Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1141

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1141 tat-14 ta’ Diċembru 2023 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għal ċertu laħam, prodotti tas-sajd, prodotti tal-ħalib u bajd

    C/2023/8519

    ĠU L, 2024/1141, 19.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1141/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1141/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1141

    19.4.2024

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1141

    tat-14 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ iġjene għal ċertu laħam, prodotti tas-sajd, prodotti tal-ħalib u bajd

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (a), (c), (d), (e) u (f), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi tan-negozju tal-ikel. B’mod partikolari, l-Anness II ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti li jikkonċernaw diversi prodotti ta’ oriġini mill-annimali, u l-Anness III tiegħu jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi. L-Anness II, it-Taqsima I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-applikazzjoni ta’ marka ta’ identifikazzjoni għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali. L-Anness II, it-Taqsima I, il-Parti B tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirreferi għall-Komunità Ewropea, minflok għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li l-abbrevjazzjonijiet tal-marka ta’ identifikazzjoni li jirreferu għall-“Unjoni Ewropea” jissostitwixxu r-referenzi għall-“Komunità Ewropea”. Madankollu, tali sostituzzjoni toħloq piż amministrattiv sostanzjali. Għalhekk jenħtieġ li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu l-prodotti li jkollhom marka ta’ identifikazzjoni bl-abbrevjazzjoni għall-“Komunità Ewropea” qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jistgħu jibqgħu fis-suq.

    (2)

    Barra minn hekk, hija meħtieġa kjarifika dwar ir-rabta bejn il-forma tal-marka ta’ identifikazzjoni meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 853/2004, u r-rekwiżiti għal marka ta’ identifikazzjoni speċjali stabbiliti għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali fir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Anness II, it-Taqsima I, il-Parti B tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li tiġi emendata biex tiċċara liema forma jenħtieġ li tapplika f’ċirkostanzi speċifiċi.

    (3)

    L-Anness II jirrikjedi wkoll li l-operaturi tan-negozju tal-ikel li joperaw il-biċċeriji kif xieraq, jitolbu, jingħataw, jiċċekkjaw u jaġixxu fid-dawl tal-informazzjoni tal-katina alimentari u dan jgħodd għall-annimali kollha mibgħuta jew maħsuba biex jintbagħtu lejn il-biċċerija, għajr il-kaċċa salvaġġa. L-istess rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw għall-operaturi tan-negozju tal-ikel li joperaw stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa fejn il-kaċċa mrobbija maqtula fil-post tal-oriġini tintbagħat lill-istabbiliment li jipproċessa l-kaċċa.

    (4)

    Il-biċċeriji mobbli qed jintużaw dejjem aktar biex jiġu evitati kwistjonijiet possibbli dwar it-trattament xieraq tal-annimali matul it-trasport, pereżempju, minħabba ħinijiet twal ta’ trasport tal-annimali mrobbija f’żoni remoti. Il-biċċeriji mobbli huma soġġetti għall-approvazzjoni bħal kwalunkwe biċċerija oħra f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 f’kull Stat Membru fejn joperaw. Madankollu, hemm bżonn li jiġi ċċarat kif din l-approvazzjoni jenħtieġ li tapplika fil-każ ta’ taħlita ta’ faċilitajiet mobbli u permanenti tal-biċċerija. L-approvazzjoni tal-biċċeriji hija bbażata l-aktar fuq il-konformità mar-rekwiżiti dwar il-kostruzzjoni, it-tqassim u t-tagħmir ta’ dawk il-biċċeriji previsti fl-Anness III, it-Taqsimiet I u II, il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    (5)

    L-Artikolu 43(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (3) jippermetti, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, li annimali ħajjin jistgħu jittieħdu lejn biċċerija oħra. Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 ma jipprevedix din il-possibbiltà. Għall-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li jiġi allinjat f’dan ir-rigward mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627. Għalhekk jenħtieġ li ll-Anness III, it-Taqsima I, il-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jippermetti l-isturdament u l-iżvinar ta’ għadd limitat ta’ ċerti ungulati fil-farm soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi inkluż li l-annimali ma jistgħux jiġu ttrasportati lejn il-biċċerija biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għal min jieħu ħsiebhom u biex jiġi pprevenut kwalunkwe ħsara lill-annimali matul it-trasport. Dan ir-rekwiżit jillimita din il-possibbiltà ta’ sturdament u żvinar fil-farm fil-biċċa l-kbira għal annimali mrobbija b’mod estensiv u jeskludi l-biċċa l-kbira tal-annimali pproċessati b’mod regolari mill-bdiewa u għalhekk ittrasportati faċilment mingħajr riskju. Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u mill-awtoritajiet kompetenti u filwaqt li titqies id-domanda dejjem akbar biex tiġi evitata kwalunkwe kwistjoni ta’ trattament xieraq tal-annimali matul it-trasport, huwa xieraq li tiġi estiża dik il-possibbiltà li jiġu storduti u żvinati l-ungulati fil-farm f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi għall-annimali ovini u kaprini u għal ungulati oħrajn imrobbija fi kwalunkwe kundizzjoni ta’ alloġġ.

