbilit skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2023/988,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Informazzjoni li għandha titressaq mill-konsumaturi u partijiet interessati oħra

    1.   Il-Kummissjoni għandha tfassal il-Portal Safety Gate biex tippermetti lill-konsumaturi u lil partijiet interessati oħra jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    elementi li jidentifikaw il-prodott li jista’ jkun ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi;

    (b)

    kwalunkwe data disponibbli dwar il-katina tal-provvista tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari l-operatur ekonomiku jew il-fornitur ta’ post tas-suq online li permezz tiegħu jkunu xtraw il-prodott u l-pajjiż tal-istabbiliment ta’ dan l-operatur ekonomiku jew il-fornitur ta’ post tas-suq online, u l-persuna responsabbli għall-prodott, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 jew l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/988, fejn applikabbli;

    (c)

    elementi li jappoġġaw ir-riskju suspettat għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi kkawżat mill-prodott, inkluż, fejn rilevanti d-deskrizzjoni u ċ-ċirkostanzi tal-inċident u d-deskrizzjoni tal-korrimenti jew ħsara oħra li jkunu seħħew;

    (d)

    l-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jew l-Istat Membru li jkunu jinsabu fih;

    (e)

    l-isem u dettalji ta’ kuntatt tagħhom;

    (f)

    kwalunkwe informazzjoni dwar kuntatti diretti li l-konsumatur jew parti interessata oħra kellhom mal-operatur ekonomiku rilevanti jew mal-fornitur ta’ suq online.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal il-Portal Safety Gate b’mod li jevita jew inaqqas użu ħażin jew theddid possibbli għas-sigurtà teknika tiegħu.

    Artikolu 2

    Verifika tal-preċiżjoni u r-rilevanza tal-informazzjoni mressqa

    Il-Kummissjoni għandha tfassal taqsima ddedikata tal-Portal Safety Gate b’tali mod li tiżgura li, wara li tirċievi l-informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 1(1) permezz tal-Portal Safety Gate, dik l-informazzjoni tiġi ffiltrata mill-Portal b’mod awtomatizzat biex jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur jew minn parti interessata oħra tikkonċernax kwistjoni ta’ sikurezza tal-prodott.

    Artikolu 3

    Trażmissjoni tal-informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri rilevanti

    1.   Jekk mill-verifika mwettqa skont l-Artikolu 2 jidher li l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur jew minn parti interessata oħra tikkonċerna kwistjoni ta’ sikurezza tal-prodott, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien żejjed tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri li ġejjin:

    (a)

    meta l-konsumatur jew il-parti interessata l-oħra li tkun ressqet din l-informazzjoni tkun residenti jew tinsab, kif applikabbli;

    (b)

    fejn inxtara l-prodott, fejn applikabbli;

    (c)

    meta l-persuna responsabbli għall-prodott, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 jew l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/988 jew fejn ikun stabbilit il-fornitur rilevanti ta’ post tas-suq online, fejn applikabbli.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-konsumatur jew lil parti interessata oħra bl-azzjoni tagħha, u fejn applikabbli, lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri li lilhom tkun bagħtet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal il-Portal Safety Gate biex tiżgura li l-Istati Membri l-oħra kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni mressqa mill-konsumatur jew mill-parti interessata fil-mument li l-informazzjoni tiġi trażmessa lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri rilevanti f’konformità mal-paragrafu 1.

    Artikolu 4

    Żamma tad- data

    Id-data personali pprovduta mill-konsumatur u minn parti interessata oħra għandha tinħażen fil-Portal Safety Gate u fis-sistemi nazzjonali biss sakemm ikun meħtieġ biex jiġi żgurat segwitu xieraq tal-każijiet. Fi kwalunkwe każ, din id-data għandha tinħażen għal massimu ta’ ħames snin wara li tiddaħħal.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/988/oj.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1020/oj).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj)

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

    (5)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ( ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1740/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top