Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1717

    Regolament (UE) 2024/1717 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera

    PE/40/2024/REV/1

    ĠU L, 2024/1717, 20.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1717

    20.6.2024

    REGOLAMENT (UE) 2024/1717 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Ġunju 2024

    li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (e), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni tinkludi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jkun ħieles minn kontrolli fuq il-fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.

    (2)

    Il-ħolqien ta’ spazju li fih ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni bejn il-fruntieri interni huwa waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni. Huwa importanti li l-funzjonament normali u t-tisħiħ ta’ spazju bħal dan, li huwa bbażat fuq il-fiduċja u s-solidarjetà, ikunu objettiv komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jkunu qablu li jieħdu sehem fih. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tkun eċċezzjonali u tintuża biss bħala l-aħħar rimedju, fejn xieraq u soġġetta għal konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (4) jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni lejn u miż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni (“iż-Żona Schengen”), kif ukoll bejn l-Istati Membri li jipparteċipaw fiż-Żona Schengen.

    (4)

    F’dawn l-aħħar snin, iż-żona Schengen kienet soġġetta għal sfidi mingħajr preċedent, li min-natura tagħhom ma kinux limitati għat-territorju ta’ xi Stat Membru wieħed. Tali sfidi enfasizzaw il-fatt li l-preservazzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà fiż-żona Schengen hija responsabbiltà kondiviża li teħtieġ azzjoni magħquda u kkoordinata bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni. Dawn l-isfidi enfasizzaw ukoll il-lakuni fir-regoli eżistenti li jirregolaw il-funzjonament taż-żona Schengen fil-fruntieri kemm esterni kif ukoll interni u l-ħtieġa li jinħoloq qafas aktar b’saħħtu u aktar robust li jippermetti rispons aktar effettiv għall-isfidi li qed tiffaċċja ż-żona Schengen sabiex jissaħħu l-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda kontrolli fuq il-persuni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni filwaqt li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu rispons effettiv għall-isfidi li jiffaċċjaw.

    (5)

    Il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jitwettqu, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni u tal-Unjoni kollha kemm hi. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw standards għoljin fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħhom, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-gwardji tal-fruntiera, il-pulizija, id-dwana u awtoritajiet rilevanti oħrajn. L-Unjoni tipprovdi appoġġ attiv permezz tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoniu l-ġestjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 (5). Ir-regoli applikabbli għall-fruntieri esterni jeħtieġ li jissaħħu sabiex ikun hemm rispons aħjar għall-isfidi ġodda li tfaċċaw reċentement fil-fruntieri esterni.

    (6)

    Il-ġestjoni Ewropea integrata tal-fruntieri hija bbażata fuq il-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli, stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Il-kontroll fuq il-fruntieri, inklużi l-miżuri li jiffaċilitaw il-qsim leġittimu tal-fruntieri, jifforma parti ewlenija mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Sabiex jipprevjenu u jidentifikaw il-kriminalità transfruntiera fuq il-fruntieri esterni, b’mod partikolari l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin, u t-terroriżmu, jenħtieġ li l-Istati Membri flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/1896, jimplimentaw ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, abbażi tal-mudell ta’ kontroll tal-aċċess fuq erba’ livelli.

    (7)

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li t-theddid għas-saħħa pubblika jista’ jirrikjedi regoli uniformi dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-adozzjoni ta’ miżuri inkonsistenti u diverġenti fil-fruntieri esterni biex jiġi indirizzat tali theddid taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament taż-żona Schengen kollha, tnaqqas il-prevedibbiltà għal vjaġġaturi minn pajjiżi terzi u l-kuntatti bejn il-persuni minn pajjiżi terzi. Sabiex iż-żona Schengen titħejja għall-isfidi futuri ta’ skala komparabbli mal-pandemija tal-Covid-19, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid li jippermetti l-adozzjoni u t-tneħħija f’waqthom ta’ miżuri kkoordinati fil-livell tal-Unjoni. Il-mekkaniżmu l-ġdid fil-fruntiera esterna jenħtieġ li jiġi applikat fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira b’theddida transfruntiera serja għas-saħħa, rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-livell tal-Unjoni mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), b’kont meħud tal-informazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (8)

    F’każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira, jenħtieġ li l-mekkaniżmu jipprevedi l-adozzjoni ta’ regolament ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar, inklużi restrizzjonijiet fuq id-dħul u restrizzjonijiet minimi temporanji relatati mas-saħħa, u l-kundizzjonijiet għat-tneħħija tagħhom. Fid-dawl tan-natura politikament sensittiva ta’ tali restrizzjonijiet li jikkonċernaw id-dritt ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex jadotta tali Regolament ta’ implementazzjoni (ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (9)

    B’mod importanti, f’konformità mal-obbligi applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni u dak internazzjonali, iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu minn drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom, jenħtieġ li dejjem jitħallew jidħlu fl-Unjoni. Ir-residenti fl-Unjoni jenħtieġ li dejjem jitħallew jirritornaw lejn l-Unjoni, u b’mod partikolari lejn l-Istat Membru li fih jirrisjedu legalment. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jistabbilixxi restrizzjonijiet minimi temporanji relatati mas-saħħa li dawk il-persuni jistgħu jkunu soġġetti għalihom. Fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Irlanda, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu, fuq bażi reċiproka, lil dawk ir-residenti jirritornaw lejn l-Irlanda billi jgħaddu mit-territorju tal-Istati Membri. L-Irlanda hija mistiedna tallinja l-politika nazzjonali tagħha mar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jkun fih l-elementi kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ikunu effettivi, immirati, mhux diskriminatorji u proporzjonati għas-sitwazzjoni epidemjoloġika li tkun qed tevolvi. Jenħtieġ li dan jidentifika, fejn meħtieġ min-natura tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira, il-kategoriji ta’ persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali elenkati fl-Anness XI, il-parti B, li għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jenħtieġ li jkun possibbli, b’mod eċċezzjonali, li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jiġu imposti fuq dawk il-vjaġġaturi. Barra minn hekk, jew b’mod alternattiv, jenħtieġ li r-Regolament ta’ implimentazzjoni jiddetermina kwalunkwe żona ġeografika jew pajjiż terz minn fejn jista’ jkun possibbli li l-ivvjaġġar ikun soġġett għal miżuri speċifiċi u jistabbilixxi proċedura għar-reviżjoni perjodika tas-sitwazzjoni u tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, abbażi ta’ metodoloġija oġġettiva u kriterji oġġettivi applikabbli għal dik il-proċedura, inkluż, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jista’ jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi permess l-ivvjaġġar, bħal ittestjar, kwarantina, awtoiżolament jew kwalunkwe miżura xierqa oħra, bħar-rekwiżit li timtela formola ta’ lokalizzazzjoni tal-passiġġieri jew li jintużaw għodda oħra ta’ traċċar tal-kuntatti u wara li titqies, b’mod partikolari, kwalunkwe sistema tal-Unjoni żviluppata biex tiffaċilita l-ivvjaġġar f’kundizzjonijiet sikuri, bħal sistemi ta’ ċertifikazzjoni diġitali. Fejn xieraq, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jista’ jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu li jippermetti li jittieħdu miżuri addizzjonali f’każ li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar b’mod drammatiku f’żona ġeografika waħda jew aktar.

    (10)

    L-effikaċja tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi għall-pajjiżi terzi u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi permezz tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u b’hekk tippreserva l-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. L-Istati Membri jistgħu jadottaw restrizzjonijiet temporanji relatati mas-saħħa u restrizzjonijiet oħrajn relatati aktar stretti minn dawk stabbiliti fir-Regolament ta’ implimentazzjoni dment li tali restrizzjonijiet ma jkollhomx impatt negattiv sproporzjonat fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jadottaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fin-nuqqas ta’ Regolament ta’ implimentazzjoni. Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jqis is-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi jew territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Artikolu 355(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u elenkati fl-Anness II tiegħu.

    (11)

    It-tranżitu fl-Unjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, kif ukoll għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi essenzjali jenħtieġ li ma jkunx soġġett għal restrizzjonijiet temporanji relatati mas-saħħa fuq l-ivvjaġġar lejn id-destinazzjoni finali tagħhom. Kwalunkwe restrizzjoni temporanja relatata mas-saħħa, li trid tiġi applikata, jenħtieġ li tiġi applikata mal-wasla fid-destinazzjoni finali.

    (12)

    Huwa meħtieġ ukoll li jissaħħu r-regoli u s-salvagwardji fil-liġi tal-Unjoni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu malajr biex jiġġieldu sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni. Tali strumentalizzazzjoni jenħtieġ li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 1(4), il-punt (b), l-ewwel sentenza, tar-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Jenħtieġ li sitwazzjonijiet li fihom atturi mhux statali ostili jkunu involuti fi kriminalità organizzata, b’mod partikolari l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, ma jitqisux bħala strumentalizzazzjoni tal-migranti meta ma jkun hemm l-ebda għan li jiġu destabbilizzati l-Unjoni jew Stat Membru. Barra minn hekk, jenħtieġ li l- assistenza umanitarja ma titqiesx bħala strumentalizzazzjoni tal-migranti meta ma jkun hemm l-ebda għan li jiġu destabbilizzati l-Unjoni jew Stat Membru.

    (13)

    Fir-rigward ta’ Ċipru, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 (9) jipprevedi regoli speċjali li japplikaw għal-linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jeżerċita kontroll effettiv u dawk iż-żoni li fihom ma jeżerċitax kontroll effettiv. Għalkemm dik il-linja ma tikkostitwix fruntiera esterna, sitwazzjoni fejn attur ta’ pajjiż terz jew attur mhux statali ostili jħeġġeġ jew jiffaċilita l-moviment ta’ ċittadini ta’ pajjiżi biex jaqsmu dik il-linja titqies bħala strumentalizzazzjoni.