    (7)

    Fid-19 ta’ Jannar 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ippubblikat Opinjoni Xjentifika dwar Microbiological Safety of Aged Meat (4) (“l-Opinjoni tal-EFSA”). L-Opinjoni tal-EFSA tindika li l-laħam maturat ma joħloqx riskju akbar għas-saħħa pubblika mil-laħam frisk jekk jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti. Filwaqt li jitqies il-konsum dejjem akbar ta’ laħam maturat, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi rrakkomandati fl-Opinjoni tal-EFSA fir-Regolament (KE) Nru 853/2004, b’mod partikolari fir-rigward ta’ laħam maturat fin-niexef minn annimali bovini. Dan il-laħam jiġi introdott fis-suq bħala laħam frisk, eż. billi jiżdiedu kolturi ta’ maturazzjoni matul il-maturazzjoni fin-niexef tal-laħam frisk, bħala preparat tal-laħam. L-Anness III, it-Taqsimiet I u V tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

    (8)

    L-Anness III, it-Taqsima I, il-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jipprevedi kundizzjonijiet alternattivi tat-trasport għal karkassi, nofs karkassi, kwarti jew nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa ta’ annimali ovini, kaprini, annimali bovini u porċini. Dawn il-kundizzjonijiet tat-trasport huma bbażati fuq il-kontroll tat-temperatura tal-wiċċ tal-laħam minflok it-temperatura tal-qalba tiegħu u jeħtieġ li jikkonformaw ma’ rekwiżiti speċifiċi.

    (9)

    Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u mill-awtoritajiet kompetenti, huwa xieraq li jiġu emendati dawk ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-Anness III, it-Taqsima I, il-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 b’mod partikolari biex jippermettu l-ġbir tal-laħam minn maħżen imkessaħ u minn għadd limitat ta’ biċċeriji, li jiġi permess it-trasport fl-istess kompartiment b’aktar tipi ta’ laħam li jikkonformaw mar-rekwiżiti finali tat-temperatura ta’ dan il-laħam, u li jiġu pprovduti kundizzjonijiet addizzjonali ta’ temperatura u ħin għat-trasport ta’ karkassi, nofs karkassi, kwarti jew nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat bl-ingrossa ta’ annimali ovini, kaprini u annimali bovini matul ħin massimu ta’ trasport ta’ 30 siegħa.

    (10)

    L-awtoritajiet kompetenti indikaw eżiti differenti għall-kejl tat-temperatura tal-wiċċ meta jintużaw metodi differenti. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit metodu ta’ referenza bbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-operaturi tan-negozju tal-ikel u l-iżviluppi teknoloġiċi filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jintużaw metodi alternattivi.

    (11)

    Fl-Anness III, it-Taqsima III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirrikjedi li r-ratiti mrobbija u l-ungulati mrobbija maqtula fil-farm għandhom jiġu ttrasportati lejn il-biċċerija għal aktar ipproċessar. Peress li l-istabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa għandhom faċilitajiet xierqa biex jipproċessaw b’mod iġeniku tali kaċċa mrobbija maqtula fil-farm, jenħtieġ li dawn ikunu awtorizzati li jirċievu u jipproċessaw ukoll ratiti mrobbija u ungulati mrobbija.

    (12)

    L-Anness III, it-Taqsima III, il-punt (3)(i) jirrikjedi wkoll dikjarazzjoni mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jkun rabba l-annimali biex takkumpanja ratiti mrobbija u ungulati mrobbija maqtula fil-farm għall-biċċerija. L-informazzjoni pprovduta f’dik id-dikjarazzjoni hija simili għall-informazzjoni dwar il-katina alimentari. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv permezz ta’ din id-duplikazzjoni tal-informazzjoni, dan ir-rekwiżit għad-dikjarazzjoni jenħtieġ li jitħassar. Ir-referenzi għall-punt 3(i) jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’referenzi għall-informazzjoni dwar il-katina alimentari.

    (13)

    Il-kaċċa mrobbija maqtula fl-azjenda li minnha ġejjin l-annimali trid tiġi akkumpanjata b’ċertifikat li jattesta l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, it-Taqsima III, il-punt 3 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, bl-użu tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fl-Anness IV, il-Kapitolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (5). Biex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità bejn ir-rekwiżit legali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 u l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235, il-kliem fiċ-ċertifikat tas-saħħa kemm fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jenħtieġ li jkun kompletament konsistenti.

