Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1161

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1161 tat-22 ta’ April 2024 dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali, l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet oħra tal-annimali (detentur tal-awtorizzazzjoni: DSM Nutritional Products Ltd.), li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1061/2013 u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 361/2011, (UE) 2015/518 u (UE) 2019/11

C/2024/2531

ĠU L, 2024/1161, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1161/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1161/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1161

23.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1161

tat-22 ta’ April 2024

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet tal-annimali, l-awtorizzazzjoni ta’ dak il-preparat bħala addittiv tal-għalf għal ċerti speċijiet oħra tal-annimali (detentur tal-awtorizzazzjoni: DSM Nutritional Products Ltd.), li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1061/2013 u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 361/2011, (UE) 2015/518 u (UE) 2019/11

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ tali awtorizzazzjoni.

(2)

Żewġ forom ta’ preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 (li qabel kien identifikat tassonomikament bħala Enterococcus faecium NCIMB 10415), il-“forma mikroinkapsulata” u l-“forma mikroinkapsulata bix-xellak”, kienu awtorizzati għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 361/2011 (2), u għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/518 (3). Il-“forma mikroinkapsulata” u l-“forma inkapsulata u miksija bix-xellak”, kif ukoll “forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat, ġew awtorizzati għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela u l-gidien bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2013 (4), u għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/11 (5).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-“forma mikroinkapsulata” u tal-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd u għall-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela tas-simna, għall-għoġġiela għat-trobbija, għall-gidien tas-simna, għall-gidien għat-trobbija, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna. F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, dik l-applikazzjoni tressqet ukoll għall-awtorizzazzjoni ta’ użi ġodda tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415, jiġifieri l-użu tal-“forma granulata mingħajr kisi” fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd, l-użu tal-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” fl-għalf għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna, għad-dundjani mrobbija għat-tnissil, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għat-tnissil, għall-għasafar ornamentali, għall-ħrief għat-trobbija, għall-ħrief tas-simna, għall-ispeċijiet minuri ta’ ruminanti għat-trobbija, għall-ispeċijiet minuri ta’ ruminanti tas-simna, għall-ħnieżer imrobbija għat-tnissil u għall-kategoriji kollha ta’ speċijiet porċini minuri, l-użu tal-“forma mikroinkapsulata” u l-“forma granulata mingħajr kisi” fl-ilma tax-xorb għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna, għad-dundjani mrobbija għat-tnissil, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għall-bajd, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għat-tnissil, għall-għasafar ornamentali, għall-għoġġiela għat-trobbija, għall-għoġġiela tas-simna, għall-gidien għat-trobbija, għall-gidien tas-simna, għall-ħrief għat-trobbija, għall-ħrief tas-simna, għall-ispeċijiet ruminanti minuri għat-trobbija, għall-ispeċijiet ruminanti minuri tas-simna, għall-ħnieżer imrobbija għat-tnissil u għall-kategoriji kollha ta’ ħnieżer u ta’ speċijiet porċini minuri (“l-ispeċijiet fil-mira”). L-applikazzjoni talbet li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-“addittivi żootekniċi” u fil-grupp funzjonali “stabilizzaturi tal-flora intestinali”. Flimkien mal-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tas-27 ta’ Settembru 2023 (6), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li t-tliet forom kollha tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 huma sikuri għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent taħt il-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Ikkonkludiet ukoll li l-“forma mikroinkapsulata” u l-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” ta’ dak il-preparat ma humiex irritant tal-ġilda jew tal-għajnejn u li t-tliet forom kollha tal-addittiv jitqiesu bħala sensitizzatur respiratorju potenzjali. L-Awtorità ma setgħet tilħaq l-ebda konklużjoni dwar il-potenzjal tal-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat li jkun irritant tal-ġilda u tal-għajnejn u lanqas dwar il-potenzjal ta’ sensitizzazzjoni tal-ġilda tat-tliet forom kollha tal-addittiv. L-Awtorità indikat li ma kienx hemm bżonn li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 fil-kuntest tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni peress li l-applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ma tinkludix proposta biex jiġu emendati jew issupplimentati l-kundizzjonijiet tal-użu għal dawk l-ispeċijiet u l-kategoriji li għalihom hemm awtorizzazzjoni. Hija kkonkludiet ukoll li l-effikaċja għall-użi l-ġodda tista’ tiġi estrapolata mill-istudji tal-effikaċja preċedenti u li, fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-koċċidjostati, il-konklużjonijiet li diġà ntlaħqu qabel jistgħu jiġu estrapolati għall-ispeċijiet u l-kategoriji l-oħra tal-pollam fl-istadju fiżjoloġiku rilevanti u għall-koċċidjostati li għalihom teżisti awtorizzazzjoni. L-Awtorità ma qisitx li hemm il-ħtieġa ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 5(4), il-punt (a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (7), il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni preċedenti dwar l-istess addittiv fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-preparat ta’ Enterococcus lactis NCIMB 10415 jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, jenħtieġ li tiġġedded l-awtorizzazzjoni tal-“forma mikroinkapsulata” u tal-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, u tal-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala (li jinkludu ħnieżer imrobbija għar-riproduzzjoni), għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnienes tas-simna. Barra minn hekk, jenħtieġ li dak il-preparat jiġi awtorizzat għall-użi l-ġodda li tkun saret applikazzjoni għalihom. Huwa xieraq li tiġi estiża l-indikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-użu ta’ dak il-preparat ma’ xi koċċidjostati għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u mrobbija għat-tnissil u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għat-tnissil. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