    (14)

    B’mod partikolari, f’sitwazzjoni ta’ strumentalizzazzjoni, jenħtieġ li, fejn meħtieġ, ikun possibbli għall-Istat Membru kkonċernat li jillimita t-traffiku fil-fruntiera għall-minimu billi jagħlaq temporanjament xi punti ta’ qsim tal-fruntiera, filwaqt li jiggarantixxi aċċess ġenwin u effettiv għall-proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din jenħtieġ li tqis jekk il-Kunsill Ewropew ikunx irrikonoxxa li l-Unjoni jew wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jkunu qegħdin jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti. Barra minn hekk, kwalunkwe limitazzjoni bħal din jenħtieġ li tqis bis-sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tad-dritt ta’ moviment liberu skont ftehim internazzjonali u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul skont il-liġi nazzjonali jew il-liġi tal-Unjoni jew li huma detenturi ta’ viżi fit-tul, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom. Tali limitazzjonijiet jenħtieġ li jiġu applikati wkoll b’mod li jiżgura li l-obbligi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, jiġu rispettati.

    (15)

    L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-aspetti operattivi tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni, il-forniment ta’ tagħmir, il-bini tal-kapaċità u t-taħriġ lill-gwardji tal-fruntiera nazzjonali, informazzjoni mmirata u analiżi tar-riskju, l-iskjerament tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif ukoll assistenza f’operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ għal persuni f’diffikultà fuq il-baħar, li huma mnedija u mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-mandat il-ġdid tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta joffri opportunitajiet konsiderevoli għall-Istati Membri biex jiġu assistiti fil-kompiti ta’ kontroll fuq il-fruntieri, inkluż fost oħrajn, fir-rigward tal-iskrinjar u tal-operazzjonijiet ta’ ritorn.

    (16)

    Mezzi tekniċi biex jipprevjenu l-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera jistgħu jinkludu teknoloġiji moderni, bħal droni u sensuri tal-moviment, kif ukoll unitajiet mobbli, u, fejn xieraq, it-tipi kollha ta’ infrastruttura stazzjonarja u mobbli. L-użu ta’ tali mezzi tekniċi, b’mod partikolari, it-teknoloġiji li jistgħu jiġbru data personali, jeħtieġ li jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet definiti b’mod ċar tal-liġi nazzjonali u eżerċitat f’konformità magħhom.

    (17)

    Jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/399 fir-rigward taż-żieda mal-Anness XI, il-Parti B, ta’ kategoriji ulterjuri ta’ persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali u fir-rigward ta’ miżuri addizzjonali li jirregolaw is-sorveljanza, inkluż l-iżvilupp ta’ standards minimi komuni għas-sorveljanza tal-fruntieri. Dawk l-istandards minimi komuni jenħtieġ li jqisu t-tip ta’ fruntiera, jiġifieri l-fruntieri tal-art, tal-baħar jew tal-ajru, il-livelli tal-impatt attribwiti lil kull sezzjoni tal-fruntiera esterna f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/1896 u fatturi rilevanti oħrajn, bħall-partikolaritajiet ġeografiċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (18)

    F’żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, jenħtieġ li l-persuni, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament u b’mod sigur bejn l-Istati Membri. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-projbizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jwettqu verifiki fit-territorju tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri interni tagħhom, għal finijiet oħrajn għajr il-kontroll fuq il-fruntieri. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-awtoritajiet tas-saħħa jew tal-infurzar tal-liġi, jibqgħu, fil-prinċipju, intitolati li jeżerċitaw is-setgħat pubbliċi previsti skont il-liġi nazzjonali, dment li l-effett ta’ dawk is-setgħat ma jkunx ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntieri.

    (19)

    Filwaqt li l-projbizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni testendi wkoll għal verifiki li jkollhom effett ekwivalenti, jenħtieġ li l-verifiki mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jitqisux bħala ekwivalenti għall-verifiki fuq il-fruntiera meta ma jkollhomx il-kontroll fuq il-fruntieri bħala objettiv, meta jkunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali tal-pulijiza u l-esperjenza jew fuq informazzjoni dwar is-saħħa pubblika rigward theddid possibbli għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku,meta jkollhom l-għan b’mod partikolari li jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera, inaqqsu l-immigrazzjoni illegali jew li jrażżnu t-tixrid ta’ marda infettiva b’potenzjal ta’ epidemija kif identifikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, fejn ikunu mfassla u eżegwiti b’mod li jkun distint b’mod ċar mill-verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri, u meta jsiru f’ċentri tat-trasport, bħal portijiet, stazzjonijiet tal-ferrovija jew tal-karozzi tal-linja u ajruporti kif ukoll f’terminali tal-merkanzija jew direttament abbord servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, u meta jkunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju.

    (20)

    It-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali u tal-kriminalità transfruntiera marbuta magħha, bħat-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u l-frodi tad-dokumenti u forom oħrajn ta’ kriminalità transfruntiera tista’tinkludi miżuri li jippermettu l-verifikazzjoni tal-identità, tan-nazzjonalità u tal-istatus ta’ residenza tal-persuni, dment li tali verifikazzjonijiet ma jkunux sistematiċi u jitwettqu abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

    (21)

    L-użu ta’ teknoloġiji moderni biex jimmonitorjaw il-flussi tat-traffiku, b’mod partikolari fuq l-awtostradi u toroq importanti oħrajn iddeterminati mill-Istati Membri, jista’ jkun strumentali biex jiġi indirizzat it-theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Jenħtieġ li l-projbizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni ma tinftihemx bħala li tipprevjeni l-eżerċitar legali tal-pulizija jew ta’ setgħat pubbliċi oħrajn li jitwettqu verifiki fiż-żoni tal-fruntieri interni. Dan jinkludi verifiki li jinvolvu l-użu ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ u sorveljanza li ġeneralment jintużaw fit-territorju jew li huma bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju għall-fini tal-protezzjoni tas-sigurtà interna.

    (22)

    Sabiex tali teknoloġiji jkunu jistgħu jkunu effettivi, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu applikati limiti tal-veloċità proporzjonati fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri bit-triq.

    (23)

    Fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija jew ta’ setgħat pubbliċi oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fit-territorju tagħhom, b’mod partikolari fiż-żoni tal-fruntiera tagħhom, huwa importanti li l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma jkollux impatt sproporzjonat fuq il-fluss fluwidu tat-traffiku fil-punti tal-qsim bit-triq tal-fruntieri interni, b’mod partikolari, billi jwassal għal ħinijiet ta’ stennija eċċessivi. Fi spirtu ta’ djalogu u kooperazzjoni, huwa importanti li l-Istati Membri jinfurmaw lill-pajjiżi ġirien bl-azzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari meta l-azzjoni mistennija jkollha effett aktar sinifikanti fuq it-traffiku transfruntier.

    (24)

    Jenħtieġ li l-projbizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni ma tirrestrinġix it-twettiq tal-verifiki previsti fil-liġi tal-Unjoni. Għalhekk, r-regoli previsti f’dan ir-Regolament ma jaffettwawx ir-regoli applikabbli rigward it-twettiq ta’ verifiki fuq id-data tal-passiġġieri mal-bażijiet tad-data rilevanti qabel il-wasla.

    (25)

    Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-verifiki mwettqa mill-Istati Membri fl-eżerċitar tal-kompetenzi nazzjonali jibqgħu konsistenti bis-sħiħ ma’ spazju li jkun ħieles mill-kontrolli fuq il-fruntieri interni. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, aktar ma jkunu estensivi l-indikazzjonijiet li l-verifiki mwettqa mill-Istati Membri fiż-żoni tal-fruntiera tagħhom għandhom effett ekwivalenti għall-kontroll fuq il-fruntieri, filwaqt li jitqiesu l-objettiv ta’ tali verifiki, l-ambitu territorjali tagħhom u d-differenzi possibbli meta mqabbla mal-verifiki mwettqa fil-bqija tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, akbar tkun il-ħtieġa għal regoli u limitazzjonijiet stretti u dettaljati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar, mill-Istati Membri, tas-setgħat tal-pulizija tagħhom f’żona tal-fruntiera.

    (26)

    Sabiex jissaħħaħ il-funzjonament taż-żona Schengen, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali biex jiġġieldu l-movimenti irregolari bejn l-Istati Membri. Fejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jaqbdu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhom l-ebda dritt li joqogħdu f’dak l-Istat Membru, fiż-żoni tal-fruntiera waqt verifiki mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fl-ambitu ta’ qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali, li jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, rondi konġunti tal-pulizija, jenħtieġ li jkun possibbli għal dawk l-awtoritajiet li jittrasferixxu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Istat Membru minn fejn ikunu daħlu fl-Istat Membru tat-trasferiment dment li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkollhom l-ebda dritt li joqogħdu fl-Istat Membru ta’ trasferiment. L-Istat Membru minn fejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu ġew direttament min-naħa tiegħu jenħtieġ li jkun meħtieġ jirċievi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda.