    (14)

    L-Anness III, it-Taqsima VIII, il-Kapitolu VII, il-punti 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jipprevedu li l-prodotti tas-sajd friski u l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati maħlula mis-silġ, għandhom jinżammu f’temperatura qrib dik tas-silġ li qed idub u li l-prodotti tas-sajd iffriżati għandhom jinżammu f’temperatura ta’ mhux aktar minn -18 °C fil-partijiet kollha tal-prodotti. Is-settur tal-prodotti tas-sajd xi drabi jeħtieġ li juża magni li jfellu l-prodotti tas-sajd mhux ipproċessati friski u maħlula jew prodotti tas-sajd ipproċessati u li jistgħu jerġgħu jiffurmaw it-tfellil billi jużaw folji f’saffi impoġġija b’mod awtomatiku. F’dan il-każ, dawk il-prodotti tas-sajd jitqiegħdu f’kamra kiesħa biex titnaqqas it-temperatura inizjali tagħhom jew, fil-każ ta’ prodotti diġà ffriżati, it-temperatura tagħhom tiżdied għal aktar minn -18 °C biex ikun permess it-tqattigħ jew it-tfellil. Għalhekk huwa xieraq li jiġi awtorizzat, meta jkun meħtieġ għal temperatura teknoloġikament meħtieġa, li t-temperatura tal-prodotti tas-sajd sottomessi għal dik il-prattika tkun differenti mit-temperaturi meħtieġa fl-Anness III, it-Taqsima VIII, il-Kapitolu VII, il-punti 1 u 2 għal perjodu ta’ żmien limitat. Madankollu, il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura jenħtieġ li ma jkunux permessi.

    (15)

    L-Anness III, it-Taqsima IX, il-Kapitolu I, il-Parti I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa għall-ħalib mhux trattat u għall-produzzjoni tal-kolostru f’merħliet ta’ annimali mrobbija li minnhom jinġabru l-ħalib u l-kolostru bil-għan li jiġu introdotti fis-suq. Il-punt 3 ta’ dik il-Parti I jipprevedi li l-ħalib mhux trattat mill-baqar, mill-bufli, min-nagħaġ jew mill-mogħoż li ma jkunux ġejjin minn merħliet ħielsa jew uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi u mit-tuberkulożi għandu jsirlu trattament bis-sħana biex juri reazzjoni negattiva għat-test tal-fosfatażi alkalina. Madankollu, l-ittestjar tal-fosfatażi alkalina ma huwiex metodu xieraq għall-verifika tat-trattament bis-sħana tal-ħalib mhux trattat minn speċijiet mhux bovini jew minn ħalib mhux trattat separat fi frazzjonijiet differenti qabel it-trattament bis-sħana f’impjanti tal-ipproċessar moderni. Għalhekk jenħtieġ li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jiġu offruti għażliet alternattivi bbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex juru l-effettività tat-trattament bis-sħana applikat.

    (16)

    L-Anness III, it-Taqsima IX, il-Kapitolu II, il-Parti II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-trattament bis-sħana tal-ħalib mhux trattat, tal-kolostru, tal-prodotti tal-ħalib jew tal-prodotti li fihom il-kolostru. Il-punt 1(a) ta’ dik il-Parti II jipprevedi li l-prodotti ppastorizzati jridu juru, meta applikabbli, reazzjoni negattiva għal test tal-fosfatażi alkalina immedjatament wara tali trattament. Minħabba n-nuqqas ta’ adegwatezza tal-ittestjar tal-fosfatażi alkalina għall-verifika tat-trattament bis-sħana tal-ħalib mhux trattat minn speċijiet mhux bovini jew ħalib mhux trattat separat fi frazzjonijiet differenti qabel ma jiġi ttrattat bis-sħana, jenħtieġ li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jiġu offruti wkoll għażliet alternattivi bbażati fuq il-prinċipji tal-HACCP biex tintwera l-effettività tal-pasturizzazzjoni.

    (17)

    L-Anness III, it-Taqsima X, il-Kapitolu I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli tal-iġjene għall-produzzjoni tal-bajd u b’mod partikolari jipprevedi li, fil-bini tal-produttur sal-bejgħ lill-konsumatur, il-bajd irid jinżamm ħieles minn riħa barranija peress li tali riħa tista’ tkun indikattiva ta’ alterazzjoni fil-bajd li jagħmilhom mhux adatti għall-konsum dirett mill-konsumatur finali. Madankollu, meta riħa barranija tkun ġiet applikata intenzjonalment għall-bajd minn operatur tan-negozju tal-ikel sabiex jagħtihom togħmiet partikolari, il-preżenza ta’ tali riħa ma tfissirx li l-bajd jippreżenta riskju għall-konsumatur. Għalhekk, jenħtieġ li jkun permess l-introduzzjoni fis-suq ta’ bajd li għalih tkun ġiet applikata riħa intenzjonalment, dment li tali prattika ma tkunx maħsuba biex taħbi l-eżistenza minn qabel ta’ kwalunkwe riħa barranija tal-bajd.

