This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D2819
Decision (EU) 2024/2819 of the European Central Bank of 24 October 2024 amending Decision (EU) 2020/440 on a temporary pandemic emergency purchase programme (ECB/2020/17) (ECB/2024/29)
Deċiżjoni (UE) 2024/2819 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (BĊE/2024/29)
Deċiżjoni (UE) 2024/2819 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (BĊE/2024/29)
ECB/2024/29
ĠU L, 2024/2819, 31.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2819/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2819 |
31.10.2024 |
DEĊIŻJONI (UE) 2024/2819 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-24 ta’ Ottubru 2024
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/440 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (BĊE/2024/29)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mat-tixrid tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19), fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi programm temporanju ġdid ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (PEPP) li jinkludi l-kategoriji kollha ta’ assi eliġibbli taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE, li jikkonsisti fil-programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku tas-swieq sekondarji, it-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds koperti, il-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti b’assi, u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). |
|
(2) |
Is-CSPP ġie stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/16) (1). Fih għadd ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li x-xiri u ż-żamma ta’ bonds korporattivi jkunu proporzjonati mal-għanijiet tiegħu. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw ukoll li riskji finanzjarji relatati jitqiesu fid-disinn tas-CSPP, u għaldaqstant ukoll f’dak tal-PEPP, u għandhom jirriflettu perspettivi tal-ġestjoni tar-riskju. |
|
(3) |
Għaldaqstant, fis-6 ta’ Awwissu 2024 l-Kunsill Governattiv iddeċieda li jemenda r-regola applikabbli għal tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli ta’ bonds korporattivi miżmuma mill-Eurosistema taħt is-CSPP u l-PEPP biex jiġu riflessi kunsiderazzjonijiet ta’ ġestjoni tar-riskju. |
|
(4) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/17) (2) għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda
L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/440 (BĊE/2020/17) huwa mibdul b’dan li gej:
“Artikolu 7
Self ta’ titoli
Ħlief għal titoli li ma għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu għal titoli mixtrijin taħt il-programm ta’ xiri tas-settur korporattiv, l-Eurosistema għandha tagħmel it-titoli mixtrijin taħt il-PEPP, inklużi riakkwisti, disponibbli għas-self, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-effettività tal-PEPP.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Ottubru 2024.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16) (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 28).
(2) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2819/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)