    (27)

    Il-proċedura ta’ trasferiment jenħtieġ li ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ permessi ta’ residenza fit-tul tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (12), ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ viżi validi għal soġġorn twil u l-membri tal-familja tagħhom f’konformità mal-liġi nazzjonali, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenturi ta’ viża valida għal soġġorn qasir, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu intitolati għal vjaġġar mingħajr viża fiż-Żona Schengen għal perjodu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sakemm ma jkunux qabżu dak il-perjodu ta’ 90 jum, applikanti, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 13, tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).Fir-rigward tal-applikanti maqbuda fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

    (28)

    Il-proċedura li biha Stat Membru għandu jkun jista’ jittrasferixxi ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda li ma jkollhomx id-dritt li joqogħdu, lejn Stat Membru minn fejn il-persuna tkun direttament ġiet jenħtieġ li ssir malajr, iżda tkun soġġetta għal salvagwardji u li titwettaq b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), sabiex jiġi evitat it-tfassil ta’ profili razzjali. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet li jwettqu verifikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti disponibbli minnufih għall-awtoritajiet dwar il-movimenti tal-persuni kkonċernati. Tali informazzjoni tista’ tinkludi elementi oġġettivi li jippermettu lill-awtoritajiet jikkonkludu li l-persuna tkun ivvjaġġat reċentement minn Stati Membri oħrajn, bħall-pussess ta’ dokumenti, inklużi riċevuti jew fatturi, li jagħtu prova ta’ vjaġġar reċenti minn Stat Membru ieħor. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għall-proċedura ta’ trasferiment jenħtieġ li jiġu pprovduti b’deċiżjoni motivata bil-miktub. Filwaqt li jenħtieġ li d-deċiżjoni tkun infurzabbli immedjatament, jenħtieġ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata rimedju effettiv biex jappella kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew jitlob li jsir rieżami tagħha. Jenħtieġ li dan ir-rimedju ma jkollux effett sospensiv.

    (29)

    Il-proċedura ta’ trasferiment prevista f’dan ir-Regolament hija fakultattiva u ma taffettwax il-possibbiltà eżistenti għall-Istati Membri li jirritornaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment f’konformità mal-ftehimiet jew l-arranġamenti bilaterali msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) (id-“Direttiva dwar ir-Ritorn”), meta tali persuni jinqabdu barra miż-żoni tal-fruntiera.

    (30)

    Fejn jagħmlu użu mill-proċedura ta’ trasferiment prevista skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu arranġamenti prattiċi skont l-oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali tagħhom, inkluż bil-ħsieb li, bħala regola, jevitaw l-użu ta’ dik il-proċedura ta’ trasferiment, b’mod partikolari fuq is-sezzjonijiet tal-fruntieri interni fejn il-kontroll ikun ġie introdott mill-ġdid jew estiż temporanjament.

    (31)

    Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li kien soġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment jinġieb fil-fruntiera minn trasportatur, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista’, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tagħmel arranġamenti mat-trasportatur sabiex iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi ttrasferit mingħajr dewmien lejn l-Istat Membru riċeventi.

    (32)

    Fil-kuntest ta’ żjarat għall-għarrieda skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2022/922, huwa importanti li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ trasferiment.

    (33)

    Fi spazju fejn persuni jkunu jistgħu jiċċaqalqu liberament, mingħajr fruntieri interni, li jikkostitwixxi waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) TUE, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni jenħtieġ li tibqa’ eċċezzjoni u jenħtieġ li tkun biss miżura tal-aħħar rimedju. L-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni u d-derogi minnu jridu jiġu interpretati b’mod strett. Sabiex ma jiġix kompromess il-prinċipju nnifsu li m’għandux ikun hemm kontrolli fuq il-fruntieri interni, kif imħaddan fl-Artikolu 3(2) TUE u mtenni fl-Artikolu 67(2) TFUE, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni minħabba l-istess theddida jenħtieġ li tkun għal perjodi definiti b’mod ċar f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (34)

    F’każijiet eċċezzjonali, l-indirizzar tat-theddid għaż-żona Schengen jista’, bħala l-aħħar rimedju, jirrikjedi l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri fuq il-fruntieri interni. Billi l-moviment liberu ta’ persuni huwa affettwat mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, kwalunkwe deċiżjoni biex jiġi introdott mill-ġdid tali kontroll fuq il-fruntieri jenħtieġ li tittieħed f’konformità mal-kriterji maqbula b’mod komuni u jenħtieġ li tiġi nnotifikata kif xieraq lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill jew tkun irrakkomandata minn istituzzjoni tal-Unjoni. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jiddeterminaw il-ħtieġa għall-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri. Skont ir-regoli eżistenti, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni hija prevista f’ċirkostanzi fejn theddida serja għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubbliku timmanifesta ruħha fi Stat Membru wieħed għal perjodu ta’ żmien limitat. B’mod partikolari, it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, l-emerġenzi tas-saħħa pubblika fuq skala kbira jew l-avvenimenti internazzjonali fuq skala kbira jew ta’ profil għoli, bħal avvenimenti sportivi, kummerċjali jew politiċi, jistgħu jammontaw għal theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

    (35)

    Barra minn hekk, theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tista’ tirriżulta wkoll minn movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira għall-għarrieda ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn l-Istati Membri, fejn dik it-theddida toħloq sitwazzjoni li tpoġġi pressjoni sostanzjali fuq ir-riżorsi u l-kapaċitajiet ġenerali ta’ awtoritajiet kompetenti mħejjija sew u x’aktarx tpoġġi f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, u meta l-mezzi l-oħrajn previsti skont dan ir-Regolament ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw dawn l-influssi u l-movimenti. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw rapporti oġġettivi u kkwantifikati dwar movimenti mhux awtorizzati kull meta jkunu disponibbli, b’mod partikolari, meta jiġu prodotti fuq bażi regolari mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

    (36)

    Il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu għall-Unjoni kollha li japplika għal sitwazzjonijiet fejn, fiż-żona Schengen, emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira taffettwa diversi Stati Membri fl-istess waqt, u tpoġġi f’riskju l-funzjonament tajjeb taż-żona Schengen. Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ salvagwardja taż-żona Schengen jenħtieġ li jippermetti soluzzjonijiet ikkoordinati biex jiġu protetti l-interessi tal-persuni intitolati li jibbenefikaw miż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, billi tiġi massimizzata l-effettività tal-miżuri meħuda, filwaqt li jiġu minimizzati l-effetti sekondarji negattivi tagħhom.

    (37)

    Jenħtieġ li l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ salvagwardja taż-żona Schengen jippermetti lill-Kunsill jadotta, fuq proposta mill-Kummissjoni, deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, meta emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira tkun ġiet rikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni. Minħabba n-natura politikament sensittiva ta’ tali deċiżjoni li tirregola l-possibbiltà għall-Istati Membri li jerġgħu jintroduċu jew jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri interni f’ċirkostanzi partikolari, jenħtieġ li l-Kunsill jingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex jadotta deċiżjoni, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dik id-deċiżjoni tinkludi kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni xierqa.

    (38)

    Jenħtieġ li l-istabbiliment tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ salvagwardja taż-żona Schengen ma jaffettwax id-dritt tal-Istati Membri li jirrikorru minn qabel għal miżuri unilaterali f’konformità ma’ dan ir-Regolament, fejn is-sitwazzjoni tkun teħtieġ hekk. Madankollu, ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-miżura tal-Unjoni ssir l-unika bażi għal rispons ikkoordinat għat-theddida identifikata.

    (39)

    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li d-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi adottata għal perjodu ta’ żmien limitat sa massimu ta’ sitt xhur li jista’ jiġi estiż, soġġett għal rieżami regolari fuq proposta mill-Kummissjoni, sakemm l-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira tippersisti. Jenħtieġ li d-deċiżjoni inizjali tinkludi valutazzjoni tal-impatt mistenni tal-miżuri adottati, inklużi l-effetti sekondarji negattivi tagħha, bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk il-kontrolli fuq il-fruntieri interni humiex ġustifikati jew jekk jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri inqas restrittivi minflokhom. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet sussegwenti jqisu l-evoluzzjoni tat-theddida għas-saħħa pubblika. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw minnufih lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill.

    (40)

    L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, kemm jekk abbażi ta’ deċiżjonijiet unilaterali tal-Istati Membri kif ukoll jekk fil-livell tal-Unjoni, għandha implikazzjonijiet serji għall-funzjonament taż-żona Schengen u d-dritt għall-moviment liberu. Sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri tittieħed biss meta jkun meħtieġ, bħala miżura tal-aħħar rimedju, jenħtieġ li d-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri tkun ibbażata fuq kriterji komuni u tkun strettament meħtieġa u proporzjonata.

    (41)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni trid tiġi interpretata b’mod strett u l-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta’ theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

    (42)

    L-ewwel nett, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw l-adegwatezza tal-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni wara li jqisu n-natura tat-theddida serja identifikata kif ukoll l-adegwatezza ta’ miżuri alternattivi biex jiġu segwiti l-istess objettivi tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, bħal verifiki proporzjonati kif imwettqa fl-eżerċitar tas-setgħat tal-pulizija jew ta’ setgħat pubbliċi oħrajn jew permezz ta’ forom ta’ kooperazzjoni tal-pulizija kif previst skont il-liġi tal-Unjoni, inkluża l-possibbiltà li tintuża l-proċedura ta’ trasferiment, jew miżuri komuni dwar restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari u jivvalutaw l-impatt probabbli tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni fuq il-moviment ta’ persuni fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni u l-funzjonament tar-reġjuni transfruntiera. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tkun parti min-notifika li l-Istati Membri huma meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill. Fil-każ ta’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal avvenimenti prevedibbli lil hinn minn perjodu inizjali ta’ sitt xhur, jenħtieġ li l-Istat Membru jwettaq ukoll valutazzjoni tar-riskju. Dik il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ li tinkludi dettalji dwar l-iskala u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja identifikata, informazzjoni dwar kemm dik it-theddida serja hija mistennija li tippersisti u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, informazzjoni dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra affettwati minn tali miżuri u l-miżuri li l-Istat Membru kkonċernat ikun ħa u bi ħsiebu jieħu biex itaffi t-theddida serja identifikata, bil-ħsieb li jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni sabiex jerġa’ jiddaħħal il-prinċipju tal-moviment liberu.