    (18)

    Huwa xieraq li l-operaturi tan-negozju tal-ikel jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda dwar il-maturazzjoni fin-niexef taċ-ċanga jew biex juru għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti s-sikurezza ta’ approċċi alternattivi. Għalhekk, dawn ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti fl-Anness III, it-Taqsima I, il-Kapitolu VII tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, kif emendat b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw 6 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (19)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-marka ta’ identifikazzjoni fuq il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali tista’ tkompli tinkludi l-abbrevjazzjonijiet tal-“Komunità Ewropea” stabbiliti fl-Anness II, it-Taqsima I, il-Parti B, il-punt 8, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif kienet fil-verżjoni qabel l-emendi magħmula minn dan ir-Regolament, sal-31 ta’ Diċembru 2028, u l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali b’tali marki ta’ identifikazzjoni applikati qabel dik id-data jistgħu jibqgħu fis-suq.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punt (3)(a)(iv)(1) tal-Anness, għandu japplika minn 9 ta’ Novembru 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-14 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

    (4)   EFSA Journal 2023;21(1):7745.

    (5)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).


    ANNESS

    L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huma emendati kif ġej:

    (1)

    Fl-Anness II, fit-Taqsima I, il-Parti B hija emendata kif ġej:

    (a)

    il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.

    Meta applikata fi stabbiliment li jinsab fl-Unjoni, il-marka trid tkun f’forma ovali u tinkludi l-abbrevjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (‘UE’) f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni kif ġej: EC, EU, EL, UE, EE, AE, ES, EÚ.;

    Dawk l-abbrevjazzjonijiet ma jridux jiġu inklużi fil-marki applikati minn stabbilimenti li jinsabu barra mill-Unjoni fuq prodotti importati fl-Unjoni.”

    (b)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “8a.

    Ir-rekwiżiti dwar il-forma tal-marka ta’ identifikazzjoni f’din il-Parti B jistgħu jiġu sostitwiti bir-rekwiżiti għal marka ta’ identifikazzjoni speċjali f’konformità mal-Artikolu 65(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u r-regoli adottati f’konformità mal-Artikolu 67, il-punt (a), l-Artikolu 71(3) jew (4), jew l-Artikolu 259(1) jew (2) ta’ dak ir-Regolament.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (‘Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali’) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).”;"

    (2)

    Fl-Anness II, it-Taqsima III hija emendata kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-operaturi tan-negozju tal-ikel li joperaw biċċeriji jew stabbilimenti li jipproċessaw il-kaċċa jridu, kif xieraq, jitolbu, jirċievu, jikkontrollaw u jaġixxu fuq l-informazzjoni dwar il-katina alimentari kif stabbilit f’din it-Taqsima fir-rigward tal-annimali kollha, għajr il-kaċċa selvaġġa, li jintbagħtu jew maħsuba biex jintbagħtu fil-biċċerija jew fi stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa.”;

    (b)

    fil-punti 1, 2, 4, 5, 6 u 7, il-kelma “biċċerija” hija sostitwita bil-kliem “biċċerija jew stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa”.

    (3)

    L-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    It-Taqsima I hija emendata kif ġej:

    (i)

    fil-Kapitolu II, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-operaturi tan-negozju tal-ikel iridu jiżguraw li l-kostruzzjoni, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji li fihom jinqatlu l-ungulati domestiċi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 sa 9 li ġejjin. Il-biċċeriji parzjali mobbli jridu joperaw f’kooperazzjoni ma’ faċilitajiet għall-qtil permanenti komplementari sabiex jikkostitwixxu biċċerija sħiħa li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 sa 9 li ġejjin. Il-biċċeriji parzjali mobbli jistgħu joperaw b’diversi faċilitajiet ta’ tbiċċir komplementari, u b’hekk jikkostitwixxu diversi biċċeriji.”;

    (ii)

    fil-Kapitolu IV, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Wara l-wasla fil-biċċerija, ma jridx ikun hemm dewmien bla bżonn biex issir il-qatla tal-annimali. Madankollu, meta meħtieġ minħabba raġunijiet ta’ trattament xieraq, l-annimali jridu jingħataw perjodu ta’ mistrieħ qabel il-qatla. L-annimali li jiġu ppreżentati f’biċċerija għall-qatla għandhom jinqatlu hemmhekk u l-movimenti diretti lejn biċċerija oħra jistgħu jiġu permessi biss f’każijiet eċċezzjonali f’konformità mal-Artikolu 43(6), it-tieni subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627.”;

