Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L0782

Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2024/782 tal-4 ta’ Marzu 2024 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara

C/2024/1319

ĠU L, 2024/782, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/782/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/782/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/782

31.5.2024

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/782

tal-4 ta’ Marzu 2024

li temenda d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 31(2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 34(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 44(2), it-tieni subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara bħalissa huma stabbiliti fl-Artikoli 31, 34, u 44 tad-Direttiva 2005/36/KE kif ukoll fl-Anness V, il-punti 5.2.1, 5.3.1 u 5.6.1, ta’ dik id-Direttiva.

(2)

Fil-Green Paper tagħha tal-2011 dwar il-modernizzazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE (2), il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati r-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ f’fażijiet differenti.

(3)

Fil-kuntest tal-emenda tad-Direttiva 2005/36/KE permezz tad-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-organizzazzjonijiet professjonali indikaw li l-professjonijiet koperti mit-Titolu III, il-Kapitolu III tad-Direttiva evolvew b’mod sinifikanti minn meta r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ tagħhom ġew armonizzati.

(4)

Filwaqt li d-Direttiva 2013/55/UE rieżaminat sa ċertu punt ir-rekwiżiti minimi armonizzati ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara, ma saret l-ebda bidla sostanzjali fil-programmi ta’ taħriġ elenkati fl-Anness V, il-punti 5.2.1, 5.3.1 u 5.6.1, tad-Direttiva 2005/36/KE jew fil-lista ta’ għarfien u ħiliet li għandhom jinkisbu matul it-taħriġ stabbilita fl-Artikolu 31(6), fl-Artikolu 34(3) u fl-Artikolu 44(3) ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Minflok, l-Artikolu 21(6) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif emendat bid-Direttiva 2013/55/UE, ta lill-Kummissjoni setgħat delegati biex, f’konformità mal-Artikolu 57c, taġġorna r-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ sabiex tadattahom għall-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali biex tirrifletti l-evoluzzjoni tal-liġi tal-Unjoni li taffettwa direttament lill-professjonisti kkonċernati.

(6)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara, kif stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE, jenħtieġx li jiġu aġġornati fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali.

(7)

Saru tliet studji biex jassistu lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha. L-għan ta’ dawk l-istudji kien li jiġu esplorati l-iżviluppi tar-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-professjonijiet tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara fl-Istati Membri kollha u fl-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Istati tal-EFTA). Għal dak l-għan inġabret data fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali permezz ta’ riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni u konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati. Il-ġbir tad-data ffoka fuq bosta żviluppi fir-rekwiżiti tat-taħriġ fil-livell nazzjonali: (i) l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi li jaffettwaw il-professjonijiet tal-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, tad-dentisti u tal-ispiżjara; (ii) il-programmi ta’ taħriġ kif ukoll l-għarfien u l-ħiliet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE u li jirriflettu kwalunkwe adattament għall-avvanzi xjentifiċi u tekniċi.

(8)

Waqt l-istudji twettqet valutazzjoni komparattiva tad-data miġbura. Din iffokat fuq l-iżviluppi u l-aspetti komuni bejn ir-rekwiżiti tat-taħriġ fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u l-Istati tal-EFTA fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku rikonoxxut b’mod ġenerali. Għal dak l-għan, inħolqot definizzjoni operattiva ta’ progress xjentifiku u tekniku “rikonoxxut b’mod ġenerali”, li tikkonsisti f’avvanzi xjentifiċi u tekniċi li ġew innotati f’mill-inqas 16-il Stat Membru u Stat tal-EFTA.

(9)

Ir-riżultati tal-istudji ġew ippreżentati lill-partijiet ikkonċernati rilevanti matul sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat tal-grupp ta’ koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Abbażi tal-feedback riċevut, ġew abbozzati l-konklużjonijiet tal-istudji, li jissuġġerixxu aġġornamenti għar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tal-programmi ta’ taħriġ kif ukoll l-għarfien u l-ħiliet.

(10)

L-istudju dwar l-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali (4) identifika l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi rikonoxxuti b’mod ġenerali li ġejjin fil-programmi ta’ taħriġ fl-Istati Membri u fl-Istati tal-EFTA li ma kinux rappreżentati jew li ma kinux rappreżentati biżżejjed fir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ attwali stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE: it-teorija tal-kura ċċentrata fuq il-persuna, it-teorija tal-maniġment applikata għall-infermerija, il-prattika bbażata fuq l-evidenza, l-e-Saħħa, u l-innovazzjonijiet tekniċi relatati mal-kura tas-saħħa u l-metodi tal-infermerija.