    (43)

    Sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw mill-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni li jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri interni tkun akkumpanjata minn miżuri ta’ mitigazzjoni. Jenħtieġ li tali miżuri jkunu jinkludu miżuri li jiggarantixxu operazzjoni bla xkiel tat-tranżitu tal-merkanzija u tal-persunal tat-trasport u tal-baħħara permezz tal-istabbiliment ta’ “korsiji ħodor”. Barra minn hekk, u sabiex titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat il-moviment ta’ persuni li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jkunu essenzjali għall-preservazzjoni tal-katina tal-provvista jew għall-forniment ta’ servizzi essenzjali, li l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll il-linji gwida eżistenti dwar il-ħaddiema transfruntiera stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2020 intitolata “COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema”. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-regoli għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni jqisu l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati matul il-pandemija tal-COVID-19 bħala miżura solida ta’ sikurezza għas-Suq Uniku, bl-iskop li jiġi żgurat li dawn jiġu applikati mill-Istati Membri bħala miżuri ta’ mitigazzjoni matul il-kontrolli fuq il-fruntieri interni introdotti mill-ġdid. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu identifikati miżuri bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament bla interruzzjoni tas-Suq Uniku u jiġu salvagwardjati l-interessi tar-reġjuni transfruntiera u ta’ “bliet ġemellati”, inklużi, pereżempju, awtorizzazzjonijiet jew derogi għall-abitanti ta’ reġjuni transfruntiera.

    (44)

    In-notifika li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun deċiżiva meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni. Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ xieraq tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni li jkunu ġew introdotti mill-ġdid, u sabiex tittejjeb il-kwalità tal-informazzjoni li tirċievi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implementazzjoni biex tistabbilixxi mudell għan-notifika tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni kollha f’każijiet ġustifikati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, b’kont meħud tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu intitolati jikklassifikaw l-informazzjoni kollha pprovduta fin-notifika, jew partijiet minnha, mingħajr preġudizzju għall-funzjonament ta’ mezzi xierqa u siguri.

    (45)

    Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jkunu verament miżura tal-aħħar rimedju applikata biss sakemm tkun meħtieġa u sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati n-neċessità u l-proporzjonalità tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni biex jiġi indirizzat it-theddid prevedibbli u sabiex il-Kummissjoni titħalla tivvaluta li tali kontrolli jkunu miżura eċċezzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jħejju valutazzjoni tar-riskju li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni meta l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jiġu estiżi lil hinn minn perjodu inizjali ta’ sitt xhur b’reazzjoni għal theddid prevedibbli. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jispjegaw l-iskala u l-evoluzzjoni tat-theddida serja identifikata, inkluż kemm it-theddida serja identifikata hija mistennija li ddum tippersisti u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni jistgħu jiġu affettwati, għaliex miżuri alternattivi mhux se jirrisolvu t-theddida identifikata, kif ukoll il-miżuri ta’ koordinazzjoni tagħhom mal-Istati Membri l-oħra affettwati jew li x’aktarx jiġu affettwati minn kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    (46)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun intitolata titlob informazzjoni addizzjonali bbażata fuq in-notifika li tirċievi, inkluż dwar il-valutazzjoni tar-riskju jew il-miżuri ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-Istati Membri affettwati mill-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Meta n-notifika ma tkunx konformi mar-rekwiżiti minimi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddiskuti n-notifika mal-Istat Membru kkonċernat u titlob informazzjoni addizzjonali jew titlob li l-Istat Membru jlesti n-notifika inizjali.

    (47)

    Mill-inqas darba fis-sena l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod konġunt dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni (“Rapport dwar l-Istat ta’ Schengen”). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiddiskuti wkoll dak ir-rapport separatament mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi lista tad-deċiżjonijiet kollha meħuda matul is-sena rilevanti għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Ir-rapport jenħtieġ li jagħti attenzjoni partikolari lill-kontrolli fuq il-fruntieri li jkun ilhom fis-seħħ għal aktar minn 12-il xahar. Jenħtieġ li jinkludi wkoll valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjonijiet tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-perjodu kopert minn dak ir-rapport kif ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni fir-rigward tal-movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jqis l-informazzjoni disponibbli mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-analiżi tad-data minn sistemi ta’ informazzjoni rilevanti. Ir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen jenħtieġ li jkopri wkoll l-obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw mill-Artikolu 20 tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen.

    (48)

    Ir-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen jenħtieġ li jkun akkumpanjat mir-rapport li jrid jiġi pprovdut skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2022/922.

    (49)

    Il-mekkaniżmu għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni f’sitwazzjonijiet urġenti jew biex jiġi indirizzat theddid prevedibbli jenħtieġ li jipprevedi l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li torganizza konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Jenħtieġ li tiġi organizzata konsultazzjoni mill-Kummissjoni meta Stat Membru affettwat direttament jitlob dan. L-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu involuti f’dan il-proċess sabiex jikkondividu l-għarfien espert tagħhom, fejn xieraq. Jenħtieġ li tali konsultazzjonijiet jeżaminaw il-possibbiltà li jiġu applikati miżuri alternattivi, u jekk ikun meħtieġ l-arranġamenti prattiċi għat-twettiq tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni u d-durata tagħhom. Meta l-Kummissjoni jew Stat Membru jkunu ħarġu opinjoni li tesprimi tħassib rigward l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri, tali konsultazzjonijiet jenħtieġ li jkunu obbligatorji.

    (50)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jesprimu kwalunkwe tħassib fir-rigward tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru li jerġa’ jintroduċi kontrolli fuq il-fruntieri interni għal raġuni ta’ urġenza jew biex jindirizza theddida prevedibbli. Fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid u estiżi għal theddid prevedibbli għal perjodi kkombinati li jaqbżu t-12-il xahar, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni li tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni. Fejn Stat Membru jqis li hemm sitwazzjoni eċċezzjonali maġġuri li tiġġustifika t-tkomplija tal-ħtieġa ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodu li jaqbeż is-sentejn, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji addizzjonali f’termini ta’ valutazzjoni tar-riskju. In-notifika mill-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li tinkludi l-miżuri li bi ħsiebu jadotta, f’kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra fejn xieraq, li jippermettu li t-theddida tiġi indirizzata kif ukoll preżentazzjoni tal-mezzi, l-azzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien ikkunsidrati bil-ħsieb li jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni mill-iktar fis possibbli sabiex jinżamm il-prinċipju tal-moviment liberu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ opinjoni ġdida. Tali opinjoni hija mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta’ infurzar, inklużi azzjonijiet ta’ ksur, li l-Kummissjoni, fir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, jenħtieġ li tkun tista’ tieħu fi kwalunkwe mument kontra kwalunkwe Stat Membru għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni. Meta tinħareġ opinjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tniedi konsultazzjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati. Għalkemm fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru mhijiex neċessarjament limitata fiż-żmien, sabiex jinżamm il-prinċipju tal-moviment liberu, huwa meħtieġ li jiġi limitat it-tul massimu tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni abbażi tal-istess theddida serja, li jenħtieġ li ma jaqbiżx is-sentejn. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal żewġ perjodi ulterjuri ta’ sitt xhur. Fi kwalunkwe każ, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni bbażati fuq l-istess theddida serja jenħtieġ li ma jaqbżux it-tliet snin b’kollox.

    (51)

    Sabiex tkun tista’ ssir l-analiżi ex post tad-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu obbligati li jissottomettu rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ladarba jneħħu dawk il-kontrolli fuq il-fruntieri. Meta l-kontrolli jinżammu fis-seħħ għal perjodi twal ta’ żmien, jenħtieġ li tali rapport ieħor jiġi sottomess wara 12-il xahar, u għal darb’oħra 12-il xahar minn hemm ’il quddiem jekk, eċċezzjonalment, jinżammu l-kontrolli. Jenħtieġ li r-rapport jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-valutazzjoni inizjali u ta’ segwitu tal-ħtieġa tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni u r-rispett tal-kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudell għal tali rapporti u tagħmel il-mudell disponibbli online.

    (52)

    Meta jimplimentaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-persuni abbażi ta’ sess, razza, kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

    (53)

    L-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament jenħtieġ li, fl-attivitajiet kollha imwettqa minnhom skont dan ir-Regolament, inkluż meta jużaw is-setgħat tagħhom biex iwettqu verifiki, jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data skont il-liġi tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jew id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, fil-qasam ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom.

    (54)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jissaħħaħ il-funzjonament taż-żona Schengen, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom, billi hija meħtieġa emenda tar-regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, iżda jista’ pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (55)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (56)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fih l-Irlanda ma tipparteċipax, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (20); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (57)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u mir-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (21), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (22).

    (58)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (23) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (24).

    (59)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (25), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (26).

    (60)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE.

    (61)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta.

    (62)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/399 jiġi emendat kif xieraq.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2016/399 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “12.

    ‘sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, inklużi miżuri preventivi, għall-prevenzjoni jew id-detezzjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri jew taċ-ċirkomvenzjoni tal-verifiki fuq il-fruntiera, biex tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni, biex tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali.”

    ;

    (b)

    jiżdiedu l-puntili ġejjin:

    “27.

    ‘emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira’ tfisser emerġenza tas-saħħa pubblika, rikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni mill-Kummissjoni, b’kont meħud tal-informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fejn theddida transfruntiera serja għas-saħħa jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq skala kbira fuq l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu.

    28.

    ‘vjaġġar essenzjali’ tfisser vjaġġar minn persuna li hija eżentata mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul skont l-Artikolu 21a(4) jew (5), b’rabta ma’ funzjoni jew ħtieġa essenzjali, b’kont meħud ta’ kwalunkwe obbligu internazzjonali applikabbli tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

    29.

    ‘vjaġġar mhux essenzjali’ tfisser vjaġġar għal finijiet minbarra vjaġġar essenzjali;

    30.

    ‘ċentri tat-trasport’ tfisser ajruporti, portijiet tal-baħar jew tax-xmajjar, stazzjonijiet tal-ferrovija jew tal-karozzi tal-linja u terminali tal-merkanzija.”