    (iii)

    Il-Kapitolu VIa huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Kapitolu VIa:

    QTIL FL-AZJENDA LI MINNHA JKUNU ĠEJJIN ANNIMALI BOVINI DOMESTIĊI, GĦAJR BIŻONTI, U ANNIMALI OVINI, KAPRINI, PORĊINI U SOLIPEDI DOMESTIĊI GĦAJR QTIL B’EMERĠENZA”;

    (2)

    il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Sa tliet annimali bovini domestiċi, għajr biżonti, sa tliet solipedi domestiċi, sa sitt annimali porċini domestiċi jew sa disa’ annimali ovini jew kaprini jistgħu jinqatlu fl-istess okkażjoni fl-azjenda li minnha jkunu ġejjin, meta dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:”;

    (3)

    il-punt (a) jitħassar;

    (iv)

    il-Kapitolu VII huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt 2:

    “2a.

    Għall-finijiet ta’ dan il-punt, ‘maturazzjoni fin-niexef’ tfisser il-ħżin ta’ laħam frisk f’kundizzjonijiet aerobiċi ta’ karkassi jew qatgħat imdendla jew mhux ippakkjati jew inkella ppakkjati f’boroż permeabbli għall-fwar tal-ilma f’kamra jew f’armarju refriġerat u li jitħallew jimmaturaw għal diversi ġimgħat f’kundizzjonijiet ambjentali kkontrollati ta’ temperatura, umdità relattiva u fluss tal-arja.

    Qabel it-tqegħid fis-suq jew l-iffriżar, il-laħam taċ-ċanga soġġett għall-maturazzjoni fin-niexef irid jinħażen f’temperatura tal-wiċċ ta’ –0,5 sa 3,0 °C, b’umdità relattiva ta’ massimu ta’ 85 % u fluss tal-arja ta’ 0,2 sa 0,5 m/s f’kamra jew f’armarju apposta għal massimu ta’ 35 jum li jibda fi tmiem il-perjodu ta’ stabbilizzazzjoni mal-qatla. Madankollu, l-operaturi tan-negozju tal-ikel jistgħu japplikaw kombinazzjonijiet oħra ta’ temperatura tal-wiċċ, umdità relattiva, fluss tal-arja u ħin, jew jimmaturaw fin-niexef laħam ta’ speċijiet oħra, jekk jipprovdu garanziji ekwivalenti dwar is-sikurezza tal-laħam għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

    Barra minn hekk, għandhom jiġu applikati l-miżuri speċifiċi li ġejjin:

    (i)

    il-maturazzjoni fin-niexef għandha tibda immedjatament wara l-perjodu ta’ stabbilizzazzjoni mal-qatla u t-tqattigħ u/jew it-trasport lejn stabbiliment li jwettaq il-maturazzjoni fin-niexef ma jridx ikun imdewwem bla bżonn;

    (ii)

    il-laħam ma għandux jitgħabba fil-kamra jew fl-armarju sakemm jintlaħqu t-temperatura u l-umdità relattiva msemmija fit-tieni subparagrafu;

    (iii)

    il-laħam għandu jiddendel mill-għadam jew, jekk tintuża xkaffa, trid tiġi żgurata perforazzjoni suffiċjenti biex jiġi ffaċilitat il-fluss tal-arja b’tidwir regolari bl-użu ta’ metodi iġjeniċi;

    (iv)

    fluss tal-arja akbar jista’ jiġi applikat fil-bidu tal-proċess ta’ maturazzjoni fin-niexef biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp bikri tal-qoxra u biex titnaqqas l-attività tal-ilma tal-wiċċ;

    (v)

    iridu jintużaw termometri, sondi tal-umdità relattiva u tagħmir ieħor biex jiġi mmonitorjat u ffaċilitat b’mod akkurat il-kontroll tal-kundizzjonijiet tal-kamra jew tal-armarju;

    (vi)

    l-arja li toħroġ mill-evaporatur, li tirritorna lejn l-evaporatur u li tiġi f’kuntatt maċ-ċanga trid tiġi ffiltrata jew ittrattata bil-UV;

    (vii)

    meta l-qoxra tiġi mirquma, dan it-tirqim għandu jsir b’mod iġjeniku.”;

    (2)

    fil-punt 3(b), (iv) sa (viii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(iv)

    għat-trasport, il-vettura li tittrasporta l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti ta’ karkassi, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa tiġbor laħam minn massimu ta’ tliet biċċeriji jew minn maħżen imkessaħ wieħed li jiġbor direttament mill-biċċeriji; ir-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan il-punt (b) għandhom japplikaw għat-tagħbijiet kollha tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti ta’ karkassi, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa mibgħuta mill-biċċerija u mill-maħżen imkessaħ li jinġabru mill-biċċerija msemmija hawn fuq;