Bħala konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-“forma mikroinkapsulata” u tal-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, kif ukoll tal-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1061/2013 jiġi emendat, u jenħtieġ li r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 361/2011, (UE) 2015/518 u (UE) 2019/11 jitħassru.

(8)

Peress li r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-“forma mikroinkapsulata” u tal-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, kif ukoll tal-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna, huwa xieraq li jiġi pprovdut perjodu tranżitorju għall-partijiet interessati biex jippreparaw lilhom infushom biex jissodisfaw r-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-applikazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tal-“forma mikroinkapsulata” u tal-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat speċifikat fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabilizzaturi tal-flora intestinali”, għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, kif ukoll tal-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna, huma mġedda soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni

Il-“forma granulata mingħajr kisi” tal-preparat speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabilizzaturi tal-flora intestinali”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness. Il-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat huma awtorizzati bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ imrobbija għat-tnissil, għad-dundjani tas-simna u mrobbija għat-tnissil, għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam imrobbija għat-tnissil, għall-għasafar ornamentali, għall-ħrief għat-trobbija u tas-simna, għall-ispeċijiet minuri ta’ ruminanti għat-trobbija u tas-simna, u għall-kategoriji kollha ta’ speċijiet porċini minuri, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness. Il-“forma mikroinkapsulata” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat huma awtorizzati bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali għall-użu fl-ilma tax-xorb għall-ispeċijiet kollha tal-pollam tas-simna, imrobbija għall-bajd u mrobbija għat-tnissil, għall-għasafar ornamentali, għall-majjala tal-ispeċijiet Suidae kollha, għall-ħnienes mhux miftuma u miftuma tal-ispeċijiet kollha Suidae, għall-ħnieżer tas-simna tal-ispeċijiet kollha Suidae, għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-ħrief għat-trobbija u tas-simna, u speċijiet ruminanti minuri għat-trobbija u tas-simna, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1061/2013

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1061/2013, titħassar l-ewwel entrata 4b1705 relatata mal-għoġġiela u l-gidien.

Artikolu 4

Tħassir

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 361/2011, (UE) 2015/518 u (UE) 2019/11 jitħassru.