    ;

    (2)

    fl-Artikolu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej mal-paragrafu 3:

    “L-Istati Membri jistgħu, meta għadd kbir ta’ migranti jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni tagħhom b’mod mhux awtorizzat, bil-massa u bl-użu tal-forza, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippreservaw is-sigurtà, il-liġi u l-ordni.”

    ;

    (3)

    Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari f’sitwazzjoni ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), tal-ewwel sentenza tar-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jagħlqu temporanjament, jew jillimitaw il-ħinijiet ta’ ftuħ ta’, punti ta’ qsim tal-fruntiera speċifiċi kif innotifikat skont il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan.

    Kwalunkwe miżura skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi implimentata b’mod li jkun proporzjonat u li jqis bis-sħiħ id-drittijiet ta’:

    (a)

    il-persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni;

    (b)

    iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (*2), il-persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn strumenti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali jew li għandhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom; u

    (c)

    iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 (ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj)."

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).”;"

    (4)

    L-Artikolu 13 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Sorveljanza fuq il-fruntiera

    1.   L-għan ewlieni tas-sorveljanza fuq il-fruntieri għandu jkun il-prevenzjoni jew id-detezzjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, li tikkontribwixxi biex jitqajjem l-għarfien tas-sitwazzjoni, li tiġi miġġielda l-kriminalità transfruntiera u li jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera illegalment. Għandha tinvolvi wkoll it-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4, persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma jkollhiex dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tinqabad u tkun soġġetta għal proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE.

    2.   Il-gwardji tal-fruntiera għandhom jużaw ir-riżorsi kollha meħtieġa, inklużi unitajiet stazzjonarji jew mobbli, biex iwettqu s-sorveljanza fuq il-fruntieri. Is-sorveljanza fuq il-fruntieri għandha titwettaq b’tali mod li tipprevjeni u tiskoraġġixxi lill-persuni milli jaqsmu l-fruntieri b’mod mhux awtorizzat bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera jew milli jevitaw il-verifiki fil-punti tal-qsim tal-fruntiera, u għandha titwettaq f’konformità sħiħa mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4.

    3.   Is-sorveljanza bejn punti ta’ qsim tal-fruntiera għandha titwettaq minn gwardji tal-fruntiera li l-għadd u l-metodi tagħhom għandhom jiġu adattati għar-riskji u t-theddid eżistenti jew previsti. Għandha tagħmel użu minn stampi tas-sitwazzjoni, biex tkun tista’ tnaqqas aħjar it-telf ta’ ħajjiet ta’ migranti fil-fruntieri esterni, matulhom jew qrib tagħhom. Għandha tinvolvi bidliet frekwenti u għal għarrieda fil-perjodi ta’ sorveljanza u metodi jew tekniki oħrajn, għall-prevenzjoni jew detezzjoni effettivi ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera.

    4.   Is-sorveljanza għandha titwettaq minn unitajiet stazzjonarji jew mobbli li jwettqu dmirijiethom billi jagħmlu rondi jew jistazzjonaw ruħhom f’postijiet magħrufa jew ipperċepiti bħala sensittivi. L-għan ta’ tali sorveljanza huwa l-prevenzjoni ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera jew li jinqabdu l-individwi b’konnessjoni ma’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera esterna. Is-sorveljanza tista’ titwettaq ukoll bl-użu ta’ mezzi tekniċi, inklużi mezzi elettroniċi, bħal tagħmir, sistemi ta’ sorveljanza u, fejn xieraq, it-tipi kollha ta’ infrastruttura stazzjonarja u mobbli.

    5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 37 ta’ dan ir-Regolament dwar miżuri addizzjonali li jirregolaw is-sorveljanza, inkluż l-iżvilupp ta’ standards minimi komuni għas-sorveljanza tal-fruntieri. Dawk l-istandards minimi komuni għandhom iqisu t-tip ta’ fruntieri, jiġifieri fruntieri tal-art, tal-baħar jew tal-ajru, il-livelli tal-impatt attribwiti lil kull sezzjoni tal-fruntiera esterna f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u fatturi rilevanti oħrajn, bħall-partikolaritajiet ġeografiċi.

    (*3)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).”;"

    (5)

    Il-Kapitolu V jingħata titolu ġdid kif ġej: “Miżuri speċifiċi relatati mal-fruntieri esterni”;

    (6)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 21a

    Restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal emerġenzi tas-saħħa pubblika fuq skala kbira.

    2.   Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta Regolament ta’ implimentazzjoni, li jipprevedi restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri li għandhom jiġu applikati fil-fruntieri esterni.

    Ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jistgħu jinkludu restrizzjonijiet temporanji fuq id-dħul fl-Istati Membri u restrizzjonijiet temporanji relatati mas-saħħa li jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Dawk ir-restrizzjonijiet temporanji relatati mas-saħħa jistgħu jinkludu l-ittestjar, il-kwarantina, u l-awtoiżolament.

    Ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni għandhom ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji. Fejn Stat Membru jadotta restrizzjonijiet aktar stretti minn dawk stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni, dawk ir-restrizzjonijiet m’għandux ikollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni. Ir-restrizzjonijiet temporanji relatati mas-saħħa fuq persuni li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 2004/38/KE f’kull mument.

    3.   Il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar tagħhom:

    (a)

    il-persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni;

    (b)

    ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva 2003/109/KE, persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn strumenti oħrajn tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali, inklużi l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jew persuni li għandhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.

    4.   Il-kategoriji ta’ persuni elenkati fl-Anness XI, il-parti A, għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul.

    5.   Kwalunkwe kategorija ta’ persuni elenkati fl-Anness XI, il-parti B, għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul meta dik il-kategorija tkun inkluża fir-Regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2.

    6.   Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu, fejn xieraq:

    (a)

    jidentifika, fejn meħtieġ min-natura tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira, il-kategoriji ta’ persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali elenkati fl-Anness XI, il-parti B, li jridu jiġu eżentati mir-restrizzjonijiet fuq id-dħul;

    (b)

    jiddetermina kwalunkwe żona ġeografika jew pajjiż terz minn fejn l-ivvjaġġar jista’ jkun soġġett għal restrizzjonijiet jew eżenzjonijiet minn restrizzjonijiet, u jistabbilixxi proċedura għar-reviżjoni perjodika tas-sitwazzjoni ta’ tali żoni jew pajjiżi u tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti abbażi ta’ metodoloġija oġġettiva u kriterji oġġettivi, inkluża, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni epidemjoloġika;

    (c)

    jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-ivvjaġġar mhux essenzjali jista’ jiġi ristrett jew eżentat mir-restrizzjonijiet, inkluża prova li għandha tiġi ppreżentata biex tappoġġa l-eżenzjoni u l-kundizzjonijiet relatati mad-durata u n-natura tas-soġġorn fiż-żoni jew fil-pajjiżi msemmija fil-punt (b);

    (d)

    jirreferi għal restrizzjonijiet minimi temporanji relatati mas-saħħa li jistgħu jkunu soġġetti għalihom il-persuni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b);

    (e)

    b’deroga mill-paragrafi 4 u 5 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali;

    7.   Ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul fl-Istati Membri għal persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali għandhom jiġu imposti biss b’mod eċċezzjonali, għal perjodu ta’ żmien strettament limitat, sakemm tkun disponibbli informazzjoni suffiċjenti dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika fuq skala kbira msemmija fil-paragrafu 1 u sakemm il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jidentifika u jadotta restrizzjonijiet alternattivi relatati mas-saħħa li huma meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u li se jiġu applikati għal dawk il-persuni.”

    ;

    (7)

    L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 23

    Verifiki fit-territorju

    In-nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni ma għandux jaffettwa:

    (a)

    l-eżerċizzju tas-setgħat tal-pulizija jew ta’ setgħat pubbliċi oħrajn mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fit-territorju tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri interni tagħhom, kif ikkonferiti lilhom mil-liġi nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera. L-eżerċizzju ta’ tali setgħat jista’ jinkludi, fejn xieraq, l-użu ta’ teknoloġiji ta’ monitoraġġ u sorveljanza ġeneralment użati fit-territorju għall-finijiet tal-indirizzar ta’ theddid għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku. L-eżerċizzju minn awtoritajiet kompetenti tas-setgħat tagħhom ma għandux, b’mod partikolari, jitqies ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ verifiki fuq il-fruntiera meta l-miżuri jissodisfaw kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    ma jkollhomx il-kontroll fuq il-fruntiera bħala l-objettiv tagħhom;

    (ii)

    ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali tal-pulizija jew, meta l-għan ikun li jitrażżan it-tixrid ta’ marda infettiva, fuq informazzjoni dwar is-saħħa pubblika, u l-esperjenza tal-awtoritajiet kompetenti rigward theddid possibbli għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku u jimmiraw, b’mod partikolari, lejn li:

    jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera;

    inaqqsu l-immigrazzjoni illegali; jew

    irażżnu t-tixrid ta’ marda infettiva b’potenzjal ta’ epidemija kif identifikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard;

    (iii)

    ikunu mfassla u eżegwiti b’mod li jkun distint b’mod ċar mill-verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni, inkluż meta jitwettqu f’ċentri tat-trasport jew direttament abbord servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u meta jkunu bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju;

    (b)

    il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew għat-trasportaturi li jwettqu verifiki tas-sigurtà fuq persuni f’ċentri tat-trasport f’konformità mal-liġi nazzjonali, dment li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi ħdan Stat Membru;

    (c)

    il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi bil-liġi obbligu li wieħed jżomm fuqu jew iġorr karti u dokumenti;

    (d)

    il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi bil-liġi obbligu fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tiegħu u obbligu tal-maniġers tal-istabbilimenti li jipprovdu akkomodazzjoni biex jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jimlew u jiffirmaw formoli tar-reġistrazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ konjuġi li jakkumpanjawhom jew minuri li jakkumpanjawhom jew membri ta’ gruppi tal-ivvjaġġar, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 45, rispettivament, tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ verifiki fuq il-fruntieri komuni tagħhom (‘il-Konvenzjoni ta’ Schengen’).”