    (v)

    il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti ta’ karkassi, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa jrid ikollhom temperatura tal-qalba ta’ 15 °C fil-bidu tat-trasport jekk għandhom jiġu ttrasportati fl-istess kompartiment bħal-laħam li jissodisfa r-rekwiżit tat-temperatura stabbilit fil-punt 1 għall-ġewwieni u 7 °C għal laħam ieħor;

    (vi)

    dik id-dikjarazzjoni trid tiddikjara d-durata tat-tkessiħ qabel l-ewwel tagħbija, il-ħin li fih tkun inbdiet l-ewwel tagħbija tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa, it-temperatura tal-wiċċ ta’ dak il-ħin, it-temperatura tal-arja massima tat-trasportazzjoni li għaliha l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa jistgħu jkunu soġġetti, il-ħin massimu ta’ trasport permess, id-data tal-awtorizzazzjoni u l-isem tal-awtorità kompetenti li tawtorizza t-trasport f’konformità mal-punt (ii);

    (vii)

    l-operatur tan-negozju tal-ikel tad-destinazzjoni jrid jinnotifika lill-awtorità kompetenti qabel jirċievi għall-ewwel darba l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħa fi tliet qatgħat bl-ingrossa, li ma jilħqux it-temperatura msemmija fil-punt 1 qabel il-bidu tat-trasport;

    (viii)

    il-laħam irid jiġi ttrasportat f’konformità mal-parametri li ġejjin:

    Għal ħin massimu ta’ trasport (*2) ta’ 6 sigħat:

    Speċi

    Temperatura tal-wiċċ (1)

    Ħin massimu ta’ tkessiħ għat-temperatura tal-wiċċ (2)

    Temperatura tal-arja massima għat-trasport (3)

    Għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonji aerobiċi tal-karkassa (4)

    Annimali ovini u kaprini

    7 °C

    8 sigħat

    6 °C

    log10 3,5 cfu/cm2

    Annimali bovini

    20 siegħa

    log10 3,5 cfu/cm2

    Annimali porċini

    16-il siegħa

    log10 4 cfu/cm2

    Il-ħin massimu tat-trasport jista’ jiġi estiż għal 30 siegħa jekk tintlaħaq temperatura tal-qalba ta’ inqas minn 15 °C qabel il-bidu tat-trasport.

    Għal ħin massimu ta’ trasport (*3) ta’ 60 siegħa:

    Speċi

    Temperatura tal-wiċċ (5)

    Ħin massimu ta’ tkessiħ għat-temperatura tal-wiċċ (6)

    Temperatura tal-qalba (7)

    Temperatura tal-arja massima għat-trasport (8)

    Għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonji aerobiċi tal-karkassa (9)

    Annimali ovini u kaprini

    4 °C

    12-il siegħa

    15 °C

    3 °C

    log10 3 cfu/cm2

    Annimali bovini

    24 siegħa

    (ix)

    il-metodi għall-kejl tat-temperatura tal-wiċċ għandhom jiġu vvalidati u għandu jintuża l-metodu li ġej bħala metodu ta’ referenza:

    għandu jintuża termometru kkalibrat f’konformità mal-aħħar verżjoni tal-ISO 13485;

    is-sensur għandu jiġi ppenetrat b’mod perpendikulari fl-aktar parti ħoxna f’fond ta’ 0,5 sa 1 cm tal-parti esterna ta’:

    (a)

    l-ispalla; jew

    (b)

    ir-riġel għall-annimali bovini, ovini u kaprini jew tal-perżut, jew il-wiċċ intern tal-perżut fil-parti tan-nofs ta’ fuq għall-annimali porċini;

    it-temperatura għandha titkejjel ħames darbiet kif ġej:

    Image 1

    mill-inqas kejl wieħed mill-ħames kejliet irid ikun taħt ir-rekwiżiti tat-temperatura tal-wiċċ stabbiliti fil-punt (viii).

    (*2)  Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista' tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il- ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista' tillimita l-għadd ta’ punti ta’ twassil."