(11)

L-istudju dwar id-dentisti (5) identifika l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi rikonoxxuti b’mod ġenerali li ġejjin fil-programmi ta’ taħriġ fl-Istati Membri u fl-Istati tal-EFTA li ma kinux rappreżentati jew li ma kinux rappreżentati biżżejjed fir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ attwali stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE: l-implantoloġija, il-ġerodontoloġija, il-kura kollaborattiva interprofessjonali, is-saħħa pubblika dentali — is-saħħa orali tal-komunità, il-maniġment ta’ klinika ta’ dentist, il-ġenetika u l-ġenomika, l-immunoloġija, il-mediċina/id-dentistrija riġenerattiva u t-teknoloġija diġitali fid-dentistrija.

(12)

L-istudju dwar l-ispiżjara (6) identifika l-avvanzi xjentifiċi u tekniċi rikonoxxuti b’mod ġenerali li ġejjin fil-programmi ta’ taħriġ fl-Istati Membri u fl-Istati tal-EFTA li ma kinux rappreżentati jew li ma kinux rappreżentati biżżejjed fir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ attwali stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE: it-teknoloġija bijofarmaċewtika u l-bijoteknoloġija, il-ġenetika u l-farmakoġenomika, l-immunoloġija, il-farmaċija klinika, il-kura farmaċewtika, il-farmaċija soċjali, l-epidemjoloġija u l-farmakoepidemjoloġija, il-prattika tal-farmaċija, il-kollaborazzjoni interdixxiplinari u multidixxiplinari, il-patoloġija u l-patofiżjoloġija, l-ekonomija tas-saħħa u l-farmakoekonomija, it-teknoloġija tal-informazzjoni u t-teknoloġija diġitali.

(13)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar biex jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(14)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2005/36/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/36/KE

Id-Direttiva 2005/36/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 31, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Taħriġ għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-professjonist ikkonċernat kiseb l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien globali tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata l-infermerija ġenerali, inkluż fehim suffiċjenti tal-istruttura, il-funzjonijiet fiżjoloġiċi u l-imġiba ta’ persuni b’saħħithom u morda, u tar-relazzjoni bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem;

(b)

għarfien dwar in-natura u l-etika tal-professjoni u tal-prinċipji ġenerali tas-saħħa u tal-infermerija;

(c)

esperjenza klinika adegwata; din l-esperjenza, li jenħtieġ li tingħażel għall-valur ta’ taħriġ tagħha, jenħtieġ li tkun miksuba taħt is-sorveljanza ta’ persunal ta’ infermiera kwalifikat u f’postijiet fejn in-numru ta’ persunal kwalifikat u t-tagħmir huma approprjati għall-kura tal-pazjenti mill-infermiera;

(d)

il-kapaċità ta’ parteċipazzjoni fit-taħriġ prattiku tal-persunal tas-saħħa u l-esperjenza ta’ ħidma ma’ tali persunal u ma’ membri ta’ professjonijiet oħra fis-settur tas-saħħa;

(e)

il-kapaċità li tingħata kura individwalizzata tal-infermerija u li tingħata s-setgħa lill-pazjenti, lill-qraba u lil persuni rilevanti oħra fir-rigward tal-kura personali u li jgħixu stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa;

(f)

il-kapaċità li jiġi żviluppat approċċ ta’ tmexxija effettiv u kompetenzi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet;

(g)

għarfien tal-innovazzjonijiet tekniċi fl-oqsma tal-kura tas-saħħa u tal-metodi tal-infermerija.”

;

(2)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Taħriġ bażiku fid-dentistrija għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-persuna konċernata kisbet l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata d-dentistrija u fehim tajjeb tal-metodi xjentifiċi, inklużi l-prinċipji tal-kejl tal-funzjonijiet bijoloġiċi, l-istima ta’ fatti stabbiliti xjentifikament u l-analiżi ta’ data;

(b)

għarfien xieraq tal-kostituzzjoni, il-fiżjoloġija u l-imġiba ta’ persuni b’saħħithom u morda kif ukoll l-influwenza tal-ambjent naturali u soċjali fuq l-istat tas-saħħa tal-bniedem, sa fejn dawn il-fatturi jolqtu d-dentistrija;

(c)

għarfien adegwat tal-istruttura u l-funzjoni tas-snien, il-ħalq, ix-xedaq u t-tessuti assoċjati, kemm b’saħħithom kif ukoll morda, u r-relazzjoni tagħhom mal-istat ġenerali tas-saħħa u l-benessri fiżiku u soċjali tal-pazjent;

(d)

għarfien adegwat tad-dixxiplini u l-metodi kliniċi, li jipprovdu d-dentist bi stampa koerenti ta’ anomaliji, leżjonijiet u mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati u tad-dentistrija preventiva, dijanjostika u terapewtika;

(e)

esperjenza klinika xierqa taħt superviżjoni xierqa;

(f)

għarfien adegwat tad-dentistrija diġitali u fehim tajjeb tal-użu u tal-applikazzjoni sikura tagħha fil-prattika.