    ;

    (8)

    jiddaħħal l-Artikoluli ġej:

    “Artikolu 23a

    Proċedura għat-trasferiment ta’ persuni maqbuda fiż-żoni tal-fruntiera interna

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22, dan l-Artikolu jistabbilixxi l-proċedura għat-trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz maqbud fiż-żoni tal-fruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 23, f’ċirkostanzi fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijietli ġejjin:

    (a)

    iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinqabad waqt verifiki li jinvolvu l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri fil-qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali, li tista’ tinkludi, b’mod partikolari, rondi konġunti tal-pulizija, dment li l-Istati Membri jkunu qablu li jużaw tali proċedura fi ħdan dak il-qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali; u

    (b)

    ikun hemm indikazzjonijiet ċari li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun wasal direttament minn Stat Membru ieħor, u jiġi stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkollu l-ebda dritt li joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru fejn ikun wasal, abbażi tal-informazzjoni disponibbli minnufih għall-awtoritajiet li jaqbduh, inklużi dikjarazzjonijiet mill-persuna kkonċernata, dokumenti tal-identità, dokumenti tal-ivvjaġġar jew dokumenti oħrajn li jinstabu fuq dik il-persuna jew ir-riżultati tat-tfittxijiet imwettqa fil-bażijiet tad-data nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti.

    Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex tapplika għall-applikanti, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (13) tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) jew għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (4) tar-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

    Meta jsir trasferiment ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li l-Istat Membru ta’ trasferiment jippreżumi li huwa minuri, dak l-Istat Membru ta’ trasferiment għandu jinforma lill-Istat Membru riċeventi b’dik il-preżunzjoni u ż-żewġ Stati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha fl-aħjar interessi tal-minuri u f’konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu, meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jiddeċiedu li jittrasferixxu minnufih liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat lejn l-Istat Membru li minnu jkun wasal, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Anness XII.

    3.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda f’żoni tal-fruntiera u trasferiti skont il-proċedura ta’ dan l-Artikolu għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. Appelli kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom isiru f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ trasferiment. Dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jingħataw rimedju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għandha tingħatalhom ukoll informazzjoni bil-miktub dwar il-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti li jkunu kompetenti biex jaġixxu f’isem dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-liġi nazzjonali b’lingwa li jifhmu jew li raġonevolment huma mistennija li jifhmu. It-tressiq ta’ tali appell ma għandux ikollu effett sospensiv.

    4.   Meta Stat Membru ta’ trasferiment japplika l-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru riċeventi għandu jkun meħtieġ jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirċievi ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Anness XII. Id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-Direttiva 2008/115/KE għandhom japplikaw fl-Istat Membru riċeventi.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-arranġamenti prattiċi skont l-oqfsa ta’ kooperazzjoni bilaterali tagħhom, inkluż bil-ħsieb li, bħala regola, jevitaw l-użu tal-proċedura msemmija f’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari dwar is-sezzjonijiet tal-fruntieri interni fejn il-kontroll fuq il-fruntiera jkun ġie introdott mill-ġdid jew estiż.

    6.   Il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet jew arranġamenti bilaterali eżistenti kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2008/115/KE.

    7.   Mill-11 ta’ Lulju 2025 u kull sena minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-data rreġistrata f’konformità mal-Anness XII, il-parti A, il-punt 4.

    (*4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj)."

    (*5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj).”;"

    (9)

    l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Membri għandhom ineħħu l-ostakli kollha għall-fluss fluwidu tat-traffiku fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni bit-triq, b’mod partikolari kwalunkwe limitu tal-veloċità mhux ibbażat esklussivament fuq kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq jew meħtieġ għall-użu tat-teknoloġiji msemmija fl-Artikolu 23, il-punt (a).”

    ;

    (10)

    L-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 25

    Qafas ġenerali għall-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni

    1.   Fejn, fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, ikun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’, b’mod eċċezzjonali, jerġa’ jintroduċi kontrolli fuq il-fruntieri interni kollha tiegħu jew f’partijiet speċifiċi tal-fruntieri interni tiegħu.

    Theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tista’, b’mod partikolari, titqies li tinħoloq minn:

    (a)

    inċidenti terroristiċi jew theddid, u theddid ikkawżat minn kriminalità organizzata serja;

    (b)

    emerġenzi tas-saħħa pubblika fuq skala kbira;

    (c)

    sitwazzjoni eċċezzjonali kkaratterizzata minn movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira għall-għarrieda ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bejn l-Istati Membri, li tagħmel pressjoni sostanzjali fuq ir-riżorsi u l-kapaċitajiet ġenerali ta’ awtoritajiet kompetenti mħejjija sew u li x’aktarx tpoġġi f’riskju l-funzjonament kumplessiv taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, kif evidenzjat mill-analiżi tal-informazzjoni u d-data kollha disponibbli, inkluż mill-aġenziji tal-Unjoni;

    (d)

    avvenimenti internazzjonali fuq skala kbira jew ta’ profil għoli;

    2.   Fil-każijiet kollha, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala miżuratal-aħħar rimedju. L-ambitu u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandhomx jaqbżu dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jirrispondu għat-theddida serja identifikata.

    Il-kontrolli fuq il-fruntieri jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid jew estiżi biss skont l-Artikoli 25a u 28 fejn Stat Membru jkun stabbilixxa li tali miżura tkun meħtieġa u proporzjonata, b’kont meħud tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 26(1) u, fejn tali kontrolli jiġu estiżi, b’kont meħud ukoll tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 26(2). Il-kontrolli fuq il-fruntieri jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid ukoll f’konformità mal-Artikolu 29, b’kont meħud tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 30.

    3.   Meta l-istess theddida serja tkompli tippersisti, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jistgħu jiġu estiżi f’konformità mal-Artikoli 25a jew 29, jew, fejn it-theddida hija relatata ma’ emerġenzi għas-saħħa pubblika fuq skala kbira, mal-Artikolu 28.

    L-istess theddida serja għandha titqies li tippersisti meta l-ġustifikazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru għall-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri tkun ibbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk li kienu ġġustifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid inizjali tal-kontrolli fuq il-fruntieri.”

    ;

    (11)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 25a

    Proċedura għal każijiet li jeħtieġu azzjoni minħabba avvenimenti imprevedibbli jew prevedibbli

    1.   Meta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru tkun imprevedibbli u teħtieġ azzjoni immedjata, l-Istat Membru jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jerġa’ jintroduċi minnufih il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    2.   Fl-istess ħin li jintroduċi mill-ġdid kontrolli fuq il-fruntieri skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri, f’konformità mal-Artikolu 27(1).

    3.   Fejn Stat Membru jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont il-paragrafu 1, il-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom jinżammu mhux aktar minn xahar. Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tippersisti għal aktar minn dak il-perjodu, l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodi ulterjuri, sa durata massima ta’ mhux aktar minn tliet xhur.

    4.   Meta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tkun prevedibbli fi Stat Membru, l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra f’konformità mal-Artikolu 27(1), mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri, jew mill-aktar fis possibbli meta ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-ħtieġa li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa lill-Istat Membru inqas minn erba’ ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata.

    5.   Fejn japplika l-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid għal perjodu sa massimu ta’ sitt xhur. Meta t-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tippersisti lil hinn minn dak il-perjodu, l-Istat Membru jista’ jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodi li jistgħu jiġġeddu sa massimu ta’ sitt xhur. Kwalunkwe estensjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra f’konformità mal-Artikolu 27 u fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Soġġetta għall-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, id-durata massima tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni ma għandhiex taqbeż is-sentejn.

    6.   Meta Stat Membru jqis li hemm sitwazzjoni eċċezzjonali maġġuri fir-rigward ta’ theddida serja persistenti li tiġġustifika l-ħtieġa kontinwa ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, li jaqbżu l-perjodu massimu msemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, għandu jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu għal perjodu addizzjonali ta’ mhux iktar minn sitt xhur. Dik in-notifika għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel l-estensjoni ppjanata u, b’kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni maħruġa skont l-Artikolu 27a(3), għandha tinkludi valutazzjoni tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 26(2):

    (a)

    li tissostanzja t-theddida kontinwa għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna;

    (b)

    li tissostanzja li miżuri alternattivi biex jirrimedjaw għat-theddida jitqiesu jew instabu li ma kinux effettivi fil-mument tan-notifika;

    (c)

    li tippreżenta l-miżuri ta’ mitigazzjoni meqjusa biex jakkumpanjaw il-kontrolli;

    (d)

    li tinkludi, fejn xieraq, preżentazzjoni tal-mezzi, l-azzjonijiet, il-kundizzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien ikkunsidrati bil-ħsieb li jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    Fi żmien tliet xhur wara n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni ġdida dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Wara li tirċievi dik in-notifika, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva proprja, jew fuq talba tal-Istat Membru affettwat direttament, tibda proċess ta’ konsultazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 27a(1).

    Fejn, f’sitwazzjoni eċċezzjonali maġġuri, il-ħtieġa kontinwa ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni tiġi kkonfermata bħala riżultat tal-proċedura msemmija f’dan il-paragrafu, iżda l-perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jkunx biżżejjed biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ miżuri alternattivi effettivi biex tiġi indirizzata t-theddida persistenti, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodu addizzjonali ulterjuri u finali ta’ mhux aktar minn sitt xhur, f’konformità mal-valutazzjoni tar-riskju kif imsemmi fit-tieni subparagrafu. Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel dan, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bl-intenzjoni tiegħu li jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tadotta mingħajr dewmien rakkomandazzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ tali estensjoni finali mat-Trattati, b’mod partikolari mal-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità. Dik ir-rakkomandazzjoni għandha tidentifika wkoll, fejn xieraq ma’ Stati Membri oħra, il-miżuri effettivi ta’ kumpens li għandhom jiġu implimentati.”