    (*3)  Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista' tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il- ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista' tillimita l-għadd ta’ punti ta’ twassil.”;"

    (b)

    fit-Taqsima II, fil-Kapitolu II, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    L-operaturi tan-negozju tal-ikel iridu jiżguraw li l-kostruzzjoni, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji li fihom jinqatel il-pollam jew il-lagomorfi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 sa 7 li ġejjin. Il-biċċeriji parzjali mobbli jridu joperaw f’kooperazzjoni ma’ faċilitajiet għall-qtil permanenti komplementari sabiex jikkostitwixxu biċċerija sħiħa li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1 sa 7 li ġejjin. Il-biċċeriji parzjali mobbli jistgħu joperaw b’diversi faċilitajiet ta’ tbiċċir komplementari, u b’hekk jikkostitwixxu diversi biċċeriji.”;

    (c)

    It-Taqsima III hija emendata kif ġej:

    (1)

    Il-punt 3 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    Il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(h)

    l-annimali maqtula u żvinati jiġu ttrasportati lejn il-biċċerija jew lejn stabbiliment li jipproċessa l-kaċċa, kif xieraq, b’mod iġjeniku u mingħajr dewmien żejjed. Jekk it-trasport jieħu aktar minn sagħtejn, l-annimali jridu jiġu refriġerati; fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu dan, it-tkessiħ attiv ma għandux ikun meħtieġ. It-tneħħija tal-ġewwieni tista’ ssir fuq il-post, taħt is-sorveljanza tal-veterinarju uffiċjali;”;

    (ii)

    Il-punt (i) jitħassar;

    u,

    (iii)

    Il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(j)

    iċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Kapitolu 3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235, maħruġ u ffirmat mill-veterinarju uffiċjali, li jiċċertifika li saret spezzjoni ante-mortem b’riżultat favorevoli, li l-qtil u l-iżvinar saru sewwa u bid-data u l-ħin tal-qtil, irid jakkumpanja l-annimal maqtul sal-biċċerija jew sal-istabbiliment li jipproċessa l-kaċċa, kif xieraq, jew irid ikun intbagħat minn qabel fi kwalunkwe format.”;

    (2)

    Il-punt 3a huwa sostitwit bi:

    “3a

    Permezz ta’ deroga mill-punt 3(j), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza li l-attestazzjoni tal-qatla u tal-iżvinar korretti u tad-data u l-ħin tal-qatla jiġu inklużi biss fl-informazzjoni dwar il-katina alimentari f’konformità mat-Taqsima III tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament dment li:

    (a)

    l-azjenda ma tkunx tinsab f’żona ristretta ddefinita fl-Artikolu 4(41) tar-Regolament (UE) 2016/429;

    (b)

    l-operatur tan-negozju tal-ikel ikun wera l-livell xieraq ta’ kompetenza għall-qatla tal-annimali mingħajr ma jikkawża lill-annimali l-ebda uġigħ, distress jew sofferenza li tista’ tiġi evitata f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament.”;

    (d)

    fit-Taqsima V, fil-Kapitolu III, jiżdied il-punt li ġej:

    “6.

    Il-preparati tal-laħam soġġetti għall-maturazzjoni fin-niexef għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima I, il-Kapitolu VII, il-punt 2a ta’ dan l-Anness III.”;

    (e)

    fit-Taqsima VIII, fil-Kapitolu VII, jiżdied il-punt li ġej:

    “4.

    Meta prodotti tas-sajd friski, prodotti tas-sajd mhux ipproċessati maħlula mis-silġ, jew prodotti tas-sajd ipproċessati jeħtieġ li jkunu f’temperatura aktar baxxa minn dik tas-silġ li qed idub biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is-96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi.

    Meta l-prodotti tas-sajd iffriżati jeħtieġ li jkunu f’temperatura ogħla minn – 18 °C biex jippermettu l-użu ta’ magni li jfellu jew iqattgħu prodotti tas-sajd, dawn jistgħu jinżammu f’tali temperatura teknoloġikament meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ li ma jaqbiżx is-96 siegħa. Il-ħżin u t-trasport f’dik it-temperatura ma għandhomx ikunu permessi.”;

    (f)

    It-Taqsima IX hija emendata kif ġej:

    (i)

    fil-Kapitolu I, fil-Parti I, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    Madankollu, il-ħalib mhux trattat jew il-kolostru minn annimali li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet stabbiliti fil-punt 2 jistgħu jintużaw bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti:

    (a)

    fil-każ ta’ baqar, bufli, nagħaġ jew mogħoż jew nisa ta’ speċijiet oħra li la juru reazzjoni pożittiva għat-testijiet għat-tuberkulożi jew għall-bruċellożi, u lanqas l-ebda sintomu ta’ dan il-mard, u fil-każ ta’ nagħaġ jew mogħoż li jkunu tlaqqmu kontra l-bruċellożi bħala parti minn programm ta’ eradikazzjoni approvat u li ma juru l-ebda sintomu ta’ dik il-marda, wara li jkun sarilhom trattament bis-sħana biex juru, meta applikabbli, reazzjoni negattiva għat-test tal-fosfatażi alkalina. Meta t-test tal-fosfatażi alkalina ma jkunx adatt biex juri l-effettività tat-trattament bis-sħana applikat, bħal sitwazzjonijiet li fihom il-ħalib mhux trattat jiġi prodott minn speċijiet mhux bovini jew ikun separat fi frazzjonijiet differenti qabel ma jiġi ttrattat bis-sħana, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jitħallew jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-assigurazzjonijiet meħtieġa u jżommu rekords assoċjati bħala parti mill-proċeduri tagħhom ibbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

