Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L2839

Direttiva (UE) 2024/2839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, tal-ħoss ta’ barra, tad-drittijiet tal-pazjenti, u tat-tagħmir tar-radju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

PE/57/2024/REV/1

ĠU L, 2024/2839, 7.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2839/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2839/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2839

7.11.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/2839 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, tal-ħoss ta’ barra, tad-drittijiet tal-pazjenti, u tat-tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ kif suppost u l-infurzar korrett ta’ atti legali tal-Unjoni. Madankollu, huwa importanti li tali rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għaliħ kienu maħsuba u biex jillimitaw il-piż amministrattiv.

(2)

Fil-komunikazzjoni tagħha tas-16 ta’ Marzu 2023 bit-titolu “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

(3)

Id-Direttivi 1999/2/KE (3), 2000/14/KE (4), 2011/24/UE (5) u 2014/53/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fihom għadd ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, tal-ħoss ta’ barra, tad-drittijiet tal-pazjenti, u tat-tagħmir tar-radju.

(4)

Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli mwettqa fil-faċilitajiet tal-irradjazzjoni jonizzanti u tal-kontrolli mwettqa fl-istadju tat-tqegħid fis-suq tal-prodott. L-Artikolu 7(4) ta’ dik id-Direttiva jistipula li l-Kummissjoni għandha tippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rapport ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta kull sena mill-Istati Membri. L-Artikolu 113 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprevedi li kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport li jistabbilixxi l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fis-sena preċedenti skont il-pjan ta’ kontroll pluriennali nazzjonali tiegħu. Il-pjanijiet ta’ kontroll pluriennali nazzjonali għandhom ikopru, fost l-oħrajn, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/2/KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li kull sena l-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku rapport annwali dwar l-operat ta’ kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri, filwaqt li tqis ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 113 ta’ dak ir-Regolament. Peress li l-obbligi ta’ rapportar annwali stabbiliti fl-Artikoli 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 diġà jiżguraw l-infurzar u l-monitoraġġ ta’ atti legali tal-Unjoni dwar l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel irradjati, l-obbligu ta’ rapportar annwali simili attwalment stabbilit fid-Direttiva 1999/2/KE jenħtieġ li jitħassar sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti u għall-Kummissjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE, il-manifatturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom jibagħtu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għat-tagħmir għall-użu ta’ barra li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva lill-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data u tippubblika l-informazzjoni rilevanti perjodikament. Il-konsumaturi jistgħu jsibu l-informazzjoni rilevanti dwar l-emissjonijiet ta’ ħoss tat-tagħmir kopert mid-Direttiva 2000/14/KE direttament fuq it-tagħmir, peress li l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi, fost l-oħrajn, għal indikazzjoni tal-livell tal-qawwa tal-ħoss garantit fuq it-tagħmir. Għalhekk, l-obbligi fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE li jipprovdu dokumentazzjoni, jiġbru data u jippubblikaw informazzjoni huma superfluwi u jenħtieġ li, fl-interess tar-razzjonalità u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet, jitħassru.

(6)

Skont l-Artikolu 20(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2000/14/KE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rieżami tad-data miġbura dwar il-ħoss f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. Peress li tali data dwar il-ħoss mhux se tibqa’ tinġabar, dak l-obbligu jenħtieġ li jitħassar ukoll.

(7)

Skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-operat ta’ dik id-Direttiva kull tliet snin. Dak ir-rapport huwa bbażat ħafna fuq l-assistenza u l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE (8) jipprevedi li n-Networks Ewropej ta’ Referenza stabbiliti skont id-Direttiva 2011/24/UE għandhom jiġu evalwati kull ħames snin. Sabiex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE, il-frekwenza tar-rapportar mill-Kummissjoni jenħtieġ li tinbidel għal kull ħames snin. Meta jitqies li l-aktar rapport reċenti dwar l-operat tad-Direttiva 2011/24/UE ġie ppubblikat fl-2022, ir-rapport li jmiss jenħtieġ li jiġi ppubblikat fl-2027.

(8)

Skont l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2014/53/UE, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti regolari dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva mill-inqas kull sentejn. Il-frekwenza ta’ dak ir-rapportar obbligatorju hija ogħla milli meħtieġ. Fl-interess tar-razzjonalità u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, il-frekwenza tar-rapportar obbligatorju mill-Istati Membri jenħtieġ li tinbidel għal kull ħames snin, sabiex tikkorrispondi mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 47(2) ta’ dik id-Direttiva li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat ta’ dik id-Direttiva. Tali frekwenza se tibqa’ tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni li għandha twettaq meta tadotta atti delegati skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/53/UE, li jispeċifikaw liema kategoriji ta’ tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni, u se jippermetti lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni mir-rapporti tal-Istati Membri b’mod aktar effiċjenti.

(9)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fid-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE and 2014/53/UE, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(10)

Għaldaqstant, id-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 1999/2/KE

Fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 1999/2/KE, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-ismijiet, l-indirizzi u n-numri ta’ referenza tal-faċilitajiet tal-irradjazzjoni li jkun approva, it-test tad-dokument ta’ approvazzjoni, u kwalunkwe deċiżjoni li tissospendi jew li tirtira l-approvazzjoni.

4.   Abbażi tad-data pprovduta skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-faċilitajiet kif ukoll kwalunkwe bidla fl-istatus tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2000/14/KE

Id-Direttiva 2000/14/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 16 huwa mħassar;

(2)

fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) huwa mħassar.

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 2011/24/UE

Fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/24/UE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha, sal-25 ta’ Ottubru 2027 u sussegwentement kull 5 snin wara dan, tfassal rapport dwar l-operat ta’ din id-Direttiva u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”.

Artikolu 4

Emenda għad-Direttiva 2014/53/UE

Fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2014/53/UE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-12 ta’ Diċembru 2027, li jkopru l-perjodu mit-13 ta’ Ġunju 2023, u kull 5 snin wara dan. Ir-rapporti għandu jkun fihom preżentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u jagħtu tagħrif dwar jekk inkisbitx il-konformità, u sa liema punt, mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, inkluż partikolarment ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi.”.

Artikolu 5

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-28 ta’ Novembru 2025, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 2, il-punt (1), ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-29 ta’ Novembru 2025.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

ZSIGMOND B. P.


(1)   ĠU C, C/2024/1585, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1585/oj.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2024.

(3)  Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza (ĠU L 66, 13.3.1999, p. 16).

(4)  Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(6)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ networks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2839/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top