    ;

    (12)

    L-Artikolu 26 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 26

    Kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni

    1.   Sabiex jiġi stabbilit jekk l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni hijiex meħtieġa u proporzjonata f’konformità mal-Artikolu 25(2), Stat Membru għandu b’mod partikolari jivvaluta:

    (a)

    l-adegwatezza tal-miżura ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni, wara li titqies in-natura tat-theddida serja identifikata u, b’mod partikolari, jekk l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni x’aktarx tirrimedja b’mod adegwat it-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna u jekk l-objettivi mixtieqa b’tali introduzzjoni mill-ġdid jistgħux jinkisbu:

    (i)

    bl-użu ta’ miżuri alternattivi bħal verifiki proporzjonati mwettqa fil-kuntest tal-verifiki fit-territorju kif imsemmi fl-Artikolu 23, il-punt (a);

    (ii)

    bl-użu tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23a;

    (iii)

    b’forom oħra ta’ kooperazzjoni tal-pulizija previsti skont il-liġi tal-Unjoni;

    (iv)

    b’miżuri komuni rigward restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar lejn l-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 21a(2);

    (b)

    l-impatt probabbli ta’ tali miżura fuq:

    (i)

    il-moviment ta’ persuni fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni; u

    (ii)

    il-funzjonament tar-reġjuni transfruntiera, b’kont meħud tar-rabtiet soċjali u ekonomiċi b’saħħithom bejniethom.

    2.   Meta l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur f’konformità mal-Artikolu 25a(5), l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju, li minbarra l-elementi li jinsabu fl-Artikolu 27, il-paragrafi 2 u 3, għandha tinkludi wkoll valutazzjoni mill-ġdid tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jkunu ġew introdotti mill-ġdid jew estiżi, l-Istati Membri kkonċernati għandhomjiżguraw li dawn ikunu akkumpanjati minn miżuri xierqa li jimmitigaw l-impatt li jirriżulta mill-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri fuq il-persuni u t-trasport tal-merkanzija, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni partikolari lir-rabtiet soċjali u ekonomiċi b’saħħithom bejn ir-reġjuni transfruntiera, u lill-persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali.”

    (13)

    L-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 27

    Notifika tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja jew prolongazzjoni ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni u valutazzjoni tar-riskju

    1.   In-notifiki mill-Istati Membri dwar l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    ir-raġunijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid jew għall-estensjoni, inkluża d-data rilevanti kollha li tagħti dettalji tal-avvenimenti li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna tagħhom;

    (b)

    l-ambitu tal-introduzzjoni mill-ġdid jew tal-estensjoni proposta, u jispeċifika f’liema parti jew partijiet tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni se jiġu introdotti mill-ġdid jew estiżi;

    (c)

    l-ismijiet tal-punti ta’ qsim awtorizzati;

    (d)

    id-data u d-durata tal-introduzzjoni mill-ġdid jew tal-estensjoni ppjanata;

    (e)

    il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 26(1) u, fil-każ ta’ estensjoni, fl-Artikolu 26(2);

    (f)

    fejn ikun xieraq, il-miżuri li għandhom jittieħdu minn Stati Membri oħra.

    Notifika tista’ tiġi sottomessa b’mod konġunt minn żewġ Stati Membri jew aktar.

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw in-notifika billi jużaw il-mudell li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6.

    2.   Fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jkunu ilhom fis-seħħ għal sitt xhur f’konformità mal-Artikolu 25a(5), kwalunkwe notifika sussegwenti għall-estensjoni ta’ tali kontrolli għandha tinkludi valutazzjoni tar-riskju. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tippreżenta d-daqs u l-evoluzzjoni antiċipata tat-theddida serja, b’mod partikolari kemm it-theddida serja hija mistennija li tippersisti u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni jistgħu jiġu affettwati, kif ukoll informazzjoni rigward il-miżuri ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħra affettwati jew li x’aktarx jiġu affettwati mill-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    3.   Fejn l-Istati Membri jintroduċu mill-ġdid jew jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri minħabba sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1), il-punt (c), il-valutazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 1, il-punt (e), ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tar-riskju u informazzjoni dwar il-movimenti mhux awtorizzati fuq skala kbira u għall-għarrieda, inkluża kwalunkwe informazzjoni miksuba mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u l-analiżi tad-data mis-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti.

    4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fuq talba, jipprovdi lill-Kummissjoni, bi kwalunkwe informazzjoni ulterjuri, inkluż dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni mal-Istati Membri affettwati mill-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fil-fruntieri interni, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meħtieġa biex jiġi vvalutat l-użu possibbli tal-miżuri msemmija fl-Artikoli 23 u 23a.

    5.   L-Istati Membri m’għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu f’każijiet ġustifikati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, b’kont meħud tal-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. L-Istati Membri li jissottomettu notifika skont il-paragrafi 1 jew 2 jistgħu, fejn meħtieġ u f’konformità mal-liġi nazzjonali, jiddeċiedu li jikklassifikaw l-informazzjoni nnotifikata kollha jew partijiet minnha, b’mod partikolari l-valutazzjonijiet tar-riskju. Tali klassifikazzjoni ma għandhiex tipprekludi l-aċċess għall-informazzjoni, permezz ta’ mezzi xierqa u siguri ta’ kooperazzjoni, mill-Istati Membri l-oħra affettwati mill-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni. Tali klassifikazzjoni tal-informazzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew. It-trażmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u tad-dokumenti trażmessi lill-Parlament Ewropew skont dan l-Artikolu ma għandhomx jinkludu l-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 u għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar it-trażmissjoni u t-trattament ta’ informazzjoni klassifikata.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-mudell imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tagħmel il-mudell disponibbli online. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).”

    ;

    (14)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 27a

    Konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-opinjoni tal-Kummissjoni

    1.   Wara li jaslu n-notifiki, sottomessi skont l-Artikolu 27(1), il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva proprja, jew għandha, fuq talba ta’ Stat Membru affettwat direttament mill-kontrolli fuq il-fruntieri interni, tistabbilixxi proċess ta’ konsultazzjoni, inklużi laqgħat konġunti bejn l-Istat Membru li jkun qed jippjana li jintroduċi mill-ġdid jew jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni, u l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

    L-objettiv tal-konsultazzjoni għandu jkun li tiġi eżaminata b’mod partikolari t-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, b’kont meħud tal-adegwatezza ta’ miżuri alternattivi, u, jekk il-kontrolli tal-fruntieri diġà ġew introdotti mill-ġdid, l-impatt ta’ dan, kif ukoll il-modi kif tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri b’rabta mal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    L-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa’ jintroduċi jew jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandu jqis ir-riżultati ta’ tali konsultazzjoni meta jiddeċiedi jekk jintroduċix mill-ġdid jew jestendix il-kontrolli fuq il-fruntieri interni u meta jwettaq il-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    2.   Wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta mal-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-Kummissjoni għandha toħroġ, jew kwalunkwe Stat Membru jista’ joħroġ, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 TFUE, opinjoni, jekk, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fin-notifika u fil-valutazzjoni tar-riskju, fejn xieraq, jew abbażi ta’ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali, huma jkollhom tħassib fir-rigward tan-neċessità jew tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid jew tal-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    3.   Wara li jaslu n-notifiki sottomessi b’rabta ma’ estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25a(4) li twassal għall-kontinwazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal total ta’ 12-il xahar, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi mill-inqas:

    (a)

    valutazzjoni dwar jekk l-introduzzjoni mill-ġdid jew l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tikkonformax mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

    (b)

    valutazzjoni dwar jekk miżuri alternattivi biex tiġi rrimedjata t-theddida serja identifikata ġewx esplorati biżżejjed;

    Meta l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tiġi vvalutata u titqies li tirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, l-opinjoni għandu jkun fiha rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq, dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jiġi limitat l-impatt tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni u jingħata kontribut għat-tnaqqis tat-theddida persistenti.

    4.   Meta tinħareġ opinjoni msemmija fil-paragrafi 2 jew 3, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi proċess ta’ konsultazzjoni, f’konformità mal-paragrafu 1, sabiex tiddiskuti l-opinjoni mal-Istati Membri.”

    ;

    (15)

    L-Artikolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 28

    Mekkaniżmu speċifiku fejn emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira tpoġġi f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni

    1.   Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li hemm emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira li taffettwa diversi Stati Membri, u tpoġġi f’riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni, tista’ tagħmel proposta lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tawtorizza l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri mill-Istati Membri, inkluż kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni xierqa li għandha tiġi stabbilita fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni, fejn il-miżuri disponibbli msemmija fl-Artikoli 21a u 23 ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw l-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta tali proposta lill-Kunsill.

    2.   Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkopri perjodu sa massimu ta’ sitt xhur u tista’ tiġġedded, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perjodi ulterjuri sa massimu ta’ sitt xhur, sakemm tippersisti l-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira, b’kont meħud tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 4.

    3.   Meta l-Istati Membri jintroduċu mill-ġdid jew jestendu l-kontrolli fuq il-fruntieri minħabba l-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira msemmija fil-paragrafu 1, dawk il-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom, mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1, ikunu bbażati fuq dik id-deċiżjoni.

    4.   Il-Kummissjoni għandha regolarment tirrieżamina l-evoluzzjoni tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira kif imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll l-impatt tal-miżuri adottati f’konformità mad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija f’dak il-paragrafu, bil-ħsieb li tivvaluta jekk dawk il-miżuri għadhomx iġġustifikati u jekk le, tipproponi t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri mill-aktar fis possibbli.