Dan it-taħriġ għandu jipprovdih bil-ħiliet neċessarji għall-eżerċizzju tal-attivitajiet kollha li jinvolvu l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament tal-anomaliji u l-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati.”

;

(3)

fl-Artikolu 44, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-taħriġ għall-ispiżjara għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-persuna konċernata kisbet l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien adegwat tal-mediċini u s-sustanzi użati fil-manifattura tal-mediċini;

(b)

għarfien adegwat tat-teknoloġija farmaċewtika u l-ittestjar fiżiku, kimiku, bijoloġiku u mikrobijoloġiku ta’ prodotti mediċinali;

(c)

għarfien adegwat tal-metaboliżmu u l-effetti ta’ prodotti mediċinali u tal-azzjoni ta’ sustanzi tossiċi, u tal-użu ta’ prodotti mediċinali;

(d)

għarfien adegwat għall-istima ta’ data xjentifika li tikkonċerna mediċini sabiex tkun tista’ tiġi fornuta informazzjoni xierqa fuq il-bażi ta’ dan l-għarfien;

(e)

għarfien adegwat tar-rekwiżiti legali u oħrajn assoċjati mal-prattika tal-farmaċija;

(f)

għarfien adegwat tal-farmaċija klinika u tal-kura farmaċewtika, kif ukoll tal-ħiliet għall-applikazzjoni prattika tagħhom;

(g)

għarfien u ħiliet adegwati tas-saħħa pubblika u tar-riperkussjonijiet tagħha fil-promozzjoni tas-saħħa u l-ġestjoni tal-mard;

(h)

għarfien u ħiliet adegwati fir-rigward tal-kollaborazzjoni interdixxiplinari u multidixxiplinari, tal-prattika interprofessjonali u tal-komunikazzjoni;

(i)

għarfien adegwat tat-teknoloġija tal-informazzjoni u t-teknoloġija diġitali u ħiliet għall-applikazzjoni prattika tagħha.”

;

(4)

L-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Marzu 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/36/oj.

(2)  Green Paper, Nimmodernizzaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali, COM(2011) 367 final tat-22 ta’ Ġunju 2011.

(3)  Id-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/55/oj).

(4)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Mapping and assessment of developments of one of the sectoral professions under Directive 2005/36/EC – Nurse responsible for general care – Final study, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020.

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Mapping and assessment of developments for sectoral professions under Directive 2005/36/EC – The profession of dental practitioner, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Mapping and assessment of developments for sectoral professions under Directive 2005/36/EC – The profession of pharmacist, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022.

(7)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

L-Anness V huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt 5.2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.2.1

Programm ta’ taħriġ għal infermiera responsabbli mill-kura ġenerali

It-taħriġ li jwassal għall-għoti ta’ kwalifika formali ta’ infermiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jikkonsisti fiż-żewġ partijiet li ġejjin.

A.   Struzzjoni teoretika

a.   Infermerija:

Natura, etika u prinċipji ġenerali tas-saħħa u tal-infermerija, inklużi teoriji tal-kura ċċentrati fuq il-persuna

Prinċipji tal-kura tas-saħħa mill-infermiera rigward:

mediċina ġenerali u speċjalizzata

kirurġija ġenerali u speċjalizzata

indukrar tat-tfal u pedjatrija

kura tal-maternità

saħħa mentali u psikjatrija

kura tal-anzjani u ġerjatrija

Prattika tal-infermerija bbażati fuq l-evidenza u riċerka

b.   Xjenzi tas-saħħa ġenerali:

Anatomija u fiżjoloġija

Patoloġija

Batterjoloġija, viroloġija u parasitoloġija

Bijofiżika, bijokimika u radjoloġija

Dietetika

Iġjene:

mediċina preventiva

edukazzjoni dwar is-saħħa

Farmakoloġija

c.   Xjenzi soċjali:

Soċjoloġija

Psikoloġija

Prinċipji ta’ amministrazzjoni u maniġment

Prinċipji ta’ tagħlim

Leġiżlazzjoni soċjali u tas-saħħa

Aspetti legali tal-kura tas-saħħa mill-infermiera

d.   Ix-xjenza u t-teknoloġija:

e-Saħħa

B.   Tagħlim kliniku

Infermerija rigward:

mediċina ġenerali u speċjalizzata

kirurġija ġenerali u speċjalizzata

indukrar tat-tfal u pedjatrija

kura tal-maternità

saħħa mentali u psikjatrija

kura tal-anzjani u ġerjatrija

kura tal-infermerija f’ambjenti komunitarji

approċċ iċċentrat fuq il-persuna

Ix-xjenza u t-teknoloġija:

e-Saħħa

Suġġett wieħed jew aktar minn dawn jista’ jiġi mgħallem fil-kuntest ta’ dixxiplini oħra jew flimkien magħhom.

It-tagħlim teoretiku għandu jiġi stmat u koordinat flimkien mat-tagħlim kliniku b’mod li t-tagħrif u l-ħiliet imsemmija fl-Anness jistgħu jinkisbu b’mod xieraq.”;

(2)

il-punt 5.3.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.3.1

Programm ta’ studju għad-dentisti

Il-programm ta’ studji li jwassal għall-prova ta’ kwalifiki formali fid-dentistrija għandu jinkludi mill-inqas is-suġġetti li ġejjin. Suġġett wieħed jew aktar minn dawn jista’ jiġi mgħallem fil-kuntest ta’ dixxiplini oħra jew flimkien magħhom.

A.   Suġġetti bażiċi

Kimika

Fiżika

Bijoloġija, ġenetika u mediċina riġenerattiva

B.   Suġġetti mediko-bijoloġiċi u suġġetti mediċi ġenerali

Anatomija

Embrijoloġija

Istoloġija, inkluża ċitoloġija

Fiżjoloġija

Bijokimika (jew kimika fiżjoloġika)

Anatomija patoloġika

Patoloġija ġenerali

Farmakoloġija

Mikrobijoloġija

Iġjene

Mediċina preventiva u saħħa pubblika dentali

Radjoloġija

Fiżjoterapija

Kirurġija ġenerali

Mediċina ġenerali, inkluż il-pedjatrija

Otorinolaringoloġija

Dermatoveneroloġija

Psikoloġija ġenerali — psikopatoloġija — newropatoloġija

Anestetika

Immunoloġija

C.   Suġġetti direttament relatati mad-dentistrija

Prostodontija

Tagħmir u materjal dentali

Dentistrija konservattiva

Dentistrija preventiva

Anestetika u sedazzjoni

Kirurġija speċjali

Patoloġija speċjali

Prattika fil-klinika

Pedodontija

Ortodontija

Perjodontija

Radjoloġija dentali

Okklużjoni dentali u funzjoni tax-xedaq

Maniġment ta’ prattika, professjonaliżmu, etika u leġiżlazzjoni

Aspetti soċjali tax-xogħol ta’ dentist

Gerodontoloġija

Impjantoloġija orali

Kura kollaborattiva interprofessjonali

Teknoloġija diġitali fid-dentistrija”;

(3)

il-punt 5.6.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.6.1

Kors ta’ taħriġ għall-ispiżjara

Bijoloġija tal-pjanti u tal-annimali

Fiżika

Kimika ġenerali u inorganika

Kimika organika

Kimika analitika

Kimika farmaċewtika, inkluża l-analiżi ta’ prodotti mediċinali

Bijokimika ġenerali u applikata (medika)

Anatomija, fiżjoloġija, patoloġija u patofiżjoloġija; terminoloġija medika

Mikrobijoloġija

Farmakoloġija u farmakoterapija

Teknoloġija farmaċewtika

Teknoloġija bijofarmaċewtika

Tossikoloġija

Farmakognożija

Leġiżlazzjoni u, fejn xieraq, etika professjonali

Ġenetika u farmakoġenomika

Immunoloġija

Farmaċija klinika

Kura farmaċewtika

Farmaċija soċjali

Saħħa pubblika, inkluża l-epidemjoloġija

Prattika farmaċewtika

Farmakoekonomija

Il-bilanċ bejn it-taħriġ teoretiku u dak prattiku għandu, fir-rigward ta’ kull suġġett, jagħti importanza suffiċjenti lit-teorija sabiex jinżamm il-karattru universitarju tat-taħriġ.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/782/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top