    (b)

    fil-każ ta’ nagħaġ jew mogħoż li ma jurux reazzjoni pożittiva għat-testijiet għall-bruċellożi, jew li jkunu tlaqqmu kontra l-bruċellożi bħala parti minn programm ta’ eradikazzjoni approvat, u li ma juru l-ebda sintomu ta’ dik il-marda, għall-manifattura tal-ġobon b’perjodu ta’ maturazzjoni ta’ mill-inqas xahrejn.”;

    (ii)

    fil-Kapitolu II, fil-Parti II, il-punt 1(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-pasturizzazzjoni tinkiseb permezz ta’ trattament li jinvolvi:

    (i)

    temperatura għolja għal żmien qasir: mill-inqas 72 °C għal 15-il sekonda;

    (ii)

    temperatura baxxa għal żmien twil: mill-inqas 63 °C għal 30 minuta; jew

    (iii)

    kull kombinament ieħor ta’ kundizzjonijiet ta’ ħin-temperatura biex jintlaħaq effett ekwivalenti.

    It-trattament imsemmi f’(i), (ii) u (iii) għandu jiżgura li l-prodotti juru, meta applikabbli, reazzjoni negattiva għal test tal-fosfatażi alkalina immedjatament wara tali trattament. Meta t-test tal-fosfatażi alkalina ma jkunx adatt biex juri l-effettività tal-pasturizzazzjoni, bħal sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti jkunu ġejjin minn speċijiet mhux bovini jew ikunu separati fi frazzjonijiet differenti qabel ma jiġu ppasturizzati, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jitħallew jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-assigurazzjonijiet meħtieġa u jżommu rekords assoċjati bħala parti mill-proċeduri tagħhom ibbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-perikli u tal-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.”;

    (g)

    fit-Taqsima X, fil-Kapitolu I, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    Fil-bini tal-produttur u sakemm isir il-bejgħ lill-konsumatur il-bajd irid jinżamm nadif, xott, ħieles minn riħa barranija mhux intenzjonata, protett mit-theżżiż u mhux fix-xemx diretta. Kwalunkwe applikazzjoni intenzjonata ta’ riħa barranija tal-bajd ma jridx ikollha l-għan li taħbi riħa li teżisti minn qabel.”.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (‘Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali’) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).”;

    (*2)  Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista' tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il- ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista' tillimita l-għadd ta’ punti ta’ twassil.

    (*3)  Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista' tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il- ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista' tillimita l-għadd ta’ punti ta’ twassil.”;’


    (1)  It-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija u wara titkejjel fuq l-eħxen parti tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ.

    (2)  Il-ħin massimu permess mill-mument tal-qatla sal-ilħuq tat-temperatura massima tal- wiċċ permessa mat-tagħbija.

    (3)  It-temperatura massima tal-arja li għaliha l-laħam huwa permess li jkun soġġett minn meta tibda t-tagħbija, u matul id-durata kollha tat-trasportazzjoni.

    (4)  L-għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassi tal-biċċerija li juża tieqa rikorrenti ta’ 10 ġimgħat, permessa għal karkassi ta' speċijiet rilevanti, kif ivvalutat mill-operatur għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-proċeduri ta' teħid tal- kampjuni u ttestjar stipulati fil-punti 2.1.1, 2.1.2 tal-Kapitolu 2, u l-punt 3.2 tal-Kapitolu 3, tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tal-15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).

    (5)  It-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija u wara titkejjel fuq l-eħxen parti tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ.

    (6)  Il-ħin massimu permess mill-mument tal-qatla sal-ilħuq tat-temperatura massima tal- wiċċ permessa mat-tagħbija.

    (7)  It-temperatura tal-qalba massima tal-laħam permessa fil-ħin tat-tagħbija, u wara.

    (8)  It-temperatura massima tal-arja li għaliha l-laħam huwa permess li jkun soġġett minn meta tibda t-tagħbija, u matul id-durata kollha tat-trasportazzjoni.

    (9)  L-għadd medju massimu ta' kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassi tal-biċċerija li juża tieqa rikorrenti ta’ 10 ġimgħat, permessa għal karkassi ta’ speċijiet rilevanti, kif ivvalutat mill-operatur għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni u ttestjar stipulati fil-punti 2.1.1, 2.1.2 tal-Kapitolu 2, u l-punt 3.2 tal-Kapitolu 3, tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2073/2005.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1141/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top