    5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħradwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri f’konformità mad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri oħrajn, kif imsemmi fl-Artikolu 23, sabiex jillimitaw l-ambitu tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-Kummissjoni għandha tqis dawk il-miżuri fir-rieżami msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”

    ;

    (16)

    L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 33

    Rapport dwar l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni

    1.   Fi żmien erba’ ġimgħat mit-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, l-Istati Membri li jkunu wettqu kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jippreżentaw rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni mill-ġdid u, fejn applikabbli, l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, fejn il-kontrolli fuq il-fruntieri jiġu estiżi kif imsemmi fl-Artikolu 25a(5), l-Istat Membru kkonċernat għandu jissottometti rapport fl-iskadenza ta’ 12-il xahar u12-il xahar wara jekk il-kontrolli fuq il-fruntieri jinżammu b’mod eċċezzjonali.

    3.   Ir-rapport għandu jiddeskrivi, b’mod partikolari, il-valutazzjoni inizjali u ta’ segwitu tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-kontrolli fuq il-fruntieri, l-issodisfar tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 26, l-operat tal-verifiki, il-kooperazzjoni prattika mal-Istati Membri ġirien, l-impatt li jirriżulta fuq il-moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari fir-reġjuni transfruntiera, l-effettività tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluża valutazzjoni ex post tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi format uniformi għal tali rapport u tagħmlu disponibbli online. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

    5.   Il-Kummissjoni tista’ toħroġ opinjoni dwar dik il-valutazzjoni ex post tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri fi fruntiera interna waħda jew aktar jew f’partijiet minnha.

    6.   Mill-inqas darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsillb’mod konġunt dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni (ir-‘rapport dwar l-Istat ta’ Schengen’). Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiddiskuti r-rapport dwar l-Istat ta’ Schengen separatament mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi lista tad-deċiżjonijiet kollha meħuda matul is-sena rilevanti għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-kontrolli fuq il-fruntieri li jkun ilhom fis-seħħ għal aktar minn 12-il xahar. Għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tal-introduzzjoni mill-ġdid u tal-estensjonijiet tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-perjodu kopert minn dak ir-rapport kif ukoll informazzjoni dwar ix-xejriet fiż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni fir-rigward tal-movimenti mhux awtorizzati ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’kont meħud tal-informazzjoni disponibbli mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u l-analiżi tad-data minn sistemi ta’ informazzjoni rilevanti.”

    ;

    (17)

    L-Artikolu 36 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 36

    Emendi għall-Annessi

    1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37 fir-rigward ta’ emendi għall-Annessi III, IV u VIII.

    2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37 biex tissupplementa dan ir-Regolament billi żżid fl-Anness XI, il-parti B, kategoriji ta’ persuni li jwettqu vjaġġar essenzjali.

    3.   Fejn, f’każijiet iġġustifikati kif dovut, li jirrigwardaw in-natura tal-emerġenza tas-saħħa pubblika fuq skala kbira, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 37a għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

    ;

    (18)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 37a

    Proċedura ta’ urġenza

    1.   L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

    2.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(5). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill”.

    (19)

    fl-Artikolu 39(1), jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “(h)

    iż-żoni meqjusa bħala reġjuni transfruntiera u kwalunkwe bidla rilevanti għalihom.”

    ;

    (20)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 42b

    Notifika tar-reġjuni transfruntiera

    Sal-11 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri kollha bi fruntieri interni komuni għandhom, f’kooperazzjoni mill-qrib, jiddeterminaw iż-żoni tat-territorju tagħhom meqjusa bħala reġjuni transfruntiera, b’kont meħud tar-rabtiet soċjali u ekonomiċi b’saħħithom bejniethom, u jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan.

    L-Istati Membri għandhom jinformaw ukoll lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla rilevanti fihom.”

    ;

    (21)

    It-test stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jinżdied bħala Annessi XI u XII mar-Regolament (UE) 2016/399.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU C 323, 26.8.2022, p. 69.

    (2)   ĠU C 498, 30.12.2022, p. 114.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Mejju 2024.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil, u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 (ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni (ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 93).

    (11)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

    (13)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1348/oj).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li tħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1347/oj).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1351/oj).

    (17)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

    (18)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (19)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (21)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (22)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (23)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (24)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (25)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (26)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    ANNESS

    “ANNESS XI

    VJAĠĠAR ESSENZJALI

    Parti A

    Il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 21a(4):

    1.

    professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi fil-qasam tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;

    2.

    ħaddiema transfruntiera;

    3.

    persunal tat-trasport;

    4.

    diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

    5.

    passiġġieri fi tranżitu;

    6.

    passiġġieri li jivvjaġġaw għal raġunijiet imperattivi ta’ familja;

    7.

    baħħara;

    8.

    persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew fi bżonn li jidħlu għal raġunijiet umanitarji oħrajn.

    Parti B

    Kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 21a(5):

    1.

    tfal fl-edukazzjoni u l-kura bikrija u tfal tal-iskola fl-edukazzjoni f’pajjiż ġar u t-tuturi tagħhom li jakkumpanjawhom, li jaqsmu l-fruntiera bil-għan li jirċievu tali edukazzjoni, kif ukoll studenti jew persuni li jivvjaġġaw għal skopijiet edukattivi;

    2.

    ħaddiema staġjonali, inklużi ħaddiema li jipproduċu l-ikel;

    3.

    persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet konvinċenti ta’ kura tal-annimali jew għal miżuri meħtieġa għall-agrikoltura u l-forestrija f’każijiet individwali;

    4.

    ħaddiema bi kwalifiki għoljin kif ukoll persunal importanti u xjentifiku li l-impjieg tagħhom huwa meħtieġ minn perspettiva ekonomika, soċjetali u ta’ sigurtà u li x-xogħol tagħhom ma jistax jiġi pospost jew jitwettaq barra mill-pajjiż;

    5.

    persunal tal-awtoritajiet pubbliċi għad-difiża, l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika u s-sigurtà nazzjonali — jiġifieri persunal tal-pulizija, tal-pulizija tal-fruntieri, tal-immigrazzjoni, tas-saħħa pubblika u tal-protezzjoni ċivili eċċ. jew rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jekk l-ivvjaġġar ikun relatat mat-twettiq ta’ dmirijiet uffiċjali, inkluż persunal responsabbli għall-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika;

    6.

    sajjieda u persuni li jwettqu xogħol jew jipprovdu servizzi fuq bastimenti jew pjattaformi ta’ estrazzjoni u tħaffir lil hinn mill-kosta, ibbażati fuq relazzjoni ta’ impjieg għajr kuntratt ta’ impjieg marittimu;

    7.

    persuni li jidħlu fl-Istat Membru bil-għan li jirċievu servizzi mediċi essenzjali, inklużi okkupanti ta’ vetturi ta’ emerġenza;

    8.

    konjuġi (miżżewġin, sieħeb ċivili, konkubin) u t-tfal ta’ vjaġġatur essenzjali, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għar-riunifikazzjoni tal-familja;

    9.

    ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw biex iwieġbu għal taħrika minn awtorità ġudizzjarja;

    10.

    persuni fil-pussess ta’ Karta tal-Istampa Internazzjonali maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti;

    11.

    persuni dipendenti fuq il-kura li jivvjaġġaw lejn dawk li jieħdu ħsiebhom.

    ANNESS XII

    Parti A

    Proċedura għat-trasferiment ta’ persuni maqbuda fiż-żoni tal-fruntiera interna

    1.

    Id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment skont l-Artikolu 23a(2) għandhom jinħarġu permezz ta’ formola standard, kif stabbilit fil-Parti B ta’ dan l-Anness, mimlija mill-awtorità nazzjonali kompetenti. Huma għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.

    2.

    Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni ta’ trasferiment billi jiffirma l-formola u għandu jingħata kopja tal-formola ffirmata.

    Meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrifjuta li jiffirma l-formola standard, l-awtorità kompetenti għandha tindika dan ir-rifjut fil-formola taħt it-taqsima “kummenti”.

    3.

    L-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom jirreġistraw id-data fil-formola standard stabbilita fil-Parti B ta’ dan l-Anness.

    4.

    L-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-għadd ta’ persuni trasferiti lejn Stati Membri oħra, filwaqt li jindikaw l-Istat(i) Membru/i li lejhom ġew trasferiti l-persuni, ir-raġunijiet għall-konklużjoni li dawk il-persuni ma kellhom l-ebda dritt li jibqgħu fl-Istat Membru u, fejn disponibbli, in-nazzjonalità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda.

    5.

    Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda f’żoni tal-fruntiera u trasferiti skont din il-proċedura għandu jkollhom id-dritt li jappellaw. L-appelli kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment għandhom isiru f’konformità mal-liġi nazzjonali. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jingħataw rimedju effettiv f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta. Indikazzjoni bil-miktub tal-punti ta’ kuntatt li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar rappreżentanti kompetenti biex jaġixxu f’isem iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-liġi nazzjonali għandha tingħata wkoll liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’lingwa li jifhmu jew li raġonevolment huwa maħsub li jifhmu. It-tressiq ta’ tali appell ma għandux ikollu effett sospensiv.

    6.

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal deċiżjoni ta’ trasferiment jiġi ttrasferit, fil-qafas tal-kooperazzjoni bilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 23a, il-paragrafu 1(a), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru riċeventi. It-trasferiment għandu jsir immedjatament u fi żmien mhux aktar tard minn 24 siegħa. Wara dan, il-proċedura ta’ trasferiment ma tistax isseħħ u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/115/KE għandhom japplikaw fejn xieraq. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru riċeventi għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru ta’ trasferiment għal dak l-għan.

    Parti B

    Formola standard għat-trasferiment ta’ persuni maqbuda fiż-żoni tal-fruntiera interna

    Image 1


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1717/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top