Artikolu 5

Miżuri tranżizzjonali

1.   Il-“forma mikroinkapsulata” u l-“formola mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat speċifikat fl-Anness u l-premixxeli li fihom dawk il-forom ta’ dak il-preparat, li huma maħsuba għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri ta’ pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, kif ukoll il-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” u l-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat u l-premixxeli li fihom dawk il-forom ta’ dak il-preparat, li huma maħsuba għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, il-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna, u li huma prodotti u ttikkettati qabel it-13 ta’ Novembru 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-13 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom il-“forma mikroinkapsulata” jew il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak” tal-preparat speċifikat fl-Anness u l-premixxeli li fihom dawk il-forom ta’ dak il-preparat, li huma maħsuba għall-użu fl-għalf għat-tiġieġ tas-simna u mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet minuri tal-pollam tas-simna u mrobbija għall-bajd, kif ukoll li fihom il-“forma mikroinkapsulata”, il-“forma mikroinkapsulata bix-xellak”, jew il-“forma granulata mingħajr kisi” ta’ dak il-preparat, li huma maħsuba għall-użu fl-għalf għall-għoġġiela għat-trobbija u tas-simna, għall-gidien għat-trobbija u tas-simna, għall-majjala, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma u għall-ħnieżer tas-simna, u li huma prodotti u ttikkettati qabel it-13 ta’ Mejju 2025 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel it-13 ta’ Mejju 2024 jistgħu jibqgħu jiġu introdotti fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj?locale=mt#.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 361/2011 tat-13 ta’ April 2011 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-Enterococcus faecium NCIMB 10415 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd irrappreżentat minn DSM Nutritional products Sp. z o.o) u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 943/2005 (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 22, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2011/361/2015-04-16?locale=mt).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/518 tas-26 ta’ Marzu 2015 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Enterococcus faecium NCIMB 10415 bħala addittiv fl-għalf tat-tiġieġ imrobbija għall-bajd, ta’ speċijiet minuri ta’ tjur tas-simna u ta’ speċijiet minuri ta’ tjur imrobbija għall-bajd u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 361/2011 fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-koċċidijostatiċi (id-detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd irrappreżentat minn DSM Nutritional products Sp. Z o.o) (ĠU L 82, 27.3.2015, p. 75, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2015/518/oj?locale=mt).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1061/2013 tad-29 ta’ Ottubru 2013 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni ta’ Enterococcus faecium NCIMB 10415 bħala addittiv fl-għalf tal-għoġġiela, il-gidjien, il-qtates u l-klieb u li temenda r-Regolament (KE) Nru 1288/2004 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional Products Ltd irrappreżentat minn DSM Nutritional products Sp. Z o.o.) (ĠU L 289, 31.10.2013, p. 38, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1061/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/11 tat-3 ta’ Jannar 2019 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tal-Enterococcus faecium NCIMB 10415 bħala addittiv tal-għalf għall-ħnieżer nisa, għall-ħnienes mhux miftuma, għall-ħnienes miftuma, għall-ħnieżer tas-simna, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 252/2006, (KE) Nru 943/2005 u (KE) Nru 1200/2005 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni DSM Nutritional products Ltd., irrappreżentat minn DSM Nutritional Products Sp. z o.o.) (ĠU L 2, 4.1.2019, p. 17, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2019/11/oj).

(6)   EFSA Journal 2023;21(10):8347.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2005/378/oj?locale=mt).


ANNESS

PARTI I

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

CFU/l ta’ ilma tax-xorb

Kategorija: addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabbilizzaturi tal-flora intestinali

4b1705

DSM Nutritional Products Ltd, irrappreżentat minn DSM Nutritional Products Sp. z o.o.

Enterococcus lactis NCIMB 10415

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 li fih minimu ta’:

—

forma mikroinkapsulata: 1 × 1010CFU/g ta’ addittiv, jew

—

forma granulata mingħajr kisi: 3,5 × 1010 CFU/g ta’ addittiv.

Forom solidi

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Ċelloli vijabbli ta’ Enterococcus lactis NCIMB 10415

Metodu analitiku  (1)

Identifikazzjoni: Metodi ta’ sekwenzjar tad-DNA jew Elettroforeżi fuq Ġell f’Kamp Pulsat (PFGE, Pulsed Field Gel Electrophoresis) — CEN/TS 17697.

Enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli, fl-għalf kompost u fl-ilma: metodu tat-tifrix bl-użu ta’ agar eskulin ażid tal-aċidu biljari (EN 15788)

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għall-bajd

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għat-tnissil

Għasafar ornamentali

—

3 × 108

—

1,5 × 108

—

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxela, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv jista’ jintuża permezz tal-ilma tax-xorb.

3.

L-addittiv jista’ jintuża simultanjament mal-koċċidjostati li ġejjin, f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf: dekokinat, monensina tas-sodju, kloridrat tar-robenidina, diklażuril, semduramiċina, lażaloċid A tas-sodju, maduramiċina tal-ammonju, narasin, taħlita ta’ narasin ma’ nikarbażina, sodju tas-salinomiċina.

4.

L-addittiv għandu jingħata lill-majjala li jreddgħu u simultanjament lill-ħnienes mhux miftuma.

5.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs u għall-ġilda, kif ukoll b’tagħmir protettiv għall-għajnejn għall-forma granulata mingħajr kisi.

It-13 ta’ Mejju 2034

Majjala tal-ispeċijiet Suidae kollha

7 × 108

3,5 × 108

Ħnienes mhux miftuma tal-ispeċijiet kollha Suidae

Għoġġiela, gidien, ħrief u speċijiet ruminanti minuri għat-trobbija

Għoġġiela, gidien, ħrief u ruminanti minuri tas-simna

1 × 109

0,5 × 109

Ħnienes miftuma tal-ispeċijiet kollha Suidae

Ħnieżer tas-simna tal-ispeċijiet kollha Suidae

3,5 × 108

2 × 108

PARTI II

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv tal-għalf

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

CFU/kg ta’ għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabbilizzaturi tal-flora intestinali

4b1705i

DSM Nutritional Products Ltd, irrappreżentat minn DSM Nutritional Products Sp. z o.o.

Enterococcus lactis NCIMB 10415

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparat tal-Enterococcus lactis NCIMB 10415 li fih minimu ta’:

—

forma mikroinkapsulata bix-xellak: 2 × 1010 CFU/g ta’ addittiv

Forma solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Ċelloli vijabbli ta’ Enterococcus lactis NCIMB 10415

Metodu analitiku  (2)

Identifikazzjoni: Metodi ta’ sekwenzjar tad-DNA jew Elettroforeżi fuq Ġell f’Kamp Pulsat (PFGE, Pulsed Field Gel Electrophoresis) - CEN/TS 17697.

Enumerazzjoni fl-addittiv tal-għalf, fil-premixxeli, fl-għalf kompost u fl-ilma: metodu tat-tifrix bl-użu ta’ agar eskulin ażid tal-aċidu biljari (EN 15788)

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam tas-simna

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għall-bajd

L-ispeċijiet kollha ta’ pollam imrobbija għat-tnissil

Għasafar ornamentali

—

3 × 108

—

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-premixxela, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

L-addittiv jista’ jintuża simultanjament mal-koċċidjostati li ġejjin, f’konformità mal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni rispettivi tagħhom bħala addittivi tal-għalf: dekokinat, monensina tas-sodju, kloridrat tar-robenidina, diklażuril, semduramiċina, lażaloċid A tas-sodju, maduramiċina tal-ammonju, narasin, taħlita ta’ narasin ma’ nikarbażina, sodju tas-salinomiċina.

3.

L-addittiv għandu jingħata lill-majjala li jreddgħu u simultanjament lill-ħnienes mhux miftuma.

4.

Għall-utenti tal-addittiv u tal-premixxeli, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u l-premixxeli għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għan-nifs u għall-ġilda.

13 ta’ Mejju 2034

Majjala tal-ispeċijiet Suidae kollha

7 × 108

Ħnienes mhux miftuma tal-ispeċijiet kollha Suidae

Għoġġiela, gidien, ħrief u speċijiet ruminanti minuri għat-trobbija

Għoġġiela, gidien, ħrief u ruminanti minuri tas-simna

1 × 109

Ħnienes miftuma tal-ispeċijiet kollha Suidae

Ħnieżer tas-simna tal-ispeċijiet kollha Suidae

3,5 × 108


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en

(2)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_en


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